KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 ( 1 )
Kawża C‑436/22
Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo ibérico (ASCEL)
vs
Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali msemmija fl-Anness IV(a) – Lupu (Canis lupus) – Limiti territorjali ta’ protezzjoni stretta – Teħid mis-selvaġġ u sfruttament ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V(a) – Pjan reġjonali għall-isfruttament tal-ilpup fiż-żoni tal-kaċċa – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Konsegwenzi ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Id-diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-lupu (Canis lupus) bħalissa qiegħda tqanqal kontroversja. Huwa għalhekk li l-Parlament Ewropew appella ( 2 ) għar-reviżjoni tal-istatus ta’ protezzjoni tiegħu u talab lill-Kummissjoni Ewropea tibgħat data lokali għal dan l-għan ( 3 ). Il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni tal-lupu għandhiex tiġi mnaqqsa hija diskussa wkoll fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Berna ( 4 ) ( 5 ). |
|
2. |
Madankollu, id-Direttiva dwar il-habitat ( 6 ) tkompli tipproteġi bis-sħiħ il-lupu: l-Istati Membri għandhom mhux biss jiddeżinjaw żoni speċjali ta’ protezzjoni għal din l-ispeċi ta’ annimali, iżda wkoll jipproteġu l-kampjuni individwali fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda din it-tieni sistema ta’ protezzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ispeċi. |
|
3. |
Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi, id-Direttiva dwar il-habitat tinkludi żewġ livelli ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi skont l-Artikolu 12 tagħha, li jipprojbixxi b’mod partikolari l-kaċċa, bħala prinċipju, u, min-naħa l-oħra, protezzjoni mnaqqsa mill-Artikolu 14 li jipprovdi li l-kaċċa awtorizzata, bħala prinċipju, għandha tiġi ristretta jekk dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi kkonċernata. |
|
4. |
Iż-żewġ forom ta’ protezzjoni tal-ispeċi huma applikabbli għal-lupu. Dak li huwa determinanti huwa l-post fejn il-lupu jinsab. Skont id-Direttiva dwar il-habitat, l-Artikolu 14 japplika għall-ilpup fi Spanja li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero u l-Artikolu 12 fin-Nofsinhar tagħha. Għaldaqstant, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León, li minnha tgħaddi din ix-xmara, tippermetti l-kaċċa għal-lupu fit-Tramuntana. |
|
5. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn tilwima legali dwar jekk din il-leġiżlazzjoni reġjonali dwar il-kaċċa hijiex ammissibbli. Peress li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja huwa sfavorevoli, il-qorti nazzjonali tiddubita jekk huwiex aċċettabbli li l-protezzjoni stretta tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat ma tapplikax għat-Tramuntana ta’ Duero. Madankollu, jekk tinżamm id-delimitazzjoni territorjali taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk il-kaċċa għandhiex madankollu tiġi pprojbita minħabba l-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli skont l-Artikolu 14. |
|
6. |
S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Madankollu, dawn huma rilevanti mhux biss għal Spanja, iżda wkoll għall-Greċja, il-Finlandja, il-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, il-Polonja u s-Slovakkja, fejn il-lupu hawn ukoll huwa suġġett biss għall-protezzjoni iktar dgħajfa skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat fit-territorju nazzjonali kollu jew f’partijiet minnu. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il‑Konvenzjoni ta’ Berna
|
7. |
Fid-dritt internazzjonali, hija qabel kollox il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali li hija rilevanti. Il-Komunità Ekonomika Ewropea rratifikat din il-Konvenzjoni fl‑1982 ( 7 ). Spanja ffirmatha fl‑1979, iżda daħlet fis-seħħ fi Spanja biss fl‑1986 ( 8 ). |
|
8. |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jistabbilixxi għanijiet ġenerali: “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iżommu il-popolazzjoni tal-flora u l-fawna ferjali fi, jew li jadattawha għal, livell li jikkorrispondi partikolarment mal-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, waqt li jqisu l-ħtiġiet ekonomiċi u rekreazzjonali u l-bżonn tas-sub-speċje, varjetajiet jew għamliet f’riskju lokali.” |
|
9. |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ispeċi: “Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċje tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II. Dan li ġej għandu partikolarment ikun ipprojbit għal dawn l-ispeċje:
[…]” |
|
10. |
Il-lupu huwa msemmi fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Berna bħala speċi ta’ annimali partikolarment protetta. Madankollu, Spanja għandha riżerva u indikat li l-lupu għandu jiġi protett bħala speċi msemmija fl-Anness III, jiġifieri skont l-Artikolu 7 ( 9 ). |
|
11. |
L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi wkoll miżuri ta’ salvagwardja: “1. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċje tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi III. 2. Xi esplojtazzjoni ta’ fawna ferjali speċifikata fl-Appendiċi III għandha tkun irregolata sabiex iżżomm il-popolazzjonijiet lil hinn mill-perikolu, billi tqis il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 2. 3. Miżuri li għandhom jittieħdu għandhom jinkludu:
|
|
12. |
L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi derogi mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
B. Id‑Direttiva dwar il‑habitat
|
13. |
Il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitat tikkonċerna l-protezzjoni tal-ispeċi: “Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-[Direttiva dwar l-għasafar ( 10 )]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet.” |
|
14. |
L-Artikolu 1(b), (f), (g) u (i) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddefinixxi kunċetti differenti: “[…]
[…]
[…]” |
|
15. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-habitat jiddeskrivi l-għan tiegħu: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat. 2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. 3. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.” |
|
16. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat jirregola l-għażla tas-siti protetti minn din id-direttiva u jirreferi, għall-adattament ta’ dawn is-siti, għas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. |
|
17. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jissorveljaw l-ispeċi u l-habitats: “L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.” |
|
18. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat jinkludi l-obbligi fundamentali marbuta mal-ħarsien tal-ispeċi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
2. Għal dawn l-ispeċi, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva. […]” |
|
19. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jistabbilixxi r-regoli dwar it-teħid ta’ ċerti speċi ta’ annimali mis-selvaġġ: “1. Jekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. 2. Fejn dawk il-miżuri huma meqjusa li huma meħtieġa, huma għandhom jinkludu l-issoktar tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll b’mod partikolari:
|
|
20. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi derogi għall-Artikoli 12 u 14. |
|
21. |
L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jimponi fuq l-Istati Membri u fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jirrapportaw perjodikament dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi: “Kull sitt snin mid-data ta’ meta jiskadi l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom iħejju rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva. Dan ir-rapport irid ikun fih b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ l-habitat naturali ta’ l-Anness I u l-ispeċi ta’ l-Anness II u r-riżultati ewlenin tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Ir-rapport, magħmul skond l-għamla stabbilita mill-kumitat, irid jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni u jkun aċċessibbli għall-pubbliku.” |
|
22. |
L-Anness II(a) tad-Direttiva dwar il-habitat isemmi b’mod partikolari l-lupu bħala speċi ta’ prijorità li għaliha għandhom jiġu ddeżinjati ż-żoni ta’ protezzjoni, iżda jkopri biss, fi Spanja, il-popolazzjonijiet fin-Nofsinhar tax-xmara Duero ( 11 ). Il-lupu huwa msemmi wkoll fl-Anness IV(a), bħal speċi li għandha tkun suġġetta għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12, iżda huma esklużi b’mod partikolari l-popolazzjonijiet Spanjoli fit-Tramuntana tad-Duero. Għall-kuntrarju, dawn il-popolazzjonijiet ta’ lpup huma msemmija fl-Anness V(a). |
C. Id‑dritt nazzjonali Spanjol
|
23. |
Permezz tal-Artikolu 56 tal-Ley 42/2007, de 13 de diciembre, del Patrimonio Natural y de la Biodiversidad (il-Liġi 42/2007 tat‑13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Patrimonju Naturali u l-Bijodiversità, iktar ’il quddiem il-“Liġi 42/2007”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’din il-kawża, stabbilixxiet il-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti, li fiha speċi, sottospeċi u popolazzjonijiet li jistħoqqilhom attenzjoni u protezzjoni partikolari minħabba l-valur xjentifiku, ekoloġiku jew kulturali tagħhom, minħabba s-singularità jew l-iskarsezza jew il-grad ta’ theddida tagħhom, bħal dawk l-ispeċi, is-sottospeċi u l-popolazzjonijiet indikati bħala protetti fl-annessi tad-Direttivi u l-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati minn Spanja. Skont l-Artikolu 65(1) ta’ din il-liġi, il-kaċċa u s-sajd fl-ilmijiet interni jistgħu jsiru biss fir-rigward ta’ speċi ddeterminati mill-Komunitajiet Awtonomi. Din id-determinazzjoni ma tista’ fl-ebda każ tikkonċerna l-ispeċi inklużi fil-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti. |
|
24. |
Fl‑2021, il-Ministerio para la Transición Ecológica y el Reto Demográfico (il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u għall-Isfidi Demografiċi) adotta l-Orden TED/980/2021 [por la que se modifica el Anexo del Real Decreto 139/2011, de 4 de febrero, para el desarrollo del Listado de Especies Silvestres en Régimen de Protección Especial y del Catálogo Español de Especies Amenazadas] (id-Digriet TED/980/2021 li jemenda l-anness tad-Digriet Irjali 139/2011 tal‑4 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi l-lista ta’ annimali selvaġġi partikolarment protetti u r-reġistru Spanjol tal-ispeċi mhedda) tal‑20 ta’ Settembru 2021. Permezz ta’ din ir-regola, il-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-ilpup ġew miżjuda ma’ din il-lista. Id-digriet fih l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali dwar il-kompatibbiltà mal-miżuri fis-seħħ sa dak iż-żmien, li tipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-kaċċa u l-qbid ta’ kampjuni jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva. |
D. Il‑leġiżlazzjoni tal‑Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León
|
25. |
L-Artikolu 7 tal-Ley 4/1996, de 12 de julio, de Caza de Castilla y León (il-Liġi 4/1996 tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León tat‑12 ta’ Lulju 1996 dwar il-Kaċċa, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/1996”), li fil-frattemp ġiet imħassra, iżda fis-seħħ fil-mument tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ kaċċa kontenzjuż, kienet tipprevedi li l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati kienu dawk iddefiniti bħala tali fl-Anness I ta’ din il-liġi. Dan l-anness I isemmi wkoll il-lupu fit-Tramuntana tax-xmara Duero. |
|
26. |
Bħalissa fis-seħħ hija l-Ley 4/2021, de 1 de julio, de Caza y de Gestión Sostenible de los Recursos Cinegéticos de Castilla y León (il-Liġi 4/2021 tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León tal‑1 ta’ Lulju 2021 dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/2021”), li l-Artikolu 6 tagħha jipprovdi li l-kaċċa tista’ ssir biss fuq speċi elenkati fl-Anness I bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. Fl-Anness I, il-“lupu (Canis lupus): fit-Tramuntana tax-xmara Duero” huwa elenkat bħala speċi selvaġġa ta’ kaċċa kbira. Il-Liġi 4/2021 tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni ta’ dawk l-ispeċi mill-Anness I li huma protetti taħt kwalunkwe forma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali bażika, li jfisser li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita, jew dwar meta l-esklużjoni hija kkunsidrata neċessarja sabiex tiġi żgurata b’mod xieraq il-konservazzjoni tal-ispeċi. Skont din il-liġi, l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe kaċċa fuq speċi ddikjarati li jistgħu jiġu kkaċċjati jista’ wkoll jiġi temporanjament eskluż jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat, b’mod xieraq, l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom. L-Artikolu 38 (qabel it-tħassir tiegħu mill-Qorti Kostituzzjonali Spanjola) ta’ din il-liġi jipprevedi li kull tip ta’ kaċċa għal-lupu huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Komunità Awtonoma kompetenti fil-qasam tal-kaċċa, l-awtorità suprema kompetenti fit-territorju ta’ Castilla u León, u li l-valur ta’ lupu maqtul huwa ta’ EUR 6000. |
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
27. |
Fis‑17 ta’ Frar 2020, l-Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo ibérico (l-Assoċjazzjoni għall-Konservazzjoni u l-Istudju tal-Lupu Iberiku, iktar ’il quddiem “ASCEL”) ippreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León, Spanja) kontra l-Administración de la Comunidad Autónoma de Castilla y León (l-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León, Spanja). ASCEL titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Dirección General del Patrimonio Natural y Política Forestal [de la Junta de Castilla y León] (Direttorat Ġenerali tal-Patrimonju Naturali u tal-Politika Forestali (tal-Gvern ta’ Castilla u León), Spanja), tad‑9 ta’ Ottubru 2019, li approvat il-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fiż-żoni ta’ kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero, f’Castilla u León, għall-istaġuni tal-kaċċa 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022 (iktar ’il quddiem il-“Pjan tal-kaċċa”). Hija titlob ukoll kumpens għad-danni kkawżati lill-annimali selvaġġi matul kull staġun tal-kaċċa. |
|
28. |
Skont l-espożizzjoni tal-motivi tiegħu, il-pjan tal-kaċċa huwa bbażat fuq għadd reġjonali ta’ lpup tal‑2012 u l‑2013, fuq għadd nazzjonali mwettaq bejn l‑2012 u l‑2014, kif ukoll fuq rapporti ta’ monitoraġġ annwali, li jinkludu sforz ta’ osservazzjoni u ta’ sorveljanza inqas minn dak magħmul għat-tfassil ta’ għadd. Abbażi tad-data disponibbli u b’applikazzjoni ta’ fatturi differenti, il-pjan jiddikjara li l-għadd stmat ta’ lpup li kienu jeżistu qabel il-kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla u León huwa ta’ 1051. Il-pjan tal-kaċċa jqassam it-territorju ta’ Castilla u León fit-Tramuntana tax-xmara Duero, fejn hemm ilpup, fi 28 firxa ta’ lpup. Huwa jikkalkola d-densità tal-ilpup f’kull waħda minnhom, jikklassifikahom skont id-densità tagħhom – għolja, baxxa jew medja – u jassenjahom livell perċentwali ta’ kaċċa abbażi ta’ din id-densità. Dan il-pjan jikkonkludi li mortalità annwali ta’ iktar minn 35 % tirriżulta fi tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi. |
|
29. |
It-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tfakkar li, matul dawn l-aħħar snin, hija eżaminat diversi rikorsi kontra diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu. Permezz tas-sentenzi korrispondenti, hija annullat dawn id-dispożizzjonijiet minħabba li ma kinux jeżistu, matul il-proċedura amministrattiva, studji xjentifiċi li juru l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw li l-ispeċi tiġi ddikjarata bħala speċi li tista’ tiġi kkaċċjata mingħajr ma jiġi affettwat l-istat ta’ konservazzjoni tagħha fil-firxa tagħha. Madankollu, dawn is-sentenzi kienu s-suġġett ta’ appell quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li min-naħa tagħha laqgħathom. Hija ddeċidiet li ma kienx neċessarju li tiġi ppreżentata minn qabel, għal kull staġun tal-kaċċa, għal kull qasam ta’ kompetenza u għal kull territorju għal kull speċi li tista’ tiġi kkaċċjata, talba għal kontroll territorjali u materjali, ad hoc, speċifiku tal-osservanza tar-rekwiżiti relatati mad-daqs tal-popolazzjoni, mad-distribuzzjoni ġeografika u mal-indiċi ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi. |
|
30. |
Għaldaqstant, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin: “Sa fejn kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-Direttiva [dwar il-habitat] għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju, bħalma huwa l-lupu (canis lupus),
|
|
31. |
ASCEL, ir-Reġjun ta’ Castilla u León, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi. |
IV. L‑analiżi legali
|
32. |
Id-Direttiva dwar il-habitat tagħti valur għoli lill-protezzjoni tal-lupu u timponi għalhekk l-indikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ protezzjoni għal din l-ispeċi (Artikolu 4) kif ukoll barra minn dawn iż-żoni ( 12 ) l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni stretti (Artikolu 12). Madankollu, ċerti reġjuni tal-Unjoni, fosthom fit-Tramuntana tax-xmara Duero ta’ Spanja kollha, huma esklużi miż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni. Huwa għalhekk li l-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León adottat pjanijiet tal-kaċċa għat-territorji tagħha li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, li huma kkontestati fil-kawża prinċipali. |
|
33. |
Din il-proċedura tqajjem il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk id-delimitazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni stretti previsti mid-Direttiva dwar il-habitat tul ix-xmara kollha tistax tinżamm fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi fiż-żewġ territorji (it-tieni domanda u, parzjalment, l-ewwel domanda, ara taħt B), u, min-naħa l-oħra, sa fejn, ladarba din id-delimitazzjoni ġeografika tiġi rrikonoxxuta, ir-regoli tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat dwar il-qbid tal-ilpup mis-selvaġġ jirrestrinġu l-kaċċa (l-ewwel domanda, barra minn hekk, ukoll it-tielet sal-ħames domanda, ara taħt C). Madankollu, għandhom jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet imqajma kontra l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
A. Oġġezzjonijiet imqajma kontra l‑ammissibbiltà
|
34. |
Bħala prinċipju, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li d-deċiżjoni li għandha tingħata taqa’ fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħha, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Domandi bħal dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 13 ). |
|
35. |
Spanja ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex iktar rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li l-Qorti Kostituzzjonali Spanjola ddikjarat antikostituzzjonali d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León minħabba l-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Komunità Awtonoma ssostni li hija informat lill-kaċċaturi tal-ilpup li ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tal-kaċċa tagħhom. |
|
36. |
Madankollu, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León issostni fl-istess ħin li hija kkontestat il-leġiżlazzjonijiet statali li jipprekludu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjonijiet reġjonali jistgħu jerġgħu jiġu applikabbli wara deċiżjoni fuq din il-kontestazzjoni jekk ir-rikors ikollu jintlaqa’. |
|
37. |
Barra minn hekk, il-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-ħsara lill-popolazzjoni tal-ilpup permezz tal-kaċċa matul l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali għandhiex tiġi kkumpensata qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola. Peress li din id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-perijodu ta’ wara s-sena 2021, filwaqt li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-perijodi tal-kaċċa sa mill‑2019, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali mad-dritt tal-Unjoni tibqa’ rilevanti. |
|
38. |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex, fi kwalunkwe każ, manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
|
39. |
Ftit li xejn konvinċenti hija l-oġġezzjoni addizzjonali tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León li t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem esklużivament kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-provi. Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-provi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament intiża sabiex tiċċara l-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-validità tad-delimitazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ilpup tul id-Duero u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
40. |
Madankollu, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León ġustament tikkritika l-fatt li parti mill-ewwel domanda tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali Spanjola dwar il-protezzjoni tal-lupu u l-leġiżlazzjonijiet reġjonali dwar il-kaċċa għal-lupu. Din ir-relazzjoni hija kwistjoni ta’ dritt intern Spanjol li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għaliha. Għaldaqstant, din il-parti tal-ewwel domanda hija inammissibbli. |
|
41. |
Għall-bqija, l-oġġezzjonijiet ta’ ammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja u mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León għandhom jiġu miċħuda. |
B. Applikazzjoni territorjali tas‑sistemi ta’ protezzjoni stretti
|
42. |
Bit-tieni domanda u bl-ewwel domanda tagħha, sa fejn tirreferi għall-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tistaqsi jekk, fid-dawl tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja, huwiex kompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva li jinżamm jew li jiġi rripristinat stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi protetti li l-lupu jaqa’, fin-Nofsinhar tad-Duero fi Spanja, taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12, filwaqt li, fit-Tramuntana ta’ Duero, huwa jibbenefika biss mill-protezzjoni iktar dgħajfa tal-Artikolu 14. |
|
43. |
Il-portata territorjali rispettiva tal-Artikoli 12 u 14 tad-Direttiva dwar il-habitat tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Annessi IV u V, anki jekk jitqies li din is-sistema tmur kontra l-għan trasversali tad-Direttiva, din il-kontradizzjoni ma tistax tbiddel id-delimitazzjoni territorjali ċara taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni ( 14 ). |
|
44. |
Barra minn hekk, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, huwa l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi tal-Anness V li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod determinanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14. Din hija r-raġuni għaliex anki l-ipoteżi ta’ kontradizzjoni mal-għan tad-Direttiva hija dubjuża. |
|
45. |
Madankollu, id-delimitazzjoni territorjali taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva tista’ tiġi kkontestata jekk din tmur kontra d-dritt ta’ livell superjuri. Għalkemm jidher li ma hemm ebda kontradizzjoni mat-Trattati jew mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ jikkunsidra jekk id-delimitazzjoni hijiex kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Berna. Bħala ftehim internazzjonali tal-Unjoni, huwa jgawdi s-supremazija fuq id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
|
46. |
Ċertament, bir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Berna, Spanja rriżervat il-protezzjoni tal-lupu fit-territorju kollu tagħha mhux skont l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, iżda biss skont l-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. Il-limitazzjoni tal-protezzjoni għal parti mit-territorju Spanjol għalhekk ma tiksirx l-obbligi internazzjonali ta’ Spanja skont il-Konvenzjoni. |
|
47. |
Madankollu, l-Unjoni ma esprimiet l-ebda riżervi fir-rigward tal-Konvenzjoni. Għalhekk, illum tista’ tkun obbligata, skont id-dritt internazzjonali, li tiżgura l-protezzjoni stretta tal-lupu fit-territorju kollu tagħha, inkluż fit-Tramuntana tad-Duero ta’ Spanja. Il-limitazzjoni territorjali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat hija għalhekk inkompatibbli. |
|
48. |
Barra minn hekk, bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, il-Konvenzjoni torbot lill-Istati Membri ( 16 ), inkluża wkoll Spanja. Mill-inqas ma huwiex ċar, jekk ir-riżerva tad-dritt internazzjonali ta’ Spanja għandhiex tinżamm ukoll fir-rigward ta’ dan l-effett. |
|
49. |
Madankollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tħalli din il-kwistjoni miftuħa, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjimx espressament dan u l-partijiet ma ressqu l-ebda osservazzjoni dwar dan il-punt. |
|
50. |
Finalment, din id-domanda preliminari tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li, minħabba l-informazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja, l-Unjoni kellha fil-frattemp tbiddel l-entrata tagħha fl-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, mifhuma b’dan il-mod, il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, peress li l-obbligi ta’ azzjoni tal-Unjoni huma separabbli mill-obbligi ta’ azzjoni tal-Istati Membri. Anki jekk jitqies li l-Unjoni hija obbligata testendi l-protezzjoni tal-lupu skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat għat-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, minn dan l-obbligu ma jirriżultax li Spanja jew il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León huma diġà obbligati li jantiċipaw dan l-att tal-Unjoni u li japplikaw l-Artikolu 12 f’dawn it-territorji. |
|
51. |
Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma toħloqx dubju li l-lupu (Canis lupus) għandu jkun protett fi Spanja biss fin-Nofsinhar tax-xmara Duero skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, filwaqt li l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva japplika għal din l-ispeċi ta’ annimali fit-Tramuntana tax-xmara. |
C. Regoli dwar il‑qbid u l‑isfruttament tal‑ilpup
|
52. |
Id-domandi l-oħra jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludix l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal-lupu meta l-Istat Membru jqis l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi bħala sfavorevoli. |
|
53. |
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi ddeterminat jekk il-kaċċa għal-lupu għandhiex tiġi kkunsidrata bħala sfruttament fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat (ara taħt punt 1) u, sussegwentement, liema huma l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14 meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ikun sfavorevoli (ara taħt punt 2). |
1. Kaċċa bħala sfruttament
|
54. |
It-tielet domanda tistaqsi primarjament jekk il-kunċett ta’ “esplojtazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ikoprix l-isfruttament permezz tal-kaċċa għal-lupu, jiġifieri l-kaċċa għal-lupu. |
|
55. |
L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jobbliga lill-Istati Membri li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu miżuri sabiex it-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero u l-isfruttament tiegħu jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
56. |
F’dan ir-rigward, minn tal-inqas it-teħid jirrigwarda wkoll il-kaċċa ( 17 ), peress li r-regoli tal-kaċċa waqt it-teħid ta’ kampjuni jikkostitwixxu, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, miżura ta’ protezzjoni possibbli intiża sabiex jinżamm stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Ir-regoli tal-kaċċa jirrigwardaw neċessarjament il-kaċċa. |
|
57. |
Iżda t-terminu tal-isfruttament jista’ jinkludi wkoll il-kaċċa, peress li l-premessa 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar tindirizza espressament l-issuġġettar tal-għasafar għall-kaċċa. Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kaċċa għall-għasafar tista’ tikkostitwixxi użu meqjus fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 18 ). Ma narax għalfejn bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-habitat is-sitwazzjoni tkun differenti għall-ilpup. |
|
58. |
Għalhekk, il-kaċċa tista’ tikkostitwixxi teħid u sfruttament ta’ kampjuni tal-lupu, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
2. Obbligi li jirriżultaw mill‑Artikolu 14 tad‑Direttiva dwar il‑habitat
|
59. |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludix il-kaċċa ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli tal-lupu. |
|
60. |
Skont din id-dispożizzjoni, meta jqisu li dan huwa neċessarju wara s-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi elenkati fl-Anness V, jiġifieri, b’mod partikolari, il-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana tad-Duero, kif ukoll l-isfruttament tagħhom, ikunu kompatibbli maż-żamma tagħhom fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
61. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa tippreżumix ċerti provi (ara taħt a) u, sussegwentement, kif għandha ssir l-evalwazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward (ara taħt b). |
a) Ħtieġa ta’ provi
|
62. |
ASCEL tqis li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, il-kaċċa għal speċi ta’ annimali msemmija fl-Anness V tista’ tiġi awtorizzata biss jekk ikun xjentifikament ipprovat li hija kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. L-argument tal-Kummissjoni huwa fl-istess sens. Skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, fil-każ ta’ inċertezza xjentifika dwar il-kompatibbiltà tal-isfruttament tal-ispeċi msemmija fl-Anness V mal-istat ta’ konservazzjoni tagħhom, huwa imperattiv li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
63. |
Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li l-Unjoni adottat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE fil-qasam tal-ambjent. Għaldaqstant, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat ( 19 ). |
|
64. |
Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, kull pjan jew proġett li jista’ jaffettwa sit Natura 2000 jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku ta’ effetti dannużi għall-integrità ta’ dan is-sit ( 20 ). Bl-istess mod, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, deroga mill-protezzjoni tal-ispeċi ma tistax tingħata skont l-Artikolu 16, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk tali deroga hijiex ser tkun ta’ ħsara jew le għaż-żamma jew għall-irripristinar tal-popolazzjonijiet ta’ speċi f’perikolu ta’ estinzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ( 21 ). |
|
65. |
Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli mingħajr kwalifika għall-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
66. |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat jissuġġetta l-pjanijiet u l-proġetti msemmija għal riżerva ta’ awtorizzazzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jiġux issodisfatti, dawn ma jistgħux jiġu implimentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 huwa dispożizzjoni derogatorja li l-applikazzjoni tagħha hija, min-natura tagħha, prova – li għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 22 ) ( 23 ). |
|
67. |
B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, limitazzjoni tat-teħid u tal-isfruttament ta’ kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness V tagħha. Minn dan isegwi, a contrario, li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix it-teħid u l-isfruttament meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament ikkunsidra li l-ispeċi li jinsabu fl-Anness V jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li, bħala prinċipju, ma humiex affettwati mit-teħid u mill-isfruttament tal-kampjuni. Sakemm din l-ipoteżi hija korretta, it-teħid u l-isfruttament huma wkoll kompatibbli mal-għan tad-Direttiva, stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (2), li jinżammu l-ispeċi selvaġġi u, b’mod partikolari, li jinżammu jew jiġu rripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità. |
|
68. |
Madankollu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat lanqas ma joħloq dritt għat-teħid u għall-isfruttament ta’ kampjuni tal-Anness V. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri jistgħu, minkejja stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jimponu limitazzjonijiet, jew projbizzjonijiet totali. Dan ikun ammissibbli bħala miżura ta’ protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 193 TFUE. |
|
69. |
B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jippreċiża dak li għandu jseħħ meta l-ipoteżi ta’ teħid u ta’ sfruttament li ma jagħmlux ħsara tiġi kkonfutata. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma humiex liberi li jiddeċiedu jekk jadottawx jew le dawn il-miżuri, iżda huma suġġetti għal obbligu li għandu wkoll jiġi rifless fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 ( 24 ). |
|
70. |
Għalhekk, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri huma obbligati jillimitaw it-teħid u l-isfruttament tal-kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness V meta tkun ġiet ikkonfutata l-ipoteżi li l-eżerċizzju mingħajr restrizzjonijiet tal-attività kkonċernata huwa kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
b) Evalwazzjoni tal‑miżuri meħtieġa
|
71. |
Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija ipoteżi hijiex ikkonfutata u, b’mod partikolari, jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jimplikax il-ħtieġa li tiġi ristretta l-kaċċa. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-għan taż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ( 25 ). |
|
72. |
Sabiex tiġi ppreċiżata l-portata ta’ dan l-obbligu, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, sussegwentement, il-livell tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli li għandu jiġi applikat f’dan ir-rigward u l-obbligu ta’ rappurtar previst fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u, finalment, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. |
– L‑Artikolu 11 tad‑Direttiva dwar il‑habitat
|
73. |
L-analiżi u l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ma taqax taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. B’kuntrast ma’ dan, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa meta jqisu li dan ikun meħtieġ wara s-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni partikolari għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità. |
|
74. |
Madankollu, dan l-obbligu ta’ sorveljanza ma huwiex limitat għall-ispeċi u l-habitats ta’ prijorità. Għall-kuntrarju, peress li d-Direttiva dwar il-habitat għandha l-għan, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, josservaw il-habitats naturali kollha kif ukoll l-ispeċi kollha ta’ fawna u flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tagħhom. Din is-sorveljanza għandha tkun orjentata lejn it-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri li tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi u habitats kollha ( 26 ). |
|
75. |
Għalkemm skont il-formulazzjoni u l-għan tiegħu dan l-obbligu japplika bis-sħiħ, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, għall-inqas fir-rigward tal-mod li bih titwettaq is-sorveljanza. Sakemm ma jirriżulta ebda tħassib dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi, ikun biżżejjed għal ħafna speċi li ġeneralment jiġi ssorveljat l-istat tal-habitats tagħhom u li tintuża l-informazzjoni hekk miksuba sabiex jiġu żviluppati ipoteżijiet dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi li jkunu mistennija hemmhekk. Madankollu, ma huwiex neċessarju li b’mod speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
|
76. |
B’kuntrast ma’ dan, l-ispeċi li huma individwalment protetti mid-Direttiva dwar il-habitat jeħtieġu miżuri ta’ sorveljanza speċifiċi. Dan huwa partikolarment il-każ għal-lupu fit-territorji Spanjoli li jinsabu fit-Tramuntana ta’ Duero. Ċertament, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fil-parti l-kbira tat-territorji tal-Unjoni, il-lupu ma huwiex speċi prijoritarja hemmhekk, għalhekk ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 11. Madankollu, l-ispeċi elenkati fl-Anness V huma wkoll ta’ interess komunitarju skont l-Artikolu 1(g). B’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tiddependi direttament fuq is-sorveljanza tal-ispeċi elenkati fl-Anness V. Ikun inkompatibbli ma’ dan li dawn l-ispeċi ma jiġux issorveljati bir-reqqa. |
|
77. |
Barra minn hekk, il-popolazzjonijiet jew is-sottopopolazzjonijiet ta’ speċi protetti ma għandhomx jiġu kkunsidrati waħedhom, iżda, kif ġustament tispjega ASCEL, biss b’rabta ġenerali ma’ popolazzjonijiet jew sottopopolazzjonijiet oħra ( 27 ). B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li hemm ċertu skambju bejn it-territorji Spanjoli fit-Tramuntana tad-Duero u t-territorji fin-Nofsinhar ta’ din ix-xmara u fil-Portugall, peress li f’każijiet iżolati l-ilpup jaqsmu x-xmara jew il-fruntiera. Il-problemi tat-Tramuntana jistgħu għalhekk normalment jaffettwaw ukoll in-Nofsinhar u l-Portugall, fejn il-lupu huwa speċi ta’ prijorità skont l-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
78. |
Is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali li taqa’ taħt l-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, meħtieġa mill-Artikolu 11 tagħha, għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ attenzjoni partikolari, b’mod partikolari meta din tkun, bħal-lupu, inkluża fl-Annessi II u IV u anki kklassifikata bħala prijoritarja għal bosta territorji ġirien. |
– Ir‑rapport imsemmi fl‑Artikolu 17 tad‑Direttiva dwar il‑habitat, bħala rappreżentazzjoni tal‑aħjar għarfien xjentifiku disponibbli
|
79. |
Bħal evalwazzjonijiet oħra fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, din is-sorveljanza u l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minnha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 għandhom ukoll ikunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli ( 28 ). |
|
80. |
Dan jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mill-prinċipju ta’ prekawzjoni diġà msemmi. |
|
81. |
L-Istati Membri jridu josservaw il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ). Huwa jeżiġi b’mod partikolari li awtorità amministrattiva twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-aspetti rilevanti kollha, sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli ( 30 ). |
|
82. |
Barra minn hekk, miżuri bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, jeħtieġu ġeneralment evalwazzjoni globali tar-riskju bbażata fuq l-għarfien xjentifiku disponibbli l-iktar affidabbli u fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali ( 31 ). |
|
83. |
Il-Kummissjoni tikkwota artiklu xjentifiku ( 32 ), bħala eżempju ta’ għarfien xjentifiku reċenti li għandu jitqies waqt is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni. |
|
84. |
Madankollu, ir-raba’ u l-ħames domanda ma jirrigwardawx direttament ir-riżultati tas-sorveljanza skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, iżda saħansitra jqiegħdu f’dubju n-natura suffiċjenti tagħha għal-lupu. B’kuntrast ma’ dan, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla u León) tibbaża fuq ir-rapport mibgħut minn Spanja lill-Kummissjoni fl‑2019 skont l-Artikolu 17. Skont din id-dispożizzjoni, tali rapport għandu jinkludi b’mod partikolari r-riżultati prinċipali tas-sorveljanza msemmija fl-imsemmi artikolu 11. Fih, Spanja indikat li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja kien sfavorevoli bejn l‑2013 u l‑2018. |
|
85. |
Jekk, minbarra dan ir-rapport, effettivament ma jeżisti ebda għarfien xjentifiku komparabbli dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata, tal-inqas ir-riżultat li jinsab fih għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
86. |
Ikun possibbli li ssir deroga minnu biss fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku kuntrarju li, minn perspettiva xjentifika, huwa iktar rilevanti mir-rapport. Għarfien bħal dan jista’ b’mod partikolari jirriżulta minn studji iktar reċenti, li madankollu għandhom ikunu minn tal-inqas xjentifikament fondati daqs l-għarfien li fuqu huwa bbażat ir-rapport. |
|
87. |
B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Membri ma jistgħux jargumentaw kontra tali rapport li huwa skadut fl-assenza ta’ evidenza xjentifika oħra. Peress li l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat jaqa’ fuqhom, huma stess għandu jkollhom għarfien xjentifiku attwali li huma jistgħu eventwalment jinvokaw. Fl-assenza ta’ tali għarfien, huma ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-assenza ta’ investigazzjoni neċessarja. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ riferiment ta’ sitt snin imsemmi fl-Artikolu 17 jindika li tali rapport jista’ jipprovdi l-bażi għall-miżuri sar-rapport li jmiss. |
|
88. |
Għaldaqstant, għandu jingħad li l-evalwazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandha tkun ibbażata fuq ir-rapport innotifikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jekk ma jkunx ikkontradett minn għarfien li, minn perspettiva xjentifika, huwa iktar rilevanti. |
– Konsegwenzi ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli
|
89. |
Fil-prattika, f’każ ta’ dubji dwar iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ speċi li taqa’ taħt l-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk humiex neċessarji miżuri għat-teħid u għall-isfruttament ta’ kampjuni, inkluż għalhekk f’dak li jikkonċerna l-kaċċa. |
|
90. |
Meta, bħal fil-kawża ineżami, l-Istat Membru jkun saħansitra informa lill-Kummissjoni li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat huwa sfavorevoli, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni hija neċessarjament ristretta. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, il-miżuri meħuda sal-lum ma humiex manifestament suffiċjenti sabiex jiggarantixxu stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-istokk tal-ispeċi. |
|
91. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk jittiħdux miżuri jew le mill-awtoritajiet kompetenti ma jaqax iktar taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’każ ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. Fil-kawża ineżami, huma għandhom pjuttost jieħdu miżuri addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi b’tali mod li l-istokk ikkonċernat jilħaq, fil-futur, stat ta’ konservazzjoni favorevoli b’mod permanenti. |
|
92. |
Madankollu, għadu ma huwiex iddeterminat liema miżuri addizzjonali l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu u, b’mod partikolari, jekk għandhomx jipprojbixxu l-kaċċa. Dan huwa dak li diġà turi l-lista ta’ eżempji ta’ miżuri possibbli li tinsab fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat. Skont din id-dispożizzjoni, hija biss it-tkomplija tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 li hija obbligatorja, filwaqt li l-Istat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jieħdu l-miżuri l-oħra msemmija, iżda ma għandhomx preċiżament, bħala regola, jiħduhom. |
|
93. |
Peress li miżuri taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-habitat huma neċessarji biss fil-każ ta’ dubju dwar iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, din id-dispożizzjoni ma ssemmi ebda projbizzjoni totali u permanenti tal-kaċċa bħala miżura possibbli. Madankollu, tissemma l-possibbiltà li jiġu pprojbiti b’mod limitat fiż-żmien jew lokalment it-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ ċerti popolazzjonijiet (it-tieni inċiż), sakemm il-projbizzjoni tkun meħtieġa. Jissemmew ukoll regoli tal-kaċċa li jieħdu kont tal-bżonnijiet ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kkonċernata (ir-raba’ inċiż) u ta’ sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni jew ta’ kwoti (il-ħames inċiż). |
|
94. |
Madankollu, fil-każ ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli l-marġni ta’ diskrezzjoni sussegwenti fir-rigward tal-miżuri huwa limitat ukoll mill-għan taż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
95. |
Fil-verżjoni Ġermaniża, dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-teħid u l-isfruttament ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
96. |
F’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Ingliża, Franċiża jew Spanjola, huwa minnu li l-klassifikazzjoni diretta tal-miżuri li għandhom jittieħdu bħala “neċessarja” hija nieqsa. Skont dawn il-verżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jieħdu biss miżuri sabiex jiżguraw li t-teħid u l-isfruttament ikunu kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Madankollu, il-ħtieġa tal-miżuri hija impliċita għal din l-istruzzjoni. Barra minn hekk, il-ħtieġa tal-miżuri tissemma wkoll indirettament b’mod espliċitu wkoll, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha jipprevedu li għandhom jittieħdu miżuri jekk l-Istati Membri jikkunsidrawhom meħtieġa. |
|
97. |
Il-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjoni li speċi tinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli tiġġustifikax il-ħtieġa li l-kaċċa tiġi ristretta jew ipprojbita tiddependi mir-raġunijiet għal din il-konstatazzjoni. |
|
98. |
Skont l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni jitqies li huwa favorevoli meta, minn naħa, id-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tippermetti li jiġi preżunt li din tikkostitwixxi u ser tkompli tikkostitwixxi element vijabbli tal-habitat naturali li għalih din l-ispeċi tappartjeni. Barra minn hekk, il-firxa naturali tal-ispeċi la għandha tonqos u lanqas għandha xejra li ser titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli. Fl-aħħar nett, hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tiegħu fit-tul ( 33 ). |
|
99. |
In-neċessità ta’ limitazzjoni tal-kaċċa hija b’mod partikolari konċepibbli meta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ma jkunx favorevoli minħabba, b’mod partikolari, it-telf ta’ kampjuni. Anki jekk dan it-telf huwa prinċipalment dovut għal raġunijiet oħra, peress li fil-każ tal-ilpup għandu jiġi kkunsidrat, pereżempju, it-traffiku fit-toroq, il-mard jew il-kaċċa illegali, jista’ jkun neċessarju li jiġi evitat telf addizzjonali minħabba l-kaċċa. |
|
100. |
Madankollu, jekk il-problemi tal-ispeċi huma prinċipalment marbuta mal-habitat tagħha, xi ħaġa li tista’ tiġi preżunta ( 34 ), pereżempju fi Franza, fil-każ tal-ħamster (Cricetus cricetus), jista’ jkun li l-kaċċa jew il-limitazzjoni tagħha jkollhom biss impatt limitat ħafna fuq l-istat ta’ konservazzjoni. |
|
101. |
Ma’ dan jiżdied li konstatazzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi fir-reġjuni bijoġeografiċi ta’ Stat Membru tippermetti biss li jinsiltu konklużjonijiet limitati għall-istat ta’ konservazzjoni f’ċerti territorji. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti territorji, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi huwa tant tajjeb li l-kaċċa tibqa’ possibbli hemmhekk, anki jekk jitqiesu r-relazzjonijiet ma’ territorji oħra fejn l-istat ta’ konservazzjoni huwa sfavorevoli. Iżda l-kuntrarju huwa possibbli wkoll meta l-popolazzjonijiet fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli jiddependu mill-preżenza ta’ kampjuni li ġejjin minn territorji bi stat ta’ konservazzjoni partikolarment tajjeb. Din l-evalwazzjoni għandha ssir l-ewwel nett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’kunsiderazzjoni tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u abbażi ta’ sorveljanza xierqa tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
102. |
Fl-aħħar nett, fit-teħid tad-deċiżjoni dwar liema miżuri huma meħtieġa għandu jitqies ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan il-prinċipju jippermetti li meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji, b’mod partikolari għall-ambjent, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni qabel mar-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti kompletament ( 35 ). Miżuri ta’ protezzjoni huma għalhekk possibbli wkoll meta, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, ikun hemm inċertezza dwar ir-riskji marbuta maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
103. |
Fil-qosor, għandu jingħad li, anki wara li jiġi kkonstatat l-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ta’ speċi inkluża fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, il-kaċċa ta’ din l-ispeċi għandha tiġi pprojbita biss jekk, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, inkluż sorveljanza xierqa tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 11 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, din il-projbizzjoni hija neċessarja sabiex jiġi rripristinat stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ din l-ispeċi. |
D. Osservazzjoni finali
|
104. |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-ilpup fis-siti Natura 2000 tista’ tkun importanti wkoll għall-awtorizzazzjoni tal-kaċċa. Peress li Spanja kklassifikat ( 36 ) direttament diversi siti fin-Nofsinhar ta’ Duero sabiex tipproteġi l-lupu u peress li din l-ispeċi tuża territorji kbar ħafna ( 37 ), wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk pjanijiet ta’ kaċċa għal siti li jinsabu fit-Tramuntana ta’ Duero għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat ( 38 ). Xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-ilpup li jinsabu f’dawn iż-żoni ta’ protezzjoni jaqsmu x-xmara u jinqatlu hemmhekk. Jista’ jkun importanti wkoll għad-diversità ġenetika tal-popolazzjonijiet ta’ dawn iż-żoni ta’ protezzjoni jekk jiġux f’kuntatt suffiċjenti mal-popolazzjonijiet fit-Tramuntana tax-xmara. Madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. |
V. Konklużjoni
|
105. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022 dwar il-protezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem u ta’ karnivori kbar fl-Ewropa (2022/2952(RSP)).
( 3 ) Stqarrija għall-istampa ip_23_4330 tal‑4 ta’ Settembru 2023.
( 4 ) Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, miftuħa għall-firem fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Berna (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282) irratifikata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).
( 5 ) Ara, pereżempju, ir-rapport tat‑42 laqgħa tal-Kumitat Permanenti mit‑28 ta’ Novembru sat‑2 ta’ Diċembru 2022, T‑PVS(2022)31, punt 5.2., 2., u iktar reċentement l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2023, “Il-Kummissjoni tipproponi li l-istatus internazzjonali tal-ilpup jinbidel minn ‘strettament protetti’għal ‘protetti’ abbażi ta’ data ġdida dwar iż-żieda fil-popolazzjonijiet u l-impatti”, IP/23/6752.
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).
( 8 ) https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104.
( 9 ) https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=declarations-by-treaty&numSte=104&codeNature=2&codePays=SPA. Ara wkoll Salvatori u Linnell, Report on the conservation status and threats for wolf (Canis lupus) in Europe għall‑25 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni (IT‑PVS/Inf (2005) 16, p. 6), Michel Prieur, Report on the implementation of the Bern Convention in Spain, għas‑26 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni (IT‑PVS/Inf (2006) 7, p. 3).
( 10 ) Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet applikabbli d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 11 ) Ix-xmara Duero tinsab fuq tul ta’ 572 km li tgħaddi mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla u León qabel ma tgħaddi mill-Portugall sal-estwarju tagħha ta’ Porto.
( 12 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor (C‑88/19, EU:C:2020:458).
( 13 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑743/19, EU:C:2022:569, punt 58).
( 15 ) F’dan is-sens is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42), u tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping (C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44).
( 16 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C‑213/03, EU:C:2004:464, punt 39).
( 17 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 32), dwar il-kaċċa bħala teħid fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat.
( 18 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21); tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux sauvages et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 10); u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 65).
( 19 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44); tat‑13 ta’ Diċembri 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 254); kif ukoll f’dan is-sens is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 66); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118).
( 20 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117).
( 21 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66).
( 22 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 111), u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 30).
( 23 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 51), u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 66).
( 24 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑75/01, EU:C:2008:95, punti 80 u 81).
( 25 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑75/01, EU:C:2002:58, punt 79). Ara dwar limitazzjonijiet simili tal-marġni ta’ evalwazzjoni s-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46); tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punti 100 sa 103); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44); kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 31).
( 26 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2013:420, punt 59).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 58, 59 u 61).
( 28 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54); tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 51); u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 70).
( 29 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50); tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ (C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 43); u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendeszeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 35).
( 30 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ (C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 44), u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, CHEP Equipment Pooling (C‑396/20, EU:C:2021:867, punt 48).
( 31 ) F’dan is-sens is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92); tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 46, ara wkoll il-punti 93 u 94); kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs Il‑Kummissjoni et (C‑558/21 P, EU:C:2023:839, punt 66).
( 32 ) Prieto et, “Field work effort to evaluate biological parameters of interest for decision-making on the wolf (Canis lupus)”, Hystrix, the Italian Journal of Mammalogy, Volume 33 (1): p. 65 sa 72, 2022.
( 33 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 56).
( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑383/09, EU:C:2011:23).
( 35 ) Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).
( 36 ) Fit‑18 ta’ Jannar 2024, Natura 2000 Viewer indikat, fost oħrajn, is-siti ta’ Riberas del Río Duero y afluentes (ES4170083), Hoces del Río Riaza (ES4160104), Altos de Barahona (ES4170148), El Carrascal (ES4180130), Riberas de Castronuño (ES4180017), Cañones del Duero (ES4190102) u Arribes del Duero (ES4150096).
( 37 ) Boitani, Action Plan for the conservation of the wolves (Canis lupus) in Europe, (Council of Europe, T‑PVS [2000] 23, p. 16).
( 38 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 29 u 30).