KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fit-13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawża C-435/22 PPU
Generalstaatsanwaltschaft München
vs
HF
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minn Stat Membru lejn l-Istati Uniti bis-saħħa ta’ trattat ta’ estradizzjoni bilaterali – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat definittivament għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor u li diġà skonta l-piena kollha tiegħu f’dan l-Istat – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika – Artikolu 351 TFUE”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-estradizzjoni, mill-Istati Uniti tal-Amerika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali għal fatti li għalihom huwa diġà ġie kkundannat definittivament, fi Stat Membru ieħor, għal piena li huwa skonta fit-totalità tagħha. |
|
2. |
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stipulat fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91) (iktar ’il quddiem il-“KFS”) ( 2 ), moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jista’ japplika f’sitwazzjoni bħal din, meta huwa mifhum li l-persuna kkonċernata ma hijiex ċittadin tal-Unjoni? Trattat ta’ estradizzjoni bilaterali konkluż bejn l-Istat Membru rikjest u l-Istat terz ikkonċernat jista’ jkun ta’ ostakolu sabiex il-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi invokat sabiex tiġi rrifjutata l-estradizzjoni ta’ din il-persuna? Xi rwol jista’ jkollu l-Artikolu 351 TFUE f’każ bħal dan? Dawn huma essenzjalment il-kwistjonijiet prinċipali li jqumu f’din il-kawża. |
Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Il‑KFS
|
3. |
L-Artikolu 20(1) tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 4, intitolat “Kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ta’ aljeni”, tat-Titolu II tagħha, jistipula: “Aljeni li ma jeħtieġux viża jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu massimu ta’ 90 jum waqt kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).” ( 3 ) |
|
4. |
L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tagħha, jaqra kif ġej: “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.” |
Il‑Protokoll li jintegra l‑acquis ta’ Schengen fid‑dritt tal‑Unjoni
|
5. |
Il-KFS ġiet inkluża fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam ( 4 ), bħala parti mill-“acquis ta’ Schengen”, kif iddefinit fl-anness ta’ dan il-protokoll. |
|
6. |
Mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen ( 5 ) u mill-Anness A tagħha jirriżulta li l-Kunsill għażel l-Artikoli 34 u 31 UE ( 6 ) bħala l-bażijiet legali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS. |
Il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika
|
7. |
L-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal‑25 ta’ Ġunju 2003 ( 7 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE-USA”), intitolat “Is-suġġett u l-għan”, jistipula: “Il-Partijiet Kontraenti jindaħlu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jipprovdu titjib għall-koperazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet dwar l-estradizzjoni li japplikaw bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ min jikser il-liġi.” |
|
8. |
L-Artikolu 17 ta’ dan il-ftehim, intitolat “In-nuqqas ta’ derogi”, jistipula: “1. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-invokazzjoni mill-Istat mitlub ta’ raġunijiet għar-rifjut li jkollhom x’jaqsmu ma’ materja mhux koperta b’dan il-Ftehim skond trattat bilaterali għall-estradizzjoni fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. 2. Meta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub.” |
2. Il‑Kodiċi tal‑Fruntieri ta’ Schengen
|
9. |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 8 ), fil-verżjoni emendata bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Settembru 2018, li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 ( 9 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), jaqra kif ġej: “Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:
|
|
10. |
L-Artikolu 20(1) tal-KFS għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni ssostitwixxiet l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) ( 11 ), li min-naħa tiegħu kien issostitwixxa l-Artikolu 5(1) tal-KFS. |
Ir‑Regolament 2018/1806
|
11. |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1806 jistipula: “Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.” |
|
12. |
Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament: “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa stabbilita fl-Artikolu 3(1) għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.” |
|
13. |
Is-Serbja hija waħda mill-pajjiżi terzi msemmija fil-lista ta’ dan l-Anness II. |
It‑Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja u l‑Istati Uniti tal‑Amerika
|
14. |
L-Artikolu 1 tal-Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tal‑20 ta’ Ġunju 1978 ( 12 ) (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA”), intitolat “Obbligu ta’ estradizzjoni”, jistipula: “(1) “Il-partijiet kontraenti għandhom jestradixxu reċiprokament, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, lill-persuni suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba reat imwettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti jew li jkunu mfittxija għall-finijiet tal-infurzar ta’ piena jew ta’ miżura preventiva, u li jkunu jinsabu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra. (2) Jekk ir-reat ikun twettaq barra mit-territorju tal-Istat rikjedenti, l-Istat rikjest għandu jawtorizza l-estradizzjoni skont dan it-trattat jekk
|
|
15. |
L-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, intitolat “Ir-reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni”, kif emendat biż-Zusatzvertrag zum Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Trattat Addizzjonali għat-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tal‑21 ta’ Ottubru 1986 ( 13 ) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Trattat Addizzjonali”), jistipula: “(1) Ir-reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni bis-saħħa ta’ dan it-trattat huma dawk li huma punibbli skont id-dritt taż-żewġ partijiet kontraenti. Sabiex jiġi stabbilit x’inhuwa reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni, il-fatt li d-dritt tal-partijiet kontraenti jkun jikklassifika r-reat fl-istess kategorija ta’ reati, li huma jkunu jikklassifikawh taħt l-istess kunċett, jew li l-kriminalità doppja tkun tirriżulta mid-dritt Federali, tal-Istati jew tal-Länder ma huwiex rilevanti. […] (2) L-estradizzjoni għandha tingħata għal reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni
[…]” |
|
16. |
Skont l-Artikolu 8 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, intitolat “Ne bis in idem”: “L-estradizzjoni ma għandhiex tingħata jekk il-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali tkun diġà ġiet illiberata jew ikkundannata definittivament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjest għar-reat li għalih tkun mitluba l-estradizzjoni.” |
|
17. |
L-Artikolu 34 ta’ dan it-trattat, intitolat “Ratifikazzjoni; Dħul fis-seħħ; Rinunzja” jistipula, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Dan it-trattat għandu jibqa’ fis-seħħ sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena mid-data li fiha parti kontraenti tinnotifika bil-miktub ir-rinunzja tagħha lill-parti l-oħra.” |
|
18. |
Skont il-qorti tar-rinviju, it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA ġie adattat għall-Ftehim UE-USA permezz taż-Zweiter Zusatzvertrag zum Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Tieni Trattat Addizzjonali għat-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika), tat‑18 ta’ April 2006 ( 14 ) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Trattat Addizzjonali”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
19. |
Fl‑20 ta’ Jannar 2022, HF, ċittadin Serb, tqiegħed taħt arrest preventiv f’München (il-Ġermanja) abbażi ta’ avviż aħmar, maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dawn riedu jiksbu l-estradizzjoni ta’ HF bil-għan ta’ prosekuzzjoni kriminali għal reati allegatament imwettqa minnu bejn ix-xhur ta’ Settembru 2008 u ta’ Diċembru 2013. Dan l-avviż aħmar inħareġ abbażi ta’ mandat ta’ arrest maħruġ fl‑4 ta’ Diċembru 2018 mill-US District Court for the District of Columbia (il-Qorti Federali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia) relatat ma’ akkużi ta’ “kollużjoni bil-għan ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet korrotti taħt influwenza kriminali u [ta’] kollużjoni bil-għan tat-twettiq ta’ frodi bankarju u ta’ frodi permezz ta’ installazzjonijiet ta’ telekomunikazzjoni”, skont it-Taqsimiet 1962(d) u 1349 rispettivament tat-Titolu 18 tal-U.S. Code (il-Kodiċi tal-Istati Uniti), rispettivament ( 15 ). Bħalissa HF jinsab taħt arrest preventiv fil-Ġermanja għall-finijiet ta’ din l-estradizzjoni. |
|
20. |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Jannar 2022, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika talbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi jipproċedu għall-arrest preventiv ta’ HF u bagħtulhom il-mandat ta’ arrest tal-4 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll l-att ta’ akkuża tal-Grand Jury tal-United States Court of Appeals for the District of Columbia Circuit (il-Qorti tal-Appell Federali taċ-Ċirkwit tad-Distrett ta’ Columbia, l-Istati Uniti) bl-istess data. Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2022, huma bagħtu lill-awtoritajiet Ġermaniżi d-dokumenti li kellhom jakkumpanjaw it-talba għal estradizzjoni. |
|
21. |
Fil-mument tal-arrest tiegħu, HF indika li huwa kien jirrisjedi fis-Slovenja u ppreżenta passaport Serb maħruġ fil‑11 ta’ Lulju 2016 u validu sal‑11 ta’ Lulju 2026, permess ta’ residenza maħruġ fit‑3 ta’ Novembru 2017 li jiskadi fit‑3 ta’ Novembru 2019 u karta tal-identità tal-Kosovo. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, matul is-sena 2020, l-awtoritajiet Sloveni ċaħdu talba ta’ HV sabiex jiġi estiż il-permess ta’ residenza tiegħu. |
|
22. |
Fuq talba tal-qorti tar-rinviju u tal-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München, il-Ġermanja), l-awtoritajiet Sloveni bagħtu l-informazzjoni segwenti:
|
|
23. |
Skont il-qorti tar-rinviju, it-talba għal estradizzjoni indirizzata lill-awtoritajiet Sloveni u t-talba għal estradizzjoni involuta f’dan il-każ jirrigwardaw l-istess reati. Barra minn hekk, il-fatti deċiżi mill-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor, is-Slovenja) huma identiċi għal dawk imsemmija f’din l-aħħar talba, inkwantu huma deskritti fiha reati mwettqa qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010. |
|
24. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-legalità tal-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti, fir-rigward tal- fatti li dwarhom huwa qiegħed jiġi akkużat fil-mandat ta’ arrest u fl-att ta’ akkuża tal‑4 ta’ Diċembru 2018 għall-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010. |
|
25. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-prinċipji stipulati interpol mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol) ( 16 ) ma humiex suffiċjenti sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, minħabba differenzi li din fiha meta mqabbla ma’ dik li wasslet għal dik is-sentenza. B’hekk, hija tirrileva li, f’dan il-każ, l-ewwel, il-persuna kkonċernata ma hijiex ċittadin tal-Unjoni, it-tieni, din hija kwistjoni ta’ talba formali għal estradizzjoni, u mhux ta’ arrest preventiv wara l-ħruġ ta’ avviż aħmar mill-Interpol, u, it-tielet, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tirrifjuta l-estradizzjoni ta’ HF minħabba l-obbligu, impost mid-dritt tal-Unjoni, li tosserva l-prinċipju ta’ ne bis in idem, hija tkun tikser l-obbligu ta’ estradizzjoni li jirriżulta mit-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, hija tindika li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ppreżentaw id-dokumenti li, skont l-Artikolu 14 ta’ dan it-trattat, għandhom jakkumpanjaw it-talba għal estradizzjoni, li l-aġir li bih qiegħed jiġi akkużat HF huwa punibbli kemm fid-dritt Amerikan kif ukoll fid-dritt Ġermaniż ( 17 ), u li r-reati inkwistjoni huma punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ 20 jew ta’ 30 sena fid-dritt Amerikan u bejn 2 u 10 snin fid-dritt Ġermaniż ( 18 ). |
|
26. |
Kif inhuma l-affarijiet issa, ma hemm xejn għalhekk li jostakola l-legalità tal-estradizzjoni ta’ HF fir-rigward tal-Artikoli 2 et seq. tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (IRG) (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali fil-Qasam Kriminali) tat‑23 ta’ Diċembru 1982 ( 19 )u tal-Artikoli 4 et seq. tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA. |
|
27. |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem irregolat mill-Artikolu 8 ta’ dan it-trattat, il-qorti tar-rinviju tistipula li l-fatt li HF kien diġà ġie kkundannat definittivament bis-sentenza tal-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor) tas‑6 ta’ Lulju 2012 għall-fatti inkriminanti mwettqa qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010, imsemmija fit-talba għal estradizzjoni inkwistjoni, u li l-piena mogħtija lilu minn din il-qorti kienet diġà ġiet skontata fit-totalità tagħha ma jipprekludix l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti. Fil-fatt, qabelxejn, mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li dan jirreferi biss għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali kienet diġà ġiet ikkundannata definittivament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjest, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ma huwiex possibbli li dan jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra. Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika qablu, fil-qafas ta’ negozjati relatati mat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat terzi ma jkunux ta’ ostakolu għal estradizzjoni. Barra minn hekk, it-Tieni Trattat Addizzjonali, li permezz tiegħu t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA ġie adattat għall-Ftehim UE-USA, ma stipulax dispożizzjonijiet partikolari sabiex il-projbizzjoni ta’ ne bis in idem tiġi estiża għall-Istati Membri kollha u lanqas emenda l-Artikolu 8 ta’ dan l-aħħar trattat. Finalment, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), ma kienx għadu jeżisti dritt internazzjonali konswetudinarju li din il-projbizzjoni tkun tapplika wkoll fil-każ ta’ kundanni mogħtija fi Stati terzi. |
|
28. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS, jobbligax lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta l-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti għal reati li għalihom huwa diġà ġie kkundannat mill-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor), jiġifieri dawk marbuta mal-fatti msemmija fit-talba għal estradizzjoni inkwistjoni u mwettqa qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010. |
|
29. |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju hija tal-parir li l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ dawn iż-żewġ artikoli huma ssodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ewwel, HF kien ġie kkundannat definittivament minn qorti ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor), u l-piena mogħtija ġiet skontata fit-totalità tagħha. It-tieni, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex relatati mal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ ċittadin ta’ Stat Membru. It-tielet, mill-punti 94 u 95 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol jirriżulta li l-arrest preventiv, minn wieħed mill-Istati kontraenti ( 20 ), ta’ persuna suġġetta għal avviż aħmar maħruġ mill-Interpol fuq talba ta’ Stat terz jikkostitwixxi “prosekuzzjoni kriminali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS. Għalhekk, deċiżjoni dwar il-legalità ta’ estradizzjoni li twassal għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil Stat terz bil-għan ta’ prosekuzzjoni kriminali għandha wkoll tkun ikkunsidrata bħala “prosekuzzjoni kriminali”. Ir-raba’, deċiżjoni dwar il-legalità tal-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz arrestat fi Stat Membru tal-Unjoni tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51 tal-Karta, peress li fi kwalunkwe każ din tirrigwarda l-Ftehim UE-USA. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati d-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta waqt l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, fil-mument tal-arrest tiegħu, HF kellu d-dritt ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 20(1) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ukoll mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2018/1806, peress li kien eżentat mill-obbligu ta’ visa bħala ċittadin Serb. Għal din ir-raġuni wkoll, dawn id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu kkunsidrati. |
|
30. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS, jistax iwassal sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jista’ jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, li la huma parti fil-KFS u lanqas Stat Membru. F’dan ir-rigward, hija tistipula li, sabiex tiġġustifika s-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol u l-portata tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-moviment liberu, skont l-Artikolu 21 TFUE, tal-persuna li fil-konfront tagħha nħareġ avviż aħmar fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, jiġifieri ċittadin Ġermaniż. Issa, HF, bħala ċittadin Serb, ma jibbenefikax mid-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni skont l-Artikolu 21(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, huwa jibbenefika mid-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni skont l-Artikolu 20 tal-KFS, peress li huwa eżentat mill-obbligu ta’ visa. Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-punt 98 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sitwazzjoni msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża kienet tikkonċerna l-arrest preventiv ta’ persuna li fil-konfront tagħha kien inħareġ avviż aħmar mill-Interpol, fuq talba ta’ Stat terz, u mhux l-estradizzjoni ta’ din il-persuna lejn dan l-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għadha ma ddeċidietx dwar is-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, li tinvolvi preċiżament talba għal estradizzjoni. |
|
31. |
Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta meħuda flimkien ma jipprekludux, f’dan il-każ, l-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti, peress li hija obbligata tosserva l-obbligu tad-dritt internazzjonali, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha, li testradixxi lill-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali. |
|
32. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju taqbel mal-perspettiva espressa fid-duttrina li, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE japplika għal ftehimiet li, minkejja li jkunu ġew konklużi minn Stat Membru qabel l‑1 ta’ Jannar 1958, ikunu jirrigwardaw qasam li fih l-Unjoni tkun kisbet il-kompetenza biss sussegwentement “minħabba estensjoni ta’ kompetenzi [li] ma kinux oġġettivament prevedibbli għall-Istat Membru kkonċernat waqt il-konklużjoni [tal-ftehim ikkonċernat]”. Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Commune de Mesquer ( 21 ), l-Avukat Ġenerali Kokott tidher qiegħda ssostni l-istess perspettiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Ftehim ta’ Schengen u l-KFS ġew wara d-data ta’ dħul fis-seħħ, fit‑30 ta’ Lulju 1980, tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, u li l-Ftehim ta’ Schengen ġie inkluż fid-dritt tal-Unjoni permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx għalhekk tipprevedi, fl-1978 u fl-1980, li l-kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ ne bis in idem applikabbli “fil-livell Ewropew” jew tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali kienu ser jiġu inklużi fil-kompetenza tal-Unjoni. |
|
33. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-emendi magħmula mill-Ewwel Trattat Addizzjonali u mit-Tieni Trattat Addizzjonali bl-ebda mod ma jibdlu din is-sitwazzjoni. L-Ewwel Trattat addizzjonali ma jikkostitwixxix negozjar fundamentali mill-ġdid tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA u kien diġà daħal fis-seħħ fil‑11 ta’ Marzu 1993. Permezz tat-Tieni Trattat Addizzjonali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement ittrasponiet il-Ftehim UE-USA u l-ebda dispożizzjoni partikolari li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem“fuq il-livell Ewropew” ma kienet ġiet adottata. |
|
34. |
Finalment, il-qorti tar-rinviju ssostni li, peress li l-Ftehim UE-USA ma jistipulax prinċipju ta’ ne bis in idem applikabbli “fuq il-livell Ewropew”, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-Karta u tal-Artikolu 54 tal-KFS moqrija flimkien, jista’ jiġi dedott a contrario li trattat ta’ estradizzjoni bilaterali li jipprevedi l-osservanza ta’ dan il-prinċipju biss f’perspettiva nazzjonali għandu jibqa’ jiġi osservat. |
|
35. |
Kien f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2022, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2022, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 54 tal-[KFS] moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-estradizzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti ta’ din il-konvenzjoni u Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat terz li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, meta l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet definittivament ikkundannata minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea għall-istess fatti koperti mill-imsemmija talba għal estradizzjoni, meta tali sentenza tkun ġiet eżegwita, u meta d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-estradizzjoni tal-imsemmija persuna lejn l-Istat terz tkun possibbli biss bi ksur ta’ ftehim bilaterali eżistenti mal-imsemmi Stat terz?” |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
36. |
Peress li HF kien ilu mċaħħad mil-libertà sa mill‑20 ta’ Jannar 2022 u t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet tqajjem kwistjonijiet f’qasam kopert mit-Titolu V tat-Tielet parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 22 ), il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-istess deċiżjoni, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
|
37. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba. |
|
38. |
Il-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München), HF, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub li fihom huma wieġbu b’mod partikolari għall-mistoqsijiet bil-miktub li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-istess partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2022. |
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
|
39. |
L-Artikolu 54 tal-KFS, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, jipprekludi li Stat kontraenti jissuġġetta persuna għal prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti bħal dawk li għalihom hija tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament minn Stat kontraenti ieħor, sakemm, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni tkun ġiet eżegwita jew fil-fatt tkun qed tiġi eżegwita jew ma tistax tkun iktar tiġi eżegwita skont il-liġijiet ta’ dan l-aħħar Stat. |
|
40. |
L-Artikolu 50 tal-Karta jqis dan il-prinċipju bħala dritt fundamentali, billi jistipula li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. |
|
41. |
Barra minn hekk, kif jirriżulta minn dawn iż-żewġ artikoli, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jirriżulta minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Istati kontraenti. Għaldaqstant, l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, li huwa jiżgura l-osservanza tal-kontenut essenzjali tiegħu ( 23 ). |
|
42. |
Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu l-għan li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, ladarba jkunu tressqu proċeduri kontriha u, jekk ikun il-każ, tkun ġiet ikkundannata, il-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċertezza li mhux ser jitressqu mill-ġdid proċeduri kontriha għall-istess ksur ( 24 ). |
|
43. |
Sabiex nirrispondi għad-domanda preliminari, ser neżamina, qabelxejn, jekk il-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS, humiex transponibbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sussegwentement, jekk ikun il-każ, jekk, billi tirrifjuta li testradixxi lil HF lejn l-Istati Uniti minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkunx tikser l-obbligi tagħha taħt it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, moqri flimkien mal-Ftehim UE-USA, u, finalment, sabiex inkompli fuq dan il-punt, jekk l-Artikolu 351 TFUE jistax ikollu effett fuq l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l‑applikabbiltà għal dan il‑każ tal‑prinċipji stabbiliti fis‑sentenza Avviż aħmar tal‑Interpol
|
44. |
Fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, ma jipprekludux l-arrest provviżorju, mill-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti jew minn dawk ta’ Stat Membru, ta’ persuna li fil-konfront tagħha jkun inħareġ avviż aħmar mill-Interpol, fuq talba ta’ Stat terz, ħlief jekk ikun stabbilit, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru, li din il-persuna tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament rispettivament minn Stat kontraenti jew minn Stat Membru, għall-istess fatti bħal dawk li fuqhom ikun ibbażat dan l-avviż aħmar. |
|
45. |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, permezz tas-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Lulju 2012, l-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor,), li hija qorti ta’ Stat kontraenti, kienet diġà ddeċidiet definittivament fuq il-fatti inkriminanti mwettqa minn HF qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010 u li dan kien skonta l-piena kollha mogħtija lilu. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta wkoll li dawn il-fatti ( 25 ) huma identiċi għal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni ta’ HF imressqa mill-Istati Uniti tal-Amerika, inkwantu fiha hemm deskritti reati mwettqa qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, it-talba għal estradizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika tkopri, b’mod iktar wiesa’, reati li HF allegatament wettaq bejn ix-xhur ta’ Settembru 2008 u ta’ Diċembru 2013. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss il-fatti relatati mar-reati mwettqa qabel ix-xahar ta’ Lulju 2010. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet u tas-sentenza li għandha tingħata, hemm lok li tintuża l-ipoteżi kkunsidrata fid-domanda posposta, jiġifieri li l-fatti – u għalhekk ir-reati – inkwistjoni huma identiċi. Hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk il-fatti li dwarhom ingħatat deċiżjoni definittiva mill-qrati Sloveni humiex l-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba għal estradizzjoni. |
|
46. |
Sabiex l-Artikolu 54 tal-KFS ikun jista’ japplika f’dan il-każ, huwa wkoll meħtieġ, b’mod partikolari, li jkun hemm “prosekuzzjoni” kriminali ġdida kontra HF minn Stat kontraenti ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għal dawn il-fatti identiċi. Fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-arrest provviżorju, minn Stat kontraenti, ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar maħruġ mill-Interpol, fuq talba ta’ Stat terz minħabba prosekuzzjoni kriminali kontra din il-persuna f’dan l-aħħar Stat, jikkostitwixxi att ta’ dan l-Istat kontraenti li għalhekk jidħol fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni kriminali li testendi fit-territorju tal-Istati kontraenti ( 26 ). Fl-opinjoni tiegħi, din is-soluzzjoni hija perfettament transponibbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din tirrigwarda deċiżjoni relatata ma’ talba formali għal estradizzjoni. Kif korrettament issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk tali arrest provviżorju, li l-għan tiegħu huwa preċiżament t-tħejjija għall-estradizzjoni, huwa diġà kopert bil-kunċett ta’ “prosekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, l-istess japplika a fortiori fil-każ ta’ deċiżjoni fuq talba għal estradizzjoni. Il-qorti tar-rinviju taqbel ukoll ma’ din il-pożizzjoni. |
|
47. |
B’hekk, din il-kawża effettivament tirrigwarda sitwazzjoni li fiha persuna li tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament għal ċerti fatti fi Stat kontraenti tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali ġdida għall-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor. |
|
48. |
Differenza oħra rrilevata mill-qorti tar-rinviju bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol u dik inkwistjoni f’din il-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li, fl-ewwel waħda, il-persuna kkonċernata kienet ċittadin tal-Unjoni, li minħabba f’hekk kellha d-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni protett bl-Artikolu 21(1) TFUE, filwaqt li, fit-tieni waħda, hija kienet ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
49. |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 54 tal-KFS jirreferi għal kull “persuna” li tkun ġiet ikkundannata definittivament minn Stat kontraenti, mingħajr ma jillimita ruħu għal dawk li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru jew ta’ Stat kontraenti. Bl-istess mod, l-Artikolu 50 tal-Karta, bl-użu tal-pronom indefinit “l-ebda”, ma jistabbilixxi l-ebda rabta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan l-aħħar artikolu ma jaqax taħt il-Kapitolu V intitolat “Ċittadinanza”, iżda taħt il-Kapitolu VI intitolat “Ġustizzja”. |
|
50. |
Fit-tieni lok, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, meta tipproċedi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minnu, ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari taċ-ċittadini tal-Unjoni. B’hekk, fil-punt 79 ta’ dik is-sentenza, hija tirrileva li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat f’dan l-artikolu huwa intiż sabiex jevita, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li persuna li tkun ġiet ikkundannata definittivament tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti minħabba li tkun eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE ( 27 ). Hija spjegat, b’mod iktar partikolari, li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li persuna li tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament għandha tkun tista’ tiċċirkola liberament mingħajr il-biża’ ta’ proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti minn Stat kontraenti ieħor. Huwa wkoll veru li, fl-imsemmija sentenza, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma f’dik il-kawża ( 28 ), fih diversi riferimenti għall-Artikolu 21(1) TFUE ( 29 ). |
|
51. |
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, minn dawn il-konstatazzjonijiet ma għandux jiġi konkluż li, kif isostnu l-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München) u l-Gvern Ġermaniż, il-portata tal-Artikolu 54 tal-KFS hija limitata għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu tal-persuni. |
|
52. |
Fl-opinjoni tiegħi, dawn ir-riferimenti differenti għall-Artikolu 21(1) TFUE huma diġà spjegabbli fil-parti l-kbira tagħhom mill-kuntest li fih kienet taqa’ l-kawża li wasslet għas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol. Il-persuna kkonċernata kienet, fil-fatt, ċittadin Ġermaniż li talab lill-qorti tar-rinviju Ġermaniża kkonċernata sabiex tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-irtirar tal-avviż aħmar fil-konfront tiegħu, peress li l-problema prinċipali tiegħu kienet li l-eżistenza ta’ dan l-avviż kienet qiegħda tipprekludih milli jivvjaġġa fi Stat Membru jew fi Stat kontraenti ieħor minbarra l-Ġermanja mingħajr riskju li jiġi arrestat. Minħabba dan il-fatt, tnejn mid-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw espressament l-Artikolu 21(1) TFUE. |
|
53. |
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u riprodotta mill-Gvern Ġermaniż, li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, li fih riferiment għall-kunċett ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi din ma hijiex deċiżiva. B’hekk fis-sentenza Spasic ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet b’tali interpretazzjoni minkejja li l-persuna kkonċernata kienet ċittadin Serb. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza preċedenti kienet diġà tinterpreta l-Artikolu 54 tal-KFS fid-dawl tad-dispożizzjoni preċedenti għal l-Artikolu 3(2) TUE, jiġifieri r-raba’ inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 UE ( 31 ), minkejja li din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx tagħmel riferiment għal dan il-kunċett ( 32 ). |
|
54. |
Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS jipproteġi lil kull persuna li għandha d-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni fiż-żona Schengen, irrispettivament minn jekk tkunx jew le ċittadin tal-Unjoni. |
|
55. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni korrettament josservaw, taħt ċertu kundizzjonijiet, b’mod partikolari jekk ikollhom permess ta’ residenza validu jew ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ visa, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ukoll id-dritt li jiċċirkolaw liberament fiż-żona Schengen, tal-inqas għal perijodu limitat. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju b’hekk tindika li, fil-mument tal-arrest tiegħu, HF kellu d-dritt li jiċċirkola liberament fiż-żona Schengen bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) tal-KFS, peress li huwa kien eżentat mill-obbligu ta’ visa minħabba n-nazzjonalità Serba tiegħu. Is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini, fil-kuntest tal-KFS, hija għalhekk, f’ċerti każijiet, komparabbli ma’ dik taċ-ċittadini tal-Unjoni, li, kif il-Kummissjoni tosserva wkoll, tista’ tkun waħda mir-raġunijiet li għalihom il-partijiet f’dan il-ftehim ma llimitawx l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal din il-kategorija ta’ persuni. |
|
56. |
Ċertament, kif isostnu l-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München) u l-Gvern Ġermaniż, il-dritt ta’ moviment liberu hekk irrikonoxxut għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dak li għandhom iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex l-istess. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-ekwità u l-“paċi ċivili” ( 33 ) jirrikjedu, bħal fil-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni, li meta jkunu ġew ikkundannati definittivament fi Stat kontraenti, dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jużaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom fiż-żona Schengen mingħajr biża ta’ prosekuzzjoni kriminali ġdida għall-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor. |
|
57. |
Fit-tielet lok, naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat fl-Artikolu 54 tal-KFS ma għandux l-għan finali esklużiv li jiżgura l-moviment liberu tal-persuni, anki jekk ma hemmx dubju li dan għandu rwol importanti fil-ġurisprudenza rilevanti ( 34 ). Dan il-prinċipju, effettivament, huwa intiż ukoll sabiex, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jiżgura ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi pubbliċi li jkunu saru definittivi, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni jew ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri ( 35 ). Il-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li, fil-bidu, il-portata tiegħu kienet limitata għat-territorju ta’ kull pajjiż meqjus b’mod separat, jingħata, bis-saħħa tal-Artikolu 54 tal-KIFS, applikazzjoni “transnazzjonali” huwa espressjoni ta’ dan l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li huwa bbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali. Huwa b’hekk li, fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, bħal f’diversi sentenzi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dan l-artikolu jimplika neċessarjament li jkun hemm fiduċja reċiproka tal-Istati kontraenti fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minn dawn l-Istati jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati kontraenti l-oħra, anki meta l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu jkun iwassal għal soluzzjoni differenti ( 36 ). Kif korrettament issostni l-Kummissjoni, jekk fl-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, ikun possibbli li jitressqu diversi prosekuzzjonijiet kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti, dan ikun imur kontra l-għan ta’ tali spazju u jkun jikser il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali. |
|
58. |
Il-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq jidhru, barra minn hekk, li huma kkorroborati mill-punt 89 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta jkun stabbilit li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika għal persuna kkonċernata minn avviż aħmar maħruġ mill-Interpol, “kemm il-fiduċja reċiproka li l-Artikolu 54 tal-KFS jimplika bejn Stati kontraenti [...] kif ukoll id-dritt għal moviment liberu ggarantit fl-Artikolu 21(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu arrest provviżorju tal-imsemmija persuna mi[l]l-awtoritajiet [ta’ Stat kontraenti jew ta’ Stat Membru li lejh tkun marret din il-persuna] jew, skont il-każ, iż-żamma ta’ dan l-arrest” ( 37 ). Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssuġġettatx l-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS għal dik tal-Artikolu 21(1) TFUE u lanqas interpretat l-ewwel dispożizzjoni fid-dawl tat-tieni. |
|
59. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS, huma applikabbli għal sitwazzjoni fattwali u ġuridika bħal dik f’dan il-każ. Peress li l-KFS tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni ( 38 ), hemm lok, barra minn hekk, li jiġi kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u, għalhekk għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha, fosthom dak li persuna ma tkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni jew ta’ piena kriminali darbtejn għall-istess ksur, stabbilit fl-Artikolu 50 tagħha ( 39 ). Għalhekk, inqis li deċiżjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li testradixxi lil HF lejn l-Istati Uniti sabiex hemmhekk titressaq prosekuzzjoni kriminali għal fatti identiċi għal dawk li dwarhom huwa diġà ġie kkundannat definittivament fis-Slovenja għal piena li huwa diġà skonta fit-totalità tagħha tkun tikser l-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta. |
|
60. |
Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-konklużjonijiet ma għandhomx jiġu kkontestati mill-argument tal-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München) li estensjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-qasam tal-estradizzjoni lejn Stati terzi, flimkien ma’ rabta ma’ kundanni mogħtija fi Stati oħra li ma huwiex l-Istat rikjest, tinvolvi r-riskju li kriminali jinvokaw b’mod abbużiv dan il-prinċipju sabiex jevitaw prosekuzzjoni kriminali. Fil-fatt, dan l-argument – li, qabelxejn, huwa diffiċli jinftiehem – huwa bbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet ( 40 ). Barra minn hekk, ir-riskju msemmi jista’, fi kwalunkwe każ, jippreżenta ruħu wkoll f’sitwazzjonijiet li jinvolvu biss Stati kontraenti jew li jikkonċernaw ċittadini tal-Unjoni. Finalment, ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jissuġġerixxi li HF kien qed juża b’mod abbużiv il-prinċipju ta’ ne bis in idem f’dan il-każ. |
Fuq it‑Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA u l‑Ftehim UE‑USA
|
61. |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-qorti tar-rinviju, billi tirrifjuta li testradixxi lil HF lejn l-Istati Uniti, minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun tikser l-obbligi tagħha taħt it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Ftehim UE-USA, u, jekk iva, jekk it-Trattat jistax jipprekludi tali rifjut. |
|
62. |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, riprodotti fil-punti 25 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li, f’dan il-każ, kif issostni l-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet Ġermaniżi huma, bħala regola, obbligati li jestradixxu lil HF lejn l-Istati Uniti bis-saħħa tal-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, peress li l-kundizzjonijiet kollha prevista f’dan it-Trattat jidhru li huma ssodisfatti. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 8 (intitolat “Ne bis in idem”) tal-imsemmi trattat, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li dan ma huwiex applikabbli f’din il-kawża, peress li d-deċiżjoni definittiva preċedenti ġejja mill-awtoritajiet Sloveni u mhux minn dawk tal-Istat rikjest, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
63. |
Il-qorti tar-rinviju tinvoka l-Ftehim UE-USA, filwaqt li tirrileva li dan ma jistipulax l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem“fil-livell Ewropew”, sabiex tiddeduċi a contrario li l-obbligu ta’ estradizzjoni li jirriżulta mit-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA għandu jiġi osservat. |
|
64. |
F’dan ir-rigward, bħall-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, nikkunsidra li l-Ftehim UE-USA, li l-għan tiegħu huwa, skont l-Artikolu 1 tiegħu huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-qafas tar-relazzjonijiet fis-seħħ bejn l-Istati Membri u dan l-Istat terz fil-qasam tal-estradizzjoni, huwa applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ ( 41 ). Kif tispjega korrettament il-Kummissjoni, dan il-ftehim “jipprovdi qafas komuni li jikkompleta u jikkoinċidi mal-ftehim bilaterali ta’ estradizzjoni konklużi bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti [tal-Amerika] u japplika għalhekk, bħala regola, għar-relazzjonijiet relatati mal-estradizzjoni bejn dawn il-partijiet”. Ma jista’ jiġi dedott mill-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim li t-trattati bilaterali ta’ estradizzjoni konklużi mill-Istati Membri jieħdu preċedenza fuqu. B’mod partikolari, eventwali subordinazzjoni tal-Ftehim UE-USA għal dawn it-trattati ma tirriżultax la mill-Artikolu 3 tiegħu, li jistipula li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom japplikaw biss fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti fl-imsemmija trattati, u lanqas mill-Artikolu 17(1) li jistipula li l-Istat rikjest għandu jżomm il-possibbiltà li jinvoka raġunijiet għar-rifjut ta’ estradizzjoni li jinsabu fi trattat ta’ estradizzjoni bilaterali u li huma relatati ma’ kwistjoni li ma hijiex koperta mill-imsemmi ftehim. Għall-kuntrarju, dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim UE-USA, bħall-Artikolu 18, li minnu jirriżulta li huma biss ftehimiet bilaterali konsistenti ma’ dan il-ftehim li jistgħu jiġu konklużi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika, jikkonfermaw li dan il-ftehim għandu applikazzjoni ġenerali. |
|
65. |
Ċertament, kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 97 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, il-Ftehim UE-USA ma jistipulax espliċitament li l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirrifjutaw estradizzjoni mitluba mill-Istati Uniti tal-Amerika. B’mod iktar globali, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 tiegħu dwar il-piena tal-mewt, dan il-ftehim ma jipprevedix raġunijiet speċifiċi għar-rifjut ta’ estradizzjoni ( 42 ). Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol) ( 43 ), fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, ir-regoli tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li jistgħu, f’dan il-kuntest, jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma’ Stati terzi. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza billi jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, fosthom il-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat fl-Artikolu 50 tagħha, u ma għandhomx għalhekk jidħlu għal obbligi inkompatibbli ma’ dawk li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. |
|
66. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-argument tal-qorti tar-rinviju bbażat fuq interpretazzjoni a contrario tal-Ftehim UE-USA ma għandux jintlaqa’ u li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 351 TFUE, li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA sabiex tilqa’ t-talba għal estradizzjoni ta’ HF. |
|
67. |
Minkejja dan, abbażi preċiżament tal-Ftehim UE-USA, jista’ jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li rifjut ta’ estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti mhux neċessarjament jikser it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA. Fil-fatt, mill-Artikolu 17(2) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li “l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru” jistgħu “joħolqu impediment għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi”, u li jekk is-“soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub”. Minkejja li huwa veru li l-unika konsegwenza legali li din id-dispożizzjoni tipprevedi, f’dan il-każ, hija obbligu ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati kkonċernati, xorta jibqa’ il-fatt li hija tirrifletti l-volontà tal-partijiet fil-Ftehim UE-USA li jirrikonoxxu li ċerti ċirkustanzi mhux espressament previsti mit-trattat ta’ estradizzjoni bilaterali applikabbli jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-estradizzjoni ( 44 ). |
|
68. |
Minbarra l-fatt li s-sentenza tal-Okrožno sodišče v Mariboru (il-Qorti Reġjonali ta’ Maribor) tas‑6 ta’ Lulju 2012 tista’ tkun ikkunsidrata bħala “deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li għandha effett vinkolanti” għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jidhirli li, fost il-“prinċipji kostituzzjonali” ta’ Stat Membru, huma inklużi b’mod partikolari s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, huma qabelxejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjest li għandhom jibdew konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika. Minkejja li naqbel mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li dawn il-konsultazzjonijiet ma għandhomx iwasslu lil dan l-Istat Membru sabiex jinjora l-“ostakolu” stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, għall-kuntrarju, mhux ser nasal sabiex ngħid, kif tagħmel din l-istituzzjoni, li t-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, moqri flimkien mal-Ftehim UE-USA, ma huwiex, effettivament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Jekk tali konsultazzjonijiet ma kellhomx iwasslu għall-irtirar jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tat-talba għal estradizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Istat Membru rikjest ma jkollux għażla oħra ħlief li jpoġġi d-dritt tal-Unjoni qabel l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-trattat ta’ estradizzjoni bilaterali. |
B. Fuq l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 351 TFUE
|
69. |
Jonqos li jiġi stabbilit jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tistax tinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha, li jirriżulta mit-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA, li testradixxi lil HF lejn l-Istati Uniti minkejja li dan l-obbligu jikser id-dritt tal-Unjoni ( 45 ). |
|
70. |
L-Artikolu 351 TFUE jistipula, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, bejn Stat Membru wieħed jew iktar, minn naħa, u Stat mhux membru wieħed jew iktar, min-naħa l-oħra, ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati ( 46 ). |
|
71. |
It-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA ġie ffirmat fl‑20 ta’ Ġunju 1978 u daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Lulju 1980, jiġifieri wara l‑1 ta’ Jannar 1958, data li fiha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet diġà membru ta’ dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea. Għalhekk, jekk tingħata interpretazzjoni stretta tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, hemm lok li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika f’dan il-każ. |
|
72. |
Madankollu, bħall-qorti tar-rinviju, il-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München), il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, bħala li jinkludi, b’analoġija, il-ftehimiet konklużi minn Stat Membru wara l‑1 ta’ Jannar 1958 jew fid-data tal-adeżjoni tiegħu, iżda qabel id-data li fiha l-Unjoni saret kompetenti fil-qasam ikkonċernat minn dawn il-ftehimiet. |
|
73. |
F’dan il-każ, kien biss wara d-dħul fis-seħħ, l-ewwel, tat-Trattat ta’ Maastricht, fl‑1 ta’ Novembru 1993, u, sussegwentament, tat-Trattat ta’ Amsterdam, fl‑1 ta’ Mejju 1999, li l-Unjoni saret kompetenti fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, fejn dawn id-dati ġew wara dik tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA. L-istess japplika jekk jiġu kkunsidrati l-Ftehim ta’ Schengen u l-KFS, li ġew iffirmati fl‑14 ta’ Ġunju 1985 u fid‑19 ta’ Ġunju 1990, rispettivament, u li ma ġewx integrati fid-dritt tal-Unjoni ħlief bit-Trattat ta’ Amsterdam. |
|
74. |
Għalhekk, jidhirli li jista’ jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta kkonkludiet it-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA mal-Istati Uniti tal-Amerika, kienet tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik indikata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
75. |
Dan madankollu jfisser li, f’dan il-każ, hija għandha tiġi awtorizzata tilqa’ t-talba għal estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti? Ma naħsibx. |
|
76. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, li l-Artikolu 307 KE, li wara sar l-Artikolu 351 TFUE, fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jippermetti li prinċipji li jiffurmaw parti mill-pedamenti nfushom tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom dak tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, jiġu kkontestati ( 47 ). Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-prinċipji hekk identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza huma kompletament trasponibbli f’dan il-każ, peress li ma hemmx lok li ssir distinzjoni, fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, dwar liema drittijiet huma iktar fundamentali minn oħrajn ( 48 ). Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġġustifika l-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, li ġġib magħha l-estradizzjoni ta’ HF lejn l-Istati Uniti, bl-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA. |
|
77. |
Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri opportuni kollha sabiex jitwarrbu l-inkompatibbiltajiet li jista’ jkun hemm bejn il-ftehimiet ikkonċernati u t-trattati. Dawn il-miżuri jistgħu jirrikjedu lill-qrati tal-Istati Membri jivverifikaw jekk tali inkompatibbiltà tistax tiġi evitata billi l-ftehim jingħata, sakemm possibbli u b’osservanza tad-dritt internazzjonali, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 49 ). Jekk ma tkunx tista’ tingħata tali interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’każ bħal dan inkwistjoni, jipproċedu b’konsultazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE-USA, u anki jkunu obbligati, jekk jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li jagħmlu impossibbli l-emendar ta’ tali ftehim, li jirrinunzjaw għalih ( 50 ). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 34(4) tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-USA fih klawżola li tistipula espliċitament il-possibbiltà għal kull waħda mill-partijiet li tirrinunzja għal dan it-trattat. |
Konklużjoni
|
78. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja): L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li: dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-estradizzjoni ta’ persuna, irrispettivament minn jekk tkunx jew le ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz, meta din il-persuna tkun diġà ġiet ikkundannata definittivament fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti bħal dawk koperti mit-talba għal estradizzjoni magħmula minn dan l-Istat terz u meta tali sentenza tkun ġiet eżegwita, u dan anki jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ estradizzjoni tkun possibbli biss bi ksur ta’ trattat ta’ estradizzjoni bilaterali eżistenti ma’ dan l-Istat terz. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9. Il-KTFS ġiet konkluża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal‑Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 19, Vol 2, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen”).
( 3 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 4 ) ĠU 2006, C 321E, p. 191.
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152. Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, li b’mod partikolari jistipula li “[i]l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] [...] għandu jiddetermina, b’konformita’ mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta’ Schengen”.
( 6 ) L-Artikolu 34 UE tħassar bit-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li l-Artikolu 31 UE ġie ssostitwit bl-Artikoli 82, 83 u 85 TFUE.
( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 161.
( 8 ) ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32.
( 9 ) ĠU 2018, L 236, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 193, p. 16.
( 10 ) ĠU 2018, L 303, p. 39.
( 11 ) ĠU 2006, L 105, p. 1.
( 12 ) BGBl. 1980 II, p. 646. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li dan it-trattat daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Lulju 1980.
( 13 ) BGBl. 1988 II, p. 1087.
( 14 ) BGBl. 2007 II, p. 1618.
( 15 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li dawn ir-reati, li għalihom HF kien jinsab fuq il-lista nazzjonali ta’ persuni mfittxija mill-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Ġudizzjarja, il-Ġermanja) għandhom jiġu kklassifikati, skont id-dritt Ġermaniż, bħala “assoċjazzjoni b’għan kriminali”, “spjunaġġ u interċezzjoni ta’ data” u “sabutaġġ tal-informatika”.
( 16 ) C‑505/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Avviż aħmar tal-InterpolEU:C:2021:376. Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA.
( 19 ) BGB1. 1982 I, p. 2071.
( 20 ) “Parti Kontraenti” tfisser Stat li huwa parti fil-Ftehim ta’ Schengen.
( 21 ) C‑188/07, EU:C:2008:174, punt 95.
( 22 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Sentenza Avviż aħmar tal-Interpol (punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 50 tal-Karta juża t-terminu “reat”, filwaqt li l‑Artikolu 54 tal-KFS jirreferi għall-kunċett tal-“istess fatti”. Il-ġurisprudenza interpretat dan il-kunċett tal-aħħar bħala li jirrigwarda “biss il-materjalità tal-fatti u li jinkludi ġabra ta’ fatti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin, irrispettivament mill‑kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti jew mill-interess ġuridiku protett” (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-istess sens, fir-rigward tal-eżistenza tal-istess “reat”, fis‑sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata din il-kundizzjoni huwa dak tal-identità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbutin inseparabbilment ma’ xulxin li wasslu għal-liberazzjoni jew għall-kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Sentenza Avviż aħmar tal-Interpol (punti 90, 94 u 95).
( 27 ) Din id-dispożizzjoni tistipula li “[l]-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal‑persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda […] il‑prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”.
( 28 ) Jiġifieri, l-ewwel sat-tielet domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju fil‑kawża li wasslet għal dik l-istess sentenza.
( 29 ) Sentenza Avviż aħmar tal-Interpol (punti 71, 72, 85, 89, 91 sa 93, 100, 102 u 106).
( 30 ) Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014 (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 61 sa 63).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 36; waħda mill-kawżi li wasslet għal dik is‑sentenza kienet tirrigwarda ċittadin Tork), u tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C-467/04, EU:C:2006:610, punti 34 sa 37).
( 32 ) Ir-raba’ inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 UE jistipula li l-Unjoni għandha l‑għan “li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu ta’ persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda il-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità”.
( 33 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 27).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 38).
( 35 ) Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 77). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 79 tas-sentenza Avviż aħmar tal-Interpol, li l‑kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Sentenza Avviż aħmar tal-Interpol (punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is‑sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 33), u tat‑28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 43).
( 37 ) Korsiv miżjud minni.
( 38 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Generalstaatsanwaltschaft München (l‑Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München) jissottometti li “[l]-persuna kkonċernata tista’ dejjem tagħti bidu għal proċedura kontra tagħha billi tirrapporta lilha nnifisha hija stess” u li jekk “[hija] barra minn hekk tagħmel konfessjoni bażika, tiftaħ il-possibbiltà ta’ sospensjoni wiesgħa mingħajr segwitu, li hija mistennija jekk provi oħra ma jaqgħux fl-isfera ta’ influwenza tal-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni u jekk l-awtorità ma tkunx tista’ tivverifika l-portata tar-reat mill‑konfessjoni”.
( 41 ) Li jikkonferma, jekk tali konferma hija meħtieġa, li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li b’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d‑drittijiet fundamentali protetti mill-Karta.
( 42 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 38).
( 43 ) C‑505/19, EU:C:2020:939, punti 78 sa 80, Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 26), u Avviż aħmar tal-Interpol (punt 100).
( 44 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol) (C‑505/19, EU:C:2020:939, punt 76).
( 45 ) Dan l-artikolu għandu portata ġenerali u japplika għal kull ftehim internazzjonali, ikun xi jkun l-għan tiegħu, li jista’ jkollu effett fuq l-applikazzjoni tat-Trattat (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑466/98, EU:C:2002:624, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dan jista’ japplika fir‑rigward tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja‑USA.
( 46 ) Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tispjega, b’mod konformi mal-prinċipji ta’ dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattati ma taffettwax l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta’ pajjiżi terzi li jirriżultaw minn ftehim preċedenti u li josservaw l-obbligi korrispondenti (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem l-Avukat Ġenerali Jääskinen, “[d]in id-dispożizzjoni ssolvi l‑kunflitti bejn iż-żewġ obbligi inkompatibbli favur l-obbligu preċedenti u b’hekk tikkodifika l-prinċipju tad-dritt internazzjonali li trattat sussegwenti li huwa f’kunflitt ma’ trattat preċedenti ma jistax legalment jaffetwa d-drittijiet ta’ Stat li hu biss parti fit-trattat preċedenti” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑264/09, EU:C:2011:150, punt 73).
( 47 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008 (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 304).
( 48 ) Qabelxejn, sabiex nuża l-kliem tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi “wieħed mill-pedamenti ta’ kwalunkwe ordinament ġuridiku bbażat fuq l-istat tad-dritt” (C‑617/17, EU:C:2018:976, punt 18). Bl-istess mod, il‑ġurisprudenza tiddeskrivih bħala “prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom, C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 40).
( 49 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punt 69).