SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 27 – Prosekuzzjoni għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment minbarra dak li mmotiva dan iċ-ċediment – Talba għal kunsens indirizzata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-prosekutur ta’ Stat Membru li ma għandux il-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Konsegwenzi fuq it-talba għal kunsens”

Fil-Kawża C‑142/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, L-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

OE

vs

Minister for Justice and Equality,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: V. Di Bucci, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OE, minn J. Byrne, R. Farrell, SC, u B. O’Donoghue, solicitor,

għall-Minister for Justice and Equality u l-Irlanda, minn M. Browne, C. Hanselmann, A. Joyce u M. Lane, bħala aġenti, assistiti minn R. Kennedy, SC, u minn D. Breen, BL,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró –Tóth u M.‑Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u P. Huurnink, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OA u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) dwar proċedura ta’ talba għal kunsens indirizzata lill-awtoritajiet ġudizzjarji Irlandiżi mill-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali fil-Pajjiżi l-Baxxi kontra OE għal reati mwettqa qabel iċ-ċediment tiegħu lil dawn l-awtoritajiet, minbarra dawk li mmotivaw dan iċ-ċediment.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja [ċediment] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. [miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà].

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

4

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”, jistabbilixxi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni”) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1)

jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2)

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3)

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakulattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

1)

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-att li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwix reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, regoli doganali u ta’ kambju, l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew m’għandux ikun rrifjutat għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji u regoli doganali u ta’ kambju bħal-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

2)

fejn il-persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew;

3)

fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

4)

fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

5)

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

6)

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

7)

fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jirrigwarda reati li:

a)

huma kkunsidrati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni bħala li ġew imwettqin interament jew f’parti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jew f’post trattat bħala tali; jew

b)

ġew imwettqin barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru emittenti u l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni ma jippermettix li tittieħed azzjoni kriminali għall-istess reati mwettqin barra mit-territorju tiegħu.”

6

L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti” jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti [rikjedenti] li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.”

7

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, isemmi l-informazzjoni li għandha tkun fih il-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll il-lingwa li biha dan għandu jiġi tradott.

8

Il-Kapitolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, dwar l-“[e]ffetti tal-konsenja”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 27 tagħha, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra” u fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[...]

g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.”

Id‑dritt Irlandiż

9

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż permezz tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew).

10

L-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tal‑2003”), jipprevedi li:

“F’din il-liġi [...],

[...]

‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ għandha tfisser, fil-perspettiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat emittenti li ħarġet il-mandat rilevanti kkonċernat;

‘Stat Membru emittenti’ għandu jfisser, fil-perspettiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, Stat Membru […] fejn awtorità ġudizzjarja tkun ħarġet dan il-mandat ta’ arrest Ewropew;

‘awtorità ġudizzjarja’ għandha tfisser l-Imħallef, il-maġistrat jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat biex twettaq funzjonijiet identiċi jew simili għal dawk imwettqa minn qorti [fl-Irlanda] skont l-Artikolu 33;

[...]”

11

L-Artikolu 22(7) tal-liġi tal‑2003 huwa hekk ifformulat:

“Il-High Court [il-Qorti Għolja, l-Irlanda] tista’, fil-każ ta’ persuna li ġiet ikkonsenjata lil Stat Membru emittenti skont din il-liġi, tagħti l-kunsens tagħha sabiex

(a)

jinbdew proċeduri kontra dik il-persuna fl-Istat Membru emittenti għal reat,

(b)

tiġi imposta fl-Istat Membru emittenti piena, inkluża piena li tirrestrinġi l-libertà tal-persuna, minħabba reat, jew

(c)

jinbdew proċeduri kontra dik il-persuna jew id-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru li ħareġ il-Mandat sabiex tiġi nfurzata sentenza jew ordni ta’ detenzjoni wara reat,

malli tirċievi t-talba bil-miktub mill-Istat Membru emittenti li jkun ħareġ il-Mandat għal dak il-għan.”

12

L-Artikolu 22(8) tal-imsemmija liġi, jipprovdi illi l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 22(7) tagħha ma għandux jingħata jekk ir-reat ikkonċernat ikun reat li għalih persuna ma setgħetx, taħt it-Taqsima 3 ta’ din il-liġi, tiġi kkonsenjata. Din it-Taqsima 3 fiha dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali, il-korrispondenza, il-kriminalità doppja, il-prosekuzzjoni tal-persuna rikjesta fit-territorju tal-Istat abbażi tal-istess fatti allegati, l-età tar-responsabbiltà kriminali, l-extraterritorjalità u l-proċessi in absentia.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Il-High Court (il-Qorti Għolja), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ġiet adita b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ tliet mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra OE matul is-sena 2016 fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn tnejn minnhom kienu nħarġu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam u t-tielet mill-Prosekutur Nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“mandati ta’ arrest Ewropej inizjali”).

14

Permezz ta’ digriet li ma ġiex appellat, l-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet ċediment ta’ OE wara li ċaħdet l-oġġezzjonijiet imqajma minnu (iktar’ il quddiem id-“digriet ta’ċediment tal‑2017”). Huwa paċifiku li l-ebda waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet ma kienet tirrigwarda l-fatt li l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali kienu nħarġu minn prosekuturi. Ladarba sar iċ-ċediment, OE ġie kkundannat għal piena ta’ 18-il sena priġunerija li bħalissa qed jiskonta fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15

Matul is-sena 2019, qorti istruttorja ta’ Amsterdam ressqet quddiem l-High Court (il-Qorti Għolja) talba għal kunsens skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 22(7) tal-Liġi tal‑2003, intiża sabiex tippermetti l-prosekuzzjoni ta’ OE għal reati mwettqa qabel iċ-ċediment tiegħu minbarra dawk li kienu mmotivaw il-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali.

16

OE oppona din it-talba, billi sostna li l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma kinux inħarġu b’mod validu peress li kienu nħarġu minn prosekuturi, jiġifieri minn awtoritajiet li ma setgħux jitqiesu bħala “awtoritajiet ġudizzjarji”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Skont OE, din iċ-ċirkustanza kienet tipprekludi li t-talba għal kunsens tintlaqa’.

17

Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Lulju 2020, l-High Court (il-Qorti Għolja) tat il-kunsens mitlub. B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma kinux inħarġu b’mod validu, hija enfasizzat li d-digriet ta’ ċediment tal‑2017 kellu l-awtorità ta’ res judicata. OE appella minn dan id-digriet quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

18

Fis‑27 ta’ Mejju 2021, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ċaħdet dan l-appell billi kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi applikata r-regola proċedurali nazzjonali tal-estoppel, li kienet tipprekludi kontestazzjoni tad-digriet ta’ ċediment tal‑2017. F’dan ir-rigward, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) irreferiet b’mod partikolari għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha jew li jkunu skadew it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kkontestati.

19

It-talba mressqa minn OE fis‑6 ta’ Lulju 2021 intiża sabiex jiġi awtorizzat jappella minn din id-deċiżjoni tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) ġiet ammessa permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat‑22 ta’ Settembru 2021, fid-dawl tal-fatt li l-kawża prinċipali kienet tqajjem kwistjonijiet ta’ interess ġenerali.

20

Quddiem din il-qorti, OE jammetti li d-digriet ta’ ċediment tal‑2017 għandu, fid-dritt Irlandiż, l-awtorità ta’ res judicata u li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li dan id-digriet jista’ jiġi kkontestat. Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali li jirregolaw il-proċedura ta’ kunsens, li għandha natura awtonoma, OE josserva li, skont l-Artikolu 22(7) tal-Liġi tal‑2003, it-talba għal kunsens għandha toriġina mill- “Istat emittenti”, peress li dan huwa ddefinit bħala l-Istat li l-“awtorità ġudizzjarja” tiegħu ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali tiegħu. Issa, sa fejn mis-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953), jirriżulta li l-prosekuturi li ħarġu l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma kinux jikkostitwixxu “awtoritajiet ġudizzjarji” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jitqies bħala “Stat emittenti” għall-finijiet tal-proċedura ta’ kunsens.

21

Bħala difiża, il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jsostni li kull kwistjoni li setgħet titqajjem dwar il-possibbiltà għall-prosekuturi Olandiżi li jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji emittenti tal-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali għandha titqies li ġiet deċiża b’mod definittiv mill-High Court (il-Qorti Għolja) fid-digriet ta’ ċediment tal‑2017 u li l-prinċipju ta’ estoppel japplika għal dan id-digriet definittiv, b’tali mod li dan ma jistax jiġi kkontestat iktar fir-rigward ta’ dan l-aspett.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk OE jistax jiġi awtorizzat, fil-kuntest ta’ talba għal kunsens imsemmija fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iqajjem argument ibbażat fuq il-fatt li l-mandati ta’ arrest Ewropej inizjali ma nħarġux minn “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tiddependi mill-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni li teżisti bejn il-proċedura ta’ċediment u l-proċedura ta’ kunsens.

23

Fil-fatt, fil-każ fejn dawn iż-żewġ proċeduri jkollhom jitqiesu li huma distinti u awtonomi, il-prinċipju tal-estoppel ma jkunx jista’ jiġi applikat, b’tali mod li kull oġġezzjoni mqajma mill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ċediment tkun tista’ tiġi invokata mill-ġdid fil-kuntest tat-talba għal kunsens.

24

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn dawn il-proċeduri għandhom jitqiesu li huma tant marbuta mill-qrib li kwistjoni deċiża fid-deċiżjoni ta’ ċediment ma tkunx tista’ tiġi diskussa iktar għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ kunsens, OE ma jkunx għalhekk awtorizzat li jqajjem f’dan l-aħħar stadju argument dwar l-istatus tal-awtorità ġudizzjarja emittenti.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ ċediment ta’ persuna toħloq relazzjoni legali bejnu, l-Istat li jeżegwixxi u l-Istat rikjedenti b’tali mod li kull kwistjoni li titqies li ġiet iddeterminata b’mod finali f’dik id-deċiżjoni għandha titqies ukoll li ġiet iddeterminata għall-finijiet tal-proċedura għall-kisba ta’ kunsens għal prosekuzzjoni jew piena ulterjuri għal reati oħrajn?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija li l-Artikolu 27 ma jeħtieġx dik l-interpretazzjoni, regola proċedurali nazzjonali tkun tikser il-prinċipju tal-effettività jekk din tkun topera b’mod li tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tinvoka, fil-kuntest tal-applikazzjoni għal kunsens, sentenza rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja] mogħtija fil-perijodu wara l-ordni ta’ ċediment?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Il-Qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, sussidjarjament, għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, hija invokat b’mod partikolari l-fatt li OE kien imċaħħad mil-libertà fil-Pajjiżi l-Baxxi fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari u li l-awtoritajiet Olandiżi riedu jiċċaraw, b’urġenza, l-istatus ġuridiku tiegħu.

27

Fil‑15 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ t-talba intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, peress li l-kundizzjonijiet tal-urġenza previsti fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti.

28

Fit‑23 ta’ Marzu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

29

Fil-fatt, minn naħa, f’dan il-każ, għalkemm OE huwa attwalment imċaħħad mil-libertà, iż-żamma tiegħu f’detenzjoni ma tiddependix mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari, peress li dan qiegħed jeżegwixxi piena li għaliha ġie kkundannat b’mod definittiv.

30

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-qorti tar-rinviju jew l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw soluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2015:862, punt 8).

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu persuna kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċediment inħareġ minn awtorità li ma kinitx tikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, jipprekludi li, sussegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, adita b’talba f’dan is-sens minn awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), tagħti l-kunsens tagħha sabiex din il-persuna tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha minbarra dak ir-reat li mmotiva dan iċ-ċediment.

32

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, fil-punt 70 tas-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi rreferiet, f’dan ir-rigward, għat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza —tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li l-prosekutur ta’ Stat Membru li, filwaqt li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tiegħu, istruzzjoni individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv ma jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) kif ukoll tal-Artikolu 27(3)(g), u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-istatus u n-natura tal-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija, rispettivament, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma l-istess, minkejja li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji jeżerċitaw funzjonijiet distinti marbuta, minn naħa, mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, mal-eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

34

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li mandati ta’ arrest Ewropej li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inħarġu mill-prosekutur ta’ Stat Membru li jista’ jirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tiegħu, istruzzjoni individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, ma jinħarġux b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

35

Madankollu, fit-tieni lok, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li OE ma appellax mid-digriet ta’ ċediment tal‑2017 u li, ladarba sar iċ-ċediment, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija fil-Pajjiżi l-Baxxi bis-saħħa ta’ sentenza li saret definittiva. Madankollu, mingħajr ma tiġi kkontestata l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-digriet ta’ ċediment tal‑2017 u lanqas dik marbuta mad-deċiżjoni ta’ kundanna li ngħatat wara dan iċ-ċediment imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, OE jsostni li kunsens mitlub skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax jingħata fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-mandati ta’ arrest Ewropej li taw lok għaċ-ċediment ma nħarġux konformement mal-imsemmija deċiżjoni qafas. F’dan il-kuntest, OE lanqas ma jikkontesta l-istatus tal-awtorità ġudizzjarja li għamlet din it-talba għal kunsens.

37

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-persuna rikjesta tkun ġiet arrestata, u sussegwentement ċeduta lill-Istat Membru emittenti, il-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala prinċipju, eżawrixxa l-effetti legali tiegħu, bla ħsara għall-effetti taċ-ċediment espressament previsti fil-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 77).

38

Issa, fost l-effetti taċ-ċediment previsti f’dan il-Kapitolu 3 hemm il-prosekuzzjoni eventwali għal reati oħra, li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom huma previsti fl-Artikolu 27 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

39

Dan l-Artikolu 27 jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, ir-regola ta’ speċjalità li tipprovdi li, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna li ġiet ċeduta ma tistax tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha minbarra dak ir-reat li mmotiva ċ-ċediment tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 36).

40

Din ir-regola teżiġi li l-Istat Membru emittenti li jixtieq iwettaq prosekuzzjoni jew jikkundanna persuna għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew differenti minn dak li ta lok għal dan iċ-ċediment jikseb il-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi evitat li l-ewwel Stat Membru jidħol fuq il-kompetenzi li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jista’ jeżerċita u jmur lil hinn mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm prosekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 40).

41

Huwa biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari meta l-kunsens ikun ingħata konformement mal-paragrafu (3)(g) u (4) ta’ dan l-artikolu, li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti huma awtorizzati li jibdew proċeduri kriminali jew li jikkundannaw lil din il-persuna għal reat differenti minn dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ċeduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 63).

42

Madankollu, minkejja r-rabta bejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit preċedentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjoni li jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija distinta minn dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għandha, għall-persuna kkonċernata, effetti distinti minn dawk ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 60, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 49).

43

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens għandha suġġett li huwa tagħha stess u għandha, għal din ir-raġuni, tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni wara eżami separat u awtonomu meta mqabbel ma’ dak li wassal għalih il-mandat ta’ arrest Ewropew.

44

Fil-fatt, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika jekk it-talba għal kunsens imressqa lilha hijiex akkumpanjata mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u minn traduzzjoni, kif indikat fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Din l-awtorità għandha tivverifika wkoll jekk ir-reat li għalih jintalab il-kunsens iwassalx huwa stess għall-obbligu ta’ ċediment skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fl-aħħar nett, hija għandha tevalwa, fid-dawl tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, jekk l-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għal reati minbarra dawk li mmotivaw iċ-ċediment tal-persuna kkonċernata tistax tiġi awtorizzata.

45

Issa, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li difett li jaffettwa mandat ta’ arrest Ewropew inizjali huwa ta’ natura li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tagħti l-kunsens mitlub.

46

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull interpretazzjoni oħra tal-imsemmija dispożizzjonijiet tikkomprometti l-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

47

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-deċiżjoni qafas jagħtu lill-Istati Membri ċerti kompetenzi preċiżi waqt l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jistabbilixxu regoli derogatorji fir-rigward tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jwassal sabiex jinnewtralizza l-għan imfittex mill-istess deċiżjoni qafas, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa ċ-ċedimenti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejniethom (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità), C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Issa, li jiġi aċċettat li l-kundizzjonijiet li fihom sar iċ-ċediment jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntest ta’ talba għal kunsens ifformulata skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 iwassal għal dewmien fid-deċiżjoni ta’ kunsens, għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ dawk previsti minn dan il-paragrafu 4, li jmur kontra r-rekwiżit ta’ ħeffa li fuqu hija bbażata din id-deċiżjoni qafas.

49

Barra minn hekk, tali eżami mill-ġdid huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn jista’ jqiegħed inkwistjoni n-natura definittiva tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ordnat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, bi ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

50

Barra minn hekk, peress li huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-punti 13, 14 u 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, li d-digriet ta’ ċediment tal‑2017 sar definittiv minkejja l-fatt li ġie adottat wara l-mandati ta’ arrest Ewropej, ikkaratterizzati mill-fatt li nħarġu minn awtoritajiet li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikun paradossali li jiġi kkontestat, minħabba din iċ-ċirkustanza, il-kunsens li wassal għall-kawża prinċipali, li, min-naħa tiegħu, huwa konsekuttiv għal talba magħmula minn awtorità ġudizzjarja kompetenti.

51

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif adottata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, hija ta’ natura li tiffavorixxi t-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità, li huwa wkoll imfittex minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141). Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tagħti l-kunsens mitlub lilha skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ dawk previsti minn dan il-paragrafu 4, dan jippreġudika dan l-għan billi jipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti milli jipproċedu kontra, jikkundannaw jew iċaħħdu mil-libertà ta’ persuna għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha minbarra dak ir-reat li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ċeduta.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu persuna kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċediment inħareġ minn awtorità li ma kinitx tikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jipprekludix li, sussegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, adita b’talba f’dan is-sens minn awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), tagħti l-kunsens tagħha sabiex din il-persuna tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha minbarra dak li mmotiva dan iċ-ċediment.

Fuq it‑tieni domanda

53

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

 

għandu jiġi nterpretat fis-sens li:

 

il-fatt li mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu persuna kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċediment nħareġ minn awtorità li ma kinitx tikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jipprekludix li, sussegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, adita b’talba f’dan is-sens minn awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), tagħti l-kunsens tagħha sabiex din il-persuna tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel iċ-ċediment tagħha minbarra dak ir-reat li mmotiva dan iċ-ċediment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.