SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Direttiv 2000/31/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘min hu stabbilit li jipprovdi servizz’ – Artikolu 3(1) – Provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn min hu stabbilit li jipprovdi servizz fit-territorju ta’ Istat Membru – Kumpannija stabbilita fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera – Inapplikabbiltà ratione personae – Artikolu 56 TFUE – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi transkonfinali li ma jaqbiżx tul ta’ 90 jum għal kull sena kalendarja – Provvista ta’ servizzi fl-Italja għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum – Inapplikabbiltà ratione personae – Artikolu 102 TFUE – Assenza ta’ kull element fid-deċiżjoni tar-rinviju li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn il-kawża prinċipali u abbuż possibbli ta’ pożizzjoni dominanti – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑70/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

Viagogo AG

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM),

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (AGCM),

fil-preżenza ta’:

Ticketone SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta de chambre, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Viagogo AG, minn E. Apa, E. Foco, M.V. La Rosa, E. Marasà, M. Montinari u I. Picciano, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi u F. Varrone, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Angeli, S. Kalėda, U. Małecka u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), moqrija flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, u, min-naħa l-oħra mal-Artikoli 102 u 106 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Viagogo AG, kumpannija stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), minn naħa, u min-naħa l-oħra, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM, l-Awtorità għall-Garanziji fil-Komunikazzjonijiet, l-Italja) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (AGCM, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja), dwar multa ta’ EUR 3700000 imposta fuq Viagogo minn l-AGCOM.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Ftehim KE‑Svizzera

3

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmat fil‑21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) seba’ ftehimiet, inkluż il-ftehim dwar il-moviment ħieles tal-persuni (ĠU 2009, L 353, p. 71, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”). Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, rettifika fil-ĠU 2015 L 210, p. 38), dawn il-ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità. Huma daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002.

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim KE-Svizzera, intitolat “L-Għan”, jipprevedi:

“L-għan ta’ dan il-Ftehim, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Iżvizzera, huwa:

[…]

(b)

li tkun iffaċilitata l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti, u b’mod partikolari li tkun liberalizzata l-provvista ta’ servizzi ta’ perjodu qasir […]”

5

L-Artikolu 5 tal-Ftehim KE-Isvizzera, intitolat “Il-persuni li jipprovdu servizzi”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiċi oħra bejn il-Partijiet Kontraenti […], il-persuni li jipprovdu s-servizzi, inklużi l-kumpanniji skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, għandhom ikollhom id-dritt li jipprovdu servizz fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv f’sena kalendarja.

[...”

6

Skont it-termini tal-Artikolu 15 tal-Ftehim KE-Svizzera, intitolat “L-Annessi u l-Protokolli”, l-annessi u l-protokolli għal dan il-ftehim jiffurmaw parti integrali minnu.

7

L-Artikolu 17 tal-Anness I tal-Ftehim, intitolat “Persuni li jipprovdu servizzi”, jipprevedi li:

“Fir-rigward tal-provvista tas-servizzi, dan li ġej għandu jkun projbit taħt l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim:

(a)

kwalunkwe restrizzjoni fuq il-provvista transkonfinali tas-servizzi fit-territorju ta’ Parti Kontraenti li ma taqbiżx id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv għal kull sena kalendarja;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-imsemmi anness japplikaw għal kumpanniji li huma inkorporati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti.

9

L-Artikolu 21 tal-istess anness jipprevedi:

“(1)   Il-perjodu totali tal-provvista tas-servizzi taħt l-Artikolu 17(a) ta’ dan l-Anness, kemm jekk kontinwa kif ukoll jekk tikkonsisti f’perjodi suċċessivi ta’ provvista, ma jistax jaqbeż id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv għal kull sena kalendarja.

[…]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

10

Skont kliem tal-premessa 19 tad-Direttiva 2000/31:

“Il-lokal li fih dak li jipprovdi servizz ikun stabbilit għandu jkun determinat b’konformità ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li skond dawn il-kunċett ta’ stabbiliment jinvolvi l-prattika attwali ta’ attività elettronika permezz ta’ stabbiliment fiss għal perjodu indefinit; […] il-lokalità ta’ stabbiliment ta’ kumpanija li tipprovdi servizzi permezz ta’ website ta’ l-internet mhix il-lokalità fejn it-teknoloġija li ssostni l-website tkun tinstab jew il-lokal li fih il-website tkun aċċessibli imma l-post fejn hi twettaq l-attività ekonomika tagħha; […]”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

[…]

4.   Din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)

‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)];

(b)

‘dak li jipprovdi servizz’: kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;

(ċ)

‘min hu stabbilit li jipprovdi servizz’: dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Il-presenza u l-użu ta’ mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz ma humiex, minnhom infushom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz;

[…]”

13

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Suq intern”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]”

Id‑dritt Taljan

14

Il-Legge n. 232 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2017 e bilancio pluriennale per il triennio 2017-2019 (il-Liġi Nru 232 dwar il-Baġit Provviżorju tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2017 u Baġit Multiannwali għall-Perijodu ta’ Tliet Snin 2017 sa 2019), tal‑11 ta’ Diċembru 2016 (GURI Nru 297, tal‑21 ta’ Diċembru 2016, suppliment ordinarju tal-GURI Nru 57), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2016”), tinkludi Artikolu 1 li l-paragrafu 545 tiegħu jipprevedi kif ġej:

“Sabiex tiġi miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur u tiġi ggarantita l-ordni pubbliku, il-bejgħ jew kwalunkwe forma oħra ta’ tqegħid ta’ biljetti ta’ aċċess għal attivitajiet ta’ prestazzjoni mwettqa minn persuna oħra li d-detenturi, anki fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ftehim speċifiku, tas-sistemi għall-ħruġ ta’ dawn il-biljetti jiġi kkastigat, sakemm l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali, bil-projbizzjoni ta’ din l-imġiba u multi amministrattivi ta’ bejn EUR 5000 u EUR 180000, kif ukoll, jekk dik l-imġiba tkun manifestata minn mezzi ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika, bil-mod iddefinit fil-paragrafu 546, it-tħassir tal-kontenut jew, f’każijiet iktar serji, il-ħabi tas-sit internet li permezz tiegħu ġie kkostitwit il-ksur, mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet għad-danni. L-[AGCOM] u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra jwettqu l-investigazzjonijiet u l-interventi meħtieġa, billi jaġixxu ex officio jew wara senjalazzjoni mill-partijiet interessati. Fi kwalunkwe każ, il-bejgħ jew kwalunkwe forma oħra ta’ tqegħid ta’ biljetti ta’ dħul għal attivitajiet ta’ spettaklu mwettqa minn persuna fiżika fuq bażi okkażjonali ma humiex issanzjonati, sakemm ma jkollhomx skop kummerċjali.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Viagogo, li l-uffiċċju rreġistrat u d-domiċilju fiskali tagħha jinsabu f’Genève, topera websajts ibbażati fuq intermedjazzjoni bejn il-konsumaturi għall-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti ta’ dħul għal attivitajiet ta’ divertiment u avvenimenti sportivi. Ladarba l-biljetti tagħhom ikunu ġew akkwistati mingħand emittenti uffiċjali, bħall-organizzaturi tal-ispettaklu jew l-avveniment ikkonċernat jew distributuri awtorizzati (“suq primarju”), xi nies ikunu jixtiequ jerġgħu jbigħuhom. Viagogo nħoloq biex jgħaqqad il-provvista u d-domanda fis-suq tal-bejgħ tal-biljetti użati (“suq sekondarju”).

16

Minħabba l-ħeffa li biha l-biljetti disponibbli fis-suq primarju ma jibqgħux disponibbli, b’mod partikolari minħabba l-użu ta’ programmi ta’ xiri awtomatizzati minn ċerti utenti, in-numru ta’ nies li qegħdin ifittxu biljetti, b’mod partikolari li fir-rigward ta’ spettakli jew avvenimenti ta’ profil għoli, kompliet tikber u s-siti internet iddedikati għas-suq sekondarju kkonċernat għalhekk qegħdin jesperjenzaw suċċess reali.

17

F’dan il-kuntest, Viagogo tagħżel minn qabel, fuq is-siti internet li topera permezz ta’ pjattaforma ospitata fl-Istati Uniti, ċertu numru ta’ spettakli jew avvenimenti. Id-detenturi tal-biljetti, billi jagħżlu l-ispettaklu jew l-avveniment li jikkorrispondi għal dawn il-biljetti, jistgħu joffruhom għall-bejgħ fuq dawn is-siti internet. Viagogo jgħaqqad bejjiegħa u xerrejja potenzjali, billi joffri servizzi anċillari bħal appoġġ bit-telefon u bil-posta elettronika, is-suġġeriment tal-prezz ibbażat fuq softwer u sistema awtomatizzata ta’ promozzjoni ta’ biljetti għal ċerti spettakli jew avvenimenti.

18

Il-fenomenu deskritt fil-punt 16 ta’ din is-sentenza laħaq proporzjonijiet meqjusa bħala inkwetanti fl-Italja, b’mod partikolari minħabba l-possibbiltà faċli li jintuża l-operat ta’ tali siti internet għall-ħasil tal-flus li jirriżultaw minn attivitajiet illegali, u l-prezz tal-bejgħ tal-biljetti fis-suq sekondarju li ma għadx għandu relazzjoni ma’ dak li għalih dawn il-biljetti huma offruti fis-suq primarju, il-leġiżlatur Taljan implimenta politika mmirata biex trażżan dan il-fenomenu, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 1(545) tal-Liġi tal-2016.

19

Wara diversi lmenti mressqa minn kumpanniji li joperaw fis-settur tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mużikali, minn kumpanniji li jbiegħu biljetti għal avvenimenti mużikali fis-suq primarju u minn assoċjazzjonijiet professjonali, AGCOM wettqet spezzjoni tas-siti internet www.viagogo.it, immexxi minn Viagogo.

20

Wara din l-ispezzjoni, l-AGCOM, bid-Deċiżjoni Nru 104/20/CONS tas‑16 ta’ Marzu 2020, imponiet multa amministrattiva ta’ EUR 3,700,000 fuq Viagogo. Viagogo ġiet mixlija li wettqet 37 ksur, permezz ta’ dan is-sit internet u b’riferiment għal dan tal-aħħar fuq network soċjali, li jikkonsistu fit-tqegħid għall-bejgħ, bejn ix-xhur ta’ Marzu u Mejju 2019, ta’ biljetti għal kunċerti u għal spettakli, mingħajr ma Viagogo kienet id-detentriċi tas-sistemi għall-ħruġ ta’ dawn il-biljetti, bi prezzijiet ogħla mill-prezzijiet nominali indikati fuq is-siti tal-bejgħ awtorizzati.

21

Viagogo ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Hija appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

22

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [2000/31], u b’mod partikolari l-Artikoli 3, 14 u 15 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-bejgħ ta’ biljetti għal avvenimenti fis-suq sekondarju li għandha l-effett li tipprekludi lil ġestjonarju ta’ pjattaforma ta’ hosting li jopera fl-Unjoni Ewropea, bħalma hija l-appellanti f’din il-kawża, milli jipprovdi lil utenti terzi servizzi ta’ reklamar ta’ bejgħ ta’ biljetti għal avvenimenti fis-suq sekondarju, billi tirriżerva din l-attività biss għall-bejjiegħa, organizzaturi ta’ avvenimenti jew entitajiet oħra awtorizzati minn awtoritajiet pubbliċi sabiex joħorġu biljetti fis-suq primarju permezz ta’ sistemi ċċertifikati?

2)

Barra minn dan, l-Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE, moqrija flimkien, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-bejgħ ta’ biljetti għal avvenimenti li tirriżerva s-servizzi kollha inerenti għas-suq sekondarju tal-biljetti (u b’mod partikolari s-senserija għal bejgħ ta’ biljetti) biss għall-bejjiegħa, organizzaturi ta’ avvenimenti jew entitajiet oħra awtorizzati sabiex joħorġu biljetti fis-suq primarju permezz ta’ sistemi ċċertifikati, meta tipprekludi minn tali attività lill-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jixtiequ jaġixxu bħala fornituri ta’ hosting fis-sens tal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva [2000/31], b’mod partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, l-effett ta’ tali riżerva huwa li tippermetti li operatur dominanti fis-suq primarju ta’ distribuzzjoni ta’ biljetti jestendi d-dominanza rispettiva tiegħu fuq servizzi ta’ senserija fis-suq sekondarju?

3)

Il-kunċett ta’ fornitur ta’ hosting passiv, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ewropea u b’mod partikolari tad-Direttiva [2000/31], jista’ jintuża biss fl-assenza ta’ kull attività ta’ filtrazzjoni, selezzjoni, indiċjar, organizzazzjoni, ikkatalogar, aggregazzjoni, evalwazzjoni, użu, modifika, estrazzjoni jew promozzjoni tal-kontenuti ppubblikati mill-utenti, intiżi bħala indiċi ta’ natura illustrattiva u li ma għandhomx ikunu kollha preżenti fl-istess ħin sa fejn dawn għandhom jitqiesu, fihom innifishom, bħala li jindikaw ġestjoni imprenditorjali tas-servizz u/jew tal-adozzjoni ta’ teknika ta’ evalwazzjoni tal-aġir tal-utenti sabiex tiżdied il-fedeltà, jew inkella hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa r-rilevanza taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq b’tali mod li, anki jekk ikun hemm waħda jew iktar minnhom, ikun possibbli li jitqies li n-newtralità tas-servizz li jwassal għall-klassifikazzjoni ta’ fornitur ta’ hosting passiv hija prevalenti?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

23

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tkun ammissibbli, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima li l-qorti tar-rinviju tintalab tiddeċiedi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania). Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan jippreżupponi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirrelata din it-talba huma applikabbli għal din it-tilwima.

24

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li t-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31. Issa, din tal-aħħar ma hijiex applikabbli ratione personae għall-kawża prinċipali.

25

Fil-fatt, id-Direttiva 2000/31 għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu “bejn l-Istati Membri” ta’ servizz mis-soċjetà tal-informazzjoni. Din tippreżumi għalhekk, sabiex din id-direttiva tkun applikabbli ratione personae, li l-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni jitwettqu minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ifakkar l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

26

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva jiddefinixxi “min hu stabbilit li jipprovdi servizz” bħala dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Il-presenza u l-użu ta’ mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz ma humiex, minnhom innifishom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz.

27

F’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza jirriżulta li peress li l-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 hija suġġetta għall-identifikazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernat huwa effettivament stabbilit, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-fornitur huwiex effettivament stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru. Fin-nuqqas ta’ tali verifika, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ma japplikax (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Bl-istess mod, il-projbizzjoni, għal raġunijiet li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li d-Direttiva 2000/31 tittratta tirrigwarda biss, skont it-termini espressi tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, dawk “minn Stat Membru ieħor”.

29

Ċertament, skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1994, Vol. 1, p. 3), il-Kumitat Konġunt taż- Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), permezz tad-Deċiżjoni Nru 91/2000 tas‑27 ta’ Ottubru 2000 li temenda l-Anness XI (Servizzi ta’ Telekomunikazzjonijiet) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2001, Vol. 7, p. 13), estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 għaż-ŻEE, b’tali mod li din id-direttiva tkopri wkoll l-Istati partijiet għall-imsemmi ftehim. Madankollu, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tinsabx fost dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, l-ebda deċiżjoni ma ġiet adottata mill-Kumitat Konġunt UE-Svizzera, stabbilit skont il-Ftehim KE-Svizzera, bl-għan li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għal dan l-Istat terz.

30

Issa, ma huwiex ikkontestat li Viagogo hija stabbilita f’Genève, hemmhekk għandha s-sede tagħha u hemmhekk tiċċentralizza l-attività ekonomika tagħha, minkejja l-fatt li hija tuża s-siti internet tagħha f’verżjonijiet aċċessibbli fi Stati Membri differenti tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fl-Italja. Il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni huma għalhekk ipprovduti minn Stat terz minn kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-Istat terz.

31

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tippreżumi l-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2000/31 ma tistax tiġi invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Peress li d-domandi kollha magħmula minn din il-qorti jirrigwardaw din id-direttiva, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija, fl-intier tagħha, ivvizzjata b’inammissibbiltà.

32

Fit-tieni lok, barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tal-ewwel domanda, li l-Artikolu 56 TFUE lanqas ma jista’ jiġi invokat minn Viagogo.

33

Fil-fatt, dan l-artikolu, ħlief għal trattat jew ftehim internazzjonali li jipprevedih, ma huwiex applikabbli għal kumpannija stabbilita fi Stat terz għall-Unjoni, anki jekk din il-kumpannija tipprovdi servizzi li jistgħu jiksbu ċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri jew il-kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner-Raith,C‑560/13, EU:C:2015:347, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim KE-Svizzera ma jippermettix lil Viagogo tinvoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, peress li l-partikolarità ta’ dan il-ftehim hija li jipprevedi, fid-dawl tal-assimilazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Isvizzera ma’ fornituri stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru, limitazzjoni ratione temporis għal 90 jum għal kull sena kalendarja.

35

B’hekk, l-Artikolu 1 tal-Ftehim KE-Svizzera jipprevedi, b’mod partikolari, “li tkun liberalizzata l-provvista ta’ servizzi ta’ perjodu qasir”, peress li l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-ftehim jagħti, min-naħa tiegħu, lill-fornituri ta’ servizzi Svizzeri d-“dritt li jipprovdu servizz fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv f’sena kalendarja”. L-Anness I tal-imsemmi ftehim, li, skont l-Artikolu 15 tal-istess ftehim, jifforma parti integrali minnu, jinkludi l-Artikolu 17 li jipprojbixxi “kwalunkwe restrizzjoni fuq il-provvista transkonfinali tas-servizzi fit-territorju ta’ Parti Kontraenti li ma taqbiżx id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv għal kull sena kalendarja”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-imsemmi anness japplikaw għal kumpanniji li huma inkorporati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità jew tal-Konfederazzjoni Svizzera u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 21 tal-istess anness jippreċiża li dawn id-90 jum jikkorrispondu għat-tul totali ta’ provvista, kemm jekk tkun provvista mhux interrotta jew provvisti suċċessivi.

36

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Viagogo tipprovdi servizzi ta’ tul itwal minn dak previst mill-Ftehim KE-Svizzera.

37

Qabel kollox, min-natura tiegħu, fornitur ta’ servizzi li jeżerċita esklużivament l-attività tiegħu permezz ta’ siti internet jagħtiha natura kważi mhux interrotta, jew saħansitra permanenti. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ offerta li tikkonċerna t-tħabbir tal-bejgħ ta’ biljetti għal spettaklu jew avveniment partikolari, l-akkwirenti potenzjali jkunu jistgħu jimmanifestaw ruħhom fi kwalunkwe mument permezz tas-sit internet ikkonċernat. F’dan ir-rigward, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li s-sit internet operat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa mill-ħolqien tiegħu, waqaf f’xi mument kwalunkwe attività tagħha, kif jikkonferma l-Gvern Taljan, li jindika li “s-servizz ta’ intermedjarju fis-suq sekondarju huwa pprovdut [minn Viagogo] b’mod kontinwu matul is-sena kalendarja kollha”.

38

Sussegwentement, mill-elementi mressqa fl-ewwel istanza fil-kawża prinċipali jirriżulta li Viagogo diġà ġiet issanzjonata fl-2016 mill-AGCOM u li l-attività tagħha ma kinitx tidher limitata fiż-żmien.

39

Fl-aħħar nett, minn naħa, id-deċiżjoni tal-AGCOM tas‑16 ta’ Marzu 2020, li tirrigwarda speċifikament ix-xhur minn Marzu sa Mejju 2019, jiġifieri 92 jum, tirrigwarda perijodu li jeċċedi t-tul massimu ta’ 90 jum previst mill-Ftehim KE‑Svizzera. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-aħħar bejgħ li kien is-suġġett tal-ispezzjoni tal-AGCOM seħħ fis‑7 ta’ Settembru 2019, jiġifieri, fi kwalunkwe każ, ferm lil hinn mid-90 jum previsti mill-Ftehim KE-Svizzera.

40

Għaldaqstant, Viagogo ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 56 TFUE u ma tistax, konsegwentement, tinvoka l-ksur ta’ dan l-artikolu fil-kuntest tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-ewwel domanda, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu, hija wkoll inammissibbli minħabba f’hekk.

41

It-tieni, it-tieni u t-tielet domanda jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, sussidjarjament, il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija inammissibbli meta din tal-aħħar ma tipprovdix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tkun tista’ tirrispondi b’mod utli (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide C., C-497/12, EU:C:2015:436, punt 26).

42

Għalhekk, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju fl-ebda mument ma tindika, fir-rigward tat-tieni domanda, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 102 u 106 TFUE, u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn l-artikoli u, b’mod partikolari, il-Liġi tal-2016, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikoli 102 TFUE et seq., u b’mod iktar speċifiku l-eżistenza ta’ abbuż possibbli minn pożizzjoni dominanti, il-qorti tar-rinviju ma tagħmel ebda riferiment għall-elementi kostituttivi ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 102, fil-kuntest tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Ragn-Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 41). Xejn ma jingħad dwar li dan l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jista’ jwassal għal dan l-abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C., C‑497/12, EU:C:2015:436, punt 25).

44

Fir-rigward tat-tielet domanda, li n-natura ipotetika tagħha hija evidenti, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, C‑244/80, EU:C:1981:302, punt 18, u tal‑20 ta’ Jannar 2005, García Blanco,C‑225/02, EU:C:2005:34, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), b’deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022, hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.