SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar – Responsabbiltà għall-ipproċessar – Artikolu 6 – Legalità tal-ipproċessar – Fajl elettroniku dwar applikazzjoni għall-ażil stabbilit minn awtorità amministrattiva – Trażmissjoni lill-qorti nazzjonali kompetenti permezz ta’ indirizz tal-posta elettronika – Ksur tal-Artikoli 26 u 30 – Assenza ta’ ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta għall-ipproċessar u għaż-żamma tar-reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar – Konsegwenzi – Artikolu 17(1) – Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’) – Artikolu 18(1) – Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar – Kunċett ta’ ‘pproċessar illegali’ – Teħid inkunsiderazzjoni tal-fajl elettroniku minn qorti nazzjonali – Assenza ta’ kunsens tas-suġġett data”

Fil-Kawża C‑60/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

UZ

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UZ, minn J. Leuschner, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, M.‑T. Rappersberger u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 17(1)(d), tal-Artikolu 18(1)(b) kif ukoll tal-Artikoli 26 u 30 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UZ, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”), dwar l-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2013/32/UE

3

Il-premessa 52 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60), hija fformulata kif ġej:

“Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Volum 15, p. 355)] tirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettaq fl-Istati Membri f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

Ir‑RĠPD

4

Il-premessi 1, 10, 40, 74, 79 u 82 tar-RĠPD huma fformulati kif ġej:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […] u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

[…]

(40)

Sabiex l-ipproċessar ikun legali, id-data personali għandha tkun ipproċessata abbażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat jew ta’ xi bażi leġittima oħra, stabbilita bil-liġi, jew f’dan ir-Regolament jew f’liġi oħra tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru kif imsemmi f’dan ir-Regolament, inkluż il-ħtieġa ta’ konformità mal-obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur jew il-ħtieġa għall-prestazzjoni tal-kuntratt li s-suġġett tad-data ikun parti fih jew li jiġu meħuda passi fuq it-talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt.

[…]

(74)

Ir-responsabbiltà tal-kontrollur għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f’isem il-kontrollur għandha tiġi stabbilita. B’mod partikolari, il-kontrollur għandu jkun obbligat jimplimenta miżuri adatti u effettivi u jkun jista’ juri l-konformità tal-attivitajiet ta’ pproċessar ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-effettività tal-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jikkunsidraw in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.

[…]

(79)

Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data kif ukoll ir-responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri, ukoll fir-rigward tal-monitoraġġ mill-awtoritajiet superviżorji u l-miżuri tagħhom, tirrikjedi allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet skont dan ir-Regolament, inkluż fejn kontrollur jistabbilixxi l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma’ kontrolluri oħra jew fejn issir attività ta’ pproċessar f’isem kontrollur.

[…]

(82)

Sabiex tintwera l-konformità ma’ dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jżomm reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Kull kontrollur u proċessur għandu jkun obbligat li jikkoopera mal-awtorità superviżorja u jagħmel dawk ir-reġistrazzjonijiet disponibbli, fuq talba, sabiex ikunu jistgħu iservu għas-sorveljanza ta’ dawk l-attivitajiet ta’ pproċessar.”

5

Il-Kapitolu I tar-RĠPD, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 4.

6

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.   Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

[…]”

7

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi, fil-punti 2, 7 u 21 tiegħu:

“(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

(21)

‘awtorità superviżorja’ tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51;

[…]”

8

Il-Kapitolu II tar-RĠPD, intitolat “Prinċipji”, jinkludi fih l-Artikoli 5 sa 11 tiegħu.

9

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’)

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

(d)

tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

(e)

tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

(f)

tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

10

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

11

L-Artikolu 7 tar-RĠPD jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kunsens, filwaqt li l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kunsens ta’ minuri fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

12

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali” jipprojbixxi l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

13

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew miżuri preventivi relatati abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

14

Il-Kapitolu III tar-RĠPD, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”, jinkludi l-Artikoli 12 sa 23.

15

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

[…]

(d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

[…]

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

[…]

(b)

għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

(e)

għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

16

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar”:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

[…]

(b)

l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

[…]

2.   Fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista’, bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

[…]”

17

Il-Kapitolu IV tar-RĠPD, intitolat “Kontrollur u proċessur”, jinkludi l-Artikoli 24 sa 43.

18

L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontrolluri konġunti”, li jinsab fit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Obbligi ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Huma għandhom b’mod trasparenti jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14, permezz ta’ arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalihom il-kontrolluri jkunu soġġetti. L-arranġament jista’ jaħtar punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data.

2.   L-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrifletti kif xieraq ir-rwoli u relazzjonijiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti vis-à-vis is-suġġetti tad-data. L-essenza tal-arranġament għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data.

3.   Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1, is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta’, u kontra, kull wieħed mill-kontrolluri.”

19

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar”, jipprevedi:

“1.   Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(c)

deskrizzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta’ data personali;

(d)

il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

[…]

4.   Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.

[…]”

20

L-Artikolu 58, intitolat “Setgħat”, li jinsab fil-Kapitolu VI tar-RĠPD, intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

(a)

li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar maħsuba x’aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b)

li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(c)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;

(d)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta’ pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq, b’mod speċifiku u f’perijodu ta’ żmien speċifiku;

(e)

li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data;

(f)

li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;

(g)

li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta’ tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19;

(h)

li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni;

(i)

li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma’, jew minflok il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali;

(j)

li tordna s-sospensjoni ta’ flussi ta’ data lejn riċevitur f’pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.”

21

Il-Kapitolu VIII tar-RĠPD, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84.

22

L-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

23

L-Artikolu 82 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.   Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. Proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f’każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament diretti b’mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.”

24

L-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 4, 5 u 7 tiegħu:

“4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

[…]

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

[…]

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta’ awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista’ jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f’dak l-Istat Membru.”

25

L-Artikolu 94, intitolat “Tħassir tad-Direttiva 95/46/KE”, li jinsab fil-Kapitolu XI tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, jiddisponi:

“1.   Id-Direttiva 95/46/KE titħassar b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b’dan ir-Regolament.”

Id‑dritt Ġermaniż

26

L-Artikolu 43 tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data) tal‑20 ta’ Diċembru 1990 (BGBl. 1990 I, p. 2954), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BDSG”), intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-multi amministrattivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Ebda multa amministrattiva ma tista’ tiġi imposta fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-organi pubbliċi l-oħra fis-sens tal-Artikolu 2(1) [tal-BDSG].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

27

Fis‑7 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju Federali, li ċaħadha.

28

Sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), l-Uffiċċju Federali bbaża ruħu fuq il-fajl elettroniku “MARIS” li huwa stabbilixxa, li jinkludi d-data personali dwar ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

29

Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Il-fajl elettroniku “MARIS” għalhekk intbagħat lil din il-qorti, fil-kuntest ta’ proċedura konġunta skont l-Artikolu 26 tar-RĠPD, permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti u tal-amministrazzjoni tagħha (Elektronisches Gerichts- und Verwaltungspostfach), li huwa amministrat minn organu pubbliku li jagħmel parti mis-setgħa eżekuttiva.

30

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-premessa 52 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Istati Membri fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali huwa rregolat mir-RĠPD.

31

Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar jekk iż-żamma tal-fajl elettroniku stabbilit mill-Uffiċċju Federali u t-trażmissjoni, lilha, ta’ dan il-fajl permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti u tal-amministrazzjoni tagħha humiex konformi ma’ dan ir-regolament.

32

Minn naħa, fir-rigward taż-żamma tal-fajl elettroniku, ma ntweriex li l-Uffiċċju Federali jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 30 tar-RĠPD li huma kkunsidrati flimkien. Fil-fatt, minkejja talba magħmula għal dan l-għan mill-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju Federali ma pproduċiex reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar komplet fir-rigward ta’ dan il-fajl. Issa, tali reġistru kellu jiġi stabbilit fil-mument tal-ipproċessar tad-data personali dwar ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, jiġifieri fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. L-Uffiċċju Federali għandu jinstema’ dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tiegħu, skont l-Artikolu 5(2) tar-RĠPD, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

33

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trażmissjoni tal-fajl elettroniku permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti u tal-amministrazzjoni tagħha, tali trażmissjoni tikkostitwixxi “pproċessar” tad-data, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, li għandu jkun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Issa, bi ksur tal-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, ebda leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirregola din il-proċedura ta’ trażmissjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati billi tiddefinixxi r-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti u ebda ftehim f’dan is-sens ma ġie ppreżentat mill-Uffiċċju Federali, u dan minkejja talba indirizzata għal dan l-għan mill-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għalhekk tqajjem il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan it-trasferiment tad-data permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti u tal-amministrazzjoni tagħha.

34

B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 26 u 30 tar-RĠPD, li minnhom tirriżulta l-illegalità tal-ipproċessar tad-data personali, għandux jiġi ssanzjonat permezz tat-tħassir ta’ din id-data, konformement mal-Artikolu 17(1)(d) ta’ dan ir-regolament, jew permezz ta’ limitazzjoni tal-ipproċessar, konformement mal-Artikolu 18(1)(b) tal-imsemmi regolament. Tali sanzjonijiet għandhom, tal-inqas, jiġu previsti fil-każ ta’ talba mis-suġġett tad-data. Fin-nuqqas ta’ dan, din il-qorti hija mġiegħla tipparteċipa fi pproċessar illegali tal-imsemmija data fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. F’tali każ, hija biss l-awtorità superviżorja li tista’ tintervjeni, skont l-Artikolu 58 tar-RĠPD, billi timponi fuq l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati multa amministrattiva, bis-saħħa tal-Artikolu 83(5)(a) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, konformement mal-Artikolu 43(3) tal-BDSG, li jittrasponi l-Artikolu 83(7) tal-imsemmi regolament, ebda multa amministrattiva ma tista’, fuq livell nazzjonali, tiġi imposta fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-organi pubbliċi l-oħra. Minn dan isegwi li la d-Direttiva 2013/32 u lanqas ir-RĠPD ma huma osservati.

35

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt l-Artikolu 17(3)(e) tar-RĠPD, li jippermetti l-użu ta’ data personali għall-istabbiliment, għall-eżerċizzju jew għad-difiża ta’ talbiet legali mill-konvenut. Ċertament, f’dan il-każ, id-data tintuża mill-Uffiċċju Federali sabiex josserva, konformement mal-Artikolu 17(3)(b) ta’ dan ir-regolament, obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar, previst mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għaliha jkun suġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur. Madankollu, jekk din id-dispożizzjoni tiġi applikata, dan ikun ifisser legalizzazzjoni fit-tul ta’ prattika li tmur kontra l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

36

Din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, sa fejn hija tista’, fil-kuntest tal-attività ġudizzjarja tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni d-data personali pprovduta fil-kuntest ta’ tali proċedura li taqa’ taħt is-setgħa eżekuttiva. Fil-fatt, li kieku ż-żamma tal-fajl elettroniku jew it-trażmissjoni tiegħu permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti u tal-amministrazzjoni tagħha kellha tiġi kklassifikata bħala pproċessar illegali fid-dawl tar-RĠPD, l-imsemmija qorti tipparteċipa, permezz ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, fl-ipproċessar illegali inkwistjoni, fatt li jmur kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali.

37

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espress tiegħu jew ikun oppona l-użu tad-data personali tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jistax jinfluwenza l-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-data. Fil-każ li din il-qorti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-data li tinsab fil-fajl elettroniku “MARIS” minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw iż-żamma u t-trażmissjoni ta’ dan il-fajl, ma tkun teżisti ebda bażi legali, fl-istennija ta’ regolarizzazzjoni eventwali ta’ dawn l-illegalitajiet, sabiex tieħu deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Konsegwentement, l-imsemmija qorti għandha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nuqqas komplet jew parzjali, min-naħa tal-kontrollur, tal-obbligu ta’ responsabbiltà li huwa impost fuqu skont l-Artikolu 5 tar-[RĠPD], li jirriżulta, pereżempju, mill-assenza ta’ rreġistrar – jew irreġistrar inkomplet – tal-attivitajiet ta’ pproċessar fis-sens tal-Artikolu 30 [ta’ dan ir-regolament] jew mill-assenza ta’ ftehim li jiddefinixxi proċedura konġunta skont l Artikolu 26 [tal-imsemmi regolament], għandu bħala konsegwenza li l-ipproċessar tad-data jkun illegali fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d) tar-RĠPD u tal-Artikolu 18(1)(b) [ta’ dan ir-regolament], b’tali mod li l-persuna kkonċernata jkollha dritt għat-tħassir tad-data jew dritt għal limitazzjoni tal-użu?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-eżistenza ta’ dritt għat-tħassir jew ta’ dritt għal limitazzjoni tal-użu għandha bħala konsegwenza li d-data pproċessata ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja? Din il-konsegwenza tapplika f’kull każ meta l-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-użu tad-data fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: ksur tal-Artikoli 5, 30 jew 26 tar-RĠPD minn kontrollur għandu bħala konsegwenza, fir-rigward tal-kwistjoni tal-użu tal-ipproċessar tad-data fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din id-data biss jekk il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens espliċitu tagħha għal dan l-użu?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

39

Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi preliminari għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Qabelxejn, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur, mill-Uffiċċju Federali, tal-Artikolu 5(2) tar-RĠPD ma huwiex stabbilit b’mod definittiv, peress li l-qorti tar-rinviju sempliċement tippreżumi dan. Sussegwentement, din il-qorti ma esponietx li l-fajls tal-Uffiċċju Federali, jekk jitqies li hija ma hijiex awtorizzata tużahom, huma l-uniċi deċiżivi għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, hija għandha wkoll sorsi oħra ta’ informazzjoni, li, skont il-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio, għandhom jintużaw b’mod sħiħ meta awtorità ma tippreżentax fajls jew meta dawn ikunu inkompleti. Fl-aħħar nett, it-tielet domanda hija manifestament ipotetika, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ta l-kunsens tiegħu jew ta l-kunsens tiegħu għall-użu tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu mill-qorti tar-rinviju.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ liġi jew ta’ fatt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Autoriteit Persoonsgegevens, C‑245/20, EU:C:2022:216, punti 2021 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Kif jirriżulta b’mod ċar mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq tqassim ta’ funzjonijiet bejniethom, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura hemm lok, għal din il-qorti, li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-fatt li domandi fattwali għadhom ma kinux is-suġġett ta’ proċedura kontradittorja ta’ amministrazzjoni tal-prova ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jagħmlu domanda preliminari inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑328/13, EU:C:2014:2197, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, f’dan il-każ, anki jekk mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma ddeċidietx definittivament dwar l-eżistenza ta’ ksur, mill-Uffiċċju Federali, tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(2) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, peress li dan l-aspett tat-tilwima fil-kawża prinċipali għad għandu, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti f’din it-talba, ikun is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju, xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti kkonstatat li la l-ftehim dwar l-ipproċessar konġunt tad-data u lanqas ir-reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, previsti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar, ma ġew prodotti mill-Uffiċċju Federali bħala kontrollur, u dan minkejja t-talba li hija indirizzat lilu għal dan l-għan.

44

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-opinjoni tal-imsemmija qorti, għandha biss il-kompitu li tikkonstata u li tevalwa l-fatti, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata abbażi biss tal-fajl elettroniku stabbilit mill-Uffiċċju Federali, li ż-żamma u t-trażmissjoni tiegħu jistgħu jiksru r-regoli stabbiliti mill-imsemmi regolament, b’tali mod li din id-deċiżjoni jista’ jkollha tiġi annullata għal din ir-raġuni.

45

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsens tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-użu tad-data personali tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-tielet domanda preliminari hija intiża preċiżament sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju, f’dan il-każ, li tali kunsens ikun espress sabiex il-qorti tar-rinviju tkun awtorizzata tieħu din id-data inkunsiderazzjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha quddiemha talba għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma hijiex manifestament bla rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha dwar l-effett tar-RĠPD fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali, hija għandha tirrispondi għalihom mingħajr ma tkun meħtieġa tikkunsidra hija stess il-preżunzjoni ta’ fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-qorti tar-rinviju, preżunzjoni li hija din tal-aħħar li sussegwentement għandha tivverifika jekk dan ikun neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Konsegwentement, għandu jitqies li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li madankollu hija din tal-aħħar li għandha tivverifika jekk l-Uffiċċju Federali naqasx milli jwettaq l-obbligi previsti fl-Artikoli 26 u 30 tar-RĠPD.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel domanda

48

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(d) u l-Artikolu 18(1)(b) tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ksur, mill-kontrollur, tal-obbligi previsti fl-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, relatati, rispettivament, mal-konklużjoni ta’ ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta tal-ipproċessar u maż-żamma ta’ reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, jikkostitwixxi pproċessar illegali li jagħti lis-suġġett tad-data dritt għat-tħassir jew għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, peress li tali ksur jimplika ksur mill-kontrollur tal-prinċipju ta’ “responsabbiltà” kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament.

49

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti minnha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 17(1)(d) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir, mingħajr dewmien żejjed, ta’ data personali li tikkonċernah u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar din id-data mingħajr dewmien żejjed meta din tkun ġiet suġġetta għal “ipproċessar illegali”.

51

Bl-istess mod, bis-saħħa tal-Artikolu 18(1)(b) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data, jekk jopponi t-tħassir ta’ tali data u jeżiġi minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha, għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar meta l-“ipproċessar huwa illegali”.

52

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-ipproċessar tad-data personali għandha tosserva ċertu numru ta’ prinċipji li huma stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, fosthom dak li jinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament, li jippreċiża li d-data personali għandha tiġi pproċessata “legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data”.

53

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-RĠPD, il-kontrollur, konformement mal-prinċipju ta’ “responsabbiltà” stabbilit f’din id-dispożizzjoni, huwa responsabbli għall-osservanza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u għandu jkun f’pożizzjoni li juri li huwa josserva kull wieħed mill-prinċipji stabbiliti f’dan il-paragrafu 1, u għalhekk tali prova għandha tiġi prodotta minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali),C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 77, 7881).

54

Minn dan isegwi li, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, il-kontrollur għandu jiżgura ruħu min-natura “legali” tal-ipproċessar tad-data li huwa jwettaq.

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-legalità tal-ipproċessar hija preċiżament is-suġġett, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu stess, tal-Artikolu 6 tar-RĠPD, li jipprevedi li l-ipproċessar huwa legali biss jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tkun issodisfatta, jiġifieri, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 40 ta’ dan ir-regolament, jew li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal għan speċifiku wieħed jew iktar, jew li l-ipproċessar ikun meħtieġ għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija, li jikkonċernaw, rispettivament, it-twettiq ta’ kuntratt li għalih huwa parti s-suġġett tad-data jew ta’ miżuri prekuntrattwali meħuda fuq talba tas-suġġett tad-data, konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, is-salvagwardja tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra, it-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur u l-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn parti terza, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux prevalenti.

56

Din il-lista ta’ każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali huwa eżawrjenti u limitattiv, b’tali mod li, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa legali, ipproċessar għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità),C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal‑ipproċessar ta’ data – Investigazzjoni preliminari), C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 83).

57

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208; tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità),C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96; kif ukoll tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi, C‑77/21, EU:C:2022:805, punti 4956).

58

Barra minn hekk, sa fejn l-Artikoli 7 sa 11 tar-RĠPD, li jinsabu, bħall-Artikoli 5 u 6 tiegħu, fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-prinċipji, għandhom l-għan li jippreċiżaw il-portata tal-obbligi imposti fuq il-kontrollur bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, l-ipproċessar ta’ data personali, sabiex ikun legali, għandu josserva wkoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi kapitolu li jikkonċernaw, essenzjalment, il-kunsens, l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali ta’ natura sensittiva u l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punti 72 sa 75, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 100, 102106).

59

Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, li l-osservanza, mill-kontrollur, tal-obbligu li jiġi konkluż ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta tal-ipproċessar, prevista fl-Artikolu 26 tar-RĠPD, u dik li jinżamm reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, stabbilita fl-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, ma tinsabx fost ir-raġunijiet ta’ legalità tal-ipproċessar stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

60

Barra minn hekk, b’differenza mill-Artikoli 7 sa 11 tar-RĠPD, l-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx l-għan li jippreċiżaw il-portata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

61

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jista’ jiġi dedott li l-ksur mill-kontrollur tal-obbligi previsti fl-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix “ipproċessar illegali”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d) u tal-Artikolu 18(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jirriżulta mill-ksur minnu tal-prinċipju ta’ “responsabbiltà” kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-istess regolament.

62

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-diversi dispożizzjonijiet. Fil-fatt, mill-istruttura stess tar-RĠPD u, għaldaqstant, mill-istruttura tiegħu jirriżulta b’mod ċar li dan jiddistingwi bejn, minn naħa, il-“prinċipji”, li huma s-suġġett tal-Kapitolu II tiegħu, li jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, l-“obbligi ġenerali”, li jagħmlu parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament dwar il-kontrolluri, li fosthom hemm l-obbligi msemmija fl-Artikoli 26 u 30 tal-istess regolament.

63

Din id-distinzjoni hija, barra minn hekk, riflessa fil-Kapitolu VIII tar-RĠPD dwar is-sanzjonijiet, il-ksur tal-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u dawk tal-Artikoli 5 u 6 tiegħu, min-naħa l-oħra, li huma s-suġġett, rispettivament, fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament, ta’ multi amministrattivi li jistgħu jitilgħu sa ċertu ammont, li huwa differenti skont il-paragrafu kkonċernat minħabba l-livell ta’ gravità ta’ dan il-ksur rispettiv li huwa rrikonoxxut mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

64

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni letterali tar-RĠPD esposta fil-punt 61 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għan imfittex minn dan ir-regolament, li jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 16(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fil-fatt, l-assenza ta’ ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta, skont l-Artikolu 26 tar-RĠPD, jew ta’ reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, fis-sens tal-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi, fiha nnifisha, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali. B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta mill-premessi 79 u 82 tiegħu, it-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet bejn il-kontrolluri konġunti u r-reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar jikkostitwixxu mezzi sabiex tiġi żgurata l-osservanza, minn dawn il-kontrolluri, tal-garanziji previsti mill-imsemmi regolament għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, xorta jibqa’ l-fatt li l-assenza ta’ tali reġistru jew ta’ tali ftehim ma turix, fiha nnifisha, li dawn id-drittijiet u dawn il-libertajiet ġew miksura.

66

Minn dan jirriżulta li ksur tal-Artikoli 26 u 30 tar-RĠPD mill-kontrollur ma jikkostitwixxix “ipproċessar illegali”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d) jew tal-Artikolu 18(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu, li jagħtu lis-suġġett tad-data dritt għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar.

67

Kif sostnew il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u l-Kummissjoni, tali ksur għandu għalhekk jiġi rrimedjat bl-użu ta’ miżuri oħra previsti mir-RĠPD, bħall-adozzjoni, mill-awtorità superviżorja, ta’ “setgħat korrettivi”, fis-sens tal-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, konformement mal-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, it-tqegħid f’konformità tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar, it-tressiq ta’ lment quddiem l-awtorità superviżorja, konformement mal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, jew il-kumpens għad-dannu eventwalment ikkawżat mill-kontrollur, skont l-Artikolu 82 tiegħu.

68

Fl-aħħar nett, fid-dawl tat-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-fatt li, f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, bis-saħħa tal-Artikolu 58(2)(i) u tal-Artikolu 83 tar-RĠPD, hija eskluża peress li d-dritt nazzjonali jipprojbixxi tali sanzjoni fir-rigward tal-Uffiċċju Federali, ma huwiex ta’ natura li jipprekludi applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 83(7) tal-imsemmi regolament jagħti espressament lill-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu jekk u sa fejn tali multi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet pubbliċi jew fuq korpi pubbliċi. Barra minn hekk, id-diversi miżuri alternattivi previsti mir-RĠPD, imfakkra fil-punt preċedenti, jippermettu li tiġi żgurata tali applikazzjoni effettiva.

69

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(d) u l-Artikolu 18(1)(b) tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ksur, mill-kontrollur, tal-obbligi previsti fl-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, relatati, rispettivament, mal-konklużjoni ta’ ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta tal-ipproċessar u maż-żamma ta’ reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, ma jikkostitwixxix ipproċessar illegali li jagħti lis-suġġett tad-data dritt għat-tħassir jew għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, peress li tali ksur ma jimplikax, bħala tali, ksur mill-kontrollur tal-prinċipju ta’ “responsabbiltà” kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar.

Fuq it‑tieni domanda

70

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it‑tielet domanda

71

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontrollur tad-data personali jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 26 jew 30 tar-RĠPD, il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali data minn qorti nazzjonali hija suġġetta għall-kunsens tas-suġġett tad-data.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li l-kunsens tas-suġġett tad-data, imsemmi fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu, jikkostitwixxi biss waħda mir-raġunijiet ta’ legalità tal-ipproċessar, peress li tali kunsens ma huwiex, għall-kuntrarju, meħtieġ mir-raġunijiet l-oħra ta’ legalità stabbiliti fil-punti (b) sa (f) tal-imsemmi subparagrafu, ibbażati, essenzjalment, fuq in-neċessità tal-ipproċessar għat-twettiq ta’ għanijiet speċifiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A‑ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 41).

73

Issa, meta qorti teżerċita l-kompetenzi ġudizzjarji mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali, l-ipproċessar ta’ data personali li din il-qorti jkollha twettaq għandu jitqies li huwa neċessarju għall-għan stabbilit fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, dwar l-eżekuzzjoni ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur.

74

Peress li, minn naħa, huwa biżżejjed li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-RĠPD tkun issodisfatta sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa legali, u li, min-naħa l-oħra, kif ġie konkluż fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-ksur tal-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix ipproċessar illegali, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, ta’ data personali li tkun ġiet ipproċessata mill-Uffiċċju Federali bi ksur tal-obbligi previsti f’dawn l-artikoli tal-aħħar ma huwiex suġġett għall-kunsens tas-suġġett tad-data.

75

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontrollur tad-data personali jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 26 jew 30 tar-RĠPD, il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali data minn qorti nazzjonali ma hijiex suġġetta għall-kunsens tas-suġġett tad-data.

Fuq l‑ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(1)(d) u l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-ksur, mill-kontrollur, tal-obbligi previsti fl-Artikoli 26 u 30 ta’ dan ir-regolament, relatati, rispettivament, mal-konklużjoni ta’ ftehim li jiddetermina r-responsabbiltà konġunta tal-ipproċessar u maż-żamma ta’ reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar, ma jikkostitwixxix ipproċessar illegali li jagħti lis-suġġett tad-data dritt għat-tħassir jew għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, peress li tali ksur ma jimplikax, bħala tali, ksur mill-kontrollur tal-prinċipju ta’ “responsabbiltà” kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontrollur tad-data personali jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 26 jew 30 tar-Regolament 2016/679, il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali data minn qorti nazzjonali ma hijiex suġġetta għall-kunsens tas-suġġett tad-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.