KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 ( 1 )
Kawża C‑518/22
J.M.P.
vs
AP Assistenzprofis GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li jkun fiha indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna li għandha tiġi rreklutata – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-bżonnijiet tal-persuna b’diżabbiltà”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5), tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ), moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) kif ukoll tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 ( 4 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.M.P. u AP Assistenzprofis GmbH, fornitriċi ta’ servizzi ta’ assistenza u ta’ pariri għall-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens li ntalab minn J.M.P. minħabba allegata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li seħħet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ta’ assistent personali. Fil-fatt, J.M.P. issostni li l-kandidatura tagħha ma ġietx aċċettata minħabba li hija kienet tinsab barra mill-medda ta’ età mitluba fl-offerta ta’ impjieg, jiġifieri l-medda ta’ età bejn 18 u 30 sena. |
|
3. |
Għaldaqstant, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġustifikazzjoni eventwali għad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, billi titlobha tinterpreta b’mod iktar partikolari l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u/jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta kif ukoll tal-Konvenzjoni tan-NU. |
|
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi d-dispożizzjoni rilevanti u li din, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Karta u tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li x-xewqat tal-persuni b’diżabbiltà fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-assistenza personali li huma jibbenefikaw minnha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija u l-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dawn il-persuni, ir-reklutaġġ ta’ assistent personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, inkwantu tali miżura hija meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
|
5. |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU, intitolat “Għan”, jipprovdi li: “L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi li: “Il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu:
[…]” |
|
7. |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni” huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi. […] 4. Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.” |
|
8. |
L-Artikolu 12 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Għarfien ugwali quddiem il-liġi” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu kapaċità legali fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fl-aspetti kollha tal-ħajja.” |
|
9. |
Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, intitolat “Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità”: “L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ugwali tal-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità, b’għażliet ugwali bħal ħaddieħor, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:
|
B. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
10. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop” jipprovdi li: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
11. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…] 5. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” |
|
12. |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.” |
|
13. |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, huwa fformulat kif ġej: “Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.” |
|
14. |
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[…]” |
|
15. |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi”, jipprovdi li: “1. Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1. 2. Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.” |
C. Id‑dritt Ġermaniż
1. Il‑GG
|
16. |
L-Artikolu 1 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) ( 5 ), tat‑23 ta’ Mejju 1949, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi li: “1. Id-dinjità tal-bniedem hija intanġibbli. L-awtoritajiet pubbliċi kollha għandhom l-obbligu li josservawha u jipproteġuha. 2. Konsegwentement, il-poplu Ġermaniż jirrikonoxxi lill-bniedem drittijiet invjolabbli u inaljenabbli bħala l-bażi ta’ kull komunità umana, tal-paċi u tal-ġustizzja fid-dinja. […]” |
|
17. |
L-Artikolu 2(1) tal-GG jipprovdi li: “Kulħadd għandu dritt għall-iżvilupp liberu tal-personalità tiegħu, sakemm ma jiksirx id-drittijiet ta’ ħaddieħor, l-ordni kostituzzjonali jew il-liġi morali.” |
2. L-AGG
|
18. |
L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament) ( 6 ), tal‑14 ta’ Awwissu 2006, hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż. |
|
19. |
L-Artikolu 1 tal-AGG, li jistabbilixxi l-għan ta’ din il-liġi, jipprovdi li: “Din il-liġi għandha bħala għan li tipprekludi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.” |
|
20. |
L-Artikolu 3(1) tal-AGG jipprovdi li: “Isseħħ diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra hija ttrattata, ġiet ittrattata jew tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 […]” |
|
21. |
L-Artikolu 5 tal-AGG jipprovdi li: “Minkejja l-motivi msemmija fl-Artikoli 8 sa 10 […], għandha tkun permessa wkoll differenza fit-trattament meta jkun hemm miżuri adegwati u xierqa intiżi li jipprekludu jew li jikkumpensaw żvantaġġi eżistenti minħabba xi motiv imsemmi fl-Artikolu 1.” |
|
22. |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-AGG: “Il-ħaddiema impjegati ma għandhom isofru ebda diskriminazzjoni għal xi wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 […]” |
|
23. |
L-Artikolu 8(1) tal-AGG huwa fformulat skont kif ġej: “Differenza fit-trattament ibbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun permessa meta, minħabba n-natura tal-attività li għandha tiġi eżerċitata jew il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività, dan il-motiv jikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat”. |
|
24. |
L-Artikolu 10 tal-AGG jipprovdi li: “Minkejja l-Artikolu 8, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età għandha tkun permessa wkoll meta din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu. Il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji. Dawn id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu b’mod partikolari:
[…]” |
|
25. |
L-Artikolu 15(1) u (2) tal-AGG jipprovdi li: “1. Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega hija obbligata tikkumpensa d-dannu li jirriżulta minnu [...…] 2. Għal dannu li ma huwiex dannu patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq […]” |
3. Is-Sozialgesetzbuch
|
26. |
L-Artikolu 33 tas-Sozialgesetzbuch, Erstes Buch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb I) ( 7 ), tal‑11 ta’ Diċembru 1975, huwa fformulat kif ġej: “Jekk il-kontenut tad-drittijiet jew obbligi ma jkunx iddeterminat b’mod iddettaljat fir-rigward tan-natura jew tal-portata tagħhom, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-ifformular tagħhom, is-sitwazzjoni personali tal-persuna detentriċi tad-dritt jew tal-persuna suġġetta għal obbligi, tal-bżonnijiet tagħha u tal-kapaċità kontributtiva tagħha kif ukoll tal-kundizzjonijiet lokali, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet tad-dritt li jipprekludu dan. F’dan ir-rigward, ix-xewqat tal-persuna detentriċi tad-dritt jew tal-persuna suġġetta għal obbligi għandhom ikunu rrispettati sa fejn dawn ikunu raġonevoli.” |
|
27. |
L-Artikolu 8(1) tas-Sozialgesetzbuch, Neuntes Buch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb IX) ( 8 ), tat‑23 ta’ Diċembru 2016, jipprovdi li: “Waqt it-teħid ta’ deċiżjoni li tikkonċerna s-servizzi u waqt l-eżekuzzjoni tas-servizzi intiżi li jippromwovu l-parteċipazzjoni fis-soċjetà, għandhom ikunu rrispettati ix-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi tal-benefiċjarji tas-servizzi; l-Artikolu 33 tas-[SGB I] għandu japplika għall-bqija […]” |
|
28. |
L-Artikolu 78(1) tas-SGB IX huwa fformulat kif ġej: “Għandhom jiġu pprovduti servizzi ta’ assistenza sabiex tkun permessa ġestjoni awtonoma u indipendenti tal-ħajja ta’ kuljum, inkluż l-ippjanar tal-ġurnata. Dawn għandhom jinkludu b’mod partikolari servizzi għall-kompiti ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum bħalma huwa l-immaniġġar tal-familja, l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali, l-ippjanar tal-ħajja personali, il-parteċipazzjoni fil-ħajja komunitarja u kulturali, l-organizzazzjoni tad-divertiment, inkluż l-attivitajiet sportivi kif ukoll il-garanzija tal-effikaċità tas-servizzi mediċi u preskritti minn tabib. Dawn għandhom jinvolvu interazzjonijiet mal-persuni involuti f’dawn l-oqsma.” |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
29. |
AP Assistenzprofis, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija kumpannija li tipprovdi lill-persuni b’diżabbiltà, skont l-Artikolu 78(1) tas-SGB IX, servizzi ta’ assistenza u ta’ pariri intiżi li jiżguraw lil dawn il-persuni l-ġestjoni awtonoma tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom. |
|
30. |
Matul ix-xahar ta’ Lulju 2018, din il-kumpannija ppubblikat offerta ta’ impjieg li tindika li A, studenta ta’ 28 sena, kienet qiegħda tfittex assistenti personali tas-sess femminili sabiex jgħinuha fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum u li kellhom “ikollhom preferibbilment bejn 18 u 30 sena”. |
|
31. |
J.M.P., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fis-sena 1968, applikat għal din l-offerta ta’ impjieg u rċeviet risposta fin-negattiv min-naħa tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. |
|
32. |
Wara li ma rnexxilhiex tinvoka d-drittijiet tagħha b’mod ekstraġudizzjarju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem l-Arbeitsgericht Köln (it-Tribunal Industrijali ta’ Köln, il-Ġermanja) għall-finijiet li tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG. |
|
33. |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, minn naħa, li, inkwantu l-offerta ta’ impjieg kienet indirizzata espressament għall-persuni b’età ta’ “bejn 18 u 30 sena”, din tiġġustifika l-preżunzjoni li hija ma ġietx aċċettata fil-proċedura ta’ reklutaġġ minħabba l-età tagħha, ħaġa li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kkonfutatx. Min-naħa l-oħra, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li rriżultat minn dan ma hija ġġustifikata fid-dawl ta’ ebda aspett għal dak li jikkonċerna s-servizz ta’ assistenza. Għaldaqstant, din id-differenza fit-trattament ma hijiex permessa la skont l-Artikolu 8(1) tal-AGG u lanqas b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-AGG, inkwantu, b’mod partikolari, età partikolari ma hijiex rilevanti għar-relazzjoni ta’ fiduċja fil-kuntest ta’ tali servizz ta’ assistenza. Għall-kuntrarju, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-assistenza personali pprovduta minn persuna ta’ età iktar avvanzata minn dik mitluba fl-offerta ta’ impjieg tista’ tippreżenta xi vantaġġi kunsiderevoli għall-persuna b’diżabbiltà, peress li l-persuna li tassisti jkollha esperjenza ikbar tal-ħajja. |
|
34. |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali talbet li r-rikors jiġi miċħud billi sostniet li d-differenza eventwali fit-trattament bbażata fuq l-età kienet iġġustifikata skont l-Artikolu 8(1) jew l-Artikolu 10 tal-AGG. Hija indikat, f’dan ir-rigward, li l-assistenza mitluba tikkonsisti f’akkumpanjament ta’ kuljum personali ħafna, li jinvolvi l-aspetti kollha tal-ħajja u li jimplika dipendenza permanenti u totali tal-persuna assistita fuq il-persuna li tassisti. Ir-rekwiżit li l-persuna li tassisti jkollha ċerta età hija kundizzjoni sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet personali ħafna tal-benefiċjarja tal-assistenza, A., sabiex din tkun tista’ tipparteċipa b’mod xieraq fil-ħajja soċjali bħala studenta f’università. |
|
35. |
Kif jipprovdi l-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, jeħtieġ, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat leġittimi u l-bżonnijiet suġġettivi ta’ kull persuna li tibbenefika minn assistenza. F’dan il-kuntest, ix-xewqa leġittima li l-persuna li tipprovdi din l-assistenza jkollha ċerta età kellha titqies bħala “rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-AGG, ħaġa li tippermetti li jintlaħaq l-għan tas-servizzi ta’ assistenza, kif imsemmi fl-Artikolu 78(1) tas-SGB IX. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkunsidra li tali rekwiżit huwa proporzjonat. Barra minn hekk, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hija, fil-fehma tagħha, permessa wkoll taħt l-Artikolu 10 tal-AGG, peress li din id-differenza hija oġġettiva u raġonevoli, hija ġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan tal-assistenza personali, imsemmi fl-Artikolu 78 tas-SGB IX, huma xierqa u neċessarji. |
|
36. |
Peress li l-Arbeitsgericht Köln (it-Tribunal Industrijali ta’ Köln) laqa’ r-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-appell ippreżentat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni ġie milqugħ mil-Landesarbeitsgericht Köln (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza ta’ dik il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
37. |
Preliminarjament, dik il-qorti tikkonstata, minn naħa, li sitwazzjoni bħalma hija din inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, inkwantu tikkonċerna l-kriterji ta’ għażla li jirrigwardaw l-aċċess għall-impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, hija tqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara r-risposta fin-negattiv tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, sofriet diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva. |
|
38. |
Affaċċjata b’sitwazzjoni fejn kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-persuna b’diżabbiltà kkonċernata jistgħu jitolbu protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha hija intiża sabiex tkun taf kif, fil-każ partikolari tal-assistenza personali, id-drittijiet ta’ kull waħda minn dawn il-persuni għandhom ikunu rrikonċiljati. |
|
39. |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tippreċiża li l-assistenza personali tikkonċerna l-oqsma kollha tal-ħajja u tippenetra fl-isfera privata u intima tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza. Skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-imsemmija assistenza tista’ tissodisfa bżonnijiet differenti. F’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, wieħed mill-bżonnijiet espressi minn A. huwa l-assistenza fl-Università, li tista’ tikkonsisti fl-irrekordjar u l-ipproċessar tal-kontenut tal-istudji u tinkludi b’mod partikolari t-tħejjija ta’ fajls. Waqt kull laqgħa ma’ studenti oħra, assistenza personali tkun neċessarjament meħtieġa, fejn din għaldaqstant tagħmel parti integrali mill-ħajja universitarja tal-persuna b’diżabbiltà kkonċernata. |
|
40. |
Mill-aspett ġenerali, il-qorti tar-rinviju tindika li l-assistenza personali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, li huwa intiż li jirrendi lill-persuni b’diżabbiltà kapaċi li jorganizzaw il-ħajja tagħhom b’mod awtonomu. Dan jimplika b’mod partikolari li dawn il-persuni jingħataw il-kompetenza li jagħżlu b’mod awtonomu l-persunal li jipprovdi din l-assistenza, il-kompetenza li jagħtu struzzjonijiet lil dan il-persunal kif ukoll il-kompetenza li jiddeterminaw il-modalitajiet u l-portata tal-provvista ta’ servizzi. |
|
41. |
Għaldaqstant, fid-dritt Ġermaniż, jeħtieġ li, waqt it-teħid ta’ deċiżjoni li tkun tikkonċerna s-servizzi u waqt l-eżekuzzjoni tagħhom, jiġu ssodisfatti, skont l-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-SGB I, ix-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji tas-servizzi, inkwantu dawn ikunu raġonevoli u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi ta’ dawn il-benefiċjarji. |
|
42. |
Fi ftit kliem, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera tal-benefiċjarji ta’ servizzi huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jorganizzaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom bl-iktar mod awtonomu u l-iktar indipendenti possibbli u li jsaħħaħ l-awtonomija personali tal-persuni kkonċernati kif ukoll il-motivazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza ma’ ħaddieħor u b’osservanza tad-dinjità tagħhom. Dik il-qorti tiċċita, f’dan ir-rigward, diversi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU, fosthom l-Artikoli 1, 3, 5, 12 u 19 tagħha, kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-Karta, fosthom l-Artikoli 1, 7 u 26 tagħha. |
|
43. |
L-imsemmija qorti ssostni li, f’każ ta’ servizzi ta’ assistenza personali, jeħtieġ li jiġu rrispettati x-xewqat espressi mill-persuni b’diżabbiltà għall-organizzazzjoni tal-ħajja tagħhom stess. B’mod partikolari, dawn il-persuni, l-istess bħall-persuni li ma għandhomx diżabbiltà, għandhom ikollhom l-għażla tal-persuna li magħha huma jkunu jixtiequ jaqsmu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi deċiż jekk huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 l-fatt li persuni b’diżabbiltà, waqt il-proċedura għall-mili ta’ pożizzjoni ta’ assistenza personali, jispeċifikaw il-preferenza marbuta mal-età bħala kriterju ta’ għażla, anki jekk, skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età hija pprojbita. |
|
44. |
Taħt din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar liema dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament marbuta mal-età li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
45. |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, dik il-qorti tistaqsi jekk ix-xewqa espressa minn persuna b’diżabbiltà, fil-kuntest tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tagħha, fir-rigward tal-età tal-persuna li tipprovdi l-assistenza personali, tikkostitwixxix karatteristika li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni u jekk preferenza ta’ età tistax tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tesprimi d-dubji tagħha f’dan ir-rigward, peress li x-xewqa konkreta inkwistjoni ma hijiex ġeneralizzabbli u, bħala tali, ma hijiex oġġettivament iddeterminata min-natura tal-attività professjonali inkwistjoni jew mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha. Għaldaqstant, ikun possibbli li persuna żagħżugħa oħra b’diżabbiltà tippreferi tagħżel persuna li għandha l-età tal-ġenituri tagħha. Dan jixhed kif ix-xewqa espressa minn kull persuna b’diżabbiltà hija bbażata fuq prijoritajiet suġġettivi għall-organizzazzjoni proprja u awtonomu ta’ ħajjitha. |
|
46. |
Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, il-qorti tar-rinviju tindika li ma hijiex ċerta li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont dik il-qorti, huwa konċepibbli li jista’ jikkostitwixxi “għan leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan li jikkonsisti f’li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà sabiex jorganizzaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom bl-iktar mod awtonomi u l-iktar indipendenti possibbli u li tissaħħaħ l-awtonomija personali ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-motivazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà. |
|
47. |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 jirrigwarda l-ugwaljanza fil-ħajja professjonali, ħaġa li, f’każ bħalma huwa dan tal-kawża prinċipali, ma hijiex l-għan tal-assistenza personali inkwistjoni. Dik il-qorti tistaqsi madankollu fuq ir-rilevanza ta’ dan l-artikolu sabiex tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 5(1) u (4) tal-Konvenzjoni tan-NU. |
|
48. |
Fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, li jipprevedi li din id-direttiva ma tippreġudikax dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, jistax jiġġustifika, f’każ bħalma huwa dan tal-kawża prinċipali, diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Filwaqt li tfakkar l-għan tas-servizzi ta’ assistenza individwali u peress li persuna li ma jkollhiex diżabbiltà tal-età ta’ A., jiġifieri 28 sena, tkun libera li tiddeċiedi b’mod awtonomu li taqsam il-ħajja ta’ kuljum tagħha ma’ persuni tal-età li hija tkun tixtieq, dik il-qorti tikkunsidra li hemm diversi elementi li jimmilitaw fis-sens li għandu jkun iggarantit dritt għal għażla libera lill-persuni b’diżabbiltà anki f’dak li jikkonċerna l-assistenza personali. |
|
49. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7 u/jew l-Artikolu 2(5) tad-[Direttiva 2000/78], moqrija fid-dawl tar-rekwiżiti tal-[Karta] kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-[Konvenzjoni tan-NU], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età tista’ tiġi ġġustifikata?” |
|
50. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Grieg, Pollakk u Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
|
51. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-rispett tax-xewqat individwali tal-persuni intitolati għas-servizzi ta’ assistenza personali minħabba d-diżabbiltà tagħhom jistax jiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età skont id-Direttiva 2000/78. Taħt din il-perspettiva, dik il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’mod iktar partikolari l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u/jew l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta kif ukoll tal-Konvenzjoni tan-NU ( 9 ). |
|
52. |
B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, minn naħa, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, inkwantu proċedura ta’ reklutaġġ ta’ assistenta personali, li fil-kuntest tagħha jintalab li l-kandidati jkollhom preferibbilment bejn 18 u 30 sena, taffettwa l-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, billi tipprevedi għal dan il-għan kriterju ta’ għażla, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. |
|
53. |
Minn naħa, l-indikazzjoni ta’ din il-preferenza ta’ età tippermetti li jiġi preżunt li persuna li tapplika għall-offerta ta’ impjieg inkwistjoni, li ma tkunx f’din il-medda ta’ età, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tkun tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, iżda li tkun tinsab f’din il-medda ta’ età. Tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tikkostitwixxi “diskriminazzjoni diretta” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
|
54. |
Dan l-istess artikolu jelenka, fil-paragrafu 5 tiegħu, motivi li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva “m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. |
|
55. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, meta adotta l-imsemmija dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jipprevjeni u joffri medjazzjoni għal kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiżgura l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ reati kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur għaldaqstant iddeċieda li, f’ċerti każijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija ( 10 ). |
|
56. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dan l-Artikolu 2(5), sa fejn jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 11 ). |
|
57. |
Sabiex l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ikun jista’ jikkostitwixxi motiv ta’ ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex waħda prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif teżiġi din id-dispożizzjoni. |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, dan huwa fil-fatt il-każ. Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-età msemmija fl-offerta ta’ impjieg inkwistjoni tikkostitwixxi miżura prevista mid-dritt nazzjonali peress li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-SGB I, jipprovdi li, waqt it-teħid ta’ deċiżjoni li tikkonċerna s-servizzi ta’ assistenza personali u waqt l-eżekuzzjoni tagħhom, jeħtieġ li jkunu rrispettati x-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, inkwantu dawn ikunu raġonevoli u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi ta’ dawn il-benefiċjarji ( 12 ). Kif tindika l-qorti tar-rinviju, is-servizzi ta’ assistenza personali huma għaldaqstant suġġetti għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jesprimu x-xewqat tagħhom fir-rigward tat-twettiq ta’ dawn is-servizzi, sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija tagħhom u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. |
|
59. |
L-istess bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li dawk li huwa importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 huwiex applikabbli huwa li d-deċiżjoni prinċipali fir-rigward tar-rilevanza ta’ ċerti interessi tittieħed mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-interessi protetti minn din id-direttiva. Huwa fuq il-bażi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar hekk imwettaq minn dan il-leġiżlatur li jistgħu mbagħad jiġu adottati miżuri individwali, bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali. Dan l-artikolu għandu għaldaqstant ikun applikabbli għal tali miżuri, li permezz tagħhom il-benefiċjarji ta’ assistenza personali ma jagħmlux ħlief, fi ftit kliem, jikkonkretizzaw l-għażliet magħmula mill-imsemmi leġiżlatur ( 13 ). |
|
60. |
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittix wieħed mill-għanijiet previsti mill-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri l-protezzjoni tad-drittjiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
|
61. |
Ir-risposta hija fl-affermattiv. Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera tal-benefiċjarji ta’ servizzi li huwa ggarantit mill-imsemmija leġiżlazzjoni huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jorganizzaw il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom b’mod l-iktar awtonomu u l-iktar indipendenti possibbli u li jsaħħaħ l-awtonomija tal-persuni kkonċernati kif ukoll il-motivazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà, f’kundizzjonijiet ugwali mal-oħrajn u b’osservanza tad-dinjità tagħhom. |
|
62. |
Għaldaqstant, naqbel mal-qorti tar-rinviju meta hija tikkunsidra li, peress li persuna li ma għandhiex diżabbiltà tal-età ta’ A. hija libera li tiddeċiedi b’mod awtonomu li taqsam ħajjitha ta’ kuljum ma’ persuni tal-età li hija tixtieq, tali dritt għal għażla libera għandu jkun iggarantit għall-persuni b’diżabbiltà wkoll għal dak li jikkonċerna l-assistenza personali. Kif jindika ġustament il-Gvern Pollakk, assistent personali jgħin persuna b’diżabbiltà sabiex tegħleb l-ostakoli li jxekklu l-kapaċità tagħha li tipparteċipa fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika bl-istess mod bħall-persuni li ma għandhomx diżabbiltà. |
|
63. |
Fi ftit kliem, id-dritt ta’ ħaddieħor li jimmerita li jkun protett fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 huwa d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, li skontu dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jagħżlu kif, fejn u ma’ min jgħixu sabiex tkun iggarantita l-awtonomija tagħhom u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà. Dan id-dritt jimplika b’mod partikolari li dawn il-persuni għandhom ikollhom il-possibbiltà li jfasslu s-servizz li ser ikun qiegħed jingħatalhom u li jagħtu struzzjonijiet direttament lill-persuna li tagħtihom assistenza, ħaġa li tinkludi l-fatt li dawn jiddefinixxu l-kriterji ta’ għażla tal-assistent personali tagħhom u li jipparteċipaw attivament fil-proċess ta’ reklutaġġ tal-imsemmi assistent. |
|
64. |
In-natura leġittima tal-għan hekk imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tkun iddubitata peress li, skont ma jipprovdi l-Artikolu 26 tal-Karta, dan huwa intiż li jiggarantixxi l-awtonomija u l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-persuni b’diżabbiltà kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità. |
|
65. |
Barra minn hekk, insostenn tan-natura leġittima ta’ dan l-għan, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2000/78 għandha tkun is-suġġett, sa fejn huwa possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni tan-NU ( 14 ). Issa, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, din il-konvenzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-awtonomija individwali u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza mal-persuni l-oħra u b’osservanza tad-dinjità tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni jelenka diversi miżuri li l-Istati Partijiet għaliha għandhom jimplimentaw sabiex jilħqu dan l-għan. Fost dawn il-miżuri hemm il-possibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà li jagħżlu fejn u ma’ min iridu jgħixu ( 15 ) kif ukoll il-garanzija ta’ aċċess għall-għajnuna personali neċessarja sabiex tippermettilhom jgħixu fis-soċjetà u jintegraw ruħhom fiha u sabiex jiġi evitat li dawn jiġu iżolati jew jisfaw vittmi ta’ segregazzjoni ( 16 ). Iktar minn hekk, l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni tan-NU jippreċiża li l-miżuri speċifiċi li huma neċessarji sabiex titħaffef jew tiġi żgurata l-ugwaljanza de facto tal-persuni b’diżabbiltà ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni fis-sens ta’ din il-konvenzjoni. |
|
66. |
Fit-tielet lok, f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata mit-teħid ta’ miżura individwali li tikkonkretizza l-għażla magħmula mil-leġiżlatur nazzjonali fl-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-SGB I, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hijiex neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. |
|
67. |
F’dan ir-rigward, nikkunsidra li l-espressjoni, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ preferenza ta’ età bil-għan tar-reklutaġġ tal-assistent personali ta’ persuna b’diżabbiltà hija xierqa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, li jikkonsisti, f’dan il-każ, fil-protezzjoni tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija tagħhom kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. |
|
68. |
Fil-fatt, barra milli hija preferenza (“ikollhom preferibbilment bejn 18 u 30 sena”) u mhux rekwiżit assolut, mill-Artikolu 78(1) tas-SGB IX jirriżulta li s-servizzi ta’ assistenza personali jinkludu b’mod partikolari servizzi għall-kompiti ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum, bħalma huma l-ġestjoni tal-familja, l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali, l-ippjanar tal-ħajja personali, il-parteċipazzjoni għall-ħajja komunitarja u kulturali, l-organizzazzjoni tad-divertiment, inkluż l-attivitajiet sportivi, kif ukoll il-garanzija tal-effikaċità tas-servizzi mediċi u li huma preskritti minn tabib. L-assistenza personali tikkonċerna, għaldaqstant, l-oqsma kollha tal-ħajja u tippenetra fl-isfera privata u intima tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza, ħaġa li tiġġustifika li jiġu rrispettati x-xewqat espressi minn din il-persuna. |
|
69. |
Barra minn hekk, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-imsemmija assistenza tista’ tissodisfa bżonnijiet differenti. F’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, wieħed mill-bżonnijiet speċifiċi espressi minn A. huwa l-assistenza fil-kuntest tal-istudji tagħha fl-università. Din l-assistenza tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fir-rekordjar u l-ipproċessar tal-kontenut tal-istudji u tinkludi t-tħejjija ta’ fajls. Iktar minn hekk, waqt kull laqgħa ma’ studenti oħra, assistenza personali hija neċessarjament meħtieġa, peress li din tagħmel parti integrali mill-ħajja universitarja tal-persuna b’diżabbiltà kkonċernata. Huwa f’dan il-bżonn partikolari li l-preferenza ta’ età msemmija fl-offerta ta’ impjieg inkwistjoni tidher li ssib l-oriġini tagħha. Fil-fatt, l-idea aħħarija hija li, mill-perspettiva ta’ A., persuna li jkollha “preferibbilment bejn 18 u 30 sena”, minħabba karatteristiċi psikoloġiċi u soċjali proprji għal din il-medda ta’ età, twettaq aħjar dan l-aspett tal-assistenza personali mitlub, b’mod partikolari billi tippermetti tmexxija aħjar tal-istudji u parteċipazzjoni aħjar kif ukoll integrazzjoni aħjar ta’ A. fil-ħajja soċjali fi ħdan l-università. F’dan ir-rigward, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Pollakk isostnu li persuna li tipprovdi assistenza personali, li għandha età viċin dik ta’ A., tista’ tasal sabiex tintegra b’mod iktar faċli fl-ambjent soċjali ta’ din tal-aħħar u għaldaqstant, sabiex issaħħaħ l-awtonomija tagħha u l-parteċipazzjoni tagħha fil-ħajja soċjali. |
|
70. |
Spjegata b’dan il-mod, preferenza ta’ età bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhirli li tissodisfa l-kriterju ta’ neċessità meħtieġa mill-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, l-espressjoni ta’ tali preferenza ta’ età tikkostitwixxi l-konkretizzazzjoni tad-dritt tal-persuni b’diżabbiltà sabiex jeżerċitaw kontroll fuq il-ħajja tagħhom stess u sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom peress li dan jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-awtonomija tagħhom u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fehma ta’ A., li tgħid li persuna ta’ età viċin dik tagħha tista’ tiżguralha parteċipazzjoni sodisfaċenti fil-ħajja soċjali, ħaġa li tikkostitwixxi fehma li jidhirli li hija għalkollox leġittima, ma jidhirlix li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà. |
|
71. |
Madankollu, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fid-dawl tal-elementi li hija għandha quddiemha, jekk il-kriterju ta’ neċessità ġiex osservat f’dan il-każ. |
|
72. |
Inkwantu, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti li tiġi ġġustifikata miżura bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk tali miżura tistax tiġi ġġustifikata wkoll fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ( 17 ). |
|
73. |
Fi kwalunkwe każ, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ma humiex rilevanti f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali. |
|
74. |
Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[m]inkejja l-Artikolu 2(1) u (2) [ta’ din id-direttiva], l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [tal-imsemmija direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”. |
|
75. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jikkostitwixxi tali rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol mhux il-motiv li fuqu hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ dan il-motiv ( 18 ). |
|
76. |
Iktar minn hekk, safejn jippermetti deroga mill‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, moqri fid‑dawl tal‑premessa 23 tagħha, li tirreferi għal “ċirkostanzi limitati ħafna” li fihom tali differenza fit‑trattament tista’ tiġi ġġustifikata, għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 19 ). |
|
77. |
Għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk karatteristika marbuta mal-età tistax, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari hija karatteristika marbuta mal-età ( 20 ). Issa, għall-kuntrarju tal-oqsma professjonali suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, pereżempju, l-attivitajiet ta’ servizz tekniku intermedjarju tal-pumpiera ( 21 ), tal-uffiċjali tal-pulizija ( 22 ) jew tal-piloti tal-ajruplani ( 23 ), l-użu tas-saħħa fiżika marbuta mal-età fis-sens tal-premessa 18 ta’ din id-direttiva ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
|
78. |
Dan premess, ma naħsibx li karatteristika marbuta mal-età għandha neċessarjament tikkonsisti fil-fatt li persuna jkollha kapaċitajiet fiżiċi partikolari sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, kull età tkun ikkaratterizzata wkoll minn kapaċitajiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura soċjali jew psikoloġika. Għall-kuntrarju, jidhirli li huwa determinanti li l-karatteristika marbuta mal-età hekk iddefinita tkun oġġettivament iddettata min-natura tal-attività professjonali inkwistjoni jew mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha. Fi kliem ieħor, din il-karatteristika għandha tkun indispensabbli għat-twettiq tajjeb ta’ tali attività. |
|
79. |
Diġà indikajt li l-assistenza personali lil persuna b’diżabbiltà tikkonċerna l-oqsma kollha tal-ħajja u tippenetra fl-isfera privata u intima ta’ din il-persuna. Barra minn hekk, din l-assistenza tista’ tissodisfa bżonnijiet differenti fosthom, f’dan il-każ, l-akkumpanjament ta’ A. fil-kuntest tal-istudji tagħha fl-università. |
|
80. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, preferenza ta’ età bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhirli li hija għalkollox komprensibbli u dan huwa barra minn hekk dak li wassalni biex nikkunsidra preċedentement li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xewqa ta’ dan it-tip tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. |
|
81. |
Madankollu, il-konstatazzjoni fis-sens li huwa preferibbli, fil-fehma ta’ A., li l-assistenta personali tagħha jkollha età bejn 18 u 30 sena, minħabba karatteristiċi psikoloġiċi u soċjali proprji għal din il-medda ta’ età, ma tfissirx li dawn huma karatteristiċi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti differenti involuti fis-servizz ta’ assistenza personali u partikolarment dawk li jirrigwardaw il-provvista ta’ assistenza fil-kuntest tal-istudji fl-università. Fil-fatt, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, assistenta li l-età tagħha tkun taqa’ barra mill-medda ta’ età kkunsidrata tista’ xorta twettaq il-kompiti meħtieġa mis-servizz ta’ assistenza personali, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ħajja universitarja. |
|
82. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li timmilita fis-sens li għadni kif indikajt. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, jirreferi għal rekwiżit oġġettivament iddettat min-natura jew mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni. Huwa ma jistax, għall-kuntrarju, ikopri kunsiderazzjonijiet suġġettivi, bħall-volontà tal-persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni xewqat partikolari tal-klijent ( 24 ). Fil-fehma tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “rekwiżiti ġenwini u determinanti tax-xogħol” dawk il-karatteristiċi li huma oġġettivament indispensabbli, f’kull każ konkret, għat-twettiq tal-attivitajiet professjonali inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-attività professjonali kkonċernata tista’ wkoll titwettaq, mill-perspettiva oġġettiva, minn persuna li l-età tagħha tkun tinsab barra mill-medda mixtieqa, anki jekk, mill-perspettiva ta’ A., is-servizz ipprovdut ikun jirrispondi b’mod inqas sodisfaċenti għall-bżonnijiet tagħha, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-assistenza fil-kuntest tal-istudji tagħha fl-università. |
|
83. |
Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-bżonnijiet li servizz ta’ assistenza personali għandu jissodisfa ma jistgħux, tal-inqas fit-totalità tagħhom, jiġu ddeterminati a priori, peress li huwa inerenti għal dawn it-tip ta’ servizzi li jiġu ssodisfatti x-xewqat leġittimi espressi, każ b’każ, mill-persuna li għandha tibbenefika minnhom. |
|
84. |
Hija l-ħtieġa li kull servizz ikun aġġustat għal kull sitwazzjoni partikolari, skont il-bżonnijiet espressi, li tipprekludi, permezz tad-dimensjoni suġġettiva tagħha, li jiġi kkunsidrat li tali jew tali karatteristika mitluba tikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol oġġettivament iddettat min-natura tal-attività jew mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha. |
|
85. |
Għaldaqstant, ix-xewqa li tirrigwarda medda ta’ età partikolari hija r-riżultat ta’ kunsiderazzjoni suġġettiva, fis-sens li hija speċifika għall-persuna megħjuna f’dan il-każ, li skontha persuna li tkun tinsab f’din il-medda ta’ età tipprovdilha assistenza kwalitattivament superjuri. Dan premess, l-espressjoni ta’ tali preferenza ma tfissirx li l-karatteristiċi speċifiċi għall-imsemmija medda ta’ età, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ natura soċjali jew psikoloġika, huma oġġettivament iddettati mill-attività ta’ assistenza personali. Fi kliem ieħor, mill-perspettiva tal-persuna megħjuna, l-assistenza mitluba tkun tikkorrispondi aħjar għall-bżonnijiet tagħha. Madankollu, persuna oħra megħjuna tista’ tikkunsidra li l-esperjenza u l-maturità miksuba matul il-ħajja professjonali ta’ assistenta personali ta’ età ikbar jippermettuha tirrispondi b’mod aħjar għall-bżonnijiet tagħha. |
|
86. |
Karatteristika marbuta mal-età li tippermetti t-titjib, mill-perspettiva tal-persuna b’diżabbiltà, tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ servizz ta’ assistenza personali, ma tistax għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, peress li dan ikun jimplika li tittieħed inkunsiderazzjoni, f’kull każ, il-perspettiva tal-persuna li tibbenefika minn dan is-servizz. Il-fatt li jiġi aċċettat li x-xewqat espressi, ikunu leġittimi kemm ikunu, jistgħu jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali rekwiżit essenzjali jidhirli, barra minn hekk, li jkun inkompatibbli mal-ħtieġa li tiġi adottata interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni u li l-ġustifikazzjoni li hija tipprevedi tiġi aċċettata biss “f’ċirkostanzi limitati ħafna”, kif tindika l-premessa 23 ta’ din id-direttiva. |
|
87. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li d-differenza fit-trattament marbuta mal-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
88. |
Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li “[m]inkejja l-Artikolu 2(2) [ta’ din id-direttiva], l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. |
|
89. |
Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ għan leġittimu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “leġittimi”, u, għaldaqstant, adattati sabiex jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali. Permezz tan-natura tagħhom ta’ interess ġenerali, dawn l-għanijiet leġittimi jiddistingwu ruħhom minn motivi purament individwali speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-persuna li timpjega ( 25 ). |
|
90. |
Kif indikajt preċedentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li sservi bħala bażi għall-miżura individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jorganizzaw il-kundizzjonijiet ta’ ħajja tagħhom bl-iktar mod awtonomu u l-iktar indipendenti possibbli u li ssaħħaħ l-awtonomija personali tal-persuni kkonċernati kif ukoll il-motivazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza ma’ ħaddieħor u b’osservanza tad-dinjità tagħhom. Issa, tali għan ma jikkostitwixxix għan leġittimu ta’ politika ta’ impjieg, tas-suq tax-xogħol jew ta’ taħriġ professjonali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Jidhirli għaldaqstant li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
91. |
Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 japplikax f’din il-kawża. |
|
92. |
Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, “[b]i skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika [fil-ħajja professjonali], il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva]”. Il-paragrafu 2 jipprovdi li, “[f]ir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol”. |
|
93. |
L-istess bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li la l-miżura individwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha hija bbażata din il-miżura ma jaqgħu taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, huwa intiż li jiggarantixxi l-ugwaljanza fil-ħajja professjonali. Issa, dan ma huwiex l-għan li jfittxu din il-leġiżlazzjoni u din il-miżura. |
|
94. |
Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78, mill-punt 64 tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation ( 26 ), jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan preċiż u limitat li tawtorizza miżuri li, minkejja li jidhru diskriminatorji, huma effettivament intiżi li jeliminaw jew inaqqsu l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali. Fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta kemm mit-titolu u l-preambolu u kif ukoll mill-kontenut u l-iskop tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ( 27 ), l-espressjoni “ħajja soċjali” għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, bħala li tirreferi biss għall-“ħajja professjonali”, skont il-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 7(1). |
|
95. |
Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, dan għandu bħala għan li jawtorizza miżuri speċifiċi li huma intiżi effettivament li jeliminaw jew li jnaqqsu l-inugwaljanzi fattwali li jaffettwaw lill-persuni b’diżabbiltà, li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali tagħhom u, b’mod partikolari, fil-ħajja professjonali tagħhom, kif ukoll li jilħqu ugwaljanza sostanzjali u mhux formali, billi jitnaqqsu dawn l-inugwaljanzi ( 28 ). Filwaqt li l-punt 47 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova ( 29 ), jista’ jiġi interpretat bħala li jfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat biss għall-ħajja professjonali, tali interpretazzjoni għandha fil-fehma tiegħi tiġi miċħuda minħabba l-għan ta’ din id-direttiva li indikajt fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat espliċitament, fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman ( 30 ), il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni għad-“dinja tax-xogħol”. |
|
96. |
Barra minn hekk, sabiex inwieġeb għal mistoqsija magħmula mill-qorti tar-rinviju fuq dan il-punt, ma naħsibx li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (4) tal-Konvenzjoni tan-NU jista’ jkollu l-effett li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 lill hinn mill-miżuri li jirrigwardaw l-ugwaljanza fil-ħajja professjonali. |
|
97. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma jidhirlix li huwa rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan li tiggarantixxi b’mod ġenerali l-awtonomija tal-persuni b’diżabbiltà u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ( 31 ). |
V. Konklużjoni
|
98. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej: L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li: ma jipprekludix li, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li x-xewqat tal-persuni b’diżabbiltà fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-assistenza personali li huma jibbenefikaw minnha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija u l-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dawn il-persuni, ir-reklutaġġ ta’ assistent personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, sakemm tali miżura tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79.
( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 4 ) ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”.
( 5 ) BGBl. 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GG”.
( 6 ) BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”.
( 7 ) BGBl. 1975 I, p. 3015, iktar ’il quddiem is-“SGB I”.
( 8 ) BGBl. 2016 I, p. 3234, iktar ’il quddiem is-“SGB IX”.
( 9 ) Nirrileva li l-offerta ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali fiha wkoll kriterju ta’ għażla marbut mas-sess tal-assistent personali meħtieġ. Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il-ġustifikazzjoni, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina fis-sentenza tagħha l-eventwali natura diskriminatorja ta’ dan il-kriterju marbut mas-sess, li ma jaqax taħt din id-direttiva.
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment ukoll, f’dan ir-rigward, għall-espożizzjoni tal-motivi tal-Artikolu 78(2) tas-SGB IX.
( 13 ) Fl-istess sens, nirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, jistgħu jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 fl-oqsma koperti minn din id-dispożizzjoni li jaqgħu taħt ftehimiet kollettivi. Dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu preċiżi b’mod suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(5): ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 61).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail (C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara l-Artikolu 19(a) tal-Konvenzjoni tan-NU.
( 16 ) Ara l-Artikolu 19(b) tal-Konvenzjoni tan-NU. Ara, fuq dawn l-aspetti, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà “Osservazzjoni Ġenerali Nru 5 (2017) fuq l-Awtonomija tal-ħajja u l-inklużjoni fis-soċjetà”.
( 17 ) Ara, għal approċċ simili, is-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 45), u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 49).
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Ministero dell’Interno (Limitu ta’ età għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija) (C‑304/21, EU:C:2022:897, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia (C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Ministero dell’Interno (Limitu ta’ età għar-reklutaġġ tal-kummissarji tal-pulizija) (C‑304/21, EU:C:2022:897, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3).
( 22 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873).
( 23 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Cafaro (C‑396/18, EU:C:2019:929).
( 24 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 40).
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 46).
( 26 ) C‑193/17, EU:C:2019:43.
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat (C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 31).
( 28 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 47).
( 29 ) C‑406/15, EU:C:2017:198.
( 30 ) C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 42.
( 31 ) Għal kull fini ta’ utilità u anki jekk il-qorti tar-rinviju ma ssemmix dan fid-domanda preliminari tagħha, nippreċiża wkoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, li huwa ddedikat għall-akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà, għandha wkoll tiġi miċħuda, inkwantu dan l-artikolu jirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-persuna li timpjega sabiex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taċċedi għal impjieg, teżerċitah jew tipprogressa fih, jew sabiex jingħatalha taħriġ, ħaġa li ma tikkorrispondix għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.