SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kunċett ta’ ‘l-istess atti’ – Ġabra ta’ fatti konkreti marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin – Attivitajiet frawdolenti mwettqa mill-persuna mfittxija f’żewġ Stati Membri permezz ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti u bi ħsara għal vittmi differenti”

Fil‑Kawża C‑164/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Juan

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Juan, minn M. Díaz Perales, abogada, u R. Rodríguez Nogueira, procurador,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45, tal-Artikolu 49(3) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI ta’ l‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32), u tal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bl-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fi Spanja, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa, Juízo Central Criminal de Lisboa, Juiz 16 (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, is-Sittax‑il Awla tal-Qorti Kriminali Ċentrali ta’ Lisbona, il-Portugall), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq Juan għal frodi aggravata.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑KFS

3

L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

4

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem l-‘awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni’) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2.

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

[…]”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakultattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

[…]”

Id‑dritt Spanjol

6

Skont l-Artikolu 14(2) tal-ley orgánica 7/2014, sobre intercambio de información de antecesipenales y consideración de resoluciones judiciales penales en la Unión Europea (il-Liġi Organika 7/2014, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni tal-fedini penali u dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ kundanna bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), tat‑12 ta’ Novembru 2014 (BOE Nru 275 tat‑13 ta’ Novembru 2014, p. 93204):

“[…] [I]d-deċiżjonijiet finali ta’ kundanna meħuda minn Stati Membri oħra ma għandhomx jaffettwaw id-deċiżjonijiet li ġejjin u ma għandhomx iwasslu għar-revoka jew ir-reviżjoni tagħhom:

(a)

id-deċiżjonijiet finali meħuda preċedentement mill-qrati Spanjoli u d-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tagħhom;

(b)

id-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija fi proċeduri sussegwenti fi Spanja marbuta ma’ reati mwettqa qabel ma l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tkun tat deċiżjoni ta’ kundanna;

(c)

id-digrieti mogħtija jew li għandhom jingħataw skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 988 tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) li jistabbilixxi l-limiti għall-eżekuzzjoni tal-pieni, fosthom dawk imsemmija fil-punt (b).”

7

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 988 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi, essenzjalment, li, meta l-persuna li tinstab ħatja ta’ diversi reati kriminali tkun ġiet ikkundannata fi proċeduri differenti għal fatti li setgħu kienu s-suġġett ta’ proċedura unika, għandhom japplikaw il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 76 tal-Código Penal (il-Kodiċi Kriminali). Skont dan l-artikolu tal-aħħar, it-tul massimu ta’ eżekuzzjoni effettiva tal-kundanna ma jistax jaqbeż it-triplu tal-piena l-iktar gravi, u ma jistax, bħala prinċipju, ikun ta’ iktar minn 20 sena.

Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Il-persuna mfittxija, ċittadin Spanjol, tqiegħdet taħt detenzjoni fi Spanja fejn qiegħda tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ ħdax‑il sena u għaxar xhur. Din il-piena ġiet imposta fuqha minħabba frodi aggravata u ħasil tal-flus, permezz ta’ sentenza tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) tat‑13 ta’ Lulju 2018, li kienet is-suġġett ta’ kassazzjoni parzjali permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tal‑4 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Spanjola”).

9

Fl‑20 ta’ Jannar 2020, il-persuna mfittxija ġiet ikkundannata wkoll, permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa, Juízo Central Criminal de Lisboa, Juiz 16 (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, is-Sittax‑il Awla tal-Qorti Kriminali Ċentrali ta’ Lisbona), għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin u sitt xhur għal frodi aggravata (iktar ’il quddiem is-“sentenza Portugiża”). Għalhekk, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontriha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena u ġie trażmess lill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”).

10

Mill-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni jirriżulta li l-persuna mfittxija kienet, sa mit‑30 ta’ Mejju 2001, President tal-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija stabbilita fil-Portugall (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Portugiża”), kompletament ikkontrollata minn kumpannija stabbilita fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Spanjola”), li l-persuna mfittxija kienet ukoll, sa mid‑29 ta’ Jannar 2001, il-President tal-Bord tad-Diretturi tagħha.

11

L-attività prinċipali li l-kumpannija Portugiża kienet teżerċita fil-Portugall kienet l-istess bħal dik eżerċitata mill-kumpannija Spanjola fi Spanja, jiġifieri l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ investiment li kienu jinkludu l-garanzija li, fi tmiem il-perijodu stabbilit kuntrattwalment, dawn kienu ser jinxtraw mill-ġdid għal valur li jikkorrispondi għall-kapital investit, flimkien ma’ dħul li huwa ogħla minn dak li normalment joffru l-istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, dawn l-attivitajiet kienu fir-realtà jaħbu skema piramidali frawdolenti.

12

Grazzi għas-sottoskrizzjoni kbira ta’ individwi għal dawn il-prodotti ta’ investiment, il-kumpanija Portugiża setgħet tara tkabbir u żvilupp eċċezzjonali. Wara li, fl-aħħar tax-xahar ta’ April 2006, il-kumpannija Spanjola kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli, din il-kumpannija waqfet l-attivitajiet tagħha fit-territorju Spanjol f’Mejju tal-istess sena.

13

Meta, minħabba l-intervent tal-awtoritajiet ġudizzjarji Portugiżi, intemmet ukoll l-attività ta’ ġbir ta’ fondi mill-kumpannija Portugiża, din tal-aħħar waqfet milli tonora l-impenji ta’ xiri mill-ġdid li daħlet għalihom fil-konfront tal-investituri, li kollha kemm huma sofrew telf finanzjarju sinjifikattiv.

14

F’dan il-kuntest, il-Juzgado Central de Instrucción no 1 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 1 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2021, irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, minħabba li l-persuna mfittxija kienet ċittadin Spanjol, iżda ddeċidiet li teżegwixxi fi Spanja l-piena imposta fil-Portugall.

15

Il-persuna mfittxija, li appellat minn dan id-digriet quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali), il-qorti tar-rinviju, issostni li l-fatti li taw lok għas-sentenza Spanjola huma l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza Portugiża u tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Konsegwentement, skont din il-persuna, la l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni u lanqas is-sentenza Portugiża ma jistgħu jiġu eżegwiti.

16

Issa, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li kemm mill-espożizzjoni tal-fatti, kif ukoll mill-motivazzjoni tas-sentenza Spanjola, jirriżulta li din tal-aħħar tikkonċerna essenzjalment il-frodi mwettqa mill-kumpannija Spanjola fi Spanja. Min-naħa l-oħra, is-sentenza Portugiża tirrigwarda, essenzjalment, l-attività eżerċitata mill-kumpannija Portugiża fit-territorju Portugiż biss. Barra minn hekk, il-vittmi, kif imsemmija f’kull waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi, ma humiex identiċi u l-persuni responsabbli għall-fatti huma identiċi biss parzjalment. Għalhekk, u fid-dawl tal-ġurisprudenza Spanjola dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qorti tar-rinviju hija inklinata tqis li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni “idem” ma tidhirx issodisfatta.

17

Fid-dawl ta’ dan, din il-qorti tippreċiża li, anki jekk jitqies li din ma hijiex sitwazzjoni li fiha japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu xorta waħda jitqies li f’dan il-każ jeżisti kumpless ta’ fatti kundannabbli li jista’ jiġi kklassifikat bħala “reat kriminali kontinwat”, fis-sens tad-dritt kriminali Spanjol. Tali reat kriminali kontinwat jinkludi din il-ġabra ta’ fatti, inkluż dawk li twettqu fil-Portugall, u għandha tapplika għalihom piena waħda.

18

Issa, il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-fatti li jikkostitwixxu reat kriminali kontinwat kienu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni f’żewġ proċeduri distinti u wasslu wkoll għal żewġ deċiżjonijiet ta’ qrati differenti fi Stati Membri differenti, la l-liġi Spanjola u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi ddefinit il-limitu tal-piena.

19

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dan il-każ, hija lanqas ma tista’ tapplika l-mekkaniżmu proċedurali Spanjol tal-konkors tal-pieni, kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 988 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni.

20

Fi kwalunkwe każ, din is-sitwazzjoni, apparti li tikser ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-pieni fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati kriminali, kif previst fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, hija ta’ ħsara għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif previst fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif previst fid-Deċiżjoni Qafas 2008/675, u tqiegħed f’perikolu wkoll l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tagħha, billi jkollha effett fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

F’dan il-każ, tinħoloq sitwazzjoni ta’ ‘bis in idem’ fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, għaliex inkwistjoni hemm l-istess fatti, fid-dawl tal-portata li l-ġurisprudenza Ewropea tagħti lil dan il-kunċett, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, hija din il-qorti li għandha twettaq l-imsemmija evalwazzjoni, bi qbil mal-prinċipji espressi f’din id-deċiżjoni, għaliex inkwistjoni hemm delitt uniku kontinwat, fosthom dak tan-neċessità ta’ konsolidazzjoni tal-pieni u stabbiliment ta’ limitu ta’ piena bi qbil mal-kriterji ta’ proporzjonalità?

(2)

Jekk jitqies li ma tinħoloqx sitwazzjoni ta’ ‘bis in idem’, minħabba li l-fatti ma humiex kompletament identiċi, bi qbil mal-kriterji esposti f’din id-deċiżjoni:

(a)

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-limitazzjonijiet tal-effetti tas-sentenzi ta’ Stati oħra tal-Unjoni, previsti espliċitament fl-Artikolu 14(2) tal-[Liġi Organika 7/2014], li tittrasponi l-leġiżlazzjoni Ewropea, huma kompatibbli kemm mad-[Deċiżjoni Qafas 2008/675], kif ukoll mal-Artikoli 45 u 49(3) tal-Karta u mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni?

(b)

Il-fatt li fid-dritt Spanjol ma teżistix proċedura li tippermetti r-rikonoxximent ta’ sentenzi barranin mogħtija minn qrati Ewropej, konsolidazzjoni u adattazzjoni jew limitazzjoni tal-pieni, b’tali mod li tiġi ggarantita l-proporzjonalità ta’ dawn is-sentenzi, meta jkun hemm sitwazzjoni fejn sentenza barranija li għandha tiġi eżegwita fi Spanja tkun tirrigwarda fatti li għandhom relazzjoni ta’ kontinwità jew ta’ konnessjoni delittwali ma’ deċiżjonijiet oħra fi Spanja u li fir-rigward tagħhom teżisti wkoll sentenza ta’ kundanna, imur kontra l-Artikoli 45 u 49(3) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(6) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], u mal-Artikolu 8(1) u (2) tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909], u b’mod ġenerali kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

22

Skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju talbet, flimkien mat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li din tal-aħħar tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti ppreċiżat li l-kawża prinċipali tikkonċerna “proċeduri kriminali li fihom il-persuna kkonċernata hija arrestata f’fakultà korrettiva, fejn hija qiegħda tiskonta piena ta’ żmien determinat mingħajr ċertezza dwar it-tul tal-piena ta’ priġunerija li hija ser finalment ikollha tiskonta, proċedura li taffettwa wkoll is-sistema penitenzjarja tagħha, il-permessi tagħha li toħroġ barra, il-progress tagħha fi gradi penitenzjarji u l-kalkolu taż-żmien għall-finijiet tal-ksib tal-libertà kundizzjonali fl-aħħar fażi tal-iskontar tal-piena tagħha”.

23

Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba, peress li l-kundizzjonijiet ta’ urġenza previsti fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

24

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 28).

25

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2021, il-Juzgado Central de Instrucción no 1 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 1 tal-Qorti Nazzjonali) irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni minħabba li l-persuna mfittxija kienet ċittadin Spanjol, iżda ddeċidiet li teżegwixxi fi Spanja l-piena imposta fil-Portugall. Issa, billi tinvoka, b’mod partikolari, il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-persuna mfittxija tikkontesta dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju u ssostni li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandha tiġi rrifjutata minħabba li hija kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva għall-istess fatti fi Stat Membru.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-Artikolu 50 tal-Karta u lanqas dwar l-Artikolu 54 tal-KFS, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru f’sitwazzjoni fejn ir-reat li għalih il-persuna mfittxija kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u r-reat li bih din il-persuna hija mixlija fl-Istat Membru emittenti, għandhom, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jiġu kklassifikati bħala “reat kriminali kontinwat”.

27

Kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja li abbażi tagħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew meta tiġi informata li l-persuna mfittxija kienet is-suġġett ta’ sentenza finali għall-istess fatti fi Stat Membru, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, din tkun ġiet skontata jew qiegħda tiġi skontata jew tista’ ma tibqax tiġi skontata taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn tingħata l-kundanna.

28

L-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li persuna terġa’ tiġi mixlija jew iġġudikata fi proċeduri kriminali għall-istess fatti, u tirrifletti l-prinċipju ta’ ne bis in idem, sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta, li jipprovdi li ebda persuna ma tista’ tiġi mixlija jew ikkundannata kriminalment darbtejn għall-istess reat (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest– Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Waħda mill-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li għalihom huwa suġġett ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija għalhekk li l-persuna mfittxija kienet is-suġġett ta’ sentenza definittiva “għall-istess fatti”.

30

Dwar il-kunċett tal-“istess fatti”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sa fejn il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kienx jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dan il-kunċett, din id-dispożizzjoni kellha tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludi ġabra ta’ fatti konkreti marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ fatti konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn dawn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin fiż-żmien u fl-ispazju (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex maħsub li japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li l-fatti huma identiċi s-sempliċi fatt li, f’sentenza partikolari, jissemma punt ta’ fatt relatat mat-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Għandu jiġi għalhekk ivverifikat jekk l-qorti li tat din is-sentenza tkunx effettivament tat deċiżjoni dwar dan il-punt ta’ fatt sabiex tikkonstata r-reat, tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuna mixlija b’dan ir-reat u, jekk ikun il-każ, timponilha piena, b’tali mod li l-imsemmi reat ikun jitqies li jinkludi t-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 44).

35

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti, li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, il-fatti li huma s-suġġett tas-sentenza Portugiża humiex identiċi, fis-sens imsemmi fil-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza, għal dawk li ġew deċiżi b’mod definittiv mill-qrati Spanjoli. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-imsemmija qorti punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti (is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuna mfittxija wettqet fil-Portugall l-attività frawdolenti li hija kienet twettaq fi Spanja. Għalkemm dawn huma attivitajiet li jsegwu l-istess modus operandi, dawn madankollu twettqu permezz ta’ persuni ġuridiċi distinti, fejn waħda tirrigwarda l-attività frawdolenti fi Spanja u l-oħra tirrigwarda tali attività fil-Portugall. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li s-sovrapożizzjoni bejn il-fatti mwettqa fil-Portugall u fi Spanja rispettivament issir biss darba kultant, peress li l-attività frawdolenti kompliet fil-Portugall wara li nfetħet proċedura ta’ investigazzjoni u twaqqfet l-attività fi Spanja. Bl-istess mod, il-vittmi huma differenti. Għalhekk, jidher li l-attivitajiet frawdolenti li twettqu fi Spanja u fil-Portugall ma kinux marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-sentenza Spanjola tirrigwarda l-attività frawdolenti mwettqa fi Spanja bi ħsara għal persuni residenti f’dan l-Istat Membru, filwaqt li s-sentenza Portugiża tirrigwarda dik imwettqa fil-Portugall bi ħsara għal persuni residenti f’dan l-Istat Membru tal-aħħar.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-fatti msemmija fis-sentenza Spanjola u dik Portugiża ma humiex identiċi. Il-fatt imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li r-reati mwettqa fi Spanja u dawk imwettqa fil-Portugall kellhom jiġu kklassifikati bħala “reat kriminali kontinwat” skont id-dritt Spanjol, ma jistax jqiegħed f’dubju din il-konklużjoni, sa fejn il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jeħtieġ evalwazzjoni tal-fatti materjali abbażi ta’ elementi oġġettivi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, hija indipendenti mill-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom fid-dritt nazzjonali.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru f’sitwazzjoni fejn il-persuna mfittxija tkun diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru ieħor u li hemmhekk tkun qiegħda tiskonta piena ta’ priġunerija għar-reat ikkonstatat f’dik is-sentenza, kemm-il darba dik il-persuna tkun mħarrka għall-istess fatti fl-Istat Membru emittenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-“istess fatti”, tittieħed inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tar-reati inkwistjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni abbażi tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mhux abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Artikolu 45 u l-Artikolu 49(3) tal-Karta, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-prinċipji ta’ moviment liberu u ta’ proporzjonalità tal-pieni, rispettivament, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll mad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri waqt proċedimenti kriminali ġodda, u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li la tippermetti li tiġi imposta piena waħda abbażi ta’ għadd ta’ fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “reat kriminali kontinwat”, imwettaq kemm fi Spanja kif ukoll fi Stat Membru ieħor, u lanqas li jiġi applikat il-mekkaniżmu nazzjonali ta’ konkors tal-pieni għall-pieni imposti mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u li għandhom jiġu eżegwiti fi Spanja.

40

F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda minħabba li, minn naħa, is-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali huwa li tingħata deċiżjoni fl-appell dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, filwaqt li, fil-każ li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar u ma titteħidx ir-responsabbiltà li l-piena mogħtija fil-Portugall tiġi eżegwita fi Spanja, l-effetti marbuta mar-rikonoxximent tas-sentenza Portugiża jiġu ttrattati, jekk ikun il-każ, fi proċedura ġdida. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mitluba hija prematura peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Spanjola għadha ma tat ebda deċiżjoni definittiva dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza Portugiża fi Spanja. Madankollu, huwa biss ladarba tittieħed din id-deċiżjoni li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-pieni imposti fi Spanja u fil-Portugall, rispettivament, għandhomx eventwalment ikunu s-suġġett għal kwalunkwe adattament.

41

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma msejħa jiddeċiedu. B’hekk, il-ġustifikazzjoni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li jagħmel possibbli li jiġu fformulati opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda il-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punt 4748, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar domanda preliminari meta jkun jidher ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations,C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, intbagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju li permezz tagħha din tal-aħħar ġiet mistiedna tippreċiża, minn naħa, ir-rabta bejn it-tieni domanda u l-proċedura li hija adita biha u, min-naħa l-oħra, ir-raġuni għal xiex risposta għal din id-domanda hija neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

44

Bi tweġiba għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju indikat li l-konsegwenzi li l-kundanna tal-persuna mfittxija fi Spanja jista’ jkollha fuq l-eżekuzzjoni, fi Spanja, tas-sentenza Portugiża ma humiex ser jiġu ttrattati fil-kuntest tal-proċedura li hija adita biha u li, ladarba d-deċiżjoni li ma ssirx konsenja tkun waħda definittiva, tinbeda proċedura ġudizzjarja oħra għall-eżekuzzjoni fi Spanja tal-piena mogħtija mis-sentenza Portugiża.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kwistjoni dwar liema konsegwenzi għandhom jinsiltu mill-kundanna tal-persuna mfittxija fi Spanja għall-eżekuzzjoni, fi Spanja, tas-sentenza Portugiża tqum biss meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ din is-sentenza tal-aħħar, b’tali mod li din il-kwistjoni għadha ma qamitx fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-eżekuzzjoni jew ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

46

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li risposta għat-tieni domanda ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha u li, għaldaqstant, din id-domanda hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru f’sitwazzjoni fejn il-persuna mfittxija tkun diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru ieħor u li hemmhekk tkun qiegħda tiskonta piena ta’ priġunerija għar-reat ikkonstatat f’dik is-sentenza, kemm-il darba dik il-persuna tkun imħarrka għall-istess fatti fl-Istat Membru emittenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-“istess fatti”, tittieħed inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tar-reati inkwistjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.