Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑21 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C414/22 u C584/22

DocLX Travel Events GmbH

vs

Verein für Konsumenteninformation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

u

QM

vs

Kiwi Tours GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Vjaġġi kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Avvenimenti li jseħħu wara x-xoljiment iżda qabel l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż – Prevedibbiltà fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt tal-ivvjaġġar)






I.      Introduzzjoni

1.        Fil‑11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (iktar ’il quddiem il-“WHO”) iddikjarat il-coronavirus tal-COVID‑19 “pandemija” u wissiet li d-dinja “qatt qabel ma rat pandemija skattata minn coronavirus” [traduzzjoni libera] (2). In-“natura f’daqqa, id-daqs u s-severità” (3) tal-pandemija ġiet riflessa fl-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi mingħajr preċedent fuq skala globali, li ħallew impatt kbir fl-oqsma kollha tal-attività soċjali u ekonomika. L-industrija tal-ivvjaġġar kienet wieħed mill-iktar setturi affettwati serjament.

2.        F’dan il-kuntest, ħafna vjaġġaturi invokaw id-dritt li jxolju l-kuntratti tagħhom ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallsu l-ispejjeż ta’ xoljiment. Huma għamlu dan saħansitra qabel ma’ l-pandemija ġiet iddikjarata uffiċjalment u qabel l-għeluq tal-fruntieri billi invokaw l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 (4). Dawn il-kawżi magħquda kif ukoll il-Kawża C‑299/22, Tez Tour – li l-konklużjonijiet tiegħi għaliha qegħdin jiġu ppreżentati llum – iqajmu diversi problemi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Waħda minn dawn il-kwistjonijiet tikkonċerna d-determinazzjoni tal-mument deċiżiv għall-istabbiliment tad-dritt li jiġi xolt il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr l-obbligu li jitħallsu spejjeż ta’ xoljiment. Il-kawżi jistiednu riflessjoni dwar l-aħjar mod sabiex jintlaħaq il-bilanċ xieraq imfittex mid-Direttiva 2015/2302 bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi hekk kif id-dinja qiegħda ssir post iktar inċert u imprevedibbli.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt tal-Unjoni

3.        Il-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302 tistabbilixxi:

“(31)      Il-vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett permezz ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni [spejjeż ta’ xoljiment] adatta u ġustifikata, fejn jitqies l-iffrankar mistenni tal-ispejjeż u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr il-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Dan jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.”

4.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(12) ‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha[.]”

5.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni [spejjeż ta’ xoljiment] adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. Il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jista’ jispeċifika tariffi raġonevoli standardizzati ta’ terminazzjoni bbażati fuq iż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fin-nuqqas ta’ tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni, l-ammont tat-tariffa ta’ terminazzjoni għandu jikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett nieqes l-ispejjeż iffrankati u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fuq talba tal-vjaġġatur l-organizzatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għall-ammont tat-tariffi ta’ terminazzjoni.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

3.      L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[…]

(b)      l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.”

6.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.      Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.”

B.      Iddritt nazzjonali

1.      Iddritt Awstrijak

7.        L-Artikolu 3 tal-Pauschalreisegesetz (il-Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, BGBl. I, 2017/50) jistabbilixxi:

“Sa fejn il-ftehimiet jiddevjaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali għad-detriment tal-vjaġġatur, dawn ikunu mingħajr effett.”

8.        L-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ xoljiment previst fis-subparagrafu 1, il-vjaġġatur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas kumpens fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż, jew li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Jekk il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż skont dan is-subparagrafu, huwa għandu jkun intitolat għal rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula għall-vjaġġ kollox kompriż, iżda mingħajr ma jkun intitolat għal kumpens addizzjonali.”

2.      Iddritt Ġermaniż

9.        L-Artikolu 651h tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż), intitolat “Xoljiment qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż”, jipprevedi:

“1.      Qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż, il-vjaġġatur jista’ jxolji l-kuntratt fi kwalunkwe ħin. Jekk il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt, l-organizzatur ma jibqax intitolat għall-prezz miftiehem għall-vjaġġ kollox kompriż. Madankollu, l-organizzatur jista’ jitlob kumpens raġonevoli.

2.      Il-kuntratt jista’ jispeċifika ammonti ta’ kumpens standard raġonevoli, ukoll bħala kundizzjonijiet kuntrattwali standard, li jkunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin:

1.       il-perijodu bejn id-dikjarazzjoni ta’ xoljiment u l-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż,

2.       l-ispejjeż li l-organizzatur huwa mistenni li jiffranka; u

3.       il-qligħ mistenni li jirriżulta minn użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar.

Fejn il-kuntratt ma jispeċifikax ammont ta’ kumpens standard, l-ammont tal-kumpens għandu jiġi ddeterminat mill-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż bit-tnaqqis tal-valur tal-ispejjeż iffrankati mill-organizzatur u bit-tnaqqis ta’ dak li l-organizzatur jikseb bl-użu differenti tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fuq talba tal-vjaġġatur, l-organizzatur huwa obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-ammont tal-kumpens.

3.      B’deroga mit-tielet sentenza tas-subartikolu 1, l-organizzatur ma jistax jitlob kumpens jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjata tiegħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Ċirkustanzi jkunu inevitabbli u eċċezzjonali fis-sens ta’ dan is-sottotitolu jekk ma jkunux suġġetti għall-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u jekk il-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati anki li kieku jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.”

III. Preżentazzjoni qasira talfatti u talproċeduri filkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

A.      IlKawża C414/22

10.      F’Jannar 2020, konsumatur, FM, konsumatur, irriżerva vjaġġ tat-tmiem tal-iskola lejn il-Kroazja mal-konvenuta “DocLX”, operatriċi tal-vjaġġi. Il-vjaġġ kellu jseħħ mis‑27 ta’ Ġunju sat‑3 ta’ Lulju 2020. Dan kien jinkludi t-trasport lejn id-destinazzjoni u r-ritorn lejn il-post tat-tluq, u kien maħsub bħala vjaġġ festiv li kien jinvolvi għadd kbir ta’ parteċipanti żgħażagħ u ċelebrazzjonijiet vivaċi.

11.      Il-prezz totali tat-tour kollox kompriż kien ta’ EUR 787, li FM ħallas kompletament bil-quddiem.

12.      Fit‑13 ta’ Marzu 2020, il-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin ħareġ twissija dwar l-ivvjaġġar ta’ livell 4 għall-pajjiżi kollha fid-dinja, u ħeġġeġ il-posponiment ta’ kull vjaġġ li ma kienx assolutament neċessarju jew l-użu ta’ għażliet ta’ xoljiment.

13.      Fil‑21 ta’ April 2020, DocLX informat lil FM li x-xoljiment mingħajr ħlas tal-vjaġġ kollox kompriż ma kienx possibbli f’dak il-mument u li dan ikun possibbli biss fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi esterni, bħal twissija dwar l-ivvjaġġar ta’ livell 6, u anki f’dak il-każ sebat ijiem biss qabel il-bidu previst tal-vjaġġ kollox kompriż. Madankollu, DocLX offriet ix-xoljiment tal-vjaġġ bi ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment imnaqqsa, li FM aċċetta. Sussegwentement, DocLX irrimborsat lil FM id-depożitu li kien ħallas, filwaqt li żammet l-ammont ta’ EUR 227.68 bħala spejjeż ta’ xoljiment.

14.      Finalment, il-vjaġġ kollox kompriż ma seħħx.

15.      Il-Verein für Konsumenteninformation (l-Assoċjazzjoni għall-Informazzjoni tal-Konsumatur; iktar ’il quddiem il-“Verein”), assoċjazzjoni tal-konsumaturi Awstrijaka, ġiet assenjata bit-talba ta’ FM għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ xoljiment. Din it-talba kienet titlob il-ħlas, mingħand l-organizzatriċi, tal-ammont miżmum ta’ EUR 227.68, billi sostniet li, fil-mument tal-ftehim ta’ xoljiment, FM kellu d-dritt ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ bla ħlas. Hija sostniet li l-ftehim li bih il-vjaġġatur kien ikkanċella l-vjaġġ għal spejjeż ta’ xoljiment imnaqqsa kellu jitqies bħala ineffettiv skont l-Artikolu 10(2) tal-Pauschalreisegesetz (il-Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, l-Awstrija) peress li kien inqas favorevoli għalih.

16.      DocLX opponiet din it-talba billi sostniet li f’April 2020 kien għadu ma jistax jiġi mbassar jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji kinux ser jirrendu l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż f’Ġunju 2020 attwalment impossibbli. Konsegwentement, hija sostniet li ma kienet teżisti l-ebda possibbiltà ta’ xoljiment mingħajr ħlas fil-mument tal-ftehim dwar l-ammont tal-ispejjeż ta’ xoljiment (jew tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment).

17.      Għalkemm il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba tal-Verein, billi essenzjalment segwiet l-argument ta’ DocLX, il-qorti tal-appell bidlet din is-sentenza u laqgħetha, billi ddeċidiet li, fil-mument tax-xoljiment, vjaġġ tat-tmiem tal-iskola bħal dak miftiehem ma setax iseħħ minħabba l-pandemija tal-COVID‑19.

18.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. B’mod iktar speċifiku, jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi stabbilit id-dritt li jiġi xolt il-kuntratt ta’ vjaġġ mingħajr ħlas, huwiex biżżejjed li jkunu attwalment seħħew ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji wara x-xoljiment tal-kuntratt – ikkunsidrati a posteriori – sad-data tal-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż (l-iktar tard sax-xoljiment tal-kuntratt tal-ivvjaġġar) jew jekk huwiex deċiżiv li tali ċirkustanzi, ikkunsidrati ex ante, kinux probabbli jew mistennija.

19.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 2015/2302 ma tipprevedix limitu ta’ probabbiltà għas-seħħ partikolari ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jew limiti ta’ żmien sabiex il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt mingħajr spejjeż. Hija tqis li tista’ tkun ikkunsidrata kemm evalwazzjoni ex post kif ukoll evalwazzjoni ex ante ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Skont l-evalwazzjoni ex post, vjaġġatur għandu dejjem ikollu d-dritt li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ħlas jekk dawn iċ-ċirkustanzi effettivament iseħħu sussegwentement u x’aktarx kienu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv jew jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż li l-vjaġġatur ikun xolja minħabba dawn iċ-ċirkustanzi. F’dan il-każ, ma jkunx jimporta jekk il-vjaġġatur ikun wettaq evalwazzjoni ex ante żbaljata tas-sitwazzjoni u xolja l-kuntratt “kmieni wisq”. Għall-kuntrarju, skont l-evalwazzjoni ex ante, l-uniku fattur deċiżiv hija s-sitwazzjoni oġġettiva fil-mument tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment. F’dan il-każ, kwalunkwe titjib sussegwenti tas-sitwazzjoni ta’ riskju ma jippreġudikax id-dritt ta’ xoljiment. Madankollu, jekk il-vjaġġatur jevalwa b’mod żbaljat (“b’mod prudenti wisq”) is-sitwazzjoni ta’ riskju fil-mument tax-xoljiment, huwa dejjem ikun obbligat iħallas l-ispejjeż ta’ xoljiment, anki jekk sussegwentement l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż issir irraġonevoli jew impossibbli.

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġatur għandu f’kull każ id-dritt li jxolji l-kuntratt mingħajr ħlas – indipendentement mid-data li fiha huwa jiddikjara x-xoljiment tal-kuntratt – jekk iċ-ċirkustanzi inevitabbli u eċċezzjonali li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] effettivament seħħew fid-data (prevista) tal-bidu tal-vjaġġ?

2)      L-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġatur jista’ jinvoka d-dritt li jxolji l-kuntratt mingħajr ħlas meta, fid-data li fiha huwa jiddikjara x-xoljiment tal-kuntratt, ikun mistenni li jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u eċċezzjonali?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak u minn dak Elleniku kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Id-deċiżjoni li l-proċeduri jingħaqdu skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża u fil-Kawża C‑584/22 ittieħdet fit‑28 ta’ Marzu 2023. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali fis-seduta komuni li nżammet għall-Kawżi C‑414/22 u C‑584/22, flimkien mal-Kawża C‑299/22, Tez Tours, fis‑7 ta’ Ġunju 2023.

B.      IlKawża C584/22

22.      F’Jannar 2020, QM irriżerva vjaġġ lejn il-Ġappun għalih innifsu u għal martu mal-operatriċi tal-vjaġġi Kiwi Tours mit‑3 sat‑12 ta’ April 2020. Il-prezz totali tat-tour kollox kompriż kien ta’ EUR 6 148, li minnhom QM ħallas depożitu ta’ EUR 1 230.

23.      Wara sensiela ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet Ġappuniżi fir-rigward tal-coronavirus, QM, permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2020, xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż minħabba r-riskju li l-coronavirus jirrappreżenta għas-saħħa.

24.      Kiwi Tours għalhekk ħarġet fattura ta’ xoljiment għal ammont addizzjonali ta’ EUR 307, li QM ħallas.

25.      Fis‑26 ta’ Marzu 2020, il-Ġappun adotta projbizzjoni fuq id-dħul. QM imbagħad talab ir-rimbors tas-somom imħallsa, fejn tali talba ġiet irrifjutata minn Kiwi Tours.

26.      Filwaqt li l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja) ordnat lil Kiwi Tours, fuq talba ta’ QM, tirrimborsa s-somom imħallsa, il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja), f’appell imressaq minn Kiwi Tours, ċaħdet din it-talba. Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) irrilevat li, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, ma kienx possibbli li jitqies li kienu jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ex ante, QM ma kellux id-dritt li jxolji l-kuntratt mingħajr ma jkollu jħallas spejjeż ta’ xoljiment.

27.      QM ressaq appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) mis-sentenza tal-Landgericht (il-Qorti Reġjonali). Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-qorti tal-appell ġustament qieset li l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt mingħajr ħlas huma ssodisfatti meta, saħansitra qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż, ikun possibbli li jiġi stabbilit li jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Din l-evalwazzjoni timplika l-evalwazzjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi straordinarji jagħtux lok għal probabbiltà sostanzjali li l-vjaġġ kollox kompriż jew it-trasport ta’ passiġġieri lejn id-destinazzjoni jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv. Skont il-qorti tar-rinviju, l-effett sinjifikattiv jiġi kkonstatat meta l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż twassal għal riskji sinjifikattivi u irraġonevoli marbuta ma’ interessi legalment protetti tal-vjaġġatur.

28.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-evalwazzjoni mwettqa mill-qorti tal-appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali riskju fil-kawża ineżami hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Il-qorti tal-appell kellha tindirizza l-kwistjoni dwar jekk in-natura u l-kwantità mhux normali tal-miżuri restrittivi kinux jikkostitwixxu, diġà fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, indizji suffiċjenti tal-eżistenza ta’ riskju sinjifikattiv ta’ infezzjoni bil-virus. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, bit-twettiq ta’ evalwazzjoni korretta ta’ dan ir-riskju, il-qorti tal-appell kienet tasal għall-konklużjoni li, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, vjaġġ lejn il-Ġappun kien jinvolvi riskji serji għas-saħħa li vjaġġatur prudenti ma jkunx raġonevolment mistenni li jieħu.

29.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont id-dritt proċedurali Ġermaniż, hija ma tistax tiddeċiedi hija nnifisha dwar il-mertu f’dan ir-rigward u bħala prinċipju hija għandha tibgħat il-kawża lura quddiem il-qorti tal-appell. Għall-kuntrarju, hija tkun tista’ tiddeċiedi l-appell hija nnifisha, mingħajr ma tagħmel konstatazzjonijiet fattwali oħra u tiċħad l-appell jekk ċirkustanzi li rriżultaw biss wara x-xoljiment huma wkoll rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-vjaġġ lejn id-destinazzjoni tal-vjaġġ ma setax isir minħabba l-projbizzjoni fuq id-dħul imposta mill-Ġappun fis‑26 ta’ Marzu 2020 b’rabta mat-tixrid tal-coronavirus.

30.      Il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tadotta l-fehma li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li rriżultaw biss wara x-xoljiment. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara, l-ewwel, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi formalment għal każ ta’ xoljiment distint minn dak tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li japplika meta, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-vjaġġatur, ma jkunx hemm ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-mument tax-xoljiment u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. L-Artikolu 12(2) huwa, essenzjalment, rilevanti biss għall-konsegwenzi legali tax-xoljiment, li ma jiddependux mill-motivi invokati mill-vjaġġatur sabiex ixolji l-vjaġġ tiegħu, iżda biss mill-eżistenza attwali ta’ ċirkustanzi li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ.

31.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tqis li evalwazzjoni tal-għan tal-ispejjeż ta’ xoljiment twassal għall-istess konklużjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ħlas simili għal kumpens jew bħala sostitut għall-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż. Fil-każ li l-ispejjeż ta’ xoljiment għandhom jitqiesu bħala ħlas simili għal kumpens, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, bħala prinċipju, fl-evalwazzjoni ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp kollu tad-dannu mill-mument tal-avveniment li jwassal għall-pretensjoni sad-deċiżjoni finali fuq it-talba. Dan jimmilita favur il-preżunzjoni ta’ assenza ta’ dannu għall-organizzatur fil-każijiet fejn jirriżulta, wara x-xoljiment, li l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż kienet ser tkun affettwata b’mod sinjifikattiv u li l-organizzatur kien ikun għalhekk obbligat jirrimborsa l-prezz kollu tal-vjaġġ kollox kompriż anki li kieku l-vjaġġatur ma kienx xolja l-kuntratt. Fl-ipoteżi fejn l-ispejjeż ta’ xoljiment għandhom jiġu kkunsidrati bħala sostitut għall-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż, fis-sens ta’ ħlas li jieħu post il-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż oriġinalment dovut, lanqas ma għandhom jiġu injorati żviluppi sussegwenti li jwasslu għal telf tad-dritt tal-organizzatur għall-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-ħlas bħala sostitut jeżisti biss sa fejn kien ikun jeżisti anki li kieku l-vjaġġatur ma kienx xolja l-kuntratt tal-ivvjaġġar.

32.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tirrileva li kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jimmilitaw favur it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi sussegwenti. Fil-fehma tagħha, livell għoli ta’ protezzjoni jeħtieġ li, anki f’każ ta’ terminazzjoni kmieni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar, il-vjaġġatur ma jkunx obbligat iħallas għal arranġament tal-ivvjaġġar li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun sussegwentement affettwata b’mod sinjifikattiv. Fil-każ kuntrarju, f’sitwazzjonijiet ta’ inċertezza, il-vjaġġaturi jistgħu jiġu skoraġġuti milli jużaw fi żmien xieraq id-dritt tagħhom li jxolju l-kuntratt tal-ivvjaġġar, minkejja li x-xoljiment kmieni jippermetti l-possibbiltà li l-ispejjeż ta’ xoljiment li għandhom jitħallsu jkunu fil-fatt baxxi. Skont il-qorti tar-rinviju, dan inaqqas ir-riskju mhux biss għall-vjaġġatur, iżda wkoll għall-organizzatur, li jakkwista ċarezza fi stadju kmieni u jkollu iktar żmien sabiex jiffranka l-ispejjeż jew juża servizzi tal-ivvjaġġar b’mod alternattiv. Għall-kuntrarju, jekk id-dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas jiġi suġġett għall-mument tax-xoljiment, dan jinkoraġġixxi aġir spekulattiv b’mod partikolari min-naħa tal-organizzatur. Skont il-qorti tar-rinviju, dan jista’ jwassal sabiex l-organizzatur jastjeni milli jxolji l-kuntratt tal-ivvjaġġar sa ftit żmien qabel il-bidu tal-vjaġġ sabiex jinkoraġġixxi kemm jista’ jkun vjaġġaturi jxolju l-kuntratt b’mod li jkun finanzjarjament iktar favorevoli għall-organizzatur.

33.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-argumenti msemmija iktar ’il fuq ma humiex ikkontestati mill-fatt li l-perijodu massimu għar-rimbors jammonta għal 14‑il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kif previst fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. B’mod iktar preċiż, dik il-qorti tqis li minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-ammont tal-ispejjeż ta’ xoljiment għandu jiġi stabbilit b’mod definittiv f’dak il-mument u li t-talbiet sussegwenti għal ħlas addizzjonali jew għal rimbors għandhom jiġu esklużi.

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2015/2302]

1.      għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li diġà seħħew fil-mument tal-kanċellazzjoni li huma deċiżivi sabiex jiġi evalwat jekk il-kanċellazzjoni kinitx iġġustifikata,

2.      jew għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li effettivament iseħħu wara l-kanċellazzjoni, iżda qabel il-bidu previst tal-vjaġġ?”

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn QM, mill-Gvern Elleniku u mill-Kummissjoni. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali fis-seduta komuni li nżammet għall-Kawżi C‑414/22 u C‑584/22, kif ukoll għall-Kawża C‑299/22, Tez Tours, fis‑7 ta’ Ġunju 2023.

IV.    Evalwazzjoni

36.      Permezz taż-żewġ domandi fil-Kawża C‑414/22 u d-domanda unika fil-Kawża C‑584/22, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tas-seħħ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż, li jagħti lill-vjaġġatur id-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, għandha ssir biss fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, jew jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li attwalment iseħħu wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż iżda qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż.

37.      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑414/22 hija tal-fehma li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jista’ jissuġġerixxi li d-dritt li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt mingħajr ħlas għandu dejjem jeżisti jekk iċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fil-fatt iseħħu sussegwentement u li kienu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv jew jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Madankollu, dik il-qorti hija tal-fehma li jista’ jiġi sostnut ukoll li hija biss is-sitwazzjoni oġġettiva fil-mument tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment li hija deċiżiva. Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑584/22 tqis li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskji sinjifikattivi u irraġonevoli marbuta mas-saħħa jew ma’ interessi oħra legalment protetti tal-vjaġġatur teħtieġ tbassira, fejn il-perijodu rilevanti huwa dak li jiġi qabel il-bidu tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Madankollu, hija tqis li ċirkustanzi li jirriżultaw wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, iżda qabel il-vjaġġ previst, jistgħu wkoll ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

38.      Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kwistjoni prinċipali mqajma hija dik dwar jekk jeżistix dritt awtonomu li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt biss fuq il-bażi tas-seħħ attwali taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-vjaġġ kollox kompriż fid-data tal-vjaġġ.

39.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif jindika t-titolu tiegħu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 jirregola t-“[t]erminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”. L-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi d-dritt għall-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż “fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż]”. F’dan il-każ, skont din id-dispożizzjoni, huwa “jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni [spejjeż ta’ xoljiment] adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur”. L-Artikolu 12(2) jirrikonoxxi lill-vjaġġatur id-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment f’każ ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż], jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”.

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta’ din tal-aħħar, l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, sa fejn huma tali li jiċċaraw l-intenzjoni tal-awtur tal-att u li jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-att (5).

41.      Waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 hija li sabiex il-vjaġġatur ikollu d-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ħlas, l-effett sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż jibda jeżisti jew ikompli jeżisti fid-data tal-vjaġġ kollox kompriż. Din id-dispożizzjoni tirreferi għaċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji “li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni” u “li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż]” bl-użu tal-preżent. Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni madankollu osservaw li l-premessa 31 tad-Direttiva tuża l-futur (fil-verżjoni bl-Ingliż) meta tistabbilixxi li d-dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment jinħoloq “fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż]” (enfasi miżjuda minni). Dan jindika li d-dritt għax-xoljiment mingħajr ħlas tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiddependi fuq l-evalwazzjoni prospettiva tas-sitwazzjoni li l-vjaġġatur iwettaq fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt.

42.      Irrispettivament mill-forma tal-verb użata fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u fil-premessa 31 tal-istess direttiva, għandu jiġi osservat li, kif nirrileva fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C‑299/22, id-dritt li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt mingħajr il-ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment jitnissel “qabel il-bidu tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż]”. L-użu tal-prepożizzjoni “qabel” jindika li hemm perijodu ta’ żmien bejn id-deċiżjoni li jiġi xolt il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u l-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż. Id-deċiżjoni li jiġi xolt il-vjaġġ kollox kompriż skont l-Artikolu 12(2) hija għaldaqstant prospettiva. Hija bbażata fuq previżjoni jew evalwazzjoni ex ante tas-seħħ ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” u tal-impatt sinjifikattiv tagħhom fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż jew, f’każ li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu diġà seħħew, fuq tbassir tal-persistenza tal-effett sinjifikattiv fuq il-vjaġġ kollox kompriż. Kif argumenta l-Gvern Awstrijak, anki jekk f’sitwazzjoni konkreta, huwa diġà stabbilit, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt, li dawn iċ-ċirkustanzi ser iseħħu fid-data tal-vjaġġ, għad irid jiġi evalwat sa fejn dawn iċ-ċirkustanzi ser jaffettwaw preċiżament l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż.

43.      L-evalwazzjoni ex ante magħmula mill-vjaġġatur fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż timplika, għalhekk, evalwazzjoni tal-probabbiltà li ċ-“ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Din l-evalwazzjoni għandha tkun iggwidata min-natura eċċezzjonali tad-dritt li jiġi xolt il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jkun meħtieġ li jitħallsu spejjeż ta’ xoljiment. Fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, il-vjaġġatur għandu raġonevolment jistenna li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement għolja li “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” ser jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż.

44.      Minn dan isegwi li d-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, jista’ jiġi jinkiseb qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż fuq il-bażi tal-prevedibbiltà raġonevoli tal-effett sinjifikattiv fuq il-vjaġġ kollox kompriż. Dan id-dritt kweżit ma jistax jiġi estint minħabba avvenimenti sussegwenti. Kif issostni l-Kummissjoni, ikun assurd li l-vjaġġatur ikun jista’ jxolji l-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, iżda sussegwentement ikollu jistenna li dawn iċ-ċirkustanzi attwalment iseħħu fid-data tal-ivvjaġġar sabiex jiġi eżentat mill-ħlas tal-ispejjeż ta’ xoljiment. Għall-kuntrarju, jekk il-vjaġġatur ma għandux id-dritt għal xoljiment mingħajr ħlas, tali dritt ma jistax jinkiseb retroattivament wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż minħabba avvenimenti sussegwenti.

45.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet preliminari preċedenti (6) isegwi li dan l-artikolu jirrikonoxxi żewġ drittijiet ta’ xoljiment distinti lill-vjaġġatur. Minn naħa, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva, il-vjaġġatur jista’ “jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar [vjaġġ kollox kompriż] fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett”. Peress li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-obbligu li jindika r-raġunijiet għax-xoljiment, il-vjaġġatur jista’ jkun obbligat, ukoll skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva, li jħallas “tariffa ta’ terminazzjoni [spejjeż ta’ xoljiment] adatta u ġustifikabbli”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jirrikonoxxi d-dritt li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt mingħajr ma jitħallsu spejjeż ta’ xoljiment “qabel il-bidu tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż] [...] fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett”.

46.      Il-konsegwenza tal-fatt li jiġi aċċettat li s-seħħ attwali taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji hija kundizzjoni awtonoma għar-rikonoxximent tad-dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas, indipendentement mill-evalwazzjoni mwettqa fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, tkun li dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut dritt ġdid għar-rimbors sħiħ tal-vjaġġaturi kollha indipendentement mill-motivi li huma invokaw sabiex ixolju l-kuntratt. Fil-fatt, jekk dak li huwa determinanti ma huwiex x’kienet is-sitwazzjoni f’data x (id-data tax-xoljiment tal-kuntratt) iżda dak li attwalment seħħ f’data sussegwenti z (id-data tal-ivvjaġġar), konsegwentement il-vjaġġatur li xolja l-kuntratt għal raġunijiet personali skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302 ukoll għandu jkun intitolat jitlob lura l-ispejjeż ta’ xoljiment li huwa diġà ħallas fil-każ ta’ nuqqas ta’ vvjaġġar minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji.

47.      Kif sostna essenzjalment il-Gvern Elleniku, ir-rikonoxximent tal-possibbiltà li l-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment fil-każ li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji attwalment iseħħu, indipendentement mis-sitwazzjoni fil-mument tax-xoljiment, imur kontra l-armonizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt tal-ivvjaġġar, kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302.

48.      Fil-fatt, is-soluzzjoni “ex post facto” toħloq inċertezza fir-rigward tal-mument li fih għandhom jiġu evalwati d-drittijiet u l-obbligi taż-żewġ partijiet fil-kuntratt. Kif sostna l-Gvern Elleniku waqt is-seduta, ir-relazzjoni kuntrattwali tintemm għaż-żewġ partijiet meta l-vjaġġatur ixolji l-kuntratt.  Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex speċifikament li avvenimenti futuri li jseħħu wara x-xoljiment tal-kuntratt jistgħu jinfluwenzaw ir-relazzjoni kuntrattwali, ix-xoljiment tal-kuntratt għandu jkun deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tbassira magħmula mill-vjaġġatur hijiex raġonevoli. Huwa f’dan il-mument li għandhom jiġu evalwati l-konsegwenzi legali tal-eżerċizzju tad-dritt li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt. Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) jiġu ssodisfatti, il-konsegwenzi legali tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt ikunu, għall-organizzatur, l-obbligu li jagħti rimbors sħiħ sa mhux iktar tard minn 14‑il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva.

49.      Il-prontezza li biha għandu jseħħ ir-rimbors sħiħ skont l-Artikolu 12(4) tikkonferma, kif sostna l-Gvern Elleniku, l-interpretazzjoni li skontha l-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż huwa deċiżiv għad-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet. F’dan l-aħħar rigward, irrid nosserva li d-determinazzjoni tal-ammont eżatt tal-ispejjeż ta’ xoljiment hija differenti mid-determinazzjoni tad-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment. Il-vjaġġatur jista’ jxolji l-kuntratt darba biss u huwa f’dan il-mument ta’ xoljiment li għandu jkun hemm ċertezza dwar jekk hemmx jew ma hemmx dritt għal rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula.

50.      Barra minn hekk, id-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji huwa marbut b’mod inseparabbli mal-assenza ta’ obbligu ta’ ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li l-elementi essenzjali tad-dritt previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jiġu maqsuma fiż-żmien u li jiġi aċċettat li huwa possibbli li l-vjaġġatur ixolji l-kuntratt billi jinvoka ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji iżda li d-dritt tiegħu għal rimbors sħiħ jiddependi minn avvenimenti sussegwenti.

51.      L-evalwazzjoni ex post taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji jkollha impatt ukoll fuq l-interpretazzjoni tad-drittijiet korrispondenti tal-organizzatur. Obbligu impost fuq il-vjaġġatur li jħallas spejjeż ta’ xoljiment fil-każ li ma jiġux issodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jikkorrispondi għal dritt rispettiv tal-organizzatur. Kif sostniet Kiwi Tours waqt is-seduta, jekk id-dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas tal-vjaġġatur kellu jiddependi minn avvenimenti sussegwenti, dan ikollu l-konsegwenza li d-dritt tal-organizzatur għall-ispejjeż ta’ xoljiment ikun ikkostitwit jew estint skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni li seħħet bejn il-mument tax-xoljiment u l-mument tal-ivvjaġġar previst.

52.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, l-organizzatur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u jipprovdi lill-vjaġġatur rimbors sħiħ mingħajr ma jkun obbligat iħallas kumpens addizzjonali jekk l-organizzatur “ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur [...] qabel il-bidu tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż]” (enfasi miżjuda minni). Jekk l-avvenimenti ta’ wara x-xoljiment ikollhom sinjifikat awtonomu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet, allura għandu jiġi ammess li l-organizzatur jista’ jxolji l-kuntratt qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż, iżda l-obbligu tiegħu li jħallas kumpens addizzjonali jkun jiddependi minn jekk, fid-data tal-ivvjaġġar previst, il-previżjoni tiegħu ġietx attwalment ikkonfermata. Tali riżultat jirrendi inċerta l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-organizzatur. Barra minn hekk, ikun kontra l-armonizzazzjoni sħiħa msemmija iktar ’il fuq mil-leġiżlatur tal-Unjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet, inkluża l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-organizzatur li jħallas kumpens addizzjonali.

53.      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni ex post tirrendi inċerta l-pożizzjoni tal-partijiet fil-kuntratt tal-ivvjaġġar fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt u tista’ tfixkel is-sistema ta’ determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302. Għall-kuntrarju, jekk l-evalwazzjoni ex ante tas-sitwazzjoni ta’ riskju fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt tiġi kkunsidrata bħala l-uniku kriterju deċiżiv, dan jiżgura ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-konsegwenzi tax-xoljiment. Fi kliem ieħor, l-avvenimenti futuri li jseħħu qabel l-ivvjaġġar previst iżda wara x-xoljiment tal-kuntratt ma għandhomx ikunu jistgħu jibdlu pożizzjoni legali stabbilita fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt.

54.      Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, din id-dispożizzjoni tagħti lill-vjaġġatur id-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment diġà qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż, fil-kundizzjonijiet previsti fih. Kif spjegat iktar ’il fuq, sabiex ikun jista’ jxolji l-vjaġġ kollox kompriż qabel il-bidu tiegħu, il-vjaġġatur għandu jagħmel tbassir dwar is-sitwazzjoni fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt fir-rigward tal-impatt taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Li kieku jkun possibbli li l-eżistenza tad-dritt ta’ xoljiment tiġi evalwata a posteriori, fid-dawl ta’ dak li attwalment seħħ fid-data tal-ivvjaġġar, konsegwentement ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit id-dritt li l-kuntratt jiġi xolt mingħajr ħlas qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż. Dan id-dritt ikollu jiġi sospiż sad-data tal-ivvjaġġar. Madankollu, dan imur kontra dak li huwa previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva.

55.      L-approċċ ex post, li skontu l-avvenimenti li seħħew wara x-xoljiment tal-kuntratt iżda qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż huma deċiżivi fir-rigward tad-dritt li jiġi xolt il-kuntratt, ma jistax jiġi sostnut, fil-fehma tiegħi, minn kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302, din id-direttiva hija intiża sabiex toħloq “bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u l-kompetittività tan-negozji”. L-approċċ ex post ma huwiex iktar favorevoli għall-vjaġġatur minn dak li jinvolvi evalwazzjoni ex ante. F’dan ir-rigward, tista’ tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni fejn vjaġġatur jagħmel evalwazzjoni raġonevoli u ġġustifikata tar-riskji marbuta mal-ivvjaġġar fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, iżda mbagħad, kuntrarjament għall-evalwazzjoni pronjostika inizjali tiegħu tas-sitwazzjoni tar-riskju, is-sitwazzjoni finalment titjieb. L-approċċ ex post ikun iktar favorevoli għall-vjaġġatur biss jekk jiġi aċċettat li avvenimenti sussegwenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk jikkonfermaw l-evalwazzjoni magħmula mill-vjaġġatur, u mhux jekk jirrifjutaw din l-evalwazzjoni. Madankollu, għalija huwa ċar li jkun kuntrarju għal dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda fl-Artikolu 12(2) li kieku jkun possibbli li interpretazzjoni tar-regola tiġi segwita biss sa fejn din twassal lejn direzzjoni favorevoli għall-vjaġġatur, filwaqt li fl-istess ħin jiġi injorat l-eżitu possibbilment sfavorevoli ta’ din l-interpretazzjoni.

56.      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑584/22 qieset li l-għan tal-ispejjeż ta’ xoljiment, b’mod partikolari, jimmilita favur it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi li seħħew wara x-xoljiment tal-kuntratt. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ikun il-każ indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż ta’ xoljiment għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ħlas simili għal kumpens jew bħala sostitut għall-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż. Il-punt essenzjali li l-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel huwa li, jekk żviluppi sussegwenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-organizzatur ikun obbligat li jirrimborsa kompletament lill-vjaġġatur anki jekk dan ma jkunx xolja l-kuntratt. F’din il-perspettiva, l-organizzatur ma għandu jkollu dritt għal ebda spejjeż ta’ xoljiment jekk sussegwentement jirriżulta li ma hemmx “danni” jew dritt għal tali spejjeż, peress li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji jkunu fil-fatt seħħew.

57.      Fir-rigward ta’ dan l-argument, għandu jitfakkar li l-ispejjeż ta’ xoljiment huma dovuti mill-vjaġġatur meta huwa jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu qabel il-bidu tal-vjaġġ kollox kompriż “fi kwalunkwe ħin”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302, u għal kwalunkwe raġuni. It-terminu “tariffa ta’ terminazzjoni [spejjeż ta’ xoljiment]” huwa newtrali meta mqabbel mat-terminu “kumpens” (it-terminu Ġermaniż għal dan huwa “Entschädigung”), li jintuża fit-traspożizzjonijiet nazzjonali ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302, il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jista’ jispeċifika spejjeż ta’ xoljiment ibbażati “fuq iż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett [vjaġġ kollox kompriż] u l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar”. Id-deskrizzjoni ta’ dak li jirrappreżentaw l-ispejjeż ta’ xoljiment hija simili għal kontrapiż għad-dritt tal-vjaġġatur li jirtira mill-kuntratt fi kwalunkwe mument. Kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, dan huwa eżempju ieħor tal-bilanċ li d-Direttiva għandha l-għan li toħloq bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet speċifikati fil-kuntratt tal-ivvjaġġar.

58.      Kif sostnejt iktar ’il fuq, indipendentement min-natura ġuridika tal-ispejjeż ta’ xoljiment, il-fatt li jiġi aċċettat li ma huma dovuti l-ebda spejjeż ta’ xoljiment jekk sussegwentement jirriżulta li l-vjaġġ ma kienx ikun jista’ jseħħ joħloq inċertezza legali kbira u jikkomprometti l-armonizzazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet speċifikati fil-kuntratt tal-ivvjaġġar.

59.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑584/22 wissiet kontra r-riskju li jista’ jkun hemm konsegwenzi negattivi jekk l-obbligu li jitħallsu spejjeż ta’ xoljiment ma jkunx ibbażat fuq jekk il-vjaġġ kollox kompriż ġiex attwalment eżegwit. Dik il-qorti qieset li, f’sitwazzjonijiet inċerti, il-vjaġġaturi jistgħu jiġu dissważi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ fi stadju kmieni u jiġu mġiegħla jistennew sabiex issir disponibbli informazzjoni ulterjuri jew li l-organizzatur ixolji l-vjaġġ kollox kompriż fuq inizjattiva tiegħu stess.

60.      F’dan ir-rigward, nammetti li deċiżjoni prospettiva li l-vjaġġatur huwa mġiegħel jieħu minħabba s-seħħ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji hija, mid-definizzjoni tagħha stess, marbuta ma’ sitwazzjoni ta’ inċertezza. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt li l-kuntratt tal-ivvjaġġar jiġi xolt skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Dan id-dritt ma jeħtieġx, kif sostna, essenzjalment, il-Gvern Awstrijak, li l-vjaġġatur ikun jista’ jafferma b’ċertezza assoluta li ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ser iseħħu b’mod ċert u li ser ikollhom effett sinjifikattiv. Kif diġà ġie indikat, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, huwa suffiċjenti li l-vjaġġatur ikollu raġonevolment jistenna li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement għolja li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ser ikollhom effett sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Iktar minn hekk, kif essenzjalment issuġġerejt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C‑299/22, Tez Tour, il-livell għoli ta’ inċertezza u l-evoluzzjoni estremament rapida tas-sitwazzjoni fil-bidu tal-pandemija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ dak li kien jaf il-vjaġġatur medju u tal-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà li jseħħ l-effett sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

61.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-formulazzjoni, il-kuntest u l-għan tad-Direttiva 2015/2302 jimmilitaw favur interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva li skontha l-mument deċiżiv għad-determinazzjoni tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt mingħajr ħlas ta’ spejjeż ta’ xoljiment huwa bbażat fuq evalwazzjoni ex ante fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt.

62.      Dan espost, l-Artikolu 12(2) ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jikkunsidraw l-avvenimenti sussegwenti bħala provi, li għandhom jiġu evalwati liberament skont id-dritt proċedurali nazzjonali. Kif sostna, essenzjalment, il-Gvern Elleniku waqt is-seduta, jekk, fil-mument tax-xoljiment, il-vjaġġatur invoka ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji u s-sitwazzjoni li huwa invoka tkun iddeterjorat, li wassal għal effett sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż, dan iservi sabiex isaħħaħ il-previżjoni tiegħu fil-mument tax-xoljiment. Madankollu, jekk il-vjaġġatur ma kienx iġġustifikat meta xolja l-kuntratt fil-mument tax-xoljiment, l-avvenimenti sussegwenti ma jistgħux minnhom innifishom jistabbilixxu dritt għal xoljiment mingħajr ħlas li għalih huwa ma jkunx intitolat. Bl-istess mod, titjib fis-sitwazzjoni ma jistax jaffettwa retroattivament id-dritt tal-vjaġġatur għal rimbors sħiħ jekk, fil-mument tax-xoljiment, huwa jkun għamel previżjoni raġonevoli dwar l-impatt taċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fuq il-vjaġġ kollox kompriż.

63.      Fil-kawżi prinċipali, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑414/22, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt f’April 2020, vjaġġatur medju setax raġonevolment jistenna li l-pandemija ser ikollha effett sinjifikattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż previst bħala vjaġġ festiv għas-sajf tal‑2020. Skont l-informazzjoni inkluża fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tat-tħeġġiġ tal-awtoritajiet nazzjonali li l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu jiġi pospost u li jsir użu mill-possibbiltajiet ta’ xoljiment tal-kuntratti tal-ivvjaġġar, jidher raġonevoli li l-vjaġġatur medju kien ibassar, f’April 2020, li tali vjaġġ (li l-kunċett innifsu tiegħu huwa l-ġbir flimkien ta’ numru kbir ta’ żgħażagħ sabiex jiċċelebraw) ma kienx ser iseħħ. Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq din l-evalwazzjoni, iggwidata wkoll mill-parametri li nanalizza fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C‑299/22, Tez Tour.

64.      Għandu jiġi rrilevat ukoll illi, jekk il-qorti nazzjonali jkollha tikkunsidra li l-vjaġġatur kellu d-dritt ixolji l-kuntratt skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur igawdi dan id-dritt mingħajr ma jkun marbut minn ebda ftehim li jħallas spejjeż ta’ xoljiment imnaqqsa li huwa aċċetta minħabba li ma kienx konxju mid-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, dan il-ftehim jirriżulta f’restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu li, skont l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.

65.      F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑584/22, il-qorti tar-rinviju tindika li l-qorti tal-appell kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt fl‑1 ta’ Marzu 2020, vjaġġ lejn il-Ġappun kienx diġà jaffaċċja riskji serji għas-saħħa li ma jkunx raġonevoli li jittieħdu minn vjaġġatur prudenti. Għar-raġunijiet li analizzajt iktar ’il fuq, il-mument tax-xoljiment tal-kuntratt huwa l-uniku wieħed li huwa deċiżiv għal din id-determinazzjoni.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tas-seħħ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jagħtu lok għad-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, għandha ssir biss fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt. Il-konstatazzjoni ta’ dan id-dritt ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk tali ċirkustanzi attwalment seħħewx wara x-xoljiment tal-kuntratt.

V.      Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) u mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ikunu kif ġej:

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tas-seħħ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jagħtu lok għad-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż għax-xoljiment, għandha ssir biss fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt. Il-konstatazzjoni ta’ dan id-dritt ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk tali ċirkustanzi attwalment seħħewx wara x-xoljiment tal-kuntratt.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-kummenti tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali tal-WHO waqt l-indirizz lill-media dwar il-COVID‑19, 11 ta’ Marzu 2020.


3      Ara “Guidance on the right of travellers to terminate package travel contracts due to extraordinary circumstances resulting from COVID-19” (il-Linji Gwida dwar id-dritt tal-vjaġġaturi li jxolju kuntratti ta’ vjaġġ kollox kompriż minħabba ċirkustanzi straordinarji li jirriżultaw mill-COVID‑19), maħruġa mill-Gvern Irlandiż, Dipartiment tal-Intrapriża, Kummerċ u Impjieg, fis-26 ta’ Marzu 2020, p. 5..


4      Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/2302”).


5      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja) (C‑430/22 u C‑468/22, EU:C:2023:458, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara l-punt 39.