SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
17 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 14(4)(a)(i) u (5) – Dritt ta’ rtirar fir-rigward tal-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju – Obbligi ta’ informazzjoni tal-kummerċjant ikkonċernat – Ommissjoni ta’ dan il-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur – Obbligi tal-konsumatur fil-każ ta’ rtirar – Rtirar wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt – Konsegwenzi”
Fil-Kawża C‑97/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Essen (il-Qorti Reġjonali ta’ Essen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
DC
vs
HJ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tmien Awla),
komposta minn. M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal DC, minn M. Höffken, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u I. Rubene, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DC u HJ dwar il-ħlas tas-servizz ipprovdut lil dan tal-aħħar, b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, minn impriża li ċediet id-drittijiet kollha tagħha li joriġinaw minn dan il-kuntratt lil DC. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 4, 5, 7, 21 u 57 tad-Direttiva 2011/83:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi, fil-punti 1, 2, 6 u 8 tiegħu, id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]”. |
6 |
Skont kliem l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni [armonizzazzjoni]”: “L-Istati Membri m’għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti [stretti] biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.” |
7 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Rekwiżiti [Obbligu] ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli: […]
[…]
[…]”. |
8 |
L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess [rtirar]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi [jirtira] minn kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.” |
9 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ reċess [rtirar]”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk kummerċjant ma pprovdiex lill-konsumatur bl-informazzjoni tad-dritt ta’ reċess [rtirar] kif rikjest mill-punt (h) tal-Artikolu 6(1), il-perjodu ta’ reċess għandu jiskadi tnax-il xahar mit-tmiem tal-perjodu ta’ reċess inizjali, kif determinat skont l-Artikolu 9(2)”. |
10 |
L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tal-konsumatur f’każ ta’ reċess [rtirar]”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu: “3. Jekk konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ reċess [rtirar] wara li jkun għamel talba f’konformità mal-Artikolu 7(3), […] il-konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant ammont proporzjonali għal kemm ġie fornut sal-mument li fih il-konsumatur ikun informa lill-kummerċjant bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal-kopertura totali tal-kuntratt. […] 4. Il-konsumatur ma għandu jeħel l-ebda spiża għal:
[…] 5. Ħlief kif dispost fl-Artikolu 13(2) u f’dan l-Artikolu, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess ma twassal għal ebda responsabbiltà għall-konsumatur.” |
Id-dritt Ġermaniż
11 |
L-Artikolu 357 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), intitolat “Konsegwenzi legali tal-irtirar minn kuntratti konklużi lil hinn mill-istabbilimenti kummerċjali u mill-bogħod, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti relatati ma servizzi finanzjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu: “Meta konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi […] huwa għandu jħallas kumpens għas-servizz ipprovdut sal-irtirar, meta huwa jkun espliċitament eżiġa li l-kummerċjant ikkonċernat jibda jeżegwixxi s-servizz qabel tmiem it-terminu ta’ rtirar. Id-dritt li jirriżulta mill-ewwel sentenza jeżisti biss jekk dan il-kummerċjant ikun debitament informa lil dan il-konsumatur, konformement mal-Artikolu 246a […] tal-[Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili), tal-21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, u Rettifika BGBl. 1997 I, p. 1061), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem l-‘EGBGB’)] […]”. |
12 |
L-Artikolu 246a tal-EGBGB, intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u l-kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti relatati mas-servizzi finanzjarji”, jipprovdi, fil-punti 1 u 3 tal-ewwel sentenza tas-subparagrafu 2 tal-paragrafu 1, intitolat “Obbligu ta’ informazzjoni”, tiegħu: “Meta konsumatur għandu dritt ta’ rtirar […], il-kummerċjant ikkonċernat huwa obbligat li jinforma lil dan il-konsumatur: 1. dwar il-kundizzjonijiet, dwar it-terminu u dwar il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355(1) tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll dwar il-mudell ta’ formola tal-irtirar fl-Anness 2, […] 3. dwar il-fatt li, fil-każ ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi […] konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant ikkonċernat spejjeż raġonevoli konformement mal-Artikolu 357(8) tal-Kodiċi Ċivili għas-servizz ipprovdut minn dan il-kummerċjant, meta dan il-konsumatur juża d-dritt ta’ rtirar, meta jkun, fuq stedina tal-imsemmi kummerċjant, espliċitament eżiġa li dan il-kummerċjant jibda jeżegwixxi s-servizz qabel tmiem it-terminu ta’ rtirar.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Fis-6 ta’ Ottubru 2020, HJ ikkonkluda verbalment ma impriża kuntratt dwar it-tiġdid tal-installazzjoni elettrika ta’ daru, mingħajr ma din l-impriża ma informatu li kellu dritt ta’ rtirar, konformement mal-Artikolu 246a tal-EGBGB, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
14 |
Wara li eżegwixxiet dan il-kuntratt, l-imsemmija impriża ppreżentat lil HJ, fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-fattura korrispondenti, li dan tal-aħħar ma ħallasx. |
15 |
Fil-15 ta’ Marzu 2021, l-istess impriża ċediet id-drittijiet kollha tagħha li joriġinaw minn dan il-kuntratt lil DC. |
16 |
Wara n-notifika minn HJ, fis-17 ta’ Marzu 2021, tal-irtirar mill-imsemmi kuntratt, DC adixxiet lil-Landgericht Essen (il-Qorti Reġjonali ta’ Essen, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex jinkiseb il-ħlas tas-servizz ipprovdut lil HJ. DC issostni li l-impriża ċedenti għandha, minkejja l-irtirar ta’ HJ, dritt għal dan il-ħlas, anki jekk il-kundizzjonijiet imposti, għal dan il-għan, fl-Artikolu 357(8) tal-Kodiċi Ċivili, ma humiex issodisfatti. L-esklużjoni minn tali dritt, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant ikkonċernat, tkun tikkostitwixxi “sanzjoni sproporzjonata”, bi ksur tal-premessa 57 tad-Direttiva 2011/83. |
17 |
Min-naħa tiegħu, HJ jsostni li sa fejn l-impriża ċedenti naqset milli tinformah dwar id-dritt tiegħu ta’ rtirar, DC ma għandha l-ebda dritt għall-ħlas tal-prezz tas-servizz ipprovdut b’eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/83. Hija tammetti li, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili adottati għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, konsumatur ma huwa responsabbli għall-ħlas tal-ebda spiża għas-servizz ipprovdut, qabel tmiem it-terminu ta’ rtirar, meta l-kummerċjant ikkonċernat naqas milli jinforma lill dan il-konsumatur bid-dritt tiegħu ta’ rtirar. |
19 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-Artikolu 14(5) jeskludix kull dritt ta’ dan il-kummerċjant għal “kumpens”, inkluż fil-każ fejn l-imsemmi konsumatur eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar biss wara l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju u għalhekk ibbenefika minn gwadann, bi ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
20 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Essen (il-Qorti Reġjonali ta’ Essen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva [2011/83], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-klijent jirtira l-espressjoni ta’ intenzjoni tiegħu għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni, konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, biss wara li l-imprenditur ikun diġà pprovda (kompletament) is-servizzi tiegħu, din id-dispożizzjoni teskludi kwalunkwe dritt għal dannu kumpensatorju [kumpens], anki jekk ma jkunux issodisfatti l-kriterji għal dannu kumpensatorju tal-valur skont id-dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi legali tal-irtirar, iżda li l-klijent ikun ibbenefika minn titjib tal-patrimonju tiegħu [gwadann] minħabba s-servizzi ta’ kostruzzjoni tal-imprenditur, jiġifieri l-klijent ġie arrikkit?” |
Fuq id-domanda preliminari
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżenta lil konsumatur minn kull obbligu li jħallas għas-servizzi pprovduti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, meta l-kummerċjant ikkonċernat ma ttrażmettilux l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(4)(a)(i) ta’ din id-direttiva u meta dan il-konsumatur eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. |
22 |
Għandu preliminarjament jiġi osservat li, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2022, il-qorti tar-rinviju speċifikat, wara li ħadet konjizzjoni tad-dubji mqajma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-natura tal-kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dan il-kuntratt kellu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
23 |
Dan speċifikat, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/83, konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar minn “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punti 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 2, ma huwa espost għal ebda responsabbiltà minħabba dan il-fatt, ħlief kif dispost mod ieħor fl-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva. |
24 |
Fost dawn l-aħħar dispożizzjonijiet hemm l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83, li abbażi tiegħu konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar wara li jkun talab li l-kummerċjant ikkonċernat jeżegwixxi kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, matul it-terminu ta’ rtirar ta’ 14-il jum previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, għandu jħallas lil dan il-kummerċjant ammont, ikkalkolat abbażi tal-prezz totali miftiehem f’dan il-kuntratt, li huwa proporzjonali għal dak li ġie pprovdut sal-mument meta l-imsemmi kummerċjant ġie informat bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar meta mqabbel mas-servizzi kollha previsti fl-imsemmi kuntratt. |
25 |
Dan l-Artikolu 14(3) għandu madankollu jinqara flimkien mal-Artikolu 14(4)(a)(i) tad-Direttiva 2011/83. Minn dan jirriżulta li, jekk il-kummerċjant ikkonċernat naqas milli jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jorbot ruħu b’kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(h) u (j) ta’ din id-direttiva, dwar, minn naħa, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ ħlas tal-ammont indikat fl-imsemmi Artikolu 14(3), dan il-konsumatur ma huwa responsabbli għal ebda spiża għas-servizzi li jiġu pprovduti lilu, kompletament jew parzjalment, matul it-terminu ta’ rtirar. Barra minn hekk, in-nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 6(1)(h) iwassal, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, sabiex it-terminu ta’ rtirar inizjali jiġi estiż bi tnax‑il xahar, b’effett mid-data ta’ tmiem tal-imsemmi terminu inizjali. |
26 |
Id-dritt ta’ rtirar imsemmi fl-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/83 huwa intiż sabiex jipproteġi lill-konsumatur fil-kuntest partikolari tal-konklużjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, li fih, hekk kif huwa mfakkar fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva, dan il-konsumatur jista’ jkunu taħt pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi affaċjat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk ikunx jew ma jkunx talab huwa stess iż-żjara tal-kummerċjant ikkonċernat. Għalhekk, l-informazzjoni prekuntrattwali dwar dan id-dritt ta’ rtirar hija, għall-imsemmi konsumatur, ta’ importanza fundamentali u tippermettilu jieħu, b’mod informat, id-deċiżjoni li jikkonkludi jew ma jikkonkludix dan il-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 45 u 46). |
27 |
Minn dan isegwi li, fil-każ fejn, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant ikkonċernat jonqos milli jipprovdi lil konsumatur l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(h) u (j) ta’ din id-direttiva, u fejn dan il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 14(4)(a)(i) u (5) tal-imsemmija direttiva jeżentaw lill-imsemmi konsumatur minn kull obbligu li jħallas lill-istess kummerċjant il-prezz tas-servizz ipprovdut minnu matul it-terminu ta’ rtirar. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju għandha madankollu dubju jekk il-gwadann hekk miksub mill-konsumatur jiksirx il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2011/83 huwa, konformament mal-Artikolu 1 tagħha, dak li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, hekk kif din hija sanċita fl-Artikolu 169 TFUE u fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens is-Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 39). |
30 |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, din id-direttiva twettaq, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4, 5 u 7, armonizzazzjoni kompleta ta’ ċerti aspetti essenzjali tal-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti. (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Starman, C‑332/17, EU:C:2018:721, punt 27). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jastjenu ruħhom milli jippreservaw jew jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti mil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit mill-istess direttiva, ħlief jekk din tipprevedi mod ieħor. |
31 |
Issa, l-għan stabbilit mid-Direttiva 2011/83 ikun kompromess jekk l-Artikolu 14(5) ta’ din id-direttiva jkollu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 14(4)(a)(i) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li konsumatur, wara li jkun irtira minn kuntratt ta’ servizz konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, jista’ jkun suġġett għal spejjeż li ma humiex previsti espliċitament mill-imsemmija direttiva. |
32 |
Din is-soluzzjoni hija koerenti mal-importanza fundamentali li d-Direttiva 2011/83 tagħti lill-informazzjoni prekuntrattwali dwar id-dritt ta’ rtirar mill-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju, imfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, meta l-kummerċjant ikkonċernat naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni lil konsumatur, dan il-kummerċjant għandu jassumi l-ispejjeż li huwa sostna minħabba l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ servizz konkluż lil hinn mill-post tan-negozju matul it-terminu ta’ rtirar li l-imsemmi konsumatur għandu, abbażi tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-invokazzjoni, minn DC, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, stipulat fil-premessa 57 tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġu evitati tali spejjeż ma tistax tiġi aċċettata. |
33 |
Fl-aħħar, dawn il-konstatazzjonijiet huma bla ħsara għall-possibbiltà, eventwalment prevista mid-dritt nazzjonali, li DC, sa fejn din ma tistax tinżamm responsabbli għan-nuqqas li HJ jiġi informat dwar id-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, tressaq azzjoni ta’ rkupru kontra l-kummerċjant li ċedielha d-drittijiet kollha li joriġinaw minn dan il-kuntratt f’tali kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 44). |
34 |
Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(4)(a)(i) u (5) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżenta lil konsumatur minn kull obbligu li jħallas għas-servizzi pprovduti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, meta l-kummerċjant ikkonċernat ma ttrażmettilux l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 14(4)(a)(i) u meta dan il-konsumatur eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lil-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 14(4)(a)(i) u (5) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
jeżenta lil konsumatur minn kull obbligu li jħallas għas-servizzi pprovduti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, meta l-kummerċjant ikkonċernat ma ttrażmettilux l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 14(4)(a)(i) u meta dan il-konsumatur eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.