SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
23 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent – Ċaħda ta’ talba għal informazzjoni – Minuti tal-laqgħat ta’ gvern – Dibattiti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 4(1) u (2) – Derogi mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni – Kunċetti ta’ ‘komunikazzjonijiet interni’ u ta’ ‘deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi’ – Rimedju ġudizzjarju – Annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut – Deroga applikabbli identifikata fis-sentenza – Awtorità ta’ res judicata”
Fil-Kawża C‑84/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2022, fil-kawża
Right to Know CLG
vs
An Taoiseach,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Right to Know CLG, minn D. Browne, BL, F. Logue, solicitor, u N. J. Travers, SC, |
– |
għall-An Taoiseach u għall-Irlanda, minn M. Browne, E. O’Hanrahan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, BL, u B. Kennedy, SC, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u L. Haasbeek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), kif ukoll il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ effettività. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Right to Know CLG, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Irlandiż, u l-An Taoiseach (il-Prim Ministru, l-Irlanda), dwar talba indirizzata lill-Gvern Irlandiż, fit‑8 ta’ Marzu 2016, intiża sabiex jinkiseb aċċess għad-dokumenti kollha relatati mad-dibattiti tal-Kunsill tal-Ministri dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Irlanda waqt laqgħat li saru matul is-snin 2002 sa 2016 (iktar ’il quddiem it-“talba tat‑8 ta’ Marzu 2016 għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi, fl-Artikolu 4(3) u (4) tagħha: “3. Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk: […]
4. Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun ser ikollu effetti sfavorevoli fuq:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id‑dritt tal‑Unjoni
4 |
Il-premessa 16 tad-Direttiva 2003/4 hija fformulata kif ġej: “Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu pprovvduti lill-applikant fil-limitu taż-żmien stabbilit f’din id-Direttiva.” |
5 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-miri”: “Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk: […]
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:
[…] Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-punti (a), (d), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. […] 4. It-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom li jkun ġie mitlub minn applikant għandu jintgħamel disponibbli b’mod parzjali meta jkun possibbli li jiġi mifrud tagħrif li jidħol fl-iskop tal-paragrafi 1(d) u (e) jew 2 mill-bqija tat-tagħrif mitlub. […]” |
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4, intitolat “L-aċċess għall-ġustizzja”, jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull min jagħmel talba għal informazzjoni dwar l-ambjent u jħoss li t-talba tiegħu ġiet injorata, miċħuda inġustament, ma ġietx imwieġba b’mod xieraq jew ma ġietx ittrattata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ikun jista’ jressaq azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-awtorità pubblika kkonċernata. |
Id‑dritt Irlandiż
Il‑Kostituzzjoni Irlandiża
9 |
L-Artikolu 28(4) tal-Bunreacht na hÉireann (il-Kostituzzjoni Irlandiża) jipprovdi: “[…] 2° Il-Gvern jiltaqa’ u jaġixxi bħala awtorità kollettiva […] 3° Il-kunfidenzjalità tad-dibattiti li jsiru waqt il-laqgħat tal-Gvern għandha tiġi osservata f’kull ċirkustanza, ħlief fejn il-High Court (il-Qorti Għolja) tiddeċiedi li tiżvelahom fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari:
[…]” |
Ir‑Regolament dwar l‑Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent
10 |
Id-Direttiva 2003/4 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż mill-European Communities (Access to Information on the Environment) Regulations 2007 (S. I. Nru 133/2007) (ir-Regolament tal‑2007 – Komunitajiet Ewropej (Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent)) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament dwar l-Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent”). |
11 |
L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprevedi ċerti raġunijiet obbligatorji għaliex talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandha tiġi miċħuda. L-eċċezzjoni dwar id-“deliberazzjonijiet” hija trasposta permezz ta’ dan l-Artikolu 8(a)(iv). |
12 |
L-Artikolu 8(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi li awtorità pubblika ma għandhiex tippubblika informazzjoni dwar l-ambjent “sa fejn din il-pubblikazzjoni tkun tinvolvi l-iżvelar ta’ dibattiti li jkunu saru waqt laqgħa waħda jew iktar tal-Gvern”. |
13 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent jistabbilixxi r-raġunijiet għaliex talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda. L-eċċezzjoni dwar il-“komunikazzjonijiet interni” hija trasposta permezz tal-paragrafu 2(d) ta’ dan l-Artikolu 9. |
14 |
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar l-Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent: “1. Minkejja l-Artikoli 8 u 9(1)(c), talba għal informazzjoni dwar l-ambjent ma tistax tiġi miċħuda fejn it-talba tkun tikkonċerna informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. 2. Ir-riferiment, fil-paragrafu 1, għal informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent ma tinkludix id-dibattiti dwar il-kwistjoni ta’ dawn l-emissjonijiet li jsiru matul laqgħa tal-gvern. 3. L-awtorità pubblika għandha teżamina kull talba b’mod individwali u għandha ssib bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar u l-interess moqdi mir-rifjut ta’ żvelar. 4. Ir-raġunijiet għaliex talba għal informazzjoni dwar l-ambjent għandha tiġi miċħuda għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u dan fid-dawl tal-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar. 5. Ebda dispożizzjoni tal-Artikoli 8 jew 9 ma tawtorizza awtorità pubblika sabiex ma tippubblikax informazzjoni dwar l-ambjent li, minkejja li tkun miżmuma flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 jew 9, tista’ tiġi sseparata minn din tal-aħħar. […]” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15 |
It-talba tat‑8 ta’ Marzu 2016 għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, imressqa minn Right to Know, kienet essenzjalment tikkonċerna l-aċċess għal minuti tal-laqgħat tal-Gvern Irlandiż. Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern, din it-talba ġiet miċħuda. Right to Know ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). |
16 |
Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, dik il-qorti qieset li, fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni” ta’ awtorità pubblika, kienet tapplika d-deroga mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, peress li l-laqgħat tal-Gvern Irlandiż kellhom jitqiesu bħala tali komunikazzjonijiet. Hija kkonstatat ukoll li l-applikazzjoni ta’ din id-deroga kienet teħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar u dak moqdi mir-rifjut ta’ żvelar, liema bilanċ kien nieqes fid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2016. Konsegwentement, il-High Court (il-Qorti Għolja) annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura t-talba ta’ Right to Know quddiem il-Prim Ministru għal eżami mill-ġdid. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2018, il-Prim Ministru laqa’ t-talba ta’ Right to Know, iżda b’mod parzjali biss. Right to Know ikkontestat il-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja). |
18 |
Permezz tar-rikors tagħha, Right to Know tikkontesta l-klassifikazzjoni tad-dokumenti mitluba magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja) fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Fil-fehma ta’ Right to Know, id-deroga prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 ma għandhiex tapplika fir-rigward ta’ “komunikazzjonijiet interni”, iżda għandha tapplika deroga oħra minflokha, jiġifieri dik prevista fl-istess punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet” kunfidenzjali ta’ awtorità pubblika. |
19 |
Il-High Court (il-Qorti Għolja) tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, ma jistax jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ dokumenti li jikkonċernaw “informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita l-applikabbiltà ta’ diversi derogi, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ talbiet għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent, fosthom b’mod partikolari d-deroga prevista fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”. Mill-banda l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax għad-deroga prevista fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. |
20 |
B’hekk, jekk id-dokumenti li tkun intalbet il-komunikazzjoni tagħhom ma jaqgħux taħt din id-deroga tal-aħħar, iżda taħt dik prevista fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet”, huwa obbligatorju li, sa fejn jikkonċernaw “emissjonijiet fl-ambjent”, dawn id-dokumenti jiġu żvelati. Jekk dan ikun il-każ, il-Gvern Irlandiż ma jkunx jista’ jinvoka l-kunfidenzjalità tal-laqgħat tiegħu. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-laqgħat tal-Gvern jistgħu jikkostitwixxu “deliberazzjonijiet” kunfidenzjali. B’hekk, hija tirrileva li, skont l-Artikolu 28(4) tal-Kostituzzjoni Irlandiża, il-Gvern jiltaqa’ “bħala awtorità kollettiva” u tippreċiża li l-għan ta’ dawn il-laqgħat, kif imfisser mis-Supreme Court of Ireland (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) fil-kawża Attorney General vs Hamilton [1993] 2 I. R. 250, huwa li jippermettu diskussjoni sħiħa, ħielsa u sinċiera qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. |
22 |
Issa, il-linja li tifred il-“komunikazzjonijiet interni” mid-“deliberazzjonijiet” kunfidenzjali ma tirriżultax b’mod ċar mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4. |
23 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, ma huwiex ċert jekk, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, Right to Know tistax tikkontesta l-klassifikazzjoni tad-dokumenti kkonċernati bħala “komunikazzjonijiet interni” magħmula fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018. |
24 |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan huwa, fil-fatt, punt ta’ liġi li ġie definittivament deċiż fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 u li, apparti minn hekk, ma kienx ġie appellat. Barra minn hekk, hija tirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali, bħat-tilwima fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, tinvolvi l-istess partijiet, jiġifieri Right to Know u l-Prim Ministru, u għandha l-istess suġġett, jiġifieri t-trattament tat-talba tat‑8 ta’ Marzu 2016 għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 iżżomm, bħala regola ġenerali, lil Right to Know milli tkun tista’ tibqa’ ssostni li d-dokumenti mitluba ma jaqgħux taħt ir-raġuni għal rifjut ta’ aċċess prevista fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tgħid li din il-forma tal-awtorità ta’ res judicata, li hija rrikonoxxuta, fid-dritt Irlandiż, bħala “issue estoppel”, testendi, lil hinn mid-dispożittiv tas-sentenza preċedenti, għall-motivi tagħha li jkunu ddeċidew punti ta’ fatt u ta’ liġi. |
26 |
Madankollu, l-imħallfin jibqagħlhom setgħa diskrezzjonali sabiex jawtorizzaw, fl-interess tal-ġustizzja, l-eżami mill-ġdid ta’ kwistjoni partikolari. F’dan il-kuntest, huma għandhom isibu bilanċ bejn id-drittijiet kunfliġġenti tal-partijiet u, b’mod iktar ġenerali, bejn id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja u l-interess pubbliku li l-kawżi jiġu deċiżi b’mod definittiv. F’dan il-każ, jista’ jintlaħaq bilanċ xieraq jekk Right to Know tkun tista’ ssostni l-argumenti tagħha dwar il-klassifikazzjoni tad-dokumenti li hija qiegħda titlob. Barra minn hekk, ikun fl-interess pubbliku li jiġi deċiż dan il-punt ta’ liġi partikolarment importanti. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, madankollu, lanqas ma hija eskluża applikazzjoni stretta tal-issue estoppel, mitluba mill-konvenut fil-kawża prinċipali. Din tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk jirriżulta li s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4. |
28 |
B’mod partikolari, mis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178) jirriżulta li, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jattribwixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dan id-dritt. Il-loġika ta’ dan l-approċċ hija li jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
29 |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi ma hijiex ġustifikazzjoni partikolarment rilevanti peress li s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 irriżervat id-deċiżjoni dwar it-talba ta’ Right to Know, filwaqt li annullat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tas‑27 ta’ Ġunju 2016. Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Right to Know ma tistax tiġi kkritikata talli ma appellatx minn din is-sentenza u talli qajmet ilment ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 biss fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-klassifikazzjoni żbaljata tad-dokumenti mitluba bħala komunikazzjonijiet interni fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-issue estoppel tikkostitwixxix forma tal-awtorità ta’ res judicata aċċettata mid-dritt tal-Unjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk l-applikazzjoni stretta tagħha tistax tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività meta din twassal għal sitwazzjoni fejn ma jkunx għadu jista’ jitqajjem ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri li għandha quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-minuti tal-laqgħat formali tal-Gvern ta’ Stat Membru jaqgħu taħt id-deroga mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni” jew taħt dik prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi ppreveda sistema ġenerali intiża sabiex tiggarantixxi li kull applikant, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ikollu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma f’isimhom mingħajr ma jkun obbligat jinvoka interess (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent previst fid-Direttiva 2003/4 ifisser illi l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu awtorizzati jirrifjutaw talba għal informazzjoni dwar l-ambjent biss f’każijiet speċifiċi u ddefiniti b’mod ċar. Id-derogi mid-dritt ta’ aċċess għandhom, konsegwentement, jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’tali mod li jinstab bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar u dak moqdi mir-rifjut ta’ żvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jelenka b’mod espliċitu d-derogi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent. Sa fejn tali derogi jkunu ġew effettivament trasposti fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvokaw dawn id-derogi sabiex jopponu t-talbiet għal informazzjoni li jsirulhom (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, point 31). |
36 |
Huwa proprju għalhekk li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, skont il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, li talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn din it-talba tkun tikkonċerna “komunikazzjonijiet interni”, filwaqt li, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess li l-pubbliku jista’ jkollu fl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. |
37 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “komunikazzjoni” jirreferi għal informazzjoni indirizzata minn awtur lil destinatarju, fejn dan id-destinatarju jista’ jkun kemm entità astratta, bħalma huma l-“membri” ta’ amministrazzjoni jew il-“bord tad-diretturi” ta’ persuna ġuridika, kif ukoll persuna speċifika li tappartjeni lil tali entità, bħalma huma aġent jew uffiċjal (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 37). |
38 |
It-terminu “intern”, min-naħa tiegħu, jirreferi għal informazzjoni li ma toħroġx mill-isfera interna ta’ awtorità pubblika, b’mod partikolari fejn din l-informazzjoni ma tkunx ġiet żvelata lil terz jew ma tkunx tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 42). |
39 |
Fil-każ fejn awtorità pubblika jkollha informazzjoni dwar l-ambjent li hija tkun irċeviet minn sors estern, din l-informazzjoni tista’ tkun ukoll “interna” jekk ma tkunx tqiegħdet, jew ma kellhiex titqiegħed, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel ma tkun waslet għand l-imsemmija awtorità u jekk hija ma tkunx ħarġet mill-isfera interna ta’ din l-awtorità wara li tkun waslet għandha (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 43). |
40 |
Il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4. Huwa jirreferi, b’mod partikolari, għall-“gvern” u għal “kull amministrazzjoni pubblika oħra”. |
41 |
F’dan il-każ, it-talba għal aċċess tirrigwarda minuti tad-dibattiti tal-Gvern li, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu, bħala prinċipju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni”. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, dawn il-minuti jirriflettu informazzjoni skambjata bejn il-membri ta’ amministrazzjoni u għalhekk ta’ “awtorità pubblika”, fit-tieni lok, sa fejn ikunu tqassmu fi ħdan din l-amministrazzjoni, dawn il-minuti huma “komunikazzjonijiet” u, fit-tielet u l-aħħar lok, fid-dawl tan-natura kunfidenzjali tagħhom prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-Kostituzzjoni Irlandiża, dawn il-minuti ma humiex intiżi sabiex jiġu żvelati lill-pubbliku u għalhekk iżommu n-natura “interna” tagħhom. |
42 |
Barra minn hekk, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għal informazzjoni dwar l-ambjent għandha tiġi miċħuda jekk l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, fejn din il-kunfidenzjalità tkun prevista fid-dritt. |
43 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “deliberazzjonijiet” jirreferi għall-istadji finali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li huma indikati b’mod ċar mid-dritt nazzjonali bħala deliberazzjonijiet u li l-kunfidenzjalità tagħhom għandha tkun prevista fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 63 u 64). |
44 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-minuti tad-dibattiti tal-Gvern, huwa stabbilit li dawn jaqgħu taħt is-sistema ta’ kunfidenzjalità prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-Kostituzzjoni Irlandiża. Mill-banda l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk il-minuti li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess ta’ Right to Know jirriflettux dibattiti li saru matul l-istadju finali tat-teħid ta’ deċiżjoni, meqjus mid-dritt Irlandiż bħala deliberazzjoni. Jekk dan ikun il-każ, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dawn il-minuti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”. |
45 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, ma huwiex eskluż li, f’dan il-każ, ikunu ssodisfatti, fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga mid-dritt ta’ aċċess prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, kif ukoll ta’ dik prevista fl-istess punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2). |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ derogi ma hijiex possibbli. |
47 |
Fil-fatt, il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, meta mqabbel mal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, għandu jitqies li huwa lex specialis. B’hekk, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga iktar speċifika prevista fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi” jkunu effettivament issodisfatti, l-applikazzjoni tagħha tipprevali fuq dik tad-deroga fir-rigward tal-komunikazzjonijiet interni li għandha portata iktar ġenerali. |
48 |
Speċifikament, minbarra l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga tal-aħħar, jiġifieri, essenzjalment, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni esklużivament fl-isfera interna ta’ awtorità pubblika, id-deroga fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi” tapplika biss meta l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ matul l-istadju finali tat-teħid ta’ deċiżjoni li huwa ddefinit b’mod ċar bħala “deliberazzjoni” u li l-kunfidenzjalità tiegħu hija prevista fid-dritt. |
49 |
Barra minn hekk, iż-żewġ derogi jikkorrispondu għal żewġ sistemi legali distinti. |
50 |
Il-protezzjoni tal-“komunikazzjonijiet interni” tippermetti, fil-fatt, li jinħoloq, favur l-awtoritajiet pubbliċi, spazju protett li fih isiru riflessjonijiet u dibattiti interni. Din hija deroga ta’ portata partikolarment wiesgħa, li tista’ tapplika f’kull stadju tal-ħidma kollha ta’ dawn l-awtoritajiet. Dan ifisser li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni li taqa’ taħt din id-deroga huwiex iġġustifikat, għandu jiġi rregolat b’mod strett il-proċess li bih jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni, jiġifieri dawk li jopponu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u dawk li jiġġustifikawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punti 50, 58 u 60). |
51 |
Mill-banda l-oħra, id-deroga dwar id-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi” tirreferi biss għall-informazzjoni skambjata f’kuntest speċifiku ħafna. Hija tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu biss informazzjoni relatata mal-istadji finali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi u li, minħabba n-natura partikolarment sensittiva tagħha, huma jqisu li għandha tkun kunfidenzjali. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga huwa preċiż u limitat. |
52 |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa eċċezzjoni għad-deroga prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, sabiex jeskludi minnha b’mod espliċitu ċerta data, li hija ta’ importanza partikolari għall-pubbliku. B’hekk, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, id-deroga prevista fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi” ma tippermettix li tiġi miċħuda talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li tikkonċerna “informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”. |
53 |
B’hekk, meta Stat Membru jkun ittraspona l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva u meta l-informazzjoni li tkun intalbet il-komunikazzjoni tagħha tkun ġiet effettivament skambjata matul deliberazzjoni kunfidenzjali, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw jekk din l-informazzjoni tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. Jekk dan ikun il-każ, minkejja li l-imsemmija informazzjoni tkun, bħala prinċipju, meqjusa bħala kunfidenzjali skont id-dritt nazzjonali, l-aċċess għaliha ma jistax jiġi rrifjutat, kemm-il darba jkun possibbli li din tiġi sseparata mill-informazzjoni l-oħra skambjata fl-istess kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 105). |
54 |
Jekk ikun jidher li l-informazzjoni mitluba ma tkunx relatata ma’ emissjonijiet fl-ambjent, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, isibu bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u dak moqdi mir-rifjut ta’ żvelar. |
55 |
Tali bilanċ tal-interessi inkwistjoni huwa meħtieġ ukoll jekk, f’każ fejn ma tapplikax id-deroga fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, tapplika dik fir-rigward tal-komunikazzjonijiet interni, prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 58). |
56 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/4, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha dejjem tivverifika jekk ċerta informazzjoni mitluba tistax tiġi sseparata minn dik koperta mid-deroga mid-dritt ta’ aċċess applikabbli, b’tali mod li hija tkun tista’ tiżvela din l-informazzjoni b’mod parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 66). |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda
Osservazzjonijiet preliminari
58 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda talba għal acċess għal informazzjoni dwar l-ambjent li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4. Adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2016 li ċaħdet din it-talba, il-High Court (il-Qorti Għolja) ikkonstatat, permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, l-applikabbiltà tad-deroga mid-dritt ta’ aċċess prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 fir-rigward tal-komunikazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika u mbagħad bagħtet it-talba lura quddiem il-Prim Ministru sabiex dan tal-aħħar isib bilanċ bejn l-interess pubbliku moqdi mill-iżvelar u dak moqdi mir-rifjut ta’ żvelar. |
59 |
Deċiżjoni ġdida, adottata fis‑16 ta’ Awwissu 2018, laqgħet parzjalment it-talba għal aċċess. Din id-deċiżjoni hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali li fil-kuntest tagħha Right to Know qiegħda issostni li kien hemm lok li tiġi applikata d-deroga mid-dritt ta’ aċċess prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 fir-rigward tad-“deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, u mhux dik prevista fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. |
60 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deroga fir-rigward tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tista’ effettivament tapplika. Jekk dan ikun il-każ, dik prevista fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet interni jkollha tiġi eskluża. |
61 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-awtorità ta’ res judicata tal-motivi tas-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018 tista’ tipprekludi dan l-approċċ, sa fejn din il-qorti kkonkludiet li kienet tapplika d-deroga prevista fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. Bħala regola ġenerali, dan il-punt għandu jitqies li ġie definittivament deċiż bejn il-partijiet u għalhekk ma jistax jibqa’ jiġi kkontestat. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali, hija għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-portata rrikonoxxuta lill-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fid-dritt Irlandiż. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi, kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jattribwixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jeżiġi li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jkollha l-awtorità ta’ res judicata (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu mfassla b’mod li, fil-prattika, jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju tal-aħħar, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council, C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Dan id-dritt huwa rifless ukoll fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4. Mill-banda l-oħra, la dan l-artikolu u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludu regoli dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. |
68 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jżomm lil persuna, li tkun kisbet, fl-ewwel sentenza, l-annullament ta’ deċiżjoni li kienet ċaħdet it-talba tagħha għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent, milli tqajjem, fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-istess partijiet dwar il-legalità tat-tieni deċiżjoni dwar l-istess talba għal aċċess, adottata sabiex jingħata segwitu għall-ewwel sentenza, ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, meta dan l-ilment ikun ġie miċħud fl-ewwel sentenza, mingħajr ma dan ikun jidher fid-dispożittiv tagħha u meta, fin-nuqqas ta’ appell ippreżentat minn min ressaq it-talba għal aċċess, l-imsemmija sentenza tkun saret definittiva. |
Fuq il‑mertu
69 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
F’dan il-każ, ma hemm xejn fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jwassal għall-konklużjoni li fl-ordinament ġuridiku Irlandiż ma jeżistux rimedji li jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom bis-saħħa tad-Direttiva 2003/4. |
71 |
Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tielet domanda, moqrija fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li fi tmiemha hija adottat is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, Right to Know kienet f’pożizzjoni li tinvoka l-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, u dik il-qorti eżaminat dan l-ilment. B’mod partikolari, din tal-aħħar ċaħdet l-argument imqajjem minn Right to Know intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-informazzjoni mitluba kienet taqa’ taħt id-deroga mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, punt li Right to Know u l-Prim Ministru kkonfermaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, sa fejn, skont id-dritt Irlandiż, il-motivi tas-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018 dwar l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar igawdu mill-awtorità ta’ res judicata, dan id-dritt ma ppreġudikax l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punti 55 sa 57). |
73 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) astjeniet milli tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. |
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-mument li fih jikkonstataw, jew ex officio jew inkella fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tat-tilwima jinvolvi kwistjoni li għandha tiġi deċiża li taqa’ taħt l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Barra minn hekk, l-individwi li jkunu ġarrbu dannu minħabba ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni konsegwenza ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza jistgħu jżommu lill-imsemmi Stat Membru responsabbli, kemm‑il darba l-kundizzjonijiet dwar in-natura suffiċjentement gravi tal-ksur u dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi jkunu ssodisfatti (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, F. Hoffmann‑La Roche et, C‑261/21, EU:C:2022:534, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Mill-banda l-oħra, ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza, fih innifsu, ma jwassalx sabiex titqiegħed f’dubju l-awtorità ta’ res judicata ta’ tali deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeżiġi l-kumpens tad-dannu mġarrab u mhux ir-reviżjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ikkawżat dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 39, u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 55). |
77 |
Konsegwentement, il-ksur, minn qorti tal-aħħar istanza, tal-obbligu tagħha li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari u, iktar minn hekk, l-assenza ta’ tali rinviju fil-kuntest ta’ proċedura quddiem qorti li ma tkunx qorti tal-aħħar istanza ma jistgħux iwasslu għall-obbligu li titwarrab l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
78 |
B’dan premess, għandu jitfakkar li, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jagħtu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-qorti nazzjonali teżamina mill-ġdid deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tipprevali, kemm‑il darba jkunu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tas-sitwazzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 62). |
79 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali jirriżulta li, f’ċirkustanzi speċjali, il-qrati Irlandiżi effettivament għandhom setgħa diskrezzjonali li jippermettu lil parti f’tilwima tqajjem kwistjoni li tkun diġà ġiet deċiża kontra tagħha fi proċedura preċedenti, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
80 |
Jekk ikun il-każ, u sa fejn, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt Irlandiż jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jkunu ssodisfatti, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel użu minn din is-setgħa jekk hija tikkonstata li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mis-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018, l-informazzjoni mitluba ma taqax taħt id-deroga mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent prevista fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. |
81 |
Barra minn hekk, kif l-Avukata Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher li, skont is-sistema ġuridika Irlandiża, il-fatt li parti ma kellhiex il-possibbiltà tippreżenta appell minn sentenza li konstatazzjoni magħmula fiha jkollha l-awtorità ta’ res judicata jista’ jirriżulta rilevanti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Right to Know kellhiex effettivament il-possibbiltà tappella mill-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018 li tgħid li t-talba tat‑8 ta’ Marzu 2016 għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent kienet koperta mid-deroga fir-rigward tal-“komunikazzjonijiet interni”. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jeżiġu li l-qorti tar-rinviju tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jżomm lil persuna, li tkun kisbet, fl-ewwel sentenza, l-annullament ta’ deċiżjoni li kienet ċaħdet it-talba tagħha għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent, milli tqajjem, fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-istess partijiet dwar il-legalità tat-tieni deċiżjoni dwar l-istess talba għal aċċess, adottata sabiex jingħata segwitu għall-ewwel sentenza, ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, meta dan l-ilment ikun ġie miċħud fl-ewwel sentenza, mingħajr ma dan ikun jidher fid-dispożittiv tagħha u meta, fin-nuqqas ta’ appell li seta’ jiġi ppreżentat minn min ressaq it-talba għal aċċess, l-imsemmija sentenza tkun saret definittiva. Madankollu, sa fejn ir-regoli proċedurali interni applikabbli jawtorizzawha tagħmel dan, qorti nazzjonali għandha tippermetti lil din il-persuna tqajjem l-imsemmi lment sabiex, jekk ikun il-każ, tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.