KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil‑5 ta’ Ottubru 2023 ( 1 )
Kawża C‑661/22
ABC Projektai UAB, li kienet Bruc Bond UAB
vs
Lietuvos bankas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Operazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ ħlas li tikkonsisti fil-pussess ta’ fondi ta’ klijenti mingħajr ordni ta’ ħlas speċifika lil hinn mit-terminu legali ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas – Klassifikazzjoni tal-operazzjoni – Direttiva (UE) 2015/2366 – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2009/110/KE – Ħruġ ta’ flus elettroniċi”
|
1. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-Direttivi dwar is-servizzi ta’ ħlas ( 2 ) qiegħda tiżviluppa progressivament ( 3 ), iżda, jekk m’iniex żbaljat, sa issa ngħatat biss sentenza waħda ( 4 ) li tinterpreta d-Direttiva 2009/110/KE ( 5 ) dwar il-flus elettroniċi. |
|
2. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kunċett ta’ “flus elettroniċi.” B’mod konkret, għandu jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm ħruġ ta’ flus elettroniċi (attività suġġetta, għaldaqstant, għad-Direttiva 2009/110) meta fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas (iktar ’il quddiem “FSĦ”) jirċievi fondi mingħajr ordni ta’ ħlas speċifika u jżommhom għal terminu itwal minn dak previst mil-liġi. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 2015/2366
|
3. |
L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]”. |
|
4. |
L-Artikolu 18 (“Attivitajiet”) jistipula li: “1. Minbarra l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, l-istituzzjonijiet ta’ pagament għandu jkollhom id-dritt li jkunu involuti fl-attivitajiet li ġejjin:
2. Fejn l-istituzzjonijiet ta’ pagament jinvolvu ruħhom fil-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar ta’ pagament, jistgħu jżommu biss kontijiet ta’ pagament li jintużaw esklużivament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament. 3. Kwalunkwe fond riċevut minn istituzzjonijiet ta’ pagament mingħand utenti ta’ servizzi ta’ pagament, bil-ħsieb ta’ forniment ta’ servizzi ta’ pagament ma għandux jikkostitwixxi depożitu jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36/UE, jew flus elettroniċi kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE. […] 5. L-istituzzjonijiet ta’ pagament ma għandhomx iwettqu n-negozju li jieħdu depożiti jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36/UE. […]”. |
|
5. |
L-Artikolu 78 (“Riċevuti tal-ordnijiet ta’ pagament”) fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mument tar-riċevuta huwa meta l-ordni ta’ pagament tiġi riċevuta mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur. Il-kont tal-pagatur ma għandux jiġi debitat qabel tiġi riċevuta l-ordni ta’ pagament […]”. |
|
6. |
L-Artikolu 83 (“Tranżazzjonijiet ta’ pagament għal kont ta’ pagament”) fil-paragrafu 1 tiegħu jispeċifika li: “L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur jiżgura li, wara l-mument tar-riċevuta kif imsemmija fl-Artikolu 78, l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament se jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju sa tmiem il-jum ta’ negozju segwenti. Dak il-limitu tal-perijodu jista’ jiġi estiż b’jum ta’ negozju ieħor għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija fuq karta.” |
2. Id‑Direttiva 2009/110
|
7. |
Skont l-Artikolu 2 tagħha (“Definizzjonijiet”): “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…].” |
|
8. |
L-Artikolu 10 (“Projbizzjoni tal-emissjoni ta’ flus elettroniċi”) jipprovdi li: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-persuni naturali jew legali li ma humiex emittenti ta’ flus elettroniċi milli jemettu flus elettroniċi.” |
|
9. |
Skont l-Artikolu 11 (“Ħruġ u rimborżabbiltà”): “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma. 3. Il-kuntratt bejn l-emittenti tal-flus elettroniċi u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu b’mod ċar u prominenti jiddikjara l-kondizzjonijiet tar-rimborż, inklużi l-ħlasijiet marbutin mar-rimborż, u d-detentur tal-flus elettroniċi għandu jkun mgħarraf b’dawn il-kondizzjonijiet qabelma jkun marbut bi kwalunkwe kuntratt jew offerta. […]”. |
B. Id‑dritt nazzjonali
1. Il‑Liġi dwar il‑Ħlasijiet ( 6 )
|
10. |
Skont l-Artikolu 2(11) u (40) tagħha, rispettivament, “benefiċjarju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, istituzzjoni jew suddiviżjoni ta’ istituzzjoni oħra indikata f’ordni ta’ ħlas bħala r-riċevitur tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ ħlas; u “min iħallas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, istituzzjoni jew suddiviżjoni ta’ istituzzjoni li tkun detentriċi ta’ kont ta’ ħlas u li tkun tawtorizza ordni ta’ ħlas minn dak il-kont ta’ ħlas jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ ħlas, li tagħti ordni ta’ ħlas. |
|
11. |
Skont l-Artikolu 5, servizzi ta’ ħlas huma t-tranżazzjonjiet ta’ ħlas, inklużi t-trasferimenti ta’ fondi permezz ta’ kont ta’ ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-utent jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor; id-debiti diretti, inklużi d-debiti diretti mhux rikorrenti; it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument simili jew trasferimenti, inklużi l-ordnijiet permanenti (punt 3), kif ukoll it-trasferimenti ta’ fondi (punt 6). |
|
12. |
Skont l-Artikolu 6(3), l-istituzzjonijiet ta’ ħlas jagħmlu parti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. |
|
13. |
L-Artikolu 38(1) jipprovdi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jirrimborsa lil min iħallas l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata immedjatament wara li jkun sar jaf bit-tranżazzjoni jew wara li jkun ġie informat dwarha, sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-ewwel ġurnata tax-xogħol segwenti u għandu jirritorna, fejn applikabbli, il-kont ta’ ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun jinsab li kieku ma seħħitx it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, sakemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas ma jkollux motivi raġonevoli sabiex jissuspetta l-eżitenza ta’ frodi u jikkomunika l-imsemmija motivi bil-miktub lill-awtorità ta’ superviżjoni. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jiżgura wkoll li min iħallas ma jsofri l-ebda telf minħabba l-interessi dovuti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. |
|
14. |
L-Artikolu 42(2) jindika li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jibda l-ordni ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jistgħu jaqblu li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas għandha tibda f’ġurnata speċifika wara perijodu speċifiku jew fil-ġurnata li fiha min iħallas ikun għamel il-fondi disponibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. F’dan il-każ, il-ġurnata hekk miftiehem għandha titqies li hija l-ġurnata li fiha tiġi rċevuta l-ordni ta’ ħlas. Jekk il-ġurnata miftiehma ma tkunx ġurnata tax-xogħol għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, l-ordni ta’ ħlas għandha titqies li ġiet irċevuta fil-ġurnata tax-xogħol segwenti. |
|
15. |
L-Artikolu 46(1) jipprovdi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jiżgura li, wara li tiġi rċevuta l-ordni ta’ ħlas, l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas bl-euro mwettqa fil-Litwanja u intiża lejn Stat Membru ieħor jiġi kkreditat lill-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-ewwel ġurnata tax-xogħol segwenti, ħlief kif previst fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż b’ġurnata tax-xogħol addizzjonali meta t-tranżazzjoni ta’ ħlas tinbeda fuq karta. |
|
16. |
L-Artikolu 46(3) jispeċifika li, meta jsiru trasferimenti fil-Litwanja bl-euro, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jiżgura li, mal-wasla tal-ordni ta’ ħlas, l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas jiġi kkreditat lill-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju fl-istess ġurnata meta l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet irċevuta ġurnata waħda tax-xogħol qabel nofsinhar. Meta l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet irċevuta wara nofsinhar, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jiżgura li l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas jiġi kkreditat lill-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju mhux iktar tard mill-ewwel ġurnata tax-xogħol segwenti. Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 42(2) ta’ din il-liġi, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jiżgura li l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas jiġi kkreditat lill-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju fil-ġurnata ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas u, meta din il-ġurnata ma tkunx ġurnata tax-xogħol għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fil-ġurnata tax-xogħol segwenti. |
2. Il‑Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Ħlas ( 7 )
|
17. |
L-Artikolu 4(3) jispeċifika li istituzzjoni ta’ ħlas li tipprovdi servizz ta’ ħlas wieħed jew iktar jista’ jkollha kontijiet ta’ ħlas maħsuba biss għall-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas. Il-fondi rċevuti mill-istituzzjoni ta’ ħlas mill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas għall-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas ma jikkostitwixxux depożiti jew fondi rimborsabbli oħra jew flus elettroniċi. |
|
18. |
L-Artikolu 4(5) jipprevedi li l-istituzzjoni ta’ ħlas ma tistax tirċievi depożiti jew fondi oħra rimborsabbli minn operaturi mhux professjonisti fis-suq jew toħroġ flus elettroniċi. |
3. Il‑Liġi dwar il‑Flus Elettroniċi ( 8 )
|
19. |
F’konformità mal-Artikolu 2(1), “flus elettroniċi” tfisser valur monetarju, li jirrappreżenta pretensjoni fuq l-emittent, li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni meta l-fondi jiġu ttrasferiti lill-emittent minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li għandu l-karatteristiċi li ġejjin: dan għandu jinħażen f’format elettroniku, inkluż dak manjetiku, għal finijiet ta’ ħlas u jiġi aċċettat minn persuni oħra minbarra l-emittent tal-flus elettroniċi. |
|
20. |
L-Artikolu 5 jipprojbixxi l-ħruġ ta’ flus elettroniċi lil kull persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex emittent ta’ flus elettroniċi. |
|
21. |
L-Artikolu 6(1) jindika li l-emittenti ta’ flus elettroniċi għandhom joħorġu flus elettroniċi bil-valur nominali tagħhom wara li jirċievu fondi mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari
|
22. |
Bruc Bond UAB (li saret ABC Projektai UAB) ( 9 ) kienet istituzzjoni awtorizzata mil-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja) sabiex tipprovdi servizzi ta’ ħlas ( 10 ). |
|
23. |
Fis‑16 ta’ April 2020, il-Bank tal-Litwanja rtira l-awtorizzazzjoni ta’ ABC Projektai billi invoka għaxar motivi, li minnhom wieħed biss jikkonċerna dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri li ħareġ flus elettroniċi mingħajr ma kellu l-kwalità ta’ istituzzjoni ta’ flus elettroniċi (iktar ’il quddiem,“IFE”). |
|
24. |
Skont il-Bank tal-Litwanja, ABC Projektai żammet il-fondi tal-klijenti għal iktar żmien milli meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, jew għal raġunijiet tekniċi ( 11 ). Mill‑20 ta’ Frar 2017, fil-kontijiet ta’ sitt klijenti ta’ ABC Projektai ġew ikkreditati fondi lill-klijenti (ħlasijiet ta’ dħul) mingħajr skop ta’ ħlas speċifiku u, għal diversi jiem (jew, f’ċerti każijiet, diversi xhur) ( 12 ), ma sarux trasferimenti ta’ fondi (ħlasijiet ta’ ħruġ), bl-eċċezzjoni tal-kummissjonijiet ta’ ABC Projektai. |
|
25. |
Dan l-aġir kien jimplika, għall-Bank tal-Litwanja, li joħroġ flus elettroniċi, anki jekk ABC Projektai ssostni li hija wissiet lill-klijenti dwar in-neċessità li jibagħtu ordnijiet ta’ ħlas u li, fin-nuqqas li tirċevihom, hija kienet ser tipproċedi għar-rimbors tal-fondi, kif qalet li kienet għamlet. |
|
26. |
ABC Projektai ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bank tal-Litwanja quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), li ċaħditu fit‑8 ta’ Ġunju 2021. |
|
27. |
ABC Projektai ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja). Fil-qosor, hija tqis li meta s-servizz ta’ ħlas ma jkunx ipprovdut minn IFE u ma jkollux bħala għan il-ħruġ jew ir-rimbors tal-valur nominali tas-servizzi elettroniċi, dan ma jkunx jikkostitwixxi attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
28. |
Il-Bank tal-Litwanja jikkontesta l-appell fil-kassazzjoni, billi jinsisti fuq il-fatt li ABC Projektai ħarġet flus elettroniċi mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan. Huwa jsostni li dan jirriżulta mill-pożizzjoni adottata mill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank tal-Litwanja nnifsu dwar il-fondi miżmuma f’kontijiet ta’ ħlas ( 13 ). Huwa jżid li din il-pożizzjoni ġiet adottata bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea. |
|
29. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja: “F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn istituzzjoni ta’ ħlas taċċetta fondi mingħajr ordni ta’ ħlas speċifika biex tittrasferihom fl-istess ġurnata tax-xogħol jew f’dik segwenti u l-fondi jibqgħu fil-kont tal-istituzzjoni ta’ ħlas intiż għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas għal żmien li jeċċedi l-limiti għall-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ pagament stabbilit mil-liġi, l-azzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ ħlas għandhom jitqiesu bħala:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
30. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2022. |
|
31. |
ABC Projektai, il-Gvern Ġermaniż, Ċek, Pollakk u dak Litwan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
32. |
Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx ikkunsidrata bħala indispensabbli. |
IV. Evalwazzjoni
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari: kunċetti applikabbli
1. Flus elettroniċi
|
33. |
L-iżvilupp diġitali qiegħed iwassal għal tfassil mill-ġdid profond tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji u s-settur tal-ħlasijiet bl-imnut huwa minn ta’ quddiem f’dak li jirrigwarda din it-tendenza ( 14 ). Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li fiha tispikka d-Direttiva 2015/2366, bil-kemm tista’ trażżan din il-bidla teknoloġika aċċellerata ( 15 ) u, minħabba f’hekk, il-Kummissjoni pproponiet it-tħassir tagħha u s-sostituzzjoni tagħha b’oħra ( 16 ). |
|
34. |
Waħda min-novitajiet fil-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas kienet id-dehra tal-flus elettroniċi, maħruġa mill-IFE u li llum huma mifruxa b’mod wiesa’ ( 17 ). L-arranġamenti f’dan ir-rigward kienu irregolati mid-Direttiva 2000/46/KE ( 18 ), sakemm ġiet imħassra bid-Direttiva 2009/110 li għadha tinsab fis-seħħ. |
|
35. |
Il-kunċett ta’ flus elettroniċi ġie aġġornat fid-Direttiva 2009/110 sabiex dan il-kunċett isir iktar ċar u teknoloġikament newtrali ( 19 ). Skont id-definizzjoni li tirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, dan il-kunċett jimplika valur monetarju maħżun elettronikament jew b’mod manjetiku ( 20 ) li:
|
|
36. |
Il-prodotti ta’ flus elettroniċi jistgħu jkunu bbażati fuq hardware jew software, skont it-teknoloġija użata għall-ħażna tal-valur monetarju. Hemm ukoll skemi li jikkombinaw karatteristiċi bbażati fuq hardware u software. |
|
37. |
Fil-każ ta’ prodotti bbażati fuq hardware, il-kapaċità tal-akkwist tkun tinsab f’apparat fiżiku personali, bħal kard biċ-ċippa, b’funzjonijiet ta’ sigurtà bbażati wkoll fuq hardware. Il-valur monetarju normalment jiġi ttrasferit permezz ta’ qarrejja ta’ apparati li ma jeħtiġux konnettività tan-network fil-ħin reali ma’ server imbiegħed. |
|
38. |
Il-prodotti bbażati fuq software jużaw software speċjalizzat li jopera fuq apparat personali komuni, bħal kompjuters jew tablets. Sabiex ikun jista’ jsir it-trasferiment tal-valur monetarju, l-apparat personali ġeneralment jeħtieġ konnessjoni online ma’ server imbiegħed li jikkontrolla l-użu tal-kapaċità tal-akkwist. |
|
39. |
Il-leġiżlazzjoni applikabbli, minn naħa, għall-flus elettroniċi u, min-naħa l-oħra, għas-servizzi ta’ ħlas tinsab f’żewġ direttivi differenti, iżda relatati ( 22 ), li l-eżistenza separata tagħhom qiegħda tiġi kkunsidrata mill-ġdid ( 23 ). |
2. Servizzi ta’ ħlas, tranżazzjoni ta’ ħlas u kontijiet ta’ ħlas
|
40. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 jinkludi d-definizzjonijiet tal-kunċetti li hija tuża fid-dispożittiv tagħha. Għall-finijiet rilevanti għal din il-kawża:
|
B. Analiżi tad‑domanda preliminari
|
41. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega b’mod ċar il-każ inkwistjoni li hija għandha quddiemha. Hija tiddeskrivi l-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ ħlas li:
|
|
42. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività deskritta b’dan il-mod għandhiex taqa’ taħt id-Direttiva 2015/2366 jew inkella għandhiex tiġi kklassifikata bħala ħruġ ta’ flus elettroniċi ( 26 ), fis-sens tad-Direttiva 2009/110 ( 27 ). |
|
43. |
Id-Direttiva 2015/2366 tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas meta l-fondi jieħdu l-forma ta’ flus elettroniċi. Madankollu, din l-istess direttiva ma tirregolax il-ħruġ ta’ flus elettroniċi li jaqa’ taħt id-Direttiva 2009/110. Il-FSĦ, bħala tali, ma humiex awtorizzati joħorġu flus elettroniċi, attività li teħtieġ awtorizzazzjoni speċifika. |
|
44. |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/2366 jindika li:
|
|
45. |
Fir-riflessjonijiet li ġejjin, ser niddefendi l-fatt li ż-żamma, minn istituzzjoni ta’ ħlas, tal-fondi rċevuti minn utent hija, bħala prinċipju, tranżazzjoni li tinvolvi l-ġestjoni ta’ kont ta’ ħlas. Fl-opinjoni tiegħi, hija ma titlifx din in-natura meta dawn il-fondi jinżammu lil hinn mit-terminu legalment previst għall-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas fil-konfront tagħhom ( 30 ). |
|
46. |
Għaldaqstant, l-attività deskritta mill-qorti tar-rinviju tikkostitwixxi, prima facie, servizz ta’ ħlas, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366. |
|
47. |
Madankollu, huwa (teoretikament) possibbli li din l-attività tkun tinvolvi l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, suġġett għad-Direttiva 2009/110? |
|
48. |
Sabiex tingħata risposta għal din il-mistoqsija, għandu jiġi bbilanċjat, fl-ewwel lok, l-effett ta’ terminu speċifiku għal FSĦ sabiex jeżegwixxi l-ordnijiet ta’ ħlas irċevuti mill-utent u, fit-tieni lok, il-punt dwar jekk l-attività deskritta fid-digriet tar-rinviju tistax taqa’ taħt dawk suġġetti għad-Direttiva 2009/110. |
1. Terminu ta’ eżekuzzjoni tal‑ordnijiet ta’ ħlas
|
49. |
L-Artikolu 83(1) tad-Direttiva 2015/2366 jistabbilixxi terminu qasir sabiex il-FSĦ ta’ min iħallas jikkredita l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas fil-kont tal-benefiċjarju (b’mod iktar preċiż, fil-kont tal-FSĦ tal-benefiċjarju) ( 31 ). |
|
50. |
Dan it-terminu jibda jiddekorri mill-mument tar-riċeviment tal-ordni ta’ ħlas. Madankollu, skont l-Artikolu 78(2), il-FSĦ u min iħallas jistgħu jiftiehmu dwar data oħra bħala l-“ħin tar-riċevuta għall-finijiet tal-Artikolu 83” tad-Direttiva 2015/2366 ( 32 ). |
|
51. |
Kif jirrimarka l-Gvern Ċek ( 33 ), il-previżjoni tal-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2015/2366 titlef is-sens tagħha li kieku l-FSĦ kellu l-obbligu li josserva t-terminu tal-Artikolu 83(1) sa minn meta jirċievi l-fondi u mhux minn meta jirċievi l-ordni ta’ ħlas minn min iħallas. |
|
52. |
It-terminu ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 83 tad-Direttiva 2015/2366 jibda jiddekorri minn meta tiġi rċevuta l-ordni ta’ ħlas, u mhux meta d-detentur tal-kont ta’ ħlas jittrasferixxi fondi f’dan il-kont. Fi kliem ieħor, it-terminu ma jibdiex jiddekorri mill-mument tar-riċeviment tal-fondi jekk min iħallas ma jkunx ta ordni ta’ ħlas minn dawn il-fondi. |
|
53. |
Ir-rabta bejn it-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas u r-riċeviment tal-ordni ta’ ħlas tiggarantixxi li l-FSĦ jaġixxi b’konformità mal-azzjoni mibdija minn min iħallas (punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366) jew ma’ istruzzjoni mogħtija minn min iħallas (punt 13 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366). |
|
54. |
Din ir-rabta tiġġustifika li d-detentur jkun jista’ (kif jiġri ta’ spiss) jittrasferixxi fondi fil-kont ta’ ħlas tiegħu, mingħajr ma tali trasferiment ikun akkumpanjat b’ordni ta’ ħlas. Id-detentur għandu s-setgħa li jżomm fondi fil-kont li bihom jiġu eżegwiti ordnijiet ta’ ħlas futuri. Loġikament, il-FSĦ ma jkunx jista’ jeżegwixxi ordni ta’ ħlas irċevuta jekk ikun hemm nuqqas ta’ fondi fil-kont ta’ min iħallas. |
|
55. |
Bl-istess mod, id-Direttiva 2015/2366 issemmi każijiet ta’ servizzi ta’ ħlas li jeħtieġu, għall-eżekuzzjoni korretta tagħhom, disponibbiltà “kontinwa” ta’ fondi fil-kont ta’ ħlas. Pereżempju, l-eżekuzzjoni tad-debiti diretti ( 34 ) tippresupponi, sa ċertu punt, disponibbiltà kontinwa ta’ fondi fil-kont ta’ ħlas: ikun ferm mhux prattiku għall-utent li jittrasferixxi, b’avviż qasir, fondi għal kull debitu, filwaqt li hemm ir-riskju ulterjuri li l-ammont tad-debitu jista’ jvarja. |
|
56. |
Id-disponibbiltà kontinwa ta’ fondi fil-kont ta’ ħlas hija pperċettibbli wkoll f’każijiet bħal dak tal-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2015/2366, li jipprevedi l-eżekuzzjoni a posteriori u f’terminu miftiehem ta’ ordnijiet ta’ ħlas. |
|
57. |
Il-Gvern Litwan u l-qorti tar-rinviju jidhru, għall-kuntrarju, li jissuġġerixxu li jkun hemm ħruġ ta’ flus elettroniċi jekk il-FSĦ jirċievi fondi f’kont ta’ ħlas mingħajr ma d-detentur jibgħat ordnijiet ta’ ħlas għall-eżekuzzjoni tagħhom, f’liema każ il-FSĦ ikollu jipproċedi għar-rimbors ta’ dawn il-fondi u ma jżommhomx (pendenti) fil-kont ta’ ħlas. Dan kien l-ilment tal-Bank tal-Litwanja fil-konfront ta’ ABC Projektai. |
|
58. |
Naħseb li dan l-argument, f’dak li jirrigwarda l-konverżjoni tal-fondi fi flus elettroniċi, ma huwiex sostnut mid-Direttiva 2015/2263. |
|
59. |
Fl-opinjoni tiegħi, FSĦ ikun jikser din id-direttiva ( 35 ), iżda jibqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jekk jirċievi ordnijiet ta’ ħlas u ma jeżegwihomx skont l-Artikoli 78 u 83 tagħha. Billi jikser id-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-ġestjoni tal-kont ta’ ħlas, il-FSĦ jista’, ukoll, jinkorri r-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 89 tad-Direttiva 2015/2366, iżda din ma hijiex ir-raġuni għall-konverżjoni ta’ fondi fi flus elettroniċi. Tali konverżjoni ma sseħħx minħabba s-sempliċi fatt li fondi huma ttrasferiti u miżmuma f’kont ta’ ħlas għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas futuri. |
|
60. |
Id-Direttiva 2015/2366, ħlief f’każijiet espressament determinati, twettaq armonizzazzjoni kompleta (Artikolu 107(1)). Konsegwentement, ir-regoli nazzjonali li jmorru kontra tagħha ma għandhomx jiġu applikati, bħalma jkun il-każ jekk Stat Membru jistabbilixxi terminu obbligatorju sabiex il-FSĦ jeżegwixxi ordnijiet ta’ ħlas b’effett mir-riċeviment tal-fondi fil-kont ta’ min iħallas. |
|
61. |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2366 jobbliga s-salvagwardjar tal-fondi tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li huma miżmuma mill-FSĦ, billi jiġi ggarantit: a) jew li ma jitħalltux ma’ dawk ta’ ebda persuna fiżika jew ġuridika għajr l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li f’isimhom ikunu disponibbli l-fondi, b) jew ikunu koperti minn polza ta’ assigurazzjoni jew garanzija komparabbli oħra ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li ma jappartjenux għall-istess grupp bħall-FSĦ innifsu. |
|
62. |
Għalhekk, ma hemm l-ebda riskju għall-utent meta jittrasferixxi jew iżomm fondi f’kont ta’ ħlas għal perijodu ta’ żmien u, sussegwentement, joħroġ ordnijiet ta’ ħlas mill-imsemmija fondi. Huwa minn meta jirċievi din l-ordni ta’ ħlas li l-FSĦ għandu jipproċedi għall-eżekuzzjoni tagħha bil-ħeffa meħtieġa prevista fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2015/2366. |
|
63. |
Il-fondi rċevuti mill-FSĦ tal-utenti li għandhom kont ta’ ħlas jistgħu jintużaw biss għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas (Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2015/2366). Għal din ir-raġuni, dawn għandhom dejjem ikunu disponibbli u kkontrollati mid-detentur tal-kont, li ma jirċevix interessi jekk iżommhom fil-kont sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas futuri. Dawn il-fondi, kif diġà ġie enfasizzat fit-traskrizzjoni tal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2015/2366, ma jikkostitwixxux depożiti jew fondi oħra rimborsabbli fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36, u lanqas flus elettroniċi. |
2. Elementi determinanti għall‑ħruġ ta’ flus elettroniċi
|
64. |
Mid-definizzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/110 u minn dispożizzjonijiet oħra tagħha jista’ jiġi dedott li l-ħruġ ta’ flus elettroniċi jinkludi l-elementi li ġejjin ( 36 ):
|
|
65. |
Fl-opinjoni tiegħi, li essenzjalment tikkoinċidi ma’ dik ta’ ABC Projektai u tal-Gvern Ġermaniż, Ċek u dak Pollakk, kif ukoll ma’ dik tal-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi esposti mill-qorti tar-rinviju, ħafna mill-elementi essenzjali sabiex jitqies li l-attività ta’ ABC Projektai kienet tikkostitwixxi ħruġ ta’ flus elettroniċi, ma humiex issodisfatti. |
|
66. |
L-ewwel nett, kif għadni kif spjegajt, il-ħruġ ta’ flus elettroniċi jeħtieġ ftehim speċifiku, stipulat f’kuntratt. L-utent għandu jiftiehem mal-IFE li jittrasferilha, taħt din il-formola, il-fondi korrispondenti, sabiex twettaq tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Huwa preċiżament għaliex l-utent jesprimi r-rieda tiegħu li jibbenefika minn din il-modalità li l-IFE toħroġ flus elettroniċi u jittrasferilha dawn il-fondi sabiex tużahom għall-ħlasijiet sussegwenti tiegħu. |
|
67. |
Issa, bla ħsara għall-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju, xejn fil-proċess ma juri li dan il-kuntratt kien jeżisti, u lanqas li l-utent esprima r-rieda tiegħu li ABC Projektai toħroġ flus elettroniċi bil-valur monetarju tal-fondi ttrasferiti. It-trasferiment u ż-żamma ta’ fondi f’kont ta’ ħlas mingħajr ma jiġu ordnati immedjatament tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-valur ta’ dawn il-fondi ma jimplikax manifestazzjoni ta’ rieda (taċita) tal-utent għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
68. |
Huwa minnu li l-komponent suġġettiv, jiġifieri, l-għan ( 39 ) segwit mill-utent, ma jkunx determinanti fih innifsu, jekk ma jkunx rifless f’kuntratt mal-IFE, kuntratt li huwa element strutturali (u, bl-istess mod, oġġettiv) tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
69. |
F’dan il-kuntratt, ir-rieda taż-żewġ partijiet għandha tiġi enfasizzata, b’tali mod li l-utent u l-IFE jaqblu espliċitament li din tal-aħħar toħroġ flus elettroniċi bil-valur monetarju tal-fondi rċevuti minn dan tal-ewwel. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun hemm trasferiment ta’ fondi lejn kont ta’ ħlas sabiex il-FSĦ jew l-IFE ( 40 ) nnifisha jwettqu favur l-utent servizzi ta’ ħlas. |
|
70. |
It-tieni nett, lanqas ma ġie ssodisfatt, fiċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit ta’ ħlas minn qabel, li huwa karatteristika oħra tal-flus elettroniċi. Abbażi tal-ħlas minn qabel, l-IFE tibbenefika mill-kontroll tal-fondi li l-utent ikun ittrasferixxilha sabiex, ladarba kkonvertiti fi flus elettroniċi, tagħmel ħlasijiet sussegwenti. |
|
71. |
Meta jinħarġu flus elettroniċi, il-kontroll tal-fondi jkun f’idejn l-IFE ( 41 ) u mhux f’dawk tal-utent li juża l-valur monetarju bħala strument ta’ ħlas. Sa tmiem il-kuntratt, l-IFE tibqa’ tikkontrolla l-fondi rċevuti mingħand l-utent ( 42 ) fil-forma ta’ valur monetarju maħżun b’mod elettroniku. Il-flus elettroniċi huma assi addizzjonali li jinħolqu mill-IFE abbażi ta’ dawn il-fondi. |
|
72. |
Għall-kuntrarju, fis-servizzi ta’ ħlas ipprovduti abbażi ta’ kont ta’ ħlas, huwa l-utent u mhux l-IFE li jikkontrolla f’kull mument il-fondi ttrasferiti fuq dan il-kont. |
|
73. |
Fil-kawża ineżami, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-kontroll tal-fondi tal-kontijiet ta’ ħlas kien miżmum minn ABC Projektai, iżda kien miżmum mid-detenturi ta’ dawn il-kontijiet, li setgħu fi kwalunkwe ħin jagħtuha ordnijiet ta’ ħlas għall-eżekuzzjoni tagħhom. |
|
74. |
It-tielet nett, peress li l-flus elettroniċi huma assi addizzjonali kkontrollati mill-IFE, din l-istituzzjoni għandu jkollha kontabbiltà speċifika li tippermetti l-applikazzjoni tal-metodu partikolari ta’ kalkolu tal-fondi proprji tagħha, previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/110. |
|
75. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ABC Projecktai kellhiex din il-kontabbiltà speċifika għall-flus elettroniċi u għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, fatt li ma jistax jiġi dedott mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
76. |
Ir-raba’ nett, kif għadni kif enfasizzajt, id-detentur għandu l-kontroll tal-fondi fil-kontijiet ta’ ħlas, u jista’ jirtirahom skont ir-rieda tiegħu. Fil-każ tal-flus elettroniċi, huwa possibbli wkoll li min iħallas jitlob lill-IFE r-“rimbors” tal-flus li ma jkunx uża sabiex iħallas lil partijiet terzi. Madankollu, il-konverżjoni mill-ġdid tal-flus elettroniċi għall-valur nominali tagħhom u t-trasferiment sussegwenti tal-fondi fuq l-ordni tad-detentur ta’ flus elettroniċi jiddependu mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt bejn l-utent u l-IFE, li jista’ jipprevedi, pereżempju, il-ħlas ta’ spejjeż mill-klijent fil-każ ta’ rimbors antiċipat ( 43 ). |
|
77. |
Dan huwa dak li jindika l-Artikolu 11(3) u (4) tad-Direttiva 2009/110 meta jipprovdi li:
|
|
78. |
Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk kienx hemm kuntratt bejn l-utent u l-IFE li jistipula dawn il-kundizzjonijiet għar-rimbors ċari u espliċiti, bħala kundizzjoni preliminari għall-ħruġ tal-flus elettroniċi. |
|
79. |
Il-ħames nett, il-flus elettroniċi għandhom jinħażnu f’forma elettronika jew manjetika u jistgħu jintużaw biss ma’ utenti li jaċċettawhom b’mod volontarju ( 44 ) u li jkollhom l-għodod biex jużawhom. Għall-kuntrarju, l-ordnijiet ta’ ħlas eżegwiti minn kont ta’ ħlas għandhom jiġu aċċettati mill-FSĦ tal-operaturi ekonomiċi kollha. |
|
80. |
Mill-informazzjoni disponibbili fil-proċess, ma jirriżultax li ABC Projektai kellha flus maħżuna elettronikament jew b’mod manjetiku li setgħu jintużaw ma’ network ta’ klijenti li jaċċettawhom b’mod volontarju. Pjuttost kollox jidher li jindika li dawn kienu fondi ddepożitati f’kontijiet ta’ ħlas u li jistgħu jintużaw biss għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ ħlas tal-utenti. |
|
81. |
Fil-qosor, bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, l-attività kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2366 u ma tistax tiġi kklassifikata bħala ħruġ ta’ flus elettroniċi fis-sens tad-Direttiva 2009/110. |
V. Konklużjoni
|
82. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) kif ġej: “Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE, u l-punti 3 u 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: l-attività ta’ istituzzjoni ta’ ħlas li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni ta’ fondi mingħand utent mingħajr ma jkun ġie konkluż kuntratt sabiex jinħarġu flus elettroniċi minn dawn il-fondi ma taqax taħt id-Direttiva 2009/110, iżda taħt id-Direttiva 2015/2366. Dan japplika wkoll meta, fl-assenza tal-imsemmi kuntratt, l-istituzzjoni ta’ ħlas taċċetta l-fondi tal-utent mingħajr ma tkun inħarġet ordni ta’ ħlas speċifika għat-trasferiment tagħhom fl-istess ġurnata tax-xogħol jew fil-ġurnata tax-xogħol segwenti, u l-fondi jinżammu fil-kont tal-istituzzjoni ta’ ħlas li minnu t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas jiġu eżegwiti lil hinn mit-terminu previst mil-liġi għall-provvista tas-servizzi ta’ ħlas.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Dik li hija attwalment fis-seħħ hija d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).
( 3 ) B’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ April 2014, T-Mobile Austria (C‑616/11, EU:C:2014:242); tal‑4 ta’ Ottubru 2018, ING-DiBa Direktbank Austria (C‑191/17, EU:C:2018:809); tal‑11 ta’ April 2019, Mediterranean Shipping Company (Portugal) — Agentes de Navegação (C‑295/18, EU:C:2019:320); tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank (C‑287/19, EU:C:2020:897); tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671); u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215).
( 4 ) Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Paysera LT (C‑389/17, EU:C:2019:25). Iktar ’il quddiem is-“sentenza Paysera LT.”
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7).
( 6 ) Lietuvos Respublikos mokėjimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-ħlas), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima, fis-seħħ mill‑20 ta’ Ottubru 2019. Din il-liġi tittrasponi d-Direttiva 2015/2366 fid-dritt Litwan.
( 7 ) Lietuvos Respublikos mokėjimo įstaigų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Ħlas), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima, fis-seħħ mill‑1 ta’ Awwissu 2018.
( 8 ) Lietuvos Respublikos elektroninių pinigų ir elektroninių pinigų įstaigų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Flus Elettroniċi u l-Istituzzjonijiet ta’ Flus Elettroniċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima, fis-seħħ mill‑1 ta’ Awwissu 2018. Din il-liġi tittrasponi d-Direttiva 2009/110 fid-dritt Litwan.
( 9 ) Iktar ’il quddiem, ser nuża l-isem il-ġdid biex nirreferi għal din l-istituzzjoni.
( 10 ) Il-liċenzja tat‑13 ta’ Ottubru 2016 kienet tippermettilha toffri s-servizzi ta’ ħlas li ġejjin: l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, inklużi trasferimenti ta’ fondi, permezz ta’ kont ta’ ħlas tal-FSĦ tal-utent jew FSĦ ieħor; l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inklużi debiti diretti mhux rikorrenti; l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument simili u l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti, inklużi l-ordnijiet permanenti u t-trasferimenti ta’ fondi.
( 11 ) Fil-kawża, il-partijiet ma jargumentawx fuq il-fatt li ABC Projektai żammet il-fondi għal iktar żmien milli kien neċessarju, minkejja li ġie pprovat li, f’ċerti każijiet, hija ma setgħetx teżegwixxi l-ordnijiet ta’ ħlas minħabba li l-klijenti ma speċifikawx l-għan tal-ħlas. Barra minn hekk, ġie stabbilit li hija rrimborsat il-fondi kollha li ġew ittrasferiti lilha mingħajr ma nħarġet ordni ta’ ħlas.
( 12 ) Il-pjan tan-negozju ta’ ABC Projektai jispeċifika li din l-istituzzjoni ma tikkontrollax il-fondi għal żmien itwal minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet; li l-fondi ma jinżammux fil-kont għal iktar minn 48 siegħa; u li għandhom jiġu rritornati lil min iħallas, jekk ma tinħareġ l-ebda ordni ta’ ħlas f’dak it-terminu. Skont il-Bank tal-Litwanja, ABC Projektai ma kkonformatx ruħha ma’ dawn l-istipulazzjonijiet.
( 13 ) Din hija l-Lietuvos Banko Priežiūros tarnybos pozicija dėl mokėjimo sąskaitose laikomų lėšų (il-Pożizzjoni tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank tal-Litwanja dwar il-fondi miżmuma f’kontijiet ta’ ħlas), adottata mil-Lietuvos banko Priežiūros tarnybos direktoriaus 2016 m. vasario 29 d. prendimas Nr. 241–53 (Deċiżjoni Nru 241–53 tad-Direttur tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank tal-Litwanja, tad‑29 ta’ Frar 2016). Skont id-digriet tar-rinviju, din il-pożizzjoni tistabbilixxi li FSĦ “jista’ jirċievi fondi f’kont ta’ ħlas li jinfetaħ miegħu biss jekk ikunu akkumpanjati minn ordni ta’ ħlas li għandha tiġi eżegwita fit-terminu previst mil-Liġi dwar il-Ħlasijiet […], u għandu jieħu miżuri suffiċjenti sabiex jiżgura li l-fondi rċevuti minn terzi fil-kont ta’ ħlas tal-klijent ma jinżammux għal iktar żmien milli neċessarju sabiex isir il-ħlas. Jekk dawn ir-rekwiżiti ma jintlaħqux, il-fondi fil-kont ta’ ħlas tal-[FSĦ] għandhom jitqiesu bħala depożiti jew fondi rimborsabbli oħra, jew flus elettroniċi.”
( 14 ) Ara l-BĊE, Study on the payment Attations of consumers in the euro area (SPACE 2022), Frankfurt, 2023, https://www.ecb.europa.eu/stats/ecb_surveys/space/html/ecb.spacereport202212~783ffdf46e.en.html; kif ukoll id-dokument COM (2020) 592 final tas‑27 ta’ Settembru 2020, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija dwar il-Pagamenti bl-Imnut għall-UE.
( 15 ) Dan ġie indikat mill-Kummissjoni f’A Study on the application and impact of the Directive (EU) 2015/2366 on Payment Services (PSD2), FISMA/2021/OP/0002, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f6f80336-a3aa-11ed-b508-01aa75ed71a1/language-en.
( 16 ) Dokument COM (2023) 366 final tat‑28 ta’ Ġunju 2023, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-Suq Intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi (UE) 2015/2366 u 2009/110/KE.
( 17 ) Bħalissa hemm ħafna kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ flus elettroniċi. Fosthom, Paypal, Apple Pay, Google Pay u Amazon Pay.
( 18 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Settembru 2000 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 3, p. 343).
( 19 ) Il-premessa 7 tad-Direttiva 2009/110: “[j]ixraq li tiġi introdotta definizzjoni ċara tal-flus elettroniċi sabiex tkun teknikament newtrali. Din id-definizzjoni għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas joħroġ valur maħżun imħallas minn qabel bi tpartit għal fondi, li jkun jista’ jintuża għall-finijiet ta’ ħlas minħabba li persuni terzi jgħodduh bħala ħlas.”
( 20 ) Il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/110: “[i]d-definizzjoni ta’ flus elettroniċi għandha tkopri l-flus elettroniċi kemm jekk ikunu miżmuma fuq apparat tal-ħlas li jkun għand id-detentur tal-flus elettroniċi kif ukoll jekk ikunu maħżuna mill-bogħod fuq server u ġestiti mid-detentur tal-flus elettroniċi permezz ta’ kont ta’ ħlas speċifiku tal-flus elettroniċi. Din id-definizzjoni għandha tkun wiesgħa biżżejjed biex tevita li xxekkel l-innovazzjoni teknoloġika u biex tkopri mhux biss il-prodotti kollha tal-flus elettroniċi disponibbli llum fis-suq iżda wkoll dawk il-prodotti li jistgħu jiġi żviluppati fil-ġejjieni.”
( 21 ) Ġeneralment, huwa meqjus bħala flus elettroniċi depożitu elettroniku ta’ valur monetarju f’apparat tekniku li jista’ jintuża sabiex isiru ħlasijiet lil entitajiet oħra għajr l-emittent. L-apparat jaġixxi bħala strument ta’ ħlas minn qabel tal-portatur, li mhux neċessarjament jinvolvi kontijiet bankarji fit-tranżazzjonijiet. Ara l-BĊE, Electronic money, en https://www.ecb.europa.eu/stats/money_credit_banking/electronic_money/html/index.en.html.
( 22 ) Dwar dawn l-interazzjonijiet, ara Riefa C., “Directive 2009/110 on the taking up, pursuit and prudential supervision of the business of electronic money institutions and Directive 2015/2366/EU on the control of electronic payments in the EU”, f’Lodder, R., y Murray, A. (eds.): EU Regulation of E-Commerce. A Commentary, Elgar Commentarie Series, Edward Elgar, Londra, 2017, p. 157 sa 160.
( 23 ) Il-Kummissjoni għażlet li tgħaqqad iż-żewġ direttivi fil-proposta għal Direttiva ġdida li tinsab fid-dokument COM(2023) 366 final, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.
( 24 ) Dawn huma s-servizzi li jippermettu li d-depożitu ta’ flus kontanti f’kont ta’ ħlas u l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-kont ta’ ħlas; is-servizzi li jippermettu l-irtirtar ta’ flus kontanti minn kont ta’ ħlas u l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-kont ta’ ħlas; l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, inklużi trasferimenti ta’ fondi, permezz ta’ kont ta’ ħlas tal-FSĦ tal-utent jew FSĦ ieħor: a) eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inklużi d-debiti diretti mhux rikorrenti, b) eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard ta’ ħlas jew strument simili, c) eżekuzzjoni ta’ trasferimenti, inklużi ordnijiet permanenti.
( 25 ) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 ma tiddefinixxix, b’mod partikolari, x’għandu jinftiehem bi “tħaddim ta’ kont ta’ pagament.”
( 26 ) Kif tfakkar is-sentenza Paysera LT (punt 24), id-Direttiva 2009/110 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “ħruġ ta’ flus elettroniċi.”
( 27 ) Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jinftiehmu, peress li d-differenza bejn is-servizzi ta’ ħlas u l-ħruġ ta’ flus elettroniċi ma hijiex evidenti għall-FSĦ kollha. Dan ġie enfasizzat fl-Opinion of the European Banking Authority on its technical advice on the review of Directive (UE) 2015/2036 on payment services in the internal market (PSD2), EBA/Op/2022/06, tat‑23 ta’ Ġunju 2022, p. 25.
( 28 ) Dwar il-kunċett ta’ servizzi ta’ ħlas u ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas, ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Mediterranean Shipping Company (Portugal) — Agentes de Navegação (C-295/18, EU:C:2019:320), punti 37 sa 48 u 54.
( 29 ) Ara d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214). Is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, ING-DiBa Direktbank Austria (C‑191/17, EU:C:2018:809), tiddikjara li “l-possibbiltà li, minn kont, isiru tranżazzjonijiet ta’ ħlas favur terzi jew li persuna tibbenefika minn tali tranżazzjonijiet magħmula minn terzi tikkostitwixxi element kostituttiv tal-kunċett ta’ ‘kont ta’ ħlas’” (punt 31) u li “kont li minnu tali tranżazzjonijiet ta’ ħlas ma jistgħux isiru direttament, iżda li għat-twettiq tagħhom huwa meħtieġ l-użu ta’ kont intermedjarju ma jistax jitqies bħala ‘kont ta’ ħlas’ fis-sens tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas u, għalhekk, fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas” (punt 32).
( 30 ) Il-Kummissjoni ddefendiet din l-opinjoni fit-tweġiba tagħha tat‑12 ta’ Marzu 2012 għall-mistoqsija ID 2018/4221 (Ability of a payment account operated by a payment institution to hold a credit balance in readiness for future payment transactions), disponibbli fuq l-EBA, Single Rulebook Q&A, Question ID 2018_4221, https://www.eba.europa.eu/single-rule-book-qa/-/qna/view/publicId/2018_4221. Skont il-Kummissjoni, “[…] A payment institution may hold clients’ funds on payment accounts for the purpose of providing payment services, including the execution of not yet specified future payment transactions, in accordance with the framework contract for setting up the referred payment account […].”
( 31 )
( 32 ) L-Artikolu 78(1) tad-Direttiva 2015/2366 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-mument tar-riċeviment ikun il-mument meta l-ordni ta’ ħlas tiġi rċevuta mill-FSĦ ta’ min iħallas u li l-kont ta’ min iħallas ma jiġix iddebitat qabel ma tiġi rċevuta l-ordni ta’ ħlas. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, “[j]ekk l-utent ta’ servizzi ta’ pagament li jibda ordni ta’ pagament u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tiegħu jiftiehmu li l-esekuzzjoni tal-ordni ta’ pagament għandha tibda f’jum speċifiku jew fi tmiem perijodu speċifiku jew fil-jum li fih il-pagatur ikun poġġa fondi għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, il-ħin tar-riċevuta għall-finijiet tal-Artikolu 83 għandu jitqies li huwa l-jum miftiehem.”
( 33 ) Punt 8 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 34 ) “Debitu dirett” tfisser “servizzi ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, ill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju, jew lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur stess” (punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366).
( 35 ) U, f’tali każ, ikun espost għar-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 89 tad-Direttiva 2015/2366.
( 36 ) Ara l-analiżi ddettaljata ta’ Storrer, P., Droit de la monnaie électronique, RB Édition, Pariġi, 2014, p. 41 et seq.
( 37 ) Fil-punt 27 tas-sentenza Paysera LT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-“rimbors” jikkonsisti fil-konverżjoni mill-ġdid tal-flus elettroniċi għall-valur nominali tagħhom u l-ħlas sussegwenti tal-fondi fuq l-ordni tad-detentur tal-flus elettroniċi. Ma huwiex meħtieġ li “[…] dawn il-fondi jitħallsu fil-kont tad-detentur tal-flus elettroniċi jew fil-kont ta’ terz.”
( 38 ) L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2009/110 jimponi fuq l-emittenti ta’ flus elettroniċi obbligu li jirrimborsaw, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, f’kull ħin u bil-valur nominali, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma. Kif tispeċifika l-Kummissjoni, il-kuntratt konkluż bejn l-emittent u l-utent jista’ jipprevedi ċerti kundizzjonijiet għar-rimbors, inkluż il-ħlas ta’ spejjeż, jekk jintalab f’terminu determinat
( 39 ) Ir-rilevanza tal-għan tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi tirriżulta, a sensu contrario, mill-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2015/2366. L-għan tat-trasferiment ta’ fondi huwa msemmi wkoll fis-sentenza Paysera LT, punti 29, 32 u 33 fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.
( 40 ) Minbarra l-provvista ta’ servizzi ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi u l-ġestjoni ta’ dawn l-assi, l-IFE tista’ tipprovdi servizzi ta’ ħlas lill-utenti permezz ta’ kontijiet ta’ ħlas.
( 41 ) Il-kontroll tal-IFE fuq is-somom intiżi għall-ħruġ tal-flus elettroniċi jiġġustifika l-fatt li r-rekwiżiti ta’ fondi proprji jkunu ogħla għall-IFE (Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/110) milli għall-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala FSĦ. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Paysera LT, punti 18 sa 22.
( 42 ) Loġikament, l-utent għandu d-dritt li jwettaq ħlasijiet permezz tal-flus elettroniċi.
( 43 ) Ara, f’dan is-sens, l-ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2015, indirizzata mill-Kummissjoni lill-Bank tal-Litwanja (Anness I tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni).
( 44 ) Sabiex nagħti eżempju, wieħed ma jistax iħallas bil-PayPal lil operatur ekonomiku li ma jaċċettax dawn it-tip ta’ flus elettroniċi fit-tranżazzjonijiet tiegħu.