SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 55(1)(a) – Kumulu ta’ benefiċċji ta’ natura differenti – Applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antikumulu – Kalkolu tal-pensjoni tas-superstiti – Diviżjoni tal-ammonti tal-benefiċċju jew tal-benefiċċji jew ta’ dħul ieħor, skont kif kienu kkunsidrati, bin-numru ta’ benefiċċji – Kunċett ta’ ‘ammonti skont kif kienu kkunsidrati’”

Fil-Kawża C‑45/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

HK

vs

Service fédéral des Pensions,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HK, minnu nnifsu,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.–R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HK u s-service fédéral des Pensions (is-Servizz Federali tal-Pensjonijiet, il-Belġju, iktar ’il quddiem is-“SFP”) dwar il-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li HK għandu dritt għalih, wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1408/71

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar il-pubblikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), tħassar fl‑1 ta’ Mejju 2010, id-data li fiha sar applikabbli r-Regolament Nru 883/2004.

4

L-Artikolu 46ċ tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli fil-każ ta’ rkib (overlapping) ta’ wieħed jew iktar benefiċċji li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 46a(1) ma wieħed jew iktar benefiċċji ta’ tip differenti jew ma dħul ieħor, fejn tnejn jew iktar Stati Membri huma kkonċernati”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Jekk ir-riċeviment ta’ benefiċċji ta’ tip differenti jew dħul ieħor jitolbu r-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-twaqqif ta’ tnejn jew iktar benefiċċji li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 46(1)(a)(i), l-ammonti li ma jkunux imħallsa b’applikazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet rigward ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija pprovdut għalihom bil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat ikun diviż minn-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija.”

5

L-Artikolu 46ċ kien iddaħħal fir-Regolament Nru 1408/71 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1248/92 tat‑30 ta’ April 1992 (ĠU 1992, L 136, p. 7). Is-sittax u t-tnejn u għoxrin premessa ta’ dan l-aħħar regolament kienu jipprevedu li:

“[B]illi, sabiex jiġu protetti l-ħaddiema migranti u s-superstiti tagħhom kontra l-applikazzjoni rigoruża wisq tal-klawżoli nazzjonali dwar it-tnaqqis, is-sospensjoni jew it-tneħħija, huwa meħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 li tirregola b’mod strett l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli;

[…]

billi hemm lok li jiddaħħlu dispożizzjonijiet fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni konġunta tal-klawżoli nazzjonali dwar it-tnaqqis, is-sospensjoni jew it-tneħħija minn żewġ Stati Membri jew iktar fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji ta’ natura differenti ma jkollhiex effett negattiv fuq il-ħaddiema migranti jew l-aventi kawża tagħhom […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir‑Regolament Nru 883/2004

6

Il-premessi 4, 29 u 31 tar-Regolament Nru 883/2004 jgħidu li:

“(4)

Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

[…]

(29)

Sabiex ħaddiema immigranti u s-superstiti tagħhom ikunu protetti minn applikazzjoni ħarxa ż-żejjed tar-regoli nazzjonali dwar riduzzjoni, sospensjoni jew tneħħija, huwa meħtieġ li jkunu inklużi disposizzjonijiet li jirregolaw b’mod strett l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli[.]

[…]

(31)

Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-leġislatura nazzjonali li għandha ddaħħal regoli bħal dawn waqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi li hija l-leġislatura [tal-Unjoni] li għandha tistabbilixxi l-limiti sa fejn għandhom ikunu applikati id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar ir-riduzzjoni, sospensjoni jew twaqqif.”

7

Skont l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”:

“1.   L-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l-ammont tal-benefiċċju li jkollu jingħata:

(a)

taħt il-leġislazzjoni applikata minnha, meta l-kondizzjonijiet għall-intitolar għal benefiċċji kienu sodisfatti b’mod esklużiv taħt liġi nazzjonali biss (benefiċċju indipendenti);

(b)

billi tasal għal ammont teoretiku u mbagħad għal ammont attwali (benefiċċju pro rata), kif ġej:

[…]

2.   Fejn ikun xieraq, l-istituzzjoni kompetenti għandha tapplika, għall-ammont ikkalkulat skond is-subparagrafi 1(a) u (b), ir-regoli kollha dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-twaqqif, taħt il-leġislazzjoni applikata minnha, u dan fil-limiti stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 55.

3   Il-persuna konċernata għandha tkun intitolata li tirċievi mingħand l-istituzzjoni kompetenti ta’ kull Stat Membru l-ikbar minn fost l-ammont ikkalkolati skond is-subparagrafi 1(a) u (b).

[…]”

8

L-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli sabiex ikun evitat overlapping”, jipprevedi li:

“1.   Każijiet fejn ikun hemm overlapping ta’ benefiċċji marbuta ma’ l-invalidità, ma’ l-età u benefiċċji tas-superstiti, liema benefiċċji jkunu ikkalkulati jew mogħtija fuq il-bażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza magħmula mill-istess persuna għandhom jitqiesu bħala sitwazzjonijiet fejn ikun hemm overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip.

2.   Każijiet fejn ikun hemm overlapping ta’ benefiċċji ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji ta’ l-istess tip fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala każijiet ta’ overlapping ta’ benefiċċji ta’ tip differenti.

3.   Id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-għanijiet ta’ regoli biex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ overlapping stabbiliti mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru f’każijiet ta’ overlapping fejn benefiċċju marbut ma’ l-invalidità, ma’ l-età jew benefiċċju tas-superstiti jingħata flimkien ma’ benefiċċju ieħor ta’ l-istess tip jew ma’ benefiċċju ieħor ta’ tip differenti jew ma’ dħul ieħor:

(a)

l-istituzzjoni kompetenti għandha tqis il-benefiċċji jew dħul miksuba fi Stat Membru ieħor biss meta l-leġislazzjoni applikata minnha titlob li l-benefiċċji jew dħul miksuba barra l-pajjiż jkunu ikkunsidrati;

(b)

l-istituzzjoni kompetenti għandha tqis l-ammont ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn Stat Membru ieħor qabel it-tnaqqis tat-taxxa, ta’ kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u piżijiet jew tnaqqis individwali oħra, sakemm il-leġislazzjoni applikata minnha taħseb għall-applikazzjoni ta’ regoli biex ikun evitat overlapping wara dan it-tnaqqis. Dan għandu jsir skond il-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-[Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1)];

(ċ)

l-istituzzjoni kompetenti ma għandhiex tikkunsidra l-ammont ta’ benefiċċji miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta’ assigurazzjoni volontarja jew ta’ assigurazzjoni mhux obbligatorja kontinwata;

(d)

jekk Stat Membru wieħed japplika regoli biex jevita overlapping minħabba li l-persuna konċernata tirċievi benefiċċji ta’ l-istess tip jew ta’ tip differenti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra jew dħul miksub fi Stati Membri oħra, il-benefiċċju li għandu jingħata jista’ jitnaqqas biss bl-ammont ta’ dawn il-benefiċċji jew dħul.”

9

L-Artikolu 55 tal-istess regolament, intitolat “Overlapping ta’ benefiċċji ta’ tip differenti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Jekk ir-riċeviment ta’ benefiċċji ta’ tip differenti jew ta’ dħul ieħor jitlob l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-prevenzjoni ta’ overlapping stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri konċernati dwar:

(a)

żewġ benefiċċji indipendenti jew aktar, l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jaqsmu l-ammonti tal-benefiċċju jew benefiċċji u dħul ieħor, skond kif kienu ikkunsidrati, bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-regoli msemmija;

madanakollu, l-applikazzjoni ta’ dan is-subparagrafu ma jistax iċaħħad lill-persuna konċernata mill-istatus tagħha bħala persuna pensjonanta għall-għanijiet tal-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu taħt il-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-[Regolament Nru 987/2009];

[…]”

Id‑dritt Belġjan

10

L-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 tal-arrêté royal no 50 du 24 octobre 1967 relatif à la pension de retraite et de survie des travailleurs salariés (id-Digriet Irjali Nru 50 tal‑24 ta’ Ottubru 1967 dwar il-Pensjoni tal-Irtirar u tas-Superstiti ta’ Ħaddiema Impjegati) (Moniteur belge tas‑27 ta’ Ottubru 1967, p. 11246), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 50”), jistabbilixxi li:

“Il-pensjoni tas-superstiti tista’ tiġi akkumulata ma’ pensjoni tal-irtirar jew ma’ kwalunkwe benefiċċju ieħor li jissostitwixxi l-pensjoni tal-irtirar biss sal-ammont stabbilit mir-Re.

[…]

Ir-Re għandu jiddetermina sa liema punt il-pensjoni tas-superstiti tista’ titnaqqas meta l-konjuġi superstiti jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti jew minn kwalunkwe benefiċċju ieħor minflokha mogħti abbażi ta’ skema ta’ pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ pajjiż barrani jew taħt skema applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni rregolata mid-dritt internazzjonali pubbliku.”

11

L-Artikolu 52(1) tal-arrêté royal du 21 décembre 1967 portant règlement général du régime de pension de retraite et de survie des travailleurs salariés (id-Digriet Irjali tal‑21 ta’ Diċembru 1967 li Jistabbilixxi Regoli Ġenerali dwar l-Iskema tal-Pensjoni tal-Irtirar u tas-Superstiti tal-Impjegati) (Moniteur belge tas‑16 ta’ Jannar 1968, p. 441), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑21 ta’ Diċembru 1967”), jipprevedi, fl-ewwel u fit-tielet sal-ħames paragrafu tiegħu, li:

“Meta l-konjuġi superstiti huwa intitolat, minn naħa, għall-pensjoni tas-superstiti skont l-iskema tal-pensjoni tal-impjegati u, min-naħa l-oħra, għal pensjoni tal-irtirar waħda jew iktar jew għal kull benefiċċju ieħor minflokha skont l-iskema tal-pensjoni tal-impjegati jew skont skema tal-pensjoni waħda jew iktar, il-pensjoni tas-superstiti tista’ tiġi akkumulata mal-imsemmija pensjonijiet tal-irtirar biss sas-somma ta’ 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li kienet tingħata lill-konjuġi superstiti għal karriera sħiħa.

[…]

Meta l-konjuġi msemmi [fl-ewwel paragrafu] jista’ jitlob ukoll pensjoni tas-superstiti waħda jew iktar jew benefiċċji minflokha fis-sens tal-Artikolu 10a tad-[Digriet Irjali Nru 50], il-pensjoni tas-superstiti ma tistax tkun ogħla mid-differenza bejn, minn naħa, 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti għal karriera sħiħa, u, min-naħa l-oħra, is-somma tal-ammonti tal-pensjonijiet tal-irtirar jew tal-benefiċċji minflokha msemmija [fl-ewwel paragrafu], u ta’ ammont ugwali għall-pensjoni tas-superstiti ta’ ħaddiem impjegat għal karriera sħiħa, immultiplikata bil-parti jew bis-somma tal-porzjonijiet li jesprimu l-valur tal-pensjonijiet tas-superstiti fl-iskemi l-oħra tal-pensjoni bl-esklużjoni tal-iskema ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Dawn il-frazzjonijiet huma dawk li ġew jew li kellhom jiġu adottati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10a ċċitat iktar ’il fuq.

L-applikazzjoni [tat-tielet paragrafu] ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-pensjoni tas-superstiti għal ammont inqas mid-differenza bejn l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li għandu jingħata qabel l-applikazzjoni tal-paragrafi preċedenti u s-somma tal-ammonti tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-benefiċċji ekwivalenti, imsemmija [fl-ewwel paragrafu].

Għall-applikazzjoni [tal-ewwel u tat-tielet paragrafu], il-pensjoni tas-superstiti għal karriera sħiħa tfisser il-pensjoni tas-superstiti li tingħata lill-konjuġi superstiti qabel l-applikazzjoni tal-paragrafi preċedenti, immultiplikata bil-frazzjoni inversa ta’ dik il-pensjoni, limitata jekk ikun il-każ skont l-Artikolu 10a iċċitat iktar’ il fuq, li ntużat għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar li sservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tas-superstiti.”

12

L-Artikolu 52a tad-Digriet Irjali tal‑21 ta’ Diċembru 1967 jipprevedi li:

“Għall-applikazzjoni [tat-tielet u tar-raba’ paragrafu] tal-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali Nru 50, l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti tal-konjuġi superstiti, mogħti skont id-[Digriet Irjali Nru 50] jew […] [l-arrêté royal du 23 décembre 1996, portant exécution des articles 15, 16 et 17 de la loi du 26 juillet 1996 portant modernisation de la sécurité sociale et assurant la viabilité des régimes légaux des pensions (id-Digriet Irjali tat‑23 ta’ Diċembru 1996 li Jimplimenta l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Liġi tas‑26 ta’ Lulju 1996 dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u li Jiżgura l-Vijabbiltà tal-Iskemi Statutorji tal-Pensjonijiet) (Moniteur belge tas‑17 ta’ Jannar 1997, p. 904)], għandu jitnaqqas bl-ammont tal-pensjoni tas-superstiti jew bil-benefiċċju minflokha, mogħti skont skema ta’ pajjiż barrani jew skont skema applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni rregolata mid-dritt internazzjonali pubbliku, li ma tistax tiġi rrinunzjata.”

13

L-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali tat‑23 ta’ Diċembru 1996 li Jimplimenta l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Liġi tas‑26 ta’ Lulju 1996 dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u li Jiżgura l-Vijabbiltà tal-Iskemi Statutorji tal-Pensjonijiet, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Meta l-konjuġi jkun miet qabel il-bidu tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu, il-pensjoni tas-superstiti tkun ugwali għal 80 [%] tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar, ikkalkolata bir-rata prevista fis-subparagrafu 1(a) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet li kienet tingħata lill-konjuġi skont dan id-digriet.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Il-konjuġi ta’ HK mietet fid‑29 ta’ Novembru 2016.

15

Peress li HK kien ħadem u kkontribwixxa fi Stati Membri differenti, jiġifieri fil-Belġju, fi Spanja u fil-Finlandja, huwa kien jibbenefika, fl‑1 ta’ Diċembru 2016, minn pensjoni tal-irtirar Belġjana ta’ ammont annwali ta’ EUR 11 962.55 kif ukoll minn pensjoni tal-irtirar Spanjola ta’ ammont annwali ta’ EUR 8 276.28. Peress li l-konjuġi ta’ HK kienet ukoll ħadmet u kkontribwixxiet fl-istess Stati Membri, HK kien jirċievi wkoll pensjoni tas-superstiti Spanjola ta’ ammont annwali ta’ EUR 5 123.88, u pensjoni tas-superstiti Finlandiża ta’ ammont annwali ta’ EUR 1 281.24, mogħtija bħala kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konjuġi de cujus tiegħu lil dawn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

16

Fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti Belġjana, fit‑22 ta’ Diċembru 2017, is-SFP informa lil HK bil-fatt li huwa ma kellux dritt għal tali pensjoni, għar-raġuni li l-ammont totali tal-pensjonijiet tiegħu tal-irtirar kien għoli wisq.

17

Fis‑26 ta’ Diċembru 2017, HK ressaq ilment kontra dan ir-rifjut.

18

Sussegwentement, HK u s-SFP skambjaw bosta ittri dwar il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi benefiċċji tal-pensjoni li minnhom kien jibbenefika HK sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn huwa kellu dritt għal pensjoni tas-superstiti Belġjana.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019, is-SFP emenda l-pożizzjoni inizjali tiegħu billi ta lil HK pensjoni tas-superstiti taħt id-dritt Belġjan ta’ ammont annwali ta’ EUR 1 929.03, b’mod retroattiv mill‑1 ta’ Diċembru 2016.

20

HK ikkontesta din id-deċiżjoni u ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), fejn sostna li l-ammont annwali tal-pensjoni tas-superstiti Belġjana kellu jammonta għal EUR 6 339.01.

21

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-pożizzjonijiet ta’ HK u ta’ SFP huma essenzjalment diverġenti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li jinkludi r-regola li abbażi tagħha l-istituzzjoni kompetenti għandha, fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli antikumulu ta’ benefiċċji ta’ natura differenti, tiddividi l-ammonti tal-benefiċċji jew ta’ dħul ieħor bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-regoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, skont kif kienu kkunsidrati.

22

Din il-qorti żżid li, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana li tawtorizza l-kumulu ta’ pensjoni tas-superstiti u ta’ pensjoni tal-irtirar, filwaqt li tillimita dan l-ammont akkumulat għal somma li tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li kienet tingħata lill-konjuġi superstiti għal karriera sħiħa, il-partijiet fil-kawża jaqblu li l-ammont totali tal-pensjonijiet tal-irtirar li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali tal‑21 ta’ Diċembru 1967, jiġifieri l-ammont annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar Belġjan (EUR 11 962.55) u Spanjol (EUR 8 276.28), jammonta għal EUR 20 238.83 u li l-limitu massimu ta’ kumulu jammonta għal EUR 16 458.42.

23

Huwa biss fil-livell tal-kalkolu tal-qbiż tal-limitu massimu ta’ kumulu li r-raġunament tal-partijiet ivarja.

24

Skont is-SFP, il-qbiż ta’ dan il-limitu massimu għandu jiġi ddeterminat billi l-ammont annwali tal-pensjoni tas-superstiti jiżdied mal-ammont annwali totali tal-pensjonijiet tal-irtirar, sabiex sussegwentement jitnaqqas il-limitu massimu tal-kumulu, fejn dan l-ammont imbagħad jiġi diviż bi tnejn. B’hekk, fil-każ ta’ HK, il-qbiż tal-limitu massimu tal-kumulu huwa kkalkolat kif ġej: EUR 7 638.46 (ammont annwali tal-pensjoni tas-superstiti allokat) + EUR 20 238.83 (ammont annwali totali tal-pensjonijiet tal-irtirar) – EUR 16 458.42 (limitu massimu tal-kumulu) = EUR 11 418.87. L-ammont annwali massimu tal-pensjoni tas-superstiti għalhekk jammonta għal: EUR 7 638.46 – EUR 11 418.87/2 (ammont tal-qbiż fl-ammont diviż bin-numru ta’ pensjonijiet tas-superstiti affettwati minn regoli ta’ kumulu, jiġifieri, f’dan il-każ, il-pensjonijiet tas-superstiti Belġjani u Finlandiżi) = EUR 1 929.03.

25

Is-SFP jippreċiża li l-awtoritajiet Finlandiżi għamlu l-istess kalkolu fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti Finlandiża.

26

Skont HK, ma għandhiex tiġi diviża l-parti tad-dħul li taqbeż il-limitu massimu tal-kumulu, iżda d-dħul kollu meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli antikumulu, jiġifieri l-ammont annwali totali tal-pensjonijiet tal-irtirar. Għalhekk, il-qbiż tal-limitu massimu ta’ kumulu huwa kkalkolat kif ġej: EUR 7 638.46 (ammont annwali tal-pensjoni tas-superstiti allokat) + EUR 20 238.83 (ammont annwali totali tal-pensjonijiet tal-irtirar)/2 – EUR 16 458.42 (limitu massimu ta’ kumulu) = EUR 1 299.45. Minn dan jirriżulta li l-ammont annwali massimu tal-pensjoni tas-superstiti li huwa intitolat għaliha jiġi kkalkolat kif ġej: EUR 7 638.46 – EUR 1 299.45 = EUR 6 399.01.

27

HK iżid li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 883/2004 hija bbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fis-sit internet tal-Caisse nationale d’assurance vieillesse (il-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għax-Xjuħija, Franza), li hija l-istituzzjoni Franċiża inkarigata li tikkalkola u tħallas il-pensjonijiet bażiċi.

28

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regola ta’ diviżjoni li tinsab fl-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ma kinitx tinsab, bħala tali, fid-dispożizzjoni ekwivalenti tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-Artikolu 46ċ(1) li kien jipprevedi li l-ammonti li ma jitħallsux fil-każ ta’ applikazzjoni stretta tal-klawżoli ta’ tnaqqis previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu diviżi bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għal tnaqqis.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail francophone de Bruxelle (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regola prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tar-[Regolament Nru 883/2004] skont liema l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jiddividu l-ammonti tal-benefiċċju jew benefiċċji u dħul ieħor, skont kif kienu ikkunsidrati, bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-regoli msemmija, għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi d-diviżjoni tad-dħul inkwantu tali meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tar-regola ta’ nuqqas ta’ kumulu bin-numru ta’ pensjonijiet tas-superstiti affettwati mir-regoli antikumulu?

2)

Ir-regola prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tar-[Regolament Nru 883/2004] skont liema l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jiddividu l-ammonti tal-benefiċċju jew benefiċċji u dħul ieħor, skont kif kienu ikkunsidrati, bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-regoli msemmija, għandha għall-kuntrarju tiġi interpretata fis-sens li timponi d-diviżjoni, mhux tad-dħul inkwantu tali meħud inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tar-regola ta’ nuqqas ta’ kumulu, iżda pjuttost tal-parti tad-dħul li jaqbeż limitu ta’ kumulu, bħalma huwa previst pereżempju bir-regola nazzjonali inkwistjoni, bin-numru ta’ pensjonijiet tas-superstiti affettwati mir-regoli antikumulu?”

Fuq id‑domandi preliminari

30

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ natura differenti jimplika l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali antikumulu fir-rigward tal-benefiċċji awtonomi, huwa jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jipprevedi li, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-benefiċċju li għandu jitħallas, l-ammont totali tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni minn dawn ir-regoli nazzjonali għandu jiġi diviż bin-numru ta’ benefiċċji kkonċernati jew jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponilhom l-obbligu li jipprevedu li, fid-dawl ta’ dan il-kalkolu, għandha tiġi diviża b’dan l-istess numru l-parti tad-dħul li taqbeż il-limitu massimu ta’ kumulu ddeterminat mill-imsemmija regoli nazzjonali.

31

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-klawżoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jistgħu, sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor fir-Regolament Nru 883/2004, jiġu invokati kontra persuni li jibbenefikaw minn benefiċċju mingħand dan l-Istat Membru meta dawn jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra, u dan minkejja li dawn il-benefiċċji jinkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Blanco Marqués, C‑431/16, EU:C:2018:189, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għalhekk, skont l-Artikoli 52(2) tar-Regolament Nru 883/2004, l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti hija awtorizzata tapplika, meta jingħataw il-benefiċċji, il-klawżoli kollha ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija previsti fil-leġiżlazzjoni li hija tapplika, fil-limiti previsti fl-Artikoli 53 sa 55 ta’ dan ir-regolament.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jitqiesu li huma tal-istess natura meta l-għan u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi ta’ kalkolu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom ikunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi li huma purament formali ma għandhomx jitqiesu li huma elementi kostituttivi għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Blanco Marqués, C‑431/16, EU:C:2018:189, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward tal-kumulu ta’ benefiċċji bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri benefiċċji kkalkolati jew mogħtija abbażi tal-karrieri ta’ żewġ persuni differenti, li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura differenti, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ żewġ benefiċċji awtonomi jew iktar, l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jiddividu l-ammonti tal-benefiċċju jew tal-benefiċċji skont kif kienu kkunsidrati bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għar-regoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

35

Fir-rigward tas-sens li għandu jingħata lill-parti tas-sentenza “skont kif kienu kkunsidrati”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, peress li l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni jista’ wkoll ikollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, minn din jirriżulta li, fl-applikazzjoni tar-regoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom jiddividu l-ammonti tal-benefiċċji skont kif kienu ikkunsidrati bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għall-imsemmija regoli.

37

Jekk jiġi attribwit lill-espressjoni verbali “jieħu inkunsiderazzjoni”, użata f’din is-sentenza, is-sens abitwali tagħha, din il-frażi għandha tinftiehem bħala li tissuġġetta għad-diviżjoni l-ammonti meħuda inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet nazzjonali kompetenti jew li dawn tal-aħħar ħadu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli antikumulu previsti mil-leġiżlazzjoni tagħhom.

38

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 madankollu ma tinkludi ebda indikazzjoni espliċita li tobbliga lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni ammont iddeterminat.

39

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa redatt b’mod li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddividu l-ammonti, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli antikumulu nazzjonali tagħhom, bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għall-imsemmija regoli.

40

Konsegwentement, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-istituzzjonijiet nazzjonali kompetenti jistgħu, sabiex jikkalkolaw l-ammont tal-benefiċċju li għandu jitħallas, jiddividu bin-numru ta’ benefiċċji kkonċernati, jew l-ammont totali tad-dħul, jew il-parti tad-dħul li taqbeż ċertu limitu massimu ta’ kumulu.

41

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali hija kkonfermata mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

42

Fil-fatt, mill-premessa 29 ta’ dan ir-regolament, dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipproteġi lill-ħaddiema migranti u lis-superstiti tagħhom kontra applikazzjoni rigoruża wisq tagħhom mill-Istati Membri billi inkluda, fl-imsemmi regolament, dispożizzjonijiet li jirregolaw strettament l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali.

43

F’dan ir-rigward, il-premessa 31 tal-imsemmi regolament tippreċiża li, għalkemm huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jimplimenta regoli li jillimitaw il-kumulu ta’ żewġ pensjonijiet jew iktar li d-dritt tagħhom ikun inkiseb fi Stati Membri differenti, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiddetermina l-limiti li fihom japplikaw dawn ir-regoli antikumulu nazzjonali.

44

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-klawżoli antikumulu nazzjonali għandhom l-għan li jillimitaw l-effetti partikolarment sfavorevoli fir-rigward tal-ħaddiema li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

45

Issa, kif fakkar ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li t-teħid inkunsiderazzjoni, minn Stat Membru, unikament tal-ammont li jeċċedi l-limitu massimu ta’ kumulu tad-diversi pensjonijiet ikkunsidrati huwa partikolarment sfavorevoli għall-ħaddiema kkonċernati, anki jekk il-kalkolu mwettaq billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali tal-benefiċċji kkunsidrati jwassal, ċertament, għal ammont ogħla.

46

Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 bl-ebda mod ma jobbliga lill-Istati Membri jagħtu lill-ħaddiema kkonċernati l-ogħla ammonti. Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, HK jirċievi pensjoni tas-superstiti Belġjana minħabba l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li ħaddiem li ma jkunx għamel użu mid-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma għandu dritt għal ebda benefiċċju f’każ bħal dan.

47

Fit-tielet lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 li tgħid li huma l-leġiżlaturi nazzjonali li għandhom jiddeterminaw l-ammonti tal-benefiċċji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali antikumulu tagħhom hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni.

48

F’dan ir-rigward, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004 tgħid li huwa meħtieġ li jiġu osservati l-karatteristiċi speċifiċi għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u li tiġi stabbilita biss sistema ta’ koordinazzjoni.

49

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji soċjali, inklużi għalhekk ir-regoli antikumulu għal benefiċċji ta’ natura differenti. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 dwar ir-regoli antikumulu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Rechtsanwaltskammer Wien, C‑58/21, EU:C:2022:691, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jiddefinixxi ebda metodu partikolari ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tas-superstiti, b’tali mod li huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-modalitajiet fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li barra minn hekk huwa muri, f’dan il-każ, miċ-ċirkustanza msemmija fil-punti 25 u 27 ta’ din is-sentenza, li skontha l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi u Finlandiżi japplikaw, skont ir-regoli nazzjonali antikumulu rispettivi tagħhom, modalitajiet ta’ kalkolu differenti.

51

Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li l-oriġini tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 tippermetti wkoll li jitqies li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 inizjalment ma kienx jinkludi regola simili għal dik prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, dwar it-tnaqqis tal-effetti fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji soċjali.

53

Kien biss wara l-inklużjoni, mir-Regolament Nru 1248/92, tal-Artikolu 46ċ fir-Regolament Nru 1408/71 li tali regola kienet prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, is-sittax u t-tnejn u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1248/92 kienu jippreċiżaw li l-ħaddiema migranti u s-superstiti tagħhom kellhom jiġu protetti kontra applikazzjoni rigoruża wisq tal-klawżoli nazzjonali ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija, sa fejn l-applikazzjoni konġunta ta’ klawżoli nazzjonali fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji ta’ natura differenti tista’ tikkawża effetti negattivi.

54

Issa, skont l-Artikolu 46ċ(1) tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ natura differenti jew ta’ dħul ieħor kien jinvolvi fl-istess ħin it-tnaqqis, is-sospensjoni jew it-tneħħija ta’ żewġ benefiċċji jew iktar, l-ammonti li ma jitħallsux fil-każ ta’ applikazzjoni stretta tal-klawżoli ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati kellhom jiġu diviżi bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għal tnaqqis, sospensjoni jew tneħħija.

55

Issa, anki jekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ġiet emendata, wara liema emenda huma l-ammonti tal-benefiċċji meħuda inkunsiderazzjoni, u mhux iktar l-ammonti mhux imħallsa minħabba l-applikazzjoni tal-klawżoli antikumulu, li huma diviżi bin-numru ta’ benefiċċji suġġetti għall-klawżoli antikumulu, xorta jibqa’ l-fatt li kemm dan l-Artikolu 55(1) kif ukoll l-Artikolu 46ċ(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom l-istess għan, intiż li jipproteġi lill-ħaddiema migranti mill-effetti negattivi marbuta ma’ applikazzjoni kumulattiva tal-imsemmija klawżoli fl-Istati Membri.

56

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 883/2004 mmodernizza u ssemplifika r-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-istess għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv), C‑285/20, EU:C:2021:785, punt 42).

57

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm l-Artikolu 46ċ(1) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jirreferu għall-klawżoli ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija previsti mil-leġiżlazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri kif ukoll għall-ammonti stabbiliti minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, u jenfasizzaw b’dan il-mod is-setgħa diskrezzjonali li għandhom dawn l-Istati sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-klawżoli antikumulu.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ natura differenti jew ta’ dħul ieħor jimplika l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali antikumulu fir-rigward tal-benefiċċji awtonomi, dan jippermetti lil kull Stat Membru li jipprevedi, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-benefiċċju li għandu jitħallas, jew li l-ammont totali tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni minn dawn ir-regoli nazzjonali jiġi diviż bin-numru ta’ benefiċċji kkonċernati, jew li tiġi diviża b’dan l-istess numru l-parti tad-dħul li taqbeż il-limitu massimu ta’ kumulu ddeterminat mill-imsemmija regoli nazzjonali.

Fuq l‑ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

meta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ natura differenti jew ta’ dħul ieħor jimplika l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali antikumulu fir-rigward tal-benefiċċji awtonomi, dan jippermetti lil kull Stat Membru li jipprevedi, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-benefiċċju li għandu jitħallas, jew li l-ammont totali tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni minn dawn ir-regoli nazzjonali jiġi diviż bin-numru ta’ benefiċċji kkonċernati, jew li tiġi diviża b’dan l-istess numru l-parti tad-dħul li taqbeż il-limitu massimu ta’ kumulu ddeterminat mill-imsemmija regoli nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.