KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2023 ( 1 )

Kawża C‑626/22

C. Z. et

vs

Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/75 – Emissjonijiet industrijali – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Eżami mill-ġdid u aġġornament tar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni – Miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem”

I. Introduzzjoni

1.

L-impjant tal-azzar Ilva f’Taranto, l-Italja, huwa, minn naħa, wieħed mill-ikbar installazzjonijiet ta’ dan it-tip fl-Ewropa u fattur ekonomiku sinjifikattiv. Min-naħa l-oħra, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan jikkawża effetti negattivi sostanzjali fuq l-ambjent u jaffettwa s-saħħa tar-residenti fil-viċinanzi ( 2 ).

2.

Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal tali installazzjoni huma essenzjalment stabbiliti fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 3 ) u f’atti legali dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli, l-hekk imsejħa l-konklużjonijiet tal-BAT, imfassla mill-Kummissjoni flimkien mar-rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess u r-rappreżentanti tal-Istati Membri.

3.

Fil-kuntest ta’ tilwima dwar jekk l-impjant tal-azzar Ilva huwiex operat konformement ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija dwar l-importanza ta’ ċerta informazzjoni dwar l-effetti tal-impjant tal-azzar fuq is-saħħa tal-bniedem u dwar l-emissjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, qiegħed jiġi mistoqsi wkoll jekk huwiex ammissibbli li jiġi repetutament estiż it-terminu għall-implimentazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

4.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà reċentement kellha l-okkażjoni li teżamina ċerti kwistjonijiet dwar l-iffissar ta’ valuri limitu fl-awtorizzazzjoni tal-installazzjoni ( 4 ). Madankollu, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħtiha l-opportunità li tapprofondixxi l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ awtorizzazzjoni previsti mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali rriformulat id-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż ( 5 ), li kkodifikat id-Direttiva 96/61/KE ( 6 ) dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, mingħajr ma biddlet il-kontenut tagħha. Madankollu, diversi dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi huma identiċi jew, għall-inqas, simili ħafna.

6.

Minkejja li fid-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi premessi u regoli tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, id-dispożizzjonijiet li ġejjin biss huma rilevanti.

7.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jiddefinixxi diversi kunċetti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘tniġġis’ tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attivita umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tirriżulta fi ħsara għal proprjetà materjali, jew tgħarraq jew tfixkel il-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;

(3)

‘installazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar [ ( 7 )] minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;

[…]

(5)

‘valur limitu tal-emissjonijiet’ tfisser il-massa, espressa f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi, konċentrazzjoni u/jew livell ta’ emissjoni, li ma jistgħux jinqabżu matul perijodu wieħed jew aktar ta’ żmien.

[…]

(10)

‘l-aħjar metodi tekniċi disponibbli’ tfisser l-istadju l-aktar effettiv u avanzat fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ tħaddim li jindika l-adattabilità prattika ta’ metodi tekniċi partikolari li tipprovdi l-bażi għall-valuri limitu tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet oħra tal-permessi maħsuba biex jiġu evitati u, fejn dan ma jkunx prattiku, li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu:

(a)

‘metodi tekniċi’ tinkludi kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, imħaddma u dekommissjonata;

(b)

‘metodi tekniċi disponibbli’ tfisser dawk żviluppati fuq skala li tkun tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur rilevanti industrijali, taħt kondizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, waqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-vantaġġi, sew jekk il-metodi tekniċi jkunu użati u prodotti ġewwa l-Istat Membru inkwistjoni sew jekk le, sakemm dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur;

(c)

‘l-aħjar’ tfisser l-aktar waħda effettiva biex jinkiseb livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu”.

8.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedi riżerva ta’ awtorizzazzjoni:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart ma jitħaddem mingħajr permess.

[…]”

9.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jirreferi għad-Direttiva f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni:

“Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħrajn stabbiliti fil-liġi nazzjonali jew fil-liġi tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess jekk l-installazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”

10.

L-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet għall-permess jiġu mħarsa

2.   Fil-każ ta’ ksur tal-kondizzjonijiet għal permess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-operatur jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti;

(b)

l-operatur jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità fl-inqas żmien possibbli;

(c)

l-awtorità kompetenti teħtieġ lill-operatur li jieħu kwalunkwe miżura kumplimentari adegwata li l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġa biex il-konformità tiġi restawrata.

Fejn il-ksur tal-kondizzjonijiet għal permess ikun ta’ periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jhedded li jikkawża effett immedjat negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, u sakemm ma jerġax ikun hemm konformità skont il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, it-tħaddim tal-installazzjoni, l-impjant ta’ kombustjoni, l-impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart, l-impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart jew parti rilevanti tiegħu għandha tkun sospiża. parti rilevanti tiegħu għandha tkun sospiża.”

11.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II tagħha:

“Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I u li, fejn applikabbli, jilħqu l-limiti tal-kapaċità stabbiliti f’dak l-Anness.”

12.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-obbligi fundamentali tal-operaturi. Il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu enfasizzati:

“(a) jittieħdu l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis;

(b) jiġu applikati l-aħjar metodi tekniċi disponibbli;

(c) ma jiġi kkawżat ebda tniġġis sinifikanti”.

13.

Il-kontenut tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni huwa s-suġġett tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Skont il-paragrafu 1(f) u (g) għandhom jiġu deskritti l-emissjonijiet u t-teknoloġiji:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li applikazzjoni għal permess tkun tinkludi deskrizzjoni ta’ dan li ġej:

[…]

(f)

in-natura u l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet imbassra mill-installazzjoni f’kull element ambjentali kif ukoll l-identifikazzjoni tal-effetti sinifikanti tal-emissjonijiet fuq l-ambjent;

(g)

it-teknoloġija proposta u metodi tekniċi oħra għall-prevenzjoni jew, fejn dan ma jkunx possibbli, għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-installazzjoni”.

14.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jinkludi regoli dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tidentifika l-aħjar metodi tekniċi disponibbli mal-Istati Membri, is-setturi industrijali kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent.

15.

Il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni relatati mal-osservanza tal-obbligi fundamentali previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u ta’ livelli ta’ kwalità ambjentali iktar estiżi msemmija fl-Artikolu 18 huma stabbiliti fl-Artikolu 14:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 18.

Dawk il-miżuri għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-valuri limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II […] u għal sustanzi oħra li jniġġsu, li x’aktarx joħorġu mill-installazzjoni kkonċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n-natura u l-potenzjal tagħhom li jitrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor;

[…]

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-valuri limitu tal-emissjonijiet jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent.

3.   Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom ikunu r-referenza għall-istipular tal-kondizzjonijiet għal permessi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 [18], l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi kondizzjonijiet aktar stretti għal permess minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li bihom l-awtorità kompetenti tista’ tiffissa tali kondizzjonijiet aktar stetti.

5.   […]

6.   Fejn attività jew tip ta’ proċess ta’ produzzjoni imwettqa f’installazzjoni mhumiex koperti minn kwalunkwe waħda mill-konklużjonijiet tal-BAT jew fejn dawk il-konklużjonijiet ma jindirizzawx l-effetti ambjentali potenzjali kollha tal-attività jew il-proċess, l-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni minn qabel mal-operatur, għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal permess abbażi tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli li hi tkun iddeterminat għall-attivitajiet jew il-proċessi kkonċernati, billi tikkunsidra b’mod speċjali l-kriterji elenkati fl-Anness III.

7.   […]”

16.

L-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kawża ineżami dwar l-iffissar ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 [18], il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fl-Artikolu 14(1) u (2) għandhom jiġu bbażati fuq l-aħjar metodi tekniċi disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet li jiguraw li, taħt kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmijin fl-Artikolu 13(5) permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet li ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli. Dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu espressi għall-istess perijodi jew perijodi ta’ żmien aqsar u skont l-istess kondizzjonijiet ta’ referenza bħal dawk il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli; jew

(b)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet differenti minn dawk imsemmijin taħt il-punt (a) f’termini ta’ valuri, perijodi ta’ żmien u kondizzjonijiet ta’ referenza.

Fejn jiġi applikat il-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha, mill-anqas darba fis-sena, tivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet f’kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim ma jkunux qabżu l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli.”

17.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedi obbligi addizzjonali dwar l-osservanza tal-livelli ta’ kwalità ambjentali:

“Meta livell ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kondizzjonijiet aktar iebsa minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, għandhom jiġu inklużi kondizzjonijiet addizzjonali fil-permess, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex jitħarsu l-livelli ta’ kwalità ambjentali.”

18.

L-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jikkonċerna l-eżami mill-ġdid u l-aġġornament regolari tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni. Eżami mill-ġdid huwa meħtieġ b’mod partikolari fi żmien erba’ snin mid-deċiżjoni dwar konklużjonijiet ġodda tal-BAT dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli (paragrafu 3), wara l-adozzjoni ta’ livelli ġodda jew riveduti ta’ kwalità ambjentali (paragrafu 5(c)) u jekk:

“it-tniġġis ikkawżat mill-installazzjoni hu ta’ sinifikat tali li jeħtieġ li l-valuri limitu eżistenti tal-emissjonijiet tal-permess jeħtieġ li jiġu riveduti jew jiġu inklużi valuri ġodda bħal dawn fil-permess” (paragrafu 5(a)).

B.   Id‑dritt Taljan u l‑iżvilupp tal‑awtorizzazzjoni

1. Ir‑regola ġenerali

19.

L-Italja ttrasponiet id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali permezz tad-Decreto legislativo n. 152 del 2006 “Norme in materia ambientale” (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tal‑2006 (il-Liġi Konsolidata Ambjentali), magħruf ukoll bħala “Testo unico Ambiente” (l-Att dwar l-Ambjent).

2. Regola speċjali tal‑2012

20.

Madankollu, id-Decreto legge 3 dicembre 2012, n. 207 (id-Digriet Liġi Nru 207 tat‑3 ta’ Diċembru 2012), li ġie mibdul f’liġi b’emendi permezz tal-Liġi Nru 231 tal‑24 ta’ Diċembru 2012, jinkludi dispożizzjonijiet partikolari għall-impjant tal-azzar inkwistjoni. Dawn ġew ippreżentati wara li l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari tat-Tribunale di Taranto (il-Qorti Distrettwali ta’ Taranto, l-Italja) ordna, matul is-sena 2012, is-sekwestru provviżorju tal-installazzjonijiet u tat-tagħmir ta’ Ilva, mingħajr il-possibbiltà ta’ użu.

21.

L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi Nru 207 introduċa l-kunċett ta’ “impjant jew faċilità ta’ importanza strateġika nazzjonali”. Huwa previst li, fil-każ ta’ neċessità assoluta li jiġu żgurati l-impjiegi u l-produzzjoni l-Ministru għall-Ambjent jista’ jawtorizza, matul l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, it-tkomplija tal-attività għal 36 xahar, sakemm id-dispożizzjonijiet li jinsabu fih jiġu osservati, anki jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu kkonfiskaw l-assi tal-impriża u mingħajr ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-attività.

22.

Skont l-Artikolu 1a(1) tad-Digriet Liġi Nru 207, fiż-żoni kollha fejn jeżistu impjant jew faċilità ta’ importanza strateġika nazzjonali, l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti “għandhom ifasslu b’mod konġunt rapport ta’ evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa, aġġornat mill-inqas darba fis-sena, inkluż abbażi tar-reġistru reġjonali tat-tumuri u tal-mapep epidemjoloġiċi tal-mard ambjentali prinċipali”.

23.

L-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi Nru 207 jippreċiża li “l-impjant tal-azzar tal-impriża ILVA S.p.A. f’Taranto jikkostitwixxi impjant jew faċilità ta’ importanza strateġika nazzjonali” u l-impriża Ilva hija awtorizzata, fil-limiti permessi mid-dispożizzjonijiet tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tal‑2012, għal perijodu ta’ 36 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi (jiġifieri sat‑3 ta’ Diċembru 2015) “tkompli l-attività ta’ produzzjoni fl-impjant jew fil-faċilità u tikkummerċjalizza u tbigħ il-prodotti tagħha”.

3. Regola speċjali tal‑2013

24.

Fl‑2013, ġie adottat id-Decreto legge 4 giugno 2013, n. 61 (id-Digriet Liġi Nru 61 tal‑4 ta’ Ġunju 2013), li ġie mibdul, wara emenda, f’liġi permezz tal-Liġi Nru 89, tat‑3 ta’ Awwissu 2013.

25.

B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi Nru 61 jipprevedi, bħala regola ġenerali, li kull impriża ta’ ċertu daqs u li topera tal-inqas sit industrijali ta’ importanza strateġika nazzjonali tista’ titqiegħed taħt amministratur speċjali jekk “l-attività tal-produzzjoni tkun ħolqot u toħloq, b’mod oġġettiv, perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza repetut tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”.

26.

L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Liġi Nru 61 jipprevedi li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-amministratur speċjali “huma ssodisfatti” għall-impriża Ilva.

27.

L-Artikolu 1(5) tad-Digriet Liġi Nru 61 jipprevedi barra minn hekk li, fl-istess ħin li jinħatar l-amministratur speċjali, il-Ministru għall-Ambjent, wara konsultazzjoni mal-Ministri għas-Saħħa u għall-Iżvilupp Ekonomiku jaħtar kumitat ta’ tliet esperti, konformement mar-regoli tal-Unjoni Ewropea u mal-istandards internazzjonali kif ukoll mal-liġijiet nazzjonali u reġjonali, li għandu jistabbilixxi l-“pjan ta’ miżuri u ta’ azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa, li jispeċifika l-azzjonijiet u l-iskedi taż-żmien neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti legali u tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”; il-membri tal-kumitat għandhom jintgħażlu minn fost persuni li l-esperjenza u l-kompetenza tagħhom huma pprovati fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u fl-inġinerija industrijali.

28.

Skont l-Artikolu 1(7) tad-Digriet Liġi Nru 61, l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan permezz ta’ digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri hija ekwivalenti għal emenda tal-awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata. Il-miżuri previsti mill-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata kellhom jitlestew f’terminu ta’ “sitta u tletin xahar mid-dħul fis-seħħ tal-liġi li tittrasponi [dan id-]digriet”, jiġifieri sat‑3 ta’ Awwissu 2016. Barra minn hekk, dan il-paragrafu jipprevedi b’mod espliċitu li l-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa ma tistax tbiddel l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, iżda li r-reġjun (bħala l-awtorità responsabbli għas-saħħa pubblika) għandu s-setgħa li jitlob l-eżami mill-ġdid tagħha (ir-riżultati tal-analiżi tad-data miġbura mill-awtoritajiet tas-saħħa huma maqsuma fi tliet stadji skont il-punti kritiċi identifikati u t-tielet stadju biss jippermetti lir-reġjun jitlob l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata).

29.

Skont id-Digriet Liġi Nru 61, id-Decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri del 14 marzo 2014 recante “Approvazione del piano delle misure e delle attività di tutela ambientale e sanitaria, a norma dell’ articolo 1, commi 5 e 7, del decreto-legge 4 giugno 2013, n. 61, convertito, con modificazioni, dalla legge 3 agosto 2013, n. 89” (Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑14 ta’ Marzu 2014 dwar “Approvazzjoni tal-Pjan ta’ Miżuri u ta’ Attività fil-Qasam tal-Protezzjoni tal-Ambjent u tas-Saħħa, skont l-Artikolu 1(5) u (7) tad-Digriet Liġi Nru 61, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 89, tat‑3 ta’ Awwissu 2013”) (iktar ’il quddiem id-“DPKM 2014”).

4. Regola speċjali tal‑2015

30.

Id-Decreto-legge 5 gennaio 2015, n. 1 (id-Digriet Liġi Nru 1 tal‑5 ta’ Jannar 2015), mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 20 tal‑4 ta’ Marzu 2015, jestendi l-lista ta’ impriżi insolventi kbar ammessi għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja u jestendi wkoll din il-proċedura għall-impriżi li joperaw mill-inqas sit industrijali ta’ importanza strateġika nazzjonali. Ilva għalhekk tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal‑21 ta’ Jannar 2015, li wassal għat-tmiem tal-amministrazzjoni straordinarja prevista mid-Digriet Liġi Nru 61/2013.

31.

Id-Digriet Liġi Nru 1 jipprevedi li l-pjan ta’ miżuri u ta’ azzjoni msemmi mid-DPKM 2014 “għandu jitqies li jkun ġie implimentat jekk fil‑31 ta’ Lulju 2015 mill-inqas 80 % tar-rekwiżiti li jkunu jiskadu f’dan il-mument ikunu ssodisfatti” u li t-terminu għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jifdal huwa t‑3 ta’ Awwissu 2016.

5. Regolamenti tal‑2015 u tal‑2016 dwar il‑bejgħ ta’ Ilva

32.

Id-Decreto legge 4 dicembre 2015, n. 191, “Disposizioni urgenti per la cessione a terzi dei complessi Aziendali del Gruppo ILVA” (id-Digriet Liġi Nru 191 tal‑4 ta’ Diċembru 2015). “Miżuri ta’ emerġenza għall-bejgħ ta’ impriżi tal-grupp ILVA lil terzi”, mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 13 tal‑1 ta’ Frar 2016, u d-Decreto legge 9 giugno 2016, n. 98 (id-Digriet Liġi Nru 98 tad‑9 ta’ Ġunju 2016, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza għat-tlestija tal-proċedura ta’ bejgħ tal-impriżi tal-grupp Ilva”), mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 151 tal‑1 ta’ Awwissu 2016, jirregolaw il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għat-trasferiment tan-negozji tal-grupp Ilva.

33.

B’mod partikolari, l-Artikolu 1(8.1) u (8.2) tad-Digriet Liġi Nru 191 tal‑2015 jipprevedi li l-offerent magħżul jista’ jressaq talba għal emenda tal-miżuri u tal-attivitajiet tal-protezzjoni ambjentali ddefiniti fil-pjan approvat mid-DPKM 2014. L-emendi proposti għandhom jiżguraw standards ta’ protezzjoni ambjentali skont id-dispożizzjonijiet tal-pjan approvat mid-DPKM 2014, sakemm dawn ikunu kompatibbli, u jiġu imposti minn DPKM li “jikkonforma ma’ Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, jissostitwixxi, fejn xieraq, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u jagħlaq il-proċeduri pendenti kollha relatati ma’ awtorizzazzjonijiet ambjentali integrati”.

34.

Barra minn hekk, it-terminu għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tal‑2012 u tal-pjan approvat mid-DPKM fl‑2014 għandu jiġi estiż sat‑30 ta’ Ġunju 2017.

35.

Id-Digriet Nru 98 tal‑2016 imexxi l-evalwazzjoni tal-emendi proposti tal-pjan ambjentali, skont id-DPKM 2014, għal perijodu preċedenti għas-sejħa għal offerti. Huwa jipprevedi wkoll l-adozzjoni ta’ DPKM ġdid li jinkludi l-emendi tad-DPKM 2014 u l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat tal-impjant, fid-dawl tal-pjan industrijali l-ġdid ippreżentat mill-offerent magħżul.

36.

Id-Decreto-legge 30 dicembre 2016, n. 244 (id-Digriet Liġi Nru 244 tat-30 ta’ Diċembru 2016), mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 19, tas‑27 ta’ Frar 2017, jestendi mill-ġdid sat‑30 ta’ Settembru 2017 it-terminu għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tal‑2012 u tal-pjan approvat mid-DPKM tal‑2014. Barra minn hekk, it-terminu għall-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ rimedju ambjentali huwa marbut mal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata valida.

6. Approvazzjoni tal‑2017

37.

Id-DPKM del 29 Settembre 2017, “rubricato «Approvazione delle modifiche al Piano delle misure e delle attività di tutela ambientale e sanitaria di cui al decreto del Presidente del Consiglio dei ministri 14 marzo 2014, a norma dell’articolo 1, comma 8.1., del decreto-legge 4 dicembre 2015, n. 191, convertito, con modificazioni, dalla legge 1ofebbraio 2016, n. 13” (id-DPKM tad‑29 ta’ Settembru 2017, intitolat “Approvazzjoni tal-emendi tal-pjan ta’ miżuri u ta’ azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa previst mid-[DPKM 2014] skont l-Artikolu 1(8.1) tad-Digriet Liġi Nru 191 tal‑4 ta’ Diċembru 2015, mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 13 tal‑1 ta’ Frar 2016”) (iktar ’il quddiem id-“DPKM 2017”) jinkludi l-aħħar emendi għall-awtorizzazzjoni tal-impjant tal-azzar Ilva kkomunikati fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

38.

Huwa jipprevedi emendi u żidiet għall-pjan ambjentali stabbilit mid-DPKM 2014 u jistabbilixxi terminu addizzjonali sat‑23 ta’ Awwissu 2023 għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali speċifiċi.

39.

Huwa jipprovdi wkoll li, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-pjan li ma huwiex imputabbli lill-operatur, tinbeda proċedura, li twassal għal posponiment tat-terminu ta’ konformità.

III. Il‑fatti u d‑domandi preliminari

40.

L-impjant tal-azzar proprjetà ta’ Ilva, taħt amministrazzjoni straordinarja jinsab f’Taranto. Huwa operat minn Acciaierie d’Italia S.p.A., li min-naħa tagħha hija kkontrollata minn Acciaierie d’Italia Holding S.p.A. ( 8 ). F’sentenza tal‑2019, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat li dan kien l-ikbar kumpless industrijali tal-azzar fl-Ewropa, li jinkludi żona ta’ madwar 1500 ettaru u jimpjega madwar 11000 ħaddiem ( 9 ).

41.

Għalkemm l-impjant tal-azzar ilu jopera għal żmien twil, l-awtoritajiet kompetenti awtorizzaw l-operat tiegħu għall-ewwel darba fl‑4 ta’ Awwissu 2011 fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Taljana ġenerali li tittrasponi d-Direttiva 2008/1, li ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Huma emendaw din l-awtorizzazzjoni fis‑26 ta’ Ottubru 2012.

42.

Madankollu, kif jirriżulta mir-regoli Taljani rilevanti, sa mill-aħħar tas-sena 2012, l-impjant tal-azzar ma baqax iktar operat skont ir-regoli ġenerali Taljani għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, iżda abbażi ta’ regoli speċjali emendati repetutament.

43.

Dawn ir-regoli jipprevedu, inter alia, monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni sanitarja fl-inħawi, li jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħti lok għal eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni.

44.

Barra minn hekk, ġew stabbiliti termini għall-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq l-ambjent, li diġà kienu inklużi fl-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata emendata tal‑2012. Wara li d-Digriet Liġi Nru 61 tal‑2013 inizjalment ippreveda terminu sat‑3 ta’ Awwissu 2016, dan it-terminu ġie sussegwentement estiż diversi drabi, wara t-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-aħħar darba fl‑2017, sat‑23 ta’ Awwissu 2023.

45.

Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li t-terminu għal ċerti kundizzjonijiet reġa’ ġie estiż fl‑10 ta’ Awwissu 2023. Fid-Digriet Nru 278 tal-Ministru għall-Ambjent u għas-Sigurtà tal-Enerġija tal‑10 ta’ Awwissu 2023 (decreto del Ministro dell’ ambiente e della sicurezza energetica n. 278 del 10 agosto 2023) ( 10 ) huma ddefiniti “miżuri alternattivi” (“misure alternative”).

46.

Ir-rikorrenti, residenti ta’ Taranto, ippreżentaw quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) azzjoni kollettiva kontra Ilva, Acciaierie d’Italia u Acciaierie d’Italia Holding, bl-għan li jwaqqfu l-operat tal-installazzjoni jew, tal-inqas, ta’ partijiet tagħha, sabiex jipproteġu d-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-ħajja fil-paċi u fit-trankwillità kif ukoll id-drittijiet klimatiċi. Fil-fehma tagħhom, dawn id-drittijiet ilhom jiġu affettwati b’mod konsiderevoli għal għexieren ta’ snin mill-operat tal-impjant tal-azzar.

47.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva […] dwar l-emissjonijiet industrijali […], u b’mod partikolari l-premessi 4, 18, 34, 28 u 29 u l-Artikoli 3(2), 11, 12 u 23 [ta’ tali direttiva], u l-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem previsti fl-Artikoli 191 TFUE u 174 tat-Trattat [K]E jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru jingħata l-possibbiltà li jipprevedi li l-Evalwzzjoni tad-Danni għas-Saħħa (EDS) tikkostitwixxi att separat mill-proċedura ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata (AAI) – f’dan il-każ id-[Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri (DPKM)] 2017 – u li l-formulazzjoni tagħha tista’ tkun ħielsa minn effetti awtomatiċi f’termini ta’ teħid inkunsiderazzjoni effettiv u fi żmien utli min-naħa tal-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-AAI/DPKM speċjalment meta din l-evalwazzjoni tipprovdi riżultati li juru n-natura mhux aċċettabbli tar-riskju għas-saħħa għal popolazzjoni numeruża esposta għall-emissjonijiet li jniġġsu; jew inkella li d-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li (i) ir-riskju tollerabbli għas-saħħa tal-bniedem jista’ jiġi evalwat permezz ta’ analiżi xjentifika ta’ natura epidemjoloġika; (ii) l-EDS għandha tikkostitwixxi att li jifforma parti integrali mill-proċedura ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid tal-AAI/DPKM, jekk mhux saħansitra tkun kundizzjoni minn qabel neċessarja għaliha, u għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju, effettiv u fi żmien utli mill-awtorità kompetenti sabiex toħroġ jew teżamina mill-ġdid l-AAI?

2)

Id-Direttiva […] dwar l-emissjonijiet industrijali […], u b’mod partikolari l-premessi 4, [11], 18, 21, 34, 28 u 29 u l-Artikoli 3(2), 11, 14, 15, 18 u 21 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtorizzazzjoni ambjentali integrata (f’dan il-każ l-AAI 2012, DPKM 2014, DPKM 2017) għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni s-sustanzi kollha li huma s-suġġett ta’ emissjonijiet li huma xjentifikament magħrufa bħala ta’ ħsara, inklużi l-frazzjonijiet ta’ PM10 u PM2.5, li f’kull każ joriġinaw mill-installazzjoni li hija s-suġġett tal-evalwazzjoni; jew inkella li d-direttiva tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata (il-miżura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni) għandha tinkludi biss sustanzi li jniġġsu previsti a priori minħabba n-natura u t-tip ta’ attività industrijali eżerċitata?

3)

Id-Direttiva […] dwar l-emissjonijiet industrijali […], u b’mod partikolari l-premessi 4, 18, 21, 22, 28, 29, 34, u 43 kif ukoll l-Artikoli 3(2) u (25), 11, 14, 16, 18 u 21 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru, meta jkun hemm attività industrijali li tinvolvi perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, jista’ jiddiferixxi b’ċirka seba’ snin u nofs meta mqabbel mat-terminu inizjalment previst, u għal tul totali ta’ ħdax-il sena, it-terminu mogħti lill-operatur sabiex jikkonforma l-attività industrijali mal-awtorizzazzjoni mogħtija, bl-applikazzjoni ta’ miżuri u ta’ azzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa previsti fiha?”

48.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ilva, Acciaierie d’Italia, ir-Reġjun ta’ Puglia, ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, kif ukoll intervenjenti oħra fil-proċedura nazzjonali, il-Gruppo di Intervento Giuridico, ipparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Novembru 2023.

IV. Analiżi ġuridika

49.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhi l-importanza ta’ ċerta informazzjoni dwar l-effetti tal-impjant tal-azzar fuq is-saħħa tal-bniedem (ara f’dan ir-rigward taħt B) u l-informazzjoni dwar ċerti emissjonijiet (ara f’dan ir-rigward taħt C) u jekk huwiex ammissibbli li t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jistax jiġi estiż repetutament (ara f’dan ir-rigward taħt D). Madankollu, għandhom jiġu eżaminati qabel kollox l-oġġezzjonijiet imqajma kontra l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

A.   Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

50.

Ilva u Acciaierie d’Italia jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Il-qorti tar-rinviju ma esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju li jiġu interpretati r-regoli u l-premessi ċċitati (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 1), li, skont id-dritt Taljan, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex rilevanti (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 2) u, finalment, li d-dispożizzjonijiet iċċitati la huma preċiżi biżżejjed u lanqas infurzabbli kontra Ilva u Acciaierie d’Italia fil-kawża prinċipali, peress li huma individwi (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 3).

51.

Bħala prinċipju, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Fir-rigward ta’ tali domandi tapplika preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 11 ).

1. Motivazzjoni tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

52.

Ilva u Acciaierie d’Italia jinvokaw l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex juru li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx l-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha bżonn sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

53.

Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

54.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi numru ta’ regoli u premessi tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali kif ukoll tal-Artikolu 191 TFUE, mingħajr ma tispjega fid-dettall għaliex hija teħtieġ interpretazzjoni tat-testi kollha ċċitati.

55.

Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tliet obbligi speċifiċi jirriżultawx mit-testi ċċitati. Għaldaqstant, is-suġġett tad-domandi preliminari huwa espost b’mod suffiċjentement ċar fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

2. Rilevanza tad‑domandi skont id‑dritt Taljan

56.

Ilva u Acciaierie d’Italia jesponu, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali minħabba diversi kunsiderazzjonijiet li huma bbażati fuq id-dritt Taljan. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju la tista’ tannulla l-awtorizzazzjoni u lanqas tinjoraha fid-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, il-legalità ta’ din l-awtorizzazzjoni kienet diġà ġiet stabbilita b’mod definittiv.

57.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ dawn l-oġġezzjonijiet, peress li ma huwiex il-kompitu tagħha li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati nazzjonali ( 12 ).

58.

Barra minn hekk, l-Italja, li ma tikkontestax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, esponiet diversi drabi, fil-kuntest tal-kawża Cordella quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li r-rikorsi quddiem il-qrati ċivili Taljani, bħall-proċedura fil-kawża prinċipali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jistgħu jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-persuni kkonċernati fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-impjant tal-azzar ta’ Ilva ( 13 ). Il-possibbiltà ta’ tali rikorsi diretti tkun konformi mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 14 ), li jipprevedi li l-membri tal-pubbliku, sakemm jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ambjentali tad-dritt nazzjonali tagħhom.

59.

Konsegwentement, dawn l-oġġezzjonijiet lanqas ma jqajmu dubji evidenti dwar ir-rilevanza tad-domandi tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

3. Applikabbiltà diretta tad‑dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati

60.

Finalment, Ilva u Acciaierie d’Italia jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati hija eskluża kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod partikolari fir-rigward tagħhom bħala individwi. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni legali tagħhom tirriżulta mir-regoli speċjali adottati mill-Italja għall-impjant tal-azzar.

61.

Għandu jiġi ammess f’dan ir-rigward li direttiva, minnha nnifisha, ma tistax toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu, u għalhekk ma tistax tiġi invokata kontrih. Fil-fatt, jekk l-invokabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod skorrett, tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Unjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi b’effett immedjat obbligi fuq l-individwi, meta fil-fatt l-Unjoni għandha din il-kompetenza biss fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti. Għaldaqstant, anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew timponi obbligi fuq l-individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ tilwima esklużivament bejn individwi. Bl-istess mod, direttiva ma tistax tiġi invokata f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi mwarrba l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kuntrarja għal din id-direttiva ( 15 ).

62.

Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ direttiva tista’ tkun rilevanti fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi peress li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba sabiex jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex jinterpretawh, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u għalhekk ikun konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ( 16 ).

63.

Sa fejn jeżisti marġni għal tali interpretazzjoni tad-dritt Taljan konformi mad-dritt tal-Unjoni, huma biss il-qrati Taljani li jistgħu jiddeċiedu.

64.

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli, l-Istat Taljan għad għandu kważi 40 % tal-azzjonijiet ta’ Ilva ( 17 ) u jeżerċita influwenza partikolari permezz ta’ amministratur straordinarju u kumitat magħmul minn tliet esperti. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li Ilva hija assoċjata mal-Istat Taljan, li, min-naħa tiegħu, ma għandu jieħu l-ebda vantaġġ minn traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 18 ). F’dan il-każ, id-Direttiva tista’ tiġi invokata direttament kontra Ilva ( 19 ).

65.

Fir-rigward tal-oġġezzjoni li l-kontenut tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika obbligi direttament applikabbli, huwa possibbli li dawn jiġu indirizzati waqt l-eżami ta’ kull waħda mid-domandi, minkejja li dawn ma jirrigwardawx speċifikament dan il-punt.

66.

Minn dan isegwi li dawn l-oġġezzjonijiet għandhom ukoll jiġu miċħuda u li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

B.   L‑ewwel domanda ‑ Evalwazzjoni tad‑danni għas‑saħħa

67.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhi l-importanza ta’ evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa prevista mid-dritt Taljan għall-għoti u l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata ta’ installazzjoni skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, meta l-evalwazzjoni tkun ikkonkludiet li r-riskju għas-saħħa ta’ popolazzjoni affettwata b’mod sinjifikattiv mill-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ma huwiex aċċettabbli.

68.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ebda installazzjoni ma titħaddem mingħajr awtorizzazzjoni. Skont l-Artikolu 5(1), l-awtorità kompetenti għandha toħroġ awtorizzazzjoni, mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, jekk l-installazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Skont l-Artikolu 10, l-attivitajiet elenkati fl-Anness I u, fejn applikabbli, jilħqu l-limiti tal-kapaċità stabbiliti f’dak l-anness huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-Kapitolu II (Artikolu 10 sa 27).

69.

Għandu jiġi preżunt li l-impjant tal-azzar jikkostitwixxi installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(3), moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness I (Produzzjoni ta’ ħadid mill-forġa jew azzar); il-punti 2.3 (Ipproċessar tal-metalli tal-ħadid) u 2.4 (Funderiji ta’ metall tal-ħadid) tal-Anness jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Minħabba d-daqs tal-installazzjoni, il-limiti kwantitattivi għandhom jintlaħqu wkoll.

70.

Fir-rigward tar-riskji għas-saħħa, ir-rekwiżiti essenzjali jirriżultaw mill-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li jistabbilixxi l-obbligi bażiċi għall-operat ta’ installazzjonijiet. B’mod partikolari, il-punti (a), (b) u (c) huma rilevanti. L-Artikolu 11(a) jipprevedi l-adozzjoni tal-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis, il-punt (b) jimponi l-obbligu li jiġu applikati l-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-punt (c) l-installazzjonijiet ma għandhomx jikkawżaw tniġġis ambjentali sinjifikattiv.

71.

Billi l-Artikolu 11(a) u (c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali huwa marbuta mal-kunċett ta’ tniġġis ambjentali, id-definizzjoni tiegħu fl-Artikolu 3(2) hija ta’ importanza kruċjali. Dan jirreferi għall-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fl-ilma jew fl-art li jistgħu jkunu partikolarment ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

72.

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Ilva, il-verifika tal-osservanza tal-obbligi fundamentali previsti fl-Artikolu 11(a) u (c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, jiġifieri l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi suffiċjenti kontra t-tniġġis u l-prevenzjoni ta’ tniġġis sinjifikattiv, teżiġi li jiġu evalwati l-effetti tal-installazzjoni fuq is-saħħa tal-bniedem u l-emissjonijiet tal-installazzjoni li jista’ jkollhom tali effetti ( 20 ).

73.

Madankollu, il-modalitajiet ta’ din l-evalwazzjoni jirriżultaw biss minn analiżi iktar preċiża tal-obbligi fundamentali rilevanti. F’dan ir-rigward, jeħtieġ l-ewwel li tiġi ċċarata l-portata tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, peress li l-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni hija ambigwa (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 1). Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-kunċett ta’ tniġġis sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c) (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 2) u l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 3).

1. Artikolu 11(a) – Miżuri preventivi xierqa

74.

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu Ġermaniża, li għandha tittieħed “kull miżura preventiva xierqa” kontra t-tniġġis. Din il-formulazzjoni timmilita favur obbligu wiesa’ ħafna. Madankollu, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra u l-kuntest sistematiku tal-leġiżlazzjoni jirregolaw l-effetti tagħhom.

a) Interpretazzjoni tal‑verżjoni Ġermaniża

75.

Il-kunċett ta’ “miżura preventivi” ifakkar il-prinċipju ta’ prekawzjoni li, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, huwa l-bażi tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, inkluża d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 21 ), u li huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti.

76.

Dan il-prinċipju jippermetti li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni kontra riskji li l-eżistenza jew il-portata tagħhom ma humiex stabbiliti fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli ( 22 ). Huwa għalhekk possibbli li għarfien futur jikkontradixxi effettivament dawn ir-riskji, b’tali mod li l-miżuri ta’ protezzjoni jkunu a posteriori superfluwi.

77.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fis-sens li dawn jipprekludu miżuri meta jkun hemm, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riskji kollha humiex esklużi ( 23 ).

78.

It-terminu “xierqa” jidher ukoll li jwessa’ l-obbligu previst fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Fil-fatt, miżura titqies li hija “xierqa” jekk din tista’ tilħaq l-għan mixtieq. Il-kwistjoni ta’ jekk l-isforz meħtieġ huwa proporzjonat għal dan l-għan hija, għalhekk, irrilevanti. Marġni ta’ diskrezzjoni jeżisti l-iktar l-iktar fir-rigward tal-kwistjoni xjentifika dwar jekk miżura tistax, fi kwalunkwe każ, tilħaq l-għan tagħha.

79.

Għaldaqstant, “[i]l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis”, fis-sens tal-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jkunu jinkludu l-miżuri kollha sabiex jiġi evitat tniġġis li l-formazzjoni tiegħu ma tistax tiġi eskluża waqt l-operat tal-installazzjoni, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli. Fil-qari iktar strett tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li l-installazzjoni tista’ tiġi awtorizzata biss jekk jitneħħa kull dubju li l-installazzjoni hija operata mingħajr tniġġis.

80.

Madankollu, il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija l-unika waħda li teżiġi “miżuri preventivi xierqa”.

b) Il‑verżjonijiet lingwistiċi l‑oħra

81.

Ċertament, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jaqblu mal-verżjoni Ġermaniża sa fejn dawn jeżiġu wkoll il-miżuri “kollha”. Madankollu, huma ma jużawx il-kunċett preventiv, iżda huma ispirati mill-prinċipju ta’ azzjoni preventiva li fuqu hija bbażata wkoll il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 191(2) TFUE. Huwa biss fil-verżjoni Slovena (“prečevanje”) u dik Finlandiża (“estävät”) li jintużaw kliem li ma jikkorrispondux għall-kunċett ta’ dan il-prinċipju tal-Artikolu 191(2) TFUE, iżda jidher li għandhom jinftiehmu wkoll fis-sens ta’ prevenzjoni jew ta’ azzjoni preventiva pjuttost milli f’dak ta’ prekawzjoni.

82.

Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ftit li xejn eżaminat il-prinċipju preventiv, iżda diġà ddeċidiet li hija r-responsabbiltà tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jimpedixxu, inaqqsu u sa fejn huwa possibbli, jeliminaw, mill-bidu, is-sorsi ta’ tniġġis u ta’ inkonvenjenti bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ natura li jeliminaw ir-riskji magħrufa ( 24 ). Filwaqt li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jkopri għalhekk sitwazzjonijiet ta’ inċertezza dwar ir-riskji, il-prinċipju preventiv għandu jkun limitat għall-miżuri ta’ protezzjoni meta r-riskji jew il-perikoli miġġielda jkunu magħrufa ( 25 ).

83.

Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ma jirrikjedux l-adozzjoni ta’ miżuri “xierqa”. Minflok jużaw termini bħal “appropriate” (EN), “approprié” (FR), “adecuado” (ES) jew saħansitra “opportuno” (IT). Għalkemm dawn it-termini jistgħu wkoll jiġu tradotti bħala “xierqa”, huma jippermettu wkoll, b’differenza mit-terminu Ġermaniż, li jiġi bbilanċjat jekk l-isforz marbut mal-miżuri ta’ protezzjoni kkonċernati huwiex proporzjonat mal-effett protettiv u mar-riskju inkwistjoni.

84.

Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jimmilitaw għalhekk pjuttost favur obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha xierqa (jew raġonevoli) sabiex jiġu evitati r-riskji magħrufa ta’ installazzjoni għall-ambjent.

c) Is‑sens u l‑iskop tal‑Artikolu 11(a) tad‑Direttiva dwar l‑emissjonijiet industrijali

85.

Kif inhu magħruf, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi ( 26 ). Bl-istess mod, l-ebda verżjoni lingwistika ma tingħata prijorità meta mqabbla mal-oħrajn ( 27 ). Għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tas-sens ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 28 ). Barra minn hekk, l-oriġini tal-leġiżlazzjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-interpretazzjoni tagħha ( 29 ).

86.

Il-fatt li l-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ma jirreferix għal miżuri preventivi, iżda għal azzjoni preventiva jirriżulta mit-titolu stess tad-Direttiva u mill-Artikolu 1(1) tagħha. Madankollu, fil-kawża ineżami lanqas il-verżjoni Ġermaniża ma hija effikaċi.

87.

Fil-verżjoni Ġermaniża, it-titolu jinkludi ż-żieda tal-parenteżi “integrierte Vermeidung und Verminderung der Umweltverschmutzung” (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva tirregola l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis mill-attivitajiet industrijali. Kemm it-titolu kif ukoll l-Artikolu 1(1) jikkorrispondu għad-Direttivi 96/61 u 2008/1 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż li kienu fis-seħħ preċedentement.

88.

Bl-eċċezzjoni tal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal‑1996 kienu jużaw fuq dawn iż-żewġ punti t-terminu ta’ prevenzjoni li jinsab fl-Artikolu 191(2) TFUE, pereżempju bil-Franċiż “prévention”, bl-Ingliż “prevention” jew bit-Taljan “prevenzione”. Il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi miżjuda minn dak iż-żmien jużaw ukoll l-ekwivalenti tal-prevenzjoni ( 30 ), minkejja li jeżistu wkoll verżjonijiet lingwistiċi li, bħall-verżjoni Ġermaniża, jużaw terminu ieħor ( 31 ).

89.

Fi kwalunkwe każ, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ kull waħda mit-tliet direttivi jaqblu dwar il-fatt li huma la użaw u lanqas jużaw il-kunċett ta’ prekawzjoni, la fit-titolu u lanqas fl-Artikolu 1.

90.

Barra minn hekk, it-titolu u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali juru wkoll li din ma għandhiex l-għan li tevita kull tniġġis, peress li hija ssemmi wkoll is-sempliċi tnaqqis tat-tniġġis jew f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, bħal dik Ingliża, il-kontroll tiegħu. Għalhekk, id-Direttiva taċċetta ċertu livell ta’ tniġġis. Konsegwentement, l-Artikolu 11(c) jipprojbixxi biss it-tniġġis sinjifikattiv.

91.

Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 11(b) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Skont din id-dispożizzjoni, l-aħjar metodi tekniċi disponibbli għandhom jintużaw għall-operat tal-installazzjoni. Huwa minnu li l-“aħjar” metodi tekniċi disponibbli skont l-Artikolu 3(10)(ċ) huma dawk li huma l-iktar effettivi biex jinkiseb livell ġeneralment għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu. Madankollu, skont l-Artikolu 3(10)(b), “metodi tekniċi disponibbli” għandhom ifissru dawk biss li ġew żviluppati fuq skala li tkun tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur industrijali rilevanti, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, waqt li jitqiesu n-nefqiet u l-vantaġġi. Għalhekk, fid-determinazzjoni tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ekonomiċi.

92.

Issa, il-limitazzjoni tal-obbligu li jintużaw l-aħjar metodi tekniċi disponibbli għal “metodi tekniċi disponibbli” tkun kompromessa jekk l-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jimponi obbligu li tiġi adottata kull miżura ta’ prekawzjoni “xierqa”, indipendentement mid-disponibbiltà ekonomika.

93.

Il-fatt li l-obbligu li jintużaw l-aħjar metodi tekniċi disponibbli previst fl-Artikolu 11(b) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jikkonkretizza l-obbligu, previst fl-Artikolu 11(a), li jittieħdu “l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis” kien iktar ċar fil-verżjoni inizjali ta’ dawn iż-żewġ obbligi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttivi 96/61 u 2008/1, “il-miżuri kollha xierqa preventivi jittieħdu kontra t-tniġġiż, b’mod partikolari permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-aħjar tekniċi disponibbli” ( 32 ). Il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex isseparat dawn iż-żewġ elementi fil-proposta tagħha għal riformulazzjoni tad-Direttiva ( 33 ). Peress li hija spjegat biss ir-regoli l-ġodda emendati b’mod sostanzjali ( 34 ), għandu jiġi preżunt li hija kkunsidrat li din l-emenda ma kinitx rilevanti.

94.

L-effetti fuq is-saħħa għandhom jitqiesu meta jiġu identifikati l-aħjar metodi tekniċi disponibbli għall-Unjoni kollha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(10) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, dawn it-tekniki huma intiżi li jipprevjenu jew, tal-inqas, li jnaqqsu l-effetti fuq l-ambjent u huma l-iktar effettivi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, l-effetti konkreti fuq is-saħħa ta’ installazzjoni partikolari huma rilevanti biss f’dan ir-rigward bħala element tad-database għall-evalwazzjoni ta’ tekniki differenti. B’kuntrast ma’ dan, l-applikazzjoni, f’installazzjoni partikolari, tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli identifikati fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 11(b) ma tiddependix direttament fuq l-effetti konkreti fuq is-saħħa tal-installazzjoni kkonċernata.

d) Konklużjoni intermedja

95.

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandu għalhekk jinftiehem fis-sens li kull miżura xierqa għandha tittieħed sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa r-riskji magħrufa ta’ installazzjoni għall-ambjent.

96.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva jinkludu b’mod partikolari l-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli msemmija fl-Artikolu 11(b). Meta din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal installazzjoni partikolari, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fuq is-saħħa.

2. L‑Artikolu 11(c) tad‑Direttiva dwar l‑emissjonijiet industrijali

97.

Madankollu, l-Artikolu 11(c) jista’, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-installazzjoni, joħloq obbligi li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni li jmorru lil hinn mill-aħjar metodi tekniċi disponibbli, b’mod partikolari minħabba l-kundizzjonijiet prevalenti fis-sit tiegħu. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-installazzjoni ma tikkawżax tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent. Għalhekk, jekk l-installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv minkejja l-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, għandhom jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali sabiex jiġi evitat dan it-tniġġis.

98.

Tali miżuri ta’ protezzjoni għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala xierqa fis-sens tal-Artikolu 11(a), peress li l-kunċett ta’ “tniġġis sinjifikattiv” jistabbilixxi limitu assolut għall-operat tal-installazzjoni. Jekk dawn il-miżuri protettivi ma jkunux possibbli, l-installazzjoni ma tistax tiġi awtorizzata.

99.

Għalkemm id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(2) tagħha, il-kunċett ta’ tniġġis, hija ma tiddefinixxihx meta għandu jitqies bħala sinjifikattiv. Dan jista’ jirriżulta biss minn evalwazzjoni tat-tniġġis tal-ambjent ikkonċernat u tal-effetti tiegħu.

100.

Tali evalwazzjoni tista’ tiġi dedotta in abstracto minn leġiżlazzjonijiet oħra. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li qbiż tal-valuri limitu tad-diossidu tal-kubrit fl-arja ambjentali prevista mid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent ( 35 ) għandu jitqies bħala tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent ( 36 ).

101.

Madankollu, dan il-każ ma huwiex dovut għan-natura partikolari tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Għall-kuntrarju, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi kklassifikat bħala sinjifikattiv kull tniġġis li, fid-dawl ta’ derogi eventwali, iwassal għal stat inkompatibbli ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

102.

Madankollu, ma hemmx bżonn ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jindikaw liema effetti tat-tniġġis ikkawżat mill-installazzjoni fuq is-saħħa tal-bniedem jimponu direttament il-konklużjoni li t-tniġġis ambjentali huwa sinjifikattiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk jeżistux dispożizzjonijiet tad-dritt intern Taljan li jwasslu għal tali riżultat.

103.

Madankollu, konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jistgħu, anki indipendentement minn ksur ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt ambjentali, iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li t-tniġġis huwa sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Dan diġà jirriżulta mill-fatt li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent — inkluża d-Direttiva — hija intiża wkoll, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE, li tipproteġi s-saħħa tal-persuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimponu fuq l-Unjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni ( 37 ). Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandha għalhekk importanza partikolari li tista’ tiġġustifika żvantaġġi ekonomiċi konsiderevoli ( 38 ).

104.

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija riflessa b’mod partikolari mill-fatt li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2), in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jeżiġi s-sospensjoni tal-operat tal-installazzjoni biss fil-każ ta’ perikolu immedjat u sinjifikattiv għall-ambjent, sakemm tiġi żgurata l-osservanza mill-ġdid, filwaqt li kull perikolu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jeżiġi dan.

105.

Ċertament, din il-leġiżlazzjoni timmilita favur il-fatt li t-tniġġis li jipperikola s-saħħa tal-bniedem huwa dejjem sinjifikattiv. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li ċerti inkonvenjenzi għas-saħħa, li għandhom piż partikolarment baxx, jippermettu li jiġi kkunsidrat li t-tniġġis kawżali jitqies bħala negliġibbli. Dan huwa appoġġjat b’mod partikolari mill-fatt li d-definizzjoni ta’ tniġġis li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali diġà ssemmi l-possibbiltà ta’ dannu għas-saħħa tal-bniedem. Kieku dan kellu dejjem iwassal sabiex it-tniġġis korrispondenti jkun sinjifikattiv, il-leġiżlatur kien, barra minn hekk, esprima dan espressament.

106.

Għalhekk, it-tniġġis li jikkawża żvantaġġi għas-saħħa huwa sinjifikattiv biss jekk dawn l-iżvantaġġi jitqiesu bħala danni eċċessivi għas-saħħa tal-bniedem.

107.

Bħala valur ta’ gwida f’dan ir-rigward, IMPEL, in-Network għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali, qieset li mewt addizzjonali fis-sena għal kull 1000000 persuna fl‑2005 u li, f’każ ta’ mard mingħajr mewt, każ addizzjonali għal kull 100000 persuna kien għadu aċċettabbli ( 39 ), u għalhekk it-tniġġis korrispondenti ma kienx sinjifikattiv. Bħala paragun, fl-Unjoni, kien hemm madwar 70 mewt għal kull 1000000 abitant bħala riżultat ta’ inċidenti tat-toroq fl‑2011 u 49 fl‑2020 ( 40 ). Madankollu, id-delimitazzjoni eżatta bejn żvantaġġi tas-saħħa sinjifikattivi u mhux sinjifikattivi tista’ ssir biss f’każijiet individwali, filwaqt li titqies l-importanza tal-installazzjoni u l-alternattivi possibbli.

108.

Madankollu, l-iżvantaġġi għas-saħħa li jirriżultaw mit-tniġġis, li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali, kif ikkonstatat ( 41 ) il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-impjant tal-azzar Ilva, ma jistgħux, prima facie, jiġu aċċettati bħala negliġibbli. Huwa għalhekk possibbli li, fl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju titkellem dwar il-fatt li r-riskju għas-saħħa ma huwiex aċċettabbli għal popolazzjoni milquta b’mod sinjifikattiv mill-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

109.

Madankollu, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li fil-frattemp ġew implimentati miżuri oħra ta’ protezzjoni, b’tali mod li s-sitwazzjoni nbidlet meta mqabbla mas-sitwazzjonijiet imsemmija fis-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Jannar 2019 u tal‑5 ta’ Mejju 2022, kif ukoll mal-evalwazzjoni preċedenti tad-danni għas-saħħa.

110.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva jinkludu għalhekk, minbarra l-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c). It-tniġġis huwa kkunsidrat bħala sinjifikattiv meta jwassal għal stat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, fid-dawl ta’ derogi eventwali. Indipendentement minn dawn id-dispożizzjonijiet, it-tniġġis huwa kkunsidrat bħala sinjifikattiv meta jikkawża dannu eċċessiv għas-saħħa tal-bniedem, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. It-tniġġis li, billi jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem, jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati huwa dejjem sinjifikattiv.

3. Eżami mill‑ġdid tal‑awtorizzazzjoni

111.

L-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni, imsemmi wkoll fl-ewwel domanda, huwa rregolat mill-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

112.

Dan l-eżami mill-ġdid għandu jkun ta’ importanza partikolari sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa prevista mid-dritt Taljan. Fil-fatt, jidher li huwa eskluż li din l-evalwazzjoni setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni sa mill-ewwel awtorizzazzjonijiet ambjentali tal-impjant tal-azzar, tal‑2011 u tal‑2012. Għall-kuntrarju, jidher, li din ġiet introdotta biss permezz tal-Artikolu 1(7) tad-Digriet Liġi Nru 61 tal‑4 ta’ Ġunju 2013. Qabel, l-effetti tal-installazzjoni fuq is-saħħa kellhom jiġu kkunsidrati fuq il-bażi ta’ informazzjoni oħra.

113.

Eżami mill-ġdid huwa neċessarju, skont l-Artikolu 21(5)(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, b’mod partikolari meta t-tniġġis ikkawżat mill-installazzjoni jkun tali li l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid jew li għandhom jiġu previsti valuri limitu tal-emissjonijiet ġodda fl-awtorizzazzjoni.

114.

Din id-dispożizzjoni b’hekk hija marbuta mal-obbligu fundamentali previst fl-Artikolu 11(c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u teżiġi eżami mill-ġdid meta t-tniġġis li ġej mill-installazzjoni jirriżulta sinjifikattiv a posteriori. L-indizji ta’ tali tniġġis għandhom jirriżultaw mis-sistema ta’ spezzjonijiet ambjentali meħtieġa mill-Artikolu 23(1), li għandu jinkludi l-eżami tal-firxa kollha tal-effetti tal-installazzjonijiet ikkonċernati fuq l-ambjent. Evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa mwettqa sa mill-awtorizzazzjoni u aġġornata regolarment hija, skont l-Artikolu 23(4)(a), element ta’ din is-sistema u manifestament rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 21(5)(a). Għaldaqstant, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

115.

Barra minn hekk, dan jidher ukoll li huwa previst fl-Artikolu 1(7) tad-Digriet Liġi Nru 61, li jipprevedi li, jekk l-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa ma tistax hija stess temenda l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, ir-Reġjun jista’ jitlob eżami mill-ġdid abbażi tagħha.

4. Ir‑risposta għall‑ewwel domanda

116.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ impjant skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u fil-każ ta’ eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, l-osservanza tal-obbligi fundamentali tal-operat tal-installazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva għandha tiġi żgurata.

117.

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandu jinftiehem fis-sens li għandhom jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa r-riskji magħrufa ta’ installazzjoni għall-ambjent.

118.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva jinkludu b’mod partikolari l-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli msemmija fl-Artikolu 11(b). Meta din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal installazzjoni partikolari, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fuq is-saħħa.

119.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva jinkludu, barra minn hekk, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c). It-tniġġis huwa kkunsidrat bħala sinjifikattiv meta jwassal għal stat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, fid-dawl ta’ derogi eventwali. Irrispettivament minn tali dispożizzjonijiet, it-tniġġis għandu jitqies bħala sinjifikattiv meta jikkawża dannu eċċessiv għas-saħħa tal-bniedem, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. It-tniġġis li, billi jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem, jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati huwa dejjem sinjifikattiv.

120.

Skont l-Artikolu 21(5)(a) tad-Direttiva, eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni huwa b’mod partikolari neċessarju meta jkun jidher a posteriori li installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv, pereżempju wara evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa.

C.   It‑tieni domanda – Kunsiderazzjoni tal‑emissjonijiet

121.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni, is-sustanzi kollha emessi li fir-rigward tagħhom ikun xjentifikament ipprovat li huma ta’ ħsara, inklużi l-frazzjonijiet ta’ PM10 (partiċelli fini) u PM2.5 (partiċelli saħansitra iżgħar, partiċelli fini) u li, fi kwalunkwe każ, joriġinaw mill-installazzjoni li hija s-suġġett tal-evalwazzjoni, jew jekk l-awtorizzazzjoni għandhiex tkopri biss is-sustanzi li jniġġsu li huma previsti immedjatament minħabba n-natura u t-tip ta’ attività industrijali eżerċitata. Il-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirreferu wkoll għar-ram, għall-merkurju u għan-naftalina.

122.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, fit-talba tagħha għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 12(1)(f) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-operatur għandu jiddeskrivi n-natura u l-kwantità tal-emissjonijiet prevedibbli tal-installazzjoni f’kull element ambjentali kif ukoll l-effetti sinjifikattivi tal-emissjonijiet fuq l-ambjent. Minn dan isegwi li dan l-obbligu jikkonċerna biss l-emissjonijiet prevedibbli.

123.

Skont l-Artikolu 14(1)(a) u (2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, meta sussegwentement tingħata awtorizzazzjoni, din għandha tinkludi mill-inqas valuri limitu tal-emissjonijiet jew miżuri ekwivalenti għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II u għal sustanzi oħra li jniġġsu li x’aktarx joħorġu fi kwantitajiet sinjifikattivi mill-installazzjoni kkonċernata.

124.

Kif jindikaw b’mod korrett ir-rikorrenti, l-Anness II tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jkopri s-sustanzi li jniġġsu msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri komposti organiċi volatili rrilaxxati fl-arja (punt 4), jiġifieri n-naftalina, il-metalli u l-komposti tal-metall (punt 5), inklużi r-ram u l-merkurju, kif ukoll it-trab, inklużi materja partikolata fina (Nru 6), inklużi PM10 u PM2.5. Għar-rilaxx fl-ilma, jissemmew idrokarburi persistenti kif ukoll sustanzi organiċi tossiċi persistenti u bijoakkumulabbli (Nru 5) kif ukoll metalli u l-komposti tagħhom (Nru 7).

125.

Madankollu, dawn il-frazzjonijiet huma fformulati b’mod tant ġenerali li ma huwiex possibbli li jiġu dedotti minnhom l-obbligi tal-iffissar ta’ valuri limitu speċifiċi għal kull sustanza koperta, bħal kull kompost organiku volatili, kull metall jew kull frazzjoni ta’ trab. Kif issostni l-Kummissjoni, il-klassifikazzjoni li kwantità rilevanti għandha tiġi rrilaxxata tirrigwarda għalhekk mhux biss is-sustanzi li jniġġsu l-oħra, iżda wkoll dawk tal-Anness II tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Għall-kuntrarju, is-sustanzi li jniġġsu tal-Anness II li ma humiex irrilaxxati fi kwantitajiet sinjifikattivi ma jeħtiġux valuri limitu.

126.

Sa fejn installazzjonijiet ġodda huma awtorizzati, huma biss l-emissjonijiet antiċipati minħabba n-natura u t-tip ta’ attività industrijali eżerċitata li jistgħu neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Kif tindika Ilva, din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta meta jiġu ddeterminati l-aħjar metodi tekniċi disponibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

127.

L-aħjar metodi tekniċi disponibbli għall-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar huma ddefiniti f’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Frar 2012 ( 42 ) u huma speċifikati f’dokument ta’ referenza tal-BAT tal‑2013 ( 43 ) f’iktar dettall. Is-sustanzi li jniġġsu msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew fiha ( 44 ), għalkemm parzjalment bħala elementi ta’ gruppi ta’ sustanzi li jniġġsu (trab, idrokarburi aromatiċi poliċikliċi). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-konklużjonijiet tal-BAT dwar attivitajiet industrijali oħra għandhom jiġu ssodisfatti wkoll ( 45 ).

128.

Kif diġà indikajt, l-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(a) u (b) għandhom joperaw bl-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli ( 46 ). Għal dan l-għan, il-konklużjonijiet tal-BAT, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rispettiva, iservu bħala referenza għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3). L-Artikolu 15(2) jipprovdi li l-valuri limitu u l-miżuri ekwivalenti għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar metodi tekniċi disponibbli. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li timponi l-użu ta’ teknika jew ta’ teknoloġija partikolari, l-Artikolu 15(3) jipprevedi, tal-inqas, li l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjoni assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli.

129.

B’mod partikolari, għall-partiċelli fini tad-daqs PM10 u l-partiċelli fini tad-daqs PM2.5, il-ħtieġa li jiġu ffissati valuri limitu tal-emissjonijiet iktar stretti tista’ tirriżulta mid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent ( 47 ). Fil-fatt, il-valuri limitu tal-kwalità tal-arja stabbiliti minn din id-direttiva huma livelli ta’ kwalità ambjentali fis-sens tal-Artikolu 3(6) u tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 48 ). Jekk il-konformità ma’ dawn il-valuri limitu fl-arja ambjentali tirrikjedi l-impożizzjoni fuq l-installazzjoni ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet iktar stretti, dawn għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 18.

130.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-valuri limitu tal-emissjonijiet għall-PM10 inqabżu f’Taranto fl-arja ambjentali ( 49 ), għandu tal-inqas jiġi eżaminat jekk il-valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjant tal-azzar għandhomx jissaħħu. Madankollu, jidher li f’dawn l-aħħar snin ma kienx għad hemm qbiż barra mill-impjant tal-azzar ( 50 ).

131.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali juri li huma possibbli wkoll effetti fuq l-ambjent li ma humiex inklużi fil-konklużjonijiet tal-BAT. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti wkoll għal tali effetti.

132.

Tali emissjonijiet addizzjonali jistgħu jirriżultaw mhux biss mill-fatt li għadhom ma jeżistux konklużjonijiet tal-BAT jew konklużjonijiet mhux kompluti tal-BAT għall-attività kkonċernata, iżda wkoll minn kundizzjonijiet speċifiċi fuq is-sit tal-installazzjoni.

133.

Barra minn hekk, fl-awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni fis-servizz jew fl-eżami mill-ġdid ta’ tali awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba fl-operat bħala li tagħmel parti mid-data xjentifika rilevanti ( 51 ), jiġifieri l-emissjonijiet effettivament ikkonstatati.

134.

Fil-qosor, fl-awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni skont l-Artikoli 5, 14 u 15 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u l-eżami mill-ġdid ta’ tali awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sustanzi kollha li jniġġsu fi kwantità rilevanti mistennija abbażi tal-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari ta’ konklużjonijiet eventwali tal-BAT, eventwali esperjenza fl-operat effettiv tal-installazzjoni u indikazzjonijiet oħra.

D.   It‑tielet domanda – Terminu għall‑adattament ta’ installazzjoni

135.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali li l-Italja estendiet b’madwar seba’ snin u nofs sa total ta’ ħdax‑il sena, sax-xahar ta’ Awwissu 2023, it-terminu inizjalment previst għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa previsti mill-awtorizzazzjoni tal-impjant tal-azzar tal‑2012.

136.

Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta b’mod relattivament sempliċi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u tad-Direttiva 96/61 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis li kienet fis-seħħ qabel.

137.

Peress li d-dispożizzjonijiet trasposti tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali japplikaw biss, skont l-Artikolu 82(1), għal installazzjonijiet qodma bħall-impjant tal-azzar inkwistjoni mis‑7 ta’ Jannar 2014, l-awtorizzazzjoni kienet għadha suġġetta, inizjalment, għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/61.

138.

Skont l-Artikoli 5(1) u 21(1) tad-Direttiva 96/61, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jiżguraw, permezz ta’ awtorizzazzjoni jew, b’mod xieraq, permezz ta’ eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, jekk ikun xieraq, l-aġġornament tagħhom, li l-impjant tal-azzar Ilva jopera skont din id-direttiva bħala installazzjoni eżistenti fis-sens tal-Artikolu 2(4) sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri ħdax‑il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva ( 52 ). Il-fiduċja tal-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet fil-kontinwità tal-kundizzjonijiet tal-operat ġiet suffiċjentement protetta minn dan it-terminu ġeneruż.

139.

L-imsemmija kundizzjonijiet kellhom b’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61, jiżguraw l-osservanza, waqt l-operat tal-installazzjoni, tal-obbligi fundamentali li dak iż-żmien kienu stabbiliti fl-Artikolu 3 tagħha. Dawn l-obbligi fundamentali jinsabu llum — sa fejn huma rilevanti fil-kawża ineżami — bl-istess kontenut fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-ewwel u dwar it-tieni domanda japplikaw ukoll għad-dispożizzjonijiet il-qodma.

140.

Jidher li huwa ċertament possibbli, bħala prinċipju, li jiġu suġġetti kundizzjonijiet għal terminu ta’ traspożizzjoni u, għaldaqstant, li tiġi posposta l-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, jekk ikunu meħtieġa kundizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi fundamentali waqt l-operat ta’ installazzjoni, posponiment ma kienx ikun kompatibbli mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/61. Dan peress li, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorizzazzjoni kienet timplika li l-installazzjoni topera skont l-obbligi fundamentali. Għalhekk, l-installazzjoni kellha titħaddem sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ottubru 2007, skont l-Artikolu 3(a), bl-aħjar metodi tekniċi disponibbli li kienu identifikati dak iż-żmien. Skont il-punt (b), hija lanqas ma setgħet, minn dak il-mument, tikkawża tniġġis sinjifikattiv.

141.

Naturalment, dan japplika wkoll għall-modifiki li jsiru lil installazzjoni eżistenti. Dawn jistgħu jitwettqu biss jekk, sussegwentement, l-installazzjoni tkompli tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli. Għal dan l-għan, ma humiex previsti perijodi tranżitorji mid-Direttivi 96/61 u 2008/1 u lanqas ma huma inklużi fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

142.

Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jikkonferma li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ma jistgħux jiġu posposti. Skont l-Artikolu 8(2)(b), fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, l-operatur għandu jieħu mingħajr dewmien il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-osservanza tar-rekwiżiti tiġi stabbilita mill-ġdid mill-iktar fis possibbli. Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) teżiġi wkoll is-sospensjoni tal-operat tal-installazzjoni meta ksur tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jwassal għal perikolu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jikkostitwixxi perikolu dirett u sinjifikattiv għall-ambjent. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 14 tad-Direttivi 96/61 u 2008/1 kien jillimita ruħu li jintima, b’mod ġenerali, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

143.

Kuntrarjament għall-fehma ta’ Ilva, ta’ Acciaierie d’Italia u tal-Italja, ma hemm ebda indikazzjoni li posponiment tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa jista’ jiġi ġġustifikat b’restrizzjoni fuq il-produzzjoni tal-impjant.

144.

Wieħed jista’ jassumi li bi produzzjoni iktar baxxa, l-impatt ambjentali u b’mod partikolari l-emissjonijiet mill-impjant jonqsu b’mod ġenerali. It-tnaqqis tal-produzzjoni jista’ għalhekk jgħin sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja ambjentali fil-viċinanza tal-impjant. Jista’ jkun ukoll kapaċi jipprevjeni theddida immedjata għas-saħħa tal-bniedem jew theddida immedjata sinjifikattiva għall-ambjent fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

145.

Madankollu, produzzjoni iktar baxxa ġeneralment ma twassalx għal konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet. Valuri limitu tal-emissjonijiet skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, tfisser il-massa, il-konċentrazzjoni u/jew il-livell ta’ emissjoni espressa f’relazzjoni ma’ ċerti parametri speċifiċi, li ma jistgħux jinqabżu f’perjodu wieħed jew iktar. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar tat‑28 ta’ Frar 2012 ( 53 ) tiddefinixxi l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT għall-emissjonijiet fl-arja fit-taqsima ta’ gwida ġenerali bħala massa ta’ sustanzi emessi għal kull volum ta’ gassijiet tal-egżost jew għal kull unità ta’ massa ta’ prodotti. jew prodotti pproċessati. Bħala regola, valuri bħal dawn ma jonqsux minħabba produzzjoni iktar baxxa.

146.

Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2012 tista’ fil-fatt tagħti bidu għal skadenza għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet. X’aktarx li kien jeħtieġ emendi fil-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(2)(b) tad-Direttiva 2008/1, applikabbli fil-frattemp, kien jipprevedi li l-awtorizzazzjoni kellha tiġi eżaminata mill-ġdid meta modifiki sostanzjali fl-aħjar metodi tekniċi disponibbli jippermettu li jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv l-emissjonijiet mingħajr ma jinvolvu spejjeż sproporzjonati. Sussegwentement, kien possibbli li jsir ibbilanċjar.

147.

Madankollu, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali kienet applikabbli mis‑7 ta’ Jannar 2014. L-Artikolu 21(3) tagħha ma kienx jipprevedi iktar ibbilanċjar. Għall-kuntrarju, huwa ta terminu ta’ erba’ snin għall-adattament tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għat-tekniki l-ġodda, li fil-kawża ineżami kien sat‑28 ta’ Frar 2016.

148.

Madankollu, anki lil hinn mill-bidliet fl-aħjar metodi tekniċi disponibbli, jista’ jingħata posponiment eċċezzjonalment għal ċerti kundizzjonijiet.

149.

Għalkemm kundizzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ livelli ta’ kwalità ambjentali, l-istandard ta’ kwalità ambjentali jista’, min-naħa tiegħu, ikun akkumpanjat minn posponiment. F’dan il-każ, ma jkunx neċessarju li jiġu applikati b’mod antiċipat il-kundizzjonijiet dwar l-osservanza tagħhom.

150.

Bl-istess mod, huwa konċepibbli li ċertu tniġġis huwa primarjament aċċettabbli, iżda li sussegwentement isir sinjifikattiv minħabba żviluppi ulterjuri fis-sens tal-Artikolu 11(c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Tali sitwazzjoni tista’ tirriżulta, pereżempju, mill-awtorizzazzjoni ta’ sorsi oħra li jniġġsu, b’mod partikolari ta’ installazzjonijiet oħra, jekk il-kwantità totali ta’ sustanzi li jniġġsu twassal, pereżempju, għal qbiż tal-valuri limitu tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent jew għal ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament jew tal-obbligu ta’ titjib previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma ( 54 ). Jekk dan l-iżvilupp ikun prevedibbli, diġà jistgħu jiġu stabbiliti miżuri protettivi xierqa għal installazzjonijiet eżistenti, iżda l-applikazzjoni tagħhom tiġi posposta sakemm is-sorsi addizzjonali li jniġġsu jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tniġġis. Tali ffissar antiċipat ta’ miżuri ta’ protezzjoni huwa utli, peress li dan jippermetti lill-operatur tal-installazzjoni jkollu żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri.

151.

Madankollu, fil-kawża ineżami, ma hemmx indizji favur dawn l-eċċezzjonijiet.

152.

Fl-aħħar mill-aħħar, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u tal-Artikolu 193 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk meħtieġa mid-Direttiva. Għalhekk, id-Direttiva ma tinkludix rekwiżiti għal dak li jikkonċerna tali kundizzjonijiet, b’tali mod li huma l-Istati Membri li għandhom jiddiferixxu l-applikazzjoni tagħhom.

153.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni neċessarji sabiex jiġu żgurati, qabel kollox mit‑30 ta’ Ottubru 2007, l-osservanza tad-Direttiva 96/61, sussegwentement, l-osservanza tad-Direttiva 2008/1 u, mis‑7 ta’ Jannar 2014, l-osservanza tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali mill-installazzjoni awtorizzata, kellhom u għandhom jibqgħu japplikaw mingħajr ebda dewmien żejjed mid-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikoli 3, l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61 u tad-Direttiva 2008/1, kif ukoll l-Artikoli 4, 5, 11 u 14 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali; jekk il-posponiment ma jkunx possibbli minħabba ċirkustanzi partikolari, pereżempju minħabba li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ġdida dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli minħabba li livelli ta’ kwalità ambjentali li għandhom jiġu osservati fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jkollhom effett biss sussegwentement jew jekk ċertu tniġġis, inizjalment aċċettabbli, jitqies bħala sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali minħabba żviluppi prevedibbli li jseħħu iktar tard.

V. Konklużjoni

154.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula:

1)

Meta tiġi awtorizzata installazzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u fil-każ ta’ eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligi fundamentali għall-operat tal-installazzjoni skont l-Artikolu 11.

L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandu jinftiehem fis-sens li għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa r-riskji magħrufa ta’ installazzjoni għall-ambjent.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jinkludu b’mod partikolari l-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli msemmija fl-Artikolu 11(b). Meta din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal installazzjoni partikolari, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fuq is-saħħa.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jinkludu, barra minn hekk, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c). It-tniġġis huwa kkunsidrat bħala sinjifikattiv meta jwassal għal stat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, fid-dawl ta’ derogi eventwali. Indipendentement minn dawn id-dispożizzjonijiet, it-tniġġis huwa kkunsidrat bħala sinjifikattiv meta jikkawża ħsara eċċessiva għas-saħħa tal-bniedem, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. It-tniġġis li, billi jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem, jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati huwa dejjem importanti.

Skont l-Artikolu 21(5)(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni huwa b’mod partikolari neċessarju meta jkun jidher a posteriori li installazzjoni tikkawża tniġġis sinjifikattiv, pereżempju wara evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa.

2)

Fl-awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni skont l-Artikoli 5, 14 u 15 tad-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali u matul l-eżami mill-ġdid ta’ tali awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sustanzi li jniġġsu kollha li jistgħu jiġu rrilaxxati fi kwantità sinjifikattiva abbażi tal-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari l-konklużjonijiet eventwali tal-BAT, l-esperjenza eventwali tal-operat effettiv tal-installazzjoni u indikazzjonijiet oħra.

3)

Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni neċessarji sabiex jiġu żgurati, qabel kollox mit‑30 ta’ Ottubru 2007, l-osservanza tad-Direttiva 96/61 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, sussegwentement, l-osservanza tad-Direttiva 2008/1 u, mis‑7 ta’ Jannar 2014, l-osservanza tad-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali mill-installazzjoni awtorizzata, kellhom u għandhom jibqgħu japplikaw mingħajr ebda dewmien żejjed mid-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikoli 3, 5(1) u 9 tad-Direttiva 96/61 u tad-Direttiva 2008/1, kif ukoll l-Artikoli 4, 5, 11 u 14 tad-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali; jekk il-posponiment ma jkunx possibbli minħabba ċirkustanzi partikolari, pereżempju minħabba li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ġdida dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli minħabba li livelli ta’ kwalità ambjentali li għandhom jiġu osservati fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali jkollhom effett biss sussegwentement jew jekk ċertu tniġġis, inizjalment aċċettabbli, jitqies bħala sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 11(c) tad-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali minħabba żviluppi prevedibbli li jseħħu iktar tard.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L-Italja (CE:ECHR:2019:0124JUD005441413), kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Ardimento et vs L-Italja (CE:ECHR:2022:0505JUD000464217).

( 3 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).

( 4 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata — dostap do pravosadieet (C‑375/21, EU:C:2023:173).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 24, p. 8).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).

( 7 ) Il-punti 2.2 sa 2.4 tal-Anness I jelenkaw attivitajiet industrijali differenti relatati mal-azzar u mal-ħadid.

( 8 ) Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-sit internet tal-impriża, hija ġiet ipprivatizzata fl‑1995 u llum hija 62 % proprjetà ta’ grupp internazzjonali tal-azzar. Il-bqija tal-azzjonijiet huma miżmuma mill-Istat Taljan (https://www.acciaierieditalia.com/en/company/about-us/, ikkonsultat fis‑16 ta’ Awwissu 2023).

( 9 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L-Italja (CE:ECHR:2019:0124JUD005441413, punt 12).

( 10 ) https://va.mite.gov.it/File/Documento/888984, ikkonsultat fis‑16 ta’ Ottubru 2023.

( 11 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 2728, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57), u tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L-Italja (CE:ECHR:2019:0124JUD005441413, punt 112), kif ukoll komunikazzjoni mill-gvern Taljan dwar l-1459 laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (Marzu 2023), dokument DH-DD(2023)36 tas‑6 ta’ Jannar 2023, p. 9.

( 14 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17).

( 15 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punti 42 sa 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17), u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 32).

( 19 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru‑2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 91).

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward Kirton, J., u Horrocks, S., Consideration of Human Health through IPPC: A Good Practice Guide (Impel report 2004/10, b’mod partikolari p. 12 u 13). Il-European Union Network for the Implementation and Enforcement of Environmental Law (IMPEL) jiddeskrivi ruħu bħala assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ tal-awtoritajiet ambjentali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi aderenti u kandidati tal-UE, tal-pajjiżi taż-ŻEE u tal-EFTA, kif ukoll kandidati potenzjali għas-sħubija fil-Komunità Ewropea. Il-kompitu tiegħu huwa li jiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tad-dritt ambjentali Ewropew billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni professjonali, l-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet ambjentali (impel.eu).

( 21 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie “Za Zemyata - dostap do pravosadie”et (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 53).

( 22 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, National Farmers‘ Union et (C‑157/96, EU:C:1998:191, punti 6364); tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italie et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 111); kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 43).

( 23 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie “Za Zemyata - dostap do pravosadie”et (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 53), dwar id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali kif ukoll dwar id-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 102); is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 44 kif ukoll 58 u 59); u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66); u dwar il-Liġi dwar l-Iskart tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Prato Nevoso Termo Energy (C‑212/18, EU:C:2019:898, punt 58). Ara wkoll Sobotta, C., “Recent application of the precautionary principle in the każistika of the CJEU — a new yardstick in EU environmental decision making?” ERA Forum 2020, 723.

( 24 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 165). Madankollu, ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro (C‑175/98 u C‑177/98, EU:C:1999:486, punt 51), kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et (C‑318/98, EU:C:2000:337, punt 37), li jinterpretaw ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan is-sens.

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2020:735, punt 107); kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ERG et (C‑378/08, EU:C:2009:650, punti 6775); Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:258, punt 60); u Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:14, punt 30).

( 26 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 1314); tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 19); u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management e Catania Multiservizi u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 43).

( 27 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18), u tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65).

( 28 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa (C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 27).

( 29 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 57); tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135); tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31).

( 30 ) Skont il-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka, Litwana, Maltija, Ungeriża, Pollakka, Rumena, Slovena u Slovakka.

( 31 ) Bħall-verżjoni Bulgara, Estonjana, Kroata u Latvjana.

( 32 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1984 dwar il-ġlieda kontra t-tniġġiż fl-arja mill-impjanti industrijali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 1 p. 219): “l-miżuri kollha approprjati kontra t-tniġġiż ta’ l-arja, inkluża l-applikazzjoni ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli, sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ma tisfax fi spejjeż eċċessivi”.

( 33 ) COM (2007) 844 finali, Artikolu 12 (p. 31).

( 34 ) COM (2007) 844 finali (p. 11).

( 35 ) Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480 tat‑28 ta’ Awwissu 2015 (ĠU 2015, L 226, p. 4, rettifika fil-ĠU 2019, L 72, p. 141).

( 36 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata - dostap do pravosadieet (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 50). Ara, diġà, il-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 84/360.

( 37 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Parlament u Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑14/06 u C‑295/06, EU:C:2008:176, punt 75), kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 42).

( 38 ) Digriet tat‑12 ta’ Lulju 1996, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni (C‑180/96 R, EU:C:1996:308, punt 93); kif ukoll sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Affish (C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 43); tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 99); u tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 156).

( 39 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 19.

( 40 ) Eurostat, Causes of death: tables and figures (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/images/6/64/SE-Causes_of_death_2023.xlsx, ikkonsultat fl‑1 ta’ Settembru 2023).

( 41 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L-Italja (CE:ECHR:2019:0124JUD005441413), kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Ardimento et vs L-Italja (CE:ECHR:2022:0505JUD000464217).

( 42 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/135/UE li tistabbilixxi l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali għall-manifattura tal-ħadid u tal-azzar (ĠU 2012, L 70, p. 63, rettifika fil-ĠU 2015, L 329, p. 29).

( 43 ) Remus, R., Aguado Monsonet, M. A., Roudier, S., Delgado Sancho, L., Best Available Techniċi (BAT) Reference Document for Iron and Steel Production (2013).

( 44 ) B’mod partikolari, il-punti 7, 21, 28, 29, 39, 55, 56, 87 u 88 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/135.

( 45 ) Ir-reġjun tal-Puglia jsemmi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal‑31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1). Jistgħu jkunu wkoll rilevanti d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2110 tal‑11 ta’ Ottubru 2022 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aħjar tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali, għall-industrija tal-ipproċessar tal-metalli tal-ħadid (ĠU 2022, L 284, p. 69), kif ukoll Aries, E., Gómez, J., Mavromatis, S., Klein, G., Chronopoulos, G., u Roudier, S., Best Available Techniques (BAT) Reference Document for the Ferrous Metals Processing Industry (2022), u l‑Kummissjoni Ewropea, Reference Document on Best Available Techniques in the Smitheries and Foundries Industry (2005).

( 46 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 91 sa 95.

( 47 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 100.

( 48 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata - dostap do pravosadieet (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 59).

( 49 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limitu għall-PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895), Taranto tagħmel parti miż-żona IT 1613 (Puglia — żona industrijali).

( 50 ) Arpa Puglia, Monitoraggio della qualità dell’aria, Rete Acciaierie d’Italia S.p.A, Report Anno 2022.

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata - dostap do pravosadieet (C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 67).

( 52 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑50/10, EU:C:2011:200, punt 29).

( 53 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.

( 54 ) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).