Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)
Kawża C‑727/22
Friends of the Irish Environment CLG
vs
Government of Ireland et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda)
“Rinviju għal domanda preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni strateġika ambjentali – Project Ireland 2040 – National Planning Framework (Qafas tal-ippjanar nazzjonali) – National Development Plan (Pjan Nazzjonali ta’ Żvilupp) – Pjanijiet u programmi finanzjarji jew baġitarji – Identifikazzjoni, deskrizzjoni, u evalwazzjoni tal-alternattivi raġonevoli – Effetti fuq l-ambjent tal-alternattivi maħsuba”
I. Introduzzjoni
1. Id-Direttiva SEA (SEA għal stima strateġika dwar l-effetti fuq l-ambjent) (2) tirregola l-evalwazzjoni ambjentali fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi. Għalkemm din ta’ spiss diġà kienet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, għad hemm kwistjonijiet pendenti u ta’ importanza kbira. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda tnejn minnhom, jiġifieri, minn naħa, l-importanza ta’ deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-pjanijiet u l-programmi finanzjarji jew tal-estimi u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-alternattivi għall-pjan jew għall-programm finalment adottat. B’mod partikolari, il-kwistjoni tal-eżami tal-alternattivi hija wkoll rilevanti fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, li jipprevedu wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ alternattivi.
2. Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni ambjentali kontra żewġ miżuri ta’ ppjanar globali tal-iżvilupp tal-Irlanda. Il-kwistjoni dwar jekk waħda minn dawn iż-żewġ miżuri taqax taħt l-imsemmija deroga u jekk, waqt l-evalwazzjoni ambjentali tat-tieni miżura, l-effetti tal-alternattivi fuq l-ambjent ġewx studjati b’mod suffiċjenti, hija kontroversjali.
II. Il-kuntest ġuridiku
3. Qabel ma adottat id-Direttiva SEA, l-Unjoni kienet diġà kkonkludiet in-negozjati tal-Protokoll ta’ Kiev dwar l-evalwazzjoni strateġika ambjentali tal‑2003 (3). Xorta jibqa’ l-fatt li, skont id-dikjarazzjoni tal-Unjoni, id-Direttiva timplimenta l-Protokoll permezz tal-approvazzjoni tagħha u li l-premessa 7 tad-Direttiva diġà tantiċipa dan il-Protokoll.
4. L-għanijiet tad-Direttiva SEA jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha:
“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”
5. Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva SEA:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:
– li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
– li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.
6. L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni strateġika ambjentali strateġika huwa previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA:
“1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
a) li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp talproġetti elenkati fl-Annessi I u II (tad-Direttiva 85/337/KEE (4)), jew
(b) li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE (5).
[…]”
8. Il-pjanijiet u l-programmi li ġejjin mhumiex suġġetti għal din id-Direttiva:
– il-pjanijiet u l-programmi li l-għan ewlieni tagħhom hu li jservu d-difiża nazzjonali jew l-emerġenza ċivili,
– il-pjanijiet u l-programmi finanzjarji jew tal-estimi.
9. Din id-Direttiva ma tgħoddx għall-pjanijiet u l-programmi ko-finanzjati taħt il-perjodu ta’ programmar kurrenti rispettiv tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 u (KE) Nru 1257/1999.”
7. L-Artikolu 5 tad-Direttiva SEA jikkonċerna l-kontenut tal-evalwazzjoni ambjentali u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-alternattivi:
“1. Meta stima ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I.
2. Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni li tista’ tkun mitluba b’mod raġonevoli meta jkunu ikkunsidrati l-għarfien u l-metodi ta’ stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettal fil-pjan jew fil-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sa fejn ċerti materji jkunu stmati b’mod aktar xieraq fil-livelli differenti f’dak il-proċess sabiex ikun evitat duplikazzjoni ta’ l-istima.
3. […]”
8. L-Anness I tad-Direttiva SEA jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5:
“L-informazzjoni li għandha tingħata taħt l-Artikolu 5(1), suġġetta għall-Artikolu 5(2) u (3), hi din li ġejja:
[...]
(h) qafas tar-raġunijiet għall-għażla ta’ l-alternattivi maħsuba, u deskrizzjoni ta’ kif l-istima saret inklużi xi diffikultajiet (bħal defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta’ għerf) li wieħed iltaqa’ magħhom fil-ġbir ta’ l-informazzjoni meħtieġa;
[…].”
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
9. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kontra ż-żewġ partijiet tal-Project Ireland 2040, adottat mill-Gvern Irlandiż fis‑16 ta’ Frar 2018 u “ikkonfermat” permezz ta’ deċiżjoni ulterjuri tad‑29 ta’ Mejju 2018. Dan il-proġett jinkludi żewġ miżuri: in-National Planning Framework (il-Qafas tal-Ippjanar Nazzjonali, iktar ’il quddiem in-“NPF”), li jiddeskrivi b’mod astratt ħafna l-għanijiet ta’ żvilupp tal-Irlanda, u n-National Development Plan (il-Pjan Nazzjonali ta’ Żvilupp, iktar ’il quddiem: in-“NDP”), li jinkludi dikjarazzjonijiet dwar il-finanzjament mill-Istat ta’ ċerti proġetti f’dan il-kuntest.
10. Meta kien ippubblikat, il-Project Ireland 2040 ġie deskritt fid-daħla bħala l-implimentazzjoni ta’ pjan uniku u awtonomu għall-użu u għall-iżvilupp tal-art fil-pajjiż. Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ikklassifikatu bħala “strateġija makrospazjali li tiddefinixxi għall-pajjiż għanijiet ġenerali ta’ żvilupp għall-perijodu sal‑2040”.
11. L-abbozz tan-NPF u s-SEA Environmental Report (ir-Rapport SEA dwar l-Ambjent) ġew ippubblikati fis‑26 ta’ Settembru 2017. Id-daħla tan-NPF tiddeskrivih bħala “l-qafas ta’ ppjanar biex jiggwida l-investimenti fl-iżvilupp fis-snin li ġejjin”, li jiddefinixxi “għanjiet nazzjonali u prinċipji ewlenin” li “fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu segwiti dettalji addizzjonali u pjanijiet iktar differenzjati”. In-NPF ma jistabbilixxix espressament id-dettalji kollha ta’ kull parti tal-pajjiż, iżda “jippermetti lil kull reġjun jieħu t-tmexxija fl-ippjanar u l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali tiegħu”.
12. Id-daħla tan-NPF tindika wkoll li dan id-dokument huwa “kkompletat” min-NDP ippubblikat flimkien miegħu, li jikkostitwixxi “strateġija fuq għaxar snin ta’ investiment pubbliku li tammonta għal kważi 116 biljun euro”. In-NDP huwa pjan ta’ investiment. Huwa għandu l-għan li jiżgura u jappoġġja l-implimentazzjoni tan-NPF permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ investimenti kapitali billi jiddefinixxi l-mod li bih il-fondi huma disponibbli għal proġetti speċifiċi, li huma meqjusa essenzjali biex jintlaħqu l-għanjiet strateġiċi stabbiliti fin-NPF. In-NDP isemmi proġetti infrastrutturali importanti, bħall-infrastrutturi ferrovjarji, tat-toroq u tal-ajruport, li se jiġu ffinanzjati min-NDP. Dan ma jindirizzax kunsiderazzjonijiet relatati mal-ippjanar u mal-iżvilupp.
13. Friends of the Irish Environment tikkontesta l-validità tal-adozzjoni taż-żewġ pjanijiet. Insostenn tal-argument tagħha, hija ssostni li r-rekwiżiti tad-Direttiva SEA ma ġewx osservati. Fir-rigward tan-NPF, it-trattament ta’ alternattivi raġonevoli meħtieġa mid-Direttiva kien insuffiċjenti.
14. Kwistjoni li loġikament trid tiġi ttrattata preliminarjament skont is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) hija jekk in-NPF u/jew in-NDP jikkostitwixxux “pjan jew programm” fis-sens tad-Direttiva. Il-konvenuti jesponu li, għalkemm in-NPF ġie eżaminat fid-dawl tad-Direttiva SEA, huwa ma għamilx dan abbażi ta’ obbligu legali. Fil-fatt, indipendentement minn dan, huma jsostnu li, tal-inqas, in-NDP huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA bħala suġġett tal-“politika baġitarja”.
15. Din il-proċedura issa tinsab pendenti fit-tielet istanza quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1. L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva SEA], moqri flimkien mal-Artikolu 3(2)(a), għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata mill-eżekuttiv ta’ Stat Membru, mhux abbażi ta’ obbligu legali jew amministrattiv, u lanqas abbażi ta’ miżura leġiżlattiva, amministrattiva jew regolatorja, tista’ tikkostitwixxi pjan jew programm irregolat mid-Direttiva, meta l-pjan jew il-programm adottat b’dan il-mod jistabbilixxi qafas li fil-kuntest tiegħu t-twettiq ta’ ċerti proġetti jista’ jiġi awtorizzat jew irrifjutat fil-futur u jissodisfa għalhekk il-kriterju indikat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva?
2.a) L-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva SEA], moqri flimkien mal-Artikolu 3(8) u (9) tal-imsemmija Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew programm li jinkludi regoli speċifiċi, għalkemm deskritti bħala ‘indikattivi’, għall-allokazzjoni tal-fondi għat-twettiq ta’ ċerti proġetti infrastrutturali bil-għan li jsostni l-istrateġija ta’ żvilupp tat-territorju ta’ pjan ieħor, li min-naħa tiegħu jikkostitwixxi l-bażi ta’ strateġija ta’ żvilupp futur tat-territorju, jista’ fih innifsu jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-[Direttiva SEA]?
2.b) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, il-fatt li pjan li għandu bħala l-għan tiegħu l-allokazzjoni ta’ riżorsi jfisser li għandu jitqies bħala pjan finanzjarju fis-sens tal-Artikolu 3(8) tad-[Direttiva SEA]?
3.a) L-Artikolu 5 tad-[Direttiva SEA], moqri flimkien mal-Anness I tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun meħtieġa evalwazzjoni ambjentali abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva SEA], ir-rapport ambjentali previst fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva għandu, meta jiġu identifikati alternattivi raġonevoli għal għażla ppreferuta, jinkludi għal finijiet ta’ paragun evalwazzjoni tal-għażla ppreferuta u tal-alternattivi raġonevoli?
3.b) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, ir-rekwiżit impost mid-[Direttiva SEA] ikun issodisfatt meta l-alternattivi raġonevoli jiġu evalwati għal finijiet ta’ paragun qabel is-selezzjoni tal-għażla ppreferuta, u meta mbagħad l-abbozz tal-pjan jew tal-programm jiġi evalwat u titwettaq evalwazzjoni strateġika dwar l-impatt ambjentali (ESA) b’mod iktar iddettaljat biss fir-rigward tal-għażla ppreferuta?”
16. Friends of the Irish Environment, l-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali waqt is-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2023.
IV. Analiżi ġuridika
17. F’dan li ġej, ser niffoka fuq it-tieni u fuq it-tielet domanda, peress li r-risposta għall-ewwel domanda issa tirriżulta mill-ġurisprudenza (6). Skont din il-ġurisprudenza, anki l-miżuri li għall-adozzjoni tagħhom ma jeżisti l-ebda obbligu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn “huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”, kif jeżiġi t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva SEA.
18. Permezz tat-tieni domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk waħda miż-żewġ miżuri, jiġifieri n-NDP, tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA (ara taħt il-parti A). It-tielet domanda tikkonċerna l-eżami tal-alternattivi skont l-Artikolu 5(1) fil-kuntest tal-miżura l-oħra, in-NPF (ara taħt il-parti B).
A. Fuq it‑tieni domanda – L‑allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji
19. It-tieni domanda tikkonċerna l-klassifikazzjoni tan-NDP. Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tixtieq tkun taf jekk dan huwiex effettivament pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA (ara l-punt 1) u, f’dan il-każ, jekk jaqax taħt id-deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA għall-“pjanijiet u l-programmi finanzjarji jew tal-estimi” prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva SEA (ara, f’dan is-sens, il-punt 2).
1. In-NDP bħala qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur
20. Il-punt (a) tat-tieni domanda jirreferi għall-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 3(8) u (9) tad-Direttiva SEA. Madankollu, skont il-motivazzjoni tad-domanda (7), is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) effettivament tixtieq tkun taf jekk id-deroga skont l-Artikolu 3(8) hijiex rilevanti jew jekk l-obbligu ta’ evalwazzjoni tan-NDP diġà tneħħa peress li ma jiddefinixxix kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a).
21. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-pjanijiet u l-programmi relatati ma’ ċerti setturi huma suġġetti għall-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali meta dawn jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
22. F’dan ir-rigward, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) targumenta b’mod partikolari għad-dipendenzi ewlenin (path dependency) (8) tal-iżvilupp tal-infrastrutturi, li huwa kopert mill-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji min-NDP. Fil-fatt, il-finanzjament ta’ ċerti miżuri ta’ infrastruttura jista’ jikkostitwixxi kundizzjoni għal proġetti infrastrutturali oħra li jiddependu mill-miżuri msemmija l-ewwel, filwaqt li proġetti infrastrutturali oħra huma għalhekk, fil-fatt, esklużi.
23. Pereżempju, meta awtostrada, mingħajr il-linja ferrovjarja, tkun iffinanzjata minn żewġ postijiet, dan jippermetti jew jappoġġja ċerti toroq addizzjonali li jikkumpensaw għan-network tat-toroq. Min-naħa l-oħra, għal ċerti proġetti ferrovjarji oħra, il-kundizzjonijiet jistgħu ma jiġux issodisfatti minħabba li ma jkunx hemm konnessjoni man-network mingħajr il-linja ferrovjarja. Barra minn hekk, miżuri oħra, bħall-għażliet tal-lokalizzazzjoni tal-impriżi jew l-estensjoni tal-kostruzzjoni ta’ djar, se jkunu ispirati mill-proġetti ta’ infrastruttura.
24. B’hekk, għalkemm l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji jista’ jkollha effett fuq l-għoti ta’ proġetti, wieħed jista’ jistaqsi, għal żewġ raġunijiet, jekk, permezz ta’ tali allokazzjoni, in-NDP jiddefinixxix qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti. L-ewwel nett, hemm dubji dwar in-natura vinkolanti tan-NDP u, it-tieni nett, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji bħala tali ma hijiex sistema li taqa’ taħt il-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
a) Natura vinkolanti tal‑pjanijiet u tal‑programmi
25. Kif ġustament tenfasizza l-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss il-miżuri li għandhom tal-inqas ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal proġett li għandhom jiddefinixxu l-qafas li taħtu tista’ tiġi awtorizzata l-implimentazzjoni ta’ proġetti (9). Fil-fatt, huma biss l-atti ta’ natura obbligatorja li jistgħu jillimitaw il-marġni ta’ evalwazzjoni li dawn l-awtoritajiet għandhom u b’hekk li jeskludu mill-modalitajiet tal-implimentazzjoni proġetti li jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-ambjent, raġuni li għaliha tali atti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (10). Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet li għandhom valur purament indikattiv (11) jew li għandhom ċerta influwenza fuq il-lokalizzazzjoni tal-proġetti (12) ma jistabbilixxux qafas fil-qasam tal-awtorizzazzjonijiet.
26. Għalhekk, l-Irlanda tqis li n-NDP ma huwiex vinkolanti biżżejjed biex jiddefinixxi qafas għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti.
27. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, fid-domanda tagħha, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tikklassifika n-NDP bħala miżura li tipprevedi regoli msejħa “indikattivi” għall-allokazzjoni ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ infrastruttura. Fil-fatt, għalkemm in-NDP issemmi numru kbir ta’ proġetti kif ukoll riżorsi finanzjarji li għandhom jiġu allokati lilhom, dawn huma biss għall-finijiet illustrattivi. Fil-każijiet kollha, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-ippjanar u tal-osservanza tal-liġijiet l-oħra kollha fis-seħħ fil-qasam tal-ambjent (13).
28. Għaldaqstant, anki l-allokazzjoni mhux vinkolanti ta’ finanzjament lil ċerti miżuri ta’ infrastruttura, fis-sens indikat iktar ’il fuq, tista’ jinfluwenza l-iżvilupp ta’ miżuri oħra ta’ infrastruttura kif ukoll proġetti oħra; dan huwa punt, li Friends of the Irish Environment tindika insostenn tat-teżi tagħha. Skont jekk il-miżuri infrastrutturali meħtieġa sussegwentement għandhomx ikunu mistennija jew le, se jkun hemm ukoll miżuri oħra ta’ infrastruttura u żvilupp li jiddependu fuqhom.
29. Il-fatt li tali effetti jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali huwa għalhekk konformi mal-għan tad-Direttiva SEA. Fil-fatt, din hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-effetti tal-miżuri fuq l-ambjent jiġu eżaminati u meħuda inkunsiderazzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni (14).
30. Madankollu, l-effett tad-dikjarazzjonijiet mhux vinkolanti dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ma huwiex differenti minn dak ta’ dikjarazzjonijiet oħra mhux vinkolanti fil-qasam tal-ippjanar jew tal-programm li għadhom ma jeħtiġux evalwazzjoni ambjentali.
31. Pereżempju, meta gvern iħabbar l-intenzjoni tiegħu li joħloq il-kundizzjonijiet għal ċerti miżuri infrastrutturali, iżda dan l-avviż għadu ma jorbotx lill-awtoritajiet, dan għadu ma jikkostitwixxix rekwiżit li jista’ diġà jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni ambjentali tagħmel parti mill-proċedura intiża li toħloq dawn il-kundizzjonijiet.
32. Ċertament, tali dikjarazzjonijiet iqajmu dubji jekk, fil-mument tal-evalwazzjoni ambjentali, għad hemm il-possibbiltà tal-għażla (15), peress li dawn tal-inqas jagħtu l-apparenza li r-riżultat diġà ġie deċiż. Madankollu, f’soċjetà demokratika, għandu jkun possibbli li jiġu diskussi l-intenzjonijiet u l-għanijiet mingħajr il-ħtieġa li dawn il-kontributi għad-diskussjoni jkunu soġġetti għal evalwazzjoni ambjentali. Din hija d-differenza bejn l-istabbiliment ta’ qafas u d-diskussjoni dwar id-definizzjoni tiegħu.
33. Teżisti l-impressjoni li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ma hijiex vinkolanti, u din hija kkonfermata quddiem il-qrati nazzjonali, għandu għalhekk jiġi eskluż, anki jekk biss għal din ir-raġuni, li n-NDP jiddefinixxi qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.
b) Qafas ta’ awtorizzazzjoni tal‑proġetti
34. Barra minn hekk, min-natura tagħha stess, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji – anki jekk titqies li hija vinkolanti – ma toħloqx, fiha nnifisha, qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti.
35. Skont ġurisprudenza stabbilita, b’tali qafas, għandhom jinftiehmu l-atti li jistabbilixxu, billi jiddefinixxu regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (16). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dawn il-kriterji u modalitajiet fis-sens li jinkludu l-lokalizzazzjoni, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament ta’ tali proġetti jew l-użu ta’ riżorsi marbuta magħhom (17).
36. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji tista’ tkun parti mill-qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, peress li tikkonċerna l-użu tar-riżorsi. Madankollu, din l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinftiehem fis-sens li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji tagħmel parti mill-kuntest, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA.
37. Kif tindika ġustament il-Kummissjoni, din ir-referenza tirriproduċi litteralment il-konkretizzazzjoni tal-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminati l-effetti sinjifikattivi probabbli fuq l-ambjent fl-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva SEA. Dan il-kriterju tal-użu tar-riżorsi huwa relatat mal-għan ta’ użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali li jinsab fil-premessa 1 tad-Direttiva SEA u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE. Għalhekk, dawn huma riżorsi bħall-ilma, l-art jew il-materja prima (18), li l-użu tagħhom għandu influwenza diretta fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ riżorsi finanzjarji huwa marbut biss indirettament ma’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
38. Għalhekk, minflok ma jiġi eżaminat il-finanzjament ta’ proġett, għandhom jiġu eżaminati biss il-miżuri dwar il-lokalizzazzjoni, in-natura u d-daqs tiegħu kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ tħaddim tiegħu jew l-użu ta’ riżorsi naturali marbuta miegħu. Min-naħa l-oħra, eżami addizzjonali tad-deċiżjoni ta’ finanzjament ma jwiegħed ebda qligħ ta’ evalwazzjoni u għandha għalhekk tiġi evitata duplikazzjoni ta’ stima superfluwa (19) fis-sens tal-premessa 9 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA.
39. Skont l-informazzjoni disponibbli, ma jidhirx li n-NDP jistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll awtonomi li jinkludu l-lokalizzazzjoni, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-proġetti jew l-użu ta’ riżorsi naturali assoċjati magħhom. Għall-kuntrarju, il-proġetti msemmija hemmhekk huma suġġetti għall-proċeduri ta’ ppjanar u ta’ awtorizzazzjoni tagħhom stess (20), li matulhom l-effetti fuq l-ambjent jistgħu jiġu evalwati. Barra minn hekk, skont id-domanda preliminari, in-NDP jalloka r-riżorsi finanzjarji insostenn tal-istrateġija ta’ żvilupp territorjali ta’ pjan ieħor, jiġifieri n-NPF, li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali.
c) Konklużjoni intermedja
40. Għaldaqstant, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li la l-miżuri mhux vinkolanti u lanqas l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji lil ċerti proġetti ta’ infrastruttura ma jiddefinixxu qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA, tista’ tiġi awtorizzata fil-futur; għalhekk, dawn ma jeħtiġux evalwazzjoni ambjentali minn qabel skont dik id-dispożizzjoni.
2. Il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑deroga għall‑pjanijiet u għall‑programmi finanzjarji jew baġitarji
41. Peress li mill-kunsiderazzjonijiet dwar il-punt (a) tat-tieni domanda jirriżulta li l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ma tiddefinixxix, bħala tali, il-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva SEA, tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, bħala prinċipju ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk pjan jew programm li għandu bħala għan l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji huwiex eżentat mill-applikazzjoni tad-Direttiva bħala tali jew bħala baġit jew programm fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva.
42. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li din id-deroga tkopri biss il-kontenut ta’ pjan jew ta’ programm li, bħala tali, huma koperti minn din id-deroga. Barra minn hekk, għalkemm il-miżura inkwistjoni tinkludi rekwiżiti oħra, dawn jistgħu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali jekk huma jistabbilixxu l-kuntest li fih il-proġetti jistgħu jiġu awtorizzati. Kieku kien mod ieħor, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw faċilment l-applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali (21) billi jgħaqqdu pjanijiet jew programmi suġġetti għal evalwazzjoni u miżuri baġitarji jew finanzjarji.
B. It-tielet domanda – Eżami ta’ alternattivi raġonevoli għan‑NPF
43. It-tielet domanda tikkonċerna l-portata tal-eżami ta’ alternattivi raġonevoli fil-kuntest tal-parti l-oħra tal-Project Ireland 2040, jiġifieri n-NPF. Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tixtieq tkun taf jekk, fir-rapport dwar l-effetti ambjentali previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva SEA, għandux jitwettaq eżami tal-għażla ppreferuta u tal-alternattivi raġonevoli fuq bażi komparabbli meta l-alternattivi raġonevoli jkunu ġew identifikati. Jekk dan huwa l-każ, il-punt (b) tat-tielet domanda huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax, madankollu, issir distinzjoni bejn il-paragun tal-alternattivi u eżami fil-fond tal-għażla magħmula. Ser nirrispondi b’mod konġunt għal dawn iż-żewġ domandi sekondarji.
44. Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA, għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent. Fih ikunu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti sinjifikattivi li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-pjan jew tal-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew tal-programm.
45. Għaldaqstant, huwa stabbilit li l-alternattivi raġonevoli għandhom ikunu s-suġġett tar-rapport dwar l-effetti ambjentali. Madankollu, flimkien mal-Irlanda, wieħed jista’ jifhem din id-dispożizzjoni, fis-sens li huwa probabbli li l-effetti sinjikattivi fuq l-ambjent għandhom jiġu identifikati, deskritti u evalwati biss fir-rigward tal-għażla ppreferuta. Dan jidher ukoll mill‐fatt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva SEA għandhom bħala suġġett l-evalwazzjoni ambjentali tal-pjan jew tal-programm ikkonċernat u mhux l-eżami tal-alternattivi raġonevoli.
46. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li, tal-inqas skont il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA, l-effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent tal-alternattivi għandhom ukoll jiġu identifikati, deskritti u evalwati. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-alternattivi, kif prevista fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, tista’ tinkludi wkoll l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, li jippreżupponi, min-naħa tiegħu, l-identifikazzjoni u d-deskrizzjoni tagħhom.
47. Tali teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ambjentali tal-alternattivi huwa konformi mal-għan tad-Direttiva SEA, peress li huwa intiż, skont il-premessa 4 u l-Artikolu 1, li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi permezz ta’ evalwazzjoni ambjentali. Eżami tal-alternattivi mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fuq l-ambjent imur kontra dan l-għan.
48. Fl-għażla bejn alternattivi differenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali huwa ta’ importanza partikolari. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva SEA ġiet adottata għaliex, waqt l-awtorizzazzjoni ta’ proġett skont id-Direttiva SEA, ġie kkonstatat li spiss kienu diġà jeżistu rekwiżiti li kienu jeskludu ċerti għażliet, anki dawk iktar favorevoli għall-ambjent (22). L-evalwazzjoni ambjentali għandha għalhekk, tal-inqas, tiżgura li tali rekwiżiti jiġu adottati biss ikun hemm għarfien ta’ alternattivi li jirrispettaw iktar l-ambjent.
49. Għalhekk, ir-rapport dwar l-effetti ambjentali jrid jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa wkoll l-effetti ambjentali ta’ alternattivi raġonevoli.
50. Madankollu, il-portata ta’ din il-preżentazzjoni hija limitata, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA, biss għad-data li tista’ tkun raġonevolment meħtieġa. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 diġà jirrikorri għat-tieni darba għall-kunċett ta’ raġuni, peress li, skont l-Artikolu 5(1), huma biss l-alternattivi raġonevoli li għandhom jiġu eżaminati. F’dan ir-rigward, dan il-kunċett għandu l-funzjoni ta’ filtru intiż sabiex jiġu evitati sforzi sproporzjonati tal-evalwazzjoni.
51. Bħala l-ewwel pass, għandhom jiġu identifikati alternattivi raġonevoli li jeħtieġu eżami ulterjuri. Għal dan l-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA jsemmi, bħala gwida, l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-pjan jew tal-programm. Alternattivi li ma jistgħux jilħqu l-għanjiet jew li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ġeneralment ma humiex raġonevoli u ma jeħtieġu ebda eżami ieħor.
52. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti lanqas ma għandhom jirrestrinġu eċċessivament il-qafas analitiku billi jeskludu alternattivi oħra potenzjalment raġonevoli permezz tad-definizzjoni tal-għanijiet jew tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku.
53. Din l-idea hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA. Dan ifisser li jittieħed kont tal-lokalizzazzjoni tal-pjan jew tal-programm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll sa liema punt ċerti aspetti jistgħu jiġu eżaminati aħjar sabiex jiġu evitati evalwazzjonijiet ripetuti fil-livelli differenti ta’ dan il-proċess. Pereżempju, fil-każ ta’ pjan ta’ kostruzzjoni ta’ triq prinċipali, wieħed jista’ jistaqsi jekk linja ferrovjarja għandhiex tiġi eżaminata bħala alternattiva raġonevoli. Madankollu, dan l-eżami huwa superfluwu meta d-deċiżjoni fundamentali dwar il-proġett ta’ kostruzzjoni tat-toroq tirriżulta minn pjan superjuri li fih iż-żewġ alternattivi diġà ġew ipparagunati.
54. Fir-rigward tal-informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati alternattivi raġonevoli, il-punt (h) tal-Anness I tad-Direttiva SEA jippreċiża li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport dwar l-effetti ambjentali għandha tinkludi biss is-sommarju tar-raġunijiet għall-għażla tal-alternattivi maħsuba. Huma għandhom juru għaliex l-alternattivi maħsuba huma meqjusa raġonevoli, filwaqt li alternattivi oħra ma humiex, jiġifieri kif ġew identifikati l-alternattivi raġonevoli.
55. Madankollu, dan il-kunċett ta’ sommarju ma jirreferix għad-deskrizzjoni u għall-evalwazzjoni tal-alternattivi raġonevoli. Għaldaqstant, dan ma jistax jintuża sabiex tiġi limitata l-portata ta’ din l-informazzjoni.
56. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA jipprevedi l-informazzjoni li tista’ raġonevolment tkun meħtieġa fid-dawl tal-istat attwali tal-għarfien u tal-metodi ta’ evalwazzjoni attwali, tal-kontenut u tal-livell ta’ dettall tal-pjan jew tal-programm kif ukoll tal-elementi l-oħra msemmija fl-imsemmi punt 53.
57. Madankollu, wieħed mill-kriterji prinċipali tal-kontenut tar-rapport fuq l-effetti ambjentali huwa nieqes: il-preżentazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha b’mod partikolari turi li l-pjan jew il-programm huwa kompatibbli mar-rekwiżiti sostanzjali applikabbli tad-dritt ambjentali (23). Fil-fatt, l-effetti fuq l-ambjent li jiksru d-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali huma fi kwalunkwe każ sinjifikattivi (24).
58. F’dan ir-rigward, waqt l-eżami tal-alternattivi, wieħed għandu jaħseb, pereżempju, fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, li l-applikazzjoni tiegħu hija possibbli fil-każ ta’ deterjorament tas-siti Natura 2000. F’dan il-każ, ir-rapport dwar l-effetti ambjentali jeħtieġ li juri li ma hemmx alternattivi li għandhom inqas piż għal dawn is-siti (25). Eżamijiet simili ta’ alternattivi huma previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar (26) u fl-Artikolu 4(7)(d) tad-Direttiva qafas dwar l-ilma (27).
59. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva SEA ma tinkludix kriterji sostanzjali għall-għażla tal-alternattivi. Għalhekk, din ma tobbligax lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu l-għażla li tagħmel l-inqas ħsara lill-ambjent. Kif diġà indikajt (28), l-għan tal-evalwazzjoni ambjentali huwa biss li d-deċiżjoni ta’ selezzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.
60. Għaldaqstant, sa fejn l-għażla bejn alternattivi differenti ma tiddependix fuq rekwiżiti legali sostanzjali ta’ leġiżlazzjonijiet oħra, żewġ elementi oħra huma qabel kollox rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-informazzjoni li tista’ raġonevolment tkun mitluba, minbarra l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA. L-ewwel nett, fid-dawl tal-argumenti rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjoni, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jippermettu paragun bejn l-għażla ppreferuta u l-alternattivi. It-tieni nett, din l-informazzjoni għandha tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tħassib ambjentali rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun.
61. Għalhekk, filwaqt li l-għażla bejn l-alternattivi hija bbażata, pereżempju, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ spejjeż, l-ispiża tal-alternattivi kollha raġonevoli għandha tal-inqas tiġi identifikata u deskritta bħala li tenfasizza l-proporzjonalità bejn l-ispejjeż tal-għażliet differenti. Madankollu, għandu jiġi ċċarat ukoll jekk dawn il-benefiċċji tal-ispejjeż humiex akkumpanjati minn effetti negattivi fuq l-ambjent li jistgħu jiġu evitati permezz ta’ għażliet oħra. Fil-każ kuntrarju, dan it-tħassib ambjentali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fl-għażla bejn l-alternattivi maħsuba.
62. Dawn ir-rekwiżiti ma jeskludux li l-evalwazzjoni ambjentali tal-għażla ppreferuta tkun iktar iddettaljata mill-evalwazzjoni ambjentali tal-alternattivi l-oħra maħsuba. Dan huwa mistenni, b’mod partikolari, meta l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta jegħlbu b’mod relattivament ċar l-alternattivi maħsuba, inkluż billi jitqiesu l-effetti ambjentali. F’dan il-każ, l-informazzjoni ddettaljata dwar l-alternattivi maħsuba ma jkollhiex funzjoni individwali, filwaqt li l-informazzjoni dwar l-effetti ambjentali tal-għażla ppreferuta hija importanti għall-implimentazzjoni sussegwenti tal-pjan jew tal-programm.
63. Madankollu, jekk il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażliet differenti jkunu ta’ importanza simili, ikun iktar diffiċli li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tal-għażla. F’dan il-każ, jista’ jkun meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni iktar iddettaljata dwar l-alternattivi raġonevoli fir-rapport dwar l-effetti ambjentali, anki jekk dan ikun jinvolvi sforzi kunsiderevoli.
64. F’dak li jikkonċerna l-informazzjoni li tinsab fir-rapport fuq l-effetti ambjentali inkwistjoni, ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk ittiħdux inkunsiderazzjoni rekwiżiti sostanzjali previsti minn atti oħra jekk jekk dawn kinux b’xi mod rilevanti għal din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, jidher li, għalkemm il-kapitolu tal-alternattivi li jinsab fir-rapport dwar l-effetti ambjentali jispjega l-alternattivi maħsuba kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-għażla ppreferuta u jinkludi informazzjoni dwar l-effetti ambjentali tagħhom, dawn huma limitati, essenzjalment, għal matriċi li tinkludi sinjal ta’ żieda u sinjal ta’ tnaqqis (29). Il-mod li bih dawn l-indikaturi huma stabbiliti u sa liema punt dawn ġew ikkunsidrati fl-għażla ma huwiex spjegat.
65. Dan l-approċċ jista’ jirriżulta mill-fatt li n-NPF għandu livell għoli ta’ astrazzjoni, jiġifieri li ma jipprevedix proġetti konkreti, kif ukoll l-għarfien minn qabel tal-pubbliku kkonċernat.
66. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-kuntest u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Friends of the Irish Environment, ir-raġunijiet għall-għażla privileġġata u l-effetti fuq l-ambjent tal-alternattivi maħsuba ġewx esposti b’mod li jinftiehem, għandha tiġi deċiża mill-qrati nazzjonali.
67. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva SEA, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-alternattivi raġonevoli li ġew eżaminati meta mqabbla mal-pjan jew programm adottat u li huma neċessarji:
– biex tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti ta’ regoli oħra dwar l-eżaminazzjoni tal-alternattivi, u
– sabiex tinftiehem il-kunsiderazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fl-għażla tal-pjan jew tal-programm adottat fir-rigward tal-alternattivi maħsuba.
V. Konklużjoni
68. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari kif ġej:
1) La l-miżuri mhux vinkolanti u lanqas l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji għal ċerti proġetti ta’ infrastruttura ma jiddefinixxu qafas għall-awtorizzazzjoni futura għall-iżvilupp tal-proġetti fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent; għalhekk, dawn ma jeħtiġux evalwazzjoni ambjentali minn qabel skont dik id-dispożizzjoni.
2) Konformement mal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42, ir-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-alternattivi raġonevoli eżaminati meta mqabbla mal-pjan jew programm adottat li huma neċessarji:
– biex tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti ta’ regoli oħra dwar l-eżaminazzjoni tal-alternattivi, u
– sabiex tinftiehem il-kunsiderazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fl-għażla tal-pjan jew tal-programm adottat fir-rigward tal-alternattivi maħsuba.
1 Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
2 Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
3 Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika tal-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 35), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE tal-20 ta’ Ottubru 2008, ĠU 2008, L 308, p. 33. Il-Kunsill approva l-Konvenzjoni ta’ Espoo permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 1996 (Dokument tal-Kunsill 8931/96 tas-17 ta’ Lulju 1996). Din il-konvenzjoni hija riprodotta fil-ĠU 1992, C 104, p. 7.
4 Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1).
5 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
6 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 35 sa 52).
7 Ara, b’mod partikolari, il-punti 32 sa 35 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
8 Ara l-użu ta’ dan il-kunċett fit-Taqsima 3.1 tal-Anness I tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (COM (2011) 815 final) u fil-punt AR 1(d) tal-Appendiċi A tal-ESRS E4, tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 tal-31 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 2023/2772, p. 142).
9 Sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 77), u tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’ s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 49).
10 Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 50).
11 Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne (C‑321/18, EU:C:2019:484, punt 44), tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 76), u tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’ s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 49).
12 Sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 69).
13 Government of Ireland, National Development Plan 2021‑2030, Verżjoni: 4 ta’ Ottubru 2021 (https://www.gov.ie/en/publication/774e2-national-development-plan-2021-2030/), p. 50.
14 Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 58).
15 Ara l-Artikolu 8(1) tal-Protokoll ta’ Kiev, l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal‑1998 (ĠU 2005, L 124, p. 1), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17), kif ukoll l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva EEA.
16 Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49), tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 67), u tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’ s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 38).
17 Sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 62).
18 Fil-fatt, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 74) qieset l-injam użat bħala ħatab bħala riżorsa naturali.
19 Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:755, punt 42) u fil-kawża D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:561, punt 65).
20 Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 13.
21 Ara, fir-rigward tar-riskju ta’ evitar, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 48 u 70), kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 32).
22 Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens) (C‑9/22, EU:C:2023:176, punti 57 u 58), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punt 32), flimkien ma’ riferimenti oħra.
23 Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva SEA, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 81), u tal-24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 52).
24 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 54 u 55) kif ukoll Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2021:868, punt 45), u, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie “Za Zemyata - dostap do pravosadie” et (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 50).
25 Ara s-sentenzi tas-26 ta’Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Castro Verde) (C‑239/04, EU:C:2006:665, punti 36 sa 39), tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 74), u tas-16 ta’ Lulju 2020, WWF Italia Onlus et (C‑411/19, EU:C:2020:580, punt 40).
26 Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), emendata l-aħħar bir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent (ĠU 2019, L 170, p. 115).
27 Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/101/UE tat-30 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2914, L 311, p. 32).
28 Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.
29 Kapitolu 7 tas-Strategic Environmental Assessment, Environmental Report, Ireland 2040 - Our Plan, Settembru 2017, p. 121 sa 132 (https://www.npf.ie/wp-content/uploads/2017/09/Environmental-Report-%E2%80%93-Ireland-2040.pdf, sar aċċess fit-22 ta’ Frar 2024).