Kawża C-112/22
CU
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Napoli, (l-Italja))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 11(1)(d) – Ugwaljanza fit-trattament – Miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ assistenza soċjali u ta’ protezzjoni soċjali – Rekwiżit ta’ residenza ta’ mill-inqas għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu – Diskriminazzjoni indiretta”
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Direttiva 2003/109 – Dritt għal ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju soċjali għal kundizzjoni ta’ residenza ta’ mill-inqas għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, u li tipprevedi sanzjoni kriminali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza – Inammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 34; Direttiva tal-Kunsill 2003/109, premessi 6 u 12 u Artikolu 11(1)(d) u (2))
(ara l-punti 35, 38, 46, 50 sa 52, 55 sa 61, u d-dispożittiv)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Napoli (il-Qorti ta’ Napoli, l-Italja), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċ-ċittadini nazzjonali previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 ( 1 ), u b’mod iktar partikolari dwar il-kwistjoni jekk l-aċċess għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(d), jistax jiġi suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat ta’ mill-inqas għaxar snin, mingħajr interruzzjoni fl-aħħar sentejn.
Fl-2020, CU u ND, ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul fl-Italja, talbu li jibbenefikaw mid-“dħul taċ-ċittadinanza”, benefiċċju soċjali intiż li jiżgura livell minimu ta’ għajxien. Sussegwentement, huma ġew investigati talli kkonfermaw b’mod falz, fl-applikazzjonijiet tagħhom, li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, inkluża l-kundizzjoni li kienu ilhom residenti fl-Italja għal mill-inqas għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu.
F’dan il-kuntest, il-Qorti ta’ Napoli staqsiet dwar il-konformità ta’ din il-kundizzjoni għall-għoti mad-dritt tal-Unjoni, li tapplika wkoll għaċ-ċittadini Taljani. Din il-qorti qieset li dan ir-rekwiżit kien jistabbilixxi trattament sfavorevoli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward ta’ dawk li kellhom permess ta’ residenza għat-tul, meta mqabbel ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, tagħmel riferiment espress għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija ma għandhiex tagħti lit-termini kkonċernati definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-assenza ta’ definizzjonijiet awtonomi u uniformi, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali u r-riferiment għad-dritt nazzjonali, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, dwar l-imsemmija kunċetti ma jimplikawx li l-Istati Membri jistgħu jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 2003/109 fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri, meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha.
Peress li kemm l-Artikolu 34 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jirreferu għad-dritt nazzjonali, kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tiddetermina jekk id-“dħul taċ-ċittadinanza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx jikkostitwixxi benefiċċju soċjali li jaqa’ taħt dawk imsemmija mill-imsemmija direttiva.
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat sussegwentement li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109 tissuġġetta l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul mogħti skont din id-direttiva għal proċedura partikolari u, barra minn hekk, għall-obbligu li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, fosthom ir-rekwiżit ta’ residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin fit-territorju nazzjonali. Sa fejn dan l-istatus ta’ resident għat-tul jikkorrispondi għal-livell ta’ integrazzjoni l-iktar milħuq għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dan jiġġustifika li jiġu ggarantiti l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali.
Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, tmur kontra l-Artikolu 11(1) (d) tad-Direttiva 2003/109.
Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċ-ċittadini nazzjonali li kienet tirriżulta mill-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali kundizzjoni ta’ residenza kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Din il-kundizzjoni kienet taffettwa prinċipalment lil dawk li ma kinux ċittadini li fosthom kien hemm b’mod partikolari ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll l-interessi taċ-ċittadini Taljani li jirritornaw l-Italja wara perijodu ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Madankollu, miżura tista’ titqies li tkun diskriminazzjoni indiretta, mingħajr ma jkun neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul, bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali.
Fit-tieni lok, tali diskriminazzjoni hija, bħala prinċipju, ipprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.
Madankollu, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi, b’mod eżawrjenti, is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, f’termini ta’ residenza, mill-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċittadini nazzjonali. Għalhekk, lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet, differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ksur tal-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva.
B’mod partikolari, differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u ċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li huma jkunu jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba r-rabtiet rispettivi tagħhom ma’ dan l-Istat Membru.
Fil-fatt, il-perijodu ta’ residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin previst mid-Direttiva 2003/109 sabiex wieħed ikun jista’ jikseb l-istatus ta’ resident għat-tul jixhed “l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż”. Għalhekk, hija għandha titqies li tkun suffiċjenti sabiex tali persuna jkollha dritt, wara l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, għall-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali, b’mod partikolari, fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali, konformement mal-Artikolu 11(1)(d) tal-imsemmija direttiva.
Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jestendi unilateralment il-perijodu ta’ residenza meħtieġ sabiex tali resident għat-tul ikun jista’ jgawdi mid-dritt iggarantit minn din id-dispożizzjoni.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sanzjoni kriminali prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-benefiċċju soċjali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dispożizzjoni nazzjonali ta’ sanzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 meta din tiġi imposta sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligu li fih innifsu ma jkunx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal miżura ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali għall-kundizzjoni, li tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, li jkunu ilhom jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, u li tissanzjona b’pieni kriminali kwalunkwe dikjarazzjoni falza dwar din il-kundizzjoni ta’ residenza.
( 1 ) Direttiva 2003/109/KE tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).