SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
11 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 1071/2009 – Artikoli 6 u 22 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-trasferiment tar-responsabbiltà kriminali għar-reati serji li jikkonċernaw il-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sanzjonijiet imposti għal dan il-ksur fl-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-impriża ta’ trasport bit-triq”
Fil-Kawża C‑155/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
RE
vs
Bezirkshauptmannschaft Lilienfeld,
fil-preżenza ta’:
Arbeitsinspektorat NÖ Wald- und Mostviertel,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal RE, minn A. Bajraktarevic u D. Schärmer, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Leeb, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u G. Wilms, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1071/2009”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RE u l-Bezirkshauptmannschaft Lilienfeld (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Lilienfeld, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva”) dwar diversi sanzjonijiet imposti fuq RE mill-awtorità amministrattiva għal ksur ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar b’mod partikolari l-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1071/2009 jistabbilixxu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jirregola d-dħul għal, u l-eżerċizzju, tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq.” |
|
5 |
Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi “maniġer [amministratur] tat-trasport” bħala “persuna fiżika impjegata minn impriża jew, fil-każ li din l-impriża tkun persuna fiżika, din l-istess persuna jew, fejn applikabbli, persuna fiżika oħra maħtura minn dik l-impriża permezz ta’ kuntratt, u li tmexxi b’mod effettiv u kontinwu l-attivitajiet ta’ trasport ta’ din l-impriża”. |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li l-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq għandhom ikunu “ta’ reputazzjoni tajba”. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1071/2009, intitolat “Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba”: “1. Soġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet li impriża u maniġer ta’ trasport għandhom jissodisfaw sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba previst fl-Artikolu 3(1)(b). Fid-determinazzjoni dwar jekk impriża tissodisfax jew le dak ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kondotta tal-impriża, il-maniġers tat-trasport tagħha u kwalunkwe persuna kkonċernata li tista’ tiġi ddeterminata minn Stat Membru. Kull riferenza f’dan l-Artikolu għal kundanni, pieni jew ksur għandha tinkludi kundanni, pieni jew ksur tal-impriża nfisha, tal-maniġers tat-trasport tagħha u ta’ kull persuna rilevanti oħra kif jista’ jkun determinat mill-Istat Membru. Il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sub-paragrafu għandhom jinkludu tal-anqas: […]
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1:
[…]” |
|
8 |
L‑Artikolu 12(1) ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Il-kontrolli” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk l-impriżi li huma awtorizzaw biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ikomplux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3. […]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament: “Jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-impriża m’għadhiex tissodisfa wieħed jew aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, hija għandha tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-impriża għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.” |
|
10 |
L-Artikolu 22 tal-istess regolament jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni [Ewropea] sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2011 u jinnotifikaw mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri kollha jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni għaċ-ċittadinanza jew għall-post ta’ stabbiliment tal-impriża. 2. Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari, sospensjoni provviżorja jew parzjali tal-awtorizzazzjoni għad-dħul għall-impjieg ta’ operatur tat-trasport bit-triq, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u d-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza tal-maniġers tat-trasport.” |
|
11 |
L-Anness IV tar-Regolament Nru 1071/2009 jinkludi l-lista “tal-ksur l-aktar serju għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(a)” tal-istess regolament. |
Id‑dritt Awstrijak
|
12 |
Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-Verwaltungsstrafgesetz (il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi), tal‑31 ta’ Jannar 1991 (BGB1. 52/1991), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VStG”), il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentaw kumpannija fil-konfront ta’ terzi jistgħu jinnominaw, bħala aġenti responsabbli, persuna waħda jew iktar li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ persuni awtorizzati jirrappreżentawha fil-konfront ta’ terzi, li huma responsabbli għall-osservanza tar-regoli amministrattivi dwar ċerti oqsma tal-impriża, territorjalment jew materjalment delimitati. |
|
13 |
Skont l-Artikolu 91(2) tal-Gewerbeordnung (il-Kodiċi tal-Professjonijiet Artiġjanali, Kummerċjali u Industrijali), tat‑18 ta’ Marzu 1994 (BGB1. 194/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali tista’ tiġi rtirata minn persuna ġuridika li teżerċita attività industrijali jew artiġjanali biss jekk ir-raġunijiet għall-irtirar ikunu relatati ma’ persuna fiżika li teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq it-tmexxija tan-negozju u jekk l-entità li teżerċita l-attività professjonali ma tkunx eskludiet lil din il-persuna fiżika fit-terminu li tkun stabbilit għaliha l-amministrazzjoni għal dan l-għan. |
|
14 |
Skont l-Artikolu 5(2) tal-Güterbeförderungsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq ta’ Merkanzija), tal‑31 ta’ Awwissu 1995 (BGB1. 593/1995), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, minbarra l-każijiet irregolati mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, ir-reputazzjoni tajba tal-impriża ta’ trasport ma hijiex stabbilita b’mod partikolari meta l-applikant, id-detentur tal-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita attività professjonali jew l-amministratur tat-trasport ikun ġie kkundannat b’mod definittiv għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn tliet xhur jew għal multa ta’ iktar minn 180 jum jew ikun wettaq ksur serju tal-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ fl-oqsma tal-kundizzjonijiet salarjali u tax-xogħol tas-settur professjonali kkonċernat jew tat-trasport tal-merkanzija, b’mod partikolari tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ tax-xufiera. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
15 |
RE ġie nnominat minn H.Z. GmbH, impriża ta’ trasport bit-triq li teżerċita l-attività tagħha fil-qasam tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija, bħala aġent responsabbli, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG. F’din il-kwalità, RE assuma r-responsabbiltà għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Arbeitszeitgesetz (il-Liġi dwar il-Ħin tax-Xogħol, iktar ’il quddiem l-“AZG”). |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-awtorità amministrattiva imponiet fuq RE, fil-kwalità tiegħu ta’ aġent responsabbli ta’ H.Z., diversi multi, minħabba li dispożizzjonijiet tal-AZG, moqrija flimkien ma’, minn naħa, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 60, p. 1) u, min-naħa l-oħra, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 kienu ġew miksura. |
|
17 |
B’mod partikolari, RE allegatament ma kienx ippjana l-ħin ta’ xogħol ta’ S.R., wieħed mix-xufiera impjegati minn H.Z., b’mod li jippermettilu josserva s-sigħat ta’ sewqan ta’ kuljum stabbiliti mir-Regolament Nru 561/2006 kif emendat bir-Regolament Nru 165/2014. RE allegatament lanqas ma żgura li S.R. josserva l-obbligi dwar l-użu tat-takografu previsti mir-Regolament Nru 165/2014, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerta informazzjoni fuq il-kard tax-xufier permezz tal-funzjoni ta’ reġistrazzjoni manwali, fejn dan l-aħħar ksur jikkostitwixxi ksur serju ħafna fid-dawl tal-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35). |
|
18 |
Fid-data tal-fatti inkriminati, H.Z. kien detentur ta’ liċenzja ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija. L-amministratur tagħha, fis-sens tad-dritt kummerċjali, kien huwa ukoll, fl-istess ħin, l-amministratur tat-trasport. Min-naħa tiegħu, RE la kien amministratur tat-trasport u lanqas mandatarju awtorizzat li jirrappreżenta lil H.Z. fil-konfront ta’ terzi. RE lanqas ma kellu influwenza sinjifikattiva fuq il-ġestjoni ta’ H.Z. |
|
19 |
Barra minn hekk, fid-data tal-ftuħ tal-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rekord kriminali ta’ RE kien jinkludi 113 kundanna definittiva, li mill-inqas 65 minnhom kienu jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq fi ħdan H.Z., fil-kwalità tiegħu ta’ impriża ta’ trasport bit-triq. Ir-reputazzjoni tajba ta’ din il-kumpannija, bħala impriża tat-trasport bit-triq, jidher li qatt ma ġiet eżaminata fid-dawl ta’ dan il-ksur. |
|
20 |
Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2020, il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich, l-Awstrija), annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG mar-Regolament Nru 1071/2009. Din il-qorti qieset li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni quddiemha ma setgħux iservu bħala bażi legali għas-sanzjonijiet imposti fuq RE, peress li l-proċedura amministrattiva li fi tmiemha dawn is-sanzjonijiet ġew adottati ma kinitx tippermetti li wieħed jasal għal stħarriġ tar-reputazzjoni tajba ta’ H.Z. u, għaldaqstant, għal eventwali sanzjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fehma tagħha, fil-każ ta’ kundanna ta’ RE għal sanzjoni, ebda persuna oħra ma tista’ tiġi ssanzjonata għall-istess fatti. |
|
21 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju, qabelxejn, irrilevat li, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li s-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, fosthom l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq fil-każ ta’ telf ta’ reputazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-eżistenza ta’ sanzjoni għal ksur serju tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jippermettu li jinstab li hemm telf ta’ reputazzjoni tajba. Minn dan isegwi li l-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali inkwistjoni tikkostitwixxi “miżura”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
22 |
Sussegwentement, l-imsemmija qorti indikat li aġent responsabbli, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, ma huwiex “persuna kkonċernata li tista’ tiġi ddeterminata minn Stat Membru”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti għall-finijiet ta’ tali nomina, jiġifieri l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq ta’ Merkanzija, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, u l-Artikolu 91(2) tal-Kodiċi tal-Professjonijiet Artiġjanali, Kummerċjali u Industrijali, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jirrigwardaw biss, rispettivament, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività professjonali u l-persuni li jeżerċitaw influwenza sinjifikattiva fuq it-tmexxija tan-negozju, jiġifieri, fir-rigward ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, bħal H.Z., amministratur fis-sens tad-dritt kummerċjali jew soċju maġġoritarju tal-kumpannija. B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, is-sanzjonijiet imposti fuq l-aġenti responsabbli, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, minħabba ksur serju ħafna tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera, bħal dak akkużat bih RE, ma jistgħux jivvizzjaw ir-reputazzjoni tajba tal-impriża tat-trasport bit-triq ikkonċernata u, konsegwentement, tali sanzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ din l-impriża u lanqas ma jagħtu lok għal kontroll ta’ tali reputazzjoni tajba. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju qieset li r-riżultat li kienet twassal għalih l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali kien kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 u ma kienx jippermetti li jiġi żgurat, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, l-effett dissważiv tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontroll tar-reputazzjoni tajba tal-impriża ta’ trasport li huma marbuta mal-proċeduri kriminali. |
|
24 |
Din il-qorti essenzjalment qieset li, fil-kawża pendenti quddiemha, l-unika possibbiltà li tiġi ggarantita l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali kienet tikkonsisti f’li ma tiġix imposta fuq RE sanzjoni li ma kinitx tippermetti li jintlaħaq dan l-għan u li, minħabba f’hekk, ma jiġix applikat l-Artikolu 9(2) tal-VStG. |
|
25 |
Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2021, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) annullat is-sentenza tal-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich), peress li qieset li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex tistħarreġ jekk is-sanzjoni kinitx ġiet imposta fuq RE b’tali mod li kienet tagħti lok għal stħarriġ vinkolanti tar-reputazzjoni tajba skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
26 |
Qabel kollox, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li, fir-rigward tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera, huwa biss l-amministratur, fis-sens tad-dritt kummerċjali, u mhux l-aġent responsabbli maħtur skont l-Artikolu 9(2) tal-VStG, li jista’ jiġi ddikjarat li għandu responsabbiltà kriminali ma tirriżultax mir-Regolament Nru 1071/2009. Skont il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), fir-rigward ta’ dan il-ksur, kien hemm lok li wieħed jitlaq mill-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna li timpjega jew tal-aġent responsabbli. |
|
27 |
Sussegwentement, din il-qorti ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich), li tgħid li l-fatt li tiġi ssanzjonata biss l-persuna inkarigata ma kienx jippermetti li l-impriża ta’ trasport bit-triq ikkonċernata tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, bħala sanzjoni effettiva, fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, kienet irrilevanti għall-finijiet tal-proċedura inkwistjoni, peress li din ma kinitx tirrigwarda tali rtirar. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) żiedet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 mhux biss ma kienx jeskludi iżda għall-kuntrarju kien jidher li jissuġġerixxi li, fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ rtirar, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-sanzjonijiet deċiżi kontra aġenti responsabbli, bħala “persuni kkonċernati li jistgħu jiġu ddeterminati minn Stat Membru”, f’dan il-każ, mill-Artikolu 9 tal-VStG. |
|
29 |
Mitluba tiddeċiedi dwar il-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali inkwistjoni, wara l-annullament tas-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2020 mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-qorti tar-rinviju, li l-kawża ġiet mibgħuta lilha, dejjem tesprimi l-istess dubji espressi f’din is-sentenza dwar il-kompatibbiltà tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG mar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompatibbli ma’ dispożizzjoni nazzjonali, li tippermetti lill-persuni li għandhom responsabbiltà kriminali għal impriża ta’ trasport jittrasferixxu lil persuna fiżika, permezz ta’ ftehim reċiproku, ir-responsabbiltà tagħhom għal ksur serju ħafna tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-perijodu ta’ mistrieħ għax-xufiera meta, minħabba dan it-trasferiment, ma ssirx verifika tar-reputazzjoni tajba fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE, verifika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevedu unikament meta sanzjoni tiġi imposta fuq il-persuni li għandhom responsabbiltà kriminali li jittrasferixxuha?” |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
31 |
Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
32 |
Qabel kollox, dawn il-partijiet ikkonċernati kollha jsostnu li l-proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali fil-kawża prinċipali ma hijiex proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, peress li għandha bħala għan mhux l-istħarriġ tar-reputazzjoni tajba ta’ H.Z., iżda l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq RE għal ksur tal-AZG. L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1071/2009 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha għalhekk ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tirrigwarda problema ta’ natura ipotetika. |
|
33 |
Skont RE, in-natura ipotetika tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirriżulta wkoll mill-fatt li l-ksur allegat fil-konfront tagħha ma jaqax taħt il-lista ta’ ksur l-iktar gravi għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, imsemmija fl-Anness IV ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li l-kundizzjoni li għaliha huwa suġġett il-ftuħ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-proċedura li tippermetti li jiġi mistħarreġ jekk it-telf ta’ reputazzjoni tajba jikkostitwixxix miżura sproporzjonata, prevista f’din id-dispożizzjoni, hija, fi kwalunkwe każ, evidentement mhux issodisfatta. |
|
34 |
Sussegwentement, il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-aġenti responsabbli, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, ma jagħmlux parti mill-kategoriji ta’ persuni li l-imġiba tagħhom tista’ tivvizzja r-reputazzjoni tajba tal-impriża. Din l-interpretazzjoni, li hija bbażata fuqha d-domanda preliminari, tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), li minnha jirriżulta li tali aġenti responsabbli huma “persuni kkonċernati li jistgħu jiġu ddeterminati minn Stat Membru”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, u hija, għaldaqstant, żbaljata. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka n-natura ambigwa tat-talba għal deċiżjoni preliminari u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ tali talba stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
36 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-proċeduri fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2003, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fil-fatt, tali domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Rikors għal ħlas ta’ onorarji ta’ avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Issa, l-ewwel, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju esponiet b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw it-tilwima fil-kawża prinċipali, imfakkra fil-punti 15 sa 29 ta’ din is-sentenza, u li fuqhom hija bbażata d-domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1071/2009, b’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, li hija applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
39 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
40 |
It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar in-natura ipotetika tad-domanda preliminari u l-assenza ta’ relazzjoni bejn l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 22 tar-Regolament Nru 1071/2009 mitluba mill-qorti tar-rinviju u r-realtà jew is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jiġi ssanzjonat b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv. |
|
41 |
Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ dan, l-aċċess ta’ impriża għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u l-eżerċizzju minnha ta’ din il-professjoni huma suġġetti għall-issodisfar ta’ diversi rekwiżiti, fosthom dik tar-reputazzjoni tajba tal-impriża. Minn dan isegwi li l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni minn impriża li ma tissodisfax dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi ksur tar-Regolament Nru 1071/2009, li għandu jiġi ssanzjonat mill-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. |
|
42 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, fost l-elementi li jistgħu jivvizzjaw ir-reputazzjoni tajba ta’ impriża, u jistgħu jwasslu, jekk ikun il-każ, għat-telf ta’ tali reputazzjoni tajba, hemm il-kundanni kriminali serji u s-sanzjonijiet imposti minħabba ksur serju tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
43 |
Konsegwentement, sabiex jiġi żgurat li l-kontestazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ impriża ta’ trasport li tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza minnha ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tiġi ssanzjonata b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv, u b’hekk jiġu osservati l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiggarantixxu li l-ksur serju tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, imwettaq fi ħdan l-imsemmija impriża, jiġi mħarrek u ssanzjonat, billi jadottaw għal dan l-għan id-dispożizzjonijiet neċessarji, bħal, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw ir-responsabbiltà kriminali minħabba l-imsemmi ksur. |
|
44 |
Issa, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, applikabbli għall-kawża prinċipali, tagħmel parti minn tali dispożizzjonijiet, sa fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minn naħa, dan l-artikolu jawtorizza lil impriża ta’ trasport bit-triq tinnomina persuna bħala l-persuna inkarigata mill-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera impjegati minn din l-impriża u, min-naħa l-oħra, tali nomina twassal għat-trasferiment lill-aġent hekk innominat tar-responsabbiltà kriminali għall-ksur ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet imwettqa fi ħdan l-imsemmija kumpannija. |
|
45 |
Fit-tieni lok, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fil-kuntest tiegħu, skont din il-qorti, din għandha, konformement mad-dritt nazzjonali, tistħarreġ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, billi tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar in-natura punibbli tal-aġir li hija akkużata bih ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi b’mod partikolari mill-konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, mill-applikazzjoni magħmula f’dan il-każ tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG. Fil-fatt, billi tiġi applikata din l-aħħar dispożizzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tista’ tinżamm responsabbli kriminalment għall-ksur inkwistjoni, filwaqt li d-dritt nazzjonali jeskludi li l-aġir ta’ din il-persuna jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kumpannija inkwistjoni tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
|
46 |
Għaldaqstant, il-fatt li tiġi applikata f’dan il-każ l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG u li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha responsabbiltà kriminali jirriskja li jkollu effett fuq il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur ikkonċernat għall-finijiet tal-verifika tar-reputazzjoni tajba tal-imsemmija kumpannija, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1071/2009, u tal-għoti ta’ sanzjonijiet eventwali relatati mal-assenza ta’ reputazzjoni tajba, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt, invokat minn RE, li l-fatti li huwa akkużat bihom fil-proċedura fil-kawża prinċipali ma jinsabux fil-lista ta’ ksur elenkata fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1071/2009, peress li, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 46 ta’ din is-sentenza, ir-rabta li teżisti bejn l-Artikoli 22 u 6 tar-Regolament Nru 1071/2009 u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, applikabbli għall-kawża prinċipali, ma tiddependix mill-fatt li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt l-imsemmija lista. |
|
49 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, meta tagħti risposti għal domandi preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu dawn id-domandi, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom li l-qorti nazzjonali tagħti hijiex korretta (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, tal-ksur li għalih jinżammu responsabbli l-aġenti responsabbli skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-VStG, li fuqha hija bbażata d-domanda magħmula minn din il-qorti. |
|
51 |
L-allegazzjoni tal-Gvern Awstrijak dwar in-natura żbaljata ta’ tali interpretazzjoni hija, għaldaqstant, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. |
|
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
53 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li jkollha responsabbiltà kriminali għall-ksur imwettaq fi ħdan impriża ta’ trasport bit-triq u li s-sewqan tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ din l-impriża tista’ tinnomina persuna bħala aġent responsabbli għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera, u b’hekk tittrasferixxi lil din l-aħħar persuna r-responsabbiltà kriminali għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta d-dritt nazzjonali ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur hekk imputat lill-imsemmi aġent sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża ta’ trasport tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
|
54 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1071/2009, dan tal-aħħar għandu l-għan li jimmodernizza r-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq sabiex tiġi żgurata applikazzjoni iktar omoġenja u effettiva ta’ dawn ir-regoli fl-Istati Membri, bl-għan li jintlaħaq livell ogħla ta’ kwalifika professjonali għat-trasportaturi bit-triq, li jiġi rrazzjonalizzat is-suq, tiżdied il-kwalità tas-servizz, fl-interess tat-trasportaturi bit-triq, tal-klijenti tagħhom u tal-ekonomija kollha kemm hi, kif ukoll li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq. |
|
55 |
Fost ir-rekwiżiti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1071/2009 hemm dik tar-reputazzjoni tajba, li l-kundizzjonijiet tagħha huma ppreċiżati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li l-impriżi għandhom jissodisfaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet minimi li dan ir-rekwiżit għandu jinkludi, fosthom, fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ kundanni kriminali serji jew ta’ sanzjonijiet imposti fuq l-impriża jew l-amministratur tat-trasport minħabba ksur serju tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati f’dan il-punt, bħal dawk li jikkonċernaw il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impriża, tal-amministraturi tagħha tat-trasport u ta’ kull persuna oħra kkonċernata ddeterminata mill-imsemmija Stati Membri. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li kull riferiment, f’dan l-Artikolu 6 għal kundanni, pieni jew ksur tinkludi l-kundanni mogħtija fil-konfront tal-impriża stess, l-amministratur tat-trasport u ta’ kull persuna oħra kkonċernata li tista’ tiġi nnominata mill-Istat Membru, kif ukoll is-sanzjonijiet imposti fuqhom u l-ksur li wettqu. |
|
58 |
Minn dan isegwi li l-osservanza minn impriża ta’ trasport bit-triq, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha ta’ trasport, tal-leġiżlazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 hija waħda mill-kundizzjonijiet li hija għandha tissodisfa sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
|
59 |
Dan ir-rekwiżit huwa intiż għalhekk li jevita li impriżi tat-trasport bit-triq negliġenti f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-regoli ta’ sigurtà fit-triq u r-regoli soċjali joperaw fis-suq intern billi jikkompromettu minħabba dan il-fatt l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1071/2009, kif stabbilit fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. |
|
60 |
Ir-reputazzjoni ta’ impriża tat-trasport bit-triq tiddependi, barra minn hekk, mill-assenza ta’ kundanni kriminali serji jew ta’ sanzjonijiet li jkunu ġew imposti fuq l-amministraturi tat-trasport tagħha minħabba li tkun kisret serjament il-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
61 |
Din il-kundizzjoni tissodisfa kemm l-għan imfittex mir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba kif ukoll l-għan imfittex minn dan ir-regolament, sa fejn hija intiża b’mod partikolari sabiex tipprekludi li l-ġestjoni tal-attività ta’ dawn l-impriżi, b’mod partikolari tal-oqsma ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt l-imsemmija leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, taqa’ fuq persuni li kienu s-suġġett ta’ tali kundanni kriminali serji jew ta’ tali sanzjonijiet, sabiex jitnaqqas ir-riskju li impriżi tat-trasport negliġenti fis-sens indikat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza jeżerċitaw din il-professjoni. |
|
62 |
Fl-aħħar nett, ir-reputazzjoni tajba ta’ impriża ta’ trasport bit-triq tiddependi wkoll mill-assenza ta’ kundanni kriminali serji jew ta’ sanzjonijiet imposti fuq kull persuna oħra kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw talli kisru serjament il-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
63 |
Il-kunċett ta’ “persuni kkonċernati” li jistgħu jiġu ddeterminati minn Stat Membru, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, la huwa ddefinit f’dan ir-regolament u lanqas, b’mod indirett, b’riferiment għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-imsemmi kunċett għandu jiġi kunsidrat bħala li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li tifforma parti minnu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, EUROAPTIEKA, C‑530/20, EU:C:2022:1014, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess u mill-istruttura tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 jirriżulta li l-“persuni kkonċernati”, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jagħmlu parti mill-kategoriji ta’ persuni li l-aġir tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk impriża tat-trasport tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba previst fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, il-kundanni kriminali serji mogħtija fil-konfront tagħhom u s-sanzjonijiet imposti fuqhom għall-ksur serju tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jistgħu jivvizzjaw ir-reputazzjoni tajba tal-imsemmija impriża, bħall-kundanni kriminali serji mogħtija fil-konfront tal-impriża stess jew tal-amministraturi tat-trasport tagħha u s-sanzjonijiet li ġew imposti fuqhom għal dan il-ksur. |
|
65 |
Issa, fid-dawl tal-għan imfittex mir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba, kif stabbilit fil-punti 59 u 61 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuna kkonċernata”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, il-persuni li ma humiex l-amministraturi tat-trasport li jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-oqsma ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament u li għandhom, konsegwentement, jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet fl-eżerċizzju ta’ dawn l-oqsma ta’ attivitajiet u jistabbilixxu r-responsabbiltà kriminali tagħhom fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet. |
|
66 |
Għaldaqstant, meta Stat Membru jagħti, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 9(2) tal-VStG, lill-impriżi tat-trasport bit-triq, il-possibbiltà li jinnominaw persuni oħra minbarra l-amministraturi tat-trasport bħala aġenti responsabbli għall-ġestjoni tal-oqsma ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li, b’hekk, dan l-Istat Membru ddetermina tali kategorija ta’ aġenti bħala “persuni kkonċernati” għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, li l-aġir tiegħu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-imsemmija impriżi. |
|
67 |
Fit-tieni lok, kif ġie rrilevat fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1071/2009 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jissanzjonaw, b’mod effettiv, dissważiv u proporzjonat, l-impriżi ta’ trasport bit-triq li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
|
68 |
Kif jirriżulta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 22, fost dawn is-sanzjonijiet hemm b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, l-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni, u d-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza tal-amministraturi tat-trasport. |
|
69 |
Peress li r-reputazzjoni tajba tal-impriżi ta’ trasport tiddependi b’mod partikolari mill-assenza ta’ kundanni kriminali jew ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ osservanza, waqt l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ trasport tagħhom, tal-leġiżlazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li r-responsabbiltà kriminali għall-ksur serju ta’ dawn ir-regolamenti, imwettaq fi ħdan tali impriża, tiġi ddeterminata b’tali mod li ma tipprekludix li jiġi ssanzjonat b’mod effettiv, dissważiv u proporzjonat it-telf tar-reputazzjoni tajba li jista’ jirriżulta mit-twettiq tal-imsemmi ksur. |
|
70 |
Issa, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lil impriża ta’ trasport bit-triq tinnomina persuna bħala aġent responsabbli għall-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, imsemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, li din in-nomina tinvolvi t-trasferiment lil din il-persuna tar-responsabbiltà kriminali għall-ksur ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ trasport bit-triq ta’ din l-impriża, u li d-dritt nazzjonali jipprekludi li l-kondotta tal-persuna hekk innominata tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija impriża tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba previst fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1071/2009. |
|
71 |
Konsegwentement, il-ksur serju tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet imwettaq fi ħdan l-imsemmija impriża wara tali nomina, ma jistax jivvizzja r-reputazzjoni tajba tal-impriża kkonċernata. |
|
72 |
Fil-fatt, minkejja li l-persuna nnominata b’dan il-mod tassumi r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-oqsma ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt l-istess leġiżlazzjoni u għalhekk taqa’ taħt il-kategorija ta’ “persuni kkonċernati li jistgħu jiġu ddeterminati minn Stat Membru”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, il-kundanni serji imposti u s-sanzjonijiet imposti minħabba dan il-ksur qatt ma jagħtu lok għal proċedura ta’ kontroll tar-reputazzjoni tajba tal-impriża kkonċernata, skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, u lanqas ma ser jittieħdu inkunsiderazzjoni matul il-kontrolli li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jwettqu, konformement mal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, sabiex jivverifikaw li l-impriżi awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ikomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 tal-istess regolament. |
|
73 |
Għalhekk, it-twettiq ta’ tali ksur, indipendentement min-numru u l-gravità tiegħu, qatt ma jwassal għat-telf ta’ tali reputazzjoni tajba u lanqas, konsegwentement, għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. |
|
74 |
Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tostakola, bi ksur tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, it-tqegħid inkwistjoni tar-reputazzjoni tajba tal-impriżi ta’ trasport bit-triq u l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet fil-konfront tagħhom minkejja li persuni li għandhom jitqiesu, fir-rigward ta’ dawn l-impriżi, bħala “persuni kkonċernati”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, wettqu ksur serju tal-leġiżlazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1071/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li jkollha responsabbiltà kriminali għall-ksur imwettaq fi ħdan impriża ta’ trasport bit-triq u li l-aġir tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ din l-impriża tista’ tinnomina persuna bħala aġent responsabbli għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera, u b’hekk tittrasferixxi lil din il-persuna r-responsabbiltà kriminali għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta d-dritt nazzjonali ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur li huwa akkużat bih l-imsemmi aġent sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija impriża tat-trasport tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
Fuq l‑ispejjeż
|
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif emendat, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li jkollha responsabbiltà kriminali għall-ksur imwettaq fi ħdan impriża ta’ trasport bit-triq u li l-aġir tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ din l-impriża tista’ tinnomina persuna bħala aġent responsabbli għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tax-xufiera, u b’hekk tittrasferixxi lil din il-persuna r-responsabbiltà kriminali għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta d-dritt nazzjonali ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur li huwa akkużat bih l-imsemmi aġent sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija impriża tat-trasport tissodisfax ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.