SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kundizzjonijiet sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 10(1)(e) u (2) – Raġunijiet għall-persekuzzjoni – ‘Opinjonijiet politiċi’ – Kunċett – Opinjonijiet politiċi żviluppati fl-Istat Membru ospitanti – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-biża’ ta’ persekuzzjoni fondata minħabba dawn l-opinjonijiet politiċi”

Fil-Kawża C‑151/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2022, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

S,

A

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

fil-preżenza ta’:

Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S, minn M. M. J. van Zantvoort, advocate,

għall-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), minn C. J. Ullersma, advocate,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel, S u, it-tieni, A u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtihom l-istatus ta’ refuġjat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jipprevedi, li t-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt tal‑Unjoni

4

Il-premessi 4, 12, u 16 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:

“(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951]u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)

‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[…]

(h)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

(i)

‘applikant’ ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali;

[…]”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu:

“3.   L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni […];;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni […];

d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

[…]

4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni […], huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni […], sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni[…] ma [t]iġix ripetut[a].

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

b)

l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)

id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

[…]

(e)

il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

7

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:

(a)

l-Istat;

(b)

partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat;

[…]”

8

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex att ikun jista’ jitqies bħala “att ta’ persekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1 (A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Għal dan il-għan, huwa jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ forom li jistgħu jieħdu l-atti ta’ persekuzzjoni u jeħtieġ li tkun tista’ tiġi stabbilita konnessjoni bejn dawn l-atti u r-raġunijiet għall-persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tagħha.

9

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

(b)

il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;

[…]

(d)

grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; u

[…]

(e)

il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

2.   Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

Id‑dritt Olandiż

11

Il-Kapitolu C2 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin), tat‑2 ta’ Marzu 2001 (Stcrt. 2001, Nru 64), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 3.2 tiegħu:

“[…]

Opinjonijiet politiċi

Il-fatt li ċ-ċittadin barrani ma jistax jesprimi l-opinjonijiet politiċi tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu bl-istess mod bħal fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex biżżejjed sabiex jinħareġ permess ta’ residenza temporanju abbażi tal-ażil liċ-ċittadin barrani […]

Fi kwalunkwe każ, fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil, l-[Immigratie- en Naturalisatiedienst (IND) (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni)] jieħu inkunsiderazzjoni wkoll:

a.

jekk tkun kwistjoni ta’ opinjonijiet politiċi ewlenin. L-IND jevalwa jekk, għaċ-ċittadin barrani, dawn l-opinjonijiet politiċi humiex partikolarment importanti biex tinżamm l-identità jew il-kuxjenza tiegħu;

b.

il-mod li bih huwa esprima l-opinjonijiet politiċi tiegħu, kemm jekk dawn l-attivitajiet seħħew fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew xi mkien ieħor, u l-mod kif, wara r-ritorn tiegħu, huwa għandu l-intenzjoni li (ikompli) jurihom;

c.

ikun preċedentement sab problemi min-naħa tal-awtoritajiet jew le minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu;

d.

jekk il-mod kif ikun esprima l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew kif jixtieq jurihom fil-każ ta’ ritorn iwassal għal atti ta’ persekuzzjoni kif previsti fl-Artikolu 3.36 tal-Voorschrift Vreemdelingen 2000 [(ir-Regolament tal-2000 dwar il-Barranin), tat‑18 ta’ Diċembru 2000 (Stcrt. 2001, Nru 10)]; u

e.

filwaqt li huwa plawżibbli li l-manifestazzjonijiet preċedenti tal-opinjonijiet politiċi tiegħu waslu għand l-awtoritajiet.

Fil-każ ta’ opinjonijiet politiċi essenzjali, l-IND ma jirrikjedix li jiġi aċċettat jekk l-attivitajiet (li ċ-ċittadin barrani jipproponi) huma marbuta ma’ dawn l-opinjonijiet politiċi essenzjali. Jekk dawn ma humiex opinjonijiet politiċi essenzjali, l-IND teħtieġ trażżin.

L-IND jivvaluta jekk il-miżuri u s-sanzjonijiet li għandhom jittieħdu kontra ċ-ċittadin barrani f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini minħabba dawn il-manifestazzjonijiet jew atti li jikkostitwixxu korollarju ta’ opinjonijiet politiċi essenzjali humiex serji biżżejjed biex ikun hemm suspett ta’ persekuzzjoni.

Anki meta ma tkunx opinjonijiet politiċi essenzjali, l-IND għandu jevalwa jekk l-attivitajiet politiċi taċ-ċittadin barrani jew il-manifestazzjonijiet tiegħu ta’ opinjonijiet politiċi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew xi mkien ieħor, waslux għall-attenzjoni tal-awtoritajiet u jekk, minħabba dan il-fatt, jiġġustifikawx b’mod suffiċjenti li tiġi ammessa biża’ fondata ta’ persekuzzjonijiet fil-każ ta’ ritorn minħabba opinjonijiet politiċi attribwiti lilu.

[…]”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

L‑ewwel kawża prinċipali

12

S, ċittadina Sudaniża, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi fil‑21 ta’ Jannar 2012. Fir-raba’ applikazzjoni tagħha għall-ażil ippreżentata lis-Segretarju tal-Istat, hija esponiet li, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, hija tiġi ppersegwitata mill-awtoritajiet Sudaniżi minħabba attivitajiet politiċi mwettqa fil-Pajjiżi l-Baxxi favur, minn naħa, il-Partit Oumma, li kien jappartjeni għall-alleanza “forzi tal-libertà u tal-bidla” u kkoordinat ir-rivoluzzjoni Sudaniża li seħħet matul is-sena 2019, u, min-naħa l-oħra, id-Darfur Vereniging Nederland (l-Assoċjazzjoni għad-Darfur fil-Pajjiżi l-Baxxi).

13

S sostniet ukoll li hija kienet ipparteċipat f’iktar minn għaxar avvenimenti organizzati fil-Pajjiżi l-Baxxi kontra l-Gvern Sudaniż, li matulhom hija kienet kantat slogans kontra r-reġim Sudaniż, li kienet informat lil nisa oħra dwar l-attivitajiet tal-partit Oumma, billi ħeġġithom jieħdu sehem f’dawn il-manifestazzjonijiet, u li hija kienet ikkritikat lill-Gvern Sudaniż fil-kontijiet Facebook u Twitter tagħha.

14

Fl-ebda waħda mill-applikazzjonijiet għall-ażil tagħha, S ma allegat li, meta kienet għadha fis-Sudan, hija kienet esprimiet opinjonijiet politiċi li ġegħluha titlaq minn dan il-pajjiż. Hija lanqas ma allegat li l-opinjonijiet politiċi li esprimiet wara t-tluq tagħha waslu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet Sudaniżi.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil ippreżentata minn S, billi qies li, minkejja l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar l-attivitajiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, dawn ma kinux jirriżultaw minn opinjonijiet politiċi li jixirqilhom protezzjoni. Skont is-Segretarju tal-Istat, S ma kinitx identifikat b’mod ċar dawn l-opinjonijiet, u lanqas ma indikat li dawn kellhom importanza essenzjali għaliha, u lanqas ma ppreċiżat liema attivitajiet konkreti kellha l-intenzjoni li twettaq fil-futur abbażi tal-imsemmija opinjonijiet.

16

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2020, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn S u annullat din id-deċiżjoni, billi ddeċidiet li l-persuna kkonċernata kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li hija kellha “opinjonijiet politiċi”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95. Skont din il-qorti, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-opinjonijiet kienx jistħoqqilhom protezzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti 80, 82 u 86 tal-Gwida dwar il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat u l-prinċipji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbilit mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), fil-verżjoni riveduta tiegħu fix-xahar ta’ Frar 2019 (HCR/1P/4/FRE/REV.4, iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Proċeduri”). L-imsemmija qorti qieset ukoll li l-kriterju stabbilit miċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin, li skontu l-opinjonijiet politiċi għandhom ikunu “essenzjali”, kien ekwivoku u kien konfuż mal-kriterji applikabbli minħabba persekuzzjoni bbażata fuq ir-reliġjon.

17

Is-Segretarju tal-Istat ressaq appell minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li r-raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati rispettivament fuq opinjonijiet politiċi u fuq twemmin reliġjuż huma ta’ natura differenti. Fil-fatt, it-tnejn li huma għandhom jiġu evalwati billi jiġi vverifikat jekk l-opinjoni jew it-twemmin allegati mill-applikant humiex tant determinanti għall-identità jew għall-kuxjenza tiegħu li ma jistax jiġi rikjest minnu li huwa jirrinunzja għalihom jew jaħbihom fil-każ li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

18

Min-naħa tiegħu, S, li ppreżenta appell inċidentali kontra s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2020, imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, ikkritika lill-qorti tal-ewwel istanza li ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn applikant sabiex ikun jista’ jikseb l-istatus ta’ refuġjat tiddependi mill-importanza u mis-saħħa tal-opinjonijiet politiċi tiegħu. La d-Direttiva 2011/95 u lanqas il-Gwida tal-proċeduri ma jeżiġu li dawn l-opinjonijiet ikunu “essenzjali” sabiex ikun jistħoqqilhom protezzjoni.

It‑tieni kawża prinċipali

19

A, ċittadin Sudaniż, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑20 ta’ Lulju 2011. Fit-tieni applikazzjoni għall-ażil tiegħu, huwa espona li, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa jiġi ppersegwitat mill-awtoritajiet Sudaniżi minħabba l-pożizzjoni kritika tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sitwazzjoni politika fis-Sudan u l-inizjattivi tiegħu favur id-drittijiet tat-tribu Al-Gimir tal-Punent tad-Darfur.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-provi prodotti minn A waqt l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu sabiex jiġi stabbilit li, qabel it-tluq tiegħu mis-Sudan, huwa kien arrestat u ttorturat minħabba suspetti ta’ adeżjoni ma’ partit politiku ta’ oppożizzjoni ġew ikkunsidrati bħala mhux kredibbli. Barra minn hekk, A sar politikament attiv fil-Pajjiżi l-Baxxi biss wara ċ-ċaħda ta’ din l-ewwel applikazzjoni għall-ażil.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2020, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil ippreżentata minn A u ddikjara fir-rigward tiegħu projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju minħabba li dan ma kienx iġġustifika b’mod suffiċjenti li l-attivitajiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jirriżultaw minn opinjonijiet politiċi essenzjali.

22

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 2020, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn A kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat. Din il-qorti ddeċidiet li din tal-aħħar kienet ġustament ikkunsidrat bħala mhux kredibbli l-ipoteżi li l-attivitajiet politiċi eżerċitati minn A fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jirriżultaw minn opinjonijiet politiċi essenzjali. L-imsemmija qorti enfasizzat li A la kien ippreċiża s-suġġett tal-manifestazzjonijiet li kien ipparteċipa fihom u lanqas l-għan li huwa kien segwa billi pparteċipa fihom.

23

A ressaq appell minn din is-sentenza billi kkritika lill-qorti tal-ewwel istanza li ma kkonstatatx, b’mod partikolari, l-assenza ta’ linja deċiżjonali uniformi min-naħa tas-Segretarju tal-Istat fir-rigward tal-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95. Fi kwalunkwe każ, la minn din id-direttiva u lanqas mill-Gwida tal-Proċeduri ma jirriżulta li dawn l-opinjonijiet għandhom ikunu “essenzjali” sabiex ikun jistħoqqilhom protezzjoni.

24

Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ kawżi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, b’mod partikolari, jekk, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn l-applikant ikun għadu ma kienx is-suġġett ta’ attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-opinjonijiet inkwistjoni għandhomx ikollhom “ċerta saħħa”. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk u sa fejn tali ċirkustanza hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva[2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bażi ta’ persekuzzjoni marbuta mal-opinjoni politika tista’ tiġi invokata wkoll minn applikanti li sempliċement jgħidu li huma għandhom twemmin politiku u/jew jgħidu li huma jesprimuh, mingħajr ma kienu s-suġġett ta’ attenzjoni negattiva ta’ attur ta’ persekuzzjoni matul ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u lanqas matul ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ospitanti?

2)

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv, u jekk għalhekk twemmin politiku huwa diġà suffiċjenti sabiex jitqies bħala opinjoni politika, x’post għandu għalhekk jingħata lis-saħħa ta’ din l-opinjoni, ta’ dan il-ħsieb jew ta’ dan it-twemmin politiku u lill-importanza għaċ-ċittadin barrani tal-attivitajiet li jirriżultaw minnhom fl-eżami u fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil, jiġifieri l-eżami tar-realtà tal-biża’ allegata ta’ persekuzzjoni minn dan l-applikant?

3)

Jekk l-ewwel domanda tiġi risposta fin-negattiv, il-kriterju huwa għalhekk li l-opinjoni politika għandu jkollha għeruq fil-fond u, jekk le, x’inhuwa allura l-kriterju li għandu jiġi stabbilit u kif għandu jiġi applikat?

4)

Jekk il-kriterju huwa li din l-opinjoni politika għandu jkollha għeruq fil-fond, jista’ għalhekk jiġi mistenni minn applikant li ma jistabbilixxix suffiċjentement li għandu opinjoni politika li għandha għeruq fil-fond li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini, huwa jastjeni milli jesprimi l-opinjoni politika tiegħu sabiex ma jiġbidx l-attenzjoni negattiva ta’ attur ta’ persekuzzjoni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel, it‑tielet u r‑raba’ domanda

26

Permezz tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex l-opinjonijiet, l-ideat jew it-twemmin ta’ applikant li jkun għadu ma kienx is-suġġett ta’ attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, huwiex biżżejjed għal dan l-applikant li jiddikjara li huwa għandu jew li jesprimi din l-opinjoni, il-ħsieb jew it-twemmin.

27

L-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95 jiddikjara li l-“kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le”. Madankollu mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, “[f]il-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika […] politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni”.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha. Din għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro,327/82, EU:C:1984:11, punt 11 kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T. N. u N. N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni), C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fl-ewwel lok, mill-kliem stess tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Dan huwa l-każ, l-ewwel nett, tal-lista mhux eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jidentifikaw dan il-kunċett, li jirriżulta mill-użu tal-espressjoni avverbjali “b’mod partikolari”. Sussegwentement, ma jissemmewx biss l-“opinjoni” iżda wkoll il-“ħsieb” u t-“twemmin” fl-oqsma marbuta mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni, kif ukoll fl-oqsma marbuta mal-“politika” u mal-“metodi” ta’ dawn l-atturi, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn l-opinjonijiet, ħsieb jew twemmin ikunu rriżultaw f’atti min-naħa tal-applikant. Fl-aħħar nett, l-enfasi hija fuq il-perċezzjoni tan-natura politika tagħhom mill-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni pjuttost milli fuq ir-raġunijiet personali tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi), C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 26).

30

Minn dan isegwi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95, indipendentement mill-verżjoni lingwistika kkunsidrata, ma tagħti ebda indikazzjoni fis-sens li, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-opinjonijiet, il-ħsibijiet jew it-twemmin li l-applikant jiddikjara li għandu jew li għandu jkollu ċertu grad ta’ konvinzjoni għal dan l-applikant, jew saħansitra għandhom ikunu tant radikati fih li huwa ma jkunx jista jastjeni, fil-każ li jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, milli jurihom sabiex ma jħossx l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni f’dan il-pajjiż.

31

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi” hija kkonfermata mill-kuntest ġenerali li fih jaqa’ l-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, il-prinċipji gwida li jinsabu fil-Gwida tal-Proċeduri li għalihom għandu jsir riferiment, fid-dawl tar-rilevanza partikolari tagħhom minħabba r-rwol li l-Konvenzjoni ta’ Genève tattribwixxi lill-UNHCR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali,C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57), jenfasizzaw li l-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi” jista’ jinkludi kull opinjoni jew kull kwistjoni li tinvolvi l-apparat statali, il-gvern, is-soċjetà jew politika, indipendentement mis-saħħa jew mill-għeruq tagħha mill-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi), C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 27).

32

Fir-rigward tal-kuntest speċifiku tad-Direttiva 2011/95, għandu jitfakkar li l-“opinjonijiet politiċi” jikkostitwixxu, fil-linja tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, waħda mill-ħames “raġunijiet għal persekuzzjoni” elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li l-oħrajn huma r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, u s-sħubija fi grupp soċjali partikolari. Kull waħda minn dawn ir-“raġunijiet għal persekuzzjoni”, bħala kunċett proprju u distint, hija s-suġġett ta’ definizzjonijiet awtonomi fil-ħames punti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 10.

33

Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, minn naħa, li r-raġuni ta’ persekuzzjoni marbuta mar-“reliġjon” u dik relatata mal-“opinjonijiet politiċi”, previsti rispettivament fil-punt (b) u fil-punt (e) ta’ dan l-Artikolu 10(1), huma intiżi, kif stabbilit fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, sabiex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ drittijiet fundamentali distinti, ta’ kontenut u ta’ portata differenti. Fl-ewwel każ, din hija l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fit-tieni każ, din hija l-libertà ta’ espressjoni, iggarantita fl-Artikolu 11 tagħha, li tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Minn dan jirriżulta li dawn iż-żewġ “raġunijiet għal persekuzzjoni” ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu evalwati mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni din id-differenza.

34

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li huwa biss fir-rigward tar-raġuni ta’ persekuzzjoni marbuta mal-appartenenza għal grupp “soċjali” partikolari, imsemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, li jissemma “twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. Ir-rekwiżit ta’ tali element, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) ta’ din id-direttiva, iwassal għalhekk sabiex jillimita indebitament il-portata li għandha tingħata lil dan l-aħħar kunċett.

35

Fit-tielet lok, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija kkorroborata mill-għan tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti b’mod partikolari, kif tiddikjara l-premessa 12 tagħha, fl-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, abbażi ta’ kriterji komuni.

36

Fil-fatt, kif irrileva l-UNHCR fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, anki fl-ipoteżi fejn l-opinjonijiet politiċi invokati minn applikant ma għandhomx ċertu grad ta’ konvinzjoni, jew saħansitra ma humiex “essenzjali” jew fundamentalment radikati f’dan l-applikant, dan jista’ jiġi espost, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għar-riskju reali li jiġi ppersegwitat minħabba dawn l-opinjonijiet politiċi jew dawk li l-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni f’dan il-pajjiż ikollhom jattribwixxulu, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u tal-kuntest ġenerali tal-imsemmi pajjiż. F’din il-perspettiva, hija biss interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi” bħala motiv ta’ persekuzzjoni li tista’ tiżgura l-għan imsemmi fil-punt preċedenti.

37

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex l-opinjoni, il-ħsieb jew it-twemmin ta’ applikant li jkun għadu ma kienx is-suġġett ta’ attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, huwa biżżejjed li dan l-applikant jiddikjara li huwa jesprimi jew jgħid li jesprimi dawn l-opinjonijiet, il-ħsieb jew it-twemmin. Dan ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat minħabba tali opinjonijiet politiċi.

Fuq it‑tieni domanda

38

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha ppreżentati mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dan id-dritt li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP,C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 37).

39

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda dispożizzjoni preċiża fil-formulazzjoni tat-tieni domanda. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tfittex li tiddetermina l-kriterji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u, b’mod iktar preċiż, il-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-aħħar artikolu.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) sa (5) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura fondata tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ konvinzjoni ta’ dawn l-opinjonijiet u, b’mod partikolari, jivverifikaw jekk l-imsemmija opinjonijiet humiex tant radikati fl-applikant li huwa ma jistax jastjeni, fil-każ li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, milli jurihom, u b’hekk jesponi ruħu għar-riskju li jsofri atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 huma applikabbli fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-ażil, u dan fl-osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F,C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36).

42

Fis-sistema tad-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tan-natura fondata tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat minħabba l-“opinjonijiet politiċi” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) ta’ din id-direttiva, għandha, skont l-Artikolu 4(3) tagħha, tkun ta’ natura individwali u għandha titwettaq każ b’każ. Meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu tali evalwazzjoni, huma għandhom jiddeterminaw jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni. Din id-determinazzjoni, li, fil-każijiet kollha, għandha ssir b’viġilanza u prudenza, għandha tkun ibbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi konformement mar-regoli stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(3) sa (5) tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punti 7677).

43

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jelenka, fil-punti (a) sa (e) tiegħu, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan, li jinkludu, b’mod partikolari, il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, l-informazzjoni u d-dokumenti li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-applikant kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjonijiet, kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant. L-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, jippreċiża li l-fatt li applikant diġà ġie ppersegwitat jew kien suġġett għal theddid dirett ta’ tali persekuzzjoni, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ fondata tal-applikant li jiġi ppersegwitat, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex ikun jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix repetut.

44

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, fis-sitwazzjoni fejn ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma humiex sostnuti minn provi dokumentarji jew oħrajn, il-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm il-koerenza u l-plawżibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant u l-kredibbiltà ġenerali tiegħu.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu eżami eżawrjenti u fil-fond taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, relatati mas-sitwazzjoni personali speċifika ta’ dan l-applikant u tal-kuntest iktar ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, b’mod partikolari fl-aspetti politiċi, ġuridiċi, ġudizzjarji, storiċi u soċjokulturali tiegħu, sabiex jiddeterminaw jekk l-imsemmi applikant għandux biża’ fondata li jiġi ppersegwitat personalment minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu, u b’mod partikolari dawk li l-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jistgħu jwasslu sabiex jattribwixxulu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet għal persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi),C‑280/21, EU:C:2023:13, punti 3338).

46

F’dan il-kuntest, il-grad ta’ konvinzjoni tal-opinjonijiet politiċi invokati mill-applikant kif ukoll il-prattika eventwali ta’ attivitajiet intiżi li jippromwovu dawn l-opinjonijiet jikkostitwixxu elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95. Dawn l-elementi, fil-fatt, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tar-riskju li huma setgħu jew jistgħu jqajmu l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi tal-persekuzzjoni potenzjali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant u li, fil-każ li jirritorna f’dan il-pajjiż, l-applikant ikun jista’ jiġi ppersegwitat.

47

Il-fatt li applikant, permezz tal-opinjonijiet politiċi li jkun esprima jew mill-attivitajiet li huwa eventwalment eżerċita sabiex jippromwovi dawn l-opinjonijiet matul is-soġġorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini jew mit-tluq tiegħu minn dan il-pajjiż, ikun diġà ġibed l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi tal-persekuzzjoni potenzjali tal-imsemmi pajjiż jikkostitwixxi, huwa wkoll, element rilevanti għall-evalwazzjoni individwali imposta mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95.

48

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni fejn l-applikant jiddikjara li huwa esprima jew jgħid li jesprimi l-opinjoni, il-ħsieb jew it-twemmin miksub sa mit-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini, mingħajr ma jipprova li ġibed l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali tal-persekuzzjoni f’dan il-pajjiż, li tista’ twassal għal atti ta’ persekuzzjoni min-naħa tagħhom jekk jirritornaw hemmhekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni li huma obbligati jwettqu, b’mod partikolari l-livell ta’ konvinzjoni tal-opinjonijiet politiċi invokati mill-applikant kif ukoll il-prattika eventwali, minn dan tal-aħħar, ta’ attivitajiet intiżi sabiex jippromwovu dawn l-opinjonijiet. Madankollu, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jeżiġu li dawn l-opinjonijiet politiċi ikunu tant radikati fl-imsemmi applikant li, mar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa ma jistax jastjeni milli jurihom sabiex ma jqajjimx l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi tal-persekuzzjoni potenzjali f’dan il-pajjiż, li tista’ twassalhom għal atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) sa (5) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-opinjonijiet politiċi, minħabba l-livell ta’ konvinzjoni li bihom huma jesprimu ruħhom jew il-prattika eventwali, minn dan l-applikant, ta’ attivitajiet intiżi sabiex jippromwovu l-imsemmija opinjonijiet setgħu jew jistgħu jqajmu l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi tal-persekuzzjoni potenzjali fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-applikant. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-istess opinjonijiet ikunu tant radikati fl-applikant li huwa ma jkunx jista’ jastjeni, fil-każ li jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, milli jurihom, u b’hekk jesponi ruħu għar-riskju li jissubixxi atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex l-opinjoni, il-ħsieb jew it-twemmin ta’ applikant li jkun għadu ma kienx is-suġġett ta’ attenzjoni sfavorevoli tal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “opinjonijiet politiċi”, huwa biżżejjed li dan l-applikant jiddikjara li huwa jesprimi jew jgħid li jesprimi dawn l-opinjonijiet, ideat jew twemmin. Dan ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’ tal-applikant li jiġi ppersegwitat minħabba tali opinjonijiet politiċi.

 

2)

L-Artikolu 4(3) sa (5) tad-Direttiva 2011/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-opinjonijiet politiċi, minħabba l-livell ta’ konvinzjoni li bihom huma jesprimu ruħhom jew il-prattika eventwali, minn dan l-applikant, ta’ attivitajiet intiżi sabiex jippromwovu dawn l-opinjonijiet setgħu jew jistgħu jqajmu l-attenzjoni sfavorevoli tal-atturi tal-persekuzzjoni potenzjali fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-applikant. Madankollu, mhux meħtieġ li l-imsemmija opinjonijiet ikollhom tant għeruq fl-applikant li huwa ma jkunx jista’ jastjeni, fil-każ li jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, milli jurihom, u b’hekk jesponi ruħu għar-riskju li jissubixxi atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.