SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37 – Anness I – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja nazzjonali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Spejjeż amministrattivi ta’ ġestjoni – Setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tordna r-rimbors tas-somom imħallsa mill-klijenti finali skont klawżoli kuntrattwali ssanzjonati minn din l-awtorità”

Fil-Kawża C‑5/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Jannar 2022, fil-kawża

Green Network SpA

vs

SF,

YB,

Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Green Network SpA, minn V. Cerulli Irelli u A. Fratini, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello u F. Fedeli, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, G. Gattinara u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(1) u (4) u kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Green Network SpA u l-Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija, tan-Networks u tal-Ambjent, l-Italja) (ARERA) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ EUR 655000 fuq Green Network u li tikkundannaha tħallas lura lill-klijenti finali tagħha l-ammont ta’ EUR 13 987 495.22 li jikkorrispondi għal ċerti spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva li lilhom hija kienet iffatturat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 37, 42, 51 u 54 tad-Direttiva 2009/72 kienu fformulati kif ġej:

“(37)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jaddottaw deċiżjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li jimponu, penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali fuq dawk l-impriżi. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat biex jiddeċiedu, irrespettivament mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, dwar miżuri adatti li jiżguraw li l-klijent jibbenefika mill-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku. […]

[…]

(42)

L-industrija u l-kummerċ kollu [tal-Unjoni Ewropea], inklużi l-impriżi żgħar u medji, uċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari, il-klijenti domestiċi u, fejn l-Istati Membri jkunu jikkunsidraw bħala adatt, l-impriżi ż-żgħar għandhom igawdu wkoll il-garanziji tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fejn jikkonċerna s-sigurtà tal-provvista u tariffi raġonevoli, għal raġunijiet ta’ ġustizzja, kompetittività u indirettament ukoll biex jinħolqu l-impjiegi. Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[…]

(51)

L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-[Unjoni], il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew mill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

[…]

(54)

Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattar tal-ilmenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni]. […] Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.

‘klijent’ tfisser klijenti bl-ingrossa jew klijenti finali tal-elettriku;

8.

‘klijent bl-ingrossa’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku bil-għan li terġa’ tbiegħu ġewwa jew barra mis-sistema fejn tkun stabbilita;

9.

‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, kien jipprevedi:

“[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. […] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. […]

[…]

9.   […]

L-awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti nazzjonali oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-informazzjoni mogħtija mill-fornituri lill-klijenti tagħhom skont dan l-Artikolu hija ta’ min joqgħod fuqha u hija provduta, f’livell nazzjonali, b’mod komparabbli biċ-ċar bejn l-Istati Membri.

[…]”

7

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 intitolat “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, kien ifformulat kif ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

(g)

li jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, waqt li tkun promossa kompetizzjoni effettiva u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

[…]”

8

L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

(i)

jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

(j)

jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi s-sistemi ta’ ħlas minn qabel, ir-rati tas-switching, ir-rati ta’ skonnessjoni, it-tariffi u t-twettiq ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, u lmenti tal-klijenti domestiċi, […]

[…]

(n)

l-iżgurar, flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra, li l-miżuri ta’ ħarsien tal-konsumaturi, inklużi dawk imniżżla fl-Anness I, jkunu effettivi u infurzati;

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

[…]

(d)

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali. Dan għandu jinkludi s-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta’ penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fuq l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għal non-konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; […]

[…]”

9

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri għall-protezzjoni tal-konsumatur”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, […] il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

(a)

għandhom id-dritt ta’ kuntratt mal-fornitur tas-servizz tal-elettriku tagħhom li jispeċifika:

[…]

kwalunkwe kumpens u arranġamenti ta’ rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizz kuntrattat ma jintlaħqux, inklużi kontijiet mhux korretti jew li jdumu ma jinħarġu;

[…]

[…]

(c)

jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar it-termini u l-kondizzjonijiet standards, fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-elettriku;

[…]

(f)

jibbenefikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u effettivi biex jiġu ttrattati l-ilmenti tagħhom. B’mod partikulari, il-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal livell tajjeb ta’ servizz u ta’ ġestjoni tal-ilmenti mill-fornitur tagħhom tas-servizz tal-elettriku. Proċeduri bħal dawn ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bla qrati għandhom iwasslu biex tilwimiet jiġu riżolti b’mod ġust u fil-waqt, preferibbilment fi żmien tliet xhur, b’dispożizzjoni, fejn meħtieġ, ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. […]

[…]”

Id‑dritt Taljan

10

L-Artikolu 2(12)(g) tal-legge n. 481 – Norme per la concorrenza et la regolazione dei servizi di pubblica utilità. Istituzione delle Autorità di regolazione dei servizi di pubblica utilità (Liġi Nru 481 dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni tas-servizzi ta’ utilità pubblika, kif ukoll dwar it-twaqqif tal-awtoritajiet regolatorji tas-servizzi ta’ utilità pubblika), tal‑14 ta’ Novembru 1995 (Suppliment Ordinarju Nru 136 tal-GURI Nru 270 tat‑18 ta’ Novembru 1995), jafda lill-ARERA bil-funzjoni li “[tikkontrolla] l-eżekuzzjoni tas-servizzi b’setgħat ta’ spezzjoni, ta’ aċċess, ta’ ksib ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni utli, billi tiddetermina wkoll il-każijiet ta’ kumpens awtomatiku min-naħa tas-suġġett li jipprovdi s-servizz lill-utent fejn dan l-istess suġġett ma josservax il-klawżoli kuntrattwali jew jipprovdi s-servizz b’livelli ta’ kwalità iktar baxxi minn dawk stabbiliti fir-regolament ta’ servizz”.

11

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(20)(d) ta’ din il-liġi, l-ARERA għandha s-setgħa li tordna lill-operatur tas-servizz iwaqqaf kull aġir li jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-utenti u li timponilu, skont l-Artikolu 2(12)(g) tal-imsemmija liġi, l-obbligu li jħallas kumpens.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Wara li rċeviet rapport tal-iSportello per il consumatore Energia e Ambiente (l-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Konsumaturi dwar l-Enerġija u l-Ambjent, l-Italja), li żvela li Green Network, kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali, kienet semmiet kontribuzzjoni fil-kontijiet indirizzati lill-klijenti tagħha li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jikkontestaw minħabba li ma kinitx ċara, l-ARERA fetħet proċedura kontra din il-kumpannija.

13

Wara dan ir-rapport, l-ARERA wettqet verifiki oħra li permezz tagħhom hija kkonstatat li din il-kontribuzzjoni kienet prevista minn klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-kuntratti ta’ provvista ta’ enerġija li toffri Green Network, kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass naturali. Skont din il-klawżola, l-ispejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva ma kinux inklużi fit-tariffi previsti għall-provvista ta’ enerġija, peress li l-fornitur seta’, f’dan ir-rigward, jiffattura lill-klijent kontribuzzjoni li ma taqbiżx EUR 5 jew, għal ċerti klijenti, EUR 10 fix-xahar.

14

Wara li kkonstatat li d-definizzjoni, minn Green Network, ta’ din il-kontribuzzjoni fl-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali kienet illegali sa fejn l-imsemmija kontribuzzjoni ma kinitx indikata fl-iskeda ta’ komparabbiltà, li permezz tagħha jistgħu jitqabblu d-diversi offerti kummerċjali fis-suq, u fis-sistema ta’ riċerka tal-offerti, l-ARERA imponiet, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2019, sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ EUR 655000 fuq Green Network talli kkomunikat lill-klijenti finali tagħha informazzjoni kuntrattwali li kienet tikser id-dispożizzjonijiet regolamentari stipulati mill-ARERA. F’din id-deċiżjoni, hija ordnat lil Green Network tirrimborsa lill-imsemmija klijenti s-somma ta’ EUR 13 987 495.22 miġbura mingħand dawn tal-aħħar bħala spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva.

15

Green Network appellat mill-imsemmija deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija, l-Italja), liema appell ġie miċħud.

16

Green Network appellat mis-sentenza li ċaħdet l-appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li s-setgħa tal-ARERA li timponi l-ħlas lura ta’ kontribuzzjoni lill-klijenti kienet tmur kontra d-Direttiva 2009/72, peress li din il-kontribuzzjoni kienet ġiet iddeterminata fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali privati.

17

Il-qorti tar-rinviju indikat li t-tilwima li għandha quddiemha tirrigwarda l-punt dwar jekk is-setgħa tal-ARERA li tordna r-rimbors ta’ somom iffatturati lill-klijenti tistax tkun dedotta mid-Direttiva 2009/72. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, invokati minn Green Network u li l-interpretazzjoni korretta tagħhom ma hijiex waħda ċara, ma jidhrux li diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-liġi tal-Unjoni li tinsab fid-[Direttiva 2009/72] – b’mod partikolari fl-Artikolu 37(1) u (4), li jistabbilixxu s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji u fl-Anness I – tista’ tiġi interpretata fis-sens li tinkludi fiha anki s-setgħa deċiżjonali eżerċitata mill-[ARERA] fil-konfront tal-kumpanniji li joperaw fis-settur tal-elettriku li biha jiġi impost fuq dawn il-kumpanniji l-ħlas lura lill-klijenti, anki lil dawk li ma għadhomx klijenti u dawk li ma jħallsux il-kontijiet, tas-somma li tikkorrispondi għall-korrispettiv ekonomiku mħallas minnhom biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva, biex tiġi ssodisfata klawżola kuntrattwali li hija s-suġġett ta’ sanzjoni min-naħa tal-[ARERA stess]?

2)

Il-liġi tal-Unjoni li tinsab fid-[Direttiva 2009/72] – b’mod partikolari fl-Artikolu 37(1) u (4), li jistabbilixxu s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji u fl-Anness I – tista’ tiġi interpretata fis-sens li tinkludi fiha, fil-kuntest tal-kumpens u tal-metodi ta’ rimbors applikabbli għall-klijenti tas-suq tal-elettriku jekk il-livelli ta’ kwalità tas-servizz stabbiliti ma jintlaħqux mill-operatur fis-suq, anki l-ħlas lura ta’ korrispettiv ekonomiku mħallas b’mod sħiħ minnhom, stabbilit espressament fi klawżola tal-kuntratt iffirmat u aċċettat?”

Fuq id‑domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 37(1)(i) u (n) u (4)(d) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll l-Anness I tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tordna lill-impriżi tal-elettriku jirrimborsaw lill-klijenti finali tagħhom is-somma li tikkorrispondi għall-korrispettiv imħallas minnhom bħala “spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva” skont klawżola kuntrattwali meqjusa illegali minn din l-awtorità, u dan ukoll fil-każijiet fejn din l-ordni għal rimbors ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet ta’ kwalità tas-servizz ikkonċernat mogħti minn dawn l-impriżi, iżda fuq il-ksur tal-obbligi ta’ trasparenza tariffarja.

20

F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll mill-premessi 37, 42, 51 u 54 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-għan tagħha huwa li r-regolaturi tal-enerġija jingħataw is-setgħa li jiżguraw l-effett sħiħ tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li s-setturi kollha tal-industrija u tal-kummerċ, kif ukoll iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, jibbenefikaw minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u minn mekkaniżmi tas-soluzzjoni tat-tilwim, li l-interessi tal-konsumaturi jkunu fil-qalba tal-imsemmija direttiva, li l-awtorità regolatorja, fejn l-Istat Membru jagħtiha din is-setgħa, tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku, kif ukoll li jiġu implimentati mezzi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim effikaċi u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Crown Van Gelder, C‑360/19, EU:C:2020:805, punt 26).

21

Skont l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali u għandhom jiżguraw, fost l-oħrajn, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti, l-informazzjoni ġenerali u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Skont din id-dispożizzjoni, f’dak li jirrigwarda tal-inqas lill-klijenti domestiċi, l-imsemmija miżuri għandhom jinkludu dawk li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva, fosthom il-miżuri li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw li l-klijenti jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikati, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli.

22

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq, id-Direttiva 2009/72 teżiġi li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom prerogattivi wiesgħa fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-elettriku (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky, C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 23). Kif jirriżulta mill-Artikolu 36(g) ta’ din id-direttiva, fost l-għanijiet ġenerali li l-Istati Membri għandhom jafdaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom li jilħqu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħhom, hemm dak li tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto, C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 35, u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Crown Van Gelder, C‑360/19, EU:C:2020:805, punt 27).

23

B’mod partikolari, l-Artikolu 37(1)(i) u (n) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha l-kompitu li tiżgura l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza mill-impriżi tal-elettriku u li tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, l-effiċjenza u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż dawk stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 37(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex iwettqu l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1), (3) u (6) tal-istess direttiva b’mod effikaċi u rapidu, u li jingħataw, għal dan l-għan, minn tal-inqas il-kompetenzi elenkati f’din id-dispożizzjoni. Issa, għalkemm fost dawn il-kompetenzi hemm dik, prevista fl-Artikolu 37(4)(d) tad-Direttiva 2009/72, li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra l-impriżi tal-elettriku li ma josservawx l-obbligi tagħhom skont din id-direttiva jew deċiżjonijiet legalment vinkolanti applikabbli tal-awtorità regolatorja nazzjonali, din id-dispożizzjoni ma ssemmix il-kompetenza li dawn l-impriżi jistgħu jintalbu jirrimborsaw kull somma li jkunu rċevew bħala korrispettiv għal klawżola kuntrattwali meqjusa illegali.

24

Madankollu, l-użu, fl-Artikolu 37(4) tad-Direttiva 2009/72, tal-espressjoni “l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat” jindika li, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1), (3) u (6) ta’ din id-direttiva, jistgħu jiġu attribwiti lil awtorità bħal din setgħat oħra minbarra dawk espressament imsemmija f’dan l-Artikolu 37(4) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto, C‑578/18, EU:C:2020:35, punti 373840).

25

Billi l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku u l-protezzjoni tal-konsumaturi jaqgħu taħt il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1), (3) u (6) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi osservat li Stat Membru jista’ jagħti lil tali awtorità s-setgħa li tobbliga lil dawn l-operaturi li jħallsu lura s-somom miġbura minnhom bi ksur tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-obbligu ta’ trasparenza u l-eżattezza tal-kont.

26

Tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata minħabba l-fatt li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi, essenzjalment, li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu l-miżuri meħtieġa “f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom”, jew li l-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jinkludi, fil-paragrafu 1(n) tiegħu, l-espressjoni “flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra”. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija biss waħda minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali oħra li tista’ tordna li jitħallsu lura s-somom li l-impriżi tal-elettriku jkunu rċevew indebitament mingħand il-klijenti finali. Mill-banda l-oħra, l-użu tal-kliem “fejn ikun il-każ” jimplika li tali konsultazzjoni hija neċessarja biss fejn il-miżura li tkun prevista l-adozzjoni tagħha jista’ jkollha implikazzjonijiet għal awtoritajiet kompetenti oħra.

27

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 37(1)(i) u (n) u (4)(d) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll l-Anness I tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali intiża għall-kumpens awtomatiku favur klijenti ta’ somom li tkun irċeviet impriża tal-elettriku fejn il-livelli ta’ kwalità tas-servizzi previsti ma jintlaħqux, tordna lil din l-impriża tal-elettriku tirrimborsa lill-klijenti finali tagħha s-somom li ġew iffatturati lilhom, fejn din l-ordni ta’ rimbors ma hijiex ibbażata fuq raġunijiet ta’ kwalità tas-servizz ikkonċernat, iżda fuq l-illegalità ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi l-ħlas ta’ “spejjeż amministrattivi”.

28

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, għalkemm id-Direttiva 2009/72 ma teżiġix li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tordna r-rimbors, minn impriża tal-elettriku, ta’ somom li tkun irċeviet indebitament mingħand il-klijenti tagħha, din id-direttiva ma tipprekludix li Stat Membru jagħti tali setgħa lil din l-awtorità. Sa fejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza jaqgħu taħt il-funzjonijiet li għandhom jingħataw lill-awtoritajiet regolatorji bis-saħħa tal-Artikolu 37(1)(i) u (n) tal-imsemmija direttiva, ir-raġuni eżatta għaliex tali impriża tiġi ordnata tirrimborsa lill-klijenti tagħha sabiex titwettaq waħda minn dawn il-funzjonijiet, ma hijiex rilevanti.

29

Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali effettivament jagħtix lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tordna r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament f’każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew ukoll jekk din l-awtorità applikatx dan id-dritt nazzjonali b’mod korrett.

30

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 37(1)(i) u (n) u (4)(d) tad-Direttiva 2009/72, kif ukoll l-Anness I tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tordna lill-impriżi tal-elettriku jirrimborsaw lill-klijenti finali tagħhom is-somma li tikkorrispondi għall-korrispettiv imħallas minnhom bħala “spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva” skont klawżola kuntrattwali meqjusa illegali minn din l-awtorità, u dan ukoll fil-każijiet fejn din l-ordni għal rimbors ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet ta’ kwalità tas-servizz ikkonċernat mogħti minn dawn l-impriżi, iżda fuq il-ksur ta’ obbligi ta’ trasparenza tariffarja.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 37(1)(i) u (n) u (4)(d) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, kif ukoll l-Anness tad-Direttiva 2009/72,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux li Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tordna lill-impriżi tal-elettriku jirrimborsaw lill-klijenti finali tagħhom is-somma li tikkorrispondi għall-korrispettiv imħallas minnhom bħala “spejjeż ta’ ġestjoni amministrattiva” skont klawżola kuntrattwali meqjusa illegali minn din l-awtorità, u dan ukoll fil-każijiet fejn din l-ordni għal rimbors ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet ta’ kwalità tas-servizz ikkonċernat mogħti minn dawn l-impriżi, iżda fuq il-ksur ta’ obbligi ta’ trasparenza tariffarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.