KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑12 ta’ Jannar 2023 ( 1 )
Kawża C‑638/22 PPU
T.C.,
Rzecznik Praw Dziecka,
Prokurator Generalny
fil-preżenza ta’:
M.C.,
Prokurator Prokuratury Okręgowej we Wrocławiu
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Sekwestru internazzjonali ta’ minuri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – Artikoli 11 sa 13 – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Rekwiżit ta’ ħeffa tal-proċedura ta’ ritorn – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, mogħtija ipso jure, fuq talba ta’ entità pubblika awtorizzata, intiża li tippermetti lil din l-entità tippreżenta appell ta’ kassazzjoni u l-eżami tiegħu mill-qorti kompetenti – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”
I. Daħla
|
1. |
Il-kawżi ta’ sekwestru ta’ minuri mingħajr dubju huma fost l-iktar sensittivi li qorti jista’ jkollha tiddeċiedi fuqhom. Dawn jidħlu, fil-fatt, f’kuntest emozzjonali u ġuridiku partikolarment tqil, fejn ir-riżentiment reċiproku tal-ġenituri, is-sentimenti tagħhom fir-rigward tal-minuri tagħhom, u d-drittijiet fundamentali ta’ kull parti, iċċentrati madwar l-interess superjuri ta’ dawn tal-aħħar, jitħalltu flimkien. |
|
2. |
Il-proċedura stabbilita, f’dan ir-rigward, mill-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, iffirmata f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”) u ssupplimentata, fl-Unjoni Ewropea, minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”), li hija intiża li tiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu, diġà hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha tibqa’ kontroversjali, għall-inqas f’ċerti Stati. |
|
3. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-obbligu tal-Istati Membri tal-Unjoni, li jirriżulta minn dawn l-istrumenti, li jipprevedu, proċeduri mħaffa għall-ipproċessar tat-talbiet għal ritorn. Din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk, skont l-imsemmija strumenti, Stat Membru jistax jipprevedi, f’dan il-qasam, minbarra żewġ istanzi ġurisdizzjonali ordinarji, il-possibbiltà ta’ appell ta’ kassazzjoni, li jkun iwassal, fuq sempliċi talba mhux motivata minn waħda mill-entitajiet pubbliċi awtorizzati sabiex jippreżentaw tali appell, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għaliex dan ma jistax ikun il-każ. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980
|
4. |
Skont l-Artikolu 1(a) tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 hija intiża, b’mod partikolari, li “tiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri mneħħija jew miżmuma inġustament fi kwalunkwe Stat kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
5. |
L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li l-Istati kontraenti għal din il-konvenzjoni “għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw, fil-limiti tat-territorju tagħhom, it-twettieq tal-għanijiet tal-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, huma għandhom jirrikorru għall-proċeduri b’urġenza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6. |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi: “L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ kull Stat kontraenti għandhom jipproċedu b’urġenza fir-rigward tar-ritorn tal-minuri. Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva adita ma tkunx ħadet deċiżjoni fi żmien sitt ġimgħat minn meta tkun ġiet adita, il-persuna li tkun ressqet it-talba jew l-Awtorità Ċentrali tal-Istat mitlub, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjedenti, jistgħu jitolbu dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet għal dan id-dewmien. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7. |
Skont l-Artikolu 12 ta’ din l-istess konvenzjoni: “Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm inġustament fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma fil-mument li fih titressaq it-talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat kontraenti li fih ikun jinsab il-minuri, l-awtorità adita għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8. |
L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprovdi: “Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat mitlub ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jopponu għar-ritorn tiegħu jistabbilixxu li: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
B. Ir‑Regolament Brussell IIa
|
9. |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Brussell IIa, intitolat “Ir-ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi: “1. Fejn persuna […] li għandh[a] id-drittijiet ta’ kustodja [t]applika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8. […] 3. Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata. […]” |
C. Id‑dritt Pollakk
|
10. |
L-Artikolu 5191(21) tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), li jirriżulta mill-ustawa o wykonywaniu niektórych czynności organu centralnego w sprawach rodzinnych z zakresu obrotu prawnego na podstawie prawa Unii Europejskiej i umów międzynarodowyc (il-Liġi li tirregola ċerti attivitajiet tal-awtorità ċentrali dwar id-dritt tal-familja abbażi tad-dritt tal-Unjoni u l-konvenzjonijiet internazzjonali), tas‑26 ta’ Jannar 2018 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 416, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2018”), jipprovdi: “Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat ukoll fil-proċeduri li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt kustodja mibdija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.” |
|
11. |
Skont l-Artikolu 5191(22) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li wkoll jirriżulta mil-Liġi tal‑2018: “Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 5191(21), il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), ir-Rzecznik Praw Dziecka (il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri) u r-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman) ukoll jistgħu jippreżentaw appell fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun saret definittiva.” |
|
12. |
L-ustawa z dnia 7 kwietnia 2022 r. o zmianie ustawy Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi tas‑7 ta’ April 2022 li temenda l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (Dz. U. tal‑2022, intestatura 1098, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2022”), li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ Ġunju 2022, introduċiet fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-Artikolu 3881 li jipprovdi: “1. Fil-kawżi li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt kustodja mressqa abbażi tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jkun jikkonċerna t-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt għandu jiġi sospiż ipso jure meta persuna msemmija fl-Artikolu 5191(22) tkun ressqet talba għal dan il-għan quddiem [is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja)], fi żmien ġimagħtejn mill-jum li fih dan id-digriet ikun sar definittiv. 2. Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet, imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tintemm jekk il-persuna msemmija fl-Artikolu 5191(22) ma tippreżentax appell ta’ kassazzjoni fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan id-digriet ikun sar definittiv. 3. Meta l-persuna msemmija fl-Artikolu 5191(22) tippreżenta appell ta’ kassazzjoni fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-digriet imsemmi fil-paragrafu 1 ikun sar definittiv, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet għandha tiġi estiża ipso jure sat-tmiem tal-proċedura ta’ kassazzjoni. 4. Il-persuna li tkun ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tirtira din it-talba fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan id-digriet ikun sar definittiv, sakemm persuna msemmija fl-Artikolu 5191(22) ma tkunx ippreżentat appell ta’ kassazzjoni. 5. Wara l-irtirar tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet imsemmija fil-paragrafu 1, din id-deċiżjoni tikseb saħħa eżekuttiva.” |
III. Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
13. |
T.C. (iktar ’il quddiem il-“missier”) u M.C. (iktar ’il quddiem l-“omm”), ċittadini Pollakki, huma l-ġenituri ta’ żewġt ulied, jiġifieri N., imwielda fit‑8 ta’ Ġunju 2011, u M., imwieled fl‑1 ta’ Jannar 2017 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“minuri”). Il-familja rrisjediet fl-Irlanda għal diversi snin. Il-minuri twieldu hemmhekk u għandhom ukoll iċ-ċittadinanza Irlandiża. Barra minn hekk, il-ġenituri t-tnejn għandhom impjieg stabbli f’dan il-pajjiż, għalkemm l-omm qiegħda fuq leave tal-mard fit-tul. |
|
14. |
Matul is-sajf tal‑2021, l-omm marret, bil-kunsens tal-missier, fuq vaganza fil-Polonja flimkien mal-minuri. Matul ix-xahar ta’ Settembru, hija informatu li kienet ser tibqa’ hemmhekk b’mod permanenti. Il-missier qatt ma ta l-kunsens tiegħu għall-bidla tar-residenza abitwali tal-minuri lanqas, għalhekk, li dawn ma jirritornawx lejn l-Irlanda. |
|
15. |
Fit‑18 ta’ Novembru 2021, il-missier ressaq quddiem is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław, il-Polonja) talba għar-ritorn tal-minuri lejn l-Irlanda, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. L-omm intervjeniet fil-proċedura u talbet li din it-talba tiġi miċħuda. Il-Prokurator Okręgowy we Wrocławiu (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Wrocław) intervjena, min-naħa tiegħu, insostenn tal-imsemmija talba. |
|
16. |
Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ġunju 2022, is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław) laqgħet it-talba tal-missier. Dik il-qorti kkunsidrat, essenzjalment, li f’dan il-każ kien hemm tabilħaqq “żamma inġusta ta’ minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, u li r-raġuni għal żamma prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni ma kinitx applikabbli. Konsegwentement, hija ordnat lill-omm tiżgura r-ritorn tal-minuri lejn l-Irlanda fi żmien 7 ijiem mid-data li fiha dan id-digriet isir definittiv. |
|
17. |
Sussegwentement, l-omm appellat mill-imsemmi digriet quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja). Il-missier u l-Prosekutur Reġjonali ta’ Wrocław talbu, min-naħa tagħhom, li dan l-appell jiġi miċħud. |
|
18. |
Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Settembru 2022, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) ċaħdet ir-rikors. Il-qorti tal-appell essenzjalment ikkonfermat l-evalwazzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-raġuni għal żamma prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. |
|
19. |
Id-digriet tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) sar definittiv fil-jum tal-għoti tiegħu, jiġifieri fil‑21 ta’ Settembru 2022. Id-digriet tas-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław) tal‑15 ta’ Ġunju 2022 ukoll sar definittiv f’din id-data. |
|
20. |
Fit‑28 ta’ Settembru 2022, it-terminu ta’ sebat ijiem mogħti lill-omm, fid-digriet tal‑15 ta’ Ġunju 2022 tas-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław), għall-konformità volontarja mad-digriet definittiv li jordna ritorn skada, mingħajr ma din kienet żgurat ir-ritorn tal-minuri lejn l-Irlanda. |
|
21. |
Fid‑29 ta’ Settembru 2022, sabiex jipproċedi għall-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, il-missier ressaq, quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), talba intiża sabiex din il-qorti żżid, ma’ dan id-digriet, indikazzjoni dwar is-saħħa eżekuttiva tiegħu, u sabiex hija tikkomunikalu kopja tal-imsemmi digriet, bl-inklużjoni ta’ din l-indikazzjoni. |
|
22. |
Fit‑30 ta’ Settembru 2022, il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Minuri ressaq talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digrieti tal-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza skont l-Artikolu 3881(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Fil‑5 ta’ Ottubru 2022, il-Prosekutur Ġenerali għamel l-istess. |
|
23. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 11(3) tar-[Regolament Brussell IIa], u l-Artikoli 22, 24, 27(6) u 28(1) u (2) tar-[Regolament Brussell IIb], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il qudiem il-“Karta”], jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skonthom f’kawżi dwar it-teħid ta’ persuni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew li huma suġġetti għal kustodja, immexxija fuq il-bażi tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], l-eżekuzzjoni ta’ digriet dwar it-teħid ta’ persuni li jaqgħu taħt l-awtorità tal-ġenituri jew li huma suġġetti għal kustodja hija sospiża bil-liġi, fuq talba tal-[Prosekutur Ġenerali], il-[Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri] jew [l-Ombudsman] magħmula lis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) sa mhux iktar minn ġimgħatejn mill-jum meta dan id-digriet isir definittiv?” |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
24. |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
25. |
Insostenn ta’ din it-talba, dik il-qorti ssostni li, fid-dawl tal-fatt li l-minuri diġà ilhom fil-Polonja għal iktar minn sena, il-fatt li din is-sitwazzjoni instabbli tiġi pprolongata ulterjorment b’iktar xhur ikun jissogra, minn naħa, li tiġi affettwata b’mod negattiv ħafna r-relazzjoni tagħhom mal-missier u, min-naħa l-oħra, li tiġi affettwata l-benesseri tagħhom u, b’mod partikolari, li jiġu kkomplikati r-ritorn potenzjali tagħhom lejn l-Irlanda u r-riintegrazzjoni tagħhom f’dak l-Istat. |
|
26. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-Tielet Awla ddeċidiet, fis‑26 ta’ Ottubru 2022, li tilqa’ l-imsemmija talba. |
|
27. |
Il-missier, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri, il-Prosekutur Ġenerali, l-omm, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-missier, il-Prosekutur Ġenerali, l-omm, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Diċembru 2022. |
V. Analiżi
|
28. |
Huwa utli li jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha ( 3 ), hija intiża li tirreaġixxi, fuq livell ċivili, għas-“sekwestri internazzjonali ta’ minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew, b’mod iktar preċiż, għat-“tneħħija jew iż-żamma inġusti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom. Dawn jinkludu s-sitwazzjonijiet li fihom minuri jiġi “mneħħi”, ġeneralment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, mill-Istat kontraenti fejn ikun jirrisjedi abitwalment lejn Stat kontraenti ieħor, jew inkella ma jiġix “irritornat” lejn l-ewwel Stat, bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja mogħti skont id-dritt tal-imsemmi Stat, b’mod partikolari meta, skont dan id-dritt, tali tneħħija jew żamma kellha tkun – iżda ma kinitx – awtorizzata mill-ġenitur l-ieħor ( 4 ). |
|
29. |
Abbażi tal-premessa li skontha, bħala regola ġenerali, tali att jippreġudika serjament l-interessi tal-minuri mneħħi – li b’hekk jitneħħa mill-ambjent tiegħu qabel is-sekwestru u, ħafna drabi, jiġi mċaħħad mill-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor tiegħu – u li skontha, bħala prinċipju, huwa fl-aħjar interess tiegħu li jerġgħu jiġu stabbiliti, fl-iqsar żmien possibbli, l-“istatus quo ante” u l-kontinwità tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-iżvilupp tiegħu ( 5 ), din il-konvenzjoni tipprevedi proċedura speċifika, li għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu. |
|
30. |
Meta titressaq “talba għal ritorn” fondata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – ġeneralment mill-ġenitur abbandunat – quddiem awtorità kompetenti tal-Istat li fih ikun ġie ssekwestat il-minuri (l-Istat mitlub), din il-konvenzjoni tipprevedi, fl-Artikolu 12 tagħha, il-prinċipju li din l-awtorità għandha tordna r-“ritorn immedjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu. Madankollu, l-imsemmija awtorità tista’, b’mod eċċezzjonali, ma tordnax ir-ritorn tal-minuri f’każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti mill-imsemmija konvenzjoni, li fihom l-istabbiliment mill-ġdid tal-“istatus quo ante” ma jkunx fl-interess tiegħu. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni, meta jkun hemm “riskju serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li dan ir-ritorn jesponi lill-minuri għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew b’xi mod ieħor iqiegħdu f’sitwazzjoni intollerabbli. |
|
31. |
Meta jseħħ sekwestru ta’ minuri, bħal fil-kawża prinċipali, fi ħdan l-Unjoni, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 huma ssupplimentati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Brussell IIa – jew, issa, għat-talbiet għal ritorn imressqa wara l‑1 ta’ Awwissu 2022, mill-Artikoli 22 sa 29 tar-Regolament Brussell IIb ( 6 ). Essenzjalment, dawn ir-regolamenti jsaħħu, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-prinċipju tar-ritorn immedjat tal-minuri, kif previst fl-Artikolu 12 tal-imsemmija konvenzjoni, b’mod partikolari billi jirregolaw, b’mod iktar strett minnha, l-użu tar-raġunijiet għal żamma previsti fl-Artikolu 13 tagħha. |
|
32. |
Issa li ġew imfakkra dawn il-ġeneralitajiet, kif indikajt fid-daħla għal dawn il-konklużjonijiet, din il-kawża tirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, ir-rimedji ġudizzjarji previsti, fid-dritt Pollakk, għall-eżami tat-talbiet għar-ritorn ta’ minuri u, għalhekk, għall-implimentazzjoni tal-proċedura deskritta iktar ’il fuq. Jidhirli wkoll utli, f’dan l-istadju preliminari tal-analiżi tiegħi, li nispjega fil-qosor l-aspetti rilevanti. |
|
33. |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li talba għal ritorn imressqa quddiem l-awtoritajiet Pollakki abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, b’mod partikolari fil-każ ta’ sekwestru bejn żewġ Stati Membri, fejn ir-Regolamenti Brussell IIa u Brusell IIb jissupplimentaw din il-konvenzjoni, tista’ tagħti lok għal żewġ istanzi ordinarji. |
|
34. |
It-talba għal ritorn tiġi, l-ewwel nett, eżaminata minn waħda mill-qrati reġjonali kompetenti. Il-partijiet u l-eventwali intervenjenti jistgħu, sussegwentement, jappellaw mid-deċiżjoni ta’ ritorn – jew ta’ żamma – mogħtija fit-tmiem ta’ din l-ewwel istanza. Jekk ikun il-każ, il-kawża għalhekk tiġi eżaminata mill-ġdid mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), li għandha ġurisdizzjoni esklużiva f’dan il-qasam ( 7 ). |
|
35. |
Is-sentenza tal-appell hija kkunsidrata bħala definittiva fil-jum tal-għoti tagħha. Fl-istess jum, normalment, din tikseb saħħa eżekuttiva fl-ordinament ġuridiku intern. L-istess japplika għad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, fil-każ ta’ konferma. Meta jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri, dan għalhekk ikun jista’, fil-prinċipju, bla ħsara għat-twettiq ta’ ċerti formalitajiet ( 8 ), jiġi implimentat mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
36. |
Madankollu, permezz tal-adozzjoni tal-Liġi tal‑2018, il-leġiżlatur Pollakk ippreveda l-possibbiltà – sa dak iż-żmien ineżistenti – li jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kontra deċiżjoni ta’ ritorn ( 9 ). Madankollu, dan l-appell straordinarju ma huwiex miftuħ għall-ġenituri tal-minuri mneħħi(ja). Fil-fatt, huma biss tliet entitajiet pubbliċi – jiġifieri l-Prosekutur Ġenerali, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri u l-Ombudsman – li huma awtorizzati jippreżentaw dan l-appell ta’ kassazzjoni, irrispettivament minn jekk kinux intervjenew preċedentement jew le fil-proċedura, u dan fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni tkun saret definittiva ( 10 ). |
|
37. |
Bħala regola ġenerali, fid-dritt Pollakk, il-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni ma għandhiex effett sospensiv. Madankollu, konformement ma’ dispożizzjoni ġenerali tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jiġifieri l-Artikolu 388(1) ta’ dan il-kodiċi, il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti tal-appell li tkun tat id-deċiżjoni definittiva fuq appell, tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni sa tmiem il-proċedura ta’ kassazzjoni, meta l-implimentazzjoni tagħha tkun ta’ natura li tikkawża preġudizzju irreparabbli lil parti – l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni u, għalhekk, l-għoti ta’ tali sospensjoni huma suġġetti għall-evalwazzjoni ta’ dik il-qorti. |
|
38. |
Filwaqt li, bejn l‑2018 u l‑2022, dawn ir-regoli ġenerali kienu applikabbli wkoll għad-deċiżjonijiet li jordnaw ritorn, il-leġiżlatur Pollakk introduċa, permezz tal-Liġi tal‑2022, dispożizzjoni speċjali li tikkonċerna, mill‑24 ta’ Ġunju 2022 ( 11 ), speċifikament din il-kategorija ta’ deċiżjonijiet. |
|
39. |
Fil-fatt, f’konformità mal-Artikolu 3881(1) il-ġdid tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn għandha tiġi sospiża ipso jure meta waħda mill-entitajiet pubbliċi awtorizzati jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn tali deċiżjoni tressaq talba f’dan is-sens quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), fi żmien ġimagħtejn mill-jum li fih din id-deċiżjoni tkun saret definittiva ( 12 ). Għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tali talba ma teħtieġ l-ebda motivazzjoni jew evalwazzjoni minn dik il-qorti. Meta titressaq tali talba, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna ritorn tiġi sospiża ipso jure għal perijodu ta’ xahrejn mid-data li fiha din id-deċiżjoni tkun saret definittiva. Jekk l-entità li titlob is-sospensjoni ma tippreżentax appell f’dan il-perijodu, is-sospensjoni tintemm ( 13 ). Għall-kuntrarju, meta jiġi ppreżentat tali appell, din is-sospensjoni tiġi estiża sa tmiem il-proċedura ta’ kassazzjoni ( 14 ). |
|
40. |
B’applikazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet proċedurali, fil-kawża prinċipali, it-talba għar-ritorn tal-minuri mressqa mill-missier ġiet eżaminata fl-ewwel istanza u sussegwentement, fl-appell ippreżentat mill-omm, mill-qorti tar-rinviju. Iż-żewġ qrati involuti laqgħu din it-talba. Id-digrieti li huma taw saru definittivi fil-jum meta ngħata t-tieni wieħed. Madankollu, il-Prosekutur Ġenerali u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri, fuq petizzjoni tal-omm, ressqu, quddiem il-qorti tar-rinviju, talbiet intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom, abbażi tal-Artikolu 3881(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Sussegwentement, dawn iż-żewġ entitajiet ippreżentaw appelli ta’ kassazzjoni fit-terminu legali. Bħala prinċipju, dawn it-talbiet għal sospensjoni għandhom jipprekludu, ipso jure, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni definittiva li tordna r-ritorn tal-minuri matul il-perijodu kollu tal-proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). |
|
41. |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm tali riżultat huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u mar-Regolamenti Brussell II, kif ukoll mad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Jiena tal-istess fehma, kif ser nispjega fid-dettall fil-punti li ġejjin (Taqsima B). Madankollu, qabel dan, ser neżamina fil-qosor l-ammissibbiltà tagħha (Taqsima A). |
A. Fuq l‑ammissibbiltà
|
42. |
Fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, il-Prosekutur Ġenerali u l-omm isostnu l-inammissibbiltà tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, billi jargumentaw dwar in-natura ipotetika tagħha. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-ebda “tilwima” jew “proċedura” ma hija attwalment pendenti quddiem dik il-qorti, li fil-kuntest tagħha hija ntalbet “[t]agħt[i] [s]entenza”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni eventwali deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). |
|
43. |
Min-naħa tiegħi, inqis, bħall-missier u l-Kummissjoni, li d-domanda magħmula hija tabilħaqq ammissibbli u li din l-eċċezzjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
|
44. |
F’dan ir-rigward, nosserva, fl-ewwel lok, li din id-domanda hija marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja ta’ ritorn li seħħet, b’mod partikolari, quddiem il-qorti tar-rinviju. Ċertament, kif tenfasizza l-omm, dik il-qorti fformulat l-imsemmija domanda wara li tat id-digriet tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2022 ( 16 ), li jagħlaq definittivament din il-proċedura fil-mertu. Madankollu, id-domandi tal-imsemmija qorti ma humiex relatati mal-mertu tat-talba għal ritorn, iżda mal-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni li tilqagħha, li dwarha dik l-istess qorti għadha trid tiddeċiedi, fid-dawl, minn naħa, tat-talba tal-missier intiża li din tiċċertifika din l-eżegwibbiltà ( 17 ) u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet tal-Prosekutur Ġenerali u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri intiżi, għall-kuntrarju, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. |
|
45. |
Issa, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’mod wiesa’ l-kliem “jagħtu s-sentenza” użat fl-Artikolu 267 TFUE ( 18 ). Għalkemm iċ-ċertifikazzjoni ġudizzjarja tal-eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni li tordna ritorn neċessarjament isseħħ biss wara li din id-deċiżjoni tkun ġiet “mogħtija”, jibqa’ l-fatt li, kif spjega l-missier, fid-dritt Pollakk, din il-formalità hija indispensabbli sabiex tkun tista’ tintalab, sussegwentement, l-eżekuzzjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, minn perspettiva funzjonali, din iċ-ċertifikazzjoni tidher li hija l-fażi finali tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività prattika tad-deċiżjoni li tordna ritorn ( 19 ). |
|
46. |
Nosserva, fit-tieni lok, li, anki kieku ċ-ċertifikazzjoni tal-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni li tordna ritorn kellha titqies b’mod iżolat, ma hemm l-ebda dubju li l-qorti tar-rinviju hija msejħa, f’dan il-kuntest, “[t]agħt[i] [s]entenza” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, il-missier spjega, waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett, li din iċ-ċertifikazzjoni – li għandha ġurisdizzjoni għaliha dik il-qorti, kif ammettew kemm l-omm kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali waqt is-seduta ( 20 ) – hija, fiha nnifisha, proċedura ġudizzjarja, prevista mid-dritt Pollakk. L-“indikazzjoni” tal-eżegwibbiltà għandha tieħu l-forma ta’ digriet speċifiku, mogħti minn dik il-qorti, anness mad-digriet li jordna ritorn, u li jordna lill-awtoritajiet kompetenti jeżegwixxu dan tal-aħħar ( 21 ). Barra minn hekk, kif isostni l-missier, kulħadd jista’ jara faċilment – ħlief jekk wieħed ikun formali żżejjed – li l-kontradizzjoni evidenti bejn it-talbiet imressqa, minn naħa, mill-missier u, min-naħa l-oħra, mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri, tirrifletti l-eżistenza, bejn dawn il-partijiet, ta’ “tilwima” dwar din il-kwistjoni, li l-qorti tar-rinviju għandha “tiddeċiedi” dwarha fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura. |
|
47. |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-argument tal-Prosekutur Ġenerali li dawn id-diversi talbiet ma jeħtieġu l-ebda eżami min-naħa tal-qorti tar-rinviju, għar-raġuni li, skont l-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-sospensjoni ssir ipso jure, fatt li jwassal għaċ-ċaħda awtomatika tat-talba tal-missier. Fil-fatt, infakkar li d-domanda magħmula minn dik il-qorti tirrigwarda, essenzjalment, preċiżament il-punt dwar jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li tali sospensjoni tista’ tinkiseb ipso jure fil-każ ta’ talba, mingħajr ma l-ħtieġa u l-proporzjonalità li din il-miżura jagħtu lok għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan l-argument għalhekk jaqa’ taħt il-mertu ta’ din id-domanda u ma jistax, għal din ir-raġuni, essenzjalment, iwassal għall-inammissibbiltà tagħha ( 22 ). |
|
48. |
F’dan il-kuntest, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda mhux biss tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fil-proċedura prinċipali, iżda tidher ukoll, kif isostni l-missier, “neċessarja” sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-tilwima dwar l-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni li tordna ritorn. Fil-fatt, jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dik il-qorti jkollha tqis li t-talbiet għal sospensjoni huma nulli u, tilqa’ t-talba tal-missier. Fil-każ oppost, hija jkollha tikkonstata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u tiċħad din l-aħħar talba. |
|
49. |
Madankollu, il-Prosekutur Ġenerali jsostni wkoll li d-domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell IIb, filwaqt li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. |
|
50. |
Ċertament, huwa biss ir-Regolament Brussell IIa li huwa applikabbli ratione temporis għal din il-kawża ( 23 ) – li, barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija konxja minnu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi direttament, f’din il-kawża, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell IIb. Madankollu, din il-problema titlob sempliċement riformulazzjoni tad-domanda preliminari, sabiex din tiġi limitata għall-ewwel strument. Dan premess, fl-analiżi ta’ din id-domanda, ir-Regolament Brussell IIb jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala element kuntestwali ( 24 ). |
B. Fuq il‑mertu
|
51. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Brussell IIa, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li tissospendi ipso jure, fuq sempliċi talba mhux motivata mressqa minn ċerti entitajiet pubbliċi awtorizzati, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna ritorn, mogħtija fi tmiem żewġ istanzi ordinarji, għal perijodu inizjali ta’ xahrejn sabiex dawk l-entitajiet jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni u, jekk ikun il-każ, għat-tul ta’ dak l-appell. |
|
52. |
Kif enfasizzaw l-omm, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u r-Regolament Brussell IIa ma jgħaqqdux ir-regoli proċedurali applikabbli mat-talbiet għal ritorn ibbażati fuq din il-konvenzjoni. Dawn l-istrumenti ma jinkludux b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-eventwali appelli possibbli kontra deċiżjoni li tordna ritorn mogħtija minn qorti tal-Istat Membru mitlub, fil-mument li fih tali deċiżjoni tikseb saħħa eżekuttiva, jew inkella l-effett sospensiv ta’ tali appell fuq l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dawn il-kwistjonijiet kollha jitħallew f’idejn id-dritt proċedurali tal-Istat Membru mitlub. |
|
53. |
L-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli proċedurali jaqa’, għalhekk, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru. Madankollu, minn dawn l-istrumenti, kif ukoll mit-Trattati, mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jirriżultaw ċerti obbligi, spjegati fid-dettall fit-taqsimiet iktar ’il quddiem, li dawn l-Istati jridu josservaw meta jeżerċitaw din il-kompetenza ( 25 ) – li għalhekk ma hijiex bla limiti, iżda, għall-kuntrarju, irregolata. |
|
54. |
Issa, bħall-missier, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż, u l-Kummissjoni, jiena nqis li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-leġiżlatur Pollakk, preċiżament, eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu. Fil-fatt, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-leġiżlatur neħħa l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn (Taqsima 1). B’dan il-mod, huwa llimita wkoll id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja u d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv tal-missier (Taqsima 2), mingħajr ma kienu ġġustifikati din il-limitazzjoni u l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minnha (Taqsima 3). |
1. Fuq l‑effettività tal‑proċedura ta’ ritorn
|
55. |
Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-proċedura ta’ ritorn, kif prevista fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u ssupplimentata mir-Regolament Brussell IIa, issegwi, fil-każ ta’ sekwestru ta’ minuri, għan sempliċi: li tiggarantixxi r-ritorn “immedjat” ( 26 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali] – jew, fi kliem, “mingħajr dewmien” ( 27 ) – ta’ dak il-minuri lejn l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu. |
|
56. |
Fil-fatt, iż-żmien huwa, f’dan il-qasam, fattur kruċjali. Bħala regola ġenerali, iktar ma tintemm malajr il-ħsara kkawżata mill-bidla fl-ambjent, inqas din tkun trawmatizzanti għall-minuri. Għall-kuntrarju, iktar ma l-minuri jkollu żmien sabiex jintegra fl-ambjent il-ġdid tiegħu, iktar ikun diffiċli għalih ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu ( 28 ). Ir-relazzjoni tal-minuri mal-ġenitur abbandunat tiddependi wkoll minn dan. L-intensità ta’ din ir-relazzjoni tonqos matul ix-xhur li jgħaddu mingħajr kuntatt. Ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jiżdied il-fatt li, iktar ma l-minuri kkonċernat ikun żgħir, iktar tevolvi malajr l-istruttura intellettwali u psikoloġika tiegħu, u iktar tista’ taffettwah u tagħmel ħsara lil din ir-relazzjoni l-mogħdija taż-żmien ( 29 ). |
|
57. |
L-għan tar-ritorn “immedjat” jew “mingħajr dewmien” tal-minuri jimplika, ċarament, rekwiżit ta’ ħeffa, enfasizzat f’diversi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u tar-Regolament Brussell IIa. B’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni tobbliga lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrikorru, għall-ipproċessar ta’ talba għal ritorn, għall-“proċeduri ta’ emerġenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha jobbligahom “jipproċedu b’urġenza fir-rigward tar-ritorn tal-minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament jirriproduċi, essenzjalment, l-istess obbligi, billi jimponi fuq il-qrati ta’ dawn l-Istati, meta jiġu aditi b’talba għal ritorn, li “[jaġixxu] bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi [jużaw] l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali”. |
|
58. |
Dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jingħata, barra minn hekk, espressjoni konkreta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li minnu jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, idealment ( 30 ), jiddeċiedu dwar talba għal ritorn fi żmien sitt ġimgħat minn meta jiġu aditi. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel dan it-terminu obbligatorju għas-sekwestru ta’ minuri fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Brussell IIa, qorti adita b’tali talba għandha “ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata”. |
|
59. |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, kif isostnu l-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, dawn l-obbligi differenti jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna ritorn, u mhux l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, l-istess rekwiżit ta’ effettività u ta’ ħeffa huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, jekk deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija bil-ħeffa kollha meħtieġa tkun tista’ sussegwentement tibqa’ mingħajr effett, jew tiġi eżegwita tard minn dawn l-awtoritajiet, l-obbligi inkwistjoni jiċċaħħdu minn kull effett utli ( 31 ). |
|
60. |
F’dan il-kuntest, il-leġiżlaturi tal-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 ( 32 ) u skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 33 ), jipprevedu qafas leġiżlattiv xieraq sabiex tiġi żgurata l-ħeffa u l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u, għalhekk, sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan imfittex minnha, billi l-awtoritajiet mitluba jkunu permessi jipproċessaw it-talbiet għal ritorn, u jeżegwixxu d-deċiżjonijiet korrispondenti malajr kemm jista’ jkun. |
|
61. |
Issa, bħall-missier, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż, u l-Kummissjoni, jiena nqis li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-leġiżlatur Pollakk għamel preċiżament il-kuntrarju. |
|
62. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, fid-dritt Pollakk, talba għal ritorn tista’ tagħti lok għal żewġ istanzi ordinarji, fejn appell possibbli mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza jkollu effett sospensiv. F’dan il-kuntest, ċertament kien possibbli għal-leġiżlatur Pollakk li jipprevedi, barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ appell ta’ kassazzjoni – fejn tali possibbiltà teżisti barra minn hekk fi Stati Membri oħra. Madankollu, billi żied ma’ dan l-appell straordinarju mekkaniżmu ta’ sospensjoni ipso jure tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni definittiva appellata, bħal dak previst fl-imsemmi Artikolu 3881, filwaqt li ma ħax miżuri suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-ħeffa tal-imsemmi appell, dan il-leġiżlatur ikkomprometta, fuq il-livell sistematiku ( 34 ), il-ħeffa u l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn. |
|
63. |
Fl-ewwel lok, infakkar li, hekk kif waħda mill-entitajiet pubbliċi li għandha s-setgħa li tippreżenta appell ta’ kassazzjoni – il-Prosekutur Pubbliku, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri jew l-Ombudsman – tressaq talba skont l-Artikolu 3881, hija jkollha, ipso jure, perijodu inizjali ta’ sospensjoni ta’ xahrejn, ikkalkolat mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni definittiva, sabiex tippreżenta tali appell, jekk tkun tixtieq ( 35 ). Għalkemm, kif sostnew l-omm, il-Prosekutur Pubbliku, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri u l-Gvern Pollakk, dan it-terminu jidher li huwa iqsar minn dak ġeneralment previst, fid-dritt Pollakk, għall-preżentata ta’ tali appell – li jidher li huwa ta’ sitt xhur – it-tul tiegħu jibqa’ sinjifikattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn. Bħala indikazzjoni, l-imsemmi terminu – li, intenni, huwa mogħti għall-preparazzjoni possibbli ta’ appell – huwa itwal mis-sitt ġimgħat normalment imposti fuq il-qrati sabiex jiddeċiedu dwar talba għal ritorn. |
|
64. |
Barra minn hekk, infakkar li, fl-ipoteżi fejn appell ta’ kassazzjoni jiġi ppreżentat f’dan l-istess terminu, l-effett sospensiv jiġi estiż sa tmiem il-proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Issa, kif ammetta l-Gvern Pollakk waqt is-seduta, ma huwa previst l-ebda terminu, fid-dritt nazzjonali, għall-eżami ta’ tali appell. Dan il-Gvern indika wkoll, f’dik l-okkażjoni, li l-proċeduri quddiem dik il-qorti jdumu, bħala medja, ħdax‑il xahar, jiġifieri perijodu li jaqbeż sew it-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Brussell IIa ( 36 ). Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ma jidhirx li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, fir-regoli interni tagħha, strumenti bħall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li jobbligawha tagħti deċiżjoni malajr dwar tali appell ( 37 ). |
|
65. |
Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħtu x’jinftiehem l-omm, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, il-mekkaniżmu kkontestat jista’ jaffettwa mhux biss ftit kawżi ta’ ritorn imressqa quddiem il-qrati Pollakki, iżda ħafna minnhom. |
|
66. |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-appell ta’ kassazzjoni huwa limitat, fil-Polonja, għal kwistjonijiet ta’ liġi, nosserva madankollu li dan jinkludi l-allegata “applikazzjoni żbaljata tad-dritt” ( 38 ) mill-qorti tal-appell, inkluża l-applikazzjoni żbaljata tar-raġunijiet legali għaż-żamma, previsti fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. Issa, peress li dawn ir-raġunijiet spiss jiġu invokati mill-ġenitur li jaħtaf sabiex jopponi r-ritorn tal-minuri u għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu eżaminati minn din il-qorti, dan ikun ifisser li kważi d-deċiżjonijiet kollha li jordnaw ritorn jistgħu jkunu suġġetti għal tali appell. Barra minn hekk, il-Prosekutur Ġenerali indika, waqt is-seduta, li kien qajjem preċiżament dan l-aggravju fl-appell tiegħu fil-kawża prinċipali ( 39 ). |
|
67. |
Barra minn hekk, il-fatt li l-leġiżlatur Pollakk illimita l-persuni awtorizzati jippreżentaw tali appell ta’ kassazzjoni għall-Prosekutur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri jevita, ċertament, li jitressqu appelli abbużivi mill-ġenitur li jaħtaf, bl-għan uniku li joħloq dewmien, sabiex tiġi mfixxkla l-effettività tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u tar-Regolament Brussell IIa ( 40 ). Madankollu, jibqa’ l-fatt li, minn naħa, in-numru ta’ dawn l-entitajiet iżid il-probabbiltà tal-preżentata ta’ tali appell u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar jistgħu huma stess, jekk ikun meħtieġ fuq petizzjoni tal-ġenitur inkwistjoni, jabbużaw minn din il-proċedura – aspett li ser nirritorna għalih iktar ’il quddiem ( 41 ). |
|
68. |
Fuq dan l-aħħar punt, l-omm, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk wieġbu li, fil-prattika, in-numru ta’ appelli ta’ kassazzjoni ppreżentati mill-entitajiet awtorizzati fil-każijiet ta’ sekwestru internazzjonali ta’ minuri huwa baxx. Madankollu, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, xorta jibqa’ l-fatt li s-sempliċi possibbiltà ta’ tali appell sospensiv hija ta’ natura li tqajjem dubji serji dwar il-kapaċità tal-awtoritajiet Pollakki, fil-każ ta’ sekwestru ta’ minuri lejn dan l-Istat Membru, li jiżguraw ir-ritorn malajr tal-minuri ( 42 ). |
|
69. |
Fit-tielet lok, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, il-kontradizzjoni ta’ tali mekkaniżmu ta’ sospensjoni awtomatika mal-ispirtu tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u tar-Regolament Brussell IIa hija iktar notevoli peress li dan il-mekkaniżmu kien previst biss għat-talbiet għal ritorn ibbażati fuq din il-konvenzjoni. Għalhekk, pjuttost milli ppreveda, għall-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet, l-applikazzjoni tal-“aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali”, kif jeżiġi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur Pollakk jidher, għall-kuntrarju, li rriżervalhom waħda mill-iktar proċeduri bil-mod li jinsabu f’dan id-dritt. |
|
70. |
Fl-aħħar lok, aspett ieħor, li ġie diskuss inqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, xorta waħda jistħoqqlu li jissemma. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fi tmiem il-proċedura ta’ kassazzjoni, l-entitajiet pubbliċi inkwistjoni jifdlilhom, fil-każ ta’ konferma tad-deċiżjoni li tordna ritorn, appell ieħor kontra tali deċiżjoni, jiġifieri l-preżentata ta’ “appell straordinarju”, previst fl-Artikolu 89 tal-Ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najajwyszym (il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema) ( 43 ), suġġett għall-eżami tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Najwyższego (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema). Tali appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien sena mid-data taċ-ċaħda tal-appell ta’ kassazzjoni u, hemm ukoll, għandu effett sospensiv ( 44 ). |
|
71. |
Ċertament, kif sostnew il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk, il-preżentata ta’ tali “appell straordinarju” wkoll hija ipotetika fl-istadju li fih tinsab il-kawża prinċipali. Barra minn hekk, skont dawn tal-aħħar, tali “appell” jista’ jirrigwarda biss ammont limitat ta’ aggravji ( 45 ), differenti minn dawk diġà eżaminati fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni, u, sa issa, dan ir-rimedju qatt ma ntuża fil-kawżi ta’ sekwestru ta’ minuri. Madankollu, fil-fehma tiegħi, is-sempliċi eżistenza ta’ dan l-appell addizzjonali tikkonferma, minn perspettiva globali tas-sistema proċedurali nazzjonali, l-impatt li dispożizzjoni bħall-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jista’ jkollha fuq il-ħeffa u l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn. |
2. Fuq id‑drittijiet tal‑missier għar‑rispett tal‑ħajja tal‑familja tiegħu u għal rimedju effettiv
|
72. |
Fil-fehma tiegħi, dispożizzjoni bħall-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tillimita, barra minn hekk, serjament id-dritt fundamentali ta’ ġenitur, bħall-missier f’dan il-każ, għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu, kif ukoll id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, li jiggarantixxu l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta ( 46 ). Nippreċiża li, peress li dawn id-drittijiet jikkorrispondu għal dawk previsti, rispettivament, fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB ( 47 ). |
|
73. |
F’dan ir-rigward, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt ta’ ġenitur, fil-każ ta’ sekwestru internazzjonali ta’ minuri, li jitlob ir-ritorn tal-minuri jaqa’ taħt id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu ( 48 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti EDB kemm‑il darba ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom, f’dan il-qasam, obbligi pożittivi skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, obbligi li din il-qorti tinterpreta fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. Huma għandhom b’mod partikolari jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi adegwati u effettivi, inkluż qafas regolatorju adattat, sabiex jiġi rrispettat id-dritt tal-ġenitur abbandunat għar-ritorn tal-minuri. Skont l-imsemmija qorti, l-adegwatezza ta’ dawn il-mezzi tista’ tiġi ġġudikata mill-ħeffa tagħhom, fid-dawl tal-konsegwenzi li l-mogħdija taż-żmien jista’ jkollha f’dan il-qasam ( 49 ). |
|
74. |
Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, minn naħa, l-obbligu, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jipprovdu qafas regolatorju li jiggarantixxi li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet għal ritorn fi “żmien raġonevoli”, f’kull każ, b’“diliġenza eċċezzjonali” eżiġita mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tas-sekwestru internazzjonali ta’ minuri. Dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq dawn l-awtoritajiet abbażi tad-dritt għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni ( 50 ). |
|
75. |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-fatt li Stat Membru jippermetti diversi appelli, appelli ta’ kassazzjoni u “appelli straordinarji” oħra mid-deċiżjonijiet li jordnaw ritorn, jekk ikun il-każ b’effett sospensiv, jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, nuqqas sistematiku, peress li dawn id-diversi appelli huma ta’ natura li jtawlu b’mod mhux raġonevoli l-eżami ta’ kwalunkwe talba għal ritorn – jew saħansitra li jwaqqfu milli ssir ġustizzja ( 51 ). |
|
76. |
Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll, skont l-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB, fil-każ ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, jieħdu l-miżuri kollha xierqa u meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni tagħha ( 52 ). Issa, kif isostnu l-missier u l-Kummissjoni, id-dritt għar-rispett għall-ħajja tal-familja u d-dritt għal rimedju effettiv tal-ġenitur abbandunat isiru, għall-kuntrarju, illużorji jekk ċerti awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu, mingħajr ma jkollhom jagħtu spjegazzjoni, u lanqas ma jkollhom għalfejn, finalment, jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni, jissospendu ipso jure l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, bil-konsegwenza li din tibqa’ ineffettiva, għad-detriment tal-imsemmi ġenitur, għal perijodu sinjifikattiv ( 53 ). |
3. Fuq in‑nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu
|
77. |
Madankollu, l-omm, il-Prosekutur Ġenerali, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri u l-Gvern Pollakk jargumentaw li mekkaniżmu bħal dak previst fl-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandu l-għan li – u huwa neċessarju sabiex – jiggarantixxi, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-minuri, li l-aħjar interess tiegħu, protett b’mod partikolari fl-Artikolu 24 tagħha, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u tar-Regolament Brussell IIa ( 54 ). |
|
78. |
Filwaqt li jirrikonoxxu li dawn l-istrumenti tal-aħħar ġew żviluppati preċiżament bil-għan li jiġi ssodisfatt l-aħjar interess tal-minuri mneħħi u li jkun, bħala regola ġenerali, fl-aħjar interess tiegħu li jirritorna malajr kemm jista’ jkun lejn l-Istat tar-residenza abitwali tiegħu ( 55 ), dawn il-partijiet u persuni kkonċernati jenfasizzaw li dan ma huwiex dejjem il-każ. B’mod partikolari, meta l-ġenitur li jaħtaf jallega – bħall-omm f’dan il-każ – li jkun jeżisti “riskju serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li r-ritorn jesponi lill-minuri għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew b’xi mod ieħor iqiegħdu f’sitwazzjoni intollerabbli, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, dawn l-allegazzjonijiet għandhom, peress li jaffettwaw il-benesseri u d-dinjità ta’ dan tal-aħħar, jagħtu lok għal stħarriġ ġudizzjarju bir-reqqa, kif teżiġi l-Qorti EDB, u jkunu jistgħu, għal dan il-għan, ikunu s-suġġett ta’ kassazzjoni, jekk meħtieġ akkost tal-ħeffa tal-proċedura ta’ ritorn. |
|
79. |
F’dan il-kuntest, is-sospensjoni ipso jure tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ ritorn, kif prevista fl-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li tipprekludi li l-minuri jintbagħat b’mod furzat lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu qabel ma jiġi ppreżentat tali appell u, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), hija indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-utilità prattika tal-appell ta’ kassazzjoni, kif ukoll sabiex jiġi evitat li l-allegat “riskju serju” jikkonkretizza ruħu u li l-minuri jsofri, konsegwentement, dannu irreparabbli. |
|
80. |
L-istess bħall-missier, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż, u l-Kummissjoni, jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Għalkemm l-għan iddikjarat huwa ta’ min ifaħħru, il-miżura kontenzjuża tmur, fil-fehma tiegħi, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u, barra minn hekk, ma hijiex proporzjonata. |
|
81. |
Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li, meta allegazzjonijiet difensibbli ta’ “riskju serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, jitqajmu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn, l-osservanza dovuta fir-rigward tal-aħjar interess tal-minuri timponi fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji l-obbligu li jeżaminaw debitament dawn l-allegazzjonijiet, u dan sabiex jiżguraw, f’kull każ, li r-ritorn tal-minuri jkun fl-aħjar interess tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jimplimentaw ir-raġuni għal żamma prevista f’din id-dispożizzjoni. Tali allegazzjonijiet għandhom, għalhekk, “ġenwinament jittieħdu inkunsiderazzjoni” minn dawn l-awtoritajiet – peress li dan l-eżami jista’ jiġġustifika, f’ċerti każijiet, qbiż raġonevoli tat-terminu ta’ sitt ġimgħat li normalment ikun impost fir-rigward tagħhom ( 56 ) – u għandhom jagħtu lok, min-naħa tagħhom, għal deċiżjonijiet “speċjalment” u “suffiċjentement” motivati fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ( 57 ). |
|
82. |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott, kif jagħmlu dawk li jaqblu mal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li l-istess allegazzjonijiet ta’ “riskju serju” għall-minuri fil-każ ta’ ritorn għandhom neċessarjament ikunu jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid f’diversi istanzi. Fil-fatt, il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar kontra tali “riskju” hija, bħala prinċipju, diġà żgurata, fil-livell meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u mill-KEDB, permezz tal-eżistenza ta’ appell quddiem istanza ġudizzjarja ( 58 ). |
|
83. |
Fil-fehma tiegħi, il-kawża prinċipali toffri eżempju f’dan ir-rigward. F’din il-kawża, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-minuri diġà ġiet żgurata fil-kuntest mhux ta’ istanza waħda, kif impost mill-Artikoli 24 u 47 tal-Karta, iżda ta’ żewġ istanzi. Għalkemm l-appelli ta’ kassazzjoni ppreżentati, fuq petizzjoni tal-omm, mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri huma bbażati, milli jidher, fuq l-allegat ksur, mill-qrati inferjuri, tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, nosserva li dawn il-qrati ma ordnawx ir-ritorn tal-minuri b’mod awtomatiku jew mekkaniku. Għall-kuntrarju, dawn jidhru li “ġenwinament [ħadu] inkunsiderazzjoni” l-allegazzjonijiet tal-omm dwar l-eżistenza ta’ “riskju serju” għall-minuri fil-każ ta’ ritorn. B’mod partikolari, huwa paċifiku li l-qorti tal-ewwel istanza wettqet, f’dan ir-rigward, proċess ta’ produzzjoni tal-prova ddettaljat – fatt li jista’ jispjega għalfejn damet seba’ xhur sabiex tiddeċiedi – billi talbet b’mod partikolari perizja, li hija użat il-konklużjonijiet tagħha sabiex teskludi li r-ritorn kien ser jesponi lill-minuri għal tali “riskju” ( 59 ). Huwa wkoll paċifiku li dawn l-istess qrati taw deċiżjonijiet li jippreżentaw, fuq dan il-punt, motivazzjoni ddettaljata u speċifika għaċ-ċirkustanzi tal-każ ( 60 ). |
|
84. |
Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li, anki fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ “riskju serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-minuri fil-każ ta’ ritorn, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, l-osservanza dovuta għall-aħjar interess tal-minuri u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar, kif protetti mill-Artikoli 24 u 47 tal-Karta, ma jimponux fuq il-leġiżlatur Pollakk l-obbligu li jippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn u lanqas, a fortiori, li jagħti lil dan l-appell effett sospensiv ipso jure, fuq sempliċi talba mhux motivata ( 61 ). L-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għalhekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward. |
|
85. |
Huwa minnu li jistgħu jqumu sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, adottata wara istanza ġurisdizzjonali waħda, jew saħansitra tnejn, tkun tesponi lill-minuri kkonċernat, fil-każ ta’ eżekuzzjoni, għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku (eċċ.), kif previst fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980. Dan jista’ jkun il-każ jekk tali perikolu kien jeżisti diġà waqt l-eżami tat-talba għal ritorn, iżda ma kienx tgħarraf lill-qorti implikata jew lill-qrati implikati – pereżempju għaliex il-ġenitur li jaħtaf ma jkunx allegah – jew, għal raġuni mhux spjegabbli, hija kienet jew huma kienu injoraw tali allegazzjoni, bi ksur ċar tal-obbligi proċedurali li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Tali sitwazzjoni tista’ tirriżulta wkoll minn bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna ritorn, li ħolqot perikolu ġdid għall-minuri ( 62 ). |
|
86. |
Għal dawn l-ipoteżijiet, mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna ritorn, jekk ikun il-każ sakemm jiġi konkluż appell intiż li jinkiseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-ordinament ġuridiku jew sabiex din tiġi kkonstatata bħala nulla, fil-fehma tiegħi, huwa indispensabbli sabiex jiġi protett l-aħjar interess tal-minuri. |
|
87. |
Madankollu, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, anki jekk kien intiż, kif isostni l-Gvern Pollakk, għal dawn l-ipoteżijiet eċċezzjonali ma għandu, kif diġà semmejt, ebda garanzija ta’ natura li tiżgura li fil-prattika dan jintuża biss f’każijiet simili. |
|
88. |
Infakkar, f’dan ir-rigward, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ma hija suġġetta għall-ebda kundizzjoni, ħlief għat-tressiq formali ta’ talba f’dan is-sens minn waħda mill-entitajiet awtorizzati sabiex jippreżentaw appell, u ma teħtieġ l-ebda motivazzjoni min-naħa tagħhom. Għalhekk, dawn l-entitajiet ma huma obbligati jippreżentaw l-ebda prova li tindika li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun tinvolvi riskju ta’ perikolu fiżiku jew psikoloġiku għall-minuri fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 ( 63 ). Mekkaniżmu bħal dan għalhekk ma jippermetti l-ebda stħarriġ ġudizzjarju li x’aktarx jipprevjeni l-użu żbaljat jew saħansitra abbużiv tiegħu mill-imsemmija entitajiet ( 64 ). B’mod assolut, kif isostni l-missier, xejn ma jipprekludi lit-tliet entitajiet pubbliċi inkwistjoni milli jressqu awtomatikament tali talba b’rabta ma’ kull deċiżjoni li tordna ritorn mogħtija fuq appell. Dan il-mekkaniżmu saħansitra jħeġġiġhom jagħmlu dan. Fil-fatt, huma ma għandhom xejn x’jitilfu, filwaqt li jirbħu, kull darba, il-lussu li jkunu jistgħu jeżaminaw bil-kwiet tali deċiżjoni mogħtija fuq appell. |
|
89. |
Tali mekkaniżmu lanqas ma huwa proporzjonat stricto sensu. Fil-fatt, huwa ma jirrikonċiljax, b’mod adegwat, id-diversi drittijiet u interessi involuti. Il-leġiżlatur Pollakk ma żammx “il-bilanċ it-tajjeb” bejn l-għan tal-protezzjoni tal-minuri minn kwalunkwe “riskju serju” u l-ħeffa u l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn ( 65 ). Huwa qaleb b’mod eċċessiv il-bilanċ favur l-ewwel għan, anki jekk dan ifisser l-inverżjoni, fil-prattika, tal-prinċipju (ritorn) u l-eċċezzjoni (żamma). |
|
90. |
F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jinjora l-impatt deċiżiv li s-sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn matul l-perijodu ta’ appell ta’ kassazzjoni jista’ jkollha fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ ritorn. Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iż-żmien huwa fattur determinanti f’dan il-qasam. Iktar ma l-minuri jintegra fl-Istat li lejh ikun tneħħa, iktar ikun diffiċli għalih ir-ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u inqas ma jkun iġġustifikat dan ir-ritorn. Għalhekk, anki jekk id-deċiżjoni tal-appell tkun finalment ikkonfermata fi tmiem il-proċedura ta’ kassazzjoni, huwa probabbli li din ma tiġix eżegwita, fl-aħjar interess tal-minuri li jibqa’ f’dak li jkun sar, fil-frattemp, l-ambjent il-ġdid tiegħu. B’hekk, bl-iskuża li tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif isostnu dawk li jaqblu mal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sospensjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tista’ fuq kollox isservi sabiex tikkonsolida s-sitwazzjoni fattwali li tirriżulta mit-tneħħija jew miż-żamma inġusta, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ġenitur li jaħtaf ( 66 ). |
|
91. |
In-natura sproporzjonata ta’ dan l-Artikolu 3881 hija iktar u iktar notevoli peress li fid-dritt Pollakk teżisti dispożizzjoni oħra li tippermetti li l-minuri jiġi protett adegwatament kontra kull “riskju serju” ta’ perikolu fiżiku jew psikoloġiku fil-każ ta’ ritorn filwaqt li jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-interessi kollha involuti. Fil-fatt, l-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili diġà jippermetti lill-entitajiet awtorizzati jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni li tordna ritorn li jitolbu s-sospensjoni tagħha, meta l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun tista’ tikkawża dannu irreparabbli lill-minuri. B’mod kruċjali, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq, f’dan il-qasam, mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), jiggarantixxi li tali sospensjoni tkun tista’ tinkiseb biss meta l-aħjar interess tal-minuri jkun verament jeżiġiha. |
|
92. |
F’dan il-kuntest, l-argument tal-omm, tal-Prosekutur Ġenerali u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri, li l-leġiżlatur Pollakk ippreveda mekkaniżmu ta’ sospensjoni awtomatiku, fuq sempliċi talba tal-entitajiet ikkonċernati, preċiżament minħabba li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) kienet qiegħda tiċħad il-maġġoranza tat-talbiet għal sospensjoni mressqa abbażi tal-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huwa, fil-fehma tiegħi, problematiku ħafna. Fil-fatt, tapplika waħda minn dawn iż-żewġ affarijiet: jew il-leġiżlatur Pollakk kien kompletament konxju mill-fatt li l-Artikolu 3881 il-ġdid ta’ dan il-kodiċi jippermetti li jitwaqqfu deċiżjonijiet li jordnaw ritorn li ma jwasslux fir-realtà għal “riskju serju” għall-minuri f’każ ta’ ritorn – għaliex, fil-kuntrarju, dik il-qorti kienet taċċetta t-talbiet għal sospensjoni korrispondenti – bi ksur tal-obbligi imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja mid-dritt internazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni; jew huwa qies li membru tal-eżekuttiv Pollakk u żewġ awtoritajiet amministrattivi kienu f’pożizzjoni aħjar minn qorti Pollakka sabiex jevalwaw, f’kull każ, l-eżistenza ta’ tali “riskju”, mingħajr ebda stħarriġ. Fi kwalunkwe każ, tali argument ma huwiex ammissibbli fi Stat tad-dritt. |
4. Konklużjoni intermedjarja
|
93. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula fis-sens li, minn naħa, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Brussell IIa, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissospendi ipso jure, fuq sempliċi talba mhux motivata ta’ ċerti entitajiet pubbliċi awtorizzati, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, mogħtija fi tmiem żewġ istanzi ordinarji, għal perijodu inizjali ta’ xahrejn bil-għan li tippermetti lil dawn l-entitajiet jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni u, jekk jagħmlu dan, għat-tul kollu ta’ dak l-appell. |
|
94. |
Nippreċiża wkoll – peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt – li, fuq suppożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi s-suġġeriment tiegħi, dik il-qorti għandha, fil-kawża prinċipali, tiżgura l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni billi teskludi, taħt l-awtorità tagħha stess, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ( 67 ). |
|
95. |
Bħala post‑scriptum, għandu jiġi ttrattat l-aħħar punt. Kif indikajt iktar ’il fuq, mill‑1 ta’ Awwissu 2022, ir-Regolament Brussell IIb huwa applikabbli għat-talbiet għal ritorn. Dan ir-regolament il-ġdid ikkonferma s-soluzzjonijiet previsti fir-Regolament Brussell IIa ( 68 ), filwaqt li jipprevedi dispożizzjonijiet innovattivi, intiżi li jsaħħu wkoll l-effettività u l-ħeffa tal-proċedura ta’ ritorn. B’mod partikolari, l-Artikolu 27(6) tar-Regolament Brussell IIb jipprevedi l-possibbiltà li deċiżjoni ta’ ritorn tiġi ddikjarata eżegwibbli provviżorjament, minkejja appell possibbli, meta dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri. Barra minn hekk, mill-premessa 42 tiegħu jirriżulta li “[j]enħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jillimitaw l-għadd ta’ appelli possibbli” minn tali deċiżjoni. Il-fatt li l-leġiżlatur Pollakk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament il-ġdid, iżda qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu, adotta dispożizzjoni bħall-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iqajjem, minn din il-perspettiva wkoll, kwistjonijiet serji fil-qasam ta’ kooperazzjoni leali ( 69 ). |
VI. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja): Minn naħa, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 11 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, iffirmata f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissospendi ipso jure, fuq sempliċi talba mhux motivata ta’ ċerti entitajiet pubbliċi awtorizzati, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, mogħtija fi tmiem żewġ istanzi ordinarji, għal perijodu inizjali ta’ xahrejn bil-għan li tippermetti lil dawn l-entitajiet jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni u, jekk jagħmlu dan, għat-tul kollu ta’ dak l-appell. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003, li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243). Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 178, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIb”). Madankollu, ir-Regolament Brussell IIa huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali (ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 3 ) L-Unjoni Ewropea stess ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni, peress li din ma tawtorizzax l-adeżjoni ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
( 4 ) Ara d-definizzjonijiet korrispondenti tal-kunċett ta’ “tneħħija jew żamma inġusti”, li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Brussell IIa. Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament.
( 5 ) Ara l-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, il-premessi 12 u 33 tar-Regolament Brussell IIa, kif ukoll is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 44), u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 61).
( 6 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u r-Regolamenti Brussell II jikkostitwixxu “grupp ta’ normi indiviżibbli” (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303 punt 78)) li japplika għall-proċeduri ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu fi ħdan l-Unjoni.
( 7 ) Ara l-Artikolu 5182(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 8 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 9 ) Ara l-Artikolu 5191(21) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 10 ) Ara l-Artikolu 5191(22)tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 11 ) F’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Liġi ta’ April 2022, din l-emenda leġiżlattiva tapplika immedjatament għall-proċeduri ta’ ritorn li kienu diġà nbdew u li kienu għadhom ma ntemmux permezz ta’ digriet definittiv f’din id-data. Għalhekk, hija tapplika, fil-kawża prinċipali, għall-proċedura mressqa mill-missier f’Novembru 2021.
( 12 ) L-Artikolu 3882 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippreċiża li din il-bażi ġuridika l-ġdida għal sospensjoni ma tissostitwixxix l-Artikolu 388(1) ta’ dan il-kodiċi, iżda tissupplimentah. Għalhekk hemm żewġ possibbiltajiet sabiex tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna ritorn, waħda, awtomatika u mingħajr kundizzjoni, iżda miftuħa biss għall-entitajiet awtorizzati jippreżentaw appell ta’ kassazzjoni fil-kawżi ta’ ritorn, u l-oħra, suġġetta għall-kundizzjoni relatata mar-riskju ta’ dannu irreparabbli, u suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti, li tista’ tintalab ukoll mill-partijiet fil-proċedura – ġeneralment il-ġenituri.
( 13 ) Ara l-Artikolu 3881(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 14 ) Ara l-Artikolu 3881(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 15 ) Ara, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger (318/85, EU:C:1986:106, punt 4).
( 16 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Procureur‑Generaal bij de Hoge Raad der Nederlanden (C‑678/18, EU:C:2019:998, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punti 27 sa 29); tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 39), u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Salvoni (C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 30).
( 20 ) Il-proċedura intiża għar-rikonoxximent tal-eżegwibbiltà tal-proċedura, li taqa’, fil-kawża prinċipali, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi distinta mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni (jiġifieri l-miżuri konkreti intiżi li jimplimentaw ir-ritorn), li jidhru li jaqgħu taħt dik ta’ qorti oħra.
( 21 ) Ara Pawliczak, J, “Reformed Polish court proceedings for the return of a child under the 1980 Hague Convention in the light of the Brussels IIb Regulation”, Journal of Private International Law, Vol. 17, Nru 3, p. 581. Barra minn hekk, l-Artikolu 267 TFUE jirreferi għas-“sentenza” li għandha tingħata mill-qorti nazzjonali mingħajr ma jipprevedi reġim partikolari skont in-natura eventwalment dikjaratorja tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 33)).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90).
( 23 ) F’konformità mal-Artikolu 100(1) tiegħu, ir-Regolament Brussell IIb japplika, b’mod partikolari, għall-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa wara l‑1 ta’ Awwissu 2022. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 100(2), ir-Regolament Brussell IIa għandu jkompli japplika, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet mogħtija f’azzjonijiet mressqa qabel din id-data u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament. Issa, infakkar li l-missier ressaq it-talba għar-ritorn tal-minuri fit‑18 ta’ Novembru 2021 (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 24 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 75).
( 26 ) Ara l-preambolu u l-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.
( 27 ) Ara l-premessa 17 tar-Regolament Brussell IIa.
( 28 ) Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprevedi li, meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid-data tat-tneħħija jew taż-żamma tal-minuri fil-mument tat-tressiq tat-talba għal ritorn, l-awtorità għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu. Għall-kuntrarju, lil hinn minn sena, ir-ritorn ma għandux jiġi ordnat jekk il-minuri jkun integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 81).
( 30 ) Fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, dan it-terminu ma huwiex obbligatorju. Fil-fatt, l-unika konsegwenza prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha, fil-każ ta’ qbiż tat-terminu, hija li minn iressaq it-talba jew l-Awtorità Ċentrali tal-Istat mitlub jistgħu jitolbu lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja inkwistjoni tispjega d-dewmien tagħha.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 82).
( 32 ) F’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati kontraenti – inklużi l-awtoritajiet leġiżlattivi tagħhom – għandhom jieħdu “l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw […] it-twettiq tal-għanijiet tal-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 33 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lill-Istati Membri – għal darba oħra, inklużi l-awtoritajiet leġiżlattivi tagħhom – jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena (C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 34 ) Nenfasizza li tali problema ta’ natura sistemika hija ħafna iktar problematika inkwantu tista’ tqiegħed inkwistjoni l-fiduċja li l-Istati Membri għandhom reċiprokament jagħtu lil xulxin f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u tar-Regolament Brussell IIa
( 35 ) Hawnhekk qiegħed nissimplifika l-affarijiet għall-ħtiġijiet tal-analiżi. Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni huwa ta’ erba’ xhur (ara l- Artikolu 5191(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Madankollu, meta tkun tressqet talba għal sospensjoni, din is-sospensjoni tieqaf ipso jure jekk tali appell ma jiġix ippreżentat fi żmien xahrejn (ara l-Artikolu 3881(2) ta’ dan il-kodiċi).
( 36 ) Irrid nenfasizza li, għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jindikawx dan b’mod espliċitu, ma hemm l-ebda dubju li, meta l-Istati Membri jipprevedu diversi istanzi għall-eżami ta’ talba għal ritorn, dan it-terminu ta’ sitt ġimgħat japplika għal kull waħda minnhom. Fil-fatt, jekk qorti tal-ewwel istanza tkun obbligata tagħti deċiżjoni f’dan it-terminu, iżda, sussegwentement, il-qrati tal-appell jew ta’ kassazzjoni jkunu jistgħu “jieħdu l-ħin tagħhom” għall-eżami mill-ġdid, l-imsemmija dispożizzjonijiet jitilfu l-effett utli tagħhom. Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 12 ta’ Marzu 2015, Adžić vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2015:0312JUD002264314, § 97, u Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2020, Rinau vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2020:0114JUD001092609, § 194. Ara, ukoll, HCCH, “Conclusions and Recommendations of the Fourth Meeting of the Special Commission to Review the Operation of the Hague Convention of 25 October 1980 on the Civil Aspects of International Child Abduction (22–28 March 2001)”, punti 3.3 u 3.4, disponibbli fl-indirizz segwenti https://assets.hcch.net/upload/concl28sc4_e.pdf
( 37 ) Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha sempliċement mekkaniżmu ta’ prijorità, li jippermetti biss li kawża titqiegħed qabel l-oħrajn u li, barra minn hekk, jibqa’ f’idejn id-diskrezzjoni tal-Imħallef Relatur responsabbli mill-kawża inkwistjoni – għalhekk l-applikazzjoni ta’ tali trattament għall-appelli fil-kawżi ta’ ritorn ma hijiex żgurata.
( 38 ) Ara l-Artikolu 3983(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 78 u 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 85).
( 41 ) Ara l-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk indika, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżisti mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Isir eżami preliminari qabel ma jiġi aċċettat appell, li matulu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk dan iqajjimx problema ġuridika rilevanti u sinjifikattiva. Madankollu, anki jekk jitqies li appell li joħloq dewmien ma jgħaddix minn dan l-eżami preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li ż-żieda l-ewwel tat-terminu għall-preżentata ta’ appell u t-tieni tat-terminu qabel ma ssir il-filtrazzjoni u l-appell jiġi miċħud diġà tippermetti d-dewmien b’mod sinjifikattiv tar-ritorn tal-minuri.
( 42 ) Nirreferi, fir-rigward ta’ dan il-punt, għall-osservazzjoni tiegħi inkluża fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Dz. U. tal‑2021, intestatura 1904, kif emendata.
( 44 ) Ara l-Artikolu 3883 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, introdott mil-Liġi tal‑2022.
( 45 ) Dan ir-rimedju ġudizzjarju huwa previst, b’mod partikolari, fir-rigward tad-deċiżjonijiet finali li jiksru l-prinċipji jew id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u taċ-ċittadini ddefiniti fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, jew li jiksru b’mod ċar id-dritt, fil-każ ta’ impossibbiltà li tiġi annullata jew emendata d-deċiżjoni permezz ta’ appelli straordinarji oħra previsti mid-dritt nazzjonali.
( 46 ) Nenfasizza li l-Karta hija applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li s-sekwestru ta’ minuri timplika żewġ Stati Membri, ir-Regolament Brussell IIa huwa applikabbli għat-talba għal ritorn. Għalhekk hemm “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.
( 47 ) F’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta.
( 48 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 3 ta’ Ġunju 2014, Lopez Guio vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2014:0603JUD001028012, punt 82.
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 7 ta’ Marzu 2013, Raw et vs Franza, CE:ECHR:2013:0307JUD001013111, punti 78 u 79, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Ara, ukoll, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 13 ta’ Jannar 2015, Adžić vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2015:0113JUD003563213, punt 44, u Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2020, Rinau vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2020:0114JUD001092609, punt 152.
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 3 ta’ Ġunju 2014, López Guio vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2014:0603JUD001028012, punti 107 sa 109; Qorti EDB, 13 ta’ Jannar 2015, Hoholm vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2015:0113JUD003563213, punti 49, 52 u 53. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 87). Barra minn hekk, nirreferi, hawnhekk ukoll, għall-osservazzjoni tiegħi inkluża fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 7 ta’ Marzu 2013, Raw et vs Franza, CE:ECHR:2013:0307JUD001013111, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata
( 53 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punti 35 sa 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u Qorti EDB, 6 ta’ Settembru 2005, Săcăleanu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2005:0906JUD007397001, punt 5.
( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2020, Rinau vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2020:0114JUD001092609, punt 194. Madankollu, kif sostnew il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, dan it-terminu ta’ sitt ġimgħat jiżgura, teoretikament, bilanċ ekwilibrat bejn ir-rekwiżit ta’ ħeffa u l-ħtieġa li jitwettaq eżami konkret taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, fatt li jiġġustifika li dan ġeneralment jiġi segwit mill-qrati. Madankollu, l-impossibbiltà, għal tali qorti, f’każ partikolari, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-KEDB fl-imsemmi terminu, taqa’, fil-fehma tiegħi, taħt iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Brussell IIa.
( 57 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, X vs Il‑Latvja, CE:ECHR:2013:1126JUD002785309, punti 106 u 107.
( 58 ) Ara, fuq il-fatt li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ma jimponix, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Qorti EDB, 5 ta’ April 2018, Zubac vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2018:0405JUD004016012, punt 82.
( 59 ) Ara, Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, X vs Il‑Latvja, CE:ECHR:2013:1126JUD002785309, punti 112 sa 114, kif ukoll Qortbi EDB, 14 ta’ Jannar 2020, Rinau vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2020:0114JUD001092609, punti 190 sa 195.
( 60 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, X vs Il-Latvja, CE:ECHR:2013:1126JUD002785309, punt 107.
( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 62 ) L-eżempju tipiku f’dan ir-rigward huwa l-mewt tal-ġenitur li kellu jassumi r-responsabbiltà għall-minuri fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew inkella l-okkorrenza ta’ kunflitt armat f’dan l-Istat.
( 63 ) L-argument tal-Gvern Pollakk li ma hijiex meħtieġa motivazzjoni sabiex l-entitajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu u jressqu talba għal sospensjoni mill-iktar fis possibbli, fid-dawl tal-fatt li ħafna drabi ma jkollhomx għarfien iddettaljat taċ-ċirkustanzi tal-kawżi ta’ ritorn, peress li ma jkunux parti mill-proċeduri ta’ ritorn, ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, huwa paċifiku li, tal-inqas, il-Prosekutur Ġenerali u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri jistgħu jintervjenu f’dawn il-proċeduri, u dan sa mill-ewwel istanza. Barra minn hekk, dan l-argument jenfasizza preċiżament li l-mekkaniżmu tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jista’ jintuża mill-entitajiet inkwistjoni saħansitra qabel ma jkunu saru jafu biċ-ċirkustanzi ta’ kawża u, għaldaqstant, qabel ma jkunu eżaminaw jekk sospensjoni hijiex iġġustifikata.
( 64 ) Jekk, kif isostni l-Gvern Pollakk, l-entitajiet inkwistjoni jitqiesu li qegħdin jaġixxu fl-interess tal-liġi u tal-minuri, infakkar li waħda minnhom – il-Prosekutur Ġenerali – tagħmel parti mill-eżekuttiv Pollakk. F’dan ir-rigward, ir-riskju li dan l-eżekuttiv jidħol f’ċerti proċeduri ta’ appell pendenti, ta’ profil partikolarment għoli, għal finijiet oħra għajr l-interess strett tal-liġi, ma jistax jiġi injorat. Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2020, Rinau vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2020:0114JUD001092609, punti 195 sa 223.
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 13 ta’ Jannar 2015, Hoholm vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2015:0113JUD003563213, punti 45 sa 47.
( 66 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 49).
( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) B’mod partikolari, l-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell IIb jipprevedi dejjem terminu ta’ sitt ġimgħat għall-eżami tat-talbiet għal ritorn, filwaqt li jikkonferma b’mod espliċitu li dan japplika għal kull istanza eventwali.
( 69 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45).