SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

 

B. Id‑dritt Ġermaniż

 

II. Il‑proċedura prekontenzjuża

 

III. Fuq ir‑rikors

 

A. Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ deżinjazzjoni taż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

B. Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ determinazzjoni tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑argument dwar l‑assenza ta’ adozzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati għal 88 sit mill‑4 606 sit ta’ importanza għall‑Komunità inkwistjoni

 

b) Fuq l‑argument dwar il‑prattika ġenerali u strutturali li jiġu ffissati l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod li jmur kontra r‑rekwiżiti previsti fl‑Artikolu 4(4) tad‑Direttiva dwar il‑“habitats”

 

C. Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

Fuq l‑ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Assenza ta’ deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Assenza ta’ determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni – Assenza jew insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni – Prassi amministrattiva”

Fil-Kawża C‑116/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑18 ta’ Frar 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u M. Noll‑Ehlers, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:

taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-‘habitats’”), billi ma ddeżinjatx, bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, 88 sit mill-4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità li jinsabu fir-reġjuni bijoġeografiċi Alpini, Kontinentali u Atlantiċi li ġew inklużi fil-listi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/69/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ postijiet ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġijografiku Alpin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 10), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/798/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2004, L 382, p. 1), u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150), aġġornati rispettivament bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/218/KE tal‑25 ta’ Jannar 2008 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku ta’ l-Alpi (ĠU 2008, L 77, p. 106), bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/25/KE tat‑13 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2008, L 12, p. 383), kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1) (iktar ’il quddiem is-“siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni”);

taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” sa fejn, għal 88 sit minn 4606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, hija ma stabbilixxiet ebda tip ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u li barra minn hekk hija ssegwi, għall-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, prattika ġenerali u strutturali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali ta’ din id-dispożizzjoni, u

taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats” sa fejn, għal 737 sit minn 4606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, hija ma stabbilixxiet ebda tip ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u li barra minn hekk hija ssegwi, għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, prattika ġenerali u strutturali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali previsti f’din id-dispożizzjoni.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

2

It-tielet, it-tmien u l-għaxar premessa tad-Direttiva dwar il-“habitats” jgħidu li:

“Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani;

[…]

Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti;

[…]

Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

3

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

4

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].

2.   Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.”

5

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jistabbilixxi li:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

2.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull disgħa reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

6

Skont l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

B.   Id‑dritt Ġermaniż

7

Skont l-Artikolu 22 tal-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (Bundesnaturschutzgesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Preservazzjoni tal-Pajsaġġ), tad‑29 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2542, iktar ’il quddiem il-“Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura”):

“(1)   It-tqegħid taħt protezzjoni ta’ partijiet tan-natura u tal-pajsaġġ għandu jsir permezz ta’ dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiddetermina s-suġġett tal-protezzjoni, l-għan tal-protezzjoni, l-obbligi u l-projbizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni u, sa fejn ikun meħtieġ, il-miżuri ta’ manutenzjoni, ta’ żvilupp u ta’ rkupru, jew tinkludi l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan. Iż-żoni ta’ konservazzjoni jistgħu jinqasmu f’żoni li jibbenefikaw minn protezzjoni gradwali skont l-għan ta’ protezzjoni mfittex; dawn iż-żoni jistgħu jinkludu wkoll l-ambjent meħtieġ għall-protezzjoni.

(2)   Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja prevista fil-paragrafi 2a u 2b, il-forma u l-proċedura ta’ tqegħid taħt protezzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-difetti formali u proċedurali u l-possibbiltà li dawn jiġu rrimedjati, kif ukoll iż-żamma fis-seħħ tad-dikjarazzjonijiet eżistenti dwar il-parti protetta tan-natura u tal-pajsaġġ, huma rregolati mid-dritt tal-Land. It-tqegħid taħt protezzjoni jista’ jseħħ ukoll fuq livell transreġjonali.

[…]”

8

L-Artikolu 33 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“(1)   Il-modifiki u d-disturbi kollha li jistgħu jwasslu għal deterjorament sinjifikattiv ta’ sit Natura 2000 fl-elementi essenzjali tiegħu għall-għanijiet ta’ konservazzjoni jew ta’ protezzjoni huma pprojbiti. L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura u tal-preservazzjoni tal-pajsaġġ tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34(3) sa (5), tagħti derogi mill-projbizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza kif ukoll mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 32(3).

(1a)   Fis-siti Natura 2000, hija pprojbita l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet għall-finijiet li ġejjin:

1. għall-fratturazzjoni ta’ blat skistuż, tafli jew marl jew ta’ saff blat tal-faħam taħt pressjoni idrawlika għat-tiftix jew għall-estrazzjoni ta’ gass naturali,

2. għall-ħżin taħt l-art tad-depożiti tal-ilma, li jaqa’ taħt il-miżuri msemmija fil-punt 1.

L-Artikolu 34 ma għandux japplika f’dan ir-rigward.

[…]”

9

L-Artikolu 34 tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“(1)   Qabel kwalunkwe awtorizzazzjoni jew implimentazzjoni ta’ proġett, għandha ssir evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit Natura 2000 meta, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, dan jista’ jaffettwa s-sit b’mod sinjifikattiv u ma jservix direttament għall-ġestjoni tas-sit. […]

(2)   Jekk mill-evalwazzjoni tal-effetti jirriżulta li l-proġett jista’ jikkawża dannu serju lil dan is-sit fl-elementi essenzjali tiegħu għall-għanijiet ta’ konservazzjoni jew għall-għan ta’ protezzjoni, il-proġett għandu jiġi pprojbit.

(3)   B’deroga mill-paragrafu 2, tali proġett jista’ jiġi awtorizzat jew implimentat biss

1. jekk huwa neċessarju għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika, u

2. jekk ma teżistix alternattiva raġonevoli oħra li tippermetti li jintlaħaq ir-riżultat previst mill-proġett f’sit ieħor mingħajr ma jiġi kkawżat xi ħsara jew ħsara minuri.

[…]”

10

L-Artikolu 65(1) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-proprjetarji u detenturi oħra ta’ dritt ta’ tgawdija ta’ proprjetà immobbli għandhom jittolleraw il-miżuri ta’ protezzjoni tan-natura u ta’ preservazzjoni tal-pajsaġġ ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, fuq dispożizzjonijiet legali adottati jew applikabbli abbażi ta’ din il-liġi, jew ukoll fuq il-leġiżlazzjoni tal-Länder fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, sakemm it-tgawdija tal-proprjetà immobbli ma jiġix ippreġudikat b’mod inaċċettabbli. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli iktar stretti previsti fuq livell tal-Länder.”

II. Il‑proċedura prekontenzjuża

11

Permezz tad-Deċiżjonijiet 2004/69, 2004/798 u 2004/813, il-Kummissjoni stabbilixxiet listi ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità preżenti rispettivament fir-reġjuni bioġeografiċi Alpini, Kontinentali u tal-Atlantiċi. Dawn il-listi ġew aġġornati bid-Deċiżjonijiet 2008/218, 2008/25 u 2008/23 rispettivament.

12

It-terminu ta’ sitt snin għad-deżinjazzjoni ta’ dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, skada l-iktar tard fil‑25 ta’ Jannar 2014.

13

Permezz ta’ ittri tat‑13 ta’ Ġunju 2012 u tas‑17 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tad-deżinjazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, kif ukoll dwar l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, konformement mal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

14

Fid-dawl tar-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas‑26 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti u bagħtitlu, fis‑27 ta’ Frar 2015, ittra ta’ intimazzjoni.

15

Fis‑26 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni komplementari lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

16

Wara li eżaminat it-tweġiba mogħtija minn dan l-Istat Membru permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ April u tal‑11 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ħarġet, fit‑13 ta’ Frar 2020, opinjoni motivata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, fejn ilmentat li dan l-Istat Membru naqas, b’mod partikolari, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-“habitats”:

sa fejn ma ddeżinjax 129 sit minn 4606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, u

sa fejn ma stabbilixxiex, b’mod ġenerali u strutturali, għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri ta’ konservazzjoni suffiċjentement iddettaljati, speċifiċi għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni u neċessarji.

17

Fuq talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Marzu 2020, estendiet sat‑13 ta’ Ġunju 2020 it-terminu sabiex tingħata tweġiba għall-opinjoni motivata.

18

Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kollha kienu ġew iddeżinjati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinsabu fil-Land ta’ Niedersachsen, li l-proċedura kienet ser tingħalaq qabel tmiem is-sena 2022 fir-rigward tat‑88 sit neqsin li jinsabu f’dan il-Land u li l-miżuri ta’ konservazzjoni li kienu neqsin għal 737 sit kienu ser jiġu kkompletati sas-sena 2023. Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti legali fil-qasam tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, dan l-Istat Membru kkonferma n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

19

Peress li qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx, għalhekk, ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit‑18 ta’ Frar 2022.

III. Fuq ir‑rikors

20

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel tnejn, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Hija tallega, l-ewwel, li 88 sit minn 4606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni ma ġewx iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, it-tieni, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma ġewx stabbiliti fir-rigward tal-imsemmija 88 sit u li, għall-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssegwi prattika ġenerali u strutturali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, u, it-tielet, li, minn naħa, miżuri ta’ konservazzjoni suffiċjenti ma ġewx stabbiliti għal 737 sit fl-4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni u li, min-naħa l-oħra, għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssegwi prattika ġenerali u strutturali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

21

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

A.   Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ deżinjazzjoni taż‑żoni speċjali ta’ konservazzjoni

1. L‑argumenti tal‑partijiet

22

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” billi naqset milli tiddeżinja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, fil-Land ta’ Niedersachsen, 88 mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

23

Din l-istituzzjoni tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑415/01, EU:C:2003:118, punti 2223), kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (C‑535/07, ECLI:EU:C:2010:602, punt 64), dwar iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali previsti fid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-‘għasafar’”), tista’ tiġi trasposta f’dan il-każ, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni previsti fid-Direttivi dwar il-“habitats” u dwar l-“għasafar”. Skont din il-ġurisprudenza, iż-żoni speċjali ta’ protezzjoni għandhom jiġu identifikati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli kif ukoll bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

24

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, bejn id-data tat-trażmissjoni mill-Kummissjoni tal-opinjoni motivata u d-data tal‑31 ta’ Marzu 2022, hija indikat bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni l-aħħar siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. Ħamsa biss mill-imsemmija siti għadhom ma ġewx iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni u għandhom jitneħħew mil-listi tas-siti fil-kuntest tal-aġġornamenti li ġejjin ta’ dawn il-listi, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

25

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika li, fil-verżjonijiet kollha tiegħu fis-seħħ mill‑4 ta’ April 2002, l-Artikolu 33 tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura jipprevedi protezzjoni legali tas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità li huma nnotifikati lill-Kummissjoni u inklużi f’lista skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, qabel ma dawn jiġu konkretament iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Dan l-Istat Membru jsostni li, konsegwentement, fit‑88 sit imsemmija mill-Kummissjoni bħala li ma humiex iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kien ipprojbit, skont l-imsemmi Artikolu 33, li ssir kull modifika u kull disturb li jista’ jwassal għal deterjorament sinjifikattiv ta’ dawn is-siti u li, skont l-Artikolu 34 tal-imsemmija liġi, għandhom jiġu eżaminati l-pjanijiet jew il-proġetti, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, fid-dawl tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats” jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu sabiex jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tan-network Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorji rispettivi tagħhom, tat-tipi ta’ habitats naturali li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, kif ukoll li jiddeżinjaw, għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva u fi tmiem il-proċedura stabbilita minnha, siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

27

Il-proċedura ta’ deżinjazzjoni tas-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-“habitats”, tiżvolġi f’erba’ stadji. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li fihom, li għandu jibgħat lill-Kummissjoni (l-ewwel stadju). Konformement mal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, ibbażata fuq il-listi stabbiliti mill-Istati Membri (it-tieni stadju). Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tas-siti magħżula (it-tielet stadju). Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun intgħażel, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeżinjah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin billi jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew ta’ speċi kif ukoll għall-koerenza ta’ Natura 2000 (ir-raba’ stadju) (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn naħa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li, fid-data li fiha skada t-terminu sabiex tingħata tweġiba għall-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑13 ta’ Ġunju 2020, it‑88 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni ma kinux is-suġġett ta’ deżinjazzjoni formali bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Madankollu, hija ssostni li, bejn id-data tat-trażmissjoni mill-Kummissjoni tal-opinjoni motivata u d-data tal‑31 ta’ Marzu 2022, hija ddeżinjat bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni l-aħħar siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, b’tali mod li ħamsa biss mill-imsemmija siti għadhom ma humiex iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka l-fatt li l-Artikoli 33 u 34 tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura jipprevedu, mill‑2002, protezzjoni legali tas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità kkomunikati lill-Kummissjoni u inklużi f’lista skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, qabel ma dawn jiġu konkretament iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

31

Issa, billi tindika li l-protezzjoni hija mogħtija mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża lis-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità kkomunikati lill-Kummissjoni u inklużi fil-lista skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, qabel ma dawn jiġu konkretament iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammetti li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, hija kienet għadha ma ddeżinjatx dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

32

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex ta’ natura li tissodisfa l-obbligu speċifiku, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, ta’ deżinjazzjoni formali tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

34

Fil-fatt, tali deżinjazzjoni tikkostitwixxi stadju obbligatorju fil-kuntest tas-sistema tal-protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi prevista minn din id-direttiva.

35

Ma’ dan l-obbligu għandhom jiżdiedu dawk relatati mad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, u mal-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

L-obbligu, għall-Istati Membri, li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jipproteġu ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li huwa previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-“habitats”, huwa distint mill-obbligu formali għal dawn l-Istati, previst fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, li jiddeżinjaw is-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 54).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ddeżinjatx bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni 88 mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

38

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

B.   Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ determinazzjoni tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni

1. L‑argumenti tal‑partijiet

39

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, ma ppubblikatx l-għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għal 88 sit mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni ssostni li, b’mod ġenerali u strutturali, il-prattika tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jiffissaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tmur kontra r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni sa fejn, l-ewwel, dawn l-għanijiet ma jinkludux elementi kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu, it-tieni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tipprevedix distinzjoni bejn l-għan ta’ “restawr” u l-għan ta’ “żamma” ta’ oġġetti li għandhom jiġu protetti u, it-tielet, l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn dan l-Istat Membru ma humiex legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

40

Fl-ewwel lok, mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 52) il-Kummissjoni tiddeduċi l-eżistenza ta’ obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għal kull sit ta’ importanza għall-Komunità fit-terminu massimu ta’ sitt snin.

41

Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistabbilixxix dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni qabel id-deżinjazzjoni ta’ sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex l-imsemmija għanijiet għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni li ma ġewx iddeżinjati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, dan l-Istat Membru kkonferma li, għas-siti tal-Land ta’ Niedersachsen, l-għanijiet ġenerali ta’ konservazzjoni huma ddefiniti fil-kuntest tal-protezzjoni tas-siti permezz tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni u sussegwentement, jekk ikun il-każ, jiġu kkonkretizzati fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni tal-ġestjoni tal-imsemmija siti.

42

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ġenerali u strutturali tal-obbligi dwar l-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma fihomx elementi kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu, li jippreżentaw f’ċifri l-kontribut speċifiku li s-sit protett għandu jipprovdi sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli fuq livell nazzjonali għall-habitat jew għall-ispeċi inkwistjoni. L-istess japplika għall-għanijiet ta’ konservazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta’ ġestjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja semmiet matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura.

43

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, bħala eżempju, li, għad-diversi siti tal-Land ta’ Bayern, fejn hemm it-tip ta’ habitat 6510 “Mergħat tal-ħuxlief tal-pjanura (Alopecurus pratensis, Sanguisorba officinalis)”, għas-sit DE 5630‑371 li jinkludi t-tip ta’ habitat “Rodachaue mit Bischofsaue westlich Bad Rodach”, kif ukoll għas-sit DE 8020‑341, “Ablach, Baggerseen und Waltere Moor”, li jospita l-ispeċi 1032 “Mollusk tax-xmara bil-qoxra ħoxna (Unio crassus)”, il-leġiżlazzjoni interna stabbilixxiet l-għanijiet ta’ konservazzjoni għall-habitats u għall-ispeċi kkonċernati f’termini ġenerali ħafna u mingħajr ma indikat ebda element kwantitattiv jew li jista’ jitkejjel.

44

Issa, id-Direttiva dwar il-“habitats” tipprevedi d-definizzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi u tat-tipi ta’ habitats abbażi ta’ karatteristiċi li għandhom jiġu ddeterminati kwantitattivament, bħaż-“żona” li jkopri habitat naturali, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, jew iċ-“ċaqliq tal-popolazzjoni” tal-ispeċi, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(i) ta’ din id-direttiva.

45

B’hekk, l-Istati Membri ftiehmu mal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-“habitats”, li jiffissaw valuri ta’ referenza li jindikaw il-limitu minimu li minnu jintlaħaq fuq livell nazzjonali stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat jew ta’ speċi.

46

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-valuri ta’ referenza li sussegwentement l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiddefinixxu l-kontribut speċifiku li sit partikolari għandu jagħti sabiex jintlaħaq il-valur ta’ referenza nazzjonali.

47

Bħala eżempju, fir-rapport nazzjonali tagħha għas-sena 2012, stabbilit skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-“habitats”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stabbilixxiet l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi veġetali “bużbież tal-ilma tat-tip hemlock (Oenanthe conioides)”, għal dak li jirrigwarda d-daqs tal-popolazzjoni fuq livell nazzjonali, b’valur ta’ referenza ta’ mill-inqas 5025 individwu. Madankollu, dan l-Istat Membru ma pprevediex għanijiet kwantifikati ta’ konservazzjoni għal kull wieħed mid-disa’ siti fejn din l-ispeċi hija preżenti. Konsegwentement, stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-imsemmija speċi ma hijiex żgurata, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

48

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li d-data għall-perijodu bejn l‑2013 sal‑2018 trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-“habitats” turi li madwar 80 % tat-tipi ta’ habitats u ta’ speċi protetti fil-Ġermanja għadhom fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli, minkejja li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom f’żoni protetti. Għal dak li jirrigwarda l-ispeċi protetti, il-proporzjon ta’ speċi fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli żdied ukoll b’mod kontinwu mis-sena 2001.

49

Barra minn hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni adottati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats” għandhom jikkorrispondu ma’ għanijiet kwantifikati u li jistgħu jitkejlu.

50

L-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, għandha ssir ukoll b’rabta mal-għanijiet ta’ konservazzjoni kwantifikati. Fil-fatt, l-effetti negattivi fuq dawn l-għanijiet jistgħu jiġu esklużi b’ċertezza biss jekk dawn tal-aħħar ikunu suffiċjentement speċifikati minn elementi kwantitattivi.

51

Barra minn hekk, l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li sempliċement jipprevedu t-titjib tal-kwalità tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ oġġett protett fis-sit inkwistjoni, ma jippermettux li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, sabiex jintlaħaq il-valur ta’ referenza nazzjonali, dan is-sit għandu jipprovdi kontributi konkreti, jiġifieri, pereżempju, ċertu żidiet kwantifikati fiż-żoni.

52

F’dan ir-rigward, minbarra l-eżempju li jirrigwarda l-ispeċi veġetali “bużbież tal-ilma tat-tip hemlock (Oenanthe conioides)”, il-Kummissjoni ssemmi l-habitat 6510 “Mergħat tal-ħuxlief tal-pjanura (Alopecurus pratensis, Sanguisorba officinalis)”, li jinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. Il-valur ta’ referenza Ġermaniż għal dan il-habitat jipprevedi n-neċessità li tiġi żgurata iktar superfiċji ta’ protezzjoni, jiġifieri ż-żieda tagħha ta’ mill-inqas 10 %. Madankollu, il-kuntest ta’ evalwazzjoni Ġermaniż ma jsemmix is-superfiċji bħala kriterju ta’ evalwazzjoni, billi jirreferi biss għall-kriterji kwalitattivi, li ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-imsemmija żieda fis-superfiċji ta’ protezzjoni.

53

Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, il-Kummissjoni ssemmi żewġ eżempji, jiġifieri dak tal-ispeċi “Lady’s slipper (Cypripedium calceolus)” preżenti fis-sit DE 5232‑301 “Edelmannsberg” u dak tat-tip ta’ habitat 6110 “Artijiet bil-ħaxix rupikolożi kalkarji jew basifili” preżenti fis-sit DE 5231‑301.

54

F’dan ir-rigward, evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, ibbażata fuq stat eventwalment sfavorevoli ta’ konservazzjoni tal-ispeċi jew tal-habitat ikkonċernat fuq is-sit inkwistjoni twassal għall-konklużjoni li dan il-proġett li ma jaggravax dan l-istat sfavorevoli jista’ jiġi aċċettat. Madankollu, dan imur kontra l-għan tad-Direttiva dwar il-“habitats” fil-każ fejn l-istat ta’ konservazzjoni jkun globalment sfavorevoli fuq livell nazzjonali u fejn is-sit inkwistjoni jkollu jagħti kontribut pożittiv speċifiku sabiex jintlaħaq stat favorevoli fuq livell nazzjonali, peress li dan il-kontribut jitqiegħed f’dubju mill-proġett ikkonċernat. F’każ bħal dan, huwa biss għan ta’ konservazzjoni kwantifikat li jista’ jiżgura l-istabbiliment ta’ stat ta’ konservazzjoni globalment favorevoli fuq livell nazzjonali.

55

Dan ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantifikat u li jista’ jitkejjel ma huwiex, skont il-Kummissjoni, sproporzjonat. Fil-fatt, l-Istati Membri jipproċedu b’dan il-mod. B’mod partikolari, ir-Reġjun ta’ Vlaams (il-Belġju) stabbilixxa valur ta’ referenza ta’ 2150 ettaru addizzjonali għat-tip ta’ habitat 1130 “Estwarji” sabiex jilħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli għalih. Fir-rigward tas-siti inkwistjoni, dawn il-valuri ta’ referenza kwantifikati huma tradotti f’għanijiet ta’ konservazzjoni kwantifikati.

56

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-Ġermanja ma jagħmlux distinzjoni bejn l-għan ta’ “restawr” u l-għan ta’ “żamma” tal-oġġetti li għandhom jiġu protetti u turi dan in-nuqqas ta’ distinzjoni billi ssemmi ċerti siti, jiġifieri s-sit DE 7537‑301 “Isarauen von Unterföhring bis Landshut”, is-sit DE 2751‑302 “Große Hölle” u s-sit DE 2710‑331 “Wolfmeer” għat-tip ta’ habitat 91D0 “għadajjar mimlija bil-foresti”.

57

Issa, fid-dawl tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 57), din id-distinzjoni hija neċessarja sabiex tiġi żgurata n-natura suffiċjentement speċifika tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

58

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li l-miżuri ta’ konservazzjoni li huma intiżi li jippreservaw l-istat tal-oġġett protett huma fundamentalment distinti minn dawk li huma intiżi li jirrestawrawh. Dawk tal-ewwel jiżguraw l-istatus quo fir-rigward tal-oġġett protett, filwaqt li t-tieni jeħtieġu sforzi kunsiderevolment iktar intensivi sabiex jiġi rrestawrat l-oġġett protett, jiġifieri, pereżempju, il-ħolqien ta’ żoni ġodda tat-tip ta’ habitat inkwistjoni. Għalhekk, l-għanijiet ta’ konservazzjoni, li abbażi tagħhom għandhom jiġu żviluppati l-miżuri ta’ konservazzjoni, għandhom jindikaw b’mod ċar jekk l-għan segwit huwiex ir-restawr jew iż-żamma tal-oġġett li għandu jiġi protett.

59

Id-distinzjoni bejn l-għan ta’ “restawr” u l-għan ta’ “żamma” tal-oġġett li għandu jiġi protett hija wkoll determinanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”. Il-kwistjoni dwar jekk proġett jistax jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv tiddependi b’mod partikolari fuq jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit humiex intiżi għar-restawr jew għaż-żamma tiegħu.

60

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ tali distinzjoni ma huwiex sproporzjonat, peress li ċerti Stati Membri, b’mod partikolari r-Renju tal-Belġju, wettqu tali distinzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

61

It-tielet, il-Kummissjoni tallega li l-għanijiet ta’ konservazzjoni li huma speċifikati biss fuq livell tal-pjanijiet ta’ ġestjoni ma humiex legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Pereżempju, l-Artikolu 4(2) tal-Bayerische Natura 2000-Verordnung (ir-Regolament Natura 2000 tal-Land ta’ Bayern), tat‑12 ta’ Lulju 2006 (GVBl. p. 524), jipprevedi li l-pjanijiet ta’ ġestjoni ma joħolqux obbligi għall-proprjetarji tal-artijiet u għad-detenturi ta’ permessi privati għar-ragħa. B’hekk, mill-pjan ta’ ġestjoni integrata għall-estwarju tal-Elbe (il-Ġermanja) jirriżulta li dan ma għandux effett legali vinkolanti fir-rigward tal-proprjetarji tal-artijiet u li ma jimponi ebda obbligu dirett fuq l-individwi. Bl-istess mod, l-awtoritajiet tal-Länder ta’ Sachsen u ta’ Brandenburg ikkonfermaw li l-pjanijiet ta’ ġestjoni adottati fit-territorji tagħhom ma kinux vinkolanti għall-individwi.

62

Issa, il-Kummissjoni tfakkar ir-rekwiżit ġenerali li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli kif ukoll bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑415/01, EU:C:2003:118, punt 21).

63

Peress li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli f’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi li dawn l-għanijiet jiġu stabbiliti, fl-ewwel lok, b’mod ġenerali f’att nazzjonali li jiddeżinja żona speċjali ta’ konservazzjoni u li dawn jiġu, fit-tieni lok, ikkonkretizzati fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni. Madankollu, sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, l-istrumenti legali li jispeċifikaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni f’kull wieħed minn dawn l-istadji għandhom ikunu vinkolanti fil-konfront ta’ partijiet terzi.

64

Is-saħħa vinkolanti tal-istrumenti legali li jiddeterminaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni hija wkoll neċessarja sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”. Fl-assenza ta’ saħħa vinkolanti ta’ tali strumenti, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni li jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba r-riskju ta’ preġudizzju għall-għanijiet ta’ konservazzjoni.

65

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti, fl-ewwel lok, li, bejn id-data tat-trażmissjoni mill-Kummissjoni tal-opinjoni motivata u d-data tal‑31 ta’ Marzu 2022, hija ddeżinjat is-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni u stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal dawn is-siti, bl-eċċezzjoni ta’ xi siti li għalihom huwa previst li jitneħħew mil-listi tas-siti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-“habitats” hija, f’dan ir-rigward, issa kompleta.

66

Fit-tieni lok, il-passi meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fuq livell nazzjonali ma jikkostitwixxux nuqqas ġenerali u strutturali.

67

F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, li għalih tirreferi l-Kummissjoni, ma jinkludix riferiment għall-għanijiet ta’ konservazzjoni. Dawn tal-aħħar jissemmew biss fil-premessi 8 u 10 tal-imsemmija direttiva. L-imsemmi artikolu sempliċement jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu l-prijoritajiet skont, minn naħa, l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew ta’ speċi kkonċernati kif ukoll għall-koerenza ta’ Natura 2000 u, min-naħa l-oħra, it-theddid ta’ degradazzjoni jew ta’ qerda li huma suġġetti għalihom.

68

Sa fejn id-Direttiva dwar il-“habitats” hija indirizzata lill-Istati Membri kollha, l-interpretazzjoni l-inqas restrittiva tagħha għandha tipprevali jekk din tkun suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punti 34).

69

Fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istatus legali ta’ protezzjoni li minnu għandhom jibbenefikaw iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali, imsemmija mid-Direttiva 79/409, ma jimplikax li dawn l-għanijiet għandhom jiġu speċifikati għal kull speċi kkunsidrata separatament (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, għandha tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa, l-għanijiet ta’ konservazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats preżenti fiż-żona speċjali ta’ konservazzjoni ta’ interess. Issa, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistabbilixxi tali rabta.

71

Min-naħa l-oħra, għalkemm, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu suffiċjentement speċifiċi, madankollu minn dan ma jirriżultax li dawn għandhom ikunu kwantifikabbli u għandhom jistgħu jitkejlu.

72

Li kieku kien possibbli li ssir determinazzjoni kwantitattiva u li tista’ titkejjel tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għal ċerti speċi u għal ċerti tipi ta’ habitats, tali determinazzjoni ma tkunx, madankollu, xierqa bħala rekwiżit ġenerali.

73

Qabelxejn, approċċ purament kwantitattiv, ibbażat fuq iż-żona tat-tipi ta’ habitats, ma jistax jirrifletti l-istat tas-superfiċji inkwistjoni u għandu għalhekk jimxi id f’id mal-użu ta’ kriterji kwalitattivi.

74

Sussegwentement, approċċ kwantitattiv ma jkunx adattat, b’mod partikolari, għat-tipi ta’ habitats kumplessi jew għaż-żoni ta’ konservazzjoni ta’ natura dinamika, meta ċerti elementi tal-habitats kumplessi jew tipi differenti ta’ habitats preżenti fi ħdan żona ta’ konservazzjoni jinbidlu kontinwament fin-natura tagħhom u jinteraġixxu ma’ xulxin.

75

Fl-aħħar nett, għanijiet ta’ konservazzjoni kwantitattivi relatati b’mod rispettiv ma’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni individwali ma humiex konformi mar-rekwiżit ta’ koerenza ta’ Natura 2000 u ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ rabtiet ekoloġiċi fi ħdan dan in-network.

76

Dan jirriżulta preċiżament mill-valuri ta’ referenza nazzjonali stabbiliti għall-ispeċi veġetali “bużbież tal-ilma tat-tip hemlock (Oenanthe conioides)”, li hija speċi endemika tal-estwarju tal-Elbe li għandha habitat kumpless dinamiku ħafna. Is-siti ta’ tkabbir ta’ din l-ispeċi jistgħu jiġu adattati b’mod permanenti u l-popolazzjoni tal-istess speċi għandha fluttwazzjonijiet kbar fl-evoluzzjoni naturali tagħha, mingħajr madankollu ma tipperikola l-istat ta’ konservazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-firxa ta’ din l-ispeċi hija koperta minn diversi żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li huma konnessi ma’ xulxin u li l-popolazzjonijiet tagħhom jinteraġixxu. Għalhekk, il-kontribut kwantitattiv ta’ kull żona speċjali ta’ konservazzjoni għall-konservazzjoni tal-imsemmija speċi kollha kemm hi huwa wkoll suġġett għal varjazzjonijiet kunsiderevoli, mingħajr ma l-istat ta’ konservazzjoni jvarja globalment.

77

Valuri ta’ referenza kwantifikati għall-ispeċi “bużbież tal-ilma tat-tip hemlock (Oenanthe conioides)” jistgħu għalhekk jiġu stabbiliti biss għar-reġjun bioġeografiku kollu kemm hu, u mhux għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni individwali.

78

Għal dak li jirrigwarda r-rapporti msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-“habitats” kif ukoll tal-Kumitat previst fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-istabbiliment, mill-Istati Membri, tal-valuri ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat stat ta’ konservazzjoni favorevoli ma għandux effett vinkolanti fir-rigward ta’ dawn l-Istati.

79

Fil-fatt, din id-direttiva ma tipprevedix l-obbligu li jiġu stabbiliti tali valuri ta’ referenza.

80

Barra minn hekk, ir-rapport stabbilit minn Stat Membru skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-“habitats” ma jirrigwardax speċifikament is-sitwazzjoni fid-diversi żoni speċjali ta’ konservazzjoni, iżda dik għat-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.

81

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli li għandu jintlaħaq konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” ma jirrigwardax id-diversi żoni speċjali ta’ konservazzjoni preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, iżda t-territorju Ewropew kollu li fih japplika d-dritt tal-Unjoni.

82

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, ma hijiex ibbażata fuq l-għan ġenerali taż-żamma jew tar-restawr fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi jew tat-tipi ta’ habitats ikkonċernati, iżda b’mod konkret fuq ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva u tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tagħha. L-imsemmija rekwiżiti għandhom jiġu ddeterminati prinċipalment b’mod kwalitattiv u, f’każijiet individwali biss, b’mod kwantitattiv ukoll.

83

L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, li tirrigwarda biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni ġenerali, jew saħansitra l-informazzjoni li tinsab fil-formola standard tad-data, ma hijiex konformi mal-għan tad-Direttiva dwar il-“habitats” jikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑209/02, EU:C:2004:61, punt 24), kif ukoll tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑504/14, EU:C:2016:847, punti 910).

84

Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:f255, punt 116), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat il-kriterji tal-imsemmija evalwazzjoni b’mod astratt, u mhux skont għanijiet individwali kwantifikati.

85

It-tieni, il-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni humiex milħuqa miż-żamma jew mir-restawr fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali jew ta’ speċi tiddependi mill-istat reali rispettiv ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, li hija suġġetta għal fluttwazzjonijiet naturali kif ukoll għal influwenzi umani esterni u tiddependi b’mod partikolari fuq miżuri ta’ żamma jew ta’ restawr preċedenti.

86

Jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-għanijiet ta’ konservazzjoni stess kellhom jiġu differenzjati skont jekk għandhomx jintlaħqu permezz taż-żamma jew tar-restawr tal-oġġetti li għandhom jiġu protetti, ikun meħtieġ, fl-okkażjoni ta’ kull modifika effettiva tal-livell ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats naturali preżenti f’żona speċjali ta’ konservazzjoni, li jiġi emendat l-għan ta’ konservazzjoni korrispondenti, u dan għal kull speċi u għal kull tip ta’ habitat.

87

B’mod partikolari, fil-habitats dinamiċi bħall-estwarju tal-Elbe, fejn l-ispeċi veġetali “bużbież tal-ilma tat-tip hemlock (Oenanthe conioides)” hija preżenti, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jirriskjaw li jkollhom jiġu adattati ripetutament għall-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali.

88

Għaldaqstant, il-prassi Ġermaniża ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-“habitats”, li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ stat mixtieq u li tobbliga lill-awtoritajiet jilħqu dan l-istat każ b’każ permezz ta’ miżuri ta’ żamma jew ta’ restawr, tissodisfa b’mod sħiħ l-effett utli ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-għan previst fl-Artikolu 2(2) tagħha, li huwa intiż li jiżgura ż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ importanza għall-Komunità.

89

Il-kwistjoni dwar jekk proġett jistax jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, ma tiddependix minn għażla formali magħmula fil-passat, li tattribwixxi lill-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit skop ta’ restawr jew ta’ żamma, iżda mill-kundizzjonijiet konkreti prevalenti fis-sit fil-mument li fih tqum il-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent.

90

It-tielet, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu inkorporati f’atti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dawn l-għanijiet huma, minħabba n-natura tagħhom, indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

91

Fi kwalunkwe każ, fil-Ġermanja, l-għanijiet ta’ konservazzjoni fis-sens strett jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni ta’ konservazzjoni u għalhekk f’liġijiet sostantivi li huma legalment vinkolanti erga omnes. Barra minn hekk, dawn l-għanijiet huma speċifikati wkoll fil-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ żvilupp u imposti b’mod suffiċjentement vinkolanti fil-konfront ta’ terzi. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 34 tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, terzi ma jistgħu jimplimentaw ebda pjan jew proġett jew jieħdu azzjoni li tista’ tippreġudika l-għanijiet ta’ konservazzjoni, u terzi li huma proprjetarji ta’ superfiċji li jinsabu f’żona speċjali ta’ konservazzjoni għandhom jittolleraw miżuri ta’ żamma jew ta’ restawr, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, meta organi pubbliċi jimplimentaw dawn il-miżuri.

92

Sa fejn żona speċjali ta’ konservazzjoni teħtieġ mhux biss miżuri ta’ projbizzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ konservazzjoni previst waqt id-deżinjazzjoni tagħha, iżda wkoll miżuri effettivi ta’ żamma jew ta’ restawr tal-istat ta’ konservazzjoni tal-element protett, ir-regolamenti dwar iż-żoni ta’ konservazzjoni jinkludu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 22(1) tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura, l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-awtoritajiet kompetenti, li tawtorizza l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fejn l-Artikolu 65 ta’ din il-liġi jobbliga lit-terzi privati jittolleraw tali miżuri.

93

Konsegwentement, anki jekk pjan ta’ ġestjoni jew ta’ żvilupp ma huwiex fih innifsu vinkolanti għal terzi, l-għanijiet ta’ konservazzjoni, speċifikati f’iktar dettall, li dan jinkludi huma, minħabba din is-sitwazzjoni legali, indirettament vinkolanti wkoll għal terzi u infurzabbli fil-konfront tagħhom.

94

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja llimitat indebitament il-miżuri ta’ konservazzjoni tagħha, fil-parti l-kbira tagħhom, għaż-żamma tal-istatus quo u ma sfruttatx b’mod sħiħ il-potenzjal taż-żoni ta’ konservazzjoni sabiex tistabbilixxi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Fil-fatt, 67 mit‑82 tip ta’ habitats li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-“habitats”, preżenti fil-Ġermanja fir-reġjun bioġeografiku Kontinentali, jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni “sfavorevoli u inadegwat” jew “sfavorevoli u ħażin”. Waħda mir-raġunijiet ta’ dan l-iżvilupp li tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva tinsab fil-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tonqos sistematikament milli tiffissa għanijiet ta’ konservazzjoni kwantifikati. Fil-fatt, sa fejn żidiet fiż-żoni jew iż-żidiet fil-popolazzjonijiet huma neċessarji, huma biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni li jikkwantifikaw b’mod ċar il-kontributi ta’ żona f’dan ir-rigward li jiggarantixxu li l-miżuri adottati f’kull żona jikkontribwixxu b’mod affidabbli għall-istabbiliment ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

95

Il-Kummissjoni ssostni li hija bl-ebda mod ma tafferma li l-karatteristiċi li għandhom jiġu kkwantifikati, bħas-superfiċji jew l-istruttura tal-popolazzjoni, huma l-uniċi kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni. Fil-fatt, l-għanijiet kwalitattivi, bħal ċerti parametri relatati mal-valur tas-superfiċji l-ġodda li għandhom jinħolqu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod komplementari. Fir-rigward tal-koerenza tan-network ta’ protezzjoni, huma preċiżament l-għanijiet ta’ konservazzjoni kwantifikati li jiżguraw b’mod affidabbli l-kontribut ta’ kull sit għan-network kollu.

96

Għal dak li jirrigwarda l-Istati Membri li stabbilixxew għanijiet ta’ konservazzjoni kwantifikati, il-Kummissjoni tippreżenta eżempju ta’ prattika fil-Bulgarija, fil-Litwanja kif ukoll fir-Rumanija.

97

Il-Kummissjoni tenfasizza li għanijiet ta’ konservazzjoni vagi bħal dawk stabbiliti fil-Ġermanja, li lanqas ma jiddeterminaw jekk humiex intiżi li jirrestawraw jew iżommu l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ element protett, ma jiggarantixxux l-effett utli tad-Direttiva dwar il-“habitats”. Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li jintalab tal-inqas li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistabbilixxu l-iskop imfittex, jiġifieri r-restawr jew iż-żamma tal-istat ta’ konservazzjoni tal-oġġetti li għandhom jiġu protetti, u jindikaw il-parametri preċiżi f’dan ir-rigward.

98

Fir-rigward tal-obbligu li jiġu ttollerati, minn terzi, miżuri ta’ ġestjoni, skont l-Artikolu 65 tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura, dan jirrigwarda biss, skont il-Kummissjoni, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Issa, kif tirrikonoxxi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-pjanijiet ta’ ġestjoni ma jikkostitwixxux preċiżament dispożizzjonijiet leġiżlattivi, fis-sens tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri hija suġġetta, skont l-imsemmija liġi, għall-kundizzjoni li l-użu tal-art ma jkunx ostakolat b’mod irraġonevoli. Din ir-restrizzjoni ma tippermettix li jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni jiġu implimentati.

99

Fir-rigward tal-protezzjoni tan-natura permezz ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ kuntratti ma tistax tiġi imposta fuq terzi, b’tali mod li t-twettiq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jiddependi biss mir-rieda tal-proprjetarji tal-artijiet li jikkonkludu tali kuntratti.

100

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti li l-proċeduri fit-tul għandhom jiġu implimentati sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitat naturali jew ta’ speċi u sabiex jiġu applikati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għal dan l-għan, u għalhekk jista’ jgħaddi ċertu żmien qabel ma jkun jista’ jiġi kkonstatat titjib li jidher b’mod ċar. Anki jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-istat tas-siti ta’ importanza għall-Komunità u taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni mar għall-agħar fil-Ġermanja, ebda konklużjoni ma tista’ tiġi dedotta fir-rigward tar-rekwiżiti legali relatati mal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

101

Barra minn hekk, l-allegata żieda qawwija fil-proporzjon ta’ speċi fi stat sfavorevoli ta’ konservazzjoni fil-Ġermanja hija konsegwenza ta’ bidla fin-numru ta’ oġġetti li għandhom jiġu protetti evalwati fil-kuntest tar-rapport stabbilit minn dan l-Istat Membru.

102

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni previsti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni u fl-istrumenti ta’ protezzjoni kuntrattwali tan-natura jservu sabiex jispeċifikaw u jippreċiżaw iktar l-għanijiet ta’ konservazzjoni diġà vinkolanti, previsti mir-regolamenti dwar iż-żoni protetti. Dawn l-għanijiet huma vinkolanti fuq livell amministrattiv u jippreċiżaw il-kriterji previsti għall-finijiet tal-għanijiet ta’ konservazzjoni fir-regolamenti dwar iż-żoni protetti, applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ppreżentati minn terzi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-protezzjoni tan-natura permezz ta’ kuntratt, l-imsemmija għanijiet huma wkoll vinkolanti għall-partijiet kontraenti.

103

Fir-rigward tal-Artikolu 65 tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-artikolu ma jirrigwardax biss l-applikazzjoni ta’ miżuri ddefiniti f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi, iżda jirreferi għall-applikazzjoni ta’ miżuri “ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, fuq dispożizzjonijiet legali adottati jew applikabbli abbażi [tal-imsemmija] liġi, jew ukoll fuq il-leġiżlazzjoni tal-Länder fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura”. L-imsemmi artikolu jipprevedi obbligu, li għandu portata wiesgħa, li jiġu osservati l-miżuri li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali, mingħajr ma jkun neċessarju li dawn il-miżuri jkunu huma stess direttament previsti minn dispożizzjonijiet legali.

104

Ir-regolamenti nazzjonali dwar iż-żoni protetti ma jipprevedux biss miżuri ta’ projbizzjonijiet sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni mfittex mid-deżinjazzjoni ta’ dawn iż-żoni bħala żoni protetti, iżda jawtorizzaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri effettivi ta’ konservazzjoni jew ta’ restawr neċessarji. Dawn ir-regolamenti dwar iż-żoni protetti jikkostitwixxu, min-naħa tagħhom, “il-leġiżlazzjoni tal-Länder fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 65(1) tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura, jew, sa fejn dawn huma regolamenti dwar iż-żoni protetti, dispożizzjonijiet legali ddedikati esklużivament għaż-żona ekonomika Ġermaniża, adottati abbażi tal-imsemmija liġi. Konsegwentement, l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-awtoritajiet kompetenti għandhom inkontestabbilment natura vinkolanti.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a) Fuq l‑argument dwar l‑assenza ta’ adozzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati għal 88 sit mill‑4 606 sit ta’ importanza għall‑Komunità inkwistjoni

105

Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” ma ssemmix espressament l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni, din id-dispożizzjoni teżiġi, madankollu, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta jiddeżinjaw iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistabbilixxu l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat. Issa, l-istabbiliment ta’ dawn il-prijoritajiet jimplika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu ġew stabbiliti minn qabel (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Għalhekk, u billi ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest u l-iskop tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u d-determinazzjoni tal-prijoritajiet fil-qasam ta’ konservazzjoni għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ f’terminu massimu ta’ sitt snin mill-mument li fih sit ta’ importanza għall-Komunità jkun intgħażel fil-kuntest tal-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni lanqas ma jista’ jeċċedi dan it-terminu, peress li dawn huma neċessarji sabiex jiġu stabbiliti dawn il-prijoritajiet u għandhom, għaldaqstant, jippreċedu l-istabbiliment tagħhom (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Għandu jingħad ukoll li, sabiex jitqiesu bħala “għanijiet ta’ konservazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-“habitats”, l-għanijiet stabbiliti għandhom ikunu speċifiċi u preċiżi (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi li, fl-iskadenza tat-terminu sabiex tingħata tweġiba għall-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑13 ta’ Ġunju 2020, hija ma kinitx stabbilixxiet fid-dritt nazzjonali l-għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni ta’ 88 sit mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, imsemmija fit-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ddefinixxietx għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għal dawn it‑88 sit kollha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

b) Fuq l‑argument dwar il‑prattika ġenerali u strutturali li jiġu ffissati l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod li jmur kontra r‑rekwiżiti previsti fl‑Artikolu 4(4) tad‑Direttiva dwar il‑“habitats”

110

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat prattika ġenerali u strutturali li tikkonsisti fl-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod li jmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, għandu jitfakkar li, bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tissodisfa l-oneru tal-prova li għandha, xejn ma jipprekludi a priori lil din tal-aħħar milli tikkonstata fl-istess ħin il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-“habitats” minħabba l-attitudni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li huma identifikati b’mod speċifiku, u l-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet minħabba l-fatt li prattika ġenerali kuntrarja għalihom tkun ġiet adottata minn dawn l-awtoritajiet, li tagħhom l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, l-eżempju (sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 27, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 165).

111

Meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prattika repetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-informazzjoni hekk ipprovduta u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 47, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 166).

112

Fl-istess ħin, fid-dawl tal-obbligu impost fuqha li tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni ma tistax, bl-iskuża li tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat dwar nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti tal-obbligi imposti fuq dan tal-aħħar skont id-dritt tal-Unjoni, ma tosservax dan l-obbligu li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat abbażi ta’ elementi konkreti li jikkaratterizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hija tinvoka u tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi (sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Batterju Xylella fastidiosa), C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 80, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 167).

113

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tallega, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat prassi ġenerali li tikkonsisti fl-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mingħajr ma tispeċifika l-elementi kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu li jippermettu li jiġi stabbilit il-kontribut speċifiku li s-sit protett għandu jipprovdi sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli fuq livell nazzjonali għall-habitat jew għall-ispeċi inkwistjoni.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma għandhomx jiġu ddikjarati b’mod ġenerali, iżda għandhom ikunu speċifiċi u preċiżi.

115

L-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom, konsegwentement, jiġu stabbiliti fid-dawl ta’ informazzjoni bbażata fuq eżami xjentifiku tas-sitwazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats tagħhom f’sit inkwistjoni. Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, matul il-proċedura ta’ deżinjazzjoni tas-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, is-siti proposti mill-Istati Membri għandhom jiġu proposti abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva u tal-informazzjoni xjentifika rilevanti, tali informazzjoni tista’ wkoll tiggarantixxi l-ispeċifiċità u l-preċiżjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

116

Fl-istess ħin, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn Stat Membru għandhom jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuqhom humiex adatti sabiex jintlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li n-neċessità li dawn l-għanijiet jiġu fformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel għandha tiġi eżaminata f’kull każ konkret u ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala obbligu ġenerali għall-Istati Membri.

117

Fil-fatt, kif irrilevat essenzjalment ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-risposta tagħha, l-approċċ kwantitattiv u li jista’ jitkejjel tad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jista’ jirriżulta li ma jkunx adattat għal ċerti habitats kumplessi u għal ċerti żoni ta’ konservazzjoni ta’ natura dinamika, li l-elementi tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont il-fatturi esterni tal-ambjent jew jinteraġixxu b’mod sinjifikattiv mal-habitats u maż-żoni ta’ konservazzjoni l-oħra.

118

Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova li, f’kull każ konkret, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jifformula l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel sabiex jiżgura l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni.

119

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ċertament ippreżentat eżempji konkreti ta’ siti li għalihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni ma humiex ifformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel.

120

Madankollu, minn naħa, dawn l-eżempji ġew ippreżentati mill-Kummissjoni sabiex turi l-prattika ġenerali u strutturali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, skont din l-istituzzjoni, tmur kontra l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

121

Għalhekk, fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija dispożizzjoni minħabba l-assenza ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel f’dak li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi preżenti fis-siti msemmija minn din l-istituzzjoni bħala eżempju fir-rikors.

122

Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors jirrigwarda l‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni li jinsabu fir-reġjuni bioġeografiċi Alpini, Kontinentali u Atlantiċi.

123

L-imsemmija reġjuni jinkludu numru kbir ta’ siti msemmija fit-tieni lment ifformulat mill-Kummissjoni u, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, huma kkaratterizzati minn diversità kbira tal-ispeċi u tal-habitats.

124

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-eżempji ta’ speċi u ta’ habitats ippreżentati minn din l-istituzzjoni, insostenn tal-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ġenerali u strutturali ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-“habitats”, huma rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 170).

125

Madankollu, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni effettivament uriet li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti li hija invokat bħala eżempju għandhom jiġu fformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel sabiex jiġi żgurat l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq ta’ dawn is-siti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la fir-rikors u lanqas fir-replika tagħha din l-istituzzjoni ma wriet suffiċjentement skont il-liġi, permezz ta’ argumenti u ta’ data suffiċjentement preċiżi, ċari u ddettaljati, li l-eżempji tal-imsemmija siti li hija semmiet jirrappreżentaw is-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni f’dak li jikkonċerna l-assenza indebita ta’ miżuri kwantitattivi.

126

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” billi adottat prassi ġenerali li tikkonsisti fl-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mingħajr ma speċifikat elementi kwantitattivi u li jistgħu jitkejlu għandu jiġi miċħud.

127

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tikkonsisti fl-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, ir-restawr ta’ oġġetti li għandhom jiġu protetti u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ dawn l-oġġetti tmur kontra l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

128

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta jiddeżinjaw iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistabbilixxu l-għanijiet ta’ konservazzjoni u jistabbilixxu l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat.

129

Għalkemm, kif tfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu speċifiċi u preċiżi, xorta jibqa’ l-fatt li xejn fid-Direttiva dwar il-“habitats” ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Istati Membri huma obbligati, fil-każijiet kollha, jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, ir-restawr ta’ oġġetti li għandhom jiġu protetti u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ dawn l-oġġetti, diġà fl-istadju tal-formulazzjoni ta’ dawn l-għanijiet.

130

Fil-fatt, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-distinzjoni tista’ tkun rilevanti fl-istadju tal-iffissar tal-miżuri konkreti ta’ konservazzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi stabbilita fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

131

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats” billi adottat prattika ġenerali li tikkonsisti fl-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, ir-restawr ta’ oġġetti li għandhom jiġu protetti u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ dawn l-oġġetti, għandu jiġi miċħud.

132

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli stabbilixxiet għanijiet ta’ konservazzjoni li ma humiex legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

133

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma, min-natura tagħhom, intiżi li jiġu implimentati permezz ta’ miżuri konkreti ta’ konservazzjoni.

134

Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata b’mod effettiv il-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar konkret, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, sabiex tiġi ggarantita ż-żamma jew, jekk ikun il-każ, ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, l-imsemmija miżuri konkreti ta’ konservazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri bħala strumenti legali li għandhom saħħa vinkolanti, jekk ikun neċessarju b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi.

135

Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn fid-Direttiva dwar il-“habitats” li jippermetti li jiġi konkluż li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni, l-għanijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-miżuri għandhom huma wkoll ikunu legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Għandu jingħad ukoll li l-assenza ta’ tali natura vinkolanti bl-ebda mod ma tipprekludi li dawn l-għanijiet jistgħu indirettament ikollhom effetti vinkolanti fuq terzi, b’mod partikolari sa fejn iservu bħala kriterju ta’ evalwazzjoni, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, sabiex jiġu evalwati l-effetti li pjan jew proġett jista’ jkollu fuq sit protett, peress li tali evalwazzjoni tista’ fil-fatt twassal għall-projbizzjoni li jitwettaq tali pjan jew proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 32).

136

Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 132 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miċħud.

137

Konsegwentement, it-tieni lment huwa fondat biss sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx għanijiet iddettaljati għat‑88 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

C.   Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

1. L‑argumenti tal‑partijiet

138

Il-Kummissjoni ssostni, fir-rikors tagħha, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats” sa fejn, għal 737 sit mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, hija ma stabbilixxiet ebda tip ta’ miżura ta’ konservazzjoni u sa fejn, għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, hija ssegwi prassi ġenerali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

139

Il-prassi ta’ dan l-Istat Membru, li tikkonsisti f’li jibbaża l-miżuri ta’ konservazzjoni fuq għanijiet ta’ konservazzjoni li ma jissodisfawx huma stess ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-“habitats”, għandha tiġi ssanzjonata permezz tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ġenerali u strutturali taħt l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

140

Dan ir-rekwiżit li jgħid li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement speċifiċi huwa kkonfermat mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 48 sa 52), u huwa ġġustifikat kemm mis-sistema kif ukoll mill-għan tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

141

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti li, mill-komunikazzjoni tal-opinjoni motivata, hija għamlet progress kunsiderevoli u li, fil‑31 ta’ Marzu 2022, hija ffissat il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għal 99 % taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għall‑45 żona nieqsa fil-Länder ta’ Niedersachsen, ta’ Brandenburg u ta’ Rheinland-Pfalz, il-miżuri ta’ konservazzjoni kienu, bi ftit eċċezzjonijiet, ġew iddefiniti matul is-sena 2022.

142

Barra minn hekk, in-nuqqas ġenerali u strutturali allegatament imwettaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats” ma jirrigwarda qabelxejn ebda miżura ta’ konservazzjoni preċiża fil-Ġermanja, iżda huwa biss ilment sussegwenti għat-tieni lment invokat. Għaldaqstant, peress li t-tieni lment huwa infondat, it-tielet ilment lanqas ma jista’ jkun fondat.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

143

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, li jinsabu fis-sit ikkonċernat (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144

L-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-“habitats”, inkluż l-obbligu li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv u permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li ma adottatx formalment, fit‑13 ta’ Ġunju 2020, li tikkorrispondi għad-data ta’ skadenza stabbilita sabiex tingħata tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, miżuri ta’ konservazzjoni għas‑737 sit inkwistjoni.

146

Fir-rigward tal-argument imqajjem mill-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikser l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats” billi tadotta, b’mod ġenerali u strutturali, il-miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni li ma jissodisfawx huma stess ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa għalhekk ibbażat fuq is-suġġett tat-tieni lment dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni, kif irrileva dan l-Istat Membru, u għalhekk għandu jkollu l-istess eżitu.

147

Issa, kif jirriżulta mill-punt 137 ta’ din is-sentenza, it-tieni lment huwa fondat biss sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx għanijiet iddettaljati għal 88 sit fuq l‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, peress li l-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ppreżentati fil-kuntest tat-tieni lment u li jirreferu għall-karatteristiċi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni adottati minn dan l-Istat Membru ġew miċħuda.

148

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tielet ilment huwa fondat biss sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx miżuri ta’ konservazzjoni għas‑737 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-“habitats”.

149

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li:

billi ma ddeżinjatx bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni 88 mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”;

billi naqset milli tadotta l-għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għat‑88 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-“habitats”, u

billi naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għas‑737 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

150

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

151

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet fil-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ddeżinjatx bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni 88 mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità li ġew inklużi fil-listi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/69/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ postijiet ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġijografiku Alpin, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/798/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku, aġġornati rispettivament bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/218/KE tal‑25 ta’ Jannar 2008 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku ta’ l-Alpi, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/25/KE tat‑13 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013.

 

2)

Billi naqset milli tadotta l-għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għat‑88 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

 

3)

Billi naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għas‑737 sit kollha mill‑4 606 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

 

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

5)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.