Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit-30 ta’ Ottubru 2025 (1)

Kawża C747/22

KH

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 26 u 29 – Aċċess għall-impjiegi – Għajnuna soċjali – Dħul taċ-ċittadinanza – Kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom għandhom ikunu konsekuttivi – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Benefiċċji bażiċi)






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-kawżi magħquda CU u ND (Assistenza soċjaliDiskriminazzjoni indiretta) (2), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tistħarreġ il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżuri nazzjonali li jipprevedu ċerti forom ta’ assistenza finanzjarja lill-persuni residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u intiżi għall-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali. B’mod partikolari, qorti Taljana talbet kjarifiki dwar jekk aspett speċifiku tal-leġiżlazzjoni Taljana li tistabbilixxi r-“reddito di cittadinanza” (id-dħul taċ-ċittadinanza) — jiġifieri, ir-rekwiżit li l-benefiċjarji jkunu għexu fl-Italja għal mill-inqas għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom għandhom ikunu konsekuttivi (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin”) — kienx konformi ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

2.        Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kompożizzjoni ta’ Awla Manja, ddeċidiet li tali rekwiżit kien prekluż mill-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109/KE (3), moqri fid-dawl tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-”Karta”) (4). Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rekwiżit (i) kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul u (ii) ma setax jiġi ġġustifikat, peress li kellu l-effett li jestendi unilateralment il-perijodu ta’ residenza meħtieġ sabiex ir-residenti għat-tul jibbenefikaw mid-dritt iggarantit mill-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 (5).

3.        Din il-kawża tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-istess aspett ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin, għalkemm minn perspettiva differenti. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan ir-rekwiżit, meta jiġi applikat għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, huwiex konformi mal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95/UE (6), ta’ spiss imsejħa d-“Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika”. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-attivitajiet intiżi sabiex jiffaċilitaw kemm l-aċċess għall-impjieg, kif ukoll ċerti forom ta’ assistenza soċjali, jingħataw lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id‑dritt tal‑Unjoni

4.        Il-premessi 41, 42 u 45 tad-Direttiva 2011/95 jistipulaw:

“(41)      Sabiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom. [...]

(42)      [...] għandhom isiru sforzi b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-problemi li ma jħallux lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet edukattivi li huma relatati mal-impjieg u għat-taħriġ vokazzjonali, inter alia, b’relazzjoni ma’ restrizzjonijiet finanzjarji.

[...]

(45)      [...] Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji bażiċi lil benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li tiġi limitata dik it-tip ta’ assistenza għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem li tkopri mill-inqas is-sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawk il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”

5.        L-Artikolu 26(2) u (3) tad-Direttiva 2011/95, dwar l-“Aċċess għall-impjieg”, jipprovdi:

“2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attivitajiet bħal opportunitajiet ta’ edukazzjoni relatati mal-impjieg għall-adulti, taħriġ vokazzjonali, inklużi korsijiet ta’ taħriġ sabiex jittejbu ħiliet, l-esperjenzi ta’ prattiki tal-post tax-xogħol u s-servizzi ta’ konsulenza li jingħataw mill-uffiċji tal-impjieg, jiġu offruti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2.”

6.        L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Għajnuna soċjali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

2.      B’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.”

B.      Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 1 tad-decreto-legge n. 4 “Disposizioni urgenti in materia di reddito di cittadinanza e di pensioni” (id-Digriet Liġi Nru 4, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti Marbuta mad-Dħul taċ-Ċittadinanza u mal-Pensjonijiet), tat‑28 ta’ Jannar 2019 (7), ikkonvertit f’liġi permezz tal-legge n. 26 (il-Liġi 26), tat‑28 ta’ Marzu 2019 (8) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi”), jipprovdi:

“Mix-xahar ta’ April 2019, ġie stabbilit id-dħul taċ-ċittadinanza […] bħala miżura fundamentali tal-politika attiva tax-xogħol biex tiggarantixxi d-dritt għax-xogħol, tiġġieled il-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll tfittex li tippromwovi d-dritt għall-informazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura permezz ta’ politiki mmirati lejn l-appoġġ ekonomiku u l-inklużjoni soċjali tal-persuni f’riskju ta’ esklużjoni fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol. Id-[dħul taċ-ċittadinanza] jikkostitwixxi livell ta’ benefiċċju essenzjali fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.”

8.        L-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Liġi, intitolat “Benefiċjarji”, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dħul taċ-ċittadinanza. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, minn naħa, in-nazzjonalità, ir-residenza u s-soġġorn tal-applikant u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari d-dħul, il-patrimonju u t-tgawdija tal-beni fit-tul tad-dar tiegħu. Fir-rigward ta’ dawn l-ewwel kundizzjonijiet, l-Artikolu 2(1)(a)(2) jeżiġi b’mod partikolari li l-benefiċjarju “jirrisjedi fl-Italja għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, b’mod kontinwu matul l-aħħar sentejn ikkunsidrati fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, kif ukoll matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju”.

9.        L-Artikolu 3(1) tad-Digriet Liġi jipprovdi li l-benefiċċju ekonomiku mogħti mid-dħul taċ-ċittadinanza huwa magħmul minn żewġ komponenti: wieħed intiż sabiex jikkomplementa d-dħul tal-familja u l-ieħor intiż sabiex jikkomplementa d-dħul tal-familji li jgħixu f’akkomodazzjoni mikrija. L-Artikolu 3(6) tal-istess Digriet Liġi jippreċiża li d-dħul taċ-ċittadinanza għandu jingħata għal perijodu mhux interrott ta’ mhux iktar minn tmintax-il xahar. Dan il-perijodu jista’ jiġġedded, suġġett għal sospensjoni ta’ pagamenti għal perijodu ta’ xahar qabel kull tiġdid.

10.      L-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi, dwar il-“Patt dwar l-impjieg u l-inklużjoni soċjali”, jipprovdi:

“L-għoti tal-benefiċċju huwa suġġett kemm għad-dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà immedjata għax-xogħol tal-membri adulti tal-familja, konformement mal-proċeduri previsti f’dan l-artikolu, kif ukoll għall-parteċipazzjoni fi programm personalizzat ta’ sostenn għall-impjieg u għall-inklużjoni soċjali, li jinkludi s-servizz tal-komunità, it-taħriġ mill-ġdid professjonali, it-tlestija tal-istudji u impenji oħra identifikati mis-servizzi kkonċernati intiżi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

11.      Ir-rikorrent, KH, wasal l-Italja fl-2011 u għandu permess ta’ residenza għall-persuni mogħtija l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. Huwa baqa’ jgħix l-Italja sa minn dak iż-żmien fejn, fl-2019, iżżewweġ u, fl-2020, twieldu wliedu bniet.

12.      Inizjalment huwa rċieva d-dħul taċ-ċittadinanza minħabba li kien iddikjara b’mod żbaljat li huwa kien issodisfa r-rekwiżit ta’ residenza mhux kontinwa ta’ għaxar snin. Wara kontrolli, l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja), permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2021, irrevoka d-dħul taċ-ċittadinanza tar-rikorrent minħabba li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin b’kollox fl-Italja, fil-mument ta’ meta applika.

13.      Ir-rikorrent ippreżenta rikors speċjali quddiem it-Tribunale ordinario di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja) kontra l-INPS, li fih huwa invoka diskriminazzjoni u talab, b’mod partikolari, li l-att ta’ revoka tad-dħul taċ-ċittadinanza tiegħu jiġi ddikjarat diskriminatorju u li d-dritt tiegħu li jirċievi dan il-benefiċċju jiġi stabbilit mill-ġdid.

14.      Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrent argumenta li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin sabiex jirċievi d-dħul taċ-ċittadinanza hija inkompatibbli mal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, li jipprevedu li għandu jkun hemm trattament ugwali bejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u ċ-ċittadini nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għall-impjieg u tal-għajnuna soċjali. Madankollu, skont l-INPS, id-dħul taċ-ċittadinanza ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

15.      Peress li t-Tribunale ordinario di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo) kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn id-dispożizzjonijiet, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 29 u l-Artikolu 26 [tad-]Direttiva [2011/95] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 2(1)(a)[(2)] [tad-Digriet Liġi], li, bil-għan li jingħata aċċess għal benefiċċju kontra l-faqar u għall-appoġġ fl-aċċess għax-xogħol u l-inklużjoni soċjali bħalma hu d-“dħul taċ-ċittadinanza” tipprevedi rekwiżit ta’ 10 snin ta’ residenza fl-Istat Taljan, flimkien mar-rekwiżit ta’ sentejn ta’ residenza kontinwa qabel ma ssir it-talba?”

16.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-INPS, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2025.

17.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Taljan talab li din il-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja.

IV.    Analiżi

18.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95 jipprekludux miżura nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal benefiċċju ta’ kontra l-faqar, intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-impjieg u għall-integrazzjoni soċjali, għall-kundizzjoni ta’ għaxar snin ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, li l-aħħar tnejn minnhom għandhom ikunu konsekuttivi.

19.      Qabel ma jiġu eżaminati l-kwistjonijiet sostantivi mqajma mid-domanda preliminari (B), għandhom l-ewwel jiġu indirizzati żewġ kwistjonijiet ta’ natura proċedurali: il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża u l-ħtieġa li tingħata risposta għad-domanda magħmula (A).

A.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ħtieġa li tingħata risposta għad-domanda magħmula

20.      Il-Gvern Taljan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali jirrigwardaw benefiċċju li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95.

21.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-domanda magħmula mit-Tribunale ordinario di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo) tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95, li taqa’ b’mod ċar taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (9). Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk miżura bħad-dħul taċ-ċittadinanza taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda l-mertu tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, u la tista’ tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (10).

22.      Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Gvern Taljan spjega li (i) il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari baqgħet fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2023, peress li tħassret bil-legge n. 197, “Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2023 e bilancio pluriennale per il triennio 2023-2025 ” (il-Liġi Nru 197, “il-Baġit tal-Istat għas-sena finanzjarja 2023 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin 2023-2025”), tad‑29 ta’ Diċembru 2022 (11); u (ii) permezz tas-sentenza tagħha Nru 31/2025, tal‑20 ta’ Marzu 2025, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) iddikjarat li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin għaċ-ċittadini tal-Unjoni kien inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Taljana. Dik il-qorti qieset li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha teżiġi residenza ta’ ħames snin minflok ta’ għaxra.

23.      Fid-dawl ta’ dan, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk għadx fadal il-bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domanda preliminari. Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’talba għal deċiżjoni preliminari, stabbiliti fl-Artikolu 267 TFUE u fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhomx ikunu ssodisfatti biss fil-mument li fih tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja, iżda għandhom ikomplu jkunu sodisfatti matul il-proċedura kollha. Meta, matul il-proċeduri, dawn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux iktar issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ttemm il-proċeduri u tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-kawża prinċipali tkun saret bla skop minħabba deċiżjonijiet sussegwenti tal-qorti tar-rinviju (jew ta’ qorti nazzjonali oħra) fl-istess proċeduri, jew f’xi proċeduri relatati, jew meta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jkunu ġew emendati jew imħassra (12).

24.      Madankollu, dan ma huwiex l-każ f’dawn il-proċeduri. Kemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Taljan indikaw, waqt is-seduta, li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula għada neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Kif nifhimha jien, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tibqa’ applikabbli ratione temporis għat-tilwima u s-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija iktar ’il fuq ma kinitx tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

25.      Fl-aħħar nett, huwa utli li jiġi indikat, mingħajr ma nidħlu fid-dettall, li d-Direttiva 2011/95 ġiet reċentement imħassra bir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Skont l-Artikoli 41 u 42 ta’ dan ir-regolament, id-Direttiva 2011/95 ser tiġi mħassra b’effett mit‑12 ta’ Ġunju 2026 u r-regolament il-ġdid ser jibda japplika mill‑1 ta’ Lulju 2026.

26.      Għaldaqstant, din il-proċedura ma saritx mingħajr skop.

B.      Fuq il-mertu

27.      Essenzjalment, l-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95 jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li ċerti attivitajiet li jippromwovu l-aċċess għall-impjieg u ċerti forom ta’ għajnuna soċjali jkunu aċċessibbli għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.

28.      Hemm żewġ kwistjonijiet prinċipali li jqumu f’din il-kawża. L-ewwel waħda hija jekk miżura nazzjonali bħad-dħul taċ-ċittadinanza taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 u/jew tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95? It-tieni waħda hija, jekk dan ikun il-każ, tali miżura hija kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet?

29.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan u l-INPS iqisu li miżura bħad-dħul taċ-ċittadinanza ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95. Huma jsostnu li d-dħul taċ-ċittadinanza ma huwiex sempliċi benefiċċju tal-għajnuna soċjali intiż sabiex jagħmel tajjeb għall-istat ta’ ħtieġa finanzjarja, iżda huwa miżura personalizzata usa’, li tifforma parti minn qafas usa’ li jinkludi kemm l-appoġġ għall-familji fil-faqar kif ukoll l-impenji meħuda minn dawn il-familji biex jilħqu għanijiet speċifiċi, li għandha l-għan li tgħinhom isiru awtosuffiċjenti. Dawn il-partijiet isostnu, b’mod partikolari, li dan il-benefiċċju huwa suġġett għal kundizzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà immedjata għax-xogħol mill-membri adulti tal-familja u għall-iffirmar ta’ “patt ta’ impjieg” mall-uffiċju tal-impjieg. Għalhekk, huma jargumentaw li l-miżura hija primarjament għodda għar-reintegrazzjoni professjonali u għall-inklużjoni soċjali. In-natura mħallta ta’ din il-miżura ġiet allegatament ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ma jaqblux. Huma jqisu li, fiha nnifisha, in-natura mħallta ta’ miżura nazzjonali ma teskludix li din tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95. Fil-fehma tagħhom, id-dħul taċ-ċittadinanza stabbilit mil-leġiżlatur Taljan għandu l-karatteristiċi neċessarji sabiex dan jaqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda forma ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-benefiċċji mogħtija fihom.

31.      Jiena naqbel mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mal-Kummissjoni. Ser nispjega iktar ’il quddiem għaliex inqis li miżura bħal ma huwa d-dħul taċ-ċittadinanza taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (1, 2 u 3) u tidher li hija inkompatibbli magħhom (4 u 5), b’riżerva żgħira fir-rigward tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (6).

1.      Aċċess għall-impjiegi

32.      L-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/95 jistipula li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attivitajiet bħal opportunitajiet ta’ edukazzjoni relatati mal-impjieg għall-adulti, taħriġ vokazzjonali, inklużi korsijiet ta’ taħriġ sabiex jittejbu ħiliet, l-esperjenzi ta’ prattiki tal-post tax-xogħol u s-servizzi ta’ konsulenza li jingħataw mill-uffiċji tal-impjieg, jiġu offruti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.” L-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi wkoll li “[l]-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2” (14).

33.      Fil-fehma tiegħi, miżura bħad-dħul taċ-ċittadinanza taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Kemm l-INPS kif ukoll il-Gvern Taljan isostnu li element essenzjali tal-miżura huwa d-dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà immedjata għax-xogħol tal-membri adulti tal-familja u l-iffirmar ta’ “patt ta’ impjieg” mal-uffiċju tal-impjieg. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi, dan il-patt huwa “programm personalizzat ta’ sostenn għall-impjieg u għall-inklużjoni soċjali, li jinkludi s-servizz tal-komunità, it-taħriġ mill-ġdid professjonali, it-tlestija tal-istudji u impenji oħra identifikati mis-servizzi kkonċernati intiżi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali”.

34.      Il-formulazzjoni nnifisha taż-żewġ dispożizzjonijiet legali inkwistjoni (l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi) turi b’mod pjuttost ċar li l-attivitajiet elenkati fihom jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom. Huwa diffiċli li jiġi kkontestat l-argument li l-attivitajiet li l-uffiċji tal-impjieg Taljani għandhom joffru lill-benefiċjarji tad-dħul taċ-ċittadinanza għandhom jitqiesu bħala “servizzi ta’ taħriġ professjonali” u ta’ “konsulenza” fis-sens tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/95.

35.      Fil-fatt, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess għan. Huwa evidenti li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 26(2) u (3) tad-Direttiva 2011/95 huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju msemmi fl-Artikolu 26(1): “L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex jieħu parti f’attivitajiet ta’ xogħol bħala impjegati jew xogħol għal rashom bla ħsara għar-regoli ġeneralment applikabbli għall-professjoni u għas-settur pubbliku, immedjatament wara li jkun ingħata protezzjoni” (15).

36.      L-għan tal-miżuri previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi huwa l-istess: l-iffaċilitar tad-dħul fis-suq tax-xogħol. Kemm il-preambolu kif ukoll l-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet liġi jagħmlu riferiment għal miżura intiża li tiggarantixxi d-dritt għax-xogħol permezz ta’ politiki għas-sostenn ekonomiku u għall-integrazzjoni soċjali tal-persuni li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni mis-soċjetà u mid-dinja tax-xogħol.

37.      Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid li ċertu numru ta’ elementi jikkonfermaw il-portata wiesgħa tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2011/95, u l-importanza tiegħu fl-istruttura ta’ din id-direttiva.

38.      Fl-ewwel lok, it-terminoloġija użata f’dan l-artikolu tindika n-natura eżawrjenti ta’ din id-dispożizzjoni: “attivitajiet bħal” (lista mhux eżawrjenti”, “attivitajiet bħal opportunitajiet ta’ edukazzjoni” (terminu wiesa u relatat ma’ għan) u “aċċess sħiħ” (espressjoni enfatika) (16).

39.      It-tieni nett, l-Istati Membri mhux biss talli għandhom jiżguraw li l-attivitajiet inkwistjoni jiġu offruti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (paragrafu 2 tal-Artikolu 26), iżda talli għandhom ukoll jiffaċilitaw l-aċċess għalihom (paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu). Kif spjegat fil-preambolu tad-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom ħtiġijiet speċifiċi u jiffaċċjaw sfidi partikolari fil-qasam tal-integrazzjoni (premessa 41) u, konsegwentement, “[G]ħandhom isiru sforzi b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-problemi li ma jħallux lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet edukattivi li huma relatati mal-impjieg u għat-taħriġ vokazzjonali, inter alia, b’relazzjoni ma’ restrizzjonijiet finanzjarji” (premessa 42).

40.      Essenzjalment, ma huwiex biżżejjed li l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/95 ikunu aċċessibbli għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali; l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ukoll, skont l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva, jieħdu inizjattivi intiżi sabiex ineħħu l-ostakoli li jistgħu jxekklu tali aċċess. Dan l-obbligu ta’ proattività juri, b’mod ċar, l-enfasi li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel fuq il-fatt li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal għajnuna, fil-forma ta’ taħriġ u ta’ konsulenza, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati b’iktar faċilità fis-suq tax-xogħol. Il-fatt li l-premessa 42 tad-Direttiva 2011/95 tirreferi għal “restrizzjonijiet finanzjarji” juri li, mutatis mutandis, din id-direttiva u d-Digriet Liġi juru l-istess tħassib: jista’ jkun meħtieġ li tiġi pprovduta xi forma ta’ għajnuna finanzjarja lill-persuni inkwistjoni, inkella ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ konsulenza offruti.

41.      Bħala konklużjoni, inqis li attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi jaqgħu, fil-parti l-kbira tagħhom, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2011/95.

2.      Għajnuna soċjali

42.      L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu [...] l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru”. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk miżura nazzjonali bħad-dħul taċ-ċittadinanza tikkostitwixxix “għajnuna soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

a)      Bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni

43.      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (17).

44.      Għalkemm id-Direttiva 2011/95 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, l-Artikolu 29 tagħha lanqas ma jinkludi riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ dan il-kunċett. Minn dan isegwi li l-kliem “għajnuna soċjali” inkluż f’dan l-artikolu għandu jitqies, għall-iskopijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati membri kollha (18).

45.      Madankollu, il-Gvern Taljan ma jaqbilx. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja n-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali, huma dejjem l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddefinixxu x’jikkostitwixxi “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95.

46.      Mhux konvint minn dan l-argument. Fil-fehma tiegħi l-Gvern Taljan jinterpreta b’mod żbaljat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ASGI et (19). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” bħala li jinkludi l-“Iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma jkollux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu” (20). Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tagħti definizzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, billi tippreċiża li dan ikopri l-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi kollha (irrispettivament minn jekk humiex ċentrali jew periferika). Il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma timplika li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeċiedu b’mod awtonomu liema miżuri jikkostitwixxu għajnuna soċjali u liema ma jikkostitwixxux tali miżuri.

47.      Lanqas ma huwa rilevanti li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja finalment ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju l-kompitu li tivverifika jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali “[kinitx] tikkostitwixxi[...] benefiċċju ta’ assistenza soċjali, fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95”. Fil-fatt, dik il-qorti tar-rinviju kellha twettaq din l-evalwazzjoni “fid-dawl [tad-]definizzjoni” esposta iktar ’il fuq u mhux abbażi tad-dritt nazzjonali (21).

b)      Applikazzjoni tal-kunċett (I): il-benefiċċji ekonomiċi bħala forma ta’ għajnuna soċjali

48.      Kif semmejt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni pjuttost wiesgħa u, sa ċertu punt, miftuħa tal-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” għall-finijiet tad-Direttiva 2011/95. L-għajnuna soċjali tinkludi, evidentement, iżda ċertament ma hijiex limitata għas-“sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri” (premessa 45 ta’ din id-direttiva). Din il-premessa tidentifika dan is-sostenn u din l-assistenza bħala “benefiċċji bażiċi”.

49.      Id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi erba’ elementi prinċipali, li jikkonċernaw l-istruttura (“l-iskema”), l-oriġini (“l-awtoritajiet pubbliċi”), il-benefiċjarji (“il-persuni li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex [...]”) u l-funzjoni (li jiġu ssodisfatti l-“bżonnijiet bażiċi tal-benefiċjarju u dawk tal-familja tiegħu”) tal-għajnuna inkwistjoni. Għalkemm ma teżistix definizzjoni unika tal-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” li hija aċċettata universalment, jidhirli li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett mill-Qorti tal-Ġustizzja hija koerenti mat-tifsira ġenerali ta’ dan il-kunċett (22).

50.      F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, miżura bħad-dħul taċ-ċittadinanza taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95.

51.      Qabel kollox, din il-miżura tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet: l-ewwel nett, din hija mekkaniżmu ġenerali ta’ assistenza; it-tieni nett, din ġiet stabbilita mill-awtoritajiet; it-tielet nett, il-benefiċjarji huma biss familji fil-bżonn; u r-raba’ nett, wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha huwa l-“ġlieda kontra l-faqar”.

52.      B’mod iktar ġenerali, id-dħul taċ-ċittadinanza għandu diversi karatteristiċi li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienu ġew tipikament assoċjati ma’ miżuri ta’ għajnuna soċjali (23). B’mod partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni tipprevedi benefiċċju fi flus li huwa (i) ta’ natura mhux kontributorja, iffinanzjat mill-baġit pubbliku; (ii) suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi u sa ċertu punt jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-familja; u (iii) intiż li jipprovdi lill-persuni b’livell minimu ta’ għajxien.

53.      Dan l-aħħar element għandu, fil-fehma tiegħi, importanza partikolari. Fil-fatt, il-ħtieġa li jiġi żgurat “livell minimu ta’ għajxien” tissemma espliċitament fil-preambolu tad-Digriet Liġi bħala wieħed mill-għanijiet tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ż-żewġ komponenti tal-benefiċċju ekonomiku mogħti huma intiżi, rispettivament, a) sabiex “jikkumplimentaw id-dħul tal-familja” u (b) sabiex “jikkomplementa d-dħul tal-familji li jgħixu f’akkomodazzjoni mikrija” huwa indikazzjoni ċara tan-natura tal-miżura.

54.      Barra minn hekk, il-preambolu tad-Digriet Liġi jsemmi espressament “il-ħtieġa straordinarja u l-urġenza li tiġi prevista s-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna soċjali sabiex din issir ċerta u essenzjali, bil-għan li jiġi ddefinit mill-ġdid il-mudell ta’ protezzjoni kollettiva”(24) Il-qbil testwali bejn dan il-preambolu u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 huwa, għalhekk, evidenti.

55.      Numru ta’ karatteristiċi speċifiċi tal-benefiċċju ekonomiku stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi jikkonfermaw l-idea li tali benefiċċju huwa intiż sabiex jissodisfa l-bżonnijiet fundamentali ta’ familja. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, l-ammont tal-benefiċċju li ma ntefaqx jew li ma ġiex irtirat fix-xahar ta’ wara l-ħlas għandu, minn tal-inqas parzjalment, jitnaqqas mill-ħlas fix-xahar ta’ wara. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tad-Digriet Liġi, kif implimentat permezz ta’ digriet amministrattiv, il-benefiċċju kien jitħallas permezz ta’ kard, li ma tistax tintuża għax-xiri ta’ ċerti prodotti u servizzi (bħal, pereżempju, ġojjellerija u oġġetti oħra ta’ lussu, opri tal-arti, logħob tal-ażżard, servizzi ta’ assigurazzjoni) jew f’ċerti tranżazzjonijiet (xiri barra mill-pajjiż, online jew permezz ta’ servizzi ta’ marketing dirett).

c)      L-applikazzjoni tal-kunċett (II): L-oġġezzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-INPS

56.      Din il-konstatazzjoni dwar in-natura tal-miżura inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata mil-fatt li l-benefiċċji fi flus huma, skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi, suġġetti “kemm għad-dikjarazzjoni ta’ disponibbiltà immedjata għax-xogħol tal-membri adulti tal-familja [...] kif ukoll għall-parteċipazzjoni fi programm personalizzat ta’ sostenn għall-impjieg u għall-inklużjoni soċjali, li jinkludi s-servizz tal-komunità, it-taħriġ mill-ġdid professjonali, it-tlestija tal-istudji u impenji oħra identifikati mis-servizzi kkonċernati [...]”.

57.      Għalkemm l-iskemi ta’ għajnuna soċjali huma ta’ spiss aċċessibbli għal persuni u għal familji bi dħul baxx jew vulnerabbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi (lil hinn mill-prova tal-istatus tagħhom), l-oppost lanqas ma huwa rari. Kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha, jeżistu programmi ta’ għajnuna soċjali li jipprovdu assistenza finanzjarja lil persuni fil-bżonn, dejjem sakemm dawn jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi ta’ mġiba. Dawn jistgħu jkunu fil-qasam, pereżempju, tat-tiftix ta’ impjieg, tat-twettiq ta’ taħriġ jew ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ interess komuni. L-għan ta’ dawn il-programmi huwa it-tnaqqis tal-faqar attwali u futur permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ professjonali. Għalhekk, l-assistenza finanzjarja pprovduta hija inċentiv biex jiġu rispettati l-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Għalhekk huwa wkoll loġiku li — fi programmi bħal dawn — in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jista’ jwassal għal sospensjoni jew għal tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja (u/jew ta’ benefiċċji oħra pprovduti) (25).

58.      Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk benefiċċju ekonomiku jingħatax suġġett għal kundizzjonijiet jew mingħajr kundizzjonijiet ma hijiex importanti f’dan il-kuntest; iktar huwa importanti li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, jippromwovux l-għan aħħari tal-ġlieda kontra l-faqar billi jipprovdu għajnuna lil persuni fil-bżonn. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet huma konformi mal-għan tal-ġlieda kontra l-faqar futur billi tiżdied il-probabbiltà li l-benefiċjarji tal-iskema jsibu impjieg f’terminu qasir jew medju.

59.      Barra minn hekk, nixtieq nosserva li d-Digriet liġi jinkludi, fl-Artikolu 4(2) u(3) tiegħu, diversi kategoriji ta’ persuni (fost l-oħrajn, persuni ta’ età ta’ 65 sena jew iktar, persuni b’diżabbiltà, u persuni li qegħdin jattendu korsijiet ta’ edukazzjoni) li huma eżentati mill-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan id-Digriet Liġi. F’dawn il-każijiet, il-benefiċċju ekonomiku jingħata mingħajr ma jkun suġġett għal kundizzjonijiet.

60.      Lanqas ma nqis bħala partikolarment rilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt — enfasizzat mill-Gvern Taljan u mill-INPS — li d-dħul taċ-ċittadinanza jingħata “għal perijodu mhux interrott ta’ mhux iktar minn tmintax-il xahar”.

61.      L-għajnuna soċjali hija ta’ spiss ta’ natura temporanja peress li din hija prinċipalment ikkonċepita bħala “xibka ta’ sikurezza” għal sitwazzjonijiet speċifiċi, u mhux bħala sistema ta’ appoġġ permanenti. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-għoti ta’ tali benefiċċji — bħal fil-każ tad-dħul taċ-ċittadinanza — ikun suġġett għall-osservanza, mill-benefiċjarju, ta’ ċerti obbligi li, kif indikat iktar ’il fuq, għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess sussegwenti tiegħu għal forom oħra ta’ dħul jew ta’ appoġġ, inkluż l-impjieg. Meqjusa r-riżorsi pubbliċi kunsiderevoli involuti, huwa wkoll raġonevoli li, għal raġunijiet ta’ dixxiplina baġitarja, l-awtoritajiet jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ żmien predeterminat għal għoti ta’ dawn il-benefiċċji ekonomiċi. Għall-persuni inkwistjoni, dan iservi bħala inċentiv sabiex ikunu proattivi fl-attivitajiet tagħhom ta’ tfittxija ta’ impjieg.

62.      Fi kwalunkwe każ, nosserva li, skont l-Artikolu 3(6) tad-Digriet Liġi, id-dħul li jirriżulta d-dħul taċ-ċittadinanza “jista’ jiġġedded, suġġett għal sospensjoni ta’ pagamenti għal perijodu ta’ xahar qabel kull tiġdid”, u li “is-sospensjoni ma tapplikax għal [persuni li għandhom iktar minn 65 sena]”.

63.      Fil-fatt, il-Gvern Taljan u l-INPS jirrikonoxxu li d-dħul taċ-ċittadinanza għandu l-karatteristiċi tal-għajnuna soċjali. Madankollu, huma jsostnu li dan ma jistax jitqies li huwa biss, jew prinċipalment, għajnuna soċjali. Huma jenfasizzaw li d-dħul taċ-ċittadinanza huwa miżura kumplessa ta’ natura mħallta u jagħmlu riferiment, f’dan ir-rigward, għal żewġ sentenzi tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), kwistjoni li ser nindirizza iktar ’il quddiem.

64.      Fil-fehma tiegħi, l-istruttura kumplessa tal-miżura u n-natura mħallta tagħha ma jeskludux il-fatt li l-miżura tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95.

65.      Huwa pjuttost komuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tilħaq, bl-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda, għanijiet differenti fl-istess ħin. Skont in-natura ta’ dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur jista’ jipprova jilħaqhom fi gradi varji jew, meta dawn ikunu kunfliġġenti, jipprova jsib bilanċ ġust bejniethom. Naturalment, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tintroduċi mekkaniżmi bi struttura kumplessa li jinkludu komponenti differenti. F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom, dawn il-komponenti jistgħu jkunu awtonomi u separabbli jew, għall-kuntrarju, jkunu jifformaw ħaġa waħda koerenti u indiviżibbli.

66.      Ħafna drabi dan huwa l-każ ta’ miżuri adottati f’oqsma bħall-għajnuna soċjali, is-sigurtà soċjali u l-integrazzjoni soċjali. Pereżempju, sa mill-1974, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha, l-għanijiet tagħha u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni tista’ toqrob fl-istess ħin [kemm għas-sigurtà soċjali kif ukoll għall-għajnuna soċjali], u għalhekk tipprekludi klassifikazzjoni globali” (26). F’tali każijiet, l-interpretu tal-liġi għandu jidentifika l-funzjoni jew il-funzjonijiet predominanti tal-miżura, meta dan jista’ jinvolvi ċerti konsegwenzi taħt id-dritt tal-Unjoni (27).

67.      Madankollu, f’dan il-każ, il-miżura għandha, fil-fatt, komponenti differenti. Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-preambolu tad-Digriet Liġi, tal-għanijiet tiegħu u tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jidher evidenti, b’mod partikolari mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, li l-miżura nazzjonali inkwistjoni hija bbażata fuq żewġ pilastri tal-istess importanza: l-għoti ta’ appoġġ ekonomiku (Artikolu 3 tad-Digriet Liġi) u l-implimentazzjoni tal-patti dwar l-impjieg u l-inklużjoni soċjali (Artikolu 4 tad-Digriet Liġi). Fil-pari l-kbira tal-każijiet — iżda mhux dejjem — id-dħul taċ-ċittadinanza jservi bħala mekkaniżmu ta’ “do ut des”: l-għajnuna finanzjarja tingħata inkambju għal impenn favur l-iżvilupp personali u professjonali.

68.      Fil-fehma tiegħi, il-konklużjonijiet tiegħi huma konformi ma’ dawk tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali. Fis-sentenzi tagħha tal-2022 u tal-2025, dik il-qorti qieset, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni dwar id-dħul taċ-ċittadinanza ma setgħetx titqies li tirrigwarda biss forma ta’ għajnuna soċjali; skont dawk is-sentenzi, il-komponent tal-għajnuna soċjali, li jinstab tabilħaqq fil-miżura, huwa parti minn qafas leġiżlattiv iktar wiesa’ li għandu diversi għanijiet, b’mod partikolari dawk tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali (28).

69.      Għalkemm naqbel kompletament ma’ dawn il-konstatazzjonijiet, ma naħsibx li dawn jistgħu jitqiesu bħala ġustifikazzjoni sabiex jitqies li l-funzjoni ta’ għajnuna soċjali hija purament anċillari jew sekondarja meta mqabbla mal-funzjoni l-oħra.

70.      Il-benefiċċji ekonomiċi mogħtija lill-persuni fil-bżonn jikkostitwixxu, kif spjegajt fil-punti 48 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, element essenzjali tal-qafas ġenerali stabbilit bid-Digriet Liġi. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji (li ħafna minnhom huma persuni f’inkapaċità temporanja jew definittiva li jaħdmu), huwa l-uniku komponent tal-miżura li huwa applikabbli, peress li dawn il-persuni huma meħlusa mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi. F’dawn il-każijiet, id-dħul taċ-ċittadinanza huwa prinċipalment, jekk mhux unikament, miżura ta’ għajnuna soċjali. Dan l-element jimmilita kontra li dħul taċ-ċittadinanza jiġi kklassifikat bħala benefiċċju intiż biss, jew saħansitra b’mod predominanti, sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol (29). F’dan il-kuntest, nosserva wkoll, mingħajr ma nidħol fil-fond, li l-leġiżlazzjoni dwar id-dħul taċ-ċittadinanza ġiet ġeneralment ippreżentata lill-istampa u liċ-ċittadini, mill-Gvern li adottaha, bħala miżura li “tegħleb il-faqar” (u mhux bħala waħda li “tegħleb il-qgħad”).

71.      Fl-aħħar nett, inżid li l-importanza kbira tal-elementi eżaminati iktar ’il fuq, fl-istruttura tad-Digriet Liġi, ġiet enfasizzata wkoll kemm mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża kif ukoll mill-qorti tar-rinviju fil-kawżi magħquda CU u ND (30).       Nixtieq niċċara dan fil-punti li ġejjin.

72.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan jenfasizza li, fis-sentenza CU u ND, il-Qorti tal-Ġustizzja ma wettqet ebda evalwazzjoni dwar jekk id-dħul taċ-ċittadinanza kienx jikkostitwixxi “benefiċċju soċjali” u sempliċement ibbażat ruħha fuq dak li kienet indikat il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (31). Għandi l-impressjoni li l-Gvern Taljan jissuġġerixxi li l-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward kienet żbaljata.

73.      Madankollu, dan huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-kawżi magħquda CU u ND, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna teżamina l-miżura nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Dik id-dispożizzjoni tipprevedi li “residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:[...] sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali” (32). Bil-kontra ta’ dan, kif ġie spjegat fil-punti 43 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha. B’konsegwenza ta’ dan, il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni taħt id-dritt nazzjonali ma hijiex determinanti f’dan il-każ (33).

74.      Fl-aħħar nett, anki jekk kellu jitqies (quod non, fl-opinjoni tiegħi) li l-provvista ta’ benefiċċju ekonomiku hija biss anċillari u strumentali meta mqabbla mal-għan prinċipali tal-integrazzjoni professjonali tal-persuni kkonċernati, dawn il-benefiċċji xorta waħda ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, kif spjegajt iktar ’il fuq, (i) l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva; (ii) l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jiffaċilitaw aċċess sħiħ” għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu; u (iii) il-premessa 41 tad-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom, b’mod partikolari, sabiex jindirizzaw ir-restrizzjonijiet finanzjarji li jistgħu jipprekludu lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali milli jaċċedu għal tali attivitajiet.

75.      Dan ifisser, essenzjalment, li, li kieku kellu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju ekonomiku inkwistjoni huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, dan x’aktarx ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tal-istess direttiva. Fil-fehma tiegħi huwa pjuttost intuwittiv li l-fatt li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu esklużi minn benefiċċju ekonomiku li jingħata lil persuni l-oħra kollha fil-bżonn sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet relatati mal-aċċess għall-impjieg imur kontra l-loġika li fuqha huma bbażati l-Artikolu 26(3) u l-premessa 42 tad-Direttiva 2011/95.

76.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, benefiċċju ekonomiku tal-ġlieda kontra l-faqar bħal dak previst fl-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95.

3.      Konklużjonijiet intermedja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95

77.      Bħala konklużjoni, il-kumplessità strutturali u n-natura multidimensjonali ta’ miżura nazzjonali li tipprovdi assistenza lil persuni fil-bżonn — bħad-dħul taċ-ċittadinanza introdott bid-Digriet Liġi — ma jistgħux jeħilsu lill-interpretu mill-obbligu li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-komponenti essenzjali tagħha. Il-konsegwenza ta’ deċiżjoni li tgħid mod ieħor tkun li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 permezz ta’ dak li jista’ jiġi kklassifikat bħala multiplikazzjoni tal-liġijiet: l-istabbiliment deliberat f’saffi ta’ mekkaniżmi legali separati fi ħdan l-istess att leġiżlattiv, jew l-istabbiliment ta’ qafas leġislattiv kompost minn diversi partijiet u polifunzjonali.

78.      Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ komponenti prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-dħul taċ-ċittadinanza ma humiex biss ta’ importanza paragunabbli, iżda huma wkoll konnessi b’mod inseparabbli u komplementari.

79.      F’dan ir-rigward, ikolli nammetti li, f’ċerti mumenti matul is-seduta, kelli l-impressjoni li l-Gvern Taljan kien qiegħed jikkontradixxi lilu nnifsu, peress li huwa pprova jiċħad in-natura soċjali tal-miżura nazzjonali billi jenfasizza l-elementi tagħha marbuta mal-aċċess għall-impjieg, biex iktar tard jiċħad n-natura tagħha ta’ għajnuna għall-aċċess għall-impjieg billi enfasizza l-elementi ta’ natura soċjali tagħha. Minn perspettiva metaforika, kelli l-impressjoni li dan il-gvern kien qiegħed jargumenta li 1 + 1 jgħoddu għal żero, filwaqt li, bħal fl-aritmetika, f’din il-kawża, 1 + 1 għandhom jgħoddu għal 2.

80.      Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ komponenti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95: (i) l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi sa fejn dawn huma attivitajiet relatati mal-“aċċess għall-impjieg” fis-sens tal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva u (ii) il-benefiċċji ekonomiċi previsti fl-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi sa fejn dawn huma “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 29 tal-istess direttiva.

4.      Id-diskriminazzjoni indiretta

81.      Il-kliem tal-Artikolu 26 (“taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali”) u dak tal-Artikolu 29 (“kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru”) tad-Direttiva 2011/95 jagħmilha ċara li ż-żewġ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

82.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (34). Dan il-prinċipju ma jipprojbixxix biss id-diskriminazzjoni evidenti, iżda wkoll il-forom kollha moħbija tagħha li, filwaqt li tkun ibbażata fuq kriterji ta’ distinzjoni apparentement newtrali, fl-aħħar mill-aħħar tipproduċi l-istess effetti diskriminatorji (35).

83.      Fis-sentenza CU u ND, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li kundizzjoni ta’ residenza bħal dik eżaminata tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatus ta’ residenza fit-tul meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat (36). L-istess konklużjoni għandha, evidentement, tinsilet f’din il-kawża f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

84.      B’parafrażi ta’ dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza CU u ND, ir-rekwiżit ta’ residenza “[j]affettwa prinċipalment lil dawk li ma humiex ċittadini fosthom [il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali]”.

85.      Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija, prima facie, newtrali fir-rigward tan-nazzjonalità, ir-rekwiżit ta’ residenza ta’ għaxar snin irendi l-applikazzjoni tagħha mhux ugwali. Il-maġġoranza taċ-ċittadini Taljani jissodisfaw dan ir-rekwiżit u l-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali ma jisodisfawhx, anki jekk il-ħtiġijiet tagħhom f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-għajnuna soċjali huma paragunabbli.

86.      Miżura nazzjonali bħad-dħul taċ-ċittadinanza hija għalhekk indirettament diskriminatorja fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

5.      Ġustifikazzjoni

87.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità hija, bħala prinċipju, ipprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Sabiex titqies li hija ġġustifikata, tali diskriminazzjoni għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (37).

88.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan isostni li miżura bħal dik inkwistjoni tinvolvi investiment sinjifikattiv ta’ riżorsi ekonomiċi. Din il-miżura tmur lil hinn minn sempliċi allokazzjoni finanzjarja mogħtija lill-familji fil-bżonn, peress li hija akkumpanjata minn spejjeż addizzjonali, b’mod partikolari dawk relatati mal-istabbiliment ta’ struttura organizzattiva xierqa biex tiġi żgurata l-effettività tal-patti konklużi mill-benefiċjarji mal-uffiċji tal-impjieg, kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżenzjonijiet mit-taxxa u mill-kontribuzzjonijiet soċjali mogħtija lill-kumpanniji li jirreklutaw lill-benefiċjarji.

89.      Il-Gvern Taljan isostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa raġonevoli li l-leġiżlatur nazzjonali jillimita l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument kumpless biss għall-individwi stabbiliti sew fi ħdan il-komunità nazzjonali u li jistgħu jitqiesu bħala l-membri permanenti tagħha. L-obbligu ta’ residenza fit-tul impost fuq il-benefiċjarji tad-dħul taċ-ċittadinanza huwa intrinsikament marbut mal-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta ġenwina bejn dawn il-benefiċjarji u l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat.

90.      Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix.

91.      L-ewwel nett, huwa pjuttost naturali li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li jippromwovu l-aċċess għall-impjieg u l-għoti ta’ għajnuna soċjali tkun għalja kemm f’termini ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll f’termini ta’ riżorsi amministrattivi (38). Dan huwa element li minnu kellu neċessarjament ikun konxju l-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2011/95, madankollu huwa ddeċieda li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali. Ir-riferiment għan-neċessità li l-Istati Membri jagħmlu sforzi, b’mod partikolari, sabiex jindirizzaw ir-restrizzjonijiet finanzjarji li jistgħu jipprekludu lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali milli jkollhom aċċess għal tali attivitajiet juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien tabilħaqq konxju mill-fatt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/95 kienet tinvolvi ċerti spejjeż għat-Teżor Pubbliku.

92.      Jekk l-argumenti tal-Gvern Taljan ibbażati fuq l-ispejjeż tal-miżura jkollhom jiġu aċċettati, dan ikun jammonta, de facto, għall-introduzzjoni ta’ deroga mhux miktuba mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95. Deroga li jkollha, fl-opinjoni tiegħi, kamp ta’ applikazzjoni pjuttost vag li jdgħajjef l-għan tad-Direttiva li jiġi żgurat “li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha” (39).

93.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ayubi, id-drittijiet mogħtija mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 (li jinkludi l-Artikoli 26 u 29 tagħha) “jistgħu jiġu limitati biss f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu, b’tali mod li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jżidu restrizzjonijiet li ma jidhrux fl-istess kapitolu” (40). La l-Artikolu 26 u lanqas l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 ma jissuġġettaw id-drittijiet inkwistjoni għat-tul tar-residenza tal-applikanti fl-Istat Membru kkonċernat (41).

94.      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet li jeżistu fl-ordinament legali nazzjonali tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (42). Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-iżgurar ta’ osservanza sħiħa tar-regoli tal-Unjoni jista’ jkun jinvolvi l-adozzjoni jew l-emendar ta’ miżuri kumplessi u/jew għaljin ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli (43).

95.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-hekk imsejjaħ turiżmu soċjali — li għaliha għamel riferiment, diversi drabi, il-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tiegħu — hija wkoll irrilevanti f’dan il-każ.

96.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jagħtix aċċess illimitat għas-sistemi nazzjonali ta’ għajnuna soċjali lill-persuni mhux attivi ekonomikament. B’konsegwenza ta’ dan, id-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ħaddiema huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva, sabiex ma jsirux piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (44).

97.      Skont dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-għajnuna soċjali liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mhux attivi ekonomikament u li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-għan biss li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru ieħor u li ma għandhom ebda dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti bbażat fuq dispożizzjonijiet tal-Unjoni (45).

98.      Soluzzjoni differenti toħloq piż intollerabbli fuq il-finanzi tal-Istati Membri li għandhom politika iktar ġeneruża fil-qasam tal-benefiċċji soċjali. Dan, min-naħa tiegħu, jirriskja li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jidħlu “f’tiġrija għall-iktar livell baxx” f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-għajnuna soċjali (46).

99.      Madankollu, is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti ħafna mis-sitwazzjonijiet eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi relatati mat-turiżmu soċjali, u r-raġunament segwit f’din il-ġurisprudenza ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

100. Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma għandhomx libertà ta’ moviment mingħajr restrizzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-moviment tagħhom huwa fil-parti l-kbira limitat għall-Istat Membru li tahom protezzjoni internazzjonali (47).

101. Barra minn hekk, il-fatt li l-persuni kkonċernati ngħataw protezzjoni internazzjonali jfisser li d-dħul tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma kienx immotivat minn intenzjoni ta’ sfruttament tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, iżda pjuttost minn biża’ fondata ta’ persekuzzjoni jew riskju reali li jsofru dannu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (48). L-istatus ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma huwiex permanenti; fil-fatt, meta persuna ma tibqax refuġjata jew meta ma tkunx iktar intitolata għall-protezzjoni sussidjarja, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jirrevoka, itemm jew jirrifjuta li jġedded l-istatus tagħha (49). Dan jista’ jkun jinvolvi r-revoka tal-permess ta’ residenza u r-ritorn tal-individwu kkonċernat lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu, anki kontra r-rieda tiegħu (dejjem sakemm jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement) (50).

102. Minn dan isegwi li l-impożizzjoni fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali tal-obbligu li juru li huma stabbiliti fis-sod fl-Istat Membru kkonċernat, jew tal-obbligu li jipprovaw l-eżistenza ta’ rabta reali u suffiċjentement stretta mal-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95, hija manifestament irraġonevoli u tmur kontra l-għanijiet u l-ispirtu ta’ din id-direttiva.

103. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nikkonstata li l-allegati ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Gvern Taljan insostenn tal-miżura nazzjonali inkwistjoni huma infondati biżżejjed u ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni legali previsti mid-dritt tal-Unjoni applikabbli. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

6.      Riżerva dwar il-“benefiċċji bażiċi

104. Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan isostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis li d-dħul taċ-ċittadinanza huwa skema ta’ għajnuna soċjali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, għaldaqstant dan ma għandux jitqies bħala “benefiċċju bażiku” fis-sens tal-Artikolu 29(2) u tal-premessa 45 ta’ din id-direttiva.

105. L-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li, b’deroga mir-regola ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, “l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali”. Min-naħa tagħha, il-premessa 41 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi li, “[f]ir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji bażiċi lil benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li tiġi limitata dik it-tip ta’ assistenza għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem li tkopri mill-inqas is-sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawk il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”

106. Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, l-ewwel nett, deroga mir-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament hija possibbli fir-rigward ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja (iżda mhux fir-rigward ta’ refuġjati). F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali huma ċerti forom minnhom li jistgħu jingħataw lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali ma hijiex assoluta, peress li f’kull każ huma għandhom jagħtu “benefiċċji bażiċi” lil dawn il-benefiċjarji. Dan il-kunċett ikopri, mill-inqas, sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri. B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “benefiċċji bażiċi” għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal “benefiċċji li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa” (51).

107. Il-kliem tal-preambolu tad-Digriet Liġi (li jirreferi għall-ħtieġa li jiġi pprovdut livell minimu ta’ għajxien) u tal-Artikolu 1(1) tiegħu (li jgħid li d-dħul taċ-ċittadinanza “jikkostitwixxi livell ta’ benefiċċju essenzjali fil-limiti tar-riżorsi disponibbli”) jidher li huwa konsistenti mal-idea li l-miżura inkwistjoni tikkonċerna benefiċċji bażiċi. Barra minn hekk, il-limiti relattivament baxxi tad-dħul annwali massimu meħtieġa sabiex il-familji jibbenefikaw mill-miżura jkomplu jikkorroboraw din il-konklużjoni (52).

108. Fl-istess ħin, madankollu, jekk jeżistu miżuri nazzjonali oħra li jipprovdu, lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, benefiċċji bażiċi f’livell li jiżgura r-rispett tad-dinjità tal-bniedem (53), f’dan il-każ, l-awtoritajiet Taljani jistgħu legalment jeskludu lil dawn il-persuni (inkluża r-rikorrent fil-kawża prinċipali) mill-benefiċċji ekonomiċi mid-dħul taċ-ċittadinanza.

109. Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan intalab jindika l-miżuri implimentati sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit. It-tweġiba tiegħu kienet pjuttost vaga u ma għamlet riferiment għal ebda miżura speċifika. Hija sempliċement indikat li kienu jeżistu diversi miżuri, adottati fuq livell reġjonali u lokali, li kienu suffiċjenti sabiex il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja jingħataw il-benefiċċji bażiċi previsti fid-Direttiva 2011/95.

110. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li ma huwiex possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk miżura bħad-dħul taċ-ċittadinanza taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji bażiċi” previst fl-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95 u, bħala tali, tistax legalment tiġi rrifjutata lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.

111. Fl-aħħar nett, inżid biss li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95 huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali, il-fatt, enfasizzat waqt is-seduta mill-Kummissjoni, li l-Gvern Taljan ma ddikjarax minn qabel li jrid juża d-deroga prevista fih ma huwiex determinanti. Id-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix tali rekwiżit. Naturalment jiena konxju mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha dwar strumenti legali simili, tat ċertu piż lil dan l-element (54). Madankollu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali li tagħmilha conditio sine qua non għall-applikazzjoni tad-deroga, ma naħsibx li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti importanza eċċessivament sinjifikattiva lil dan l-element.

V.      Konklużjoni

112. Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale ordinario di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo) tkun li:

L-Artikoli 26 u 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess, mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal attivitajiet intiżi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg, minn naħa, u għal ċerti forom ta’ għajnuna soċjali, min-naħa l-oħra, għall-kundizzjoni li jkunu ilhom residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal mill-inqas għaxar snin, li l-aħħar sentejn minnhom għandhom ikunu konsekuttivi; u li

–        ma jipprekludux leġiżlazzjoni li ma tagħtix lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja aċċess għal forom ta’ għajnuna soċjali li ma jikkostitwixxux benefiċċji bażiċi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024 (C‑112/22 u C‑223/22, EU:C:2024:636) iktar ’il quddiem is-“sentenza CU u ND”).


3      Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). L-Artikolu 11 tagħha jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li r-residenti għat-tul igawdu minn trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, s-“sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali”.


4      L-Artikolu 34 tal-Karta huwa intitolat “Sigurtà soċjali u assistenza soċjali”.


5      Ara l-punti 33 sa 59 tas-sentenza CU u ND.


6      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


7      GURI Nru 23, tat‑28 ta’ Jannar 2019.


8      GURI Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 2019.


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CU u ND, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


10      Ibid, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      GURI Nru 303, tad‑29 ta’ Diċembru 2022.


12      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 33); u d-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punti 34 u 35).


13      ĠU L, 2024/1347.


14      Korsiv miżjud minni.


15      Korsiv miżjud minni.


16      Korsiv miżjud minni.


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, b’analoġija, ibid, punti 20 u 21.


19      Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021 (C‑462/20, EU:C:2021:894).


20      Ibid., punt 34.


21      Ibid., punt 35.


22      Ara, pereżempju, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), “Universal social protection for Climate Action and a fair Transition”, World Social Protection Report 2024–26 p. 15 u 165. Ara wkoll, b’diversi referenzi, Vonk G. u Olivier, M., “The fundt right of social assistance: A global, a regional (Europe and Africa) and a national perspective (Germany, the Netherlands and South Africa)”, European Journal of Social Security, Vol. 21(3), 2019, p. 219 sa 240.


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punti 55 u 60); u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punti 70 u 71). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Effetti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija) (C‑719/19, EU:C:2021:104, punt 101); u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża S (C‑411/20, EU:C:2021:1017, punt 52).


24      Korsiv miżjud minni.


25      Ara, pereżempju, Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, SMedgyesi, M., “Conditional cash transfers and their impact on children”, Synthesis Report, l-Uffiċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2016; UNICEF, “Conditionality in cash transfers: UNICEF’s approach”, Social Inclusion Summaries, 2016; Rinaldi, F.M., Leone, L., ‘Conditional cash transfers in OECD countries: a realist synthesis’, Frontiers in Sociology, 2023 (kollha disponibbli online).


26      Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 1974, iBiason (24/74, EU:C:1974:99, punt 9).


27      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 45).


28      Sentenzi Nru 19 tal‑25 ta’ Jannar 2022 (“fid-dritt”, punt 3, punt 3.2 tal-konklużjonijiet fuq punti ta’ liġi), u Nru 31 tal‑20 ta’ Marzu 2025 (punt 7 tal-konklużjonijiet fuq punti ta’ liġi).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punti 43 u 45).


30      Ara l-punti 17 u 18.


31      Ibid., punti 39 sa 41.


32      Korsiv miżjud minni.


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 14).


34      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 54).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CU u ND, punt 48.


36      Punti 49 sa 52 ta’ dik is-sentenza.


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CU u ND, punt 53.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Ayubi (C‑713/17, EU:C:2018:929, punt 34).


39      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95.


40      Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018 (C‑713/17, EU:C:2018:929, punt 27).


41      Ara, f’dan is-sens, ibid., punt 28).


42      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (30/72, EU:C:1973:16, punti 10 u 11); tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑367/98, EU:C:2002:326, punt 52); u tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827, punt 39).


44      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 45(1) tal-Karta.


45      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), u tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597).


46      Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża van der Helder u Farrington (C‑321/12, EU:C:2013:406, punti 46 sa 49).


47      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l‑14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).


48      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva 2011/95.


49      Ara l-Artikoli 11, 14, 16 u 19 tad-Direttiva 2011/95.


50      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2017, Krasniqi vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2017:0425JUD004169712), u tal‑15 ta’ April 2021, K.I. vs Franza (CE:ECHR:2021:0415JUD000556019). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawżi magħquda Salahadin Abdulla (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2009:551, punt 45).


51      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CU u ND, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


52      Ara l-Artikolu 2(1) u (4) tad-Digriet Liġi: fil-qosor, skont iċ-ċirkustanzi, EUR 6 000, EUR 7 560 jew EUR 9 360 — ammonti li għandhom jiġu aġġustati skont in-numru u l-istatus tal-persuni li jiffurmaw il-familja.


53      Prinċipju li l-importanza tiegħu hija enfasizzata fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll l-Artikolu 34(3) tal-Karta, li jirrikonoxxi “d-dritt għal għajnuna soċjali [...] sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.” (korsiv miżjud minni).


54      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); u s-sentenza CU u ND, punt 42.