SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
28 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin – Settur pubbliku – Regoli tax-xogħol ta’ amministrazzjoni pubblika li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Velu Iżlamiku – Rekwiżit ta’ newtralità fil-kuntatti mal-pubbliku, mal-ġerarkija u mal-kollegi tagħhom”
Fil-Kawża C‑148/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
OP
vs
Commune d’Ans
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, F. Biltgen (Relatur) u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal OP, minn S. Gioe, avukata, |
– |
għall-commune d’Ans, minn J. Uyttendaele u M. Uyttendaele, avukati, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, V. Depenne, A.-L. Desjonquères, u N. Vincent, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, D. Martin u E. Schmidt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OP, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-awtorità muniċipali ta’ Ans (iktar ’il quddiem l-“awtorità muniċipali”), u din tal-aħħar dwar il-projbizzjoni imposta minnha fuq il-ħaddiema tagħha milli jilbsu kwalunkwe sinjal viżibbli li jista’ jiżvela l-appartenenza ideoloġika jew filosofika tagħhom jew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…]” |
Id‑dritt Belġjan
6 |
Il-Loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċertu Forom ta’ Diskriminazzjoni (Moniteur belge tat‑30 ta’ Mejju 2007, p. 29016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni”), tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan. |
7 |
L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprevedi li: “Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, japplikaw dawn it-tifsiriet: 1 relazzjonijiet ta’ xogħol: ir-relazzjonijiet li jinkludu, fost l-oħrajn, l-impjieg, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regoli għat-tkeċċija, u dan:
[…] 4 kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, il-ġid, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, id-diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika, l-oriġini soċjali; […] 6 distinzjoni diretta: is-sitwazzjoni li tirriżulta meta fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji protetti, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra tiġi, kienet jew ser tkun ittrattata f’sitwazzjoni paragunabbli; 7 diskriminazzjoni diretta: distinzjoni diretta, ibbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II; 8 distinzjoni indiretta: is-sitwazzjoni li tqum meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ toħloq, meta mqabbla ma’ persuni oħra, żvantaġġ partikolari għall-persuni kkaratterizzati b’wieħed mill-kriterji protetti; 9 diskriminazzjoni indiretta: distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II; […]” |
8 |
L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunitajiet jew tar-Reġjuni, din il-liġi tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi […]” |
9 |
L-Artikolu 7 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprevedi: “Kull distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm din id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jitwettaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.” |
10 |
L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jipprevedi: “1. B’deroga mill-Artikolu 7, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-titolu, distinzjoni diretta bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew diżabbiltà fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5(1), (4), (5) u (7) tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol essenzjali u determinanti. 2. Ikun hemm rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti biss meta:
3. Hija l-qorti li għandha tivverifika, każ b’każ, jekk tali karatteristika partikolari tikkostitwixxix rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti. […]” |
11 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej: “Kull distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta,
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
12 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taħdem għall-Komun mill‑11 ta’ April 2016 u mill‑11 ta’ Ottubru 2016 tokkupa l-kariga ta’ “kap tal-uffiċċju”, teżerċita prinċipalment il-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku (“back office”) Hija eżerċitat il-funzjoni tagħha mingħajr ma tilbes sinjali li jistgħu jiżvelaw it-twemmin reliġjuż tagħha jew għamlet xi talba bil-miktub għal dan il-għan sat‑8 ta’ Frar 2021, meta talbet li tkun tista’ tilbes il-“velu fuq ix-xogħol” mit‑22 ta’ Frar 2021. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2021, il-kunsill komunali tal-Komun (iktar ’il quddiem il-“kunsill”) ċaħdet din it-talba u pprojbixxa provviżorjament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tilbes, fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha, simboli li jiżvelaw it-twemmin reliġjuż tagħha, sal-adozzjoni ta’ regolamenti ġenerali dwar l-ilbies ta’ tali simboli fl-amministrazzjoni komunali. |
14 |
Fis‑26 ta’ Frar 2021, wara li sema’ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kulleġġ adotta t-tieni deċiżjoni, li tikkonferma l-projbizzjoni inkwistjoni sal-adozzjoni ta’ tali regoli ġenerali. |
15 |
Fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-kunsill muniċipali tal-Komun emenda r-regoli tax-xogħol tiegħu billi daħħal obbligu ta’ “newtralità esklużiva” fuq il-post tax-xogħol, mifhum li jipprojbixxi lill-ħaddiema kollha fil-Komun milli jilbsu, fuq dan il-post, kwalunkwe simbolu viżibbli li jista’ jiżvela il-konvinzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari, reliġjużi jew filosofiċi, kemm jekk huma f’kuntatt mal-pubbliku jew le. L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari: “Il-ħaddiema għandhom igawdu mil-libertà ta’ espressjoni filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, l-obbligu tagħhom ta’ riżerva u d-dmir tagħhom ta’ lealtà. Il-ħaddiema huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, u dan jimplika li huma għandhom jastjenu minn kull forma ta’ proselitiżmu u li huma pprojbiti milli jilbsu kwalunkwe simbolu prominenti li jista’ jiżvela l-appartenenza ideoloġika jew filosofika tagħhom jew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom. Din ir-regola tapplika għalihom kemm fil-kuntatti tagħhom mal-pubbliku kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ġerarkija u mal-kollegi tagħhom. […]” |
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet diversi proċeduri sabiex jiġi kkonstatat li l-libertà tar-reliġjon tagħha kienet ġiet miksura, b’mod partikolari azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, kontra ż-żewġ deċiżjonijiet individwali msemmija fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza kif ukoll kontra l-emenda tar-regolament tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ din l-azzjoni, hija ssostni li hija ġiet iddiskriminata minħabba r-reliġjon tagħha. |
17 |
Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet individwali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-projbizzjoni tal-ilbies tal-velu Iżlamiku mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq ir-reliġjon ta’ din tal-aħħar meta mqabbla mal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komun, peress li simboli oħra ta’ twemmin, b’mod partikolari, reliġjużi, milbusa b’mod diskret, ġew ittollerati mill-Komun fuq il-post tax-xogħol fil-passat u għadhom hekk sal-lum. Barra minn hekk, hija tqis li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita l-funzjonijiet tagħha prinċipalment fil-“back office”, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Konsegwentement, hija ddeċidiet li l-azzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet fondata għall-perijodu bejn it‑18 ta’ Frar 2021, data tal-adozzjoni tal-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet individwali, u d‑29 ta’ Marzu 2021, data tal-adozzjoni tal-emenda tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
18 |
Fir-rigward ta’ din l-emenda, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li din hija intiża sabiex tiżgura li kemm l-atti magħmula mill-membru tal-persunal tas-servizz pubbliku kif ukoll id-dehra ta’ dan tal-aħħar ikunu strettament newtrali, irrispettivament min-natura tal-funzjonijiet tiegħu u mill-kuntest li fih huma eżerċitati. Hija tikkunsidra li r-regola introdotta mill-imsemmija emenda tikkostitwixxi apparentement diskriminazzjoni indiretta peress li hija newtrali, iżda li l-applikazzjoni li ssir minnha mill-Komun hija b’ġeometrija varjabbli. Għalhekk, skont din il-qorti, din ir-regola hija “esklużiva” fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u “iktar inklużiva” għall-kollegi tagħha li għandhom twemmin ieħor. Konsegwentement, l-imsemmija qorti ppermettiet provviżorjament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tilbes simbolu viżibbli li jista’ jiżvela t-twemmin reliġjuż tagħha, iżda biss meta hija taħdem f’“back office” u mhux meta hija tkun f’kuntatt mal-utenti jew meta teżerċita funzjoni ta’ awtorità. |
19 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ta’ dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi obbligu ta’ “newtralità esklużiva” fuq il-ħaddiema kollha ta’ amministrazzjoni pubblika, anki fuq dawk li ma humiex f’relazzjoni mal-utenti. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) iddeċiediet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi ambjent amministrattiv totalment newtrali. |
22 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 ikopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28). F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li dan l-Artikolu 1 jiċċita bl-istess mod ir-reliġjon u t-twemmin, bħall-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq “ir-reliġjon jew twemmin”, jew l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda, fost ir-raġunijiet differenti ta’ diskriminazzjoni li huwa jsemmi, “ir-reliġjon jew it-twemmin”. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ naħat tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47). |
23 |
Min-naħa l-oħra, peress li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, dispożizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tal-Komun, li tipprojbixxi lill-persunal tagħha l-ilbies viżibbli fuq il-post tax-xogħol ta’ kwalunkwe simbolu ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, tali dispożizzjoni għandha titqies li taqa’ taħt il-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva. |
24 |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda kemm l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, dwar id-“diskriminazzjoni diretta”, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, dwar id-“diskriminazzjoni indiretta”. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li regola interna stabbilita minn persuna li timpjega li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol biss l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiċi jew reliġjużi li huma prominenti u ta’ daqs kbir tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, fil-każijiet fejn il-kriterju dwar l-ilbies ta’ tali simboli jkun marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 72 sa 78 kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, S.C.R.L. (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża), C‑344/20, EU:C:2022:774, punt 31). Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt tali każ inkwistjoni. |
26 |
Għall-kuntrarju, regola interna stabbilita minn persuna li timpjega li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż ma tikkostitwixxix tali diskriminazzjoni diretta peress li tkopri mingħajr distinzjoni kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta b’mod identiku lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 30 u 32, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52). |
27 |
Fil-fatt, peress li kull persuna jista’ jkollha reliġjon jew twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew ma’ dan it-twemmin (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, S.C.R.L. (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża), C‑344/20, EU:C:2022:774, punti 33u 34). |
28 |
Għaldaqstant, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, minkejja l-mod ġenerali u mingħajr distinzjoni li bih huwa fformulat l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet suġġetta għal trattament differenti meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra li kienu ġew awtorizzati juru t-twemmin tagħhom, b’mod partikolari, reliġjuż jew filosofiku permezz tal-ilbies ta’ simbolu viżibbli li jiżvela tali twemmin jew b’mod ieħor u li hija, minħabba f’hekk, ġarrbet diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a), skont id-Direttiva 2000/78, din il-qorti għandha teżamina jekk ir-regola li tinsab fl-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tal-Komun tistax twassal għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari, li effettivament tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva. |
29 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regola interna stabbilita minn persuna li timpjega u li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż, tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentement newtrali li jinsab f’din ir-regola jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari. (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 34, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 59). |
30 |
Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix madankollu diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 60). |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi jekk u sa fejn id-dispożizzjoni tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lilha, b’tali mod li tippermetti lil din l-istess qorti tiddeċiedi t-tilwima konkreta mressqa quddiemha. |
32 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, jirriżulta, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, skont il-Komun, l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedi l-projbizzjoni tal-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela t-twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż tal-membri tal-persunal tal-Komun, irrispettivament minn jekk dawn tal-aħħar ikunux f’kuntatt mal-pubbliku jew le, għandu l-għan li jimplimenta l-prinċipju ta’ newtralità tas-servizz pubbliku, li għandu l-bażi legali tiegħu fl-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni Belġjana, fil-prinċipju ta’ imparzjalità u fil-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat. |
33 |
F’dan ir-rigward, kull Stat Membru, inkluż, jekk ikun il-każ, l-entitajiet infrastatali tiegħu, b’osservanza tal-kompetenzi rrikonoxxuti lilhom, għandu jingħata marġni ta’ diskrezzjoni fil-kunċett tan-newtralità tas-servizz pubbliku li huwa jixtieq jippromwovi fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, il-politika ta’ “newtralità esklużiva” li amministrazzjoni pubblika, f’dan il-każ komunali, hija intiża biex timponi fuq il-ħaddiema tagħha, skont il-kuntest tagħha stess u fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, sabiex tistabbilixxi fi ħdanha ambjent amministrattiv totalment newtrali tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. Bl-istess mod, tista’ tkun l-għażla ta’ amministrazzjoni pubblika oħra, skont il-kuntest tagħha stess u fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, favur politika oħra ta’ newtralità, bħal awtorizzazzjoni ġenerali u mingħajr distinzjoni tal-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiċi jew reliġjużi, inkluż fil-kuntatti mal-utenti, jew projbizzjoni tal-ilbies ta’ tali simboli limitata għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu tali kuntatti. |
34 |
Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi biss qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali tagħhom, li jippermettilhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom stess, fid-dawl tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-post li huma jixtiequ jagħtu, fi ħdanhom, lir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku fis-settur pubbliku. Il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk irrikonoxxut lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali tagħhom, fl-assenza ta’ kunsens fil-livell tal-Unjoni, għandu madankollu jmur id f’id ma’ stħarriġ, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali u tal-Unjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari fil-verifika ta’ jekk il-miżuri meħuda, skont il-każ, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali humiex iġġustifikati bħala prinċipju u jekk humiex proporzjonati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 86 sa 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Barra minn hekk, mid-Direttiva 2000/78 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa stess il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal inugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, iżda ħalla l-kompitu li ssir din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali kif ukoll lill-qrati tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 87). |
36 |
Għaldaqstant, dispożizzjoni bħall-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li għandha għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. |
37 |
Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tevita l-klassifikazzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandha wkoll tkun adatta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-għan segwit mill-persuna li timpjega. F’dan il-każ, dan jippreżupponi li l-għan ta’ “newtralità esklużiva” li stabbilixxa l-Komun huwa verament imfittex b’mod koerenti u sistematiku, u li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku u reliġjuż li jinkludi l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 68). |
38 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-Komun għandux dan l-għan b’mod verament koerenti u sistematiku fir-rigward tal-ħaddiema kollha. |
39 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, permezz ta’ politika ta’ “newtralità esklużiva” kif stabbilita mill-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ambjent amministrattiv totalment newtrali jista’ jiġi segwit b’mod effettiv biss jekk ebda manifestazzjoni viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofika jew reliġjuża ma tkun ammessa meta l-ħaddiema jkunu f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku jew ikunu f’kuntatt bejniethom peress li l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu, anki ta’ daqs żgħir, jikkomprometti l-kapaċità tal-miżura li tilħaq l-għan allegatament imfittex u għalhekk jikkontesta l-koerenza stess ta’ din il-politika. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 77). Tali regola hija għalhekk neċessarja. |
40 |
Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, fid-dawl tal-elementi karatteristiċi kollha tal-kuntest li fih din ir-regola ġiet adottata, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon iggarantit fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; li għandu bħala korollarju l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 21 tagħha u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ newtralità li bl-applikazzjoni tiegħu l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata hija intiża li tiggarantixxi, permezz tal-imsemmija regola limitata għall-post tax-xogħol, lill-utenti tas-servizzi tagħha u lill-membri tal-persunal tagħha ambjent amministrattiv mingħajr manifestazzjonijiet viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż. |
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest xieraq tiegħu, ambjent amministrattiv totalment newtrali sa fejn din ir-regola tkun adatta, neċessarja u proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-kuntest u fid-dawl tad-diversi drittijiet u interessi involuti. |
Fuq it‑tieni domanda
42 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità pubblika torganizza ambjent amministrattiv totalment newtrali billi tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ simboli li jiżvelaw, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż lill-membri kollha tal-persunal tagħha, kemm jekk huma f’kuntatt dirett mal-pubbliku kif ukoll jekk le, meta din il-projbizzjoni tidher li tolqot maġġoranza ta’ nisa u għalhekk tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Għalhekk, minn naħa, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri, C‑394/21, EU:C:2023:146, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Min-naħa l-oħra, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi ssalvagwardata, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, invokata f’din it-tieni domanda, għandu jitfakkar li din ir-raġuni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), li, fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha, tiddefinixxi espressament il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, l-uniku att imsemmi fl-imsemmija domanda. |
49 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata t-tieni domanda kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom risposta għal din id-domanda, addizzjonali għar-risposta għall-ewwel domanda, hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest xieraq tiegħu, ambjent amministrattiv totalment newtrali sa fejn din ir-regola tkun adatta, neċessarja u proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-kuntest u fid-dawl tad-diversi drittijiet u interessi involuti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.