Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑26 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawża C52/22

EP

vs

Maahanmuuttovirasto

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Kundizzjonijiet għar-residenza ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor – Artikolu 22(3) – Protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija – Ċittadin ta’ pajjiż terz, residenti fit-tul fl-ewwel Stat Membru, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju nazzjonali għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 6(2) – Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor”






I.      Daħla

1.        Ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru f’konformità mad-Direttiva 2003/109/KE (2) jgawdi, fi Stat Membru ieħor li huwa jkun daħal fit-territorju tiegħu bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tiegħu, mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li tirriżulta mill-Artikolu 12 u mill-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva?

2.        Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

3.        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn EP, ċittadin Russu li kiseb l-istatus ta’ resident fit-tul fl-Estonja, u l-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija lejn il-Federazzjoni Russa adottata fir-rigward tal-persuna kkonċernata, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul tagħha fiż-żona Schengen (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li sussegwentement ġiet limitata għat-territorju nazzjonali. Filwaqt li l-Uffiċċju bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/115/KE (3), il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) tistaqsi jekk l-Uffiċċju kienx obbligat, min-naħa l-oħra, li jimplimenta l-miżuri dwar il-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija previsti favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, residenti fit-tul, fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109.

4.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija adita għal darb’oħra bil-kwistjoni tal-koeżistenza, fir-rigward tal-istess ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ projbizzjoni ta’ dħul imposta minn Stat Membru wieħed u ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor (4). Il-kawża inkwistjoni turi d-diffikultajiet relatati mal-evalwazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 2003/109 u 2008/115, li l-Kummissjoni Ewropea ma naqsitx li tinnota fil-kuntest tal-proposta attwali tagħha għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2003/109 (5). Il-proposti tagħha dwar dan is-suġġett fil-preżent għandhom l-għan li jiżguraw koerenza ikbar u komplementarjetà aħjar bejn iż-żewġ testi (6).

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, li, f’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikunu ffokati fuq l-ewwel domanda preliminari, ser nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li d-dritt ta’ residenza dderivat mill-istatus ta’ resident fit-tul li jibbenefika minnu ċittadin ta’ pajjiż terz fl-ewwel Stat Membru u l-protezzjoni li tirriżulta minnu, fi Stat Membru ieħor, jistgħu jiġu eżerċitati biss jekk dan iċ-ċittadin ikun kiseb permess ta’ residenza f’dan tal-aħħar. Mill-analiżi tiegħi ser niddeduċi li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ tali ċittadin meta dan tal-aħħar ikun mar fit-territorju tiegħu bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fil-konfront tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 2003/109

6.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

(b)      it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

7.        L-Artikolu 2(b) sa (d) ta’ din id-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

(ċ)      ‘l-ewwel Stat Membru’ tfisser l-Istat membru li għall-ewwel darba ta’ l-istatus ta’ rewsidenti għal perjodui twil ta’ żmien lil ċittadin ta’ pajjiż terz;

(d)      ‘it-tieni Stat Membru’ tfisser xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta’ għall-ewwel darba l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta’ residenza”.

8.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru”.

9.        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109 jinkludi l-Artikoli 4 sa 13. Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident fit-tul mogħti minn Stat Membru liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tiegħu, kif ukoll id-drittijiet relatati, bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini sabiex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika u soċjali f’konformità mal-premessi 4 u 6 ta’ din id-direttiva.

10.      Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni kontra tkeċċija”:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika [ordni pubbliku] jew għas-sigurtà pubblika.

[…]

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

(a)      it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

(b)      l-età tal-persuna konċernata;

(ċ)      il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

(d)      ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

11.      Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Residenza fl-Istati Membri l-oħra”, jinkludi l-Artikoli 14 sa 23. Dan għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza ta’ persuna li għandha l-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istati Membri l-oħra għajr dak li taha dan l-istatus, sabiex jikkontribwixxi, f’konformità mal-premessa 18 ta’ din id-direttiva, għall-ksib effettiv tas-suq intern bħala żona li fiha il-moviment liberu tal-persuni jiġi żgurat.

12.      L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta’ residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-kapitolu jitħarsu.”

13.      L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-residenza f’tieni Stat Membru”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Mill-aktar fis u mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tul jista’ japplika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għal permess ta’ residenza.”

14.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, jipprevedi:

“1.      Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenti għat-tul, it-tiini [tieni] Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira l-permess tar-residenza u li jobbliga lill-persuna konċernata u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha, skond il-proċeduri li hemm provvidiment dwarhom fil-liġi nazzjonali, inklużi proċeduri ta’ tneħħija, li jħallu t-territorju tiegħu fil-każi li ġejjin:

(a)      għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika kif definit fl-Artikolu 17;

(b)      fejn il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 ma jkunux aktar imħarsa;

(ċ)      fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma ikunx jirrisjedi legalment fl-Istat Membru konċernat.

2.      Jekk it-tieni Stat Membru jadotta xi waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel Stat Membru għandu minnufih idaħħal lura mingħajr formalitajiet ir-resident għat-tul u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.

3.      Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenza għat-tul u mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-dħul lura imsemmi fil-paragrafu 2, it-tieni Stat Membru għandu jadotta deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta’ l-Unjoni skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12, għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] u sigurtà pubblika.

F’dawk il-każi, fejn tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni, it-tieni Stat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-ewwel Stat Membru.

Fejn it-tieni Stat Membru jadotta deċiżjoni li jneħħi ċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jimplimentha. F’dawk il-każi, t-tieni Stat Membru għandu jipprovdi lill-ewwel Stat Membru l-informazzjoni xierqa fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-tneħħija.

[…]

4.      Id-deċiżjonijiet tat-tneħħija ma għandhomx ikunu akkumpanjati bi projbizzjoni permanenti dwar residenza fil-każi msemmija fil-paragrafu 1(b) u (ċ).

5.      L-obbligi tad-dħul lura msemmi fil-paragrafu 2 għandu ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li r-resident għat-tul u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha imorru lejn Stat Membru terz.”

2.      IdDirettiva 2008/115

15.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 (7)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

(8)      ‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

16.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar deċiżjonijiet ta’ ritorn li jtemmu residenza irregolari, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

[…]”

B.      Iddritt Finlandiż

17.      Sabiex persuna tiġi ammessa fit-territorju Finlandiż, l-ulkomaalaislaki 301/2004 (il-Liġi dwar il-Persuni Barranin), tat‑30 ta’ April 2004, tippreċiża, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha, li persuna barranija ma għandhiex tkun suġġetta għal projbizzjoni ta’ dħul u ma għandhiex tkun meqjusa li tipperikola l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika (punt 5).

18.      Skont l-Artikolu 149b ta’ din il-liġi, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju jew li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza tkun ġiet miċħuda u li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor għandu l-obbligu li jmur immedjatament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu miċ-ċittadin ikkonċernat jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandha tinħareġ deċiżjoni dwar it-tneħħija tiegħu.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19.      Il-kuntest fattwali huwa kkaratterizzat minn żewġ perijodi distinti.

20.      L-ewwel perijodu huwa dak ta’ qabel l-għoti, mir-Repubblika tal-Estonja, fit‑12 ta’ Lulju 2019, tal-istatus ta’ resident fit-tul lill-persuna kkonċernata, li hija ċittadin Russu, b’passaport validu.

21.      Huwa paċifiku li, matul dan il-perijodu, din il-persuna marret diversi drabi fit-territorju Finlandiż fejn ġiet soġġetta għal erba’ deċiżjonijiet ta’ tneħħija lejn l-Estonja, rispettivament tad‑9 ta’ Frar 2017, tas‑16 ta’ Marzu 2017, tas‑26 ta’ Novembru 2018 u fl-aħħar tat‑8 ta’ Lulju 2019. Dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati wara t-twettiq ta’ diversi reati mill-persuna kkonċernata, jiġifieri s-sewqan aggravat taħt l-influwenza tal-alkoħol, is-sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u fl-aħħar il-ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul. Huwa ssuspettat ukoll li wettaq serq aggravat, falsifikazzjoni u dikjarazzjoni tal-identità falza. Fid-dawl tan-natura u tar-repetizzjoni tal-attivitajiet kriminali minn din il-persuna, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qisuha bħala theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika u, konsegwentement, tlieta minn dawn id-deċiżjonijiet kienu akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż.

22.      It-tieni perijodu huwa dak li jikkorrispondi għall-għoti mir-Repubblika tal-Estonja tal-istatus ta’ resident fit-tul lill-persuna kkonċernata kif ukoll tal-permess ta’ residenza relatat, għal perijodu ta’ ħames snin, jiġifieri mit‑12 ta’ Lulju 2019 sat‑12 ta’ Lulju 2024. Dan l-istatus għalhekk inħareġ meta l-Istat Finlandiż kien diġà ddeċieda li joħroġ, fir-rigward ta’ din il-persuna, projbizzjoni ta’ dħul valida fit-territorju nazzjonali (8).

23.      Fid‑19 ta’ Novembru 2019, wara li wettaq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata – li l-elementi tagħha jidhru fil-proċess nazzjonali disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja – l-Uffiċċju ma ppermettilhiex tirritorna volontarjament fl-Estonja u adotta d-deċiżjoni kontenzjuża (9). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tinkludi l-obbligu li l-persuna kkonċernata tintbagħat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jiġifieri l-Federazzjoni Russa, u li ma’ dan tapplika projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen kollha għal perijodu ta’ erba’ snin, minħabba t-theddida li l-persuna toħloq għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika. Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tad-Direttiva 2008/115, peress li l-Uffiċċju qies li EP kien qiegħed “jirrisjedi irregolarment” fit-territorju nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva sa fejn dan tal-aħħar kien mar f’dan it-territorju bi ksur tal-projbizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti preċedentement fir-rigward tiegħu. Nippreċiża minn issa li tali deċiżjoni għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħala “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, fil-kuntest tal-istess direttiva, ir-ritorn huwa ddefinit skont l-Artikolu 3(3) tagħha bħala l-operazzjoni li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz imur f’pajjiż terz, pajjiż ta’ tranżitu jew jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jiġifieri barra mit-territorju tal-Unjoni.

24.      Mill-proċess nazzjonali jirriżulta wkoll li, fl-istess data, id‑19 ta’ Novembru 2019, l-Uffiċċju beda l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (10) mar-Repubblika tal-Estonja, li fil-kuntest tagħha dan l-Istat Membru ntalab jieħu pożizzjoni dwar l-irtirar possibbli tal-permess ta’ residenza ta’ resident fit-tul tal-persuna kkonċernata. Fid‑9 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Estonja kkomunikat li dan il-permess ma kienx ser jiġi rtirat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju bidel il-projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen kollha għal projbizzjoni ta’ dħul purament nazzjonali, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) ta’ din il-konvenzjoni (11).

25.      It-tneħħija ta’ EP lejn il-Federazzjoni Russa ġiet implimentata fl‑24 ta’ Marzu 2020. Dan tal-aħħar reġa’ mar fit-territorju Finlandiż minn fejn tneħħa, lejn l-Estonja, fit‑8 ta’ Awwissu 2020 u fis‑16 ta’ Novembru 2020.

26.      Peress li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża mir-rikorrent ġie miċħud mill-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), huwa ressqu quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) sabiex jikseb l-annullament ta’ din is-sentenza.

27.      Fid-dawl tal-kuntest fattwali ta’ din il-kawża u b’mod partikolari tal-istatus ta’ resident fit-tul li minnu jibbenefika EP fl-Estonja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Uffiċċju kienx obbligat jimplimenta l-miżuri dwar il-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija stabbilita mid-Direttiva 2003/109 għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

28.      Fl-ewwel lok, din il-qorti tqis li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/109 ma jippermettix li jiġi ddeterminat b’mod inekwivoku jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, għalkemm ir-residenza ta’ EP fl-Estonja hija regolari peress li hija bbażata fuq l-istatus tiegħu bħala resident fit-tul li nħariġlu minn dan l-Istat Membru, min-naħa l-oħra, ir-residenza tiegħu fil-Finlandja ma kinitx, inkunsiderazzjoni tal-fatt li huwa ma kienx talab permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva u li kienet inħarġet projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-konfront tiegħu.

29.      Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tqis li l-Liġi dwar il-Persuni Barranin ma tinkludix dispożizzjonijiet li jittrasponu b’mod espliċitu l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 fir-rigward tat-tneħħija mill-Finlandja għal barra mit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li Stat Membru ieħor ikun ħariġlu permess ta’ residenza fit-tul. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(1) u (3) u l-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva humiex inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-kontenut tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jinvokahom kontra Stat Membru.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-[Direttiva 2003/109/KE] hija applikabbli għat-tneħħija, mit-territorju tal-Unjoni, ta’ persuna li daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru filwaqt li kienet is-suġġett ta’ projbizzjoni nazzjonali li tidħol fit-territorju, li r-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru kienet għaldaqstant mhux regolari skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li ma kinitx talbet permess ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru, meta permess ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil inħareġ għal din il-persuna fi Stat Membru ieħor?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)      L-Artikolu 12(1) u (3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-kontenut tagħhom sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jinvokahom kontra Stat Membru?”

31.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

32.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, li abbażi tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi l-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru jgawdi, fit-tieni Stat Membru, il-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jipprevedi l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, huwiex applikabbli meta dan iċ-ċittadin ikun mar fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul imposta fuqu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

33.      Qabel ma nibda l-analiżi tat-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll tal-istruttura u tal-għan tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, li fih jinsab dan l-artikolu, preliminarjament, għandhom jiġu ċċarati l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 2008/115 u 2003/109.

A.      Ilkampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tadDirettivi 2008/115 u 2003/109

34.      Kemm mit-titolu kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-istandards u l-proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment.

35.      Għalhekk, mill-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta mingħajr ekwivoku li din tapplika għal “ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru” (12).

36.      Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115 bħala “[l]-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament Nru 562/2006 (13)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”. Sa fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jmur fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju imposta fir-rigward tiegħu jkun tabilħaqq preżenti f’dak it-territorju, għal din ir-raġuni waħedha, huwa għandu jitqies li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, f’konformità mal-Artikolu 2 tagħha (14). L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 imbagħad jistabbilixxi l-istandards u l-proċedura applikabbli għad-“[d]eċiżjoni ta’ ritorn”, li skonthom iċ-ċittadin huwa meħtieġ, jew volontarjament jew b’mod furzat, li jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu b’mod partikolari (15). L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor.

37.      Madankollu, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li din tapplika mingħajr ma “tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil”. Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-persuni barranin (16).

38.      F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda dubju li r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2003/109 jaqgħu taħt dan l-acquis u jipprevedu dispożizzjonijiet iktar favorevoli favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul, billi jagħtu lil dawn tal-aħħar protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija kif ukoll proċedura ta’ riammissjoni bejn l-Istati Membri f’ċerti każijiet ta’ mobbiltà fi ħdan l-Unjoni. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-Manwal tagħha dwar ir-ritorn, din id-direttiva tikkostitwixxi lex specialis “li h[ija] espressament kopert[a] mid-Direttiv[a] msemmija” (17).

39.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha, li jistabbilixxi li hija “tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru”. Sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz igawdi mill-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru, li huwa attestat, barra minn hekk, mill-permess ta’ residenza relatat u sakemm dan l-istatus ma jkunx ġie formalment irtirat, dan ikun qiegħed jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dan il-każ, EP jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għalhekk għandu jgawdi, fl-Estonja, mid-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu bħala resident fit-tul li huma elenkati fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, li fosthom hemm id-dritt għal protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija prevista fl-Artikolu 12 tagħha (18).

40.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fl-Istati Membri l-oħra għajr dak li tah l-imsemmi status, dawn jinsabu fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109. Issa, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tikkonċerna sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fit-tul fl-ewwel Stat Membru ma għandux dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jmur, bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul deċiża fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

41.      Din l-evalwazzjoni hija bbażata kemm fuq eżami letterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll fuq analiżi sistematika, kuntestwali u teleoloġika ta’ din id-direttiva.

B.      Ilformulazzjoni talewwel subparagrafu talArtikolu 22(3) tadDirettiva 2003/109

42.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxi l-prinċipju li “[s]akemm iċ-ċittadin [(19)] tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenza għat-tul u mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-dħul lura imsemmi fil-paragrafu 2 [(20)], it-tieni Stat Membru għandu jadotta deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta’ l-Unjoni skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12, għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] u sigurtà pubblika”.

43.      L-użu tal-konġunzjoni “sakemm” fl-espressjoni “[s]akemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenza għat-tul” ma jiddeterminax b’mod preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109.

44.      Ċertament, din l-espressjoni tixhed l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni lil ċittadini ta’ pajjiż terz bi status ta’ residenti fit-tul fl-ewwel Stat Membru, li jiksbu dan l-istatus fit-tieni Stat Membru (21). Madankollu, din l-espressjoni ma tagħmilhiex possibbli li jiġi ddeterminat minn meta dan iċ-ċittadin jista’ jgawdi minn din il-protezzjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor: huwa suffiċjenti li huwa jkun residenti fit-tul fl-ewwel Stat Membru, u dan indipendentement mit-tul u mill-modalitajiet tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jew huwa, min-naħa l-oħra, neċessarju li huwa jkun ressaq f’dan tal-aħħar applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew li jkollu tali permess?

45.      Naħseb li huwa wkoll f’dan is-sens li għandu jiġi interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva.

46.      L-ewwel, fit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel riferiment għall-obbligi tat-“tieni Stat Membru”. Dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/109 bħala “xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta’ għall-ewwel darba l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta’ residenza” (22). L-użu tal-preżent indikattiv (“jeżerċita”) u mhux ta’ verb li jesprimi l-kundizzjonal (bħal “jista’ possibbilment jeżerċita” / “jaf jeżerċita” / “jista jkun jeżerċita”) jixhed il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu attwalment jeżerċita d-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu fit-tieni Stat Membru. Issa, kif jixhdu l-Artikolu 14(1) u l-premessa 21 ta’ din id-direttiva, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ residenza jippreżumi li dan iċ-ċittadin jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva (23).

47.      It-tieni, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li d-“deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta’ l-Unjoni” għandha tiġi adottata “skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12 [ta’ din id-direttiva], għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] u sigurtà pubblika”. Dan jimplika li dan iċ-ċittadin jista’ jitneħħa biss jekk ikun ta’ theddida reali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u li l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru huma meħtieġa, minn qabel, li jqisu t-tul tar-residenza taċ-ċittadin fit-territorju nazzjonali, l-età tiegħu, il-konsegwenzi tat-tneħħija għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, ir-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (24). Konsegwentement, l-għoti ta’ dan il-livell ta’ protezzjoni kunsiderevolment imsaħħa kontra t-tneħħija huwa bbażat fuq ġustifikazzjonijiet oġġettivi li huma marbuta mal-livell ta’ integrazzjoni tar-resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru kkonċernat, taħt l-istatus ta’ resident fit-tul tiegħu (l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109), u fit-tieni Stat Membru, taħt l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza dderivat li huwa jikseb mill-istatus tiegħu (l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva). Għaldaqstant, tali protezzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fit-tul li ma jkollux tali dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jmur, minħabba projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

48.      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-istruttura u mill-għan tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109.

C.      Listruttura u lgħan talKapitolu III tadDirettiva 2003/109

49.      Kif jixhed it-titolu tiegħu, il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi l-istatus ta’ resident fit-tul fl-Istati Membri l-oħra għajr dak li tah dan l-istatus, u dan sabiex jikkontribwixxi għall-ksib effettiv tas-suq intern bħala żona li fiha l-moviment liberu tal-persuni kollha jiġi żgurat (25). Huwa jipprevedi sistema gradwali f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ dan iċ-ċittadin fl-Istati Membri l-oħra, li jista’ jwassal għal dritt ta’ residenza permanenti permezz tal-għoti tal-imsemmi status f’wieħed minn dawn l-Istati.

50.      Id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur (26) mogħti fit-tieni Stat Membru huwa dritt idderivat mill-istatus ta’ residenti fit-tul miksub fl-ewwel Stat Membru. Għalhekk, huwa preċiżament minħabba li l-ewwel Stat Membru ta dan l-istatus lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109 li t-tieni Stat Membru jista’ jimmaterjalizza dan id-dritt ta’ residenza dderivat billi joħroġlu, f’konformità mal-Artikolu 14(1) ta’ dik id-direttiva, permess ta’ residenza (27). Għal dan il-għan, ir-resident fit-tul għandu jissottometti applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 sa 19 tal-istess direttiva. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik li dan ma jkunx jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika (28). Għalkemm l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxi l-garanziji proċedurali li għandhom jingħataw lir-resident fit-tul fil-każ fejn l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza tiġi miċħuda, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva jipprevedi t-trattament li għandu jingħata lilu f’dan it-tieni Stat Membru fil-każ li jingħata dan il-permess.

51.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, intitolat, b’mod inekwivoku, “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, huwa kontinwazzjoni loġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni tindika, fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li dan l-artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom it-tieni Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija fir-rigward ta’ resident fit-tul, li f’dan l-Istat Membru, igawdi minn permess ta’ residenza, iżda jkun għadu ma kisibx l-istatus ta’ resident fit-tul (29) li jipprevedi l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva.

52.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109 jirreferi għalhekk b’mod espliċitu għar-resident fit-tul li impenja ruħu fi proċess reali ta’ integrazzjoni fit-tieni Stat Membru billi eżerċita d-dritt ta’ residenza dderivat li huwa jikseb mill-istatus tiegħu. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu barra minn hekk għandu l-għan li jiggarantixxi l-effettività ta’ dan id-dritt ta’ residenza, billi jeżiġi li t-tieni Stat Membru jagħti lil dan ir-resident protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija fil-każ li huwa jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, u dan bl-istess mod kif huwa jgawdi minnha bis-saħħa tal-istatus tiegħu fl-ewwel Stat Membru.

53.      Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fit-tul ma għandux id-dritt li jidħol fl-Istat Membru kkonċernat minħabba l-effetti legali ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tiegħu. A fortiori, huwa ma jistax jibbenefika minn permess ta’ residenza dderivat f’dan l-Istat Membru minħabba t-theddida li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, u dan f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/109. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li ma jistax igawdi l-livell ta’ protezzjoni kunsiderevolment imsaħħa kontra t-tneħħija li jipprevedi l-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva.

54.      Jidhirli li tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2003/109. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 4, 6 u 12 ta’ din id-direttiva, l-istatus ta’ resident fit-tul għandu jikkostitwixxi strument reali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun stabbilixxa ruħu, u din l-integrazzjoni hija wkoll element ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Unjoni (30). Barra minn hekk, infakkar li, f’konformità mal-premessa 18 tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ residenza li jgawdi resident fit-tul fi Stat Membru għajr dak li jkun tah l-istatus tiegħu għandu jikkontribwixxi għall-ksib effettiv tas-suq intern bħala żona fejn il-moviment liberu tal-persuni kollha jiġi żgurat.

55.      Issa, huwa evidenti li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għoti tal-istatus ta’ resident fit-tul lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet Estonjani ma jistax jippermetti lil din tal-aħħar tinvoka, fir-rigward tal-awtoritajiet Finlandiżi, il-livell ta’ protezzjoni kunsiderevolment imsaħħa kontra t-tneħħija li jipprevedi l-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva, minkejja li hija marret fit-territorju tal-Finlandja bi ksur ċar ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tagħha għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika u ma għandhiex, minħabba f’hekk, dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru. Kieku dan ikun il-każ, dan iwassal sabiex tiġi injorata, minn naħa, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109, li permezz tagħha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefika minn drittijiet u minn benefiċċji li jiddependu mill-integrazzjoni tiegħu fis-soċjetà kemm tal-ewwel Stat Membru kif ukoll tat-tieni Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-effetti legali marbuta mad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa minn Stat Membru.

56.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li, għalkemm igawdi mill-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru, ma għandux dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jmur bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

57.      Dan iċ-ċittadin iżomm il-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet li huwa jikseb mill-permess ta’ residenza tiegħu bħala resident fit-tul billi sussegwentement imur fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

58.      L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-imsemmi ċittadin għandu għalhekk japplika l-proċedura ta’ ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) tagħha.

59.      Fil-fatt, infakkar li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva għandu l-għan li jistabbilixxi l-istandards u l-proċedura applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari li fiha dan iċ-ċittadin ikollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan iċ-ċittadin ikun qiegħed jirrisjedi irregolarment għandu jadotta deċiżjoni ta’ ritorn biss fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tirrifjuta li tmur immedjatament fl-Istat Membru li jkun taha l-permess ta’ residenza jew meta t-tluq immedjat tagħha jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà nazzjonali (31).

V.      Konklużjoni

60.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattva Suprema, il-Finlandja):

L-Artikolu 22(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma huwiex applikabbli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li, għalkemm igawdi mill-istatus ta’ resident fit-tul fl-ewwel Stat Membru, ma għandux dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jmur bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul maħruġa fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika;

–        dan iċ-ċittadin iżomm il-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet li huwa jikseb mill-permess ta’ residenza tiegħu bħala resident fit-tul billi sussegwentement imur fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


4      Din il-kawża hija allinjata ma’ dik li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8), li l-fatti tagħha huma simili peress li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kellu permess ta’ residenza validu maħruġ fi Spanja fil-mument li fih l-awtoritajiet Finlandiżi kienu ħarġu fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen.


5      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ippreżentata fis‑27 ta’ April 2022, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil (COM(2022) 650 final).


6      Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li r-riformulazzjoni tad-Direttiva 2003/109 “[j]enħtieġ li […] tqis l-istandards u l-proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment introdotti bid-[Direttiva 2008/115]” (premessa 21), u b’hekk tipproponi li jsir riferiment espliċitu għal din l-aħħar direttiva, li jippermetti li ssir distinzjoni aħjar tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ testi.


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1). Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).


8      Skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet Estonjani kienu obbligati jikkonsultaw lill-awtoritajiet Finlandiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tagħhom qabel ma joħorġu l-istatus inkwistjoni.


9      Fis-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru, ikun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huwa għandu jitħalla jitlaq lejn l-Istat Membru li jkun ħariġlu l-permess ta’ residenza minflok ma jkun obbligat mill-bidu li jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali ma jirrikjedux dan.


10      Konvenzjoni tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU 2000, L 239, p. 19).


11      Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 58).


12      Għalkemm l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 jelenka r-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li ma’ dawn ir-raġunijiet ma jinkludux il-pussess ta’ permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor.


13      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48).


15      Ara l-punti 3 u 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.


16      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara l-punt 5.8 ta’ dan il-manwal dwar ir-ritorn, li jinsab fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas‑16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83). Kif jirriżulta mill-punt 2 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan il-manwal jikkostitwixxi għodda ta’ referenza għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti marbuta mar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment.


18      Ara wkoll il-premessa 16 tad-Direttiva 2003/109.


19      Korsiv miżjud minni. Il-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni tuża l-espressjoni “résident de pays tiers”, filwaqt li tirreferi għar-“ressortissant d’un pays tiers” fl-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw l-istess espressjoni f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ paragrafi, bħall-verżjoni Spanjola (“el nacional de un tercer país”), Ġermaniża (“Drittstaatsangehörige”), Ingliża (“the third-country national”), Taljana (“il cittadino di un paese terzo”), jew anki dik Slovena (“državljan tretje države”).


20      Il-Kummissjoni enfasizzat, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-[Direttiva 2003/109] tat‑28 ta’ Settembru 2011 (COM(2011) 585 final), li “[d]-Direttva [2008/115] kellha impatt fuq l-Artikolu 22(2) u (3) għaliex, f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment u li jkollhom permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu obbligati jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor minnufih. Huwa biss fiċ-ċirkostanza ta’ nuqqas ta’ konformità taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma’ dan l-obbligu li l-Istati Membri jistgħu joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn.”


21      Dawn tal-aħħar igawdu mill-protezzjoni marbuta mal-istatus ta’ resident fit-tul, prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109.


22      Korsiv miżjud minni.


23      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Stadt Frankfurt am Main et Stadt Offenbach am Mai (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:244, punti 40 u 41), kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main et Stadt Offenbach am Mai (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:525, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid et (Irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork) (C‑402/21, EU:C:2023:77, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara l-premessa 18 ta’ din id-direttiva.


26      Ara l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109.


27      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Stadt Frankfurt am Main et Stadt Offenbach am Mai (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:244, punti 40 u 41), kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main et Stadt Offenbach am Mai (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:525, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Kif jenfasizza l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 21 tad-Direttiva 2003/109, l-Istat Membru li fih ir-resident fit-tul għandu l-intenzjoni li jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu għandu jkun jista’ jivverifika li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex tirrisjedi fit-territorju tiegħu u li hija ma tirrappreżentax theddida attwali għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna jew għas-saħħa pubblika.


29      Ara r-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 3.9.


30      Mill-premessa 22 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li huwa bl-għan li tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jitlob lit-tieni Stat Membru jiggarantixxi lir-resident fit-tul l-istess trattament bħal dak mogħti lilu fl-ewwel Stat Membru. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 45), u d-digriet tas‑26 ta’ April 2023, Migrationsverket (C‑629/22, EU:C:2023:365, punti 20, 22 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).