SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni mogħtija lill-impjegati assenjati ma’ proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp iffinanzjati permezz ta’ riżorsi baġitarji nazzjonali – Differenza fit-trattament tal-impjegati assenjati ma’ proġett iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp – Artikolu 63(1) TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Iffaċilitar tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 208 u 210 TFUE – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Obbligu li jiġu promossi l-politiki fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp – Invokabbiltà”

Fil-Kawża C‑15/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

RF

vs

Finanzamt G,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RF, minn B. Ellenrieder, J. Schönfeld u C. Süß, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u N. Scheffel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Giolito, M. Kellerbauer, W. Roels, D. Schaffrin u V. Uher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45, 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE u tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 208 u 210 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuna fiżika u l-Finanzamt G (l-Uffiċċju tal-Kontribuzzjonijiet G, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta mit-taxxa fuq id-dħul is-salarji li din il-persuna, suġġetta b’mod illimitat għal din it-taxxa fil-Ġermanja, irċeviet abbażi ta’ attività eżerċitata barra mill-pajjiż iffinanzjata mis‑7 u mid‑9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), minkejja li l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tipprevedi li tali dħul għandu jkun eżentat meta, essenzjalment, l-attività tkun iffinanzjata minn riżorsi baġitarji nazzjonali.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑leġiżlazzjoni applikabbli għas‑7 u għad‑9 FEŻ

Ir‑Raba’ Konvenzjoni AKP‑KEE

3

Ir-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE, iffirmata f’Lomé fil‑15 ta’ Diċembru 1989 (ĠU 1991, L 229, p. 3), tinkludi t-Tielet Parti, intitolata “L-istrumenti ta’ kooperazzjoni AKP-KEE”, li tinkludi t-Titolu III, intitolat “Kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp”. Fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu hemm l-Artikolu 231 ta’ din il-konvenzjoni, li jipprevedi:

“Għall-finijiet stabbiliti f’dan it-titolu, l-ammont globali tal-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għandu jiġi indikat fil-Protokoll Finanzjarju anness ma’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 233(1) ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-proġetti jew il-programmi jistgħu jiġu ffinanzjati jew permezz ta’ sussidji, jew permezz ta’ kapital ta’ riskju mill-Fond, jew permezz ta’ self mill-Bank [Ewropew tal-Investiment (BEI)] mir-riżorsi proprji tiegħu, jew permezz ta’ tnejn jew iktar minn dawn il-metodi ta’ finanzjament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Il-Protokoll Finanzjarju anness mar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE jinkludi l-Artikolu 1 li, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi li, għall-finijiet esposti fit-Titolu III tat-Tielet Parti ta’ din il-konvenzjoni, dwar il-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp, u għal perijodu ta’ ħames snin mill‑1 ta’ Marzu 1990, l-ammont globali ta’ għajnuna finanzjarja mill-Komunità Ewropea kellu jkun ta’ ECU 12000 miljun.

Il‑Ftehim Intern dwar il‑finanzjament u l‑ġestjoni tal‑għajnuna tal-Komunità fil‑kuntest tar‑Raba’ Konvenzjoni AKP‑KEE

6

L-ewwel premessa tal-Ftehim Intern dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-għajnuna tal-Komunità fil-kuntest tar-Raba’ Konvenzjoni AKP‑KEE (ĠU 1991, L 229, p. 288) tindika:

“Billi r-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE, iffirmata f’Lomé fil‑15 ta’ Diċembru 1989, iktar ’il quddiem imsejħa l-‘Konvenzjoni’, stabbilixxiet l-ammont globali tal-għajnuna mill-Komunità lill-Istati AKP għall-perijodu 1990‑1995 bħala 12000 miljun ECU”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 1(1) u (2)(a) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistabbilixxu s-Seba’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (1990), iktar ’il-quddiem il-‘Fond’.

2.   

(a)

Il-Fond għandu jkollu ammont ta’ ECU 10940 miljun, iffinanzjati mill-Istati Membri skont [kriterju ta’ tqassim].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim huwa fformulat kif ġej:

“Mal-ammont stabbilit fl-Artikolu 1 għandhom jiżdiedu, sa limitu ta’ ECU 1225 miljun, is-self mogħti mill-[BEI], mir-riżorsi proprji tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minnu konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Skont l-Artikolu 5 tal-istess ftehim:

“L-operazzjonijiet finanzjarji kollha għall-benefiċċju tal-Istati AKP u tal-pajjiżi u t-territorji li huma f’konformità mal-Konvenzjoni u mad-Deċiżjoni [dwar il-pajjiżi u t-territorji] għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim u għandhom jitħallsu mill-Fond, bl-eċċezzjoni tas-self mogħti mill-[BEI] mir-riżorsi proprji tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 13(1) tal-Ftehim intern dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-għajnuna tal-Komunità fil-kuntest tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE jipprovdi:

“Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tevalwa l-proġetti u l-programmi li, skont l-Artikolu 233 tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni, jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta’ sussidji mir-riżorsi tal-Fond.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Skont l-Artikolu 15 ta’ dan il-ftehim:

“1.   Il-[BEI] għandu jiżgura, f’isem il-Komunità, l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet imwettqa bir-riżorsi tal-Fond fil-forma ta’ kapital ta’ riskju. F’dan il-kuntest, il-[BEI] għandu jaġixxi f’isem u għar-riskju tal-Komunità. Kwalunkwe drittijiet li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet, b’mod partikolari drittijiet bħala kreditur jew proprjetarju, għandhom ikunu vestiti fil-Komunità.

2.   Il-[BEI] għandu jiżgura l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet imwettqa permezz ta’ self mir-riżorsi proprji tiegħu, flimkien ma’ sussidji fuq l-interessi mir-riżorsi tal-Fond.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir‑Regolament Finanzjarju 91/491/KEE

12

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-Kunsill 91/491/KEE tad‑29 ta’ Lulju 1991 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE (ĠU 1991, L 266, p. 1) kien jipprovdi:

“Bħala prinċipju, il-ħlasijiet għandhom jitwettqu permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rrikonoxxuti. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Ftehim ta’ Cotonou

13

L‑Artikolu 62(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit‑23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3), u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE tad‑19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 121), kif emendat bil-Ftehim approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/599/KE tal‑21 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2006, L 168M, p. 32) u bil-Ftehim approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/648/UE tal‑14 ta’ Mejju 2010 (ĠU 2010, L 287, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 299, p. 46) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Cotonou”), jipprovdi:

“Għall-finijiet stipulati f’dan il-Ftehim, l-ammont ġenerali ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità u t-termini dettaljati u kondizzjonijiet tal-finanzjament huma previsti fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.”

14

L-Anness I ta’ dan il-ftehim, intitolat “Protokoll finanzjarju”, huwa fformulat kif ġej:

“1.

Għall-finijiet stabbiliti f’dan il-ftehim u għal perijodu ta’ ħames snin mill‑1 ta’ Marzu 2000, l-ammont globali tal-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għandu jkun ta’ [EUR] 15200 miljun.

2.

L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità tinkludi ammont ta’ EUR 13500 miljun mid‑9 FEŻ.

3.

Id‑9 FEŻ għandu jkun allokat bejn l-istrumenti tal-koperazzjoni kif ġej:

(a)

EUR 10 biljuni fil-forma ta’ għajnuna mhux rimborsabbli huma riżervati għal pakkett ta’ appoġġ għall-iżvilupp fit-tul. […]

[…]

4.

Ammont massimu ta’ EUR 1700 miljun għandu jingħata mill-[BEI] fil-forma ta’ self mir-riżorsi proprji tiegħu. […]

[…]

6.

Il-[BEI] għandu jiġġestixxi s-self mogħti mir-riżorsi proprji tiegħu kif ukoll l-operazzjonijiet iffinanzjati fil-kuntest tal-faċilità ta’ investiment. […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Artikolu 1(1) tal-Anness II tal-imsemmi ftehim, intitolat “Termini u kondizzjonijiet tal-finanzjament”, jipprevedi:

“It-termini u l-kondizzjonijiet tal-finanzjament b’relazzjoni mal-operazzjonijiet tal-Faċilità tal-Investiment (il-Faċilità), is-self mir-riżorsi tiegħu tal-[BEI] u operazzjonijiet speċjali għandhom ikunu kif stabbiliti f’dan il-Kapitolu. […]”

16

L-Artikolu 37(1) tal-Anness IV ta’ dan l-istess ftehim, intitolat “Ħlasijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ ħlasijiet fil-muniti nazzjonali ta’ l-Istati ta’ l-ACP, jistgħu jinfetħu kontijiet fil-muniti ta’ l-Istati Membri jew fl-euro fl-Istati ta’ l-ACP, minn u f’isem il-Kummissjoni, f’istituzzjoni finanzjarja nazzjonali, pubblika jew semi-pubblika, magħżula bi ftehim bejn l-Istat ta’ l-ACP u l-Kummissjoni. Din l-istituzzjoni għandha taqdi l-funzjoni ta’ Pagatur Delegat Nazzjonali.”

Il‑Ftehim Intern dwar il‑finanzjament u l‑ġestjoni tal‑għajnuna tal-Komunità fil‑kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou

17

L-Artikolu 1(1) u (2) tal-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Iffinanzjar u l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha iffirmat fi Cotonou (Benin) fit‑23 ta’ Ġunju 2000 u l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-ewropej li dwarhom il-Parti Erba’ tat-Trattat KE hija applikabbli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 380, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Intern dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-għajnuna mill-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou”), jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri huma b’an jistabbilixxu d-disa’ Fond Ewropew tal-Iżvilupp (2000), minn hawn il-quddiem imsejjħa ‘id‑9 EDF’.

2.   Id‑9 EDF għandu jkun magħmul minn:

(a)

Ammont sa 13800 miljun EUR ikkontribwiti mill-Istati Membri [skont tabella ta’ tqassim]

[…]”

18

L-Artikolu 5(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“L-ammont stabbilit fl-Artikolu 1(2) għandu jkun miżud sa 1720 miljun EUR fil-għamla ta’ self mogħti mill-[BEI] mir-riżorsi tiegħu innifsu. […]”

Ir-Regolament Finanzjarju tas-27 ta’ Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp

19

L-Artikolu 28 tar-Regolament Finanzjarju tas‑27 ta’ Marzu 2003 applikabbli għad‑9 Fond ta’ Żvilupp Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 131), jipprovdi:

“Sabiex jagħmel il-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 37(1) u (4) ta’ l-Anness IV tal-Ftehim ta’ l-ACP-KE jew fil-miżuri li jimplimentaw id-Deċiżjoni ta’ l-Assoċjazzjoni Barranija [l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea], l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jiftaħ il-kontijiet ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati ACP u l-[pajjiżi u territorji extra-Ewropej, iktar ’il quddiem il-‘PTEE’], għall-ħlasijiet fil-muniti nazzjonali ta’ l-Istati ACP jew fil-muniti lokali ta’ l-OCTs [PTEE], u ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri, għall-ħlasijiet fl-euro u f’muniti oħra. F’konformità ma’ l-Artikolu 37(2) ta’ l-Anness IV tal-Ftehim ta’ l-ACP-KE, id-depożiti f’kontijiet ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati ACP u l-OCTs m’għandu jkollhom l-ebda interessi u dawn ta’ l-aħħar m’għandhom jirċievu l-ebda ħlas għas-servizzi tagħhom. F’konformità ma’ l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim Intern [dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-għajnuna mill-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou], id-depożiti f’kontijiet ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri għandu jkollhom l-interessi u tali interessi għandhom jgħaddu għal fuq wieħed mill-kontijiet previsti f’dak l-Artikolu.”

Id‑Direttiva 88/361/KEE

20

Il-parti introduttiva tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu [63] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10) tipprovdi:

“F’din in-Nomenklatura, movimenti ta’ kapital huma kklassifikati skond in-natura ekonomika tal-beni u l-obbligi li huma jikkonċernaw, iddenominati jew f’munita nazzjonali jew f’kambju esteru.

Il-movimenti ta’ kapital elenkati f’din in-Nomenklatura jiftiehmu li jkopru:

l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-iskopijiet ta’ movimenti ta’ kapital: konklużjoni u aġir tat-transazzjoni u trasferimenti relatati. It-transazzjoni ġeneralment hija bejn residenti ta’ Stati Membri differenti għalkemm xi movimenti ta’ kapital jitwettqu minn persuna waħda għall-akkont tiegħu stess (eż. trasferiment ta’ beni li jappartjenu l-emigranti),

[…].”

21

Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati f’dan l-Anness I jinsabu, fit-Taqsima VIII tiegħu, is-“self finanzjarju u krediti (mhux inklużi taħt I, VII u XI)” u, fit-Taqsima XI tal-imsemmi anness, il-“movimenti ta’ kapital personali”, li jinkludu “rigali u iddotar”.

Id‑dritt Ġermaniż

L-EStG

22

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EStG”), il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju Ġermaniż huma suġġetti hemmhekk għal obbligu fiskali illimitat.

23

Skont l-Artikolu 2(1) tal-EStG, id-dħul minn attività bħala persuna impjegata li l-persuna taxxabbli tirċievi waqt li tkun suġġetta għal obbligu fiskali illimitat huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul.

24

L-Artikolu 34c(5) tal-EStG jipprovdi:

“L-awtoritajiet tat-taxxa superjuri tal-Länder jew l-awtoritajiet tat-taxxa maħtura minnhom jistgħu, bi qbil mal-Ministeru Federali għall-Finanzi, jagħtu rifużjoni parzjali jew sħiħa tat-taxxa fuq id-dħul fuq dħul barrani, jew jiffissaw somma f’daqqa fejn dan jitqies xieraq għal raġunijiet ekonomiċi jew jekk l-applikazzjoni tal-punt 1 ta’ dan l-artikolu tkun partikolarment diffiċli.”

L-ATE

25

Fil‑31 ta’ Ottubru 1983, il-Ministeru għall-Finanzi Ġermaniż ippubblika, skont l-Artikolu 34c(5) tal-EStG u bi qbil mal-awtoritajiet tat-taxxa superjuri tal-Länder, l-Auslandstätigkeitserlass (l-Istruzzjoni dwar it-Trattament Fiskali tad-Dħul ta’ Persuni Impjegati minn Attivitajiet Barra mill-Pajjiż) (BStBl. 1983 I, p. 470, iktar ’il quddiem l-“ATE”), li tinkludi s-siltiet li ġejjin:

“Id-dħul mix-xogħol li l-impjegati ta’ persuna li timpjega stabbilita fit-territorju nazzjonali […] jirċievu għal attività li tibbenefika mill-iskema mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ fi Stat ieħor huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul.

I. Attività li tibbenefika mill-iskema

L-attività li tibbenefika mill-iskema hija dik eżerċitata barra mill-pajjiż għan-nom ta’ fornitur, ta’ produttur, ta’ kontraenti jew ta’ detentur ta’ drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ minerali, stabbiliti fit-territorju nazzjonali, inkonnessjoni ma’:

1. l-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-istabbiliment, id-dħul fis-servizz, l-espansjoni, it-tiswija, l-immodernizzar, il-monitoraġġ jew il-manutenzjoni ta’ fabbriki, ta’ bini, ta’ makkinarju kbir imwaħħal mal-art jew installazzjonijiet komparabbli, kif ukoll it-tqegħid, l-installazzjoni jew it-tiswija ta’ tagħmir ieħor; barra minn hekk, l-operat tal-installazzjoni sal-kunsinna lill-klijent jibbenefika minn vantaġġ fiskali.

2. l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta’ minerali.

3. il-konsulenza ma’ klijenti jew ma’ organizzazzjonijiet barranin fir-rigward tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 u 2, jew

4. l-għajnuna pubblika Ġermaniża għall-iżvilupp fil-kuntest tal-kooperazzjoni teknika jew finanzjarja.

[…]

II. Tul tal-attività li tibbenefika mill-iskema

L-attività barra mill-pajjiż għandha tiġi eżerċitata matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tliet xhur fi Stati li magħhom ma jkunx ġie konkluż ftehim kontra t-taxxa doppja li jkopri wkoll id-dħul minn attività bħala persuna impjegata.

[…]

V. Meta ma tapplikax l-iskema

Din l-iskema ma tapplikax meta:

1. is-salarju jitħallas minn fondi pubbliċi nazzjonali, inklużi l-fondi tad-Deutsche Bundesbahn [il-Linji tal-Ferrovija Federali Ġermaniżi] jew tad-Deutsche Bundesbank [il-Bank Federali tal-Ġermanja],

2. l-attività barra mill-pajjiż tkun eżerċitata fi Stat li miegħu ġie ffirmat ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, li jkun japplika għad-dħul minn xogħol b’salarju; jekk ftehim ikun applikabbli għal data li tippreċedi d-dħul fis-seħħ tiegħu, ir-regoli preċedenti għandhom jibqgħu appplikabbli sa dan id-dħul fis-seħħ sa fejn ikunu iktar favorevoli għall-impjegat […]”

Il‑prassi fiskali

26

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ġermaniż, il-kunċett ta’ “għajnuna pubblika Ġermaniża għall-iżvilupp fil-kuntest tal-kooperazzjoni teknika jew finanzjarja” użat fil-punt 4 tat-Titolu I tal-ATE huwa, min-naħa tiegħu, interpretat mill-amministrazzjoni fiskali bħala li jimplika li l-miżura ta’ għajnuna għall-iżvilupp għandha tiġi ffinanzjata sa mill-inqas 75 % mill-Ministeru Federali responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata ta’ għajnuna għall-iżvilupp li tappartjeni lill-Istat.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

27

Bejn it‑12 ta’ April 2009 u l‑31 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet impjegata b’salarju bħala kap ta’ proġett minn kumpannija ta’ għajnuna għall-iżvilupp stabbilita fil-Ġermanja. Hija kienet taħdem fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol li t-tul tiegħu kien ugwali għal dak ta’ proġett ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li kien qiegħed jitwettaq fl-Afrika u li għalih kienet assenjata. Dan il-proġett kien iffinanzjat mis‑7 u mid‑9 FEŻ. Matul dan il-perijodu, hija madankollu żammet ir-residenza tagħha u ċ-ċentru tal-interessi tagħha fil-Ġermanja fejn hija kienet, għaldaqstant, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat.

28

Il-Finanzamt Z (l-Uffiċċju tal-Kontribuzzjonijiet Z, il-Ġermanja) laqa’ talba tal-persuna li timpjega lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża għall-eżenzjoni mis-salarju ta’ din tal-aħħar, skont l-ATE, u ħareġ, konsegwentement, ċertifikat ta’ eżenzjoni. Konsegwentement, l-imsemmija persuna li timpjega ma naqqsitx it-taxxa f’ras il-għajn u ma għaddietx lill-amministrazzjoni fiskali taxxa fuq is-salarji. Is-salarji tar-rikorrenti lanqas ma ġew intaxxati f’pajjiż terz.

29

Wara kontroll fiskali tal-kumpannija li timpjega lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-dipartiment tat-taxxi kompetenti kkonstata li l-proġett ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp inkwistjoni ma kienx ġie ffinanzjat mill-Gvern Federali u lanqas mid-Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit (kumpannija Ġermaniża għall-kooperazzjoni internazzjonali, il-Ġermanja), iżda mis‑7 u mid‑9 FEŻ. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Kontribuzzjonijiet G intalab jissuġġetta s-salarji ta’ din ir-rikorrenti għat-taxxa fuq id-dħul.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2014, l-Uffiċċju tal-Kontribuzzjonijiet G stabbilixxa l-ammont tat-taxxa dovut mir-rikorrenti fir-rigward tas-snin finanzjarji 2011 u 2012.

31

Wara lment mingħajr suċċess kontra din id-deċiżjoni, din ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) li din tal-aħħar ċaħdet bħala infondat permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018. L-imsemmija rikorrenti sussegwentement ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, abbażi tad-dritt nazzjonali, ir-rikors għal reviżjoni huwa infondat. Għall-kuntrarju, l-ATE u l-prassi fiskali relatata magħha jistgħu jmorru kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jikkoordinaw il-politiki ta’ żvilupp tagħhom skont l-Artikoli 208 u 210 TFUE, moqrija flimkien.

33

Kien f’dan il-kuntest li l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) [TUE] u tal-Artikoli 208 u 210 [TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi amministrattiva nazzjonali li abbażi tagħha ma jkunx hemm rinunzja għat-taxxa jekk proġett ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ikun iffinanzjat [minn tnejn mill-FEŻ] filwaqt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun hemm rinunzja għat-taxxa fuq is-salarju li l-ħaddiem jirċievi abbażi ta’ kuntratt tax-xogħol għal attività marbuta mal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp ipprovduta mill-Ġermanja fil-kuntest tal-kooperazzjoni teknika jew finanzjarja, li hija tal-inqas 75 % iffinanzjata minn ministeru federali responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata tal-għajnuna għall-iżvilupp li hija proprjetà tal-Istat?”

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

34

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż esprima dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li l-preżentazzjoni li saret mill-qorti tar-rinviju tal-kuntest ġuridiku tagħha hija qarrieqa, peress li ma tgħid xejn dwar il-fatt li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 34c(5) tal-EStG ma hijiex proporzjonali għall-parti tal-proġett iffinanzjat mill-Ministeru Federali responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata ta’ għajnuna għall-iżvilupp li tappartjeni lill-Istat, iżda, għall-kuntrarju, għall-parti li ma hijiex iffinanzjata b’dan il-mod. Matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din ir-regola ta’ kalkolu tal-eżenzjoni minħabba li l-imsemmija regola kienet applikabbli biss mill‑2014, jiġifieri wara d-data tal-fatti kontenzjużi.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 139).

36

Issa, f’dan il-każ, mit-talba mressqa mill-qorti nazzjonali jirriżulta li d-dubji li ġġustifikaw id-domanda magħmula minnha ma jikkonċernawx l-eżenzjoni li tista’ tingħata lil impjegat skont jekk l-attività li għaliha jkun assenjat tkunx iffinanzjata minn riżorsi pubbliċi nazzjonali jew mill-FEŻ, iżda jikkonċernaw il-possibbiltà, għal leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittratta impjegat b’mod differenti għal din ir-raġuni. Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

37

Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-Gvern Ġermaniż kellu l-intenzjoni jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-proċess f’dak li jikkonċerna l-kuntest ġuridiku applikabbli, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq il‑mertu

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 208 u 210 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi fiskali nazzjonali li tirrifjuta li teżenta mit-taxxa fuq id-dħul is-salarju li jirċievi ħaddiem assenjat għal attività b’rabta mal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp meta din l-attività tkun iffinanzjata minn FEŻ, filwaqt li din l-eżenzjoni tingħata meta tali attività tkun iffinanzjata minn tal-inqas sa 75 % minn Ministeru responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata ta’ għajnuna għall-iżvilupp li tappartjeni lill-Istat Membru kkonċernat.

39

B’dan premess, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, għalkemm fl-espożizzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss id-dispożizzjonijiet kkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-Artikoli 208 u 210 TFUE, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari hija ssemmi wkoll il-libertajiet ta’ moviment. Issa, meta saritilhom mistoqsija dwar dan il-punt matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni sostnew li prassi fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ b’mod partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital, prevista fl-Artikolu 63(1) TFUE, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż sostna li dawn il-libertajiet ma japplikawx f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-Artikolu 63(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

F’dan ir-rigward, min-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, li żammet il-valur indikattiv tagħha sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate,C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 31), jirriżulta li din il-libertà għandha bħala kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae t-tranżazzjonijiet relatati ma’ assi jew ma’ debiti ddenominati fil-munita nazzjonali jew f’muniti barranin fosthom dawk ta’ self u ta’ donazzjoni ta’ somom ta’ flus.

42

Peress li fost l-għajnuna li tista’ tingħata mis‑7 jew mid‑9 FEŻ jista’ jkun hemm, b’mod partikolari, kemm għajnuna mhux rimborsabbli u kemm self, għandu jiġi kkonstatat li prassi fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’, bħala prinċipju, taffettwa l-libertà ta’ moviment tal-kapital.

43

B’dan premess, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE jirriżulta li, sabiex tkun applikabbli, il-libertà ta’ moviment tal-kapital teħtieġ moviment bejn Stati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑316/91, EU:C:1994:76), li l-ispejjeż neċessarji għall-għajnuna finanzjarja prevista fl-Artikolu 231 tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Finanzjarju anness ma’ din il-konvenzjoni għandhom jiġu sostnuti direttament mill-Istati.

45

Madankollu, f’dan l-istess punt, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn l-impenn fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż meħud mill-Istati Membri u d-distribuzzjoni tal-għajnuna li tali impenn huwa intiż li jippermetti, peress li hija enfasizzat li din l-aħħar operazzjoni ma kinitx imwettqa mill-imsemmija Stati, iżda mis‑7 FEŻ. Barra minn hekk, fil-punt 29 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li r-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE kienet ġiet konkluża kemm mill-Komunità Ekonomika Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri, huma kienu, ħlief fil-każ ta’ derogi previsti espliċitament, responsabbli in solidum fir-rigward tal-Istati AKP għall-eżekuzzjoni ta’ kull obbligu li jirriżulta mill-impenji meħuda, inklużi dawk relatati mal-għajnuna finanzjarja. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 32 tal-imsemmija sentenza, għalkemm ir-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE tuża l-espressjoni “għajnuna finanzjarja mill-Komunità”, din l-espressjoni għandha tinftiehem, fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, bħala li tirreferi għall-Komunità Ekonomika Ewropea u għall-Istati Membri tagħha kkunsidrati flimkien.

46

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet, fil-punti 33 sa 37 tal-istess sentenza, li l-għajnuna mqassma mis‑7 FEŻ kienet titqassam sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ assistenza finanzjarja, imsemmi fl-Artikolu 231 tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE, li kien jaqa’ fuq il-Komunità kif ukoll fuq l-Istati Membri, ikkunsidrati flimkien, iżda li dawn tal-aħħar kienu volontarjament għażlu li jassumu waħedhom il-piż tiegħu, raġuni din għaliex kienu stabbilixxew is‑7 FEŻ.

47

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu għalhekk jitqies li, għalkemm l-ispejjeż neċessarji għall-għajnuna finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, il-kontribuzzjoni ta’ kapital lis‑7 FEŻ, huma direttament assunti mill-Istati Membri, id-distribuzzjoni ta’ din l-għajnuna mill-imsemmi fond għandha titqies, min-naħa tagħha, li ma titwettaqx minn dawn l-Istati Membri iżda minn entità li ġiet stabbilita permezz ta’ ftehim intergovernattiv sabiex tassumi, minflok l-Unjoni u l-Istati Membri, obbligi li dawn kollettivament aċċettaw fl-okkażjoni tar-ratifika ta’ ftehim internazzjonali mħallat.

48

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-moviment tal-kapital li jirriżulta mill-għoti, mis‑7 FEŻ, ta’ għajnuna finanzjarja ma jikkostitwixxix moviment ta’ kapital li jseħħ bejn Stati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz, iżda bejn din l-entità u, bħala prinċipju, pajjiż terz u li għalhekk ma jistax jaqa’ taħt il-libertà ta’ moviment tal-kapital.

49

L-istess jgħodd għall-għoti ta’ tali għajnuna finanzjarja mid‑9 FEŻ peress li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou kif ukoll tal-Ftehim Intern dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-għajnuna tal-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou huma, fuq dan il-punt, analogi għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

50

Barra minn hekk, anki jekk il-prassi fiskali inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-effetti restrittivi li miżura nazzjonali tista’ tipproduċi jkunu wisq inċerti u wisq indiretti, tali effetti ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jostakolaw waħda mil-libertajiet ta’ moviment (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual, C‑411/21, EU:C:2022:836, punt 29). Issa, prassi fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax taffettwa b’mod ċert u dirett il-finanzjamenti mogħtija mis‑7 jew mid‑9 FEŻ.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li prassi fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-libertà ta’ moviment tal-kapital, previst fl-Artikolu 63(1) TFUE.

52

Fir-rigward, sussegwentement, tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 208 u 210 TFUE, jista’ jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, is‑7 u d‑9 FEŻ ma humiex korpi tal-Unjoni. Issa, għalkemm l-Artikolu 4(3) TUE jistabbilixxi prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, xorta jibqa’ l-fatt li dan tal-aħħar, anki meta jinqara flimkien mal-Artikoli 208 u 210 TFUE, għandu kamp ta’ applikazzjoni limitat għat-twettiq mill-Unjoni u mill-Istati Membri tal-missjonijiet li joħorġu mit-Trattati.

53

Madankollu, għandu jitfakkar li s‑7 u d‑9 FEŻ ġew stabbiliti mill-Istati Membri sabiex iwettqu l-obbligi ta’ assistenza finanzjarja li huma daħlu għalihom flimkien mal-Unjoni fil-kuntest tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE u tal-Ftehim ta’ Cotonou.

54

Peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma vinkolanti għall-Istati Membri, dawn tal-aħħar ma jistgħux jeżentaw ruħhom mill-obbligu tagħhom li josservaw id-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali għall-finijiet, b’mod partikolari, tat-twettiq mill-Unjoni tal-missjonijiet tagħha li jinkludu, skont l-Artikolu 3 TUE, l-osservanza stretta tad-dritt internazzjonali u għalhekk tal-impenji li hija assumiet flimkien mal-Istati Membri bir-ratifika ta’ ftehimiet internazzjonali mħallta, kif ukoll, skont l-Artikolu 21 TUE, l-iżvilupp sostenibbli fuq il-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, is‑7 u d‑9 FEŻ għandhom jitqiesu li huma rregolati mill-istess prinċipji bħal dawk li kienu jipprevalu li kieku l-Istati Membri ma għażlux li jistabbilixxu dawn il-FEŻ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li ntrabtu bihom, flimkien mal-Unjoni, bir-ratifika tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE u b’dik tal-Ftehim ta’ Cotonou, li jinkludu l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikoli 208 u 210 TFUE.

55

Barra minn hekk, dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix min-natura esklużiva jew le tal-kompetenza tal-Unjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 71) u lanqas ma jiddependi, a fortiori, mill-fatt li din il-kompetenza taqa’ f’qasam ta’ kompetenzi paralleli, bħalma huwa l-każ, konformement mal-Artikolu 4(4) TFUE, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, qasam li fir-rigward tiegħu l-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza tagħha ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom.

56

Għall-kuntrarju, għandu jitfakkar li huma biss id-dispożizzjonijiet, inklużi dawk previsti fit-Trattati, li jimponu obbligi preċiżi u inkundizzjonati, li ma jeħtieġu, għall-applikazzjoni tagħhom, ebda intervent ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew nazzjonali, li jistgħu jiġu invokati minn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt,C‑156/91, EU:C:1992:423, punt 13, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 65).

57

Issa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, dan jimplika, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, żewġ obbligi pożittivi fuq l-Istati Membri, jiġifieri, minn naħa, l-osservanza, l-iffaċilitar u l-assistenza lill-Unjoni fit-twettiq tal-missjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati, obbligu li tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet, kif ukoll obbligu negattiv, jiġifieri li ma tittieħed ebda miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

58

Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-obbligi pożittivi, għalkemm dan l-obbligu jeżiġi li l-Istati Membri josservaw l-istrateġiji u l-azzjonijiet adottati mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punti 7576) u, b’hekk, jista’ jeżiġi, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ vantaġġ legali jew fiskali għall-kundizzjoni li l-għoti tiegħu jkun opportun għal raġunijiet ekonomiċi, li l-Istat Membru kkonċernat iqis li tali kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-applikazzjoni ta’ tali vantaġġ tiffavorixxi l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni li l-imsemmija strateġiji u azzjonijiet ikunu intiżi li jippromwovu jew li jiddefendu, xorta jibqa’ l-fatt li tali obbligu huwa wisq inpreċiż sabiex ikun jista’ joħloq drittijiet favur individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Hurd, 44/84, EU:C:1986:2, punti 47 sa 49).

59

Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-imsemmija obbligi pożittivi u li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet, mill-formulazzjoni stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li dan l-obbligu ma jagħtix, waħdu, drittijiet suġġettivi, iżda li jeżisti biss flimkien ma’ obbligu partikolari impost fuq l-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattati jew ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħal dak dwar ir-regoli ta’ kompetenzi.

60

Issa, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni viġenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punti 3541424547), mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, fil-kawża ineżami, l-Istat Membru kkonċernat huwa suġġett għal obbligu li jista’ jinqara flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u li jkollu l-effett li joħloq drittijiet suġġettivi favur individwi. Fil-fatt, l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 208(1) u fl-Artikolu 210(1) TFUE huma, min-naħa tagħhom, wisq ġenerali sabiex ikunu jistgħu joħolqu tali drittijiet.

61

Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet, li jsegwu l-għanijiet ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 21 TUE, bħalma huma l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja), C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 49), jipprevedu li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jikkooperaw u jikkonsultaw ma’ xulxin sabiex il-politiki rispettivi tagħhom ta’ għajnuna għall-iżvilupp jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin. Madankollu, il-modalitajiet preċiżi ta’ tali kooperazzjoni jiddependu minn sett ta’ parametri li għandhom jiġu previst esklużivament mill-Istati Membri u mill-Unjoni. Għaldaqstant, filwaqt li l-Istati Membri jew l-Unjoni jistgħu jinvokaw l-imsemmija obbligi, dawn id-dispożizzjonijiet, għall-kuntrarju, ma jistgħux, fl-assenza ta’ espressjoni konkreta iktar preċiża tal-obbligi stabbiliti minnhom, jiġu eċċepiti minn individwi kontra Stat Membru jew kontra l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 75 sa 78).

62

F’dan il-każ, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-FEŻ, tagħti għajnuna finanzjarja ma tistax tikkostitwixxi espressjoni konkreta tal-imsemmija dispożizzjonijiet li hija ta’ natura li tippermetti lil individwi jopponu għall-prassi fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn, minn naħa, id-destinatarju ta’ dan it-tip ta’ deċiżjoni huwa l-organu ta’ għajnuna għall-iżvilupp u mhux l-impjegati tiegħu u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tistabbilixxix obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li ma jintaxxax id-dħul tal-impjegati assenjati mal-proġett ta’ għajnuna għall-iżvilupp issussidjat b’dan il-mod.

63

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu negattiv stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiddefinixxu dan l-obbligu, l-awturi tat-Trattat għażlu li jużaw termini li jimplikaw ċerta gravità, jiġifieri “tqiegħed f’periklu” tal-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni, għażla li tirrifletti r-rieda ddeliberata ta’ dawn l-awturi li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għas-sitwazzjonijiet ta’ gravità partikolari. Issa, ma jistax jitqies li prassi fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni sa fejn il-FEŻ la huma preklużi u lanqas ma huma dissważi milli jiffinanzjaw azzjonijiet ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 208 u 210 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi fiskali nazzjonali li tirrifjuta li teżenta mit-taxxa fuq id-dħul is-salarju li jirċievi ħaddiem assenjat għal attività b’rabta mal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp meta din l-attività tkun iffinanzjata minn FEŻ, filwaqt li din l-eżenzjoni tingħata meta tali attività tkun iffinanzjata minn tal-inqas sa 75 % minn ministeru responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata ta’ għajnuna għall-iżvilupp li tappartjeni lill-Istat Membru kkonċernat.

Fuq l‑ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 208 u 210 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi fiskali nazzjonali li tirrifjuta li teżenta mit-taxxa fuq id-dħul is-salarju li jirċievi ħaddiem assenjat għal attività b’rabta mal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp meta din l-attività tkun iffinanzjata minn Fond Ewropew għall-Iżvilupp, filwaqt li din l-eżenzjoni tingħata meta tali attività tkun iffinanzjata minn tal-inqas sa 75 % minn ministeru responsabbli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew minn kumpannija privata ta’ għajnuna għall-iżvilupp li tappartjeni lill-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.