Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)
Kawża C‑563/22
SN,
LN, irrappreżentata minn SN
vs
Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew minn persuni mingħajr Stat li jitolbu status ta’ refuġjat – Persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li użaw l-għajnuna tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Artikolu 12(1)(a) – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA – Kundizzjonijiet għall-intitolar ipso facto għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95 – Tifsira ta’ “meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni” – Importanza ta’ elementi relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fil-Medda ta’ Gaża – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet tal-għajxien li jammontaw għal “trattament inuman u degradanti” – Limitu – Direttiva 2013/32 – Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali – Obbligu ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ elementi relatati ma’ din is-sitwazzjoni ġenerali li diġà ġew eżaminati – Artikolu 19(2) tal-Karta – Prinċipju ta’ non-refoulement)
I. Introduzzjoni
1. L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) twaqqfet wara l-kunflitt Iżraeljan-Għarbi tal‑1948, bil-ħsieb li twettaq programmi diretti ta’ għajnuna u ta’ xogħlijiet għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrati ma’ din l-aġenzija (2). Iż-żona li fiha topera ġiet iddefinita bħala li tinkludi l-Libanu, is-Sirja, il-Ġordan, ix-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalemm tal-Lvant) u l-Medda ta’ Gaża. Il-mandat tal-UNRWA ġie mġedded suċċessivament u attwalment għandu jiskadi fit‑30 ta’ Ġunju 2026 (3).
2. SN u LN, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li kienu jgħixu fil-Medda ta’ Gaża u huma rreġistrati mal-UNRWA. Huma qegħdin japplikaw għall-ażil għat-tieni darba fil-Bulgarija, wara li l-ewwel applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali ġew miċħuda mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. Huma jsostnu li għandhom jingħataw l-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 (4). Skont din id-dispożizzjoni, persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA huma esklużi minn dan l-istatus. Madankollu, din l-esklużjoni ma tibqax tapplika jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tkun “waqfet”.
3. Il-każ preżenti jqajjem kwistjoni ta’ importanza u sensittività ovvja – b’mod partikolari fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża minn meta saru l-attakki tal-Ħamas fuq Iżrael fis‑7 ta’ Ottubru 2023: il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA jistgħu jitqiesu bħala li “waqfu”, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti f’din iż-żona, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-persuni kkonċernati li juru li huma speċifikament immirati jew affettwati minn dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom?
4. It-tilwima fil-kawża prinċipali qamet qabel dawk l-avvenimenti. Fil-fatt, it-talba ta’ SN u ta’ LN u l-elementi li tibbaża ruħha fuqhom l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża kif kienet qabel jew fiż-żmien ta’ meta tressqet din it-talba, li ġġib id‑data tad‑9 ta’ Awwissu 2022. Madankollu, kif ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, kwalunkwe evalwazzjoni li dik il-qorti jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ser ikollhom jagħmlu ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa f’dik iż-żona, li diversi organi u rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew tħassib serju dwarha (5).
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
1. Il‑Konvenzjoni ta’ Genève (6)
5. L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi:
“Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew għajnuna minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.
F’sitwazzjoni fejn din il-protezzjoni jew din l-għajnuna tintemm għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma tiġi riżolta b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ikunu intitolati jibbenefikaw ipso facto mir-regoli ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6. Fid-dawl tan-natura tal-operazzjonijiet tagħha, l-UNRWA għandha titqies bħala “protezzjoni jew għajnuna minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.
2. Riżoluzzjonijiet rilevanti tal‑Assemblea Ġenerali u tal‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti
a) Riżoluzzjonijiet adottati qabel is‑7 ta’ Ottubru 2023
7. Diversi riżoluzzjonijiet ġew adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-UNRWA jew is-sitwazzjoni fiż-żona ta’ operat tagħha, sa mill-istabbiliment ta’ din l-aġenzija. Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 74/83 tat‑13 ta’ Diċembru 2019:
“L-Assemblea Ġenerali,
[…]
Konxja dwar il-ħtiġijiet dejjem jikbru tar-refuġjati tal-Palestina fiż-żoni kollha ta’ operazzjoni, jiġifieri, il-Ġordan, il-Libanu, ir-Repubblika Għarbija Sirjana u t-Territorju Palestinjan Okkupat,
Filwaqt li tesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tar-refuġjati tal-Palestina taħt okkupazzjoni, inkluż fir-rigward tas-sigurtà, tal-benesseri u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien soċjoekonomiċi tagħhom,
Filwaqt li tesprimi tħassib serju b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni umanitarja gravi u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-refuġjati tal-Palestina fil-Medda ta’ Gaża, u tenfasizza l-importanza ta’ għajnuna ta’ emerġenza u umanitarja u sforzi urġenti ta’ rikostruzzjoni,
[…]
3. Tenfasizza n-neċessità li x-xogħol tal-[UNRWA] jitkompla kif ukoll l-importanza tal-operazzjonijiet tagħha, li għandhom jitwettqu mingħajr ostakoli, u n-neċessità tas-servizzi tagħha, inkluża l-għajnuna ta’ emerġenza, fir-rigward tal-benesseri, tal-protezzjoni u tal-iżvilupp uman tar-refuġjati tal-Palestina u tal-istabbiltà tar-reġjun, fl-istennija ta’ soluzzjoni ekwa għall-kwistjoni tar-refuġjati tal-Palestina;
4. Tistieden lid-donaturi kollha sabiex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-ħtiġijiet antiċipati tal-[UNRWA], inkluż fir-rigward taż-żieda fl-infiq u l-ħtiġijiet li jirriżultaw minn kunflitti u instabbiltà fir-reġjun u s-sitwazzjoni soċjoekonomika u umanitarja serja, partikolarment fit-Territorju Palestinjan Okkupat, u dawk il-ħtiġijiet imsemmija f’appelli u pjanijiet ta’ emerġenza, irkupru u rikostruzzjoni riċenti għall-Medda ta’ Gaża […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
b) Riżoluzzjonijiet adottati mis‑7 ta’ Ottubru 2023
8. L-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023 wasslu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tivvota, fis‑27 ta’ Ottubru 2023, fuq riżoluzzjoni intitolata “Protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-osservanza tal-obbligi legali u umanitarji”, li fiha hija appellat għal “tregwa umanitarja immedjata, dejjiema u sostnuta li twassal għall-waqfien tal-ostilitajiet” fil-Medda ta’ Gaża (7). Fost affarijiet oħra, innotat “id-deterjorament gravi tas-sitwazzjoni”, iddeplorat “l-ammont kbir ta’ vittmi fost il-popolazzjoni ċivili u l-qerda mifruxa” u esprimiet tħassib serju “dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Medda ta’ Gaża, u dwar il-konsegwenzi vasti tagħha għall-popolazzjoni ċivili, li l-biċċa kbira tagħha tinkludi tfal” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
9. Din ir-riżoluzzjoni ġiet segwita, fil‑15 ta’ Novembru 2023, mir-Riżoluzzjoni 2712 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li talbet, inter alia, għal pawżi umanitarji urġenti u estiżi fil-Medda ta’ Gaża (8).
10. Fit‑12 ta’ Diċembru 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti vvutat favur riżoluzzjoni intitolata “Il-Protezzjoni tal-Popolazzjoni Ċivili u l-Issodisfar ta’ Obbligi Legali u Umanitarji” (9) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din ir-riżoluzzjoni, hija ordnat waqfien mill-ġlied umanitarju immedjat fil-Medda ta’ Gaża u li jiġi żgurat aċċess umanitarju għal dik iż-żona. Hija rripetiet ukoll l-insistenza tagħha li l-partijiet għall-kunflitt ikunu konformi mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, u li l-ostaġġi kollha għandhom jiġu rrilaxxati immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet.
11. Fit‑22 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2720 (2023) (10), li ssemmi r-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tagħha, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2712 (2023). Fost affarijiet oħrajn, huwa esprima “tħassib serju għas-sitwazzjoni umanitarja ħażina u li qiegħda tiddeterjora b’mod mgħaġġel fil-Medda ta’ Gaża u l-impatt serju tagħha fuq il-popolazzjoni ċivili” [traduzzjoni mhux uffiċjali], enfasizza “l-bżonn urġenti għal aċċess umanitarju sħiħ, mingħajr dewmien, sigur u mhux imfixkel ġewwa u fil-Medda ta’ Gaża kollha”, u nnota r-“rapporti ta’ tħassib mit-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet umanitarji f’dan ir-rigward”. Hija enfasizzat ukoll it-“tħassib serju tagħha għall-effett sproporzjonat li l-kunflitt għandu fuq il-ħajjiet u l-benesseri tat-tfal, tan-nisa, u ta’ persuni ċivili oħrajn f’sitwazzjonijiet vulnerabbli”.
3. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
a) Id‑Direttiva 2011/95
12. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Esklużjoni”, jipprovdi:
“1. Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:
(a) hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;
[…]”
b) Id‑Direttiva 2013/32 (11)
13. Skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”:
“1. Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.
[…]”
B. Id‑dritt nazzjonali
14. Id-Direttiva 2011/95 u d-Direttiva 2013/32 ġew trasposti fid-dritt Bulgaru miż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”).
15. L-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB sostanzjalment jirriproduċu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2011/95. L-Artikolu 12(1) taż-ZUB jirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.
16. Skont l-Artikolu 75(2) taż-ZUB:
“Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jitqiesu l-fatti rilevanti kollha, […] dwar is-sitwazzjoni personali tal-applikant jew tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu […]”
III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi magħmula
17. SN, imwielda fl‑1995, u bintha, LN, huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana. Huma telqu mill-Medda ta’ Gaża f’Lulju 2018 u għexu l-Eġittu għal 45 jum u t-Turkija għal seba’ xhur. Wara li għaddew illegalment mill-Greċja, huma daħlu fit-territorju Bulgaru ma’ KN, li huwa r-raġel ta’ SN u missier LN.
18. Fit‑22 ta’ Marzu 2019, SN u LN ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Statali għar-Refuġjati, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem id-“DAB”). Huma bbażaw it-talba tagħhom fuq diversi elementi, inkluż in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u l-instabbiltà fil-Medda ta’ Gaża, kif ukoll is-sitwazzjoni kważi permanenti ta’ kunflitt armat ikkawżat minn azzjoni militari Iżraeljana u t-tensjonijiet bejn il-Fatah u l-Ħamas. SN indikat ukoll li l-ħajja ta’ KN kienet ġiet mhedda minn diversi attakki bil-bombi waqt li kien ix-xogħol u li d-dar tagħhom kienet tinsab qrib għassa tal-pulizija, li spiss kienet fil-mira ta’ missili.
19. Fl-applikazzjonijiet tagħhom, SN u LN ma semmewx li kienu rreġistrati mal-UNRWA.
20. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019, il-Predsedatel tad-DAB (il-President tad-DAB) ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ SN u LN. Il-President tad-DAB iddikjara li SN u LN ma kinux ġew imġiegħla jitilqu mill-Medda ta’ Gaża minħabba riskju reali ta’ tortura, ta’ trattament inuman jew degradanti, ta’ piena tal-mewt jew eżekuzzjoni, jew ta’ theddid serju ieħor. SN jew LN lanqas ma kienu f’riskju li jaffaċċjaw theddid bħal dan kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża, peress li ma kinux ippreżentaw evidenza li kienu ser ikunu mmirati speċifikament minħabba fatturi li jappartjenu għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li fis-sentenza fil-kawża Elgafaji (12), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza kunflitt armat jista’ jilħaq livell tant għoli li l-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunux obbligati li jressqu evidenza li huma mmirati speċifikament minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom, is-sitwazzjoni f’dik iż-żona ma setgħetx titqies, fiż-żmien tal-fatti, bħala waħda li tammonta għal kunflitt armat, simili għal dik li kienet wasslet għas-sentenza msemmija. Finalment, il-President tad-DAB iddikjara li SN u LN setgħu baqgħu l-Eġittu jew t-Turkija u li huma ġew il-Bulgarija biss sabiex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar.
21. Mal-eżawriment tar-rimedji disponibbli, dik id-deċiżjoni saret definittiva.
22. Fil‑21 ta’ Awwissu 2020, SN u LN reġgħu applikaw għal protezzjoni internazzjonali. Huma pproduċew prova tal-fatt li huma kienu rreġistrati mal-UNRWA u sostnew li l-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għalhekk kienet tapplika għalihom. Huma sostnew li, taħt din id-dispożizzjoni, huma kienu ipso facto intitolati għall-istatus ta’ refuġjat peress li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħhom kellha titqies bħala li kienet “waqfet”.
23. L-Intervyuirasht organ na DAB (il-Korp tal- Intervisti tad-DAB) iddikjara l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN ammissibbli.
24. Insostenn tat-talba tagħhom li jingħataw l-istatus ta’ refuġjat, SN u LN ipproduċew diversi dokumenti li stabbilixxew, skont huma, li l-kundizzjonijiet li operat taħthom l-UNRWA fil-Medda ta’ Gaża fiż-żmien rilevanti (fl‑2020) kienu fqar ħafna.
25. B’mod partikolari, SN sostniet li s-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża kienet iddeterjora t f’dawn l-aħħar snin, partikolarment mill-pandemija tal-Covid‑19 ’il quddiem. Hija sostniet li l-qgħad kien partikolarment għoli u li dawk li kienu jaħdmu ma kinux qegħdin jitħallsu. Hija ddikjarat ukoll li ġie stabbilit curfew, li l-iskejjel baqgħu magħluqa u li l-Ħamas żammew lin-nies milli joħorġu minn djarhom u kienu qegħdin jiftħu attakki repetuti fuq l-Iżrael. Hija spjegat li nofs id-dar li kienu jgħixu fiha bħala familja kienet inqerdet bil-missili, minħabba li d-dar kienet tinsab viċin għassa tal-pulizija, u li, fl‑2014, dannu lis-saqaf li kien wassalhom sabiex jirrilokaw għal perijodu ta’ sentejn.
26. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2021, iż-Zamestnik-predsedatel tad-DAB (l-Assistent President tad-DAB) ċaħad l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN. L-Assistent President tad-DAB spjega li, peress li dawn l-applikazzjonijiet kienu “applikazzjonijiet sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, mhux l-elementi kollha li fuqhom dawn kienu bbażati kellhom jiġu eżaminati. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ jekk SN u LN kellhomx jingħataw status ta’ refuġjat tista’ tkun limitata, l-ewwel, għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ “elementi ġodda”, it-tieni, għall-evalwazzjoni tar-rilevanza ta’ dawn l-elementi għas-sitwazzjoni personali tagħhom jew għas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u, it-tielet, għad-determinazzjoni ta’ jekk l-istess elementi kinux sostnuti minn biżżejjed evidenza.
27. L-Assistent President tad-DAB iddikjara li l-fatt li SN u LN kienu rreġistrati mal-UNRWA, għalkemm introdott bħala “element ġdid”, ma kienx rilevanti għas-sitwazzjoni personali ta’ SN u LN. L-ewwel, SN u LN kienu fil-fatt ibbenefikaw mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA fil-passat u l-unika raġuni li ma baqgħux jibbenefikaw minnha kienet għaliex huma kienu volontarjament telqu miż-żona li fiha topera din l-aġenzija. It-tieni, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li SN u LN ma jerġgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża. Barra minn hekk, l-Assistent President tad-DAB indika li l-argumenti ta’ SN u LN relatati mas-sitwazzjoni ġenerali fil-Medda ta’ Gaża ma wrewx li huma personalment affaċċjaw persekuzzjoni jew theddid serju ieħor. In-nuqqas ta’ kwalunkwe theddid bħal dan kien ifisser li ma kinux jikkwalifikaw għal protezzjoni internazzjonali.
28. SN u LN kkontestaw di k id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), li hija l-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, SN argumentat li r-ritorn tagħha fil-Medda ta’ Gaża (flimkien ma’ LN) ikun jikser il-prinċipju ta’ non-refoulement li jirrikjedi li l-Istati Membri joqogħdu lura milli jibagħtu lil xi ħadd fi Stat fejn ikun hemm riskju serju li dan ikun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.
29. Dik il-qorti tixtieq tkun taf, l-ewwel, kif l-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li jikkonċerna applikazzjonijiet sussegwenti, għandu jiġi interpretat f’tali sitwazzjoni. Hija tinnota li, insostenn tal-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom, SN u LN ipproduċew prova tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-UNRWA, element li huma ma kinux żvelaw bħala parti mill-applikazzjonijiet preċedenti tagħhom. Madankollu, hija tindika li l-ebda wieħed mill-elementi msemmija minn SN u LN dwar ir-raġunijiet għaliex kienu telqu mill-Medda ta’ Gaża ma jista’ jitqies bħala “ġdid”, peress li dawn l-elementi kollha kienu diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjonijiet preċedenti tagħhom.
30. It-tieni, hija tistaqsi jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandhiex titqies bħala li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ SN u LN, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fil-Medda ta’ Gaża. F’dan ir-rigward, hija tinnota li din is-sitwazzjoni ġenerali, li marret għall-agħar matul dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda dubju affettwat il-kapaċità tal-UNRWA li tipprovdi protezzjoni jew għajnuna effettiva lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana fil-Medda ta’ Gaża. Barra minn hekk, l-UNRWA ma għandhiex biżżejjed fondi u għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji.
31. F’dan ir-rigward, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija tirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ April 2018 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaża (13) li fiha dik iż-żona hija deskritta bħala li qiegħda ssofri minn “kriżi umanitarja mingħajr preċedent li qed tiddeterjora”. Barra minn hekk, hija tirreferi għal dokument intitolat “Il-Pożizzjoni tal-UNHCR dwar Ritorni Lejn Gaża” ta’ Marzu 2022 (14), li fih il-UNHCR (il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati) indika li l-popolazzjoni ċivili li qiegħda taħrab mill-Medda ta’ Gaża ma għandhiex tiġi rritornata bil-forza lejn dik iż-żona, minħabba l-evidenza ta’ allegazzjonijiet serji ta’ ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta’ instabbiltà kontinwa.
32. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tikkunsidra li SN u LN ikunu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ “deprivazzjoni materjali estrema”, fis-sens tas-sentenza fil-kawża Jawo (15), kieku jiġu mġiegħla jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża. Skont dik is-sentenza, SN u LN ikollhom juru li r-ritorn tagħhom fil-Medda ta’ Gaża jpoġġihom f’sitwazzjoni li ma tippermettilhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom, bħall-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, u li dan ikun idgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħhom jew ipoġġihom fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. Dik il-qorti tinnota li kieku LN (li hija minuri) kellha tiġi mġiegħla tirritorna lejn il-Medda ta’ Gaża, il-benesseri u s-sigurtà tagħha żgur li jkunu fir-riskju. Madankollu, hija tfakkar ukoll li r-raġuni għaliex SN u LN telqu mill-Medda ta’ Gaża ma hijiex marbuta ma’ xi theddida serja għas-sigurtà personali tagħhom, iżda biss mas-sitwazzjoni ġenerali f’dik iż-żona.
33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) Mill-Artikolu 40(1) tad-Direttiva [2013/32] jirriżulta li fil-każ li jkun permess li tiġi eżaminata applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, ippreżentata minn applikant ta’ oriġini Palestinjana li huwa persuna mingħajr Stat u bbażata fuq ir-reġistrazzjoni tiegħu mal-[UNRWA], fid-dawl taċ-ċirkustanzi ineżami, l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni għall-korpi kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni u li jeżaminaw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bbażati d-dikjarazzjonijiet ġodda jew l-applikazzjoni sussegwenti, interpretat fid-dawl tat-tieni [sentenza] tal-Artikolu 12(1)(a) tad-[Direttiva 2011/95], jinkludi wkoll l-obbligu li jiġu eżaminati r-raġunijiet għaliex il-persuna kkonċernata telqet miż-żona li fiha topera l-UNRWA, flimkien mal-elementi jew id-dikjarazzjonijiet ġodda li jkunu s-suġġett tal-applikazzjoni sussegwenti? It-twettiq tal-imsemmi obbligu jiddependi mill-fatt li r-raġunijiet għaliex il-persuna kkonċernata telqet miż-żona li fiha topera l-UNRWA kienu diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċedura marbuta mal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni [internazzjonali] li wasslet għal deċiżjoni finali ta’ rifjut, proċedura li fil-kuntest tagħha l-applikant kien naqas milli jinvoka u milli jipproduċi prova tar-reġistrazzjoni tiegħu mal-UNRWA?
(2) Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-espressjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni, ‘meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni’ tapplika għal persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li hija rreġistrata mal-UNRWA u li tirċievi minn din tal-aħħar għajnuna fil-Belt ta’ Gaża f’termini ta’ ikel, ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ edukazzjoni, f’sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda ħjiel ta’ theddid personali kontriha u fejn din il-persuna tkun telqet volontarjament u legalment mill-Belt ta’ Gaża, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ segwenti:
– fil-mument tat-tluq is-sitwazzjoni ġenerali kienet deskritta bħala sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarja mingħajr preċedent minħabba n-nuqqas ta’ ikel, ta’ ilma għax-xorb, ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ mediċini kif ukoll minħabba problemi marbuta mal-provvista tal-ilma u tad-dawl, mal-qerda ta’ bini u ta’ infrastruttura, u mal-qgħad;
– l-UNRWA kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet kbar sabiex issostni l-provvista ta’ għajnuna u ta’ servizzi f’Gaża, inkluż il-provvista ta’ ikel u ta’ servizzi tas-saħħa, minħabba defiċit kunsiderevoli fil-baġit tal-UNRWA u minħabba n-numru dejjem jikber tal-persuni li jiddependu fuq l-għajnuna ta’ din l-aġenzija, filwaqt li s-sitwazzjoni ġenerali f’Gaża kompliet ixxekkel l-attivitajiet tal-UNRWA?
Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun differenti għas-sempliċi raġuni li l-applikant ikun persuna vulnerabbli fis-sens tal-Artikolu 20(3) tal-istess direttiva, jiġifieri minuri?
(3) It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali, refuġjat Palestinjan irreġistrat mal-UNRWA, jista’ jmur lura fiż-żona li fiha topera l-UNRWA li jkun telaq minnha, b’mod partikolari l-Belt ta’ Gaża, meta fil-mument tal-istħarriġ quddiem il-qorti tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut:
– ma jkunx hemm informazzjoni affidabbli li tindika li dan l-applikant ser ikun jista’ jirċievi mingħand l-UNRWA l-għajnuna indispensabbli f’termini ta’ ikel, ta’ servizzi tas-saħħa, ta’ mediċini u ta’ prodotti mediċinali, u ta’ edukazzjoni;
– l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali fil-Belt ta’ Gaża u dwar l-UNRWA li tirriżulta mill-Pożizzjoni tal-UNHCR dwar ir-ritorn lejn Gaża ta’ Marzu 2022 tqieset li hija raġuni għat-tluq miż-żona li fiha topera l-UNRWA u raġuni għan-nuqqas ta’ ritorn lejn din iż-żona;
[–] inkluż il-fatt li, mar-ritorn tiegħu, l-applikant ser ikun qiegħed jgħix f’kundizzjonijiet ta’ għajxien aċċettabbli?
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża fil-mument imsemmi u sa fejn l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jiddependi mill-għajnuna tal-UNRWA f’termini ta’ ikel, ta’ servizzi tas-saħħa, ta’ mediċini u ta’ prodotti mediċinali, is-sitwazzjoni personali tiegħu taqa’ taħt l-interpretazzjoni ta’ faqar estrem, taħt l-Artikolu 4 tal-[Karta], mogħtija fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Abubacarr Jawo, (С‑163/17, EU:C:2019:218, punt 4 tad-dispożittiv), fid-dawl tal-applikazzjoni u tal-osservanza tal-projbizzjoni ta’ refoulement fis-sens tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 19 tal-[Karta], fir-rigward ta’ dan l-applikant?
Fid-dawl tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali fil-Belt ta’ Gaża u dwar l-UNRWA, id-domanda dwar ir-ritorn lejn Gaża għandha tingħata risposta differenti minħabba s-sempliċi fatt li l-applikant għal protezzjoni huwa minuri, u dan fid-dawl tal-protezzjoni tal-interess superjuri tal-minuri u tal-għan li jitħarsu l-benesseri, l-iżvilupp soċjali u s-sigurtà tiegħu kif ukoll l-għajxien mingħajr perikolu tiegħu?
(4) Fid-dawl tar-risposta għat-tielet domanda:
It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari l-espressjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni, ‘dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva’, għandha tiġi interpretata, f’dan il-każ partikolari, fis-sens li:
(А) fir-rigward tal-applikant għall-protezzjoni, persuna mingħajr Stat Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA, tapplika l-projbizzjoni ta’ refoulement fis-sens tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 19 tal-[Karta], għar-raġuni li, mar-ritorn tiegħu lejn il-Belt ta’ Gaża, dan l-applikant ser ikun espost għar-riskju ta’ trattament inuman u degradanti minħabba l-possibbiltà li jaqa’ f’sitwazzjoni ta’ faqar estrem, u għandu jitqies jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15[(b)] tad-Direttiva 2011/95 dwar l-eliġibbiltà għal protezzjoni sussidjarja;
jew
(B) din id-dispożizzjoni timplika, fir-rigward tal-applikant għall-protezzjoni, persuna mingħajr Stat Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA, ir-rikonoxximent minn dan l-Istat Membru tal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2[(d)] tad-Direttiva 2011/95 u l-għoti ipso jure tal-istatus ta’ refuġjat lil dan l-applikant, sakemm ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(b) jew tal-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva, b’analoġija mal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, (C‑364/11, EU:C:2012:826), mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant li huma rilevanti għall-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 15[(b)] tal-istess direttiva?”
34. It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tad‑9 ta’ Awwissu 2022, ġiet irreġistrata fit‑22 ta’ Awwissu 2022. Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammet l-ebda seduta.
IV. Analiżi
35. Id-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-applikanti għall-ażil għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-iskema ġenerali u tal-għan tagħha, li huma, inter alia, li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, u b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-Trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, id-dispożizzjonijiet li hemm fiha għandhom ukoll jiġu interpretati b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta (16).
36. L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jagħti dettalji dwar ir-reġim legali speċifiku applikabbli għall-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (17), din id-dispożizzjoni tinkludi kemm klawżola ta’ esklużjoni kif ukoll klawżola ta’ inklużjoni.
37. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li jekk persuna tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, hija tkun eskluża milli tingħata l-istatus ta’ refuġjat taħt din id-direttiva, bl-istess mod li tali persuna tkun ukoll eskluża milli tkun refuġjata taħt din il-konvenzjoni. Għalkemm la l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u lanqas l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jipprovdu dan espliċitament, il-klawżola ta’ esklużjoni li dawn fihom, fil-prattika, tapplika biss għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana u, b’mod iżjed speċifiku, għal dawk biss li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA (18).
38. Min-naħa l-oħra, jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tista’ titqies bħala li “waqfet”, din il-klawżola ta’ esklużjoni ma tibqax tapplika u tali persuni “għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji” tad-Direttiva 2011/95 (bl-istess mod li huma jsiru ipso facto wkoll intitolati għall-benefiċċji tal-Konvenzjoni ta’ Genève). Dawk il-benefiċċji jistgħu jintalbu “ipso jure” (19) – mingħajr il-ħtieġa li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li japplikaw għal applikanti oħra għall-ażil. Madankollu, l-istatus ta’ refuġjat ma huwiex mogħti awtomatikament jew mingħajr kundizzjonijiet, peress li, anki f’dik is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, pereżempju, jivverifikaw, f’kull każ, li l-persuni kkonċernati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva (20), li japplikaw meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li huma jkunu wettqu jew inċitaw jew ipparteċipaw b’xi mod ieħor fit-twettiq ta’ ċerti reati.
39. Kif iddikjarat l-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Bolbol (21), l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève rriżulta minn kuntest speċifiku. Dan ġie abbozzat ftit wara l-kunflitt Iżraeljan‑Għarbi tal‑1948, bil-ħsieb li, inter alia, jiġi evitat eżodu tal-massa miż-żona ġeografika li kienet il-Palestina u, fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana – li ġew irrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali (22) – ikomplu jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva sakemm il-pożizzjoni tagħhom tkun ġiet solvuta definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (23).
40. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-għan tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huwa bbażat fuq ir-ratio legis li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana għandhom ikunu jistgħu jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva mill-UNRWA, u mhux li sempliċement jiġu ggarantiti l-eżistenza ta’ korp jew aġenzija li l-kompitu tagħhom huwa li jipprovdu tali għajnuna jew protezzjoni (24).
41. F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna kwistjoni proċedurali speċifika, marbuta mal-fatt li, fil-proċeduri prinċipali, SN u LN qegħdin ifittxu status ta’ refuġjat għat-tieni darba. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, meta persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tissottometti tali “applikazzjoni sussegwenti”, wara li l-ewwel applikazzjoni tagħha tkun ġiet miċħuda, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx jevalwaw mill-ġdid l-elementi fattwali relatati mar-raġunijiet għalfejn il-persuna kkonċernata telqet miż-żona li fiha topera l-UNRWA, anki meta dawn l-elementi kienu diġà kkunsidrati minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-ewwel applikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li, matul din il-proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti eżaminaw dawn l-elementi sabiex jiddeterminaw jekk din il-persuna kinitx tissodisfax il-kriterji ġenerali sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, u mhux sabiex jiddeterminaw jekk il-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kinitx tapplika għaliha (minħabba li dan l-applikant ma kienx issottometta li huwa kien irreġistrat mal-UNRWA) (A).
42. It-tieni u t-tielet domanda, li ser nanalizza flimkien, huma ta’ natura usa’ u sensittiva. Kif diġà invokajt fl-introduzzjoni iżjed ’il fuq, dawn jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, essenzjalment, jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tistax tiġi kkunsidrata bħala li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ applikanti li għamlu użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna u li kienu jgħixu fil-Medda ta’ Gaża, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti f’dik iż-żona, mingħajr ma jkollhom juru li huma mmirati jew affettwati speċifikament minn dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (B).
43. Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-interrelazzjoni – u t-trikkib potenzjali – bejn il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tkun ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u dawk li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna bħal din tingħata protezzjoni sussidjarja (C).
A. L‑ewwel domanda: il‑ħtieġa li jiġu evalwati mill‑ġdid elementi fattwali diġà eżaminati matul proċedura preċedenti bbażata fuq bażi legali differenti
44. Kif diġà ddikjarajt, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ SN u LN fil-kawża prinċipali huma “applikazzjonijiet sussegwenti”. Tali applikazzjonijiet huma definiti, taħt l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, bħala “applikazzjoni[jiet] oħra għall-protezzjoni internazzjonali li [jsiru] wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti”.
45. Il-qorti tar-rinviju ma qajmitx id-domanda dwar jekk id-Direttiva 2013/32, li fiha r-regoli proċedurali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ġeneralment jikkonformaw magħhom meta jipproċessaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, tapplikax għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA. Peress li dawn il-persuni huma, bħala prinċipju, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, wieħed jista’ jistaqsi jekk humiex esklużi wkoll mir-regoli proċedurali tad-Direttiva 2013/32 (jew mill-inqas xi wħud minnhom). F’dan ir-rigward, ninnota, madankollu, li din id-direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni f’dan is-sens. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa loġiku li r-regoli proċedurali li jinsabu f’din id-direttiva japplikaw għal tali persuni. Fil-fatt, għalkemm ma humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-istess kundizzjonijiet sostantivi bħal applikanti oħra għall-ażil (b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95), ma narax li hemm raġuni għalfejn dawn il-kundizzjonijiet sostantivi differenti għandhom jirriżultaw f’li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu suġġetti għal regoli proċedurali differenti taħt id-Direttiva 2013/32.
46. Fl-ewwel applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali (li ġew miċħuda mid-DAB), SN u LN ma semmewx il-fatt li huma kienu rreġistrati mal-UNRWA jew li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kien japplika għalihom. L-informazzjoni pprovduta fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li d-DAB ċaħdet l-ewwel applikazzjonijiet tagħhom minħabba li huma ma ssodisfawx il-kriterji ġenerali meħtieġa sabiex jiksbu l-istatus ta’ refuġjat, kif stabbiliti taħt din id-direttiva u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tagħha. Din iċ-ċaħda, għalhekk, ma kinitx ibbażata fuq il-lex specialis li tinsab f’dan l-Artikolu 12(1)(a).
47. L-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN huma differenti mill-ewwel applikazzjonijiet tagħhom sa fejn, f’dawn l-applikazzjonijiet sussegwenti, huma jinvokaw ir-reġistrazzjoni tagħhom mal-UNRWA u l-intitolament tagħhom għal status ta’ refuġjat skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-fatt li SN u LN huma rreġistrati mal-UNRWA huwa “element ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 33(2), tal-Artikolu 40(2) u tal-Artikolu 40 (3) tad-Direttiva 2013/32. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, element jista’ jitqies bħala “ġdid” meta jibda jseħħ wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti tal-applikant jew fejn l-applikant jippreżentah għall-ewwel darba bħala parti mill-applikazzjoni sussegwenti tiegħu (25). Kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, “element ġdid” għalhekk ma għandux għalfejn isegwi d-deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjonijiet preċedenti tal-persuni kkonċernati (26). Għalkemm SN u LN kienu diġà rreġistrati mal-UNRWA fiż-żmien li fih applikaw għall-ewwel darba għall-protezzjoni internazzjonali, dan l-element ma ġiex żvelat jew magħmul disponibbli lid-DAB qabel ippreżentaw l-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom. Dan l-“element ġdid” jagħti bidu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u, għalhekk, jiftaħ bażi legali differenti li fuqha SN u LN jistgħu jitolbu l-intitolar tagħhom għall-istatus ta’ refuġjat.
48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-DAB kinitx marbuta li, meta eżaminat l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN fuq il-mertu, tikkunsidra mhux biss il-fatt li dawn kienu rreġistrati mal-UNRWA (l-“element ġdid”), iżda wkoll elementi fattwali oħra fil-fajl tagħhom, b’mod partikolari dawk dwar ir-raġunijiet għaliex kienu telqu mill-Medda ta’ Gaża, li kienu diġà ġew analizzati matul dik il-proċedura preċedenti. Dawn ir-raġunijiet huma relatati mal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali prevalenti fil-Medda ta’ Gaża qabel it-tluq ta’ LN u SN minn dik iż-żona.
49. Dik il-qorti tirreferi għall-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li, fil-fehma tagħha, jipprovdi obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jikkunsidraw, f’kull każ, l-elementi kollha sottostanti għall-applikazzjoni sussegwenti.
50. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tirreferi għal tali obbligu. Madankollu, kif nifhem jien, l-Artikolu 40(1) jikkonċerna biss żewġ sitwazzjonijiet partikolari. L-ewwel waħda tqum fejn, qabel ma tkun intlaħqet deċiżjoni finali dwar l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant jew jagħmel iktar rappreżentazzjonijiet jew jippreżenta applikazzjoni sussegwenti f’dak l-istess Stat Membru. Dan jista’ jkun, pereżempju, waqt li jkun hemm appell għaddej kontra d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. It-tieni sitwazzjoni tqum fejn tkun diġà ttieħdet deċiżjoni definittiva, iżda d-dritt nazzjonali rilevanti jippermetti li l-proċedura terġa’ tinfetaħ fid-dawl ta’ “element ġdid” (27).
51. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma tidher li tkopri din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-applikazzjoni sussegwenti tirriżulta f’li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu proċedura ġdida ta’ ażil fuq bażi legali differenti (in casu, din il-bażi legali ġdida hija l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95). Għalhekk ma hinix konvint bl-argument li obbligu ġenerali li jitqiesu l-elementi kollha sottostanti għal applikazzjoni sussegwenti jista’ jiġi inferit minn din id-dispożizzjoni partikolari.
52. Dan ingħad, ninnota li l-Gvern Bulgaru jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 minflok fuq l-Artikolu 40(1) tagħha. Huwa jargumenta li, kuntrarjament għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 (28), it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni japplikaw għal sitwazzjonijiet, bħal din inkwistjoni, fejn tinbeda tali proċedura ġdida ta’ ażil. Dan il-gvern iqis li, taħt dawn il-paragrafi, elementi diġà evalwati matul il-proċedura ta’ ażil preċedenti ma għandhomx għalfejn jiġu eżaminati mill-ġdid matul din il-proċedura l-ġdida. Fil-fehma tiegħu, l-“element ġdid” biss għandu jiġi analizzat fil-kuntest tat-tieni proċedura ta’ applikazzjoni.
53. Filwaqt li naqbel mal-Gvern Bulgaru dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għall-kwistjoni ineżami fil-proċeduri prinċipali, jien ma naqbilx mal-interpretazzjoni li dan il-gvern jipproponi. Fil-fehma tiegħi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jillimitaw ruħhom jevalwaw biss l-“element ġdid”.
54. F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 40(2) u l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 33(2)(d) tagħha (29), jindikaw li l-eżistenza ta’ “elementi ġodda” biss tista’ tipprevjeni li applikazzjonijiet sussegwenti jiġu ddikjarati inammissibbli. Għalhekk, bħala prinċipju (30), “elementi ġodda” huma l-uniċi elementi rilevanti fl-istadju tal-ammissibbiltà ta’ tali applikazzjonijiet. Madankollu, l-istess ma jgħoddx meta applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata fuq il-merti tagħha (wara li tkun instabet li hija ammissibbli). Dawk iż-żewġ stadji għandhom ikunu distinti b’mod ċar.
55. Fil-fatt, ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jgħaddu sabiex jeżaminaw applikazzjoni sussegwenti fuq il-merti tagħha, l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiża li dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jittrattaw tali applikazzjoni b’mod differenti, sempliċement għaliex ma tkunx ġiet ippreżentata minn applikant għall-ewwel darba. Din id-dispożizzjoni tindika li, fl-istadju ta’ eżami tal-mertu tal-proċedura, il-prinċipji u l-garanziji bażiċi elenkati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, tabilħaqq japplikaw. Dan il-kapitolu jeħtieġ, inter alia, li deċiżjoni dwar jekk persuna tikkwalifikax bħala refuġjat għandha tittieħed individwalment, oġġettivament u imparzjalment u biss “wara eżami adegwat” (31).
56. Nista’ faċilment naċċetta li wħud mill-elementi fattwali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti diġà evalwaw matul proċedura preċedenti ta’ ażil jistgħu jkunu identiċi għal dawk li huma għandhom iqisu meta jeżaminaw applikazzjonijiet sussegwenti tal-persuni kkonċernati, anki meta ż-żewġ proċeduri jkunu bbażati fuq bażijiet legali differenti. Pereżempju, dawn il-persuni jistgħu – kif jidher li huwa l-każ hawnhekk – jinvokaw l-istess raġunijiet sabiex jitilqu minn pajjiżhom jew iż-żona tal-oriġini tagħhom. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jeħlisx lil dawn l-awtoritajiet mill-obbligu li jevalwaw mill-ġdid ir-rilevanza u l-eżattezza (32) ta’ dawn l-elementi fattwali. Dan l-obbligu għandu jiġi osservat f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, il-bażi legali li fuqha titwettaq l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni sussegwenti (l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95) ma tkunx l-istess bħal dik li fuq il-bażi tagħha tkun twettqet il-proċedura preċedenti. F’sitwazzjoni bħal din, l-elementi rilevanti – anki jekk diġà jkunu ġew eżaminati matul din il-proċedura preċedenti – għandhom jiġu evalwati mill-ġdid permezz tal-priżma tal-kriterji speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.
57. Kif spjegajt fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni fiha regola speċifika dwar l-intitolar għall-istatus ta’ refuġjat, li hija distinta mill-kriterji ġenerali stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95. Meta japplikaw l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex obbligati jiddeterminaw jekk, fid-dawl tar-raġunijiet li wassluha titlaq mill-post ta’ oriġini tagħha, il-persuna kkonċernata għandhiex “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, kif ikollhom jagħmlu taħt il-kriterji ġenerali għall-kisba ta’ status ta’ refuġjat previsti, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istrument. Dan ir-rekwiżit ta’ “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni” ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu taħt l-Artikolu 12(1)(a), li tiffoka fuq jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tkunx “waqfet” jew le. Kwalunkwe raġuni li l-persuna seta’ kellha biex titlaq mill-post ta’ oriġini tagħha għandha, f’dan il-kuntest, tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit biss.
58. Nista’ faċilment nimmaġina li l-evidenza li persuna tkun għexet f’kundizzjonijiet materjali foqra fiż-żona li fiha topera l-UNRWA u li hija tkun telqet minn din iż-żona bħala riżultat ta’ dawk il-kundizzjonijiet materjali foqra (kif jidher li huwa l-każ ta’ SN u LN fil-kawża prinċipali) tista’ tkun fattur sabiex jiġu deċiżi kemm il-mistoqsija dwar jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA “waqfitx” fir-rigward tagħha, sabiex tkun ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll dik dwar jekk għandux jingħatalha dan l-istatus b’applikazzjoni tal-kriterji ġenerali li jinsabu, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Madankollu, din l-evidenza ma tistax tiġi evalwata fl-istess dawl mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont liema minn dawn iż-żewġ bażijiet legali tkun rilevanti. Waqt proċedura bbażata fuq il-kriterji ġenerali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat stabbiliti fid-Direttiva 2011/95 (u mhux fuq l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jindirizzaw l-evidenza tal-fatt li l-persuna kkonċernata għexet f’kundizzjonijiet materjali foqra minn angolu differenti minn dak taħt l-Artikolu 12(1)(a), peress li, fost affarijiet oħra, għandhom jiffokaw fuq jekk id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-għajxien li kienu esposti għalihom dawn il-persuni jistax jitqies bħala “att ta’ persekuzzjoni” (33) u mhux jekk jikkontribwixxix għall-istabbiliment tal-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA.
59. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li, meta jeżaminaw applikazzjoni sussegwenti abbażi tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw mill-ġdid, fid-dawl tal-kriterji legali speċifiċi għal din id-dispożizzjoni, l-elementi fattwali li huma diġà analizzaw fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq din id-dispożizzjoni iżda fuq il-kriterji ġenerali li l-persuni li ma jaqgħux fil-portata tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva għandhom jissodisfaw sabiex jingħataw l-istatus ta’ refuġjat.
B. It‑tieni u t‑tielet domanda: il‑waqfien tal‑protezzjoni jew tal‑għajnuna tal‑UNRWA fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien prevalenti f’parti taż‑żona li fiha topera
60. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, essenzjalment, jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandhomx jitqiesu bħala li “waqfu”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ persuni li għamlu użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti fil-Medda ta’ Gaża u mingħajr tali persuni ma jkollhom juru li huma mmirati speċifikament jew affettwati b’dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. Hija tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda tistax tkun differenti meta l-applikanti jkunu minuri.
61. Infakkar li, sabiex tkun tapplika l-klawżola ta’ inklużjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, huwa biżżejjed, kif tindika espressament din id-dispożizzjoni, li l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna ta’ organu jew ta’ aġenzija bħall-UNRWA jseħħ għal “xi raġuni”.
62. Filwaqt li elaborat fuq it-tifsira ta’ dawn it-termini, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA jseħħ mhux biss jekk din l-aġenzija ma tibqax teżisti, iżda wkoll jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet imġiegħla titlaq miż-żona li fiha topera l-UNRWA għal raġunijiet mhux konnessi mar-rieda tagħha (34). Dan huwa l-każ jekk is-sigurtà personali tal-individwu kkonċernat tkun f’riskju serju (l-ewwel rekwiżit) (35) u jekk ikun impossibbli li din l-aġenzija tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ din il-persuna fiż-żona ta’ operat tagħha jkunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha, li hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi” (36) (it-tieni rekwiżit).
63. Sabiex jivverifikaw jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti u sabiex jivverifikaw jekk il-persuni kkonċernati humiex, bħala riżultat, ipso facto, intitolati għall-istatus ta’ refuġjat taħt id-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkunsidraw mhux biss ir-raġunijiet li wasslu lir-rikorrenti sabiex jitilqu miż-żona li fiha topera l-UNRWA, iżda wkoll jekk huwiex attwalment possibbli għalihom li jirritornaw hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan ir-rekwiżit ċar ħafna fis-sentenza tagħha fil-kawża Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (37), li fiha ddeċidiet li dawn l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw jekk teżistix possibbiltà effettiva ta’ ritorn fiż-żona li fiha topera l-UNRWA. Hija spjegat li għandhom jitqiesu l-elementi fattwali, peress li dawn ikunu jeżistu mhux biss fiż-żmien tat-tluq ta’ din il-persuna miż-żona li fiha topera l-UNRWA iżda wkoll meta l-applikazzjoni tagħha tkun qiegħda tiġi kkunsidrata (38).
64. Minn dan isegwi li, għan-nies li jgħixu fil-Medda ta’ Gaża, fejn il-livell ta’ nuqqas ta’ sigurtà u l-kundizzjonijiet tal-għajxien qegħdin jinbidlu malajr, speċjalment mill-avvenimenti li seħħew hemmhekk sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali li għaddejja bħalissa f’din iż-żona għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra r-raġunijiet li wasslu lil dawn il-persuni sabiex jitilqu minnha oriġinarjament.
65. Il-qorti tar-rinviju tindika li SN u LN ma kinux suġġetti għal theddid individwali għas-sigurtà tagħhom qabel telqu mill-Medda ta’ Gaża u li huma telqu minn din iż-żona volontarjament. Madankollu, dik il-qorti tispjega li, fl‑2018, meta SN u LN telqu mill-Medda ta’ Gaża, “kriżi umanitarja bla preċedent, assoċjata ma’ nuqqas ta’ ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini, kif ukoll kwistjonijiet ta’ provvista ta’ ilma u ta’elettriku, il-qerda ta’ bini u infrastruttura, u l-qgħad” kienu diġà għaddejjin hemmhekk.
66. Fir-rigward tal-perijodu wara li SN u LN telqu minn din iż-żona, il-qorti tar-rinviju tinsisti fuq id-diffikultajiet affaċċjati mill-UNRWA sabiex issostni l-provvista ta’ servizzi fil-Medda ta’ Gaża (inkluż fil-forma ta’ ikel u servizzi tas-saħħa). Dik il-qorti tissuġġerixxi wkoll li, anki qabel bdew iseħħu l-avvenimenti f’dik iż-żona sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023, ma kienx hemm ċertezza jekk SN u LN, li kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża, ikunux jistgħu jiksbu l-ikel, il-mediċina, is-servizzi tas-saħħa jew edukazzjoni li jeħtieġu mill-UNRWA. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija tiddubita jekk kwalunkwe persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tistax tkun obbligata li tirritorna f’din iż-żona.
67. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq l-evalwazzjoni fattwali tagħha stess tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali prevalenti fil-Medda ta’ Gaża jew taċ-ċirkustanzi personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tapplika regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’din il-kawża, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju (jew, skont il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti) li għandha tivverifika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien li jeżistu bħalissa fil-Medda ta’ Gaża, jekk SN u LN humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt tiċċara l-kriterji legali li l-qorti tar-rinviju jew dawn l-awtoritajiet għandhom japplikaw f’dan ir-rigward u ċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għal din l-evalwazzjoni.
68. Il-mistoqsija ċentrali li għandha tingħata tweġiba f’dan ir-rigward hija jekk, sabiex jiġi stabbilit li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tkun “waqfet” fir-rigward ta’ persuna li tkun għamlet użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna fiż-żona li fiha topera din l-aġenzija jew f’parti minnha, ikunx biżżejjed li din il-persuna tinvoka l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti hemmhekk.
1. L‑importanza relattiva ta’ elementi relatati mal‑kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien [...]
69. Għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet li għalihom l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma japplikax u li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għalhekk jibbażaw ruħhom fuq il-kriterji ġenerali sabiex jiddeċiedu jekk għandux jingħata l-istatus ta’ refuġjat previst f’dik id-direttiva (kriterji li huma ddettaljati, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istrument), il-fatt li persuna tkun f’riskju serju li taffaċċja dannu serju minħabba kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi, trattament ħażin, vjolenza indiskriminata jew dannu serju ieħor jekk ikollha tirritorna lejn il-pajjiż jew iż-żona tal-oriġini tagħha ma jirriżultax, fih innifsu u minnu nnifsu, f’li hija tkun de facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat.
70. Skont dawn il-kriterji ġenerali, l-istatus ta’ refuġjat jingħata biss jekk l-applikant għall-ażil ikollu “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95. “[B]iża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni” ma jeżistix sakemm l-atti rilevanti ma jkunux “atti ta’ persekuzzjoni” (kif iddefiniti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva), ma jitwettqux minn ċerti atturi (elenkati taħt l-Artikolu 6 tagħha) u ma jkunux konnessi ma’ raġuni partikolari (kif deskritt fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95).
71. Madankollu, riskju ta’ dannu serju jista’, anki jekk ma jasalx sal-livell ta’ “biża ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, jintitola lill-persuni kkonċernati għal protezzjoni sussidjarja, li hija forma differenti ta’ protezzjoni internazzjonali (39) (li l-kundizzjonijiet tagħha huma ddettaljati fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva). Dan jista’ wkoll joħloq, b’mod iktar ġenerali, obbligu għall-Istati Membri li ma jibagħtux lil dawk il-persuni lura lejn il-pajjiż jew iż-żona ta’ oriġini tagħhom, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Dan il-prinċipju huwa stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 3 tal-KEDB (40) u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. B’mod partikolari, din l-aħħar dispożizzjoni teħtieġ li ħadd ma jista’ “jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”.
72. Analiżi differenti hija meħtieġa meta jkun applikabbli l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.
73. Kif spjegajt, din id-dispożizzjoni tikkundizzjona l-intitolar għall-istatus ta’ refuġjat ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA għall-kwistjoni dwar jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tkunx “waqfet” jew le. Kif indikajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-missjoni tal-UNRWA hija li tiżgura “kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi” għall-persuni mqiegħda taħt il-protezzjoni jew l-għajnuna tagħha, billi tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (f’termini ta’, inter alia, ikel, iġjene personali u post fejn jgħixu). Peress li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta (li jipprovdi li “[ħ]add m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” u li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 3 tal-KEDB) hija marbuta mill-qrib ma’ obbligi pożittivi ta’ protezzjoni għad-dinjità tal-bniedem (41), għalija huwa ċar – għall-inqas – li l-missjoni tal-UNRWA għandha titqies bħala li “waqfet” jekk ikun hemm riskju serju li dawk il-persuni, jekk jiġu rritornati fiż-żona li fiha topera l-UNRWA (jew f’parti minnha), jiġu esposti għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (li l-UNRWA hija obbligata li tiżgura li jiġu ssodisfatti) ma setgħux jiġu ssodisfatti. Dan jinkludi kundizzjonijiet tal-għajxien li ma humiex dinjitużi, trattament ħażin u vjolenza indiskriminata, kif ukoll dannu serju ieħor, li jippreżupponu li jiġu kkawżati uġigħ jew tbatija fiżika jew mentali ta’ intensità jew tul ta’ żmien suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-limitu stabbilit minn dik id-dispożizzjoni (42), li huwa l-istess bħal dak taħt l-Artikolu 19(2) tal-Karta (43). Huwa importanti jingħad li ma huwiex meħtieġ li jintwera li d-dannu serju jsir minn ċerti atturi jew huwa konness ma’ raġuni partikolari u, għalhekk, jammonta għal “persekuzzjoni”.
74. Konsegwentement, jekk persuna li tkun għamlet użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA tkun, bħala riżultat tan-nuqqas tal-UNRWA li tiżgura li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tagħha (44), esposta għal trattament ħażin li jkun jilħaq dak il-limitu, iż-żewġ rekwiżiti li ddeskrivejt fil-punt 62 iktar ’il fuq għandhom jitqiesu, mingħajr ma huwa meħtieġ iżjed, li ġew issodisfatti. F’termini konkreti, il-persuna kkonċernata għandha titqies bħala li kienet “imġiegħla titlaq” miż-żona li fiha topera l-UNRWA u li, għal din ir-raġuni, hija ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.
75. Sabiex inkun ċar, kif għadni kif spjegajt, riskju ta’ esponiment għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, fih innifsu u minnu innifsu, ma jintitolax lil xi ħadd għal status ta’ refuġjat fl-Unjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha rwol speċifiku fir-rigward ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA u fir-rigward tal-mistoqsija dwar jekk huma humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, infakkar li, kif diġà spjegajt fil-punt 39 iktar ’il fuq, persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali. Ir-raġuni għaliex huma esklużi mill-istatus ta’ refuġjat taħt id-Direttiva 2011/95 hija li huma suppost jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva mill-UNRWA, li suppost tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (f’termini, inter alia, ta’ ikel, iġjene personali u post fejn jgħixu) u tiżgura li jgawdu minn kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi. Din l-esklużjoni ma tistax tibqa’ ġġustifikata jekk in-nuqqas tal-UNRWA li tiżgura s-sodisfazzjon ta’ dawn il-ħtiġijiet bażiċi jirriżulta fil-fatt li dawn jiġu esposti għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta.
76. Madankollu, jiena tal-fehma li l-kwistjoni dwar jekk l-evidenza ta’ deterjorament tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha jistgħux ikunu biżżejjed jew le sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta kieku jkollha tirritorna hemmhekk, u, għalhekk, li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħha tkun “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, tkun tiddependi preċiżament fuq il-grad ta’ tali deterjorament.
77. Minn naħa, naqbel li s-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha jkunu inferjuri għal dawk li persuna tista’ tgawdi kieku tingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din il-persuna ġiet imġiegħla titlaq minn din iż-żona (45). Min-naħa l-oħra, jidhirli li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti sitwazzjonijiet, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jistgħu jsiru tant intollerabbli li jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għal kwalunkwe persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li tgħix hemmhekk (a). Bejn dawn iż-żewġ truf tal-ispettru, il-fatt jekk il-persuna kkonċernata tistax titqies, minħabba l-istess kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien (għalkemm inqas ħorox), bħala li ġiet “imġiegħla” titlaq miż-żona li fiha topera l-UNRWA jew le jkun jiddependi, kif ser nispjega, fuq jekk tappartjenix għal grupp partikolarment vulnerabbli (b) jew jekk għandhiex titqies bħala partikolarment vulnerabbli jew partikolarment affettwata minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħha (c).
a) Sitwazzjonijiet fejn il‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien “ma humiex dinjitużi” għal kulħadd
78. Infakkar li, inter alia, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elgafaji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-domanda dwar jekk tistax tingħata protezzjoni sussidjarja minħabba vjolenza indiskriminata kkawżata minn kunflitt armat intern jew internazzjonali, li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-grad ta’ vjolenza indiskriminata jilħaq livell tant għoli li jkun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex jitqies li persuna ċivili, irritornata fil-pajjiż jew fiż-żona rilevanti, tkun, biss minħabba l-preżenza tagħha f’dan it-territorju, taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal theddida għal ħajjitha (46).
79. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha fil-kawża Jawo, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet (għalkemm għad mhux fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95) (47) li ċerti żoni ġeografiċi jistgħu, fil-prattika, jesperjenzaw problemi operazzjonali (jew nuqqasijiet sistemiċi) tant kbar li hemm riskju sostanzjali li kwalunkwe applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’, meta jiġi ttrasferit jew irritornat lejn dawk iż-żoni, jiġi ttrattat b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, trasferimenti jew ritorn ta’ kwalunkwe applikant għall-ażil lejn dawn iż-żoni ġeografiċi, sempliċement, ma jistgħux isiru (48) fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti hemmhekk, mingħajr ma jkun meħtieġ li dawn il-persuni juru li huma jappartjenu għal grupp partikolarment vulnerabbli ta’ applikanti għall-ażil (pereżempju minħabba li huma minuri), jew li huma partikolarment vulnerabbli minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, minħabba mard) jew partikolarment probabbli li jiġu affettwati minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, għal darba oħra minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, minħabba li d-dar tagħhom tinsab f’żona li partikolarment probabbli li tkun fil-mira ta’ atti vjolenti).
80. Sitwazzjoni li hija partikolarment gravi biss tista’ tipproduċi tali projbizzjoni ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-livell ta’ severità partikolarment għoli ma jintlaħaq x f’sitwazzjonijiet li huma sempliċement ikkaratterizzati anki minn grad għoli ta’ nuqqas ta’ sigurtà jew degradazzjoni sinjifikattiva tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien (49). Dak li huwa meħtieġ huwa riskju serju li persuni rritornati lejn din iż-żona, minħabba dawn il-problemi operazzjonali jew nuqqasijiet sistemiċi) kbar, isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali estrem li ma tippermettilhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom, bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħhom jew tpoġġihom fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (50).
81. Jiena naħseb li din il-loġika tista’ tiġi importata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. L-ewwel, l-Artikolu 4 tal-Karta huwa dispożizzjoni ta’ applikazzjoni transversali, għalhekk kull interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex limitata għal strument partikolari tad-dritt sekondarju. It-tieni, ma jistax jiġi eskluż – sabiex ngħidu mill-inqas – li parti miż-żona li fiha topera l-UNRWA (in casu, il-Medda ta’ Gaża) tista’ tesperjenza nuqqasijiet sistemiċi ta’ tali severità (pereżempju, minħabba kunflitt armat jew imblokk militari jew, sabiex nuża t-termini tal-qorti tar-rinviju, “kriżi umanitarja mingħajr preċedent”), li hemm riskju sostanzjali li kull persuna mibgħuta lura hemmhekk issib ruħha – biss minħabba l-preżenza tagħha f’dan it-territorju – f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali estrem li ma jħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn tgħix, u li jdgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew ipoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem u, għalhekk, mal-Artikolu 4 tal-Karta.
82. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jiena tal-fehma li l-provi ta’ tali kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma biżżejjed, fis-sens li l-applikanti ma jistgħux jintalbu juru li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali huma “mhux dinjitużi” għalihom, b’mod individwalizzat (pereżempju, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom), jew li huma speċifikament affettwati minn dawk il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, il-fatt li d-dar tagħhom tinsab fi triq immirata regolarment minn missili, kif jidher li huwa l-każ ta’ SN u LN) (51).
83. Madankollu, xorta waħda għandu jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jistgħu fil-fatt jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd, fis-sens li għandhom ikunu ta’ tali severità li jistgħu jikkawżaw tħassib għal kwalunkwe persuna, irrispettivament miċ-ċirkustanzi personali jew mill-identità tagħha. Sakemm dan ikun il-każ, jista’ jitqies, l-ewwel, li s-sigurtà personali ta’ kwalunkwe applikant li jkun meħtieġ li jirritorna f’dik iż-żona tkun f’riskju serju (l-ewwel rekwiżit li semmejt fil-punt 62 iktar ’il fuq) u, it-tieni, li l-UNRWA ma hijiex f’pożizzjoni li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuna bħal din ikunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha, li hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi” billi tiżgura li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jiġu ssodisfatti (it-tieni rekwiżit). Konsegwentement, il-protezzjoni jew l-għajnuna ta’ din l-aġenzija għandha titqies bħala li “waqfet” fir-rigward ta’ tali applikant, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.
b) Sitwazzjonijiet li fihom l‑applikant għandu juri li jappartjeni għal grupp partikolarment vulnerabbli
84. Fil-fehma tiegħi, huwa meħtieġ approċċ iktar sfumat f’sitwazzjonijiet li ma jilħqux il-livell ta’ severità msemmi fit-taqsima preċedenti. Fil-fatt, sitwazzjonijiet li ma humiex affettwati minn nuqqasijiet sistemiċi severi biżżejjed li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali jkunu meqjusa bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd, xorta jistgħu jiġġeneraw “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” għal ċerti gruppi ta’ persuni partikolarment vulnerabbli (jew ċerti persuni partikolarment vulnerabbli, kif ser nispjega fit-taqsima li jmiss) billi ma jħalluhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom.
85. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-fatt li l-applikant ikun minuri jaffettwax il-livell ta’ severità meħtieġ sabiex il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fil-Medda ta’ Gaża jitqiesu bħala “mhux dinjitużi”.
86. Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ jekk jeżistix “riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” tassew tiddependi mill-vulnerabilità partikolari tal-applikant għall-ażil ikkonċernat (52). Barra minn hekk, il-QEDB irrikonoxxiet li l-evalwazzjoni tal-livell minimu ta’ severità li trattament ħażin għandu jilħaq sabiex jaqa’ fil-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB hija, “fin-natura tal-affarijiet, relattiva” (53).
87. Fir-rigward tal-minuri, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat r epetutament, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li dawn huma grupp partikolarment vulnerabbli, bi ħtiġijiet speċifiċi, li huma differenti, partikolarment f’termini ta’ sikurezza u sigurtà, minn dawk tal-adulti (54). Din il-ġurisprudenza hija riflessa f’diversi strumenti tad-dritt tal-ażil tal-Unjoni, peress li, pereżempju, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ipprovduti lit-tfal wara li jkunu rċevew l-istatus ta’ refuġjat (55), kif ukoll sakemm tingħata kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk għandhomx jingħataw protezzjoni internazzjonali, ikunu proporzjonati għall-ħtiġijiet tagħhom u jirriflettu l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom (56). Bħala tali, jidher ġeneralment aċċettat li l-kundizzjonijiet tal-għajxien li ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għall-adulti jistgħu madankollu jitqiesu bħala tali għat-tfal bħala grupp (57).
88. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ċar għalija li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali ta l-għajxien – għalkemm mhux iddeterjorati biżżejjed sabiex joħolqu riskju serju ta’ dannu serju prattikament għal kull persuna – xorta jistgħu jitqiesu li jesponu lil kwalunkwe minuri għal riskju serju ta’ dannu serju inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-fatt li l-minuri jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli tal-applikanti għall-ażil.
89. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jiena tal-fehma li l-persuni li jappartjenu għal da n il-grupp partikolarment vulnerabbli (jew kwalunkwe grupp ieħor partikolarment vulnerabbli) ma għandhomx għalfejn juru li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għalihom, b’mod individwalizzat, sakemm ikun jista’ jiġi stabbilit, l-ewwel, li dawk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma severi biżżejjed sabiex jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għal kull min jappartjeni għal dan il-grupp u, it-tieni, li ċ-ċirkustanzi personali rilevanti tal-applikant (pereżempju, l-età, il-ġeneru jew kundizzjoni jew diżabbiltà partikolari) jikkwalifikawh bħala parti minn dan il-grupp.
c) Sitwazzjonijiet fejn il‑persuna kkonċernata għandha turi li għandha vulnerabbiltà partikolari jew hija affettwata speċifikament mill‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħha
90. Kif indikajt fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li jeżistu wkoll ċerti sitwazzjonijiet, fejn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u, għalhekk, ikunu inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd jew għal grupp jew gruppi ta’ persuni partikolarment vulnerabbli. Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet xorta jistgħu joħolqu “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” għal ċerti persuni li għandhom jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli minħabba ċ-ċirkustanzi personali (58) tagħhom jew li huma speċifikament affettwati mill-istess kundizzjonijiet ġenerali minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, il-fatt li d-dar tagħhom tkun tinsab fi triq immirata regolarment minn missili). Fil-fatt, kif spjega l-Avukat Ġenerali Wathelet, “[i]kun manifestament inkompatibbli man-natura assoluta ta’ [l-Artikolu 4 tal-Karta] li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jaffettwaw applikant għall-ażil bil-pretest li dan ma jirriżultax minn difett sistemiku” (59).
91. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat dan ir-raġunament fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Tabilħaqq, fis-sentenza tagħha fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), li kienet tikkonċerna persuna li tbati minn marda partikolarment serja, hija kkonkludiet li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandha titqies bħala li “waqfet”, jekk din l-aġenzija ma tkunx tista’ tiżgura li persuna bħal din ikollha aċċess għall-kura tas-saħħa speċifika u trattament mediku li mingħajrhom hija tkun esposta għal riskju reali ta’ mewt imminenti jew għal riskju reali li tkun esposta għal tnaqqis gravi, rapidu u irriversibbli fl-istat ta’ saħħa tagħha jew għal tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tagħha (60).
92. F’sitwazzjonijiet bħal dik li wasslet għas-sentenza SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti f’parti miż-żona li fiha topera l-UNRWA ma kinux, fihom innifishom, severi biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għal kulħadd jew saħansitra għal grupp partikolari ta’ persuni. Madankollu, l-applikant ikkonċernat seta’ jibbaża ruħu fuq ċirkustanzi personali partikolari għalih li kienu jagħmluh partikolarment vulnerabbli, u wasslu sabiex dawk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien ikunu insopportabbli u “mhux dinjitużi” (u għalhekk inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni) għalih, b’mod individwalizzat.
2. […] Iżda l‑ħtieġa għal evalwazzjoni individwali fil‑każijiet kollha
93. Speċifikajt, fit-taqsimiet preċedenti, tliet xenarji possibbli li fihom il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tista’ titqies bħala li “waqfet” minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ din l-aġenzija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tagħha, billi tiżgura, essenzjalment, li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, jiġu ssodisfatti.
94. Fil-fehma tiegħi, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha, minn naħa, u ċ-ċirkustanzi personali tal-persuni kkonċernati, min-naħa l-oħra, ivarjaw skont liema wieħed minn dawk it-tliet xenarji japplika. Fl-ewwel żewġ xenarji, ma huwiex meħtieġ li jintwera li dawk il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ għajxien huma “mhux dinjitużi” għall-persuna kkonċernata b’mod individwalizzat, għaliex dawn il-kundizzjonijiet huma tant severi, li jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għal kulħadd b’mod ġenerali jew għal grupp partikolarment vulnerabbli li din il-persuna tagħmel parti minnu. Fit-tielet xenarju, madankollu, in-natura “mhux dinjituża” tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien għandha tintwera b’mod individwalizzat, fuq il-bażi tal-vulnerabbiltà partikolari jew ta’ ċirkustanzi oħra speċifiċi għall-persuna kkonċernata.
95. Nixtieq nagħmel il-kumment addizzjonali li ġej. Filwaqt li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti f’parti taż-żona li fiha topera l-UNRWA huma dejjem rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna ta’ din l-aġenzija tkunx “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat dan ir-rekwiżit fis-sentenza tagħha fil-kawża Abed El Karem El Kott et (61). Tabilħaqq, hija ddeċidiet li, meta jeżaminaw jekk persuna, għal raġunijiet indipendenti mill-kontroll u mir-rieda tagħha, ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha.
96. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għalhekk naqbel mal-Kummissjoni li l-elementi ta’ natura ġenerali, li għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fiż-żona rilevanti li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha (hawnhekk, il-Medda ta’ Gaża) għandhom dejjem ikunu integrati f’evalwazzjoni individwali. Anki fl-ewwel xenarju, l-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax awtomatikament lil kulħadd. Kif diġà indikajt fil-punt 83 iktar ’il fuq, il-persuni kkonċernati xorta jridu japplikaw għal dan l-istatus, u hija meħtieġa analiżi każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat mhux biss li huma effettivament għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna mill-UNRWA fiż-żona kkonċernata (jew f’parti minnha), iżda wkoll li, meta saret din l-evalwazzjoni, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien f’din iż-żona ġeografika jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” prattikament għal kulħadd, b’tali mod li jkun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-applikant jaffaċċja riskju reali ta’ dannu inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, biss minħabba l-preżenza tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn juri li huwa jkun speċifikament espost għal dan id-dannu, kieku kellu jirritorna hemmhekk.
97. Huwa importanti li wieħed jenfasizza l-ħtieġa għal tali evalwazzjoni individwali. Kieku dan ir-rekwiżit ma kienx jeżisti, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, f’ċerti aspetti, issir ekwivalenti għal dik introdotta mid-Direttiva 2001/55/KE (62), li tipprovdi protezzjoni temporanja (forma differenti ta’ protezzjoni, li hija distinta, u inqas estensiva mill-protezzjoni mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja) fil-każ ta’ influss tal-massa ta’ persuni spostati, mingħajr ebda rekwiżit li dawn il-persuni jagħmlu applikazzjonijiet individwali u, għalhekk, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni individwali. Din id-direttiva hija mfassla sabiex tapplika biss f’ċerti sitwazzjonijiet limitati u biss wara deċiżjoni formali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (tali deċiżjoni kienet, pereżempju, ġiet adottata reċentement għal persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara, bħala riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi) (63). Fil-fehma tiegħi, il-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jissostitwixxi dak stabbilit mid-Direttiva 2001/55.
98. Barra minn hekk, infakkar li, kif diġà spjegajt fil-punt 38 iktar ’il fuq, qabel ma jagħtu l-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ukoll jivverifikaw, f’kull każ, li l-persuna kkonċernata ma taqax fil-portata ta’ xi waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva (64). Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li l-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana (anki jekk hija tkun għamlet użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA), jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li hija wettqet jew inċitat jew ipparteċipat b’xi mod ieħor fit-twettiq ta’ ċerti delitti (delitti kontra l-paċi, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, delitti serji mhux politiċi barra l-pajjiż ta’ rifuġju jew atti oħra li jmorru kontra l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti). Dan ikun jinkludi, fil-fehma tiegħi, it-twettiq ta’ atti terroristiċi u kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni fi jew kwalunkwe forma ta’ inċitazzjoni sabiex jitwettqu tali atti (bħal, sabiex nieħdu l-iktar eżempju reċenti, atti mwettqa mill-Ħamas kontra l-Iżrael).
99. Minn dan isegwi, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma ipso facto intitolati għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95 fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ dan l-istrument jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tieqaf ma jimplikax dritt mingħajr kundizzjonijiet li jiġi rrikonoxxut lilhom l-istatus ta’ refuġjat (65).
C. Ir‑raba’ domanda: l‑interrelazzjoni bejn l‑Artikolu 12(1)(a) tad‑Direttiva 2011/95 u d‑dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni sussidjarja
100. Kif nifhimha jien, ir-raba’ domanda – li l-għan u t-tifsira tagħha, għandi nammetti, huma pjuttost diffiċli li jiġu ddeċifrati mal-ewwel daqqa ta’ għajn – tikkonċerna l-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 – li jiftaħ il-possibbiltà, f’ċerti kundizzjonijiet, li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana jkunu ipso facto intitolati għall-istatus ta’ refuġjat – u d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument li jirrigwardaw il-“protezzjoni sussidjarja” – li, kif diġà ddikjarajt fil-punt 71 iktar ’il fuq, hija forma differenti (u inqas estensiva) (66) ta’ protezzjoni internazzjonali minn dik mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat.
101. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk il-prinċipju ta’ non-refoulement, li huwa minqux, inter alia, fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, għalkemm ma tkunx intitolata għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) tagħha. L-intitolar ta’ tali persuna għal protezzjoni sussidjarja jkun ibbażat fuq il-fatt li, li kieku kellha terġa’ lura fiż-żona li fiha topera l-UNRWA, hija ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ “faqar materjali estrem” simili għal dak deskritt fil-punt 81 iktar ’il fuq.
102. It-tieni, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, meta jeżaminaw jekk persuna tissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipju ta’ non-refoulement iżda wkoll l-elementi li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux intitolati għal protezzjoni sussidjarja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) tagħha.
103. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (67), is-sistema unika li huma suġġetti għaliha l-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana taħt id-Direttiva 2011/95 tikkonċerna biss il-possibbiltà li jingħataw status ta’ refuġjat, u mhux protezzjoni sussidjarja (68). Għalhekk, dawn il-persuni, bħal applikanti oħra għall-ażil, jistgħu japplikaw għal status ta’ protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, u ma humiex esklużi minn dan l-istatus.
104. Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna ssir eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja huma ddettaljati fil-Kapitolu II u fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95. Essenzjalment, għandu jintwera li l-persuna kkonċernata taffaċċja riskju reali ta’ dannu serju. “Dannu serju” huwa ddefinit taħt l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva u jikkonsisti f’“piena kapitali jew eżekuzzjoni” (Artikolu 15(a)), “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini” (Artikolu 15(b)) jew “theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna [tal-applikant] minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern” (Artikolu 15(c)).
105. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ċar għalija li l-livell ta’ dannu li tkun esposta għalih persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li kieku kellha tirritorna fiż-żona rilevanti li fiha topera l-UNRWA jista’ ċertament jilħaq il-limitu ta’ “dannu serju” elenkat fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, pereżempju minħabba li dan jammonta għal “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig” (Artikolu 15(b)), u, fl-istess ħin, ikun serju biżżejjed sabiex iwassal għal konstatazzjoni li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħha tkun “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. Iż-żewġ sistemi (għall-kisba tal-istatus ta’ “refuġjat” b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) jew tal-istatus ta’ “protezzjoni sussidjarja” b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b)) jippermettu, essenzjalment, li jittieħdu inkunsiderazzjoni livelli simili ta’ dannu, jiġifieri “trattament inuman jew degradanti” li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta.
106. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elgafaji (69), li, filwaqt li l-eżistenza ta’ riskju marbut mas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż, bħala regola, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ protezzjoni sussidjarja ġew issodisfatti fir-rigward ta’ persuna speċifika, jeżistu xi eċċezzjonijiet. Tabilħaqq, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza kunflitt armat jista’ jilħaq livell tant għoli li l-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunux obbligati jressqu evidenza li huma mmirati speċifikament minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, essenzjalment, l-istess loġika bħal dik li semmejt fit-taqsima preċedenti. Iktar ma l-applikant ikun jista’ juri li huwa speċifikament affettwat minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tiegħu, iktar ikun baxx il-livell ta’ vjolenza indiskriminata meħtieġ sabiex ikun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Konsegwentement, iż-żewġ sistemi (għall-kisba tal-istatus ta’ “refuġjat” b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jew tal-istatus ta’ “protezzjoni sussidjarja” b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tagħha) jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu protetti persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu qegħdin jaffaċċjaw vjolenza indiskriminata.
107. Madankollu, iż-żewġ status, minkejja dan ix-xebh bejniethom, huma reċiprokament esklużivi. Mhux talli persuna ma tistax tibbenefika miż-żewġ status simultanjament, imma dawn l-istatus għandhom ukoll dejjem jingħataw indipendentement minn xulxin. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna tkunx ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx għalfejn jeżaminaw jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tingħata “protezzjoni sussidjarja”.
108. Għall-kuntarju, persuna li ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex il-protezzjoni tal-UNRWA tiġi kkunsidrata li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, pereżempju minħabba li r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li hija tkun esposta għalih kieku kellha tirritorna fiż-żona li fiha topera l-UNRWA ma jkunx konness mal-missjoni ta’ din l-aġenzija (70), xorta tista’ tapplika għal status ta’ “protezzjoni sussidjarja”, u tiksbu, jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.
109. Barra minn hekk, kieku persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kellha tkun meħtieġa tirritorna fiż-żona li fiha topera l-UNRWA u taffaċċja “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” jew “faqar materjali estrem”, allura jkun ċar li l-prinċipju ta’ non-refoulement minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta jiġi miksur. Infakkar li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex limitata għall-persuni intitolati għall-istatus ta’ refuġjat (71). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ non-refoulement japplika – u għandu jiġi mħares – irrispettivament mill-istatus speċifiku (status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja) li tkun tista’ tikkwalifika għalih il-persuna kkonċernata.
V. Konklużjoni
110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:
(1) L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali
għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċerti elementi invokati minn persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu status ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kienu diġà analizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti matul il-proċedura relatata ma’ applikazzjonijiet preċedenti tal-persuni kkonċernati, ibbażati fuq dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, ma jeħlisx lil dawn l-awtoritajiet mill-obbligu li jeżaminawhom għal darba oħra meta jkunu qegħdin jivverifikaw jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tkunx “waqfet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
(2) L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95
għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi eskluż li ż-żona li fiha topera l-UNRWA jew parti minnha tista’ tesperjenza nuqqasijiet sistemiċi ta’ tali severità li jkun hemm riskju sostanzjali li kwalunkwe persuna mibgħuta lura hemmhekk tkun issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali estrem li ma jħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn tgħix, u li jdgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew ipoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem u, għalhekk, mal-Artikolu 4 tal-Karta. F’sitwazzjoni bħal din, sabiex jiġi stabbilit li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tkun “waqfet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-persuna kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti f’din iż-żona jew f’parti minnha huma mhux dinjitużi għaliha b’mod individwalizzat, minħabba li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” prattikament għal kulħadd. Madankollu, id-dritt għall-istatus ta’ refuġjat ma huwiex inkundizzjonat anki f’sitwazzjoni bħal din. Il-persuna kkonċernata għandha tapplika għall-protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, evalwazzjoni individwali xorta tibqa’ meħtieġa sabiex jiġi vverifikat, inter alia, li l-ebda waħda mill-esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva ma tapplika. Il-fatt dwar jekk din il-persuna tkunx intitolata għal “protezzjoni sussidjarja”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva, huwa irrilevanti għal din l-evalwazzjoni.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Ara r-Riżoluzzjoni Nru 302 (IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949. Skont l-Istruzzjonijiet Ikkonsolidati għall-Eliġibbiltà u għar-Reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“IIER”) tal-UNRWA (disponibbli fuq: https://www.unrwa.org/sites/default/files/2010011995652.pdf), il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA hija disponibbli għal persuni li jissodisfaw il-kriterji ta’ Refuġjat Palestinjan ta’ din l-aġenzija (jiġifieri, il-persuni kollha li l-post ta’ residenza normali tagħhom kien il-Palestina matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ġunju 1946 u l‑15 ta’ Mejju 1948 u li tilfu kemm djarhom kif ukoll il-mezz tal-għajxien tagħhom minħabba l-kunflitt tal‑1948, u dixxendenti ta’ tali persuni, inklużi tfal adottati legalment, permezz tal-linja maskili) kif ukoll ċerti kategoriji oħra ta’ persuni li jsir riferiment għalihom bħala “Persuni Rreġistrati Oħra”. Dan id-dokument jindika li “[l]-applikazzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni mal-UNRWA huma eżaminati bir-reqqa mill-persunal tal-Eliġibbiltà u tar-Reġistrazzjoni tal-UNRWA u d-deċiżjonijiet dwar l-eliġibbiltà għas-servizzi tal-UNRWA jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ”.
3 Ara r-Riżoluzzjoni Nru 77/123 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑12 ta’ Diċembru 2022.
4 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
5 Minbarra n-numru allarmanti ta’ ħajjiet mitlufa fost il-popolazzjoni ċivili mis‑7 ta’ Ottubru 2023, ġie rrappurtat numru kbir ta’ vittmi fost il-persunal tal-UNRWA li jopera f’dik iż-żona. Fis‑27 ta’ Ottubru 2023, António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, iddikjara li “[s]-sistema umanitarja f’Gaża qiegħda taffaċċja kollass totali b’konsegwenzi inkonċepibbli għal iktar minn 2 miljuni persuni ċivili” (ara “Id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali - dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża”, disponibbli fuq is-sit internet tan-Nazzjonijiet Uniti). Philippe Lazzarini, il-Kummissarju-Ġenerali tal-UNRWA, indirizza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit‑30 ta’ Ottubru 2023, u ddikjara li “[s]-sistema fis-seħħ sabiex tippermetti l-għajnuna f’Gaża ma hijiex ser tirnexxi sakemm ma jkunx hemm rieda politika sabiex il-fluss tal-provvisti jsir sinjifikattiv, li jkun jaqbel mal-ħtiġijiet umanitarji mingħajr preċedent” (https://www.unrwa.org/newsroom/official-statements/un-security-council-emergency-briefing-situation-middle-east). Fis‑7 ta’ Diċembru 2023, P. Lazzarini kiteb lil Dennis Francis, President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li “l-abbiltà tal-UNRWA li timplimenta l-mandat tal-Assemblea Ġenerali tagħha f’Gaża [kienet] limitata ħafna, b’konsegwenzi immedjati u negattivi għar-rispons umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti u għall-ħajjiet tal-popolazzjoni ċivili f’Gaża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li s-sitwazzjoni umanitarja f’dik iż-żona “ma kinitx sostenibbli” (https://www.unrwa.org/resources/un-unrwa/letter-unrwa-commissioner-general-philippe-lazzarini-un-general-assembly). Fid‑29 ta’ Diċembru 2023, huwa żied li “l-kunsinna ta’ għajnuna meħtieġa ħafna u urġenti għadha limitata b’mod kwantitattiv u mimlija b’ostakoli loġistiċi” (https://www.unrwa.org/newsroom/official-statements/gaza-strip-unrwa-calls-unimpeded-and-safe-access-deliver-much-needed). L-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023 wasslu wkoll lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jadottaw riżoluzzjonijiet. Il-kontenut ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet huwa ddettaljat fil-punti 8 sa 11 hawn taħt.
6 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).
7 A/RES/ES-10/21 disponibbli f’dan l-indirizz: https://digitallibrary.un.org/record/4025940?ln=en
8 S/RES/2712 (2023), disponibbli f’dan l-indirizz: http://unscr.com/en/resolutions/doc/2712.
9 A/RES/ES-10/22, disponibbli f’dan l-indirizz: https://digitallibrary.un.org/record/4031196?ln=en
10 S/RES/2720(2023), disponibbli f’dan l-indirizz: https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N23/424/87/PDF/N2342487.pdf?OpenElement.
11 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
12 Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94).
13 ĠU 2019, C 390, p. 108.
14 Disponibbli fuq l-indirizz li ġej: https://www.refworld.org/docid/6239805f4.html.
15 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92).
16 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 C‑294/22, EU:C:2023:388, punti 19 sa 21. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 30 u 31).
18 Għalhekk, hija ma tkoprix persuni li huma, jew kienu, eliġibbli sabiex jirċievu protezzjoni jew għajnuna minngħand din l-aġenzija, iżda li fil-fatt ma għamlux użu minn dik il-protezzjoni jew għajnuna (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 51).
19 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 71, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et”).
20 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston (C‑31/09, EU:C:2010:119, punti 41 u 43).
22 Ara l-punt 2 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 13. Kif nifhimha jiena, huwa preċiżament minħabba li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali li jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu ipso facto intitolati għal status ta’ refuġjat taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève (u d-Direttiva 2011/95), jiġifieri, mingħajr ma jkollhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali sabiex jingħataw dak l-istatus.
23 Ara, ukoll, is-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 62. Sal-lum, għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni f’dan ir-rigward.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata ulterjorment biss jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara l-“element ġdid” fil-proċedura preċedenti.
26 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 50) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2023:646, punt 34).
27 Fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018., Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 98), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑18/20, EU:C:2021:710, punt 21).
28 F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru jirreferi għas-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 50).
29 Skont din id-dispożizzjoni, applikazzjonijiet sussegwenti jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli biss meta l-ebda elementi jew fatti ġodda relatati mal-eżami ta’ jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95 ma jkunu qamu jew ma jkunu ġew ippreżentati mill-applikant. L-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva jagħmilha ċara wkoll li l-“element ġdid” għandu “[jżid] sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali”.
30 Jista’ jiġi argumentat li l-fatt jekk “element ġdid” “iżidx sostanzjament il-probabbiltà” li applikant jikkwalifika għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi analizzat b’mod iżolat minn elementi oħra fil-proċess, li jfisser li l-awtoritajiet jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikollhom ukoll iqisu elementi oħra fl-istadju tal-ammissibbiltà.
31 Ara l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32.
32 Jekk element fattwali tqies li ma kienx rilevanti matul il-proċedura preċedenti tal-ażil, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu ma qisuhx mingħajr ma eżaminaw jekk kienx sostnut minn evidenza suffiċjenti. L-eżattezza ta’ dak l-element tista’, għalhekk, ikollha tiġi eżaminata mill-ġdid.
33 “Atti ta’ persekuzzjoni” huma ddefiniti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95.
34 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 34 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi assenza miż-żona ta’ operat tal-UNRWA, mingħajr ebda indikazzjoni li l-persuna kkonċernata kienet imġiegħla titlaq minn din iż-żona, jew deċiżjoni volontarja ta’ tluq ma tistax titqies bħala waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna.
35 F’dan ir-rigward, inżid li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:388, punt 40), it-terminu “riskju serju” jirreferi għall-ġenwinità tar-riskju li t-theddid rilevanti għas-sigurtà personali fil-fatt jimmaterjalizza u li s-sigurtà tal-persuna tiġi affettwata fil-każ li tibqa’ fiż-żona li fiha topera l-UNRWA. Sabiex jikkwalifika bħala theddid għas-“sigurtà personali”, it-theddid għandu jkun ta’ severità suffiċjenti (għandu, fi kliem ieħor, jippresupponi dannu serju).
36 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 44 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022 (C‑349/20, EU:C:2022:151, punti 56 u 57). Dik is-sentenza kkonċernat l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), li ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija l-istess bħall-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.
38 Ibid., punt 58.
39 Ara l-Artikolu 2(a), (e) u (g) tad-Direttiva 2011/95.
40 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB), iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. It-tifsira u l-portata tal-Artikolu 4 tal-Karta huma għalhekk, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-KEDB.
41 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ninnota li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem huwa s-suġġett tal-Artikolu 1 tal-Karta. Kif spjega l-Avukat Ġenerali Trstenjak, “[s]kont l-Artikolu 1 tal-Karta, id-dinjità tal-bniedem mhux biss għandha tiġi ‘irrispettata’ iżda wkoll ‘protetta’. Tali funzjoni pożittiva ta’ protezzjoni hija inerenti wkoll fl-Artikolu 4 tal-Karta” (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawżi magħquda NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:610), punt 112).
42 Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), sabiex it-trattament ħażin ikun jaqa’ fil-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB (li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 4 tal-Karta), it-trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ severità (ara, inter alia, il-QEDB, l‑1 ta’ Ġunju 2010, Gäfgen vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2010:0601JUD002297805, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 L-Artikolu 19(2) tal-Karta huwa bbażat fuq l-istess livell ta’ dannu bħall-Artikolu 4 tagħha. Minkejja li forsi ma huwiex daqshekk importanti, ninnota li, fit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-prinċipju ta’ non-refoulement b’referenza espliċita mhux biss għall-Artikolu 19(2) tal-Karta, iżda wkoll għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95. Il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva humiex issodisfatti, peress li hija tifforma parti minn – u tapplika biss għad-dispożizzjonijiet ta’ – il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li l-Artikolu 12(1)(a) huwa inkluż fil-Kapitolu III ta’ dan l-istrument. Madankollu, huwa ċar għalija li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95 ma jikkonsisti f’xejn għajr espressjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju wiesa’, li għandu jiġi osservat mill-Istati Membri kull meta jkunu qegħdin japplikaw dan l-istrument.
44 Tkun xi tkun il-kawża tan-nuqqas tal-UNRWA.
45 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta; persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punt 45).
46 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 43). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 27 u 28) u, l-iktar reċenti, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju) (C‑125/22, EU:C:2023:843, punti 40 u 41).
47 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑163/17, EU:C:2019:218). Din is-sentenza kkonċernat il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 4 tal-Karta jistax jipprekludi t-trasferiment ta’ applikant lejn l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali minħabba allegati nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’dan l-Istat Membru. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 81 u 86 sa 94).
48 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 85).
49 Ibid., punt 91.
50 Ibid., punti 92 u 93.
51 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju) (C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/1 PPU, EU:C:2017:127, punt 73).
53 Ara, inter alia, QEDB, 25 ta’ April 1978, Tyrer vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1978:0425JUD000585672, punt 30).
54 Ara QEDB, 4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD00292171, punt 99). F’dan ir-rigward, il-QEDB fakkret li l-minuri għandhom ħtiġijiet speċifiċi li huma relatati b’mod partikolari mal-età u n-nuqqas ta’ indipendenza tagħhom, iżda wkoll mal-istatus tagħhom ta’ applikanti għall-ażil.
55 Ara l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95, li jipprovdi li t-tfal huma “persuni vulnerabbli” (flimkien ma’ persuni b’diżabbiltà, anzjani u nisa tqal, fost l-oħrajn). Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Tabilħaqq, hija tenfasizza li l-Artikolu 20(3) jifforma parti mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95. Dan il-kapitolu, li huwa intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali” (u li l-Artikolu 12(1)(a) ma huwiex parti minnu), jirrigwarda s-salvagwardji li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ ladarba persuna tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat, u mhux qabel. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala li turi l-fatt li l-minuri huma ġeneralment irrikonoxxuti bħala grupp partikolarment vulnerabbli tal-applikanti għall-ażil.
56 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
57 Inżid li l-premessa 18 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi li “[l]-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva” u li, “[f]l-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq l-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha”. Din il-premessa tirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li għandu jiġi osservat fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal.
58 Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment irrikonoxxiet li sitwazzjoni li ma tammontax għal faqar materjali estrem għal kulħadd tista’ xorta waħda titqies bħala tali fir-rigward ta’ applikant li jkun kapaċi juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih li jindikaw li għandu vulnerabbiltà partikolari (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 95). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 73, li kkonċernat applikanta għall-ażil b’kundizzjoni psikjatrika partikolarment gravi, jiġifieri depressjoni wara t-twelid kif ukoll tendenzi suwiċidali perjodiċi. F’dan ir-rigward, infakkar ukoll li l-QEDB iddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li l-fatt jekk it-trattament ħażin li tkun ġarrbet persuna jew li tkun fir-riskju li ġġarrab jilħaqx il-livell meħtieġ ta’ severità jew le jiddependi “miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, bħat-tul tat-trattament u l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu u, f’xi każijiet, il-ġeneru, l-età u l-istat tas-saħħa tal-vittma” (ara QEDB, 4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2014:1104JUD002921712, punt 118).
59 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Jawo (C‑163/17, EU:C:2018:613), punt 86.
60 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 46 u 48, u d-dispożittiv).
61 Ara l-punt 64 ta’ din is-sentenza.
62 Direttiva 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).
63 Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 1).
64 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584 (punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Ara s-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 75.
66 Pereżempju, il-permess ta’ residenza jista’ jkun iqsar (ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95). L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw l-aċċess għall-benesseri soċjali (ara l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva).
67 C‑294/22, EU:C:2023:388, punt 29.
68 Ara s-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 68.
69 Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 36 sa 37 u 39).
70 Kif spjegajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, it-tieni rekwiżit għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huwa li għandu jkun impossibbli għall-UNRWA li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuna kkonċernata fiż-żona li fiha topera jkunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha. Il-missjoni tal-UNRWA hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi”, billi tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni mqiegħda taħt il-protezzjoni tagħha. Sabiex nagħti eżempju sempliċi, jekk il-persuna kkonċernata kienet taffaċċja l-piena tal-mewt talli wettqet reat minħabba l-liġijiet prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA, dan id-dannu ma jkunx konness mal-missjoni tal-UNRWA, iżda madankollu jista’ jintitola lill-persuna kkonċernata għal “protezzjoni sussidjarja” skont l-Artikolu 15(a) ta’ din id-direttiva.
71 Peress li jirrikjedi li “[ħ]add ma […] jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti” (enfasi tiegħi).