KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fis‑7 ta’ Diċembru 2023 ( 1 )
Kawża C‑547/22
INGSTEEL spol. s. r. o.
vs
Úrad pre verejné obstarávanie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stati Membri – Rikors għal danni għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn offerent li ma ntgħażilx – Kwantifikazzjoni– Lucrum cessans – Telf ta’ opportunità”
Introduzzjoni
|
1. |
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jimponi fuq l-Istati Membri li jilqgħu talba għad-danni għal telf ta’ opportunità minn offerent illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku meta din il-proċedura tkun ġiet konkluża u meta kuntratt ikun ġie konkluż mal-offerent rebbieħ? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk il-liġijiet tal-Istati Membri jirregolawx il-proċeduri għall-għoti ta’ danni li għalihom jirreferi l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi ( 2 ). Fl-affermattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-konsegwenzi tar-rekwiżit li dawn il-liġijiet għandhom josservaw il-prinċipju ta’ effettività. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
2. |
Il-preambolu tad-Direttiva 89/665 fih it-test li ġej: “Billi f’ċerti Stati Membri l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza ta’ rimedji eżistenti jżommu lil intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti fl-Istat Membru li fih l-awtorità kuntrattwali hija stabbilita; billi, għalhekk, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni; […] Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li proċeduri adegwati jeżistu fl-Istati Membri kollha sabiex jippermettu t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment u l-kumpens ta’ persuni milquta minn ksur”. |
|
3. |
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv […]”. |
|
4. |
L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.” |
|
5. |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li: […]
|
B. Id‑dritt Slovakk
|
6. |
Il-paragrafu 3(1)(a) taż-Zákon č. 514/2003 Z. z. o zodpovednosti za škodu spôsobenú pri výkone verejnej moci (il-Liġi Nru 514/2003 dwar ir-Responsabbiltà għad-Danni Kkawżati fl-Eżerċizzju ta’ Awtorità Pubblika; iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 514/2003”) jipprevedi li l-Istat huwa responsabbli għad-danni kkawżati mill-awtoritajiet pubbliċi bħala riżultat ta’ deċiżjoni illegali. |
|
7. |
Skont il-paragrafu 5(1) tal-Liġi Nru 514/2003, parti fi proċedura li ġarrbet dannu bħala riżultat ta’ deċiżjoni illegali mogħtija f’din il-proċedura, għandha dritt għal kumpens. |
|
8. |
Il-paragrafu 17(1) tal-Liġi Nru 514/2003 jistabbilixxi li l-kumpens għandu jingħata għal dannu reali u għal lucrum cessans, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dispożizzjonijiet speċjali. |
|
9. |
Il-paragrafu 442(1)(c) taż-Zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zakonnik (il-Liġi Nru 40/1964 dwar il-Kodiċi Ċivili; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jipprevedi li, fir-rikorsi għad-danni, kumpens għandu jingħata għal dannu reali u għal lucrum cessans. |
|
10. |
Iż-zákon č. 25/2006 Z. z. o verejnom obstarávaní (il-Liġi Nru 25/2006 dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) ma tidher li fiha ebda dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw ir-rikorsi għad-danni li jirriżultaw mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
III. Il‑kawża prinċipali, it‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
11. |
Fl‑2013, il-Federazzjoni Slovakka tal-Futbol ippubblikat sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għall-kostruzzjoni, għar-ristrutturazzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-istadji tal-futbol. INGSTEEL spol s.r.o. (iktar ’il quddiem “Ingsteel”), impriża attiva fis-settur tal-kostruzzjoni, ipparteċipat f’din il-proċedura ta’ għoti. Il-Federazzjoni Slovakka tal-Futbol eskludiet lil Ingsteel minn din il-proċedura minħabba li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ekonomiċi u finanzjarji tas-sejħa għal offerti. Ingsteel ippreżentat rikors għall-kontestazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li fil-kuntest tiegħu n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
12. |
Fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2017, fil-kawża Ingsteel u Metrostav (C‑76/16, EU:C:2017:549), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi ( 3 ), għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta sejħa għal offerti teżiġi l-provvista ta’ dikjarazzjoni maħruġa minn stabbiliment bankarju li jagħti kreditu lil offerent u meta l-banek ikkuntattjati minn dan l-offerent jirrifjutaw li jipprovdu tali dikjarazzjoni, dan l-offerent jista’ jiġi awtorizzat jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ mezzi xierqa oħra. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ikkonkludiet li d-deċiżjoni li Ingsteel tiġi eskluża kienet illegali u annullatha. Hija mbagħad bagħtet lura l-kawża quddiem l-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi, is-Slovakkja) sabiex tieħu l-miżuri xierqa. |
|
13. |
Peress li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku ġiet konkluża u peress li l-awtorità kontraenti kienet ikkonkludiet ftehim qafas mal-offerent rebbieħ, Ingsteel ippreżentat rikors kontra l-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi) li permezz tiegħu hija talbet, inter alia, id-danni għat-telf ta’ opportunità li tirbaħ l-offerta. Hija sostniet li t-telf ta’ opportunità u l-lucrum cessans huma żewġ kapijiet ta’ talbiet differenti. Jidher li, fid-dritt Slovakk, il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jintwera li d-dannu huwa suffiċjentement prevedibbli huwa iktar baxx għal talbiet għal telf ta’ opportunità milli għal talbiet ta’ lucrum cessans. |
|
14. |
L-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi) tqis li t-talba għad-danni ta’ Ingsteel hija ipotetika. Ma kien hemm ebda garanzija li Ingsteel kienet ser tintgħażel bħala l-offerent rebbieħ jew li, li kieku ntgħażlet, l-awtorità kontraenti kienet tikkonkludi kuntratt magħha. |
|
15. |
L-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja) tistaqsi jekk id-Direttiva 89/665 tobbligahiex tilqa’ talba għad-danni minħabba telf ta’ opportunità minn offerent meta qorti tkun annullat deċiżjoni li teskludih minn proċedura li wasslet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u meta l-awtorità kontraenti tkun ikkonkludiet kuntratt ma’ offerent ieħor. Hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
|
16. |
L-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi), il-Gvern Ċek, Franċiż u Slovakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2023, il-Gvern Ċek u dak Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-argumenti orali u wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Evalwazzjoni
A. Fuq l‑ammissibbiltà
|
17. |
L-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi) tippreżenta żewġ raġunijiet għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli. L-ewwel, peress li Ingsteel ipparteċipat fil-proċedura ta’ għoti flimkien ma’ Metrostav a.s., li ma hijiex parti fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, hija ma għandhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għad-danni. It-tieni, peress li Ingsteel oriġinarjament talbet id-danni għal lucrum cessans, u mhux għal telf ta’ opportunità, hija ma tistax tressaq din it-talba f’dan l-istadju tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
18. |
Il-Gvern Slovakk għandu wkoll dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi sa fejn il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tistax tintlaqa’ t-talba għad-danni ta’ Ingsteel. Kemm l-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi) kif ukoll il-Gvern Slovakk jenfasizzaw li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-fondatezza tat-talba ta’ Ingsteel. |
|
19. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li ser ikollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula minn qorti nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, tkun marbuta tagħti deċiżjoni ( 4 ). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha ( 5 ). |
|
20. |
Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jitolbu interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-kwistjonijiet imqajma mid-deċiżjoni tar-rinviju dwar id-disponibbiltà ta’ rikors għad-danni għal telf ta’ opportunità li jiġi konkluż kuntratt pubbliku ma jidhrux ipotetiċi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, skont id-dritt nazzjonali, Ingsteel għandhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għal telf ta’ opportunità u liema konsegwenzi, jekk ikun il-każ, jistgħu jirriżultaw mill-mod kif hija ressqet it-talba tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-oġġezzjonijiet imqajma kontra l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
B. Fuq il‑mertu
1. L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet
|
21. |
L-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi), il-Gvern Awstrijak, Ċek, Franċiż u Slovakk isostnu li huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-kriterji ta’ evalwazzjoni tad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fi proċedura li twassal għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Dawn il-partijiet jammettu wkoll li tali regoli nazzjonali għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Peress li d-Direttiva 89/665 tipprevedi biss armonizzazzjoni minima, hija ma tinkludi ebda gwida dwar il-kriterji li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jwettqu din id-determinazzjoni. Minn dan isegwi li d-Direttiva 89/665 ma tobbligax lill-Istati Membri jipprovdu kumpens għal telf ta’ opportunità li jinkiseb għoti ta’ kuntratt pubbliku. |
|
22. |
Il-Gvern Ċek jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ dannu fis-sens tad-Direttiva 89/665 ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Franċiż jaqbel ma’ dan is-suġġeriment. Huwa jqis li l-approċċ tiegħu huwa konformi mal-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, li skontha l-liġijiet ta’ kull Stat Membru jiddeterminaw il-portata tal-kumpens u r-regoli dwar l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe telf jew ħsara eventwalment ikkawżati minn tali ksur. |
|
23. |
L-Úrad pre verejné obstarávanie (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi) taqbel ma’ Ingsteel li l-lucrum cessans u t-telf ta’ opportunità huma kunċetti distinti, peress li dan tal-aħħar jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità li jinkiseb kuntratt pubbliku ( 6 ). Hija ssostni li, skont id-dritt Slovakk, offerent illegalment eskluż li jista’ juri li kellu possibbiltà reali u suffiċjentement għolja li jikseb kuntratt pubbliku jista’ jingħata danni għat-telf ta’ din l-opportunità. Għall-kuntrarju, il-Gvern Ċek u dak Slovakk iqisu li t-telf ta’ opportunità jista’ jitqies bħala tip ta’ lucrum cessans. Id-differenza prinċipali bejn iż-żewġ kunċetti tinsab fil-livell ta’ prova meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu u l-kumpens li jista’ jingħata. |
|
24. |
Il-Gvern Awstrijak, Ċek u Slovakk isostnu li, għalkemm tista’ tipprovdi xi gwida, il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 89/665. Filwaqt li l-qrati tal-Unjoni, f’ċerti każijiet, taw danni għal telf ta’ opportunità lill-offerenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eskludew illegalment mill-proċeduri tal-għoti, il-qrati tal-Unjoni ċaħdu tali talbiet fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, billi kkunsidraw li, sabiex jinkiseb għoti ta’ danni, kull telf ta’ opportunità għandu jkun reali u mhux ipotetiku. |
|
25. |
Il-Kummissjoni tirrileva li għalkemm l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprevedu l-għoti ta’ danni lill-persuni leżi minn ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huwa ma jinkludix kundizzjonijiet iddettaljati dwar il-mod kif dan ir-rekwiżit għandu jiġi ssodisfatt. Peress li d-Direttiva 89/665 tipprevedi armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħtu livell ta’ protezzjoni ogħla lill-persuni leżi minn ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Huwa kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi regoli ddettaljati li jirregolaw rikorsi intiżi li jħarsu d-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli jkunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Peress li d-Direttiva 89/665 hija intiża li tiżgura l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji li fuqhom huma bbażati r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, fl-aħħar mill-aħħar, is-suq intern, il-prinċipju ta’ effettività huwa l-qofol tas-soluzzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
26. |
Skont il-Kummissjoni, peress li l-awtorità kontraenti kkonkludiet kuntratt qafas ma’ offerent ieħor, ma huwiex iktar possibbli, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-illegalità li affettwat il-proċedura ta’ għoti tiġi kkorreġuta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ danni jikkostitwixxi l-uniku rimedju effettiv disponibbli għal offerent li jkun sofra telf bħala konsegwenza ta’ din l-illegalità. Il-liġijiet nazzjonali li ma jipprevedux il-possibbiltà li jintalbu d-danni għal telf ta’ opportunità li jinkiseb kuntratt ikkawżat minn din l-illegalità jċaħħdu lil Ingsteel minn aċċess għal rimedju effettiv, li jmur kontra d-Direttiva 89/665. |
2. Analiżi
|
27. |
Il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li d-domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw risposta unika. Peress li hemm mertu f’dan is-suġġeriment, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi tal-qorti tar-rinviju bħala li jistaqsu jekk huwiex kuntrarju għall-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 li qorti nazzjonali tadotta prattika fejn offerent li ġie illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku rregolata minn din id-direttiva jiġi prekluż milli jitlob id-danni għal telf ta’ opportunità li jikseb dan il-kuntratt. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex taqra l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 flimkien mal-Artikolu 2(6) u (7) tagħha, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax x’impatt, jekk xejn, għandhom dawn id-dispożizzjonijiet fuq is-soluzzjoni tad-domandi magħmula. Id-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma tindika jekk ir-Repubblika Slovakka eżerċitatx l-għażla, mogħtija fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, li skontha qorti għandha tannulla deċiżjoni allegatament illegali qabel ma jkun jista’ jiġi mfittex għoti ta’ danni ( 7 ). L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665, li jipprevedi li d-dritt nazzjonali jiddetermina l-effetti, fuq kuntratt konkluż wara l-għoti tiegħu, tal-eżerċizzju tas-setgħat li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(1) tagħha, jidher li huwa ta’ rilevanza sekondarja ( 8 ). Ebda parti li għamlet osservazzjonijiet bil-miktub jew orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferiet għall-Artikolu 2(6) jew (7) tad-Direttiva 89/665 jew għamlet xi argument b’riferiment għal dan. Għalhekk jiena tal-fehma li d-domanda fformulata mill-ġdid ma titlef xejn mir-rilevanza tagħha minħabba l-ommissjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
28. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni normalment teżiġi li, ħlief fil-każ fejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiddeskrivi kunċett ġuridiku b’riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi. Din l-interpretazzjoni għandha tinkiseb fid-dawl tat-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni, tal-kuntest tagħha u tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 9 ). |
|
29. |
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan l-approċċ ma japplikax fil-każijiet kollha. Diversi Stati Membri jsostnu, hawnhekk, li l-kunċett ta’ dannu fis-sens tad-Direttiva 89/665 ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Jiena naqbel ma’ din it-teżi għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
30. |
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 jagħmilha ċara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jinkludu s-setgħa li jingħataw danni lill-persuni leżi minn ksur. Huwa la jiddeskrivi fiex jikkonsistu dawn id-danni u lanqas ma jipprovdi xi gwida dwar il-mod kif dawn jistgħu jiġu evalwati ( 10 ). Dan lanqas ma jipprevedi l-kundizzjonijiet li skonthom awtorità kontraenti tista’ tkun responsabbli għall-ħlas tad-danni u lanqas ma jindika l-mod kif dan l-għoti jista’ jiġi kkalkolat ( 11 ). |
|
31. |
Il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 jinkludi l-preambolu tiegħu, li jgħid li huma l-Istati Membri li għandhom jirrettifikaw kwalunkwe assenza jew insuffiċjenza tar-rimedji disponibbli fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1(1) tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jkunu suġġetti għal reviżjoni effettiva. L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni skont regoli ddettaljati li dawn l-Istati jistgħu jistabbilixxu. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li d-Direttiva 89/665 tistabbilixxi sistema ta’ armonizzazzjoni minima li permezz tagħha l-Istati Membri huma responsabbli għall-forma u n-natura tar-rimedji li għandhom ikunu disponibbli fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 12 ). Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu li l-ġurisprudenza ssostni din il-konklużjoni ( 13 ). Id-Direttiva 89/665 għalhekk tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu ċerti rimedji, li għandhom ikunu effettivi, iżda ma għandhiex l-għan li tiddefinixxi liema huma dawn ir-rimedji ( 14 ). |
|
32. |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, moqri flimkien mal-preambolu tagħha, jindika li din id-direttiva hija intiża li tiżgura d-disponibbiltà ta’ proċeduri effettivi għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Persuni affettwati minn ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-direttivi tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji effettivi taħt id-dritt nazzjonali sabiex il-ftuħ għall-kompetizzjoni fl-Unjoni kollha tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jingħata effett tanġibbli. |
|
33. |
Minn dan isegwi li l-għoti tad-danni fis-sens tad-Direttiva 89/665 ma huwiex intiż bħala kunċett awtonomu u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost bħala kunċett iddefinit mid-dritt tal-Istati Membri. Id-Direttiva 89/665 tenfasizza r-riżultat li dan il-proċess għandu jikseb, u mhux il-kontenut tar-regoli li għandhom jiġu adottati għal dan l-għan, li inevitabbilment ikunu differenti skont l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, nosserva li l-leġiżlatur tal-Unjoni astjena milli jemenda l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665 ( 15 ). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza lanqas ma fittxet li tistabbilixxi xi kriterji ddettaljati sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu u l-evalwazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
34. |
Fl-assenza ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal dan il-għan, huwa għalhekk l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandu jiġi evalwat dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 16 ). Kif enfasizzaw, fil-fehma tiegħi, korrettament, diversi partijiet f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 17 ). Huwa stabbilit sew li regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw rikorsi intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi simili ta’ natura domestika (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) ( 18 ). |
|
35. |
Żewġ kunsiderazzjonijiet ulterjuri jsostnu l-konklużjoni li l-evalwazzjoni tal-għoti ta’ danni skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 għandha tiġi indirizzata fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. L-ewwel, din l-awtonomija hija espressjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, li skontu, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk, u sa fejn, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu b’mod suffiċjenti l-għanijiet tal-azzjoni proposta. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jirrikonoxxi impliċitament ir-rilevanza ta’ dan il-prinċipju. It-tieni, it-tradizzjonijiet, il-proċeduri u r-rimedji legali jistgħu jvarjaw, u tabilħaqq ivarjaw, b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Fl-istadju attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huwa diffiċli li tiġi prevista sistema omoġenja ta’ rimedji li tiffunzjona b’mod daqstant effettiv fl-Istati Membri kollha fil-qasam tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 19 ). Għalhekk, ma huwiex sorprendenti għalija li, kif jirrileva l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni, sal-lum, ma ppruvax ifassal tali sistema. |
|
36. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, il-Kummissjoni għamlet riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-EFTA Fosen-Linjen I ( 20 ) u Fosen-Linjen II ( 21 ), li eżaminaw in-natura tal-għoti ta’ danni skont id-Direttiva 89/665 fil-kuntest ta’ talba għal lucrum cessans. Il-Qorti tal-EFTA ddeċidiet li għalkemm il-proċeduri ta’ reviżjoni meħtieġa mid-Direttiva 89/665 għandhom ikunu kemm jista’ jkun uniformi għall-impriżi kollha tas-suq intern, dawn la għandhom ikunu omoġenji u lanqas identiċi, peress li d-Direttiva 89/665 tipprevedi armonizzazzjoni minima ( 22 ). Hija osservat li l-għoti ta’ danni għandu għan maqsum fi tlieta: (i) li jikkumpensa t-telf imġarrab; (ii) li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja fl-effettività tal-qafas legali applikabbli; u (iii) li jiskoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jaġixxu illegalment, u b’hekk itejjeb il-konformità ( 23 ). Peress li d-Direttiva 89/665 ma tistabbilixxix kundizzjonijiet għall-għoti tad-danni, huwa, bħala prinċipju, l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat taż-ŻEE li għandu jiddetermina l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat id-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 24 ). F’dan il-kuntest, l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat taż-ŻEE għandu jistabbilixxi regoli, inklużi dawk li jirregolaw ir-rabta kawżali u l-oneru tal-prova ( 25 ). Dawn ir-regoli nazzjonali għandhom dejjem josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 26 ). Filwaqt li huwa preferibbli li l-ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jiġi kkorreġut qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku, f’ċerti każijiet, l-għoti tad-danni jikkostitwixxi l-uniku rimedju għal tali ksur ( 27 ). Għal dawn ir-raġunijiet, għalkemm id-Direttiva 89/665 ma ssemmix kapijiet speċifiċi ta’ danni, il-Qorti tal-EFTA interpretatha bħala li timponi fuq l-Istati taż-ŻEE l-obbligu li jippermettu li l-persuni li sofrew ħsara minn ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti li jiksbu danni għal-lucrum cessans ( 28 ). Dawn is-sentenzi jindikaw li l-prinċipju ta’ effettività jista’ jopera b’tali mod li jipprekludi li d-dritt ta’ Stat Membru jeskludi t-talbiet fuq il-bażi ta’ ċerti kapijiet ta’ dannu in limine. |
|
37. |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 jesprimi l-prinċipju tar-responsabbiltà għat-telf u d-dannu kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru, li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 29 ), għandha tiġi eżaminata wkoll, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
|
38. |
Sa mis-sentenza seminali Francovich, huwa stabbilit sewwa li individwi leżi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn Stat Membru jew minn waħda mill-emanazzjonijiet tiegħu għandhom dritt għal kumpens sakemm jissodisfaw tliet kundizzjonijiet: (i) ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li ġiet miksura hija intiża li tagħti drittijiet lil dawn il-persuni; (ii) il-ksur ta’ din ir-regola huwa serju biżżejjed; u (iii) hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur u l-allegat telf jew dannu ( 30 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm id-dritt għal kumpens tal-individwi huwa direttament ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, huwa b’riferiment għal regoli tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li Stat Membru jikkumpensa l-konsegwenzi ta’ kwalunkwe telf u dannu kkawżati minħabba l-ksur tiegħu ( 31 ). Huma l-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali għall-kumpens għat-telf u d-dannu, dejjem bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ( 32 ). |
|
39. |
Fis-sentenza Brasserie du pêcheur, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat iktar il-kriterji li jirregolaw il-kumpens ( 33 ). Hija kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix kriterji speċifiċi fir-rigward tad-diversi kapijiet ta’ danni identifikati mill-qrati tar-rinviju ( 34 ), li jaqgħu taħt id-dritt domestiku bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 35 ). Hija żiedet li d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix l-esklużjoni totali tal-lucrum cessans bħala kap ta’ dannu, peress li tali esklużjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività ( 36 ). F’kawża oħra li tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-Avukat Ġenerali Léger issuġġerixxa li d-dannu li jista’ jiġi kkumpensat jista’ jikkonsisti mhux biss f’lucrum cessans, iżda wkoll f’telf ta’ opportunità, sakemm dan tal-aħħar ikun konsegwenza suffiċjentement ċerta tal-allegat ksur ( 37 ). Fil-qasam tad-dritt industrijali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dritt li jintalbu danni għal telf ta’ opportunità jista’ jkun xieraq sabiex jiġu mxejna l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u jkun konformi mal-prinċipju ta’ effettività ( 38 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li l-portata tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma hijiex bla limiti peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi obbligi speċifiċi sabiex tiżgura li l-individwi leżi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jiksbu standard minimu ta’ protezzjoni. |
|
40. |
Il-Gvern Awstrijak, Ċek u Slovakk isostnu li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar telf ta’ opportunità minħabba l-illegalitajiet fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma hijiex awtomatikament applikabbli għaċ-ċirkustanzi li fihom oriġina dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Jiena naqbel ma’ din l-argument. Tkun xi tkun ir-raġuni, ir-regoli li jirregolaw ir-reviżjoni ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u dawk li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet kontraenti huma differenti ( 39 ). Għalkemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li offerent li ġie illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku minn istituzzjoni tal-Unjoni jista’ jitlob danni għat-telf ta’ opportunità ( 40 ), din il-ġurisprudenza tikkonċerna r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u mhux dik tal-Istati Membri tagħha ( 41 ). Wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-rwol tal-qrati tal-Unjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa simili għar-rwol li l-qrati tal-Istati Membri għandhom meta japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali rispettivi tagħhom. Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li d-dritt tal-Unjoni jintuża biex jirregola l-aspetti kollha tad-dritt li jirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-kwistjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tista’ tiġi stabbilita. Il-ġurisprudenza dwar id-danni għal ksur mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tad-dritt li jirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha t-tendenza li turi li l-lucrum cessans u t-telf ta’ opportunità huma kunċetti differenti. Filwaqt li l-lucrum cessans huwa evalwat b’riferiment għall-kumpens għat-telf ta’ kuntratt, it-telf ta’ opportunità jikkonsisti f’kumpens għat-telf ta’ opportunità li jiġi konkluż kuntratt ( 42 ). Il-kunċett ta’ telf ta’ opportunità jidher li huwa rrikonoxxut ukoll f’rikorsi għal danni fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni u tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 43 ). |
|
41. |
Kemm mill-kliem li bihom huwa espress l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665, kif ukoll mill-għanijiet segwiti minn din id-direttiva, ikkunsidrati fil-kuntest tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, wieħed jista’ jikkonkludi li huwa d-dritt tal-Istati Membri li għandu jiddefinixxi l-kapijiet ta’ danni li permezz tagħhom offerent illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jista’ jitlob kumpens, sakemm dawn ir-regoli nazzjonali josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
42. |
Ma hemm l-ebda indikazzjoni mill-materjal li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawża ineżami tinvolvi xi ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-għoti ta’ danni minħabba telf ta’ opportunità hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, kif iddefinit fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan il-kuntest, la l-effettività tad-Direttiva 89/665 u lanqas id-drittijiet li hija tagħti lill-individwi ma jistgħu jiġu ppreġudikati ( 44 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regoli nazzjonali li jissuġġettaw l-għoti ta’ danni għal prova ta’ ħtija jew frodi tal-awtoritajiet kontraenti jiksru d-Direttiva 89/665, peress li tali regoli jippreġudikaw l-effettività sħiħa tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 45 ). |
|
43. |
Meta offerent jikseb deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata li huwa ġie illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, u l-awtorità kontraenti tkun ikkonkludiet dan il-kuntratt ma’ offerent ieħor, l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li jintalbu danni minħabba t-telf ta’ opportunità li jinkiseb dan il-kuntratt jidher li tikser il-prinċipju ta’ effettività. Din is-sitwazzjoni hija inkonsistenti mal-għan tad-Direttiva 89/665, li huwa li tiżgura rimedji ġudizzjarji effettivi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti meħuda bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li persuna leża b’dan il-mod tiġi mċaħħda mir-rimedju supplimentari previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, jiġifieri l-għoti ta’ danni. Huma l-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ titressaq din it-talba, inkluż l-oneru u l-livell tal-prova, ir-rabta kawżali u l-kalkolu tal-ammont ta’ kwalunkwe danni mogħtija ( 46 ). |
|
44. |
Il-paragrafu 442(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li, fir-rikorsi għal danni, kumpens għandu jingħata għal dannu reali u għal lucrum cessans. Id-deċiżjoni tar-rinviju tidher li tissuġġerixxi li l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali ma tipprevedix l-għoti ta’ danni minħabba t-telf ta’ opportunità li jinkiseb kuntratt pubbliku. Il-Gvern Slovakk sostna, waqt is-seduta, li, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, it-telf ta’ opportunità jagħmel parti mill-kunċett ta’ lucrum cessans li jista’ jservi ta’ bażi għall-għoti ta’ danni, sakemm il-persuna leża tkun tista’ turi li hija kellha possibbiltà kbira ħafna li tingħata l-kuntratt pubbliku. |
|
45. |
Peress li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, hija għandha, sa fejn huwa possibbli, tinterpreta r-regoli li jirregolaw it-talbiet għad-danni b’mod li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. Meta tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali għandha, sa fejn ikun possibbli, tinterpretaha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ limiti rrikonoxxuti, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. Meta qorti nazzjonali ma tistax tasal għal tali interpretazzjoni, hija għandha l-obbligu li tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni sabiex tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, jekk neċessarju, billi ma tapplikax xi dispożizzjoni sa fejn din twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, sakemm id-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jkollha effett dirett ( 47 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu li d-dritt domestiku jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jista’ jobbliga lill-qrati nazzjonali jibdlu ġurisprudenza stabbilita meta din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 48 ). |
V. Konklużjoni
|
46. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja) kif ġej: L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, għandu jiġi interpretat fis-sens illi huwa l-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi fuq talba għal danni mressqa minn offerent illegalment eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku rregolata minn din id-direttiva. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-oneru u l-livell tal-prova, ir-rabta kawżali u l-kalkolu tad-daqs ta’ kwalunkwe danni mogħtija. Il-liġijiet tal-Istati Membri għal dan l-għan għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tinvoka prassi li permezz tagħha offerent li jkun ġie illegalment eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jiġi prekluż milli jitlob danni għal telf ta’ opportunità li jikseb dan il-kuntratt. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44, kif emendat bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5) u bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
( 4 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Regione Puglia (C‑110/20, EU:C:2022:5, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 5 ) Ibid., (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill (T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 124); tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI (T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 210), u tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni (T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 187).
( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) annullat id-deċiżjoni li Ingsteel tiġi eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.
( 8 ) Ħlief fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2d, 2e u 2f tad-Direttiva 89/665, li ma għandhom ebda effett fuq il-kawża ineżami: sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 52). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Ingsteel u Metrostav (C‑76/16, EU:C:2017:226, punt 69).
( 9 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Anodiki Services EPE (C‑260/17, EU:C:2018:864, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Combinatie Spijker Infrabouw vs De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:515, punt 106).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 86).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Symvoulio Apochetefseon Lefkosias (C‑570/08, EU:C:2010:621, punt 37); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 73); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Marina del Mediterráneo et (C‑391/15, EU:C:2016:651, punt 38).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2010, Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 33), u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Hochtief (C‑300/17, EU:C:2018:635, punt 35).
( 14 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, HI (C‑92/00, EU:C:2002:379, punt 58). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (105/84, EU:C:1985:331, punt 26), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kunċett li jinsab f’direttiva ta’ armonizzazzjoni parzjali ma setax jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, peress li din id-direttiva ma kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.
( 15 ) Ara d-Direttiva 2007/66/KE u d-Direttiva 2014/23.
( 16 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 90).
( 17 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 34).
( 18 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C‑166/14, EU:C:2015:779, punt 37).
( 19 ) Din iċ-ċirkustanza tista’ parzjalment tispjega għaliex ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p.36; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) ma humiex identiċi għal dawk tad-Direttiva 89/665. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE (T‑553/11, EU:T:2014:275, punt 110), fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 89/665 ma kinitx trasponibbli b’analoġija għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
( 20 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 90).
( 21 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑1 ta’ Awwissu 2019, Fosen-Linjen vs AtB (E‑7/18, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2019).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 67) u tal‑1 ta’ Awwissu 2019, Fosen-Linjen vs AtB (E‑7/18, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2019, punt 109).
( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 76).
( 24 ) Ibid. (Punti 69 u 70).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, ibid. (punti 89 u 108).
( 26 ) Sentenzi tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 70) u tal‑1 ta’ Awwissu 2019, Fosen-Linjen vs AtB (E‑7/18, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2019, punt 114).
( 27 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 73).
( 28 ) Sentenzi tal-Qorti tal-EFTA tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Fosen-Linjen vs AtB (E‑16/16, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2017, punt 90) u tal‑1 ta’ Awwissu 2019, Fosen-Linjen vs AtB (E‑7/18, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2019, punti 115 u 116).
( 29 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et (C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 87).
( 30 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 40; iktar ’il quddiem is-“sentenza Francovich”) u s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51; iktar ’il quddiem is-“sentenza Brasserie du pêcheur”).
( 31 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 42). Ara wkoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 67); tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 58), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 123).
( 32 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 43). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 89), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’GAT (C‑315/01, EU:C:2002:573, punt 64).
( 33 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 81).
( 34 ) Il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment espliċitu għall-ispejjeż, il-lucrum cessans, it-telf ta’ dħul u t-telf minħabba bejgħ b’telf f’dan il-kuntest (ibid., punt 14).
( 35 ) Ibid., punti 83, 84 u 88.
Id-dottrina dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni tidher li tikkunsidra b’mod unanimu li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi dritt għal kumpens, il-kontenut preċiż ta’ kull rimedju ġudizzjarju jaqa’ taħt l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ġie osservat ukoll li, billi ma ppruvatx tiddefinixxi l-kunċett ta’ dannu l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet din il-kwistjoni għad-drittijiet nazzjonali. Ara Van Gerven, W., “Of rights, remedies and procedures”, Common Market Law Review, Vol. 37, Ħarġa 3, 2000, p. 511 u 512. Ara wkoll Christ, H., “Compensation for damage: The non-contractual liability of Member States and EU institutions for breaches of EU law”, f’Colcelli, V. u Arnold, R. (edituri), Europeanization Through Private Law Instruments, Universitätsverlag Regensburg, 2016, p. 213; Biondi, A. u Farley, M., The Right to Damages in European Law, Kluwer Law International; 2009, p. 76 sa 83; Gutman, K., “Liability for breach of EU law by the Union, Member States and individuals: Damages, enforcement and effective judicial protection”, f’Lazowski, A. u Blockmans, S. (edituri), “Research Handbook on EU Institutional Law”, Edward Elgar Law, 2016, p. 460.
Diversi awturi li ttrattaw is-suġġett tad-danni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jikkunsidraw, bl-istess mod, li d-definizzjoni tad-dannu l-aħjar titħalla għad-drittijiet tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Ara Treumer, S., “Basis and conditions for a damages claim for breach of the EU public procurement rules”, f’Fairgrieve, D. u Lichère, F., Public Procurement Law: Damages as an Effective Remedy, Hart, 2011, p. 150. Ara wkoll Caranta, R., “Damages for breaches of EU public procurement law: Issues of causation and recoverable losses”, f’Fairgrieve, D. u Lichère, F., Public Procurement Law: Damages as an Effective Remedy, Hart, 2011, p. 167 sa 184; Schebesta, H., Damages in EU Public Procurement Law, Springer International Publishing Switzerland, 2016, p. 52 sa 60.
( 36 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 87). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 89). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 95 u 96).
Skont ċerti awturi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istati Membri tirrifletti l-bilanċ delikat (u t-tensjoni) bejn l-unità u d-diversità, permezz tal-interazzjoni bejn l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ara Gutman, K., “Liability for breach of EU law by the Union, Member States and individuals: Damages, enforcement and effective judicial protection”, f’Lazowski, A. u Blockmans, S., (edituri), Research handbook on EU institutional law, Edward Elgar Law, 2016, p. 465.
( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1995:193, punt 183).
( 38 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 50).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill (T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43); tat‑3 ta’ Marzu 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑589/08, EU:T:2011:73, punti 22 u 23), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Frontex (T‑476/07, EU:T:2012:366, punti 39 sa 41).
( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il‑BIE(T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 66), tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni (T‑292/15, EU:T:2018:103, punti 186 sa 193), tal‑14 ta’ Diċembru 2018, East West Consulting vs Il‑Kummissjoni (IT‑298/16, EU:T:2018:967, punt 176), u tat‑12 ta’ Frar 2019, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni (T‑292/15, EU:T:2019:84, punt 53).
( 41 ) Ir-regolament Finanzjarju jirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa ma japplikax għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri, li huma essenzjalment irregolati mid-Direttiva 2004/18.
( 42 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni (T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 188).
( 43 ) Fil-kuntest tal-kawżi tal-persunal, ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot (C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 55), u tas‑27 ta’ Ottubru 1994, C vs Il‑Kummissjoni (T‑47/93, EU:T:1994:262, punti 54 u 55). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Giordano vs Il‑Kummissjoni (C‑611/12 P, EU:C:2014:195), li jispjegaw li l-kunċett ta’ telf ta’ opportunità fid-dritt tad-danni huwa marbut mal-ħolqien ta’ “teorija tar-riskju”, li tippermetti li jiġi kkwantifikat il-grad ta’ probabbiltà ta’ avvenimenti futuri. Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ġenerali tal-Unjoni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni (T‑271/04, EU:T:2007:128, punti 180 sa 182).
( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Hochtief (C‑300/17, EU:C:2018:635, punt 38).
( 45 ) Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 42).
( 46 ) Skont Schebestra, it-teorija tat-telf ta’ opportunità tista’ tipprovdi soluzzjoni għall-problema rikorrenti tan-natura ipotetika tat-telf tal-offerent li ma ntgħażilx. Schebesta, H., Damages in EU Public Procurement Law, Springer International Publishing Switzerland, 2016, p. 205.
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex (C‑327/00, EU:C:2003:109, punti 62 sa 64), u tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl (C‑241/06, EU:C:2007:597, punti 62 u 63). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 55, 61 u 62).
( 48 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 78).