KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑8 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑583/22 PPU

`

fil-preżenza ta’

Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Artikolu 3 – Kundanni kriminali f’għadd ta’ Stati Membri – Determinazzjoni ta’ piena komprensiva – Inklużjoni tal-piena mogħtija fi Stat ieħor – Qbiż tal-piena massima globali prevista mil-liġi nazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta għall-ewwel darba l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI ( 2 ), li jittratta l-kwistjoni delikata tal-possibbiltà ta’ kumulu ta’ pieni ( 3 ) fil-każ ta’ duplikazzjoni effettiva ta’ reati ( 4 ) mwettqa ’f’diversi Stati Membri.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑Deċiżjoni Qafas 2008/675

2.

Il-premessi 1, 5, 7, 8, 9, u 14 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprovdu li:

“(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-objettiv jeħtieġ li jkun possibbli li informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istati Membri tittieħed in konsiderazzjoni barra mill-Istat Membru li jkun qed jagħti l-kundanna, kemm għall-prevenzjoni ta’ reati ġodda kif ukoll waqt proċedimenti kriminali ġodda.

[…]

(5)

Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu għal kundanna mogħtija fi Stati Membri oħrajn effetti ekwivalenti għal dawk attribwiti għal kundanna mogħtija mill-qrati tagħhom stess skond id-dritt nazzjonali għandu jiġi affermat, kemm jekk dawk l-effetti huma kkunsidrati mid-dritt nazzjonali bħala kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll jekk ta’ dritt proċedurali jew sostantiv. Madankollu din id-Deċiżjoni Qafas ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti, għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

[…]

(7)

L-effetti ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu ekwivalenti għall-effetti ta’ deċiżjoni nazzjonali fl-istadju ta’ qabel il-kawża ta’ proċedimenti kriminali, fl-istadju tal-kawża u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

(8)

Meta, waqt proċedimenti kriminali fi Stat Membru, tkun disponibbli informazzjoni dwar kundanna preċedenti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun li l-individwu kkonċernat jiġi ttrattat b’mod anqas favorevoli milli kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

(9)

L-Artikolu 3(5) għandu jiġi interpretat, fost l-oħrajn bi qbil mal-premessa 8, b’mod li jekk il-qorti nazzjonali fil-proċedimenti kriminali l-ġodda, meta tikkunsidra sentenza imposta preċedentement mogħtija fi Stat Membru ieħor, hija ta’ l-opinjoni li l-għoti ta’ ċertu livell ta’ sentenza fil-limiti tad-dritt nazzjonali jkun sproporzjonatament aħrax mal-ħati, meta tikkonsidra ċ-ċirkostanzi tiegħu jew tagħha, u jekk l-iskop tal-punizzjoni jista’ jinkiseb b’sentenza aktar baxxa, hija tista’ tnaqqas il-livell tas-sentenza għaldaqstant, jekk l-għemil ta’ dan seta’ kien possibbli f’każijiet purament interni.

[…]

(14)

Indħil f’sentenza jew l-eżekuzzjoni tagħha jkopri inter alia sitwazzjonijiet fejn, skond id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, is-sanzjoni imposta f’sentenza preċedenti għandha tiġi assorbita minn jew inkluża f’sanzjoni oħra, li mbagħad għandha tiġi effettivament eżegwita, sal-punt li l-ewwel sentenza ma tkunx diġà ġiet eżegwita jew l-eżekuzzjoni tagħha ma tkunx ġiet trasferita lit-tieni Stat Membru.”

3.

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistipula li:

“Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.”

4.

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, “‘kundanna’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali li tistabbilixxi ħtija ta’ reat kriminali”.

5.

L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni qafas, bit-titolu “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi li:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

3.   It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda.

[…]

5.   Jekk ir-reat li għalih il-proċedimenti ġodda jitwettqu ġie kommess qabel mal-kundanna preċedenti tkun ingħatat jew tkun ġiet eżegwita kompletament, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri biex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti s-sentenzi, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għal kundanni barranin tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ sentenza fil-proċedimenti ġodda.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’tali każijiet il-qrati tagħhom jistgħu b’xi mod ieħor jieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn.”

B.   Id‑dritt Ġermaniż

6.

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumulu fil-pieni huma stipulati fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali tal-Ġermanja, iktar ‘il quddiem l-“iStGB”).

7.

L-Artikolu 53(1) tal-iStGB, li jirrigwarda l-kombinazzjoni effettiva tar-reati, jipprevedi li:

“Fil-każ ta’ pluralità ta’ reati deċiżi fl-istess ħin, għandu jiġi ordnat il-kumulu tad-diversi pieni ta’ priġunerija jew multi imposti.”

8.

L-Artikolu 54 tal-iStGB, li tittratta l-kumulu ta’ reati, fil-paragrafi 1 u 2 jipprevedi li:

“1.   Meta waħda mill-pieni imposti tkun il-piena ta’ għomor il-ħabs, il-kumulu jiġi ordnat mal-piena ta’ għomor il-ħabs. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kumulu jiġi ordnat billi tiġi miżjuda l-piena massima imposta u meta dawn il-pieni jkunu ta’ natura differenti, billi tiġi miżjuda l-piena l-iktar ħarxa min-natura tagħha. Il-persuna tal-awtur u kull wieħed mir-reati huma kkunsidrati f’dan ir-rigward globalment.

2.   Il-piena globali ma tistax tilħaq it-totalità tal-pieni individwali imposti. Hija ma tistax taqbeż il-15-il sena għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu ta’ 720 ta’ multa kuljum għall-multi.”

9.

L-Artikolu 55(1) tal-iStGB, li jirreferi għall-kumulu ta’ sentenzi a posteriori, jipprevedi li:

“L-Artikoli 53 u 54 għandhom japplikaw ukoll meta persuna diġà kkundannata b’mod definittiv għal piena li la hija skontata, la preskritta u lanqas maħfura, tiġi kkundannata għal reat ieħor imwettaq qabel l-ewwel kundanna. Il-kundanna preċedenti tfisser is-sentenza mogħtija fil-proċedura preċedenti li fiha l-materjalità tal-fatti kkonstatati setgħet tiġi vverifikata fl-aħħar lok.”

10.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Franċiż.

11.

Bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2002 u x-xahar ta’ Settembru 2003, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkommetta għadd ta’ reati kriminali fi Franza. Fl‑10 ta’ Ottubru 2003, huwa ħataf studenta f’campus ta’ Università fil-Ġermanja u stupraha.

12.

Fl‑20 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi skont ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet Franċiżi u mqiegħed taħt detenzjoni ta’ estradizzjoni għal kważi 7 xhur, imbagħad ġie ttrasferit lejn Franza fis‑17 ta’ Mejju 2004, fejn kien il-ħabs.

13.

Fit‑30 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkundannat mit-Tribunal de Grande Instance de Gueret (il-Qorti Reġjonali ta’ Gueret, Franza) għal sentejn priġunerija.

14.

Fid‑29 ta’ Frar 2008, il-Cour d’Assises du Loir-et-Cher (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Loir-et-Cher) f’Blois (Franza) imponiet piena ta’ priġunerija ta’ ħmistax-il sena. Din il-piena assorbiet fiha s-sentenzi sussegwenti, minn naħa tas‑16 ta’ Mejju 2008 mill-Cour d’assises de Loire-Atlantique (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Loire-Atlantique) f’Nantes (Franza) għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin u, min-naħa l-oħra, tat‑23 ta’ April 2012 mill-Cour d’appel de Grenoble (il-Qorti tal-Appell ta’ Grenoble, Franza) għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u sitt xhur.

15.

Fl‑24 ta’ Jannar 2013, il-Cour d’Assises du Maine-et-Loire (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Maine-et-Loire) f’Angers (Franza) ikkundannat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali b’piena oħra ta’ priġunerija ta’ seba’ snin.

16.

Dawn il-ħames kundanni kollha kienu jirrigwardaw atti mwettqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali bejn Settembru 2002 u Settembru 2003. Is-sentenzi ta’ priġunerija kumulattivi ta’ sbatax-il sena u disa’ xhur ġew eżegwiti, b’tali mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali baqa’ fi Franza mingħajr interruzzjoni sat‑23 ta’ Lulju 2021, meta ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

17.

Minn din id-data, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien taħt arrest preventiv fil-Ġermanja skont mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti tad-Distrett ta’ Freiburg im Breisgau, il-Ġermanja).

18.

Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau, il-Ġermanja) iġġudikat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-atti mwettqa fl‑10 ta’ Ottubru 2003 fil-Ġermanja u kkundannatu għal sitt snin priġunerija għal stupru aggravat. Dik il-qorti qieset li s-sentenza ġenwinament proporzjonata mal-atti mwettqa kienet priġunerija għal seba’ snin. Madankollu, peress li ma kienx possibbli li din il-piena tiġi konfuża a posteriori mal-ħames sentenzi mogħtija mill-qrati Franċiżi, din il-qorti naqqsitha b’sena bħala miżura kumpensatorja

19.

L-appellanti fil-kawża prinċipali ppreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

20.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva illi l-possibbiltà li tiġi imposta piena ta’ priġunerija fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għar-reat ta’ stupru aggravat li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ kundanni kriminali mogħtija fi Stati Membri oħra, implimentat fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tagħha.

21.

Hija tindika li jekk il-pieni mogħtija mill-qrati Franċiżi jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kundanni Ġermaniżi, ikun meħtieġ li jiġi ordnat li s-sanzjonijiet jiġu akkumulati a posteriori, skont l-Artikolu 55(1) tal-iStGB, bejn is-sentenzi mogħtija minn dawn il-qrati Franċiżi u s-sanzjoni imposta għal stupru aggravat fil-kawża prinċipali, peress li dan l-istupru twettaq qabel is-sentenza fi Franza.

22.

F’dan il-każ, wieħed għandu jieħu wkoll inkunsiderazzjoni il-ħmistax-il sena ta’ priġunerija previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 54(2) tal-iStGB. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan il-limitu diġà ntlaħaq bil-piena ta’ ħmistax-il sena priġunerija mogħtija fid‑29 ta’ Frar 2008 mill-cour d’assises du Loir‑et-Cher (il-Qorti tal-Assiżi tal-Loir‑et-Cher) f’Blois. Hija tenfasizza li, konsegwentement, f’każ ta’ kumulu ta’ sanzjonijiet, jekk piena individwali tista’ tiġi imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-istupru li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, il-piena globali tibqa’, madankollu, il-priġunerija ta’ ħmistax-il sena bis-saħħa ta’ dan il-limitu, u l-ebda sentenza ma tista’ tiġi eżegwita kontrih.

23.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-kumulu mas-sanzjonijiet barranin ma jistax jiġi ordnat bħala tali għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali pubbliku, sa fejn dan jaffettwa l-forza ta’ res judicata tal-kundanna barranija u s-sovranità tal-Istat barrani.

24.

Fid-dawl ta’ din l-impossibbiltà, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, matul proċeduri kriminali ġodda mressqa kontra persuna, jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor kontra din il-persuna għal atti differenti, sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni skont id-dritt nazzjonali. L-idea tkun li l-persuna kkonċernata ma tiġix ittrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku l-kundanna kriminali preċedenti inkwistjoni kienet kundanna nazzjonali.

25.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-punt dwar il-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5), tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri ma humiex obbligati, jekk ir-reat li jagħti lok għall-proċedimenti l-ġodda jkun twettaq qabel ma tingħata l-kundanna preċedenti jew tkun ġiet eżegwita kompletament, li japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-piena, meta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal kundanni mogħtija barra mill-pajjiż ikollha l-effett li tillimita s-setgħa tal-qorti li timponi piena fil-proċedura l-ġdida.

26.

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, tista’ tiġi imposta sanzjoni, għall-fatti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, biss jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ugwaljanza previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma japplikax meta ż-żieda tal-piena imposta fi Stat Membru ieħor twassal għall-qbiż tal-limitu ta’ ħmistax-il sena ta’ priġunerija previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 54(2) tal-iStGB. Tali interpretazzjoni tkun, madankollu, kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra, sa fejn tippermetti li dan il-limitu massimu jinqabeż fir-rigward ta’ dawn l-aħħar kundanni.

27.

Fit-tieni lok, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ugwaljanza previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

28.

Din il-qorti tistaqsi, speċifikament, jekk il-piena imposta fi Stat Membru ieħor, prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni b’tali mod li l-iżvantaġġ li jirriżulta min-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġi ordnat a posteriori l-kumulu tas-sanzjonijiet għandu jintwera u jiġi stabbilit speċifikament fid-determinazzjoni tal-piena imposta għar-reat imwettaq fit-territorju nazzjonali.

29.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess dwar dan il-punt, l-iżvantaġġ li jirriżulta min-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi ordnat a posteriori l-kumulu ta’ pieni b’kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor normalment jittieħed inkunsiderazzjoni u jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu fid-determinazzjoni tal-piena b’tnaqqis mhux ikkwantifikat u kumpensatorju.

30.

Madankollu, din il-qorti tqis li huwa biss il-kumpens motivat u kkwantifikat b’mod ċar għall-iżvantaġġ li huwa konformi mar-regoli tal-Artikoli 3(1) u 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

31.

Skont din id-deċiżjoni qafas, il-mod kif jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor għandu jkun kemm jista’ jkun qrib il-mod kif jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti. Sabiex toqrob kemm jista’ jkun lejn kumulu ta’ pieni kif previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-iStGB, li teħtieġ evalwazzjoni kkwantifikata, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jintwera speċifikament żvantaġġ li jirriżulta min-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġi ordnat kumulu ta’ sanzjonijiet u li jitnaqqas mill-piena (globali) ġdida li għandha tiġi imposta.

32.

Din il-qorti żżid li l-kumpens motivat u kkwantifikat għall-iżvantaġġ huwa essenzjali mhux biss għal raġunijiet ta’ trasparenza, iżda wkoll sabiex jippermetti lill-imħallef Reviżur jeżerċita s-setgħa tiegħu li jiddetermina l-piena. Is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis kumpensatorju mhux ikkwantifikat, bħala sempliċi attitudni favorevoli għall-akkużat fis-sentenza, ma jissodisfax dak ir-rekwiżit.

33.

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-mod kif l-imħallef fil-kawża effettivament jiddetermina l-kumpens jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Dan l-imħallef jista’ jqis direttament, fid-determinazzjoni tas-sentenza l-ġdida, l-impossibbiltà li jiġi ordnat kumulu ma’ sentenza preċedenti billi jikkwantifika l-parti li għandha titneħħa minnha jew jikkunsidra, pereżempju, “kumulu teoretiku” mas-sentenza barranija u jnaqqas is-sentenza l-ġdida bl-ammont tas-sentenza barranija. L-uniċi rekwiżiti, f’dan il-kuntest, huma li l-kumpens ikun adegwat u li jkun motivat b’mod li jinftiehem u kkwantifikat, bl-istess mod bħal kumulu ta’ sanzjonijiet ordnat skont l-Artikoli 54 u 55 tal-iStGB.

34.

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau) iddeterminat il-piena fis-sentenza tagħha, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin wasslet għall-qbiż tal-limitu ta’ ħmistax-il sena ta’ priġunerija previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 54(2), tal-iStGB. Barra minn hekk, din il-qorti ma rreferietx għal kriterju preċiż li ggwidaha fil-mod kif kellha tieħu inkunsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, u fil-kuntest tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, fil-każ ta’ kumulu ta’ pieni relatati ma’ kundanni mogħtija fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi imposta piena għal reat imwettaq fit-territorju nazzjonali anki jekk l-inklużjoni teoretika tal-piena mogħtija fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni taqbeż il-limitu massimu awtorizzat fid-dritt Ġermaniż għal pieni ta’ priġunerija?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-piena imposta fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, għandu jsir b’mod li l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li tiġi ddeterminata sussegwentement piena kumulattiva, skont il-prinċipji ta’ kumulu ta’ pieni stabbiliti fid-dritt Ġermaniż, għandu jiġi konkretament ippruvat u ġġustifikat, waqt id-determinazzjoni tal-piena għall-ksur imwettaq fit-territorju nazzjonali?”

36.

Fis‑27 ta’ Settembru 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li tissottometti din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) u mill-Kummissjoni Ewropea.

38.

Dawn l-istess partijiet, kif ukoll ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ipparteċipaw fis-seduta li saret fl‑14 ta’ Novembru 2022.

III. Analiżi

A.   Dwar l‑ewwel domanda preliminari

39.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuna, li japplika r-regoli nazzjonali tiegħu dwar il-kumulu tal-pieni billi jieħu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor kontra din l-istess persuna għal atti differenti mwettqa preċedentement, meta r-reat li ta lok għall-proċedimenti l-ġodda jkun twettaq qabel ma jkunu ngħataw dawk il-kundanni preċedenti, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli nazzjonali jkollha l-konsegwenza li l-ebda piena ma tiġi imposta jew, għall-inqas, tiġi eżegwita fil-proċeduri l-ġodda ( 5 ).

40.

Qabelxejn, nispeċifika li, kif irrileva l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kumulu ta’ pieni b’piena imposta barra mill-pajjiż skont il-liġi Ġermaniża ma huwiex permissibbli għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali pubbliku. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tiżgura li l-persuna akkużata ma tkunx żvantaġġata billi tintroduċi l-mekkaniżmu ta’ “kumpens għar-rigorożità”,, li jippermetti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tieħu inkunsiderazzjoni l-kundanna preċedenti meta jistabbilixxi l-piena fil-proċedura l-ġdida, kif kien jagħmel kieku seta’ jseħħ il-kumulu tal-pieni fis-sens strett.

41.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) jirriżulta li t-terminu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija huwa, bħala prinċipju, intiż li japplika meta dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità jiġi implimentat.

42.

Wara li għamilt dawn il-kjarifiki, ser nibda l-analiżi tiegħi bi ftit rimarki introduttorji dwar l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 u l-impatt tagħha fuq il-kwistjoni tal-kumulu tal-pieni imposti f’diversi Stati Membri, qabel ma nipproċedi għall-eżami tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li huwa ċentrali għall-ewwel domanda preliminari.

1. Rigward is‑suġġett tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675 u l‑kwistjoni dwar il‑kumulu tal‑pieni

43.

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 stabbilixxiet obbligu minimu għall-Istati Membri biex jieħdu inkunsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stati Membri oħrajn ( 6 ). Dan l-obbligu huwa faċilment konċepibbli fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja stabbilit mill-Unjoni Ewropea, li fih ma jista’ jkun hemm l-ebda differenza fit-trattament fir-rikonoxximent tal-fedina penali ta’ persuna skont jekk twettaqx reat fi Stat Membru jew ieħor.

44.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tiegħu, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, matul proċeduri kriminali ġodda mibdija fi Stat Membru kontra dik l-istess persuna u għal fatti differenti, kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn kundanni nazzjonali preċedenti huma meħuda inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt, u dan fis-sens ta’ effetti fattwali jew ta’ dritt proċedurali jew sostantiv ( 7 ). B’dan il-mod, din id-deċiżjoni qafas tistabbilixxi prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kemm jekk il-kundanni ngħatawx fi Stat Membru wieħed jew inkella f’diversi Stati Membri.

45.

Għalhekk hija kwistjoni li tippermetti li l-fedina penali ta’ individwu tittieħed inkunsiderazzjoni fi Stat Membru, mhux biss, kif tenfasizza l-Kummissjoni, meta din jista’ ma jkunx favorevoli għalih – qiegħed naħseb b’mod partikolari fl-istat ta’ reċidività – iżda wkoll meta tali teħid inkunsiderazzjoni jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-individwu, b’mod partikolari fil-każ ta’ konkors reali ta’ reati li jistgħu jwasslu sabiex il-pieni li jikkorrispondu għal kull wieħed mir-reati jkunu s-suġġett ta’ kumulu.

46.

Il-kumulu tal-pieni huwa fil-fatt mekkaniżmu li jippermetti li tiġi kkontrollata s-severità tal-piena billi tiġi evitata l-akkumulazzjoni pura u sempliċi ta’ pieni li jikkorrispondu għal reati mwettqa fl-istess ħin. Mhux biss l-akkumulazzjoni purament matematika jista’ jkollha effetti li jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda wkoll, kif jindika l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, tmur kontra waħda mill-funzjonijiet essenzjali tal-piena ( 8 ). Fil-fatt, il-piena ma jistax ikollha funzjoni waħda ta’ tpattija, iżda għandha wkoll tipprevjeni t-twettiq ta’ reati u tippromwovi r-rintegrazzjoni soċjali ta’ persuni kkundannati. Madankollu, f’sitwazzjoni fejn ir-reati jkunu konkorrenti, it-twissija li tikkostitwixxi l-ewwel kundanna u li tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-awtur tar-reat ma tkunx seħħet, u l-piena imposta tista’, konsegwentement, tiġi adattata ( 9 ).

47.

Għalhekk, meta l-qorti tieħu inkunsiderazzjoni il-kundanni preċedenti, tippermetti li jinqabdu, b’mod partikolari, dawn is-sitwazzjonijiet u, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, li jipproċedu għal kumulu ta’ pieni imposti għal reati mwettqa fl-istess ħin. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tippermetti l-implimentazzjoni ta’ tali mekkaniżmi f’sitwazzjonijiet fejn il-ksur transkonfinali effettivament jikkoinċidi. B’hekk, il-Qorti ddeċidiet li din id-deċiżjoni qafas hija applikabbli għall-proċeduri nazzjonali intiża sabiex timponi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, piena ta’ priġunerija totali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti ( 10 ).

48.

Madankollu, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti jista’ jwassal għal diffikultajiet meta dawn il-kundanni jkunu ngħataw barra mill-pajjiż, b’tali mod li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tispeċifika, fl-Artikolu 3(3), il-kamp tal-portata ta’ dan l-obbligu.

49.

Għalhekk, skont l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas, it-teħid inkunsiderazzjoni, matul proċeduri kriminali ġodda, ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor ma jistax ikollu l-effett li jaffettwa la dawk il-kundanni preċedenti u lanqas kwalunkwe deċiżjoni dwar l-infurzar tagħhom fl-Istat Membru li fih jitwettqu l-proċedimenti kriminali l-ġodda, tirrevoka jew tirrevedi tali kundanni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif mogħtija ( 11 ).

50.

Tali kjarifika hija naturalment rilevanti f’sitwazzjonijiet fejn konkors ta’ reati jista’ jwassal għal kumulu ta’ pieni fi Stat Membru. Barra minn hekk, il-premessi 14 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprevediha espressament, sa fejn din tindika illi l-Artikolu 3(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas ikopri sitwazzjonijiet fejn sanzjoni imposta f’deċiżjoni preċedenti u li tkun għadha ma ġietx eżegwita għandha tiġi assorbita jew inkluża f’piena oħra, li mbagħad għandha tiġi eżegwita effettivament. F’tali sitwazzjoni, il-kumulu ta’ sentenzi fl-Istat Membru tal-qorti li timponihom bilfors ikollu effett fuq l-eżekuzzjoni tas-sentenza preċedenti imposta minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

51.

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 madankollu, ma huwiex limitat għall-kwistjoni ta’ kumulu ta’ sentenzi. It-teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ kundanni barranin preċedenti jista’ jkollu l-effett li jinfluwenza dawk il-kundanni preċedenti f’każijiet oħra, pereżempju billi jirrevoka s-sospensjoni tal-piena imposta mid-deċiżjoni preċedenti u billi jittrasformaha f’sentenza ta’ priġunerija effettiva ( 12 ).

52.

Għalhekk hija kwistjoni ta’ preservazzjoni tal-forza ta’ res judicata ta’ sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra, b’tali mod li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti ma jistax iwassal għal interferenza mill-qorti nazzjonali mas-sentenza preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. B’dan il-mod, l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistabbilixxi limitu ġenerali fuq l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor.

53.

Minbarra din il-limitazzjoni, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprevedi wkoll li, skont l-Artikoli 3(5) tagħha, meta r-reat li jagħti lok għall-proċedura l-ġdida jkun twettaq qabel ma tingħata l-kundanna preċedenti jew tkun ġiet eżegwita kompletament, il-paragrafi 1 u 2 ma jkollhomx l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-piena, meta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal kundanni barranin ikollha l-effett li tillimita s-setgħa tal-qorti li timponi piena fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida.

2. Fuq l‑Artikolu 3(5) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675

54.

L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprevedi eċċezzjoni għal-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

55.

Fil-fatt mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fis-sitwazzjoni li tirreferi għaliha, l-Istati Membri ma humiex obbligati, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-piena. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma għandux jiġi applikat meta l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ kundanna għal sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor ikollha l-effett li tillimita s-setgħa tal-qorti li timponi sentenza fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida.

56.

Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 huwa għalhekk indirizzat lill-Istati Membri, u jħallilhom marġni ta’ manuvra dwar jekk għandhomx jipprevedu eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u jipprevedi, li fil-każ illi jagħżlu l-implimentazzjoni ta’ tali eċċezzjoni, huma għandhom jiżguraw li l-qrati xorta jistgħu jqisu kundanni barranin b’mod ieħor.

57.

Nirrileva illi din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika biss f’sitwazzjoni fejn ir-reat li jagħti lok għall-proċedimenti l-ġodda jkun twettaq qabel ma ngħatat is-sentenza preċedenti jew tkun ġiet eżegwita kompletament.

58.

Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ peress li l-istupru inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq qabel ma ngħataw il-kundanni Franċiżi. Minn dan jista’ jiġi dedott, kif isostnu l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni, li l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu japplika f’dan il-każ u jippermetti lill-qorti tar-rinviju li ma tapplikax il-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija għal żmien determinat, sa fejn tali regola twassal sabiex tipprekludi lill-qorti Ġermaniża timponi sentenza eżegwibbli fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

59.

Madankollu, m’iniex konvint b’tali interpretazzjoni, għar-raġunijiet li ser nesponi.

a) It‑traspożizzjoni tal‑Artikolu 3(5) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675 fid‑dritt nazzjonali u fuq in‑nuqqas ta’ effett dirett ta’ din id‑dispożizzjoni

60.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) imsemmija fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur Ġermaniż qies li ma kienx hemm lok li jiġu adottati miżuri addizzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/675, peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità fil-każ ta’ kundanni barranin ġie interpretat skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas li jippermetti li jiġi żgurat li l-persuna akkużata f’proċeduri kriminali fil-Ġermanja ma hijiex żvantaġġata, minħabba l-impożizzjoni ta’ kundanna barranija, meta mqabbla ma’ persuna li tkun instabet ħatja diversi drabi f’dak l-Istat Membru biss ( 13 ).

61.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, meta deċiżjoni qafas tfittex li toħloq drittijiet għall-individwi, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom ( 14 ).

62.

Dawn ir-rekwiżiti ta’ saħħa vinkolanti inkontestabbli, ta’ speċifiċità u ta’ ċarezza huma aktar u iktar meħtieġa f’materji kriminali, f’sitwazzjonijiet fejn id-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas jista’ jkollhom l-effett li jaggravaw ir-responsabbiltà kriminali ta’ akkużat individwali.

63.

Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità previst fid-dritt Ġermaniż huwa mekkaniżmu favorevoli għall-persuna akkużata fi proċeduri kriminali, sa fejn jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija kontra dik il-persuna bil-għan li tiġi adattata l-piena li tista’ tiġi imposta fuqu. Sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali teżenta mill-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu, l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu effett negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-persuna akkużata.

64.

Issa, f’dan il-każ, u minkejja l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu l-effett, b’mod partikolari, li jwassal għal aggravazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuni akkużati fi proċeduri kriminali, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) hija inċerta. Huwa għaldaqstant illi l-Avukat Ġenerali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja semma diversi sentenzi, uħud jirrispettaw il-limitu ta’ ħmistax-il sena, oħrajn li jinjorawh ( 15 ).

65.

Il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għalhekk ma tikkostitwixxix miżura suffiċjenti li tittrasponi l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ( 16 ).

66.

F’dan ir-rigward, infakkar li peress li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ġiet adottata abbażi tat-tielet pilastru preċedenti tal-Unjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(b), UE, id-dispożizzjonijiet tagħha ma għandhom l-ebda effett dirett. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi, minn naħa, li d-deċiżjonijiet qafas għandhom jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa dwar il-forma u l-metodi, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjonijiet qafas jista’ ma jkollhomx effett dirett ( 17 ).

67.

Fin-nuqqas ta’ effett dirett tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali li ma tapplikax it-terminu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni ta’ priġunerija komprensivi.

b) Dwar l‑obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad‑Deċiżjoni Qafas 2008/675 u mal‑limiti tagħha

68.

Huwa minnu li, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu timplika obbligu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mid-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas ( 18 ).

69.

Fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati jinterpretawha, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għan tad-deċiżjoni qafas sabiex jinkiseb ir-riżultat imfittex minn din id-deċiżjoni ( 19 ).

70.

Minn dan isegwi li, sa fejn l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija jkollha l-effett li tillimita s-setgħa tal-qorti li timponi sentenza fil-proċedura pendenti quddiemha, interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż konformi mad-dritt tal-Unjoni tista’ twassal lill-qorti sabiex ma tapplikax dan il-limitu, iżda li tqis, b’mod ieħor, kundanni barranin preċedenti.

71.

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni għandu ċerti limiti. Għalhekk, il-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, jipprekludu b’mod partikolari li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, abbażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implimentazzjoni tagħha, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li wettqu reat ( 20 ).

72.

Dan jidhirli li huwa preċiżament il-każ fir-rigward tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 li kieku din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali ma tosservax il-limitu massimu ta’ ħmistax‑il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija. F’tali sitwazzjoni, l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jwassal biex is-sitwazzjoni kriminali tal-persuna inkwistjoni tmur għall-agħar fir-rigward ta’ dik li kienet tkun skont id-dritt nazzjonali, billi tirtira l-benefiċċju ta’ dan il-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena.

73.

F’dan ir-rigward, irrid nirrileva li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża li żżid ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna li tkun wettqet reat, dan ma jidhirlix li jipprekludi li dan ikopri wkoll sitwazzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta d-dispożizzjoni ta’ deċiżjoni qafas ma taggravax fiha nnifisha r-responsabbiltà kriminali tal-persuna inkwistjoni, iżda tal-pieni li jġarrab.

74.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 21 ), li huwa ta’ importanza partikolari f’materji kriminali u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma huwiex limitat għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ individwu, iżda jestendi wkoll għall-effetti ta’ tali responsabbiltà, li fosthom hemm il-piena li tista’ tiġi imposta fuqu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess taċċetta dan meta, bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, hija teżamina mhux biss jekk id-dispożizzjoni tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni f’dan il-każ għandhiex l-effett li tiġi ddeterminata jew aggravata r-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll li “jiġi [a]lterat, b’detriment għal d[i]n tal-aħħar, it-tul tal-kundanna naxxenti mis-sentenza imposta fu[ha]” ( 22 ).

75.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma jistax iwassal sabiex il-qorti nazzjonali ma tosservax il-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt nazzjonali għal pieni globali ta’ priġunerija imposti abbażi tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità.

c) Fuq in‑nuqqas ta’ preċiżjoni tad‑dritt nazzjonali fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ limitu massimu għal pieni globali ta’ priġunerija li jirriżultaw mill‑implimentazzjoni tal‑mekkaniżmu ta’ kumpens għar‑rigorożità

76.

Nispeċifika li l-analiżi li għadni kif żviluppajt hija bbażata fuq il-premessa li l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tittrasponi r-rekwiżit li jiġi osservat limitu massimu ta’ ħmistax-il sena għall-pieni globali ta’ priġunerija għal kumulu ta’ pieni għall-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità. Huwa biss sa fejn id-dritt Ġermaniż stess jipprevedi li, f’sitwazzjoni ta’ konkors ta’ reati f’diversi Stati Membri, tali limitu massimu għandu jiġi applikat li l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix in-nuqqas ta’ osservanza tiegħu.

77.

Madankollu, irrid nirrileva li d-diskussjonijiet waqt is-seduta setgħu kkawżaw kumulu dwar jekk tali limitu massimu ta’ ħmistax-il sena kienx intiż ukoll li japplika għall-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità, peress li l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja indika jew li dan il-limitu massimu japplika għall-mekkaniżmu ta’ kumpens għal rigorożità skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), jew li xi drabi tali limitu massimu ma setax jiġi applikat u qatt ma kien hekk applikat. Barra minn hekk, mill-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-qorti tal-ewwel istanza rrifjutat li tapplika tali limitu massimu. Għalhekk ma huwiex stabbilit b’ċertezza li l-liġi Ġermaniża tipprevedi l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena għall-impożizzjoni ta’ pieni globali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għal kumpens għar-rigorożità.

78.

Għalkemm tali limitu ma huwiex previst fid-dritt Ġermaniż fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità, l-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, fid-dawl tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, tista’ twassal għal soluzzjoni kuntrarja għal dik proposta minni.

79.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-terminu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija huwiex effettivament applikabbli meta jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità.

80.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u sa fejn id-dritt nazzjonali jistabbilixxi limitu għall-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, Stat Membru huwa obbligat, fi proċeduri kriminali mressqa kontra persuna, li japplika r-regoli nazzjonali tiegħu inkunsiderazzjoni ta’ dawk il-kundanni barranin preċedenti mogħtija kontra dik il-persuna għal atti differenti mwettqa qabel meta r-reat li jagħti lok għall-proċeduri l-ġodda jkun twettaq qabel ma jkunu ngħataw dawk il-kundanni preċedenti, anki meta l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli nazzjonali ma tirriżulta fl-ebda piena ma tiġi imposta jew, għall-inqas, tiġi eżegwita fil-proċeduri l-ġodda.

B.   Rigward it‑tieni domanda

81.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li l-Istat Membru ma jkunx obbligat, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li japplika r-regoli nazzjonali tiegħu dwar il-kumulu tal-pieni billi jieħu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra b’mod ieħor, kif previst f’din id-dispożizzjoni, jobbliga lill-qorti nazzjonali tistabbilixxi b’mod ċar u kkwantifikat, fid-determinazzjoni tal-piena tar-reat imwettaq fit-territorju nazzjonali, l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni skont ir-regoli nazzjonali.

82.

Skont l-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din it-tieni domanda. Madankollu, ser neżaminaha għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dik l-analiżi.

83.

L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprevedi li, meta l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jiġi implimentat u jippermetti lill-qorti nazzjonali, filwaqt li tinjora l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3, li ma tiħux inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti f’sitwazzjoni ta’ konkors ta’ reati, madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati tagħhom ikunu jistgħu jqisu kundanni preċedenti b’mod ieħor.

84.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jiżgura li, anki f’każijiet fejn ma jittiħdux inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija barra mill-pajjiż, il-fedina penali tal-persuna kkonċernata fil-proċedura l-ġdida ma tiġix injorata, sabiex tiġi żgurata, fin-nuqqas ta’ ugwaljanza stretta fit-trattament, xi forma ta’ ġustizzja.

85.

Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprevedi l-ebda rekwiżit dwar l-arranġamenti speċifiċi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-alternattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-piena imposta. Għaldaqstant, din id-domanda għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-qrati tal-Istati Membri msemmija f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi dedott mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 kwalunkwe rekwiżit ieħor għajr dak tat-teħid inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

86.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra b’xi mod ieħor, kif previst f’ din id-dispożizzjoni, ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi b’mod ċar u kkwantifikat, waqt id-determinazzjoni tal-piena għar-reat imwettaq fit-territorju nazzjonali, l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni skont ir-regoli nazzjonali.

IV. Konklużjoni

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda,

għandu jiġi interpretat fis-sens illi:

fin-nuqqas ta’ miżuri li jittrasponu dik id-dispożizzjoni, u sa fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi limitu fuq l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta jittieħdu inkunsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, Stat Membru huwa meħtieġ, fi proċeduri kriminali mressqa kontra persuna, li japplika r-regoli nazzjonali tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni dawk il-kundanni barranin preċedenti mogħtija kontra din l-istess persuna għal fatti mwettqa preċedentement, meta r-reat li jagħti lok għall-proċedura l-ġdida jkun twettaq qabel ma jingħataw l-imsemmija kundanni preċedenti, anki meta l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli nazzjonali jkollha l-konsegwenza li l-ebda piena ma tiġi imposta jew, għall-inqas, tiġi eżegwita fil-proċeduri l-ġodda.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill ta’ l‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32).

( 3 ) Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz ta’ “kumulu ta’ pieni”, irrid infisser kemm l-impożizzjoni ta’ piena totali li l-quantum tagħha jikkorrispondi għall-itqal piena inizjali li tassorbi l-eħfef piena, meqjusa li hija inkluża fl-ewwel waħda, kif ukoll l-impożizzjoni ta’ piena globali li tikkorrispondi għall-kombinazzjoni ta’ penali fil-limitu ta’ quantum massimu.

( 4 ) Permezz ta’ “konkors reali ta’ reati”, irrid infisser sitwazzjoni fejn individwu li wettaq reat jikkommetti reat ieħor, meta jkun għadu ma ġiex ikkundannat definittivament għall-ewwel reat.

( 5 ) Ninnota li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax jekk ir-regoli nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju jipprekludux li tiġi imposta sentenza għall-atti li huma s-suġġett tal-proċeduri kriminali pendenti quddiemha, jew jekk tistax tiġi imposta sentenza iżda ma setgħetx tiġi eżegwita. Tabilħaqq, il-qorti tar-rinviju tindika xi kultant li sentenza tista’ tiġi imposta biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta ċertu qari tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, xi drabi, li piena tista’ effettivament tiġi imposta iżda li l-ebda sentenza oħra ma tista’ tiġi eżegwita. Madankollu, kif ser nuri, jiena tal-fehma li l-Artikoli 3(1) u 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati bl-istess mod fiż-żewġ kawżi, b’tali mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari ma tistax tvarja jekk jirriżulta li r-regoli nazzjonali jipprekludu mhux biss l-eżekuzzjoni ta’ sentenza imposta matul proċeduri kriminali ġodda, iżda wkoll l-għoti nnifsu ta’ tali kundanna.

( 6 ) Premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punti 2526).

( 8 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża AV (Deċiżjoni Globali) (C‑221/19, EU:C:2020:815, punt 35).

( 9 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:386, punt 43).

( 10 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 29), u sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza globali) (C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 52).

( 11 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punti 3744), u sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza globali) (C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 53).

( 12 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 46).

( 13 ) Deutscher Bundestag, Drucksache 16/13673 (bundestag.de), p. 5.

( 14 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909) (C‑125/21, mhux ippubblikata, EU:C:2022:213, punt 21); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 288), u tat‑13 ta’ Marzu 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑197/96, EU:C:1997:155, punt 15).

( 15 ) Barra minn hekk, nosserva li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-ewwel istanza rrifjutat li tapplika l-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġunerija fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità.

( 16 ) Anki jekk il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tista’ tiġi interpretata fis-sens li tittrasponi b’mod suffiċjenti l-Artikolu 3(5), tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 billi timponi b’ċertezza l-osservanza tal-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena fl-implimentazzjoni tal-kumpens meħtieġ. Jiena tal-fehma li dan ma setax iwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex toħroġ minn dan il-limitu. Din id-dispożizzjoni tiddikjara li, fis-sitwazzjonijiet li tirreferi għalihom, “il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri li japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-piena”, u tispeċifika li, f’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati tagħhom jistgħu jqisu b’mod ieħor kundanni barranin preċedenti. Peress li l-leġiżlatur Ġermaniż għażel it-traspożizzjoni permezz tal-ġurisprudenza, billi eskluda, fil-każ ta’ taħlita ġenwina ta’ reati, konfużjoni ta’ pieni stretti, filwaqt li ppreveda, permezz tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għar-rigorożità, kunsiderazzjoni alternattiva mill-qorti, japplika, fejn il-limitu ta’ ħmistax-il sena għall-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija globali billi kkunsidra kundanni preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn il-ġurisprudenza nazzjonali timplimenta b’mod strett l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali li ma tapplikax dan it-terminu ta’ ħmistax-il sena previst mid-dritt Ġermaniż għal pieni globali ta’ priġuenrija.

( 17 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 56), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 69).

( 18 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 5861), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 72).

( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 43); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 59), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 73).

( 20 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 6364); tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 32), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 75).

( 21 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 44); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 64), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 75).

( 22 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 65).