Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C684/22 sa C686/22

S.Ö.

vs

Stadt Duisburg (C684/22)

u

N.Ö.,

M.Ö.

vs

Stadt Wuppertal (C685/22)

u

M.S.,

S.S.

vs

Stadt Krefeld (C686/22)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Nazzjonalità ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz – Akkwist tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz –Telf ipso jure tan-nazzjonalità tal-Istat Membru u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Eżami individwali tal‑konsegwenzi – Applikazzjoni minn qabel għaż-żamma tan‑nazzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar in-nazzjonalità, li tistipula li ċ-ċittadini tiegħu jitilfu n-nazzjonalità tagħhom meta jakkwistaw b’mod volontarju nazzjonalità barranija, sakemm ma jkunux talbu u kisbu awtorizzazzjoni sabiex iżommu n-nazzjonalità tagħhom qabel dan l-akkwist, hija konformi mal-Artikolu 20 TFUE?

2.        Din hija, essenzjalment, il-problema legali li tqum f’dawn il-kawżi u li hija s-suġġett ta’ żewġ domandi preliminari magħmula mill‑Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ kawżi li jirrigwardaw it-telf tan‑nazzjonalità Ġermaniża.

3.        F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għal darb’oħra tiddeċiedi dwar jekk sistema nazzjonali ta’ telf tan-nazzjonalità hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest ġurisprudenzjali li ġie wara s-sentenzi Rottmann (2), Tjebbes et (3), Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) (4) u Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf ta’ ċittadinanza Daniża) (5).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jistipula li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni.

B.      Iddritt Ġermaniż

5.        L-iStaatsangehörigkeitsgesetz (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità) (6) (iktar ’il quddiem l-“iStAG”), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2000 u applikabbli għall-kawżi prinċipali, tistipula, fl-Artikolu 25 tagħha:

“(1)      Ċittadin Ġermaniż jitlef in-nazzjonalità tiegħu meta jakkwista nazzjonalità barranija jekk dan l-akkwist ikun seħħ fuq talba tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant legali tiegħu, iżda l-persuna kkonċernata ma titlifx in-nazzjonalità tagħha ħlief jekk il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom it-telf jista’ jintalab bis-saħħa tal-Artikolu 19 ikunu ssodisfatti. It-telf imsemmi fl-ewwel sentenza ma jseħħx meta ċittadin Ġermaniż jakkwista n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, tal‑Isvizzera jew ta’ Stat li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonkludiet trattat internazzjonali skont l-Artikolu 12(3).

(2)      Kull persuna li, qabel ma akkwistat in-nazzjonalità barranija, kisbet, fuq talba tagħha, l-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-awtorità kompetenti sabiex iżżomm in-nazzjonalità tagħha ma titlifx in‑nazzjonalità tagħha. […] Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar talba msemmija fl-ewwel sentenza, l-interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu bbilanċjati. Jekk l-applikant ikollu r-residenza abitwali tiegħu f’pajjiż barrani, għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari jekk jistax juri b’mod kredibbli żamma ta’ rabtiet mal-Ġermanja.”

III. Ilfatti filkawżi prinċipali

6.        Il-fatti rilevanti tal-kawżi prinċipali, kif jirriżultaw mid‑deċiżjonijiet tar-rinviju, jistgħu jitqassru bil-mod segwenti.

7.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑684/22, S.Ö., imwieled fit-Turkija fl‑1966, daħal fit-territorju Ġermaniż fl‑1990. Huwa miżżewweġ u missier ta’ tliet itfal. Fl‑10 ta’ Mejju 1999, huwa kiseb in‑nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni u n-nazzjonalità Torka tiegħu ġiet irtirata fit‑13 ta’ Settembru 1999.

8.        Fil‑25 ta’ Mejju 2018, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal dokument tal-ivvjaġġar għal ibnu, S.Ö. indika li kien reġa’ kiseb in-nazzjonalità Torka fit‑12 ta’ Novembru 1999. F’dan ir-rigward huwa pproduċa dikjarazzjoni tal-Ministeru tal-Intern Tork datata 27 ta’ Frar 2019 u estratt mir-Reġistru tal-Istat Ċivili tas‑6 ta’ Novembru 2018, li kienu juru li huwa kien talab ir-reintegrazzjoni tiegħu fin-nazzjonalità Torka fit‑13 ta’ Settembru 1999 u li kien irkupraha permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat‑12 ta’ Novembru 1999.

9.        Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi esprimew dubji serji li iben S.Ö. għandu n-nazzjonalità Ġermaniża, fil‑25 ta’ April 2019, S.Ö. talab lill‑awtorità ta’ naturalizzazzjoni tal-belt ta’ S. tagħtih dokument ta’ nazzjonalità sabiex ikun jista’ jistabbilixxi ż-żamma tan-nazzjonalità Ġermaniża tiegħu. Sussegwentement huwa mar jirrisjedi fil-belt ta’ Duisburg (il‑Ġermanja).

10.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑685/22, il-konjuġi M.Ö. u N.Ö., imwielda, rispettivament, fl‑1959 u fl‑1970, daħlu fit-territorju Ġermaniż fl‑1974. Huma akkwistaw in-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni fis‑27 ta’ Awwissu 1999 u n-nazzjonalità Torka tagħhom ġiet irtirata fit‑2 ta’ Settembru 1999.

11.      Fl‑1 ta’ Settembru 2005, waqt laqgħa mas-servizzi tal-belt ta’ Wuppertal (il-Ġermanja), huma indikaw li kienu reġgħu kisbu n‑nazzjonalità Torka fl‑24 ta’ Novembru 2000. F’dan ir-rigward, huma pproduċew dikjarazzjoni tal-Konsulat Ġenerali tat-Turkija, li jinsab f’E., datata 31 ta’ Awwissu 2005, li tindika li fit‑2 ta’ Settembru 1999, huma kienu talbu r-reintergrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka u kienu rkuprawha permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal‑24 ta’ Novembru 2000. Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-belt ta’ Wuppertal estratt mir-Reġistru tal-Istat Ċivili Tork li jindika li r-reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka kienet diġà seħħet bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal‑1 ta’ Novembru 1999.

12.      F’Awwissu 2020, il-belt ta’ Wuppertal informat lil M.Ö. u lil N.Ö. li, inkwantu kien hemm probabbiltà suffiċjenti li d-data fuq l-estratt tar-Reġistru tal-Istat Ċivili Tork kienet ġiet immanipulata, dan l‑estratt ma setax ikollu valur probatorju li jmur lil hinn mir-reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka.

13.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑686/22, il-konjuġi M.S. u S.S., imwielda fl‑1965 u fl‑1971, daħlu fit-territorju Ġermaniż, fl‑1981 u fl‑1989, rispettivament. Huma kisbu n-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni fl‑10 ta’ Ġunju 1999 u sussegwentement in-nazzjonalità Torka tagħhom ġiet irtirata.

14.      Filwaqt li talbu l-irtirar tan-nazzjonalità Torka tagħhom sabiex jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għan-naturalizzazzjoni Ġermaniża, M.S. u S.S. talbu fl-istess ħin lill-awtoritajiet Torok ir‑reintegrazzjoni tagħhom fin-nazzjonalità Torka, ladarba ngħatatilhom in-nazzjonalità Ġermaniża. Huma ngħataw il-parir fid-dawl tal‑leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli dak iż-żmien fis-sens li setgħu jerġgħu jirkupraw in-nazzjonalità Torka mingħajr ma madankollu jitilfu n-nazzjonalità Ġermaniża. F’dan ir-rigward huma ppreżentaw estratt mir‑Reġistru tal-Istat Ċivili Tork li jindika li kienu rkupraw in‑nazzjonalità Torka fid‑9 ta’ Awwissu 1999 bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal‑Kunsill tal-Ministri.

15.      Fid‑19 ta’ Diċembru 2017, M.S. u S.S. talbu lill-belt ta’ Krefeld (il-Ġermanja) tikkonstata li huma kellhom in-nazzjonalità Ġermaniża. Minkejja li l-belt ta’ Krefeld, fl‑24 ta’ Awwissu 2018, kienet tathom dokument ta’ nazzjonalità, hija argumentat dwar l-assenza tan-numru tad‑deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri fir-Reġistru tal-Istat Ċivili Tork sabiex titkompla l-proċedura.

16.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Pulizija Amministrattiva (7), il‑konvenuti fil-kawżi prinċipali kkonstataw, skont l-Artikolu 30(1) tal‑iStAG, li S.Ö., M.Ö., N.Ö., M.S. u S.S. (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) ma kellhomx iktar in-nazzjonalità Ġermaniża (8). Fil-fatt, huma qiesu li r-reintegrazzjoni fin‑nazzjonalità Torka kienet seħħet wara l‑1 ta’ Jannar 2000 u ġabet magħha telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża, skont il-punt 2 tal‑Artikolu 17(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG. Dan ma kienx ikun il-każ li kieku din ir-reintegrazzjoni kienet seħħet fil‑31 ta’ Diċembru 1999, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tar‑Reichs – und Staatsangehörigkeitsgesetz (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità), tat‑22 ta’ Lulju 1913 (iktar ’il quddiem ir-“RuStAG”) (9), li kienet applikabbli qabel, kienet tistipula li t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża kien japplika biss għall-Ġermaniżi li jirrisjedu f’pajjiż barrani. Madankollu, ir-rikorrenti fil‑kawżi prinċipali ma wrewx reintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka qabel l‑1 ta’ Jannar 2000.

17.      Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-Pulizija Amministrattiva quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf), il-qorti tar-rinviju.

IV.    Iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18.      Fit-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tindika li l-Artikolu 25 tal-iStAG, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2000, huwa applikabbli għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali peress li kisbu mill-ġdid in-nazzjonalità Torka wara d-dħul fis-seħħ tal-verżjoni l-ġdida tal-liġi. Din il-qorti tirrileva li l-estratti mir-Reġistru tal-Istat Ċivili ppreżentati mir-rikorrenti sabiex jintwera li dan ma kienx il-każ ma għandhom ebda valur probatorju. Barra minn hekk, hija tirrileva li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma talbux l-awtorizzazzjoni sabiex iżommu n‑nazzjonalità Ġermaniża, kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 25(2) tal-iStAG qabel ma akkwistaw, mill-ġdid, in‑nazzjonalità Torka.

19.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il‑ġurisprudenza nazzjonali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tal‑iStAG hija konformi mad-dritt tal-Unjoni inkwantu l-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex iżżomm in‑nazzjonalità Ġermaniża; fil-kuntest ta’ din il-proċedura, eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità fuq is‑sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata huwa espliċitament previst.

20.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar tali konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hija tosserva li, fil-każ fejn il‑proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex tinżamm in‑nazzjonalità msemmija fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”) ma tkunx saret, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-telf tan-nazzjonalità u, għalhekk, it-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni għall-persuni li ma għandhomx nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, iseħħ b’mod awtomatiku, mingħajr ebda eżami individwali. Din il-qorti tispjega li d-dritt Ġermaniż ma jistipula ebda possibbiltà ta’ eżami dwar konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża wara li dan it-telf ikun seħħ. F’każ bħal dan, l‑uniku mezz għall-persuni kkonċernati sabiex jakkwistaw, mingħajr effett retroattiv, in-nazzjonalità Ġermaniża jkun dak li jippreżentaw applikazzjoni ġdida għal naturalizzazzjoni.

21.      Barra minn hekk, filwaqt li jiġi nnotat li, skont il-kliem tal‑Artikolu 25(2) tal-iStAG, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità toffri possibbiltà li jiġu kkunsidrati rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex huwa fid-dawl tagħhom li l-interessi pubbliċi u privati għandhom ikunu bbilanċjati waqt id-deċiżjoni dwar tali applikazzjoni, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-prattika, il-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni madankollu ma humiex eżaminati mill-awtoritajiet amministrattivi u fil-ġurisprudenza nazzjonali. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni li tinżamm in-nazzjonalità tingħata biss meta jkun hemm interess partikolari għall-akkwist ta’ nazzjonalità barranija filwaqt li tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża.

22.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Novembru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Novembru 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fit-tliet kawżi prinċipali u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi dispożizzjoni li tipprevedi li, fil‑każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità (mhux ipprivileġġjata) ta’ Stat terz, in-nazzjonalità tal-Istat Membru u, għaldaqstant, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jintilfu ipso jure jekk eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf iseħħ biss fil-każ li ċ-ċittadin barrani kkonċernat ikun ippreżenta minn qabel applikazzjoni għal ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex iżomm in-nazzjonalità tiegħu u sakemm din l-applikazzjoni tkun ingħatat risposta pożittiva qabel l‑akkwist tan-nazzjonalità barranija?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: l‑Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċedura ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità, ma jistgħux jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jwasslu, fl-aħħar mill‑aħħar, sabiex evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal‑persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma ssirx jew tiġi ssostitwita b’rekwiżiti oħra?”

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2022, il-Kawżi C‑684/22 sa C‑686/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, fil-Kawża C‑686/22, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-belt ta’ Krefeld, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Estonjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u, fil-Kawżi C‑684/22 u C‑685/22, mill-istess Gvernijiet u mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tagħmilx seduta f’dawn il-kawżi.

V.      Analiżi

25.      Permezz taż-żewġ domandi li huma s-suġġett ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li ċ-ċittadini tagħha, fil-każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz, jitilfu ipso jure n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li jwassal, għall-persuni li ma humiex ukoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux kisbu l‑awtorizzazzjoni li jżommu din in-nazzjonalità qabel l-akkwist tan‑nazzjonalità tal-pajjiż terz, bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni intiża biex tinkiseb tali awtorizzazzjoni, eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati li jibbilanċja l-interessi pubbliċi u privati sabiex tinżamm in‑nazzjonalità tal-Istat Membru.

26.      Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, qabel kollox, għandhom jiġu enfasizzati xi elementi li jidhru stabbiliti minn qari tad‑deċiżjonijiet tar-rinviju.

27.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispjega li dawn daħlu fit-territorju Ġermaniż matul is-snin 70, 80 u 90, u ilhom jirrisjedu fih minn dak iż-żmien. Fl‑1999, huma kisbu n-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni filwaqt li rrinunzjaw għan-nazzjonalità Torka, li sussegwentement ġiet irtirata. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li ngħataw parir korrettament fid-dawl tal‑leġiżlazzjoni Ġermaniża li kienet fis-seħħ dak iż-żmien fis-sens li setgħu jirkupraw in-nazzjonalità Torka mingħajr madankollu ma jitilfu n‑nazzjonalità Ġermaniża, talbu b’mod volontarju l-irkupru tan‑nazzjonalità Torka fil-mument meta din in-nazzjonalità ġiet irtirata mingħandhom. Diversi snin wara, l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw li r-rikorrenti fil‑kawżi prinċipali kienu rkupraw in-nazzjonalità Torka wara li ressqu applikazzjoni f’dan is-sens u li, konsegwentement, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2000, huma tilfu ipso jure n‑nazzjonalità Ġermaniża u, għalhekk, l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal‑Unjoni (10). Barra minn hekk, sa fejn, skont din il-liġi, ir-rikorrenti fil‑kawżi prinċipali ma kinux talbu – u ma kisbux – l-awtorizzazzjoni tal‑awtoritajiet kompetenti sabiex iżommu n-nazzjonalità Ġermaniża qabel ma jirkupraw in-nazzjonalità Torka, ma setgħux jibbenefikaw mill‑eżami individwali previst fil-kuntest ta’ din it-talba, li jibbilanċja l‑interessi pubbliċi u privati sabiex tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża.

28.      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il‑qorti tar-rinviju tindika, qabel kollox, li l-Artikolu 25(1) tal-iStAG, fis‑seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2000, jistipula li ċittadin Ġermaniż jitlef in‑nazzjonalità tiegħu meta jakkwista nazzjonalità barranija jekk dan l‑akkwist ikun seħħ fuq talba tiegħu. Madankollu, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan iċ-ċittadin jista’ jżomm in-nazzjonalità tiegħu jekk, qabel ma jakkwista n-nazzjonalità barranija, huwa kiseb fuq talba tiegħu awtorizzazzjoni bil-miktub mingħand l-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni tistipula wkoll li, waqt id-deċiżjoni fuq din it-talba, l‑interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu bbilanċjati.

29.      Sussegwentement, din il-qorti tispjega li kemm l-akkwist permezz ta’ naturalizzazzjoni tan-nazzjonalità Ġermaniża mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll l-introduzzjoni tat-talba tagħhom għall-irkupru tan‑nazzjonalità Torka seħħew qabel l‑1 ta’ Jannar 2000, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 25 tal-iStAG (11). Hija tispjega li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għalihom peress li rkupraw in-nazzjonalità Torka wara din id-data, filwaqt li spjegat li d-dokumenti li ppreżentaw biex juru li dan ma huwiex il-każ ma għandhom l-ebda valur probatorju (12).

30.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma ressqux applikazzjoni – u, għalhekk, ma kisbux awtorizzazzjoni – sabiex iżommu n-nazzjonalità qabel l-irkupru tan‑nazzjonalità Torka, kif previst mill-Artikolu 25(2) tal-iStAG. Konsegwentement, it-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom u, għalhekk, tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni sar b’mod awtomatiku, mingħajr ma setgħu jibbenefikaw mill-eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom.

31.      Hija din il-kwistjoni legali li hija fil-qalba ta’ dawn il-kawżi u li ser nittratta f’dawn il-konklużjonijiet. Fl-argumenti li ġejjin, se nfakkar b’mod ġenerali l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji li joħorġu minnha (Taqsimiet A) u li hemm lok li jiġu applikati f’dan il-każ (Taqsima B).

A.      Fuq ilprinċipji stabbiliti millġurisprudenza talQorti talĠustizzja

1.      Missentenza Rottmann għassentenza Wiener Landesregierung billi ngħaddu missentenza Tjebbes et

32.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Udlændinge- og Integrationsministeriet, enfasizzajt li l-linja komuni li toħroġ mill‑ġurisprudenza li analizzajt, li tirriżulta mis-sentenzi Rottmann, Tjebbes et u Wiener Landesregierung, hija essenzjalment komposta minn żewġ prinċipji ġurisprudenzjali (13).

33.      Skont l-ewwel prinċipju, għalkemm id-definizzjoni tal-“kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf tan-nazzjonalità” taqa’ fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru, din il-kompetenza għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad‑dritt tal-Unjoni (14). Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, stabbilit fis‑sentenza Micheletti et (15), imbagħad ikkjarifikat u kkonfermat fis‑sentenza Rottmann (16), għandha ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ din il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u l-eżerċizzju tagħha b’osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

34.      Barra minn hekk, l-imsemmija kompetenza qatt ma ġiet ikkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja u “il-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza (u, għalhekk, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni) [ma humiex] per se rregolati mid‑dritt [tal-Unjoni], iżda l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ‑ċittadinanza għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli [tad-dritt tal‑Unjoni] u għandhom jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadin [tal-Unjoni]” (17). B’hekk, il-fatt li settur huwa ta’ kompetenza tal-Istati Membri ma jipprekludix, f’sitwazzjoni li taqa’ b’mod ċar taħt id-dritt tal‑Unjoni, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tkun konformi ma’ dan tal-aħħar (18). Fil-fatt, l-Artikolu 20 TFUE ma għandux jiġi prekluż mill-effett utli tiegħu u, għalhekk, id-drittijiet li huwa jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhomx jinkisru bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’dan il-qasam (19).

35.      It-tieni prinċipju, li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Rottmann (20), imbagħad ikkonfermat fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, huwa dak li jgħid li, fil-każ ta’ ċittadini tal-Unjoni, l‑eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri, sa fejn jaffettwa d-drittijiet mogħtija u protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (21). Fi kliem ieħor, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għalhekk tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni biss għal raġunijiet leġittimi u b’osservanza ta’ dan il-prinċipju. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu ssodisfatti diversi elementi. Qabel kollox, l-obbligu li jsir eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, għall‑membri tal-familja tagħha, f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ drittijiet li għandu kull ċittadin tal-Unjoni (22); sussegwentement, ir-rekwiżit ta’ konformità ta’ dawn il-konsegwenzi mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (23) u, fl-aħħar nett, f’każ ta’ telf ipso jure tan‑nazzjonalità li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l‑obbligu li tiġi eżaminata, b’mod inċidentali, il-proporzjonalità tal‑konsegwenzi li jġib miegħu dan it-telf u, jekk ikun il-każ, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ żżomm in-nazzjonalità tagħha jew tirkupraha ex tunc (24).

36.      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dan l-aħħar element, is‑sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet jidhirli li hija partikolarment rilevanti inkwantu hija l-ewwel darba li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet dwar it-terminu li fih huwa possibbli li titressaq talba għaż-żamma jew għall-irkupru tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

2.      Issentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet

37.      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet (25), qorti Daniża xtaqet tkun taf jekk il‑leġiżlazzjoni nazzjonali dwar in-nazzjonalità kinitx konformi mal‑Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta.

38.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il‑ġurisprudenza preċedenti tagħha. Hija b’hekk enfasizzat li meta t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sseħħ ipso jure f’età partikolari u twassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw il-konsegwenzi li jġib miegħu dan it-telf ta’ nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, jippermettu lil din il-persuna żżomm in-nazzjonalità tagħha jew tirkupraha ex tunc (26).

39.      B’mod partikolari, fir-rigward tat-terminu sabiex tressaq talba għal tali eżami għall-finijiet taż-żamma jew tal-irkupru tan-nazzjon alità, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li fl-assenza ta’ terminu preċiż stabbilit mid‑dritt tal-Unjoni għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tad‑drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni sakemm dawn il-modalitajiet josservaw il-prinċipju ta’ effettività sa fejn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad‑drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu, f’dan ir-rigward, jitolbu, fl-interess tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tali talba għandha titressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti fil-limiti ta’ terminu raġonevoli (27).

40.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li, fid-dawl tal‑konsegwenzi serji li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, meta dan iwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li dan tal-aħħar jislet mill‑Artikolu 20 TFUE, ma jistgħux jitqiesu li huma konformi mal‑prinċipju ta’ effettività, regoli jew prattiki nazzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jipprekludu lill-persuna kkonċernata milli titlob li tiġi eżaminata n-natura proporzjonata ta’ dawn il-konsegwenzi fid-dawl tad‑dritt tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li peress li din il-persuna ma ġietx debitament informata bid-dritt li titlob tali eżami kif ukoll bit-terminu li fih hija kellha tressaq tali talba, it-talba tagħha ma tistax titqies inammissibbli minħabba li dan it-terminu skada (28).

41.      Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi eżaminat it-telf tan-nazzjonalità previst mil-leġiżlazzjoni fil‑kawża prinċipali li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

B.      Fuq lapplikazzjoni talprinċipji ġurisprudenzjali f’dan ilkaż

42.      Qabel kollox infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż biex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (29). Dan ifisser, minn naħa, li n-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija l-prerekwiżit għat-tgawdija tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li miegħu huma marbuta d-dmirijiet u d‑drittijiet previsti mit-Trattat FUE (30) u, min-naħa l-oħra, li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, it-telf ta’ dan l-istatus jikkostitwixxi r-rabta mad-dritt tal-Unjoni.

43.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-irkupru tan‑nazzjonalità Torka mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali seħħ qabel id‑dħul fis-seħħ tal-Artikolu 25 tal-iStAG, bil-konsegwenza tat-telf awtomatiku tan-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom u, għalhekk, tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni (31).

44.      Huwa għalhekk ċar li t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru miċ‑ċittadini tal-Unjoni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba dan it-telf, jiffaċċjaw it-telf tal-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE kif ukoll tad‑drittijiet marbuta miegħu, jaqa’, minħabba n-natura tiegħu u l‑konsegwenzi tiegħu, taħt id-dritt tal-Unjoni (32). B’hekk, skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tan‑nazzjonalità, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il‑prinċipju ta’ proporzjonalità (33).

1.      Fuq illeġittimità tarraġuni ta’ interess ġenerali li għandha tintlaħaq millArtikolu 25 taliStAG

45.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad‑drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (34). Hija qieset li huwa wkoll leġittimu li Stat Membru, fl-eżerċizzju tal‑kompetenza tiegħu li tippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità, iqis li n-nazzjonalità tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu, u li jorbot konsegwentement l-assenza jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf tan-nazzjonalità tiegħu (35).

46.      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 25(1) tal-iStAG, iċ-ċittadini Ġermaniżi jitilfu n-nazzjonalità tagħhom ipso jure meta jakkwistaw b’mod volontarju n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, sakemm ma jiksbux l‑awtorizzazzjoni li jżommu n-nazzjonalità tagħhom qabel l-akkwist tannazzjonalità barranija.

47.      Nosserva li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax, apparti li ssemmi, fl‑espożizzjoni tagħha tal-qafas ġuridiku, l-Artikolu 7(1)(a) tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità (36), ir-raġuni jew ir‑raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill‑Artikolu 25(1) tal‑iStAG. Madankollu, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk ma jkollhiex għan leġittimu ta’ interess ġenerali, hemm lok li tiġi eżaminata fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

48.      Kif indikaw il-belt ta’ Krefeld u dan il-Gvern, kif ukoll kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi li tirriforma d-dritt dwar in‑Nazzjonalità tal‑15 ta’ Lulju 1999, l-Artikolu 25 tal-iStAG huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jipprevjeni diversi nazzjonalitajiet (37). Il-Gvern Ġermaniż jispjega, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza tal‑Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il‑Ġermanja) qieset li l-għażla tal-leġiżlatur li jopponi diversi nazzjonalitajiet b’mod illimitat mhux ser tiġi kkritikata (38).

49.      F’dan ir-rigward, ftit hemm dubju li sistema bħal dik prevista f’din id-dispożizzjoni taqa’ fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri relatata mad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-akkwist u tat-telf tan-nazzjonalità u li, fil‑kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, huwa leġittimu għal Stat Membru, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tqis li f’ċerti każijiet għandhom jiġu evitati l-effetti tal-pussess ta’ diversi nazzjonalitajiet (39).

50.      Il-leġittimità, essenzjalment, ta’ dan l-għan hija kkorroborata mill‑Artikolu 7(1)(a) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità li jistipula li Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ipso jure jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief, b’mod partikolari, fil-każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità oħra (40). Skont r-Rapport ta’ Spjega ta’ din il-Konvenzjoni, il-kwistjoni dwar jekk il‑persuni li jakkwistaw b’mod volontarju nazzjonalità oħra humiex awtorizzati jżommu n-nazzjonalità preċedenti tagħhom tiddependi mis‑sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat (41).

51.      F’dan ir-rigward, nirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jistipula li l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ rabta effettiva miegħu tistrieħ fuq it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kriterju, bħal dak li jinsab fl-Artikolu 25(1) tal-iStAG, ibbażat fuq l-akkwist volontarju ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz mill-persuna kkonċernata, u lanqas li, f’kuntest leġiżlattiv intiż, bħala regola, biex jevita diversi nazzjonalitajiet, dan l-Istat Membru jitlob lil din il-persuna ssegwi proċedura speċifika, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, meta tixtieq iżżomm in-nazzjonalità Ġermaniża.

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis, bħall-Gvern Ġermaniż u dak Estonjan kif ukoll il-Kummissjoni, li fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tal-iStAG, Stat Membru jistipula, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf ipso jure tan-nazzjonalità meta ċ‑ċittadini tiegħu jakkwistaw b’mod volontarju n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, anki meta dan it-telf iġib miegħu, għall-persuna kkonċernata, it-telf tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

53.      Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija mhux biss għandha tkun intiża għal raġunijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, iżda għandha tosserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2.      Fuq ilkontroll talproporzjonalità talkonsegwenzi li jġib miegħu ttelf tan‑nazzjonalità fiddawl taddritt talUnjoni

54.      Għalkemm, kif għadni kemm spjegajt, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, infakkar li madankollu minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza li d-dritt primarju tal-Unjoni jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ‑ċittadini tal-Istati Membri, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, meta jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, josservax il‑prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq dik tal‑membri tal-familja tiegħu, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (42).

55.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-telf ipso jure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti ma kinux jippermettu, f’ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu dan it-telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni (43).

56.      F’dan il-każ, infakkar li, skont l-Artikolu 25(2) tal-iStAG, iċ‑ċittadini Ġermaniżi li jixtiequ jakkwistaw b’mod volontarju n‑nazzjonalità ta’ pajjiż terz jistgħu jressqu applikazzjoni sabiex iżommu n-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tistipula li, waqt it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu bbilanċjati mill-awtorità kompetenti.

57.      Il-kwistjoni tqum, qabel kollox, jekk l-eżami tal-proporzjonalità rikjest mid-dritt tal-Unjoni ma jistax isir mill-awtoritajiet kompetenti ħlief f’mument partikolari, jiġifieri, f’dan il-każ, qabel it-telf ipso jure tan-nazzjonalità u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

58.      Din il-kwistjoni ma tqajjimx diffikultajiet. Fil-fatt, fid-dawl tal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bħala regola, huwa possibbli għal Stat Membru, bħar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, li jistipula li l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir fil‑kuntest speċifiku ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, bħal dik prevista fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG. Madankollu, kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni għandha, sabiex tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiżgura d-dritt li jkun hemm eżami individwali tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi li jġib miegħu, għall‑persuni kkonċernati u, jekk ikun il-każ, għall-membri tal-familja tagħhom, it-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

59.      Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta li dan huwa l-każ fil-każ inkwistjoni. Nammetti li anki jien sibt diffikultà biex nifhem kif din il‑proċedura tirrelata mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod iktar preċiż, kif l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura tiżgura d-dritt li jkun hemm l-eżami individwali mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Fl-argumenti li ġejjin, ser inkun qed nanalizza għalhekk, minn naħa, il‑modalitajiet proċedurali previsti fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, u, min‑naħa l-oħra, il-portata sostantiva tal-eżami ta’ proporzjonalità li tistipula din id-dispożizzjoni.

a)      Fuq ilmodalitajiet proċedurali previsti flArtikolu 25(2) taliStAG

60.      Infakkar li l-Artikolu 25(2) tal-iStAG jistipula l-possibbiltà li tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża jekk, qabel ma tinkiseb innazzjonalità ta’ pajjiż terz, il-persuna kkonċernata tkun kisbet awtorizzazzjoni bil-miktub mill-awtorità kompetenti sabiex iżżomm innazzjonalità tagħha.

61.      Il-kwistjoni għalhekk tqum dwar jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-kundizzjonijiet ratione temporis rikjesti għall-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u għall-kisba tal‑awtorizzazzjoni humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Sabiex ikun hekk, dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx jipprekludu lill-persuni kkonċernati milli jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet li jirriżultaw mill‑istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni.

62.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni ratione temporis marbuta mal-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jitolbu, għal finijiet tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali, li applikazzjoni għaż-żamma jew għall-irkupru tan-nazzjonalità għandha titressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti fil-limiti ta’ terminu raġonevoli (44).

63.      Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li r-rekwiżit li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel sabiex tinżamm in-nazzjonalità ta’ Stat Membru titressaq qabel l-akkwist tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, kif jistipula l-Artikolu 25(2) tal-iStAG, jidher li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ terminu raġonevoli fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, peress li din ma tipprekludix, bħala regola, liċ-ċittadini kkonċernati milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-eżami individwali tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan‑nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

64.      Minkejja dan, għandi nirrileva li l-qari tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawża C‑686/22, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, jiżvela inċertezza dwar il-fatt jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinux ġew debitament infurmati dwar il‑konsegwenzi tal-irkupru tan-nazzjonalità Torka fuq is-sitwazzjoni tagħhom u dik tal-familji tagħhom fil-kuntest leġiżlattiv speċifiku tar‑riforma tar-RuStAG.

65.      Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jindikaw li, waqt l‑introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-irkupru tan-nazzjonalità Torka, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ kienet tawtorizzahom jirkupraw din in‑nazzjonalità. Konsegwentement, ma kien hemm ebda raġuni għalfejn iressqu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel. Huma jirrilevaw ukoll li l-bidla fis-sistema legali ma ġietx spjegata b’mod ċar jew miġjuba għall‑konjizzjoni tagħhom. Kien wara li ressqu l-applikazzjoni tagħhom għall-irkupru tan-nazzjonalità Torka li ġiet emendata r-RuStAG u li l‑possibbiltà għaċ-ċittadini Ġermaniżi li jirrisjedu fit-territorju nazzjonali li jiksbu n-nazzjonalità doppja ġiet irtirata u limitata. Dawn l‑osservazzjonijiet jirrikjedu xi rimarki.

66.      L-ewwel nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza (45), jidhirli li huwa pjuttost kredibbli, fid-dawl tad-dati tal-irkupru tan-nazzjonalità Torka indikati mill-qorti tar-rinviju, taħt l-Artikolu 25 tal-iStAG, li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kellhomx aċċess effettiv għall-eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

67.      Fil-fatt, kif korrettament indikat il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, minn naħa, is-sitwazzjoni legali fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 1999 la kienet tistipula u lanqas, jekk ikun il-każ, ma kienet tawtorizza t-tressiq ta’ applikazzjoni sabiex tinżamm in‑nazzjonalità Ġermaniża f’każ ta’ riintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka għaċ-ċittadini Ġermaniżi residenti fit-territorju nazzjonali. Min‑naħa l-oħra, u kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, matul il-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tal‑verżjoni emendata, l‑1 ta’ Jannar 2000, u r‑riintegrazzjoni fin-nazzjonalità Torka, ma kien hemm l-ebda possibbiltà li tinbeda u titmexxa effettivament tali proċedura f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-persuni li jkunu ġew riintegrati fin-nazzjonalità Torka fil-bidu tas-sena 2000, kif inhu l-każ tar-rikorrenti (46). B’hekk, uħud mill‑persuni kkonċernati setgħu kienu preklużi, qabel it-telf tan‑nazzjonalità Ġermaniża, mill-possibbiltà li jkollhom aċċess effettiv għall-eżami tas-sitwazzjoni individwali rikjest mid-dritt tal-Unjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (47).

68.      It-tieni nett, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fl‑opinjoni tiegħi huwa possibbli, fid-dawl tal-konsegwenzi gravi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li jintalab li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jinfurmaw debitament lill-persuni kkonċernati, minn naħa, bil-fatt li eventwali akkwist jew irkupru tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz iwassal għat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża u, min-naħa l‑oħra, bil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tippermetti li jintalab li tinżamm din in-nazzjonalità kif ukoll bit-terminu li fih dawn għandhom iressqu tali applikazzjoni.

69.      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kellhom jirrinunzjaw għan-nazzjonalità Torka tagħhom biex jakkwistaw in-nazzjonalità Ġermaniża matul perijodu ta’ riforma leġiżlattiva, jekk jistgħux jitqiesu bħala li ġew debitament infurmati (48).

70.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni marbuta mal-kisba talawtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża, imposta fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, nirrileva li din id-dispożizzjoni tistipula l‑mument tal-kisba tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz bħala li huwa l-mument fejn jiskadi t-terminu mhux biss sabiex titressaq l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża, iżda wkoll il-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni. Konsegwentement, jekk tali applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għadha ma hijiex ittrattata mill‑awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi fid-data li fiha l-awtoritajiet tal‑pajjiż terz jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, din ma tistax tiġi eżaminata iktar, li jfisser it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà ta’ aċċess b’mod effettiv għall-eżami tal-proporzjonalità rikjesta mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali telf jiddependi, fil-prattika, minn diversi fatturi bħall-ħeffa tal-ibbilanċjar tal‑interessi pubbliċi u privati magħmula mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u l-ipproċessar rapidu tal-applikazzjoni għall-akkwist tan‑nazzjonalità mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz. Minkejja dan, għandi nirrileva li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tirrikjedix li l-persuna kkonċernata tkun ressqet applikazzjoni għall-akkwist tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz fl-istess ħin li hija tressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex iżżomm in-nazzjonalità Ġermaniża. Konsegwentement, bħala regola, din il-problema ma għandhiex tqum sa fejn il-persuna għandha tistenna li tikseb id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità qabel ma tressaq applikazzjoni sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz.

71.      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ħasbu li setgħu jżommu ż-żewġ nazzjonalitajiet, dik Ġermaniża u dik Torka, kif kien jippermetti l-Artikolu 25 tar-RuStAG (applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 1999) għaċ-ċittadini Ġermaniżi li jirrisjedu fil-Ġermanja, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li kien “opportun” li tiġi prevista sistema tranżitorja għal dan il-għan. Tali sistema kienet tippermetti lill-persuni li ressqu applikazzjoni tagħhom għall-irkupru tan‑nazzjonalità Torka taħt il-liġi fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2000, iżda li kisbu din in-nazzjonalità wara din id-data, li jibdew, b’mod effettiv, il‑proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl‑Artikolu 25 tal-iStAG. Fid-dawl tal-konsegwenzi serji li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuni kkonċernati, in-nuqqas ta’ tali sistema tranżitorja huwa, fl-opinjoni tiegħi, inkompatibbli mal‑prinċipju ta’ effettività.

72.      Għalhekk, fid-dawl tal-konsegwenzi serji li jġib miegħu t-telf tan‑nazzjonalità Ġermaniża u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kemm l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ modalitajiet proċedurali, bħall-kundizzjonijiet ratione temporis previsti fl-Artikolu 25(2) tal-iStAG, kif ukoll l-assenza ta’ tali sistema tranżitorja jidhirli li huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dawn il-modalitajiet jew in-nuqqas tagħhom jillimitaw id-dritt tar-rikorrenti li jiksbu l-eżami tal-proporzjonalità.

b)      Fuq ilportata ratione materiae tależami individwali previst flArtikolu 25(2) taliStAG

73.      Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-belt ta’ Krefeld u l-Gvern Ġermaniż, il-qorti tar-rinviju tindika li minkejja l-kliem tal‑Artikolu 25(2) tal-iStAG, waqt ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel sabiex tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża mill‑awtoritajiet kompetenti, l-eżami individwali tal-proporzjonalità tal‑konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża fid‑dawl tad-dritt tal-Unjoni ma huwa, fil-prattika, magħmul la minn dawn l-awtoritajiet u lanqas mill-qrati nazzjonali.

74.      Fl-ewwel lok, nirrileva li jekk, wara l-verifiki tal-qorti tar-rinviju, jidher li dan kien il-każ, is-sempliċi eżistenza formali jew teoretika ta’ dan l-eżami fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, mingħajr ma dan l-eżami ma jkun sar fil-prattika, ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura l-kompatibbiltà ta’ din il-proċedura mal-Artikolu 20 TFUE. F’dan il-każ, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (49) jirriżulta li din il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tirrikjedi lill‑awtoritajiet nazzjonali jwettqu dan l-eżami jew teżamina hi stess il‑konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża għall‑persuni kkonċernati u, jekk ikun il-każ, tippermettilhom li jżommu din in-nazzjonalità jew li jirkuprawha ex tunc (50).

75.      Minkejja dan, il-Gvern Ġermaniż isostni, f’dan ir-rigward, li l‑Artikolu 25(2) tal-iStAG jippermetti eżami komplet tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u li l-fatt li jiġu kkunsidrati mhux biss interessi pubbliċi, iżda wkoll interessi privati sabiex in-nazzjonalità Ġermaniża tinżamm jimplika neċessarjament li għandu jiġi kkunsidrat l-interess li jinżamm l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis, kif jindika dan il-Gvern, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħmlu l-eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni rikjest mid-dritt tal-Unjoni, hija għandha tivverifika wkoll minn meta dan l-eżami għandu jseħħ. Fil-każ li hija tikkonstata li tali eżami għandu jsir biss wara d-data tal-għoti tas‑sentenza Tjebbes et, infakkar li kwalunkwe persuna li tilfet ipso jure in-nazzjonalità Ġermaniża qabel dik id-data, bis-saħħa tal-Artikolu 25(1) tal-iStAG, għandha tkun tista’ tikseb dan l-eżami u, jekk ikun il-każ, l‑irkupru tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat ex tunc, meta ssir l-applikazzjoni għal dokument tal-ivjaġġar jew kwalunkwe dokument ieħor li jistabbilixxi n-nazzjonalità u, b’mod iktar ġenerali, fil-kuntest tal-proċedura li tikkonstata nazzjonalità (51).

76.      Fit-tieni lok, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kkonsolidaw ħajja familjari u professjonali fil‑Ġermanja. Bħala ċittadini Ġermaniżi, huma setgħu jeżerċitaw id‑drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi Stati Membri oħra.

77.      F’dan ir-rigward, infakkar qabel kollox li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kull ċittadin tal-Unjoni għandu l-istess livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet fundamentali tiegħu u, b’mod partikolari tad‑dritt għal ħajja familjari tiegħu.

78.      B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda dan id-dritt, minn ġurisprudenza stabbilita tajjeb jirriżulta li, minn naħa, l-eżami tal-proporzjonalità għandu jinkludi evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf tan‑nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, meta dan ikun jinvolvi t‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikollux konsegwenzi li jaffettwaw b’mod sproporzjonat, meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (52). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, b’mod partikolari huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li tali telf ta’ nazzjonalità jkun konformi mad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom u, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal‑ħajja familjari, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, dan l-artikolu għandu jinqara, jekk ikun il-każ, flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl‑Artikolu 24(2) tal-Karta (53).

79.      Fit-tielet lok, f’dan l-istadju tqum kwistjoni importanti għad‑deċiżjoni tal-kawżi prinċipali: liema hija d-data rilevanti li għandha tittieħed inkonsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal‑eżami ta’ proporzjonalità? Jista’ jiġi sostnut, kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, li din id-data tikkorrispondi għall-jum li fih il-persuna kkonċernata kisbet jew irkuprat in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, peress li, f’dan il-każ, skont l‑Artikolu 25(2) tal-iStAG, hija parti integrali tal-kriterji leġittimi li dan l-Istat Membru stabbilixxa u li minnha tiddependi ż-żamma jew it-telf tan-nazzjonalità.

80.      Madankollu huwa ċert li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil‑kawża li wasslet għas-sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet (54), f’dan il-każ, ir-risposta għal din il-kwistjoni ma għandhiex tieqaf hemm u għandha tieħu inkunsiderazzjoni punt importanti, jiġifieri li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kinux f’pożizzjoni li jibdew il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex tinżamm in-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom, peress li l-Artikolu 25(2) tal-iStAG kien għadu ma daħalx fis-seħħ fil-jum li fih huma ressqu t‑talbiet tagħhom sabiex jirkupraw in-nazzjonalità Torka. B’hekk, ir‑rikorrenti fil-kawżi prinċipali sabu ruħhom f’pożizzjoni impossibbli – kemm proċedurali kif ukoll sostantiva – li jressqu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel. Fil-fatt, peress li terminu sabiex tinżamm in‑nazzjonalità Ġermaniża kien għadu mhux previst, dan ma setax jiskadi, bir-riżultat li l-persuni kkonċernati ma kellhomx aċċess effettiv għall-eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tad-dritt tal‑Unjoni (55).

81.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, jidhirli li l-eżami ta’ dan l-aħħar element huwa rikjest. Infakkar li l-qorti tar-rinviju tispjega li d-dritt Ġermaniż ma jistipula l-ebda possibbiltà ta’ eżami inċidentali tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża wara li dan it-telf ikun seħħ. F’tali każ, l-uniku rimedju għall-persuni kkonċernati li jirkupraw, mingħajr effett retroattiv, in-nazzjonalità Ġermaniża huwa li jerġgħu jippreżentaw applikazzjoni ġdida għal naturalizzazzjoni (56).

82.      Issa, din il‑possibbiltà li tiġi rkuprata n-nazzjonalità, peress li timplika li l-persuna kkonċernata hija miċħuda, matul perijodu stabbilit, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jkun possibbli li dawn id-drittijiet jerġgħu jiġu stabbiliti matul l-imsemmi perijodu, ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li dritt nazzjonali ma jistipulax, fil-kundizzjonijiet konformi mad-dritt tal‑Unjoni, li jinkiseb, mill-awtoritajiet nazzjonali u, eventwalment, mill‑qrati nazzjonali, eżami li jirrigwarda n-natura proporzjonali tal‑konsegwenzi li jġib miegħu t-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u li jista’ jwassal, jekk ikun il‑każ, għall-irkupru ex tunc ta’ din in-nazzjonalità, ma jistax jiġi kkumpensat bil-possibbiltà ta’ naturalizzazzjoni, ikunu x’ikunu l‑kundizzjonijiet, eventwalment favorevoli, li fihom din tista’ tinkiseb. Jekk jiġi aċċettat mod ieħor ifisser li qed jiġi ammess li persuna tista’ tkun prekluża, anki għal perijodu limitat, mill-possibbiltà li tgawdi mid‑drittijiet kollha mogħtija lilha mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jerġgħu jiġu stabbiliti dawn id-drittijiet għall-imsemmi perijodu (57).

VI.    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja):

L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li ċ-ċittadini tagħha, f’każ ta’ akkwist volontarju tan-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, jitilfu ipso jure n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, u dan iġib miegħu, għal dawk li ma jkunux ukoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, it‑telf tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, sakemm ma jiksbux l-awtorizzazzjoni li jżommu din in‑nazzjonalità qabel l-akkwist tan-nazzjonalità tal-pajjiż terz, kemm-il darba l-persuni kkonċernati jingħataw aċċess effettiv, fil-limiti ta’ terminu raġonevoli, għal proċedura ta’ żamma tan-nazzjonalità li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw il-proporzjonalità tal‑konsegwenzi li jġib miegħu t-telf ta’ din in-nazzjonalità fid-dawl tad‑dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, li ż-żamma jew l-irkupru ex tunc tal‑imsemmija nazzjonalità jiġu approvati. Tali terminu ma jistax jibda jiddekorri sakemm dawn l-awtoritajiet ma jkunux debitament infurmaw lill-persuni kkonċernati dwar il-fatt li eventwali akkwist jew irkupru tan‑nazzjonalità ta’ pajjiż terz iwassal għat-telf tan-nazzjonalità u dwar il-possibbiltà li tinbeda l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tippermetti li tintalab iż-żamma ta’ din in-nazzjonalità, kif ukoll dwar id‑dritt tagħhom li jitolbu, f’dan it-terminu, iż-żamma jew l-irkupru ta’ din in-nazzjonalità. Fin-nuqqas, l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu tali eżami, b’mod inċidentali, waqt applikazzjoni, minn dawn il-persuni, għal dokument tal-ivvjaġġar jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor li juri n-nazzjonalità tagħhom jew, jekk ikun il-każ, waqt proċedura ta’ konstatazzjoni tat-telf tan-nazzjonalità.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010 (C‑135/08, EU:C:2010:104, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Rottmann”, EU:C:2010:104).


3      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019 (C‑221/17, EU:C:2019:189, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Tjebbes et”, EU:C:2019:189).


4      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022 (C‑118/20, EU:C:2022:34, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Wiener Landesregierung”, EU:C:2022:34).


5      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023 (C‑689/21, EU:C:2023:626, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet”, EU:C:2023:626).


6      Fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Bundesgesetzblatt, Parti III, Nru 102-1, kif emendata bil-punt 7 tal-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Reform des Staatsangehörigkeitsrechts (il-Liġi li tirriforma d-Dritt taċ-Ċittadinanza), tal‑15 ta’ Lulju 1999 (BGBl. I, p. 161).


7      Meħuda mill-ibliet ikkonċernati fit-tliet kawżi prinċipali, fit‑13 ta’ Settembru 2019, fl‑24 ta’ Frar 2021 u fit‑12 ta’ Frar 2021, rispettivament.


8      Skont l-Artikolu 30(1) tal-iStAG: “[l]-eżistenza jew l-assenza tan-nazzjonalità Ġermaniża hija kkonstatata fuq talba mill-awtorità kompetenti fil-qasam tan‑nazzjonalità meta jintwera interess leġittimu b’mod kredibbli. Il-konstatazzjoni hija vinkolanti fil-kawżi kollha li għalihom l-eżistenza jew l-assenza tan-nazzjonalità Ġermaniża hija legalment rilevanti. Fil-preżenza ta’ interess pubbliku, il‑konstatazzjoni tista’ ssir ukoll ex officio.”


9      RGBl., p. 583.


10      Għal finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nindika li l-awturi tad-duttrina jispjegaw li din ir-riforma tar-RuStAG introduċiet element ta’ ius soli u ffaċilitat l-akkwist tan-nazzjonalità Ġermaniża għar-residenti barranin fil-Ġermanja u, b’mod partikolari, għal uliedhom imwielda f’dan l-Istat Membru. Dawn l-awturi jispjegaw li, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, saru emendi fl-2004, 2007, 2009, 2014 u 2019. Ara, b’mod partikolari, Farahat, A. u Hailbronner, K., Report on Citizenship Law: Germany, RSCAS/GLOBALCIT-CR 2020/5, European University Institute, Country Report 2020/05, Marzu 2020, p. 33.


11      L-akkwist tan-nazzjonalità Ġermaniża għalhekk seħħ taħt l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 25(1) tar-RuStAG, fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 1999, li kienet tistipula l-“Inlandsklausel” (iktar ’il quddiem il-“klawżola relatata mat-territorju nazzjonali”), li tipprevedi li t-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża jseħħ biss meta ċ-ċittadin Ġermaniż ikkonċernat ma kellux “la d-domiċilju tiegħu u lanqas ir-residenza permanenti tiegħu fit-territorju nazzjonali”. Din il-klawżola tneħħiet fl-Artikolu 25 tal-iStAG. Fl‑osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-Liġi li tirriforma d-Dritt taċ-Ċittadinanza tal‑15 ta’ Lulju 1999 [Dokument (‘Drucksache’) 14/5333 tal-Bundestag Ġermaniż tas‑16 ta’ Marzu 1999, p. 15] li tistipula li “[d]in il-“klawżola relatata mat-territorju nazzjonali” hija ħafna drabi użata b’abbuż tal-prinċipju li għandhom jiġu evitati diversi nazzjonalitajiet meta jkun hemm naturalizzazzjoni: in-nazzjonalità barranija abbandunata qabel in-naturalizzazzjoni tiġi rkuprata mingħajr sanzjoni wara n-naturalizzazzjoni. It-tneħħija tal-“klawżola relatata mat‑territorju nazzjonali” telimina din il-possibbiltà ta’ abbuż”. Ara, f’dan ir‑rigward, b’mod partikolari, McFadden, S.W., “German Citizenship Law and the Turkish diaspora”, German Law Journal, 2019, Nru 20, p. 72, u, b’mod partikolari, p. 74 sa 78; Falcke, S., u Vink, M., “Closing a Backdoor to Dual Citizenship: The German Citizenship Law Reform of 2000 and the Abolishment of the “Domestic Clause””, Frontiers in. Sociology., 2020, vol. 5, p. 1, u, b’mod partikolari, p. 3 sa 5, u Bouche, N., “La réforme de 1999 du droit allemand de la nationalité”, Revue international de droit comparé, 2002, vol. 54(4), p. 1035.


12      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      C‑689/21, EU:C:2023:53. Għall-qosor, ser nirreferi biss, għal espożizzjoni ta’ din il‑ġurisprudenza, għall-punti 29 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rottmann, punt 45; Tjebbes et, punt 32; Wiener Landesregierung, punti 37 u 51, kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din effettivament hija l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 tas-sentenza Rottmann.


15      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992 (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10).


16      Punti 41, 42 u 45.


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punti 23, 24 u 26). Konsegwentement, skont dan l‑Avukat Ġenerali, ma huwiex il-każ li minn dan il-prinċipju tiġi dedotta l‑impossibbiltà assoluta li tiġi rtirata n-nazzjonalità fil-każ fejn it-telf tagħha jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas li jitqies li l‑kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru li huwa jiddefinixxi huma esklużi mill-kontroll tad-dritt tal-Unjoni.


18      Sentenza Rottmann, punt 41.


19      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Rottmann, punti 39, 41 sa 43, 45, 48, 56, 55 u 59; Tjebbes et, punti 30, 32, 40 sa 42 u 45, kif ukoll Wiener Landesregierung, punti 44, 59, 61 u 73.


20      Punti 48, 55 u 56.


21      Sentenzi Tjebbes et, punt 40; Wiener Landesregierung, punt 58 kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 38.


22      Sentenzi Rottmann, punti 55 u 56; Tjebbes et, punt 41; Wiener Landesregierung, punt 59, kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 39.


23      Sentenzi Tjebbes et, punt 45; Wiener Landesregierung, punt 61 u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 55.


24      Sentenzi Tjebbes et, punt 42 u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 40.


25      Infakkar li, il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadina mwielda fl-Istati Uniti tal-Amerika minn omm Daniża u missier Amerikan u li kellha, sa mit-twelid tagħha, in-nazzjonalità doppja Daniża u Amerikana. Wara li għalqet 22 sena, hija ressqet quddiem l-Udlændinge- og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, id‑Danimarka) talba għaż-żamma tan-nazzjonalità Daniża tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru kompetenti, hija ġiet infurmata li kienet tilfet in-nazzjonalità Daniża tagħha fl-età ta’ 22 sena u li ż-żamma tan-nazzjonalità tagħha ma setgħetx tingħata inkwantu hija kienet ressqet it-talba tagħha wara li kienet laħqet din l-età.


26      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punti 41 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31), u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata.


30      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20(2) TFUE.


31      Ara l-punti 28 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34      Sentenzi Rottmann, punt 51; Tjebbes et, punt 33; Wiener Landesregierung, punt 52, kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 31.


35      Sentenzi Tjebbes et, punt 35, u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 32.


36      Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità adottata fis‑6 ta’ Novembru 1997 fil‑kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000. Din il‑Konvenzjoni hija applikabbli għall-Ġermanja mill‑1 ta’ Settembru 2005. Skont l‑Artikolu 7(1)(a) tagħha, “Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ipso jure jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil‑każijiet segwenti: kisba volontarja ta’ nazzjonalità oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


37      F’dak li jirrigwarda dan il-għan, minkejja li d-diversi nazzjonalitajiet għandhom ikunu l-eċċezzjoni, id-duttrina tenfasizza li n-nazzjonalità doppja llum hija ġeneralment aċċettata iktar. Skont dawn l-awturi, “fil-prattika, kien hemm żieda qawwija ta’ naturalizzazzjoni bir-rikonoxximent tan-nazzjonalità doppja”. Ara, f’dan ir-rigward, Farahat, A. u Hailbronner, K., op. cit., p. 9, 18 u 32. Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-Konvenzjoni tas‑6 ta’ Mejju 1963 dwar it‑Tnaqqis tal-Każijiet ta’ Diversi Nazzjonalitajiet u dwar l-Obbligi Militari f’każ ta’ Diversi Nazzjonalitajiet, li daħlet fis-seħħ għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit‑18 ta’ Diċembru 1969, ma baqgħetx applikabbli fil-Ġermanja b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2002 minħabba r-rinunzja tagħha. F’dawn ir-rigward, diversi awturi jispjegaw li r-riforma tar‑RuStAG kienet akkumpanjata bid-deċiżjoni ta’ rinunzja ta’ din il-Konvenzjoni, li tistipula aċċettazzjoni limitata tan-nazzjonalità doppja.


38      Il-Gvern Ġermaniż jiċċita d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2006, 2 BvR 1339/06, DE:BVerfG:2006:rk20061208.2bvr133906, punt 14. Dan il-gvern jindika li mill‑ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta wkoll li, mir-riforma tar-RuStAG, l‑eliminazzjoni ta’ diversi nazzjonalitajiet ma għadhiex prijorità. Ara Bundesverwaltungsgericht (il‑Qorti Amministrattiva Federali), sentenza tal‑10 ta’ April 2008, 5 C 28.07, DE :BVerwG :2008:100408U5C28.07.0, punt 21.


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tjebbes et, punt 34, u Wiener Landesregierung, punt 54. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tuża fil-ġurisprudenza tagħha t-terminu “effetti avversi”, nammetti li għandi dubji dwar ir-rilevanza li jiġu kklassifikati, b’mod ġenerali, bħala effetti “avversi” l-konsegwenzi tal-pussess, minn ċittadin ta’ Stat Membru, ta’ diversi nazzjonalitajiet.


40      Ir-Rapport ta’ Spjega ta’ din il-Konvenzjoni (Kunsill tal-Ewropa, Serje tat-Trattati Ewropej, Nru 166, p. 11) jindika li “[l-Artikolu 7(1)(a)] jippermetti lill-Istati Kontraenti li jistipulaw it-telf tan-nazzjonalità tagħhom f’każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità oħra. Il-kelma ‘volontarju’ tindika li l-persuna kkonċernata tkun kisbet din in-nazzjonalità minn jeddha u mhux b’mod awtomatiku (ipso jure)”.


41      Minn dan ir-rapport jirriżulta li, f’ċerti Stati, speċjalment meta ħafna persuni jixtiequ jakkwistaw jew akkwistaw in-nazzjonalità tagħhom, jista’ jitqies li ż-żamma ta’ nazzjonalità oħra tista’ tkun ta’ ostakolu għall-integrazzjoni kompleta ta’ dawn il-persuni. Min-naħa l-oħra, Stati Membri oħra jistgħu jippreferu jiffaċilitaw l‑akkwist tan-nazzjonalità tagħhom billi jippermettu lill-persuni kkonċernati li jżommu n-nazzjonalità ta’ oriġini tagħhom u li jiffavorixxu, bl-istess mod, l‑integrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ospitanti, b’mod partikolari sabiex jippermettu lil dawn il‑persuni jżommu n-nazzjonalità ta’ membri oħra tal-familja tagħhom jew sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jekk ikunu jixtiequ (Rapport ta’ Spjega, p. 3).


42      Sentenzi Rottmann, punti 55 u 56; Tjebbes et, punt 40; Wiener Landesregierung, punt 58, kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 38. Ara, ukoll, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Sentenzi Tjebbes et, punt 41, kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 39.


44      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, ukoll, il-punti 38 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Skont ċerti awturi tad-duttrina, id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 25 tal-iStAG temm l‑abbuż ta’ din il-lakuna leġiżlattiva li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mat-territorju nazzjonali “iżda, sfortunatament, din l-emenda legali ma ġietx innotata minn diversi ċittadini Torok u, ovvjament, lanqas mill-awtoritajiet Torok. Għalhekk huwa stmat li, filwaqt li rkupraw in-nazzjonalità Torka tagħhom, 40 000 Tork tilfu n-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom, kważi mingħajr ma kienu jafu, wara d-dħul fis‑seħħ (tal-iStAG)”, Farahat, A., u Hailbronner, K., op. cit., p. 26. Korsiv miżjud minni. Dwar din is-sitwazzjoni, ara, ukoll, McFadden, S.W., op. cit., p. 80. Fl‑opinjoni tiegħi, huwa diffiċli li tali miżuri jaqblu mas-solidarjetà intiża biex fuqha tinbena r-relazzjoni bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu stess, irrispettivament mill-fatt li, bħal f’dan il-każ, in-nazzjonalità kienet inkisbet permezz ta’ naturalizzazzjoni fil-kuntest partikolari tal-eżistenza ta’ lakuna leġiżlattiva li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mat-territorju nazzjonali.


47      B’mod partikolari, mill-kuntest ġuridiku espost mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l‑Artikolu 38 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi relatata mar-Residenza, mal‑Attività Professjonali u mal-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tal‑25 ta’ Frar 2008, (BGBl. I, p. 162), jistipula li ex ċittadin Ġermaniż għandu jingħata titolu ta’ resident permanenti jew permess ta’ residenza jekk, fil-mument tat-telf tan-nazzjonalità Ġermaniża, huwa jissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Skont ċerti awturi tad-duttrina, dan l-artikolu ġie introdott mil-leġiżlatur sabiex jagħti dan it‑tip ta’ permessi “liċ-ċittadini Torok li tilfu b’mod involontarju n-nazzjonalità Ġermaniża tagħhom, filwaqt li ħasbu li setgħu jirkupraw in-nazzjonalità Torka tagħhom”, Farahat, A., u Hailbronner, K., op. cit., p. 26. Korsiv miżjud minni.


48      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara l-punt 38 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tjebbes et, punt 42 u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 40.


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tjebbes et, punt 42 kif ukoll Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 40.


52      Tali konsegwenzi ma għandhomx ikunu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ipotetiċi jew potenzjali. Sentenzi Tjebbes et, punt 44 u Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 54.


53      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54      Sa fejn ir-rikorrenti kienet introduċiet l-applikazzjoni tagħha għaż-żamma tan‑nazzjonalità Daniża wara l-iskadenza tat-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Dan il-punt jingħaqad mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 66 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet. F’tali kuntest, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, bħala ċittadini Ġermaniżi, setgħu jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadini tal‑Unjoni bejn in-naturalizzazzjoni tagħhom fl‑1999 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat it-telf tan-nazzjonalità tagħhom, jiġifieri matul mill-inqas tmintax-il sena. Din is-sitwazzjoni, fl-ewwel lok, ta’ dritt u, sussegwentement, ta’ fatt, kif ukoll it-tensjoni li kien hemm bejn dawn iż-żewġ dati għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-dritt għal ħajja familjari u professjonali.


56      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Artikolu 13 tal-iStAG, li jagħti lil ex ċittadini Ġermaniżi, taħt ċerti kundizzjonijiet, naturalizzazzjoni ffaċilitata, japplika biss meta l-applikanti jkollhom id-domiċilju tagħhom f’pajjiż barrani.


57      Sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet, punti 57 u 58. Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Udlændinge- og Integrationsministeriet, (C‑689/21, EU:C:2023:53, punti 93 u 94.