KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C434/22

AS “Latvijas valsts meži”

vs

Dabas aizsardzības pārvalde

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Evalwazzjoni tal-effetti xierqa – Kunċett ta’ pjan jew ta’ proġett – Intervent f’foresta, sabiex jiġu evitati n-nirien – Rabta diretta mal-ġestjoni tas-sit jew ħtieġa għaliha – Urġenza tal-miżura – Miżuri ta’ prekawzjoni – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Rimedju ta’ ħsarat”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (2) jeżiġi evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv ir-riżervi naturali ta’ importanza Ewropea, l-hekk imsejħa “żoni ta’ Natura 2000”. Madankollu, anki l-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien fiż-żoni forestali għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni minn qabel? U x’inhuma l-konsegwenzi tal-ommissjoni tal-evalwazzjoni? Dawn id-domandi għandhom jiġu ċċarati fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

2.        Il-kawża prinċipali toriġina mill-fatt li l-utent ta’ foresta qata’ siġar f’żona ta’ konservazzjoni Natura-2000, mingħajr ma twettqet evalwazzjoni minn qabel, sabiex jiffaċilita l-ġlieda futura kontra n-nirien. Wara li saru jafu b’tali qtugħ, il-korpi responsabbli mill-protezzjoni tas-siti ordnaw ċerti miżuri li l-utent qiegħed jikkontesta. Minbarra l-obbligu ta’ evalwazzjoni għal tali miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien, għandu b’mod partikolari jiġi eżaminat liema miżuri jistgħu jiġu ordnati meta tali attivitajiet ikunu twettqu mingħajr evalwazzjoni minn qabel.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

3.        L-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi żoni speċjali ta’ konservazzjoni bħala “sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

4.        Id-deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats:

“Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”

5.        Il-protezzjoni taż-żoni ta’ Natura 2000 hija rregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

6.        Barra minn hekk, l-ewwel domanda ssemmi d-definizzjoni ta’ proġett li tinsab fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA (3):

“2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)      ‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]”

B.      Id-dritt Latvjan

7.        Il-Latvja ttrasponiet id-Direttiva dwar il-habitats fil-Likums “Par īpaši aizsargājamām dabas teritorijām” (il-Liġi dwar iż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni).

8.        Biex tipproteġi s-sit kontenzjuż, ġie adottat il-Ministru kabineta 2017. gada 16. Augusta noteikumi Nr. 478, “Dabas lieguma ‘Ances purvi un meži’ individuālie aizsardzības un izmantošanas noteikumi” (id-Digriet Nru 478 tal-Kunsill tal-Ministri tas‑16 ta’ Awwissu 2017 dwar Standards Speċifiċi għall-Konservazzjoni u l-Użu tar-Riżerva Naturali “Artijiet Mistagħdra u Foresti ta’ Ance”, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 478”).

9.        Skont l-Artikolu 11.2 tad-Digriet Nru 478 il-qtugħ ta’ siġar mejta u t-tneħħija ta’ siġar imwaqqgħin kif ukoll tal-mifrex jew tal-partijiet tagħhom b’dijametru ta’ iktar minn 25 cm huma pprojbiti f’żoni forestali, jekk il-volum totali tagħhom ikun inqas minn 20 3 għal kull ettaru tal-art ifforestata; bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: taħt l-Artikolu 11.2.1., il-qtugħ u t-tneħħija ta’ siġar perikolużi, bil-kundizzjoni li s-siġar jitħallew fl-art ifforestata; u taħt l-Artikolu 11.2.2., it-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-bijotopi forestali prijoritarji tal-Unjoni Ewropea: artijiet imsaġġra tat-torbieri mistagħdra (91D0*), imsaġar baqqiegħa (9080*), foresti alluvjali (91E0*) u foresti boreali antiki jew naturali (9010*) fejn huma pprojbiti l-qtugħ ta’ siġar mejta u t-tneħħija ta’ siġar imwaqqgħin kif ukoll tal-mifrex jew tal-partijiet tagħhom b’dijametru ta’ iktar minn 25 cm.

10.      Skont l-Artikolu 23.3.3 tad-Digriet Nru 478, mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju l-attivitajiet tal-forestrija huma pprojbiti fiż-żona ta’ protezzjoni staġjonali, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni u għall-ġlieda kontra nirien forestali.

11.      Fir-rigward tar-riżerva naturali, jeżisti wkoll pjan għall-protezzjoni tan-natura (pjan għas-snin 2016 sa 2028, iktar ’il quddiem il-“pjan”) li ġie approvat mill-Vides aizsardzības un reģionālās attīstības ministra 2016. gada 28. aprīļa rīkojums Nr. 105 (l-Ordni Nru 105 tal-Ministru għall-Ħarsien Ambjentali u l-Iżvilupp Reġjonali tat‑28 ta’ April 2016).

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

12.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-riżerva naturali “Ances purvi un meži” (artijiet mistagħdra u foresti ta’ Ances, iktar ’il quddiem iż-“żona ta’ konservazzjoni”) hija żona speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza Ewropea b’superfiċji totali ta’ 9 822 ettaru (4). Iż-żona nħolqot biex tiżgura l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bijotopi li huma partikolarment protetti fil-Latvja u fl-Unjoni, siti ta’ speċi ta’ annimali u pjanti rari u protetti kif ukoll is-sbuħija tal-pajsaġġ tad-dipressjonijiet kostali u tal-għaram li jinsabu fiż-żona. F’din iż-żona hemm 20 bijotopu partikolari protetti ta’ importanza Ewropea, b’superfiċji totali ta’ 9 173 ettaru (5), 48 speċi ta’ pjanti vaskulari protetti, 28 speċi ta’ muski, żewġ speċi ta’ faqqiegħ, disa’ speċi ta’ ħażiż, ħdax-il speċi ta’ mammiferi, 61 speċi ta’ għasafar rari u 15-il speċi ta’ invertebrati. Din hija żona importanti tat-tibjit għall-għasafar rari u mhedda bl-estinzjoni. Fl‑2004, iż-żona ta’ protezzjoni, b’superfiċji ta’ 10 056 ettaru ġiet inkluża fil-lista tas-siti ta’ importanza internazzjonali għall-għasafar.

13.      Fil‑31 ta’ Lulju 2019, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Latvijas valsts meži (6) ressqet quddiem il-Valsts vides dienests (is-Servizz Statali għall-Ambjent, il-Latvja) talba għal evalwazzjoni inizjali tal-effetti fuq l-ambjent u għall-adozzjoni ta’ regoli tekniċi relatati mal-implimentazzjoni, għas-sena 2019, tal-attivitajiet previsti mill-Valsts meža dienests (is-Servizz Statali tal-Foresti, il-Latvja) fil-pjan ta’ azzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien fir-riżerva naturali. Dawn il-miżuri jinkludu l-qtugħ ta’ siġar sabiex tittejjeb fit-tul il-protezzjoni min-nirien fir-riżerva naturali, filwaqt li jiġu żgurati l-prevenzjoni u t-tifi f’waqthom u effettivi ta’ nirien forestali possibbli.

14.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2019, il-Ventspils reģionālā vides pārvalde (id-Dipartiment Ambjentali Reġjonali ta’ Ventspils, il-Latvja), li huwa parti mis-Servizz Stati għall-Ambjentali, ordna li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issir għall-attività prevista minn Latvijas valsts meži. Fl‑20 ta’ Frar 2020, il-Vides pārraudzības valsts birojs (l-Uffiċċju Statali għall-Monitoraġġ tal-Ambjent, il-Latvja) emenda d-deċiżjoni tad-Dipartiment Ambjentali Reġjonali ta’ Ventspils tal‑4 ta’ Diċembru 2019, fis-sens li din l-attività ma taqax taħt l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iżda taħt il-proċedura ta’ evalwazzjoni taż-żoni ta’ Natura 2000.

15.      Latvijas valsts meži informat lill-Uffiċċju Statali għall-Monitoraġġ tal-Ambjent li l-pjan ta’ azzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien (għas-sena 2019) ma kienx implimentat u li, konsegwentement, il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza Ewropea (Natura 2000) ma kinitx implimentata.

16.      Fis‑7 u fl‑14 ta’ Jannar 2021, impjegati tad-Dabas aizsardzības pārvalde (l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali, il-Latvja) tad-dipartiment reġjonali ta’ Kurzeme (il-Latvja) spezzjonaw iż-żona ta’ konservazzjoni u kkonstataw li Latvijas valsts meži kienet qatgħet siġar fir-riżerva naturali b’tul ta’ madwar 17-il kilometru u b’hekk wessgħet il-passaġġi naturali.

17.      L-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kkonkludiet li, fil-każ ineżami, kienet twettqet attività li la kienet prevista fil-pjan ta’ ġestjoni tas-sit u lanqas fid-Digriet Nru 478. Hija kkonstatat ukoll li din l-attività kienet tagħmel parti mill-attività prevista li qabel kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq iż-żona ta’ konservazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

18.      Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2021, l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali obbligat lil Latvijas valsts meži tnaqqas l-impatti negattivi fuq il-valuri tal-konservazzjoni tan-natura tal-attività mwettqa fiż-żona ta’ konservazzjoni, billi tħalli fuq il-post is-siġar tal-arżnu maqtugħa fil-koperturi tal-foresti, li z-zokk prinċipali tagħhom għandu dijametru ta’ iktar minn 25 cm. Hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha bil-fatt li s-siġar maqtugħa jiżviluppaw maż-żmien, permezz tad-dekompożizzjoni progressiva u naturali tal-injam, f’substrat nutrittiv xieraq għal ċertu numru ta’ insetti protetti speċjalment li jkunu fir-riżerva naturali, bħall-ħanfusa tal-qrun twil tal-koniferi Tragosoma depsarium u l-ħanfusa l-kbira tal-qrun twil Ergates faber. Barra minn hekk, l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali ordnat lil Latvijas valsts meži tissupplimenta l-ammont ta’ injam mejjet attwalment insuffiċjenti f’dawn il-koperturi tal-bijotopu tal-Unjoni protett b’mod prijoritarju 9010* “foresti boreali antiki jew naturali” (7).

19.      Latvijas valsts meži opponiet din id-deċiżjoni, iżda d-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kkonfermaha permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021. Din il-kumpannija konsegwentement ippreżentat rikors quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

20.      Fir-rikors promtur ġie espost li, fil-każ ineżami, Latvijas valsts meži kienet wettqet biss attivitajiet ammissibbli u meħtieġa mil-liġi, jiġifieri miżuri għall-protezzjoni kontra n-nirien forestali permezz tat-tnaqqis tar-riskju ta’ nirien, li kienu jinkludu l-manteniment tal-passaġġi tal-foresti u tal-passaġġi naturali, inkluż il-qtugħ ta’ siġar skont il-permessi maħruġa mill-Valsts meža dienests (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Foresti); dawn il-miżuri ma humiex suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni għal żoni ta’ Natura 2000, u huma konformi mal-pjan ta’ ġestjoni tas-sit u d-Digriet Nru 478.

21.      Ir-rikors promotur jirreferi wkoll għal ftehim milħuq waqt seminar dwar it-titjib tal-protezzjoni min-nirien fil-foresti u l-artijiet mistagħdra, inkluża r-riżerva naturali, organizzat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Foresti fid‑29 ta’ Lulju 2020, li bis-saħħa tiegħu s-siġar kellhom jinqatgħu bl-għan li jinżammu l-passaġġi naturali fir-riżerva naturali. L-obbligu impost mid-deċiżjoni kkontestata għandu effett negattiv fuq il-protezzjoni u l-ġlieda kontra n-nirien fir-riżerva naturali. L-amministrazzjoni tal-foresti statali ġibdet ukoll l-attenzjoni għal dan l-aspett.

22.      Konsegwentement, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘proġett’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-[Direttiva SEA] jinkludi wkoll l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti min-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti min-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien, għandhom jitqiesu, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitats], bħala proġett direttament marbut [jew] neċessarju għall-ġestjoni tas-sit inkwistjoni, b’tali mod li dawn l-attivitajiet ma humiex suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva […] għat-tieni domanda, l-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitats] jinkludi wkoll l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-pjanijiet u proġetti (attivitajiet) li, filwaqt li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni, jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000), iżda li madankollu jitwettqu b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni u tal-ġlieda kontra n-nirien forestali?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, tali attività tista’ titwettaq u tiġi konkluża qabel l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ex post taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?

5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, sabiex jiġu evitati effetti sinjifikattivi possibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu l-kumpens għad-dannu u jadottaw miżuri, jekk il-portata tal-effetti ma jkunx ġie evalwat matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?”

23.      Latvijas valsts meži, l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

IV.    L-analiżi ġuridika

24.      Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nikkonċentra fuq kollox fuq il-ħames domanda dwar l-ordnijiet tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali minħabba l-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti (ara taħt E). Barra minn hekk, it-tieni u r-raba’ domanda jistħoqqilhom ukoll li jiġu eżaminati f’iktar dettall. Dawn jikkonċernaw, minn naħa, ir-rabta bejn il-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien kontenzjużi u l-ġestjoni tas-sit (ara taħt B) u, min-naħa l-oħra, l-urġenza tal-miżuri (ara taħt D). Sabiex nirrispondi għall-ewwel u għat-tielet domanda (ara taħt A u C), ser infakkar, essenzjalment, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

A.      Lewwel domanda – manteniment u ħolqien ta’ passaġġi

25.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kunċett ta’ proġett fis-sens tad-Direttiva SEA. Madankollu, hija effettivament tistaqsi jekk il-qtugħ ta’ siġar għall-manteniment jew għall-ħolqien ta’ passaġġi naturali fi ħdan żona ta’ konservazzjoni, konformement mar-rekwiżiti legali fil-qasam tal-protezzjoni kontra n-nirien forestali, għandux jitqies bħala proġett, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

26.      Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, evalwazzjoni xierqa tal-effetti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal żona speċjali ta’ konservazzjoni hija meħtieġa biss meta pjan jew proġett jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv żona speċjali ta’ konservazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra.

27.      Id-Direttiva dwar il-habitats ma tiddefinixxix x’għandu jinftiehem bi proġett, iżda l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA jinkludi definizzjoni. Skont din id-direttiva, il-kunċett ta’ “proġett” jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew skemi oħra, kif ukoll interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li proġett fis-sens tad-definizzjoni tad-Direttiva SEA huwa a fortiori proġett fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats (8).

28.      Madankollu, it-terminu “proġett” huwa ddefinit b’mod iktar restrittiv fid-Direttiva SEA milli fid-Direttiva dwar il-habitats, peress li l-kundizzjonijiet tal-“installazzjoni” jew tal-“intervent” huma nieqsa fid-Direttiva dwar il-habitats. Konsegwentement, il-kunċett ta’ proġett taħt id-Direttiva dwar il-habitats jinkludi wkoll proġetti li ma jaqgħux iktar taħt il-kunċett ta’ proġett taħt id-Direttiva SEA (9). Pjuttost, dak li huwa determinanti huwa jekk l-attività inkwistjoni tistax taffettwa (10) żona ta’ konservazzjoni b’mod sinjifikattiv jew jekk hemmx probabbiltà jew riskju li pjan jew proġett jaffettwaw is-sit b’mod sinjifikattiv (11).

29.      Il-ħolqien ta’ passaġġ naturali permezz tal-qtugħ ta’ siġar jista’ jitqies bħala l-eżekuzzjoni ta’ installazzjonijiet jew skemi oħra (12). Għall-kuntrarju, il-qtugħ ta’ siġar għall-manteniment ta’ passaġġi eżistenti jista’ jikkostitwixxi, tal-inqas, intervent ieħor fin-natura u fil-pajsaġġ. Fi kwalunkwe każ, f’żona ta’ konservazzjoni li tinkludi, bħal fil-kawża ineżami (13), il-protezzjoni tat-tipi ta’ habitats forestali, tali miżura timplika, bħala prinċipju, probabbiltà jew riskju ta’ ħsara sinjifikattiva.

30.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-qtugħ ta’ siġar f’żona ta’ konservazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-habitats forestali, għall-manteniment jew għall-bini mill-ġdid ta’ infrastrutturi f’dan is-sit konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien forestali, jikkostitwixxi proġett fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

B.      Ittieni domanda – ġestjoni ta’ sit

31.      It-tieni domanda hija intiża li jiġi ċċarat jekk il-qtugħ ta’ siġar f’żona ta’ konservazzjoni għall-protezzjoni tal-habitats forestali għall-manteniment jew għall-bini ta’ infrastrutturi ġodda f’dan is-sit, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien forestali, huwiex direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit.

32.      Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, evalwazzjoni xierqa tal-effetti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal żona speċjali ta’ konservazzjoni ma hijiex neċessarja meta l-miżura inkwistjoni tkun direttament marbuta mal-ġestjoni tas-sit jew tkun neċessarja għal dan il-għan.

33.      L-utent ekonomiku ta’ żona forestali ċertament jikkunsidra li l-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien f’din iż-żona huma direttament marbuta mal-ġestjoni tas-sit jew huma neċessarji għal dan il-għan.

34.      Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats għandu bħala għan il-protezzjoni taż-żoni ta’ Natura 2000. Għalhekk, “ġestjoni tas-sit” ma tfissirx miżuri għall-użu ekonomiku tas-sit, iżda miżuri fis-sens tad-definizzjoni tal-Artikolu 1(a), jiġifieri miżuri li huma meħtieġa għall-manteniment jew għar-ripristinar tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie ddeżinjat.

35.      Dawn il-miżuri għandhom, skont l-Artikolu 6(1), jikkonformaw mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li jinsabu fis-siti. L-Artikolu 4(4) jipprevedi li, fid-deżinjazzjoni tas-siti, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tagħhom għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u għall-koerenza tan-network ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għalihom. Meta jistabbilixxi dawn il-miżuri u dawn il-prijoritajiet, l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli (14).

36.      Huwa għalhekk li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-foresta ta’ Białowieża, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk ix-xogħlijiet kontenzjużi ta’ qtugħ ta’ siġar kinux konformi mal-għanijiet ta’ konservazzjoni u mal-miżuri stabbiliti għaż-żona ta’ konservazzjoni. Peress li dan ma kienx il-każ, hija ċaħdet l-argument tal-Istat Membru li dawn ix-xogħlijiet kienu direttament marbuta mal-ġestjoni tas-sit ta’ konservazzjoni jew neċessarji għal dan il-għan (15).

37.      Il-miżuri ta’ prekawzjoni intiżi għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra n-nirien jistgħu jkunu marbuta mal-ġestjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni jew jistgħu jkunu neċessarji għal dan il-għan, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, in-nirien jistgħu jaffettwaw il-habitats protetti u, għaldaqstant, l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit (16). Għalhekk, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, kemm il-pjan ta’ protezzjoni kif ukoll id-Digriet Nru 478 (17) jinkludu indikazzjonijiet indiretti dwar in-neċessità ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ta’ ġlieda kontra n-nirien fiż-żona ta’ konservazzjoni kkonċernata.

38.      Madankollu, minn dan ma jsegwix li l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien jew, tal-inqas, il-miżuri kkontestati huma neċessarjament marbuta direttament mal-ġestjoni tas-sit jew huma neċessarji għal dan il-għan. Dan diġà jirriżulta mill-fatt li n-nirien jistgħu jkunu wkoll parti mill-iżvilupp naturali ta’ ċerti tipi ta’ habitats protetti u għalhekk saħansitra jkunu meħtieġa għal ċerti speċi (18). L-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali enfasizzat dan ukoll fl-argumenti tagħha.

39.      Għalhekk, il-manwal ta’ interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ habitats imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi t-tip ta’ habitat ta’ prijorità 9010* “Taiga tal-Punent” bħala foresti naturali antiki u l-fażijiet bikrija tas-suċċessjoni li jiżviluppaw b’mod naturali wara n-nar (19). B’hekk, għal dan it-tip ta’ habitat u għat-tip ta’ habitat 2180 “duni bis-siġar tar-reġjun Atlantiku, Kontinentali u Boreali”, li jkopru partijiet estensivi taż-żona ta’ konservazzjoni kontenzjuża, l-Istati Membri kkomunikaw kemm in-nar kif ukoll il-ġlieda tiegħu bħala waħda mill-għaxar theddidiet u pressjonijiet l-iktar importanti (20).

40.      Il-punt sa fejn il-qtugħ ta’ siġar, għall-manteniment jew għall-ħolqien ta’ passaġġi naturali ġewwa żona ta’ konservazzjoni, jaffettwa ż-żona ta’ konservazzjoni jiddependi qabelxejn mis-sit tas-siġar maqtugħa, b’mod partikolari mill-kwistjoni dwar jekk humiex ikkonċernati tipi ta’ habitats jew speċi protetti, kif ukoll mill-ispeċi u mill-istat tas-siġar.

41.      Madankollu, anki jekk dan jaffettwa b’mod negattiv ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona ta’ konservazzjoni, huwa possibbli li l-Istat Membru jagħti iktar importanza lill-protezzjoni min-nirien. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Istat Membru għandu jiddefinixxi prijoritajiet u għalhekk, b’mod partikolari, għandu jiddeċiedi dwar kunflitti bejn diversi għanijiet (21). Ibbilanċjar favur miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien ikun iġġustifikat jekk ir-riskju ta’ ħsara futura għas-sit min-nirien ikun ikbar mill-ħsara konkreta lil ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni kkawżata mill-miżuri inkwistjoni.

42.      Madankollu, dan l-ibbilanċjar jeħtieġ li l-għanijiet ta’ konservazzjoni kkonċernati jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ. Il-kompetenzi amministrattivi ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni kontra n-nirien jew tal-ġestjoni tal-foresti għalhekk għadhom ma jiġġustifikawx is-setgħa li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien bħala miżuri ta’ konservazzjoni għal żona ta’ Natura 2000. Kumpannija li topera s-sit minn perspettiva ekonomika lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar dan. L-ibbilanċjar jaqa’ pjuttost taħt ir-responsabbiltà tal-organi responsabbli għall-protezzjoni tas-sit skont id-dritt tal-Istat Membru, jiġifieri għall-iffissar tal-għanijiet u tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

43.      Il-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali dwar il-protezzjoni kontra n-nirien jew ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni kontra n-nirien ibbażati fuqhom jistgħu għalhekk ikunu direttament marbuta biss mal-ġestjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni jew ikunu neċessarji għal dan il-għan, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jekk dawn jagħmlu wkoll parti mill-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva. Għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni u li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3).

C.      Ittielet domanda – regoli dwar ilġlieda kontra nnar

44.      It-tielet domanda terġa’ tqajjem il-punt li l-miżuri kontenzjużi huma implimentati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġu ggarantiti r-rekwiżiti ta’ protezzjoni kontra n-nirien u tal-ġlieda kontra n-nirien forestali. Għaldaqstant, id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li jekk, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti meta l-kundizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ikunu ssodisfatti għal tali evalwazzjoni.

45.      Madankollu, l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jinkludi ebda eċċezzjoni fir-rigward tal-miżuri previsti fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġlieda kontra n-nirien ma tistax tipprovdi eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3).

46.      Fil-prattika, il-qorti nazzjonali hija għalhekk obbligata tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali oħra, inklużi dawk dwar il-ġlieda kontra n-nirien, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) (22). Din l-interpretazzjoni għandha tiżgura, sa fejn huwa possibbli, li l-miżuri skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni min-nirien jiġu eżaminati wkoll meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ evalwazzjoni. Skont l-indikazzjonijiet tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali u tal-Kummissjoni, dan huwa perfettament possibbli fid-dritt Latvjan.

47.      Jekk madankollu tali interpretazzjoni konformi mad-Direttiva ma tkunx possibbli, id-Direttiva dwar il-habitats ma tistax madankollu toħloq obbligi direttament applikabbli għal individwi, peress li din hija direttiva (23). Is-sidien ta’ foresti privati jkunu jistgħu għalhekk jinvokaw derogi mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti previsti fil-livell nazzjonali skont ir-regoli dwar il-protezzjoni kontra n-nirien.

48.      Madankollu, skont l-informazzjoni fis-sit internet tagħha, il-kumpannija Latvijas valsts meži hija kompletament proprjetà tal-Istat Latvjan u tamministra l-foresti tal-Istat Latvjani. Dan huwa espress ukoll minn isimha, li jista’ jiġi tradott bħala “Foresti tal-Istat Latvjan”. Jekk dan huwa l-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju jekk jeżisti dubju, Latvijas valsts meži għandha titqies li tappartjeni għall-Istat Latvjan, li ma jistax jieħu vantaġġ minn traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva dwar il-habitats (24). F’dan il-każ, id-Direttiva dwar il-habitats tista’ tiġi invokata direttament kontra Latvijas valsts meži (25).

D.      Irraba’ domanda – tkomplija talmiżuri qabel levalwazzjoni taleffetti

49.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-miżuri kontenzjużi għall-ġlieda kontra n-nirien jistgħux jitkomplew u jitlestew qabel ma tiġi implimentata l-proċedura ta’ evalwazzjoni ex post tal-ħsarat fiż-żoni ta’ Natura 2000.

50.      Huwa possibbli li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirrikorri għall-ġurisprudenza li tgħid li l-qrati nazzjonali jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, iżommu temporanjament l-effetti ta’ ċerti awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni impost mid-dritt tal-Unjoni sar-regolarizzazzjoni a posteriori ta’ dan id-difett proċedurali (26).

51.      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi – bl-eċċezzjoni tar-raba’ domanda – ebda deċiżjoni ta’ tkomplija fil-prattika tax-xogħlijiet jew ta’ evalwazzjoni a posteriori tal-effetti ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, l-imsemmija ġurisprudenza hija bbażata fuq il-preżunzjoni li ż-żamma tal-awtorizzazzjoni u t-tkomplija konkomitanti tal-attività rispettiva huma neċessarji għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent (27) jew mal-provvista tal-enerġija (28). It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan is-sens.

52.      Madankollu, mill-fatti li wasslu għall-ordnijiet ikkontestati u mill-argumenti mressqa minn Latvijas valsts meži jirriżulta li l-miżuri kontenzjużi ġew implimentati mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-effetti peress li l-kumpannija ma xtaqitx tistenna l-evalwazzjoni minħabba l-urġenza tal-miżuri ta’ protezzjoni kontra n-nirien bħala prekawzjoni. Għaldaqstant, ninterpreta din id-domanda bħala li tistaqsi jekk, f’każijiet ta’ urġenza partikolari, jistax ikun permess li miżuri li bħala prinċipju huma suġġetti għal evalwazzjoni jiġu implimentati qabel ma tkun twettqet l-evalwazzjoni u qabel ma r-riżultati tal-evalwazzjoni jkunu disponibbli.

53.      Tali implimentazzjoni antiċipata ta’ miżuri ma hijiex prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Għall-kuntrarju, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni xierqa għandha ssir qabel l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni (29). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika l-evalwazzjoni bħala evalwazzjoni ex ante (30).

54.      Din is-sekwenza fiż-żmien hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit, sa fejn huwa possibbli, qabel l-implimentazzjoni tal-miżura rispettiva, jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn iż-żona ta’ konservazzjoni ser tiġi affettwata. Evalwazzjoni a posteriori naturalment ma tippermettix li jiġu evitati ħsarat. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ inventarju ddettaljat tal-art ifforestata qabel ma tkun saret il-ħsara, ikun normalment diffiċli li jiġi stabbilit b’mod definittiv, a posteriori, l-istat oriġinali tas-sit u l-portata tal-eventwali ħsara.

55.      Għalhekk, bħala prinċipju, ma huwiex ammissibbli li miżura li hija suġġetta għal evalwazzjoni tinbeda qabel ma titlesta l-evalwazzjoni tal-effetti. Dan japplika iktar u iktar għat-tkomplija ta’ miżura jekk din tkun diġà bdiet bi ksur tal-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti.

56.      Madankollu, wieħed jista’ jimmaġina tipi differenti ta’ riskji li jistgħu jiġġustifikaw eċċezzjoni mill-evalwazzjoni ex ante, possibbilment abbażi tal-ġurisprudenza dwar iż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet (31) imsemmija iktar ’il fuq.

57.      Eċċezzjoni bħal din hija partikolarment ovvja f’każ ta’ riskji reali u attwali, bħal nar jew għargħar. Hija possibbli wkoll f’każ ta’ riskji imminenti li, għalkemm mhux attwali, probabbilment iseħħu fil-futur qrib. Probabbiltà bħal din tista’ tirriżulta, pereżempju, mit-tbassir tat-temp jew mill-fatt li diġà niżlet xita qawwija ’il fuq tax-xmara, li dalwaqt se twassal għal għargħar fid-direzzjoni tax-xmara.

58.      Madankollu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar tali każijiet f’din il-proċedura. Għall-kuntrarju, il-partijiet involuti fil-proċedura ma jaqblux dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni sabiex fil-futur jiġu ffaċilitati – f’data li għadha ma hijiex prevedibbli – il-prevenzjoni ta’ riskji reali u attwali.

59.      Ċertament, bħala regola ġenerali, huwa utli li jiġu implimentati tali miżuri ta’ prekawzjoni kemm jista’ jkun malajr sabiex wieħed ikun ippreparat meta fil-fatt riskju jimmaterjalizza ruħu. Madankollu, l-urġenza hija ferm inqas evidenti milli fil-każ ta’ riskji reali u attwali jew riskji imminenti.

60.      F’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu regoli u li għandhom jieħdu miżuri li jippermettu, f’każ ta’ bżonn, li jiddeċiedu fi żmien xieraq dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni kompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tas-siti previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats (32).

61.      Għalhekk, meta, bħal fil-kawża ineżami, tali miżuri għandhom jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Istat Membru għandu, tal-inqas, jiżgura li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tkun tista’ titwettaq mill-iktar fis possibbli. Il-kunsiderazzjoni tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam (33) kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-pubbliku (34) mingħajr ebda dubju ser jieħdu ħafna żmien. Madankollu, meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed riżorsi u esperjenza u l-partijiet kollha involuti jikkooperaw b’mod leali, għandu jkun possibbli li tittieħed deċiżjoni fi żmien ftit xhur jew saħansitra iktar malajr.

62.      L-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari tidher li tippermetti, fil-kawża ineżami, it-teħid ta’ deċiżjoni fi żmien xieraq dwar il-miżuri. Fil-fatt, għaddew iktar minn sitt xhur bejn it-talba għat-twettiq ta’ evalwazzjoni mressqa minn Latvijas valsts meži fil‑31 ta’ Lulju 2019 u l-aħħar deċiżjoni amministrattiva tal‑20 ta’ Frar 2020. Matul is-sena ta’ wara, Latvijas valsts meži inizjalment informat li hija ma kinitx qiegħda timplimenta l-miżuri qabel ma l-awtorità ambjentali kienet ikkonstatat, matul spezzjoni mwettqa f’Jannar 2021, li dawn kienu twettqu mingħajr evalwazzjoni. Dan x’aktarx seħħ matul ix-xitwa tal‑2020/2021, jiġifieri iktar minn sena wara l-ewwel applikazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi preżunt li setgħet saret evalwazzjoni tal-effetti xierqa.

63.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll fuq dan il-punt li l-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien iservu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u għalhekk jistgħu, bħala miżuri ta’ konservazzjoni, ikunu direttament marbuta mal-ġestjoni tas-sit jew ikunu neċessarji għal dan il-għan (35). Ċertament, l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli (36) u parteċipazzjoni tal-pubbliku tista’ wkoll tkun neċessarja (37). Madankollu, hemm ftit iktar flessibbiltà milli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Għalhekk, ġeneralment huwa preferibbli u iktar malajr li tittieħed deċiżjoni dwar miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien marbuta mal-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit.

64.      Il-miżuri preventivi ta’ protezzjoni kontra n-nirien li jistgħu jaffettwaw żona speċjali ta’ konservazzjoni b’mod sinjifikattiv, li ma humiex intiżi sabiex jipprevjenu riskju reali attwali jew imminenti għal interess superjuri u li lanqas ma ġew stabbiliti bħala miżuri ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ma jistgħux għalhekk jiġu implimentati qabel it-tlestija ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont l-Artikolu 6(3). Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu evalwati malajr kemm jista’ jkun.

E.      Ilħames domanda – rimedju

65.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex obbligati jitolbu kumpens u jieħdu miżuri sabiex jevitaw kwalunkwe effett sinjifikattiv possibbli, meta r-rilevanza tal-effetti fuq żona ta’ Natura 2000 ma tkunx ġiet evalwata skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

66.      Din id-domanda ma hijiex relatata mar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli għal tali Stat (38). Għall-kuntrarju, din il-qorti tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhomx jitolbu kumpens jew miżuri oħra mingħand individwi li jkunu ppreġudikaw żona ta’ Natura 2000 mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-effetti.

67.      L-għan ta’ dan il-“kumpens” ma jistax, bħala regola ġenerali, ikun kumpens pekunjarju, iżda b’mod prijoritarju l-“kumpens naturali” reali, jiġifieri r-rimedju għal ħsarat tas-sit. Ċertament, rimedju sħiħ huwa rarament possibbli. Għalhekk, fil-kawża ineżami, dawn huma siġar maqtugħa li jistgħu jiġu ssostitwiti biss fuq għexieren ta’ snin. Madankollu, ħafna drabi jkun possibbli li jittieħdu miżuri biex titnaqqas il-ħsara jew biex dawn jerġgħu jiġu bbilanċjati xi mkien ieħor.

68.      Mifhuma b’dan il-mod, id-domanda għandha l-għan li tiddetermina jekk, skont id-Direttiva dwar il-habitats, l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kinitx obbligata tadotta l-ordnijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, hija imponiet fuq Latvijas valsts meži l-obbligu li tħalli fuq il-post is-siġar tal-arżnu maqtugħa fil-kopertura tal-foresti, li z-zokk prinċipali tagħhom għandu dijametru ta’ iktar minn 25 cm, u li tissupplimenta l-ammont ta’ njam mejjet attwalment insuffiċjenti f’dawn il-koperturi tal-bijotopu tal-Unjoni protett b’mod prijoritarju 9010* “Taiga tal-Punent”.

69.      Jiena nifhem din l-aħħar ordni fis-sens li Latvijas valsts meži ma tistax tneħħi l-injam mejjet sakemm ikun preżenti fi kwantità suffiċjenti. Fil-fatt, ma jistax jitqies li l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kellha l-intenzjoni li teżiġi l-qtugħ ta’ siġar sakemm jintlaħaq ċerta perċentwali ta’ injam mejjet. F’din l-interpretazzjoni, l-ordni tidher li tirrepeti biss l-obbligi diġà eżistenti taħt is-subparagrafu 11.2 tad-Digriet Nru 478, fis-sens li wieħed għandu joqgħod lura milli jneħħi l-injam mejjet jekk il-proporzjon tal-injam mejjet ikun insuffiċjenti. Għaldaqstant, din ma hijiex ordni ta’ rimedju.

70.      Konsegwentement, tqum, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti kinux obbligati jordnaw lil Latvijas valsts meži tħalli fuq il-post is-siġar tal-arżnu maqtugħa fil-koperturi tal-foresti, li z-zokk prinċipali tagħhom għandu dijametru ta’ iktar minn 25 cm.

71.      Ċertament, din il-qorti tistaqsi jekk din l-ordni ġietx imposta sabiex jiġu evitati eventwali effetti sinjifikattivi. Madankollu, id-domanda tqum biss fil-każ fejn il-qtugħ tas-siġar ikun jeħtieġ evalwazzjoni xierqa tal-effetti li ma tkunx twettqet. Għaldaqstant, l-effett ta’ din l-ordni huwa, b’mod partikolari, li Latvijas valsts meži ma tistax tkompli bil-miżuri mwettqa bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats billi tneħħi s-siġar maqtugħa illegalment mill-foresta.

72.      Għaldaqstant, din l-ordni lanqas ma għandha l-għan li tirrimedja jew li tevita direttament effetti sinjifikattivi eventwali, iżda biss li tipprekludi t-tkomplija tal-ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Il-fatt li dan huwa akkumpanjat minn limitazzjoni tal-effetti dannużi ta’ dan il-ksur huwa biss effett sekondarju.

73.      L-Istati Membri u l-korpi kollha tagħhom huma obbligati jordnaw il-waqfien ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u li jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni korrispondenti minħabba l-obbligu li jiġu osservati d-direttivi skont l-Artikolu 288(3) TFUE u l-prinċipju ta’ lealtà lejn l-Unjoni skont l-Artikolu 4(3) TUE. Il-prinċipju ta’ lealtà lejn l-Unjoni jeżiġi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan l-obbligu jaqa’ mhux biss fuq l-Istat bħala tali, iżda wkoll, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq l-awtoritajiet pubbliċi kollha tiegħu (39), inkluża l-awtorità ambjentali. Barra minn hekk, tali obbligu jaqa’ wkoll fuq kumpanniji li jappartjenu għall-Istat Membru (40), li jidher li huwa l-każ fir-rigward ta’ Latvijas valsts meži (41).

74.      Għalhekk, fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet ambjentali oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni diġà mogħtija tista’ tkun neċessarja sabiex l-evalwazzjoni li ma tkunx saret tkun tista’ ssir (42). Il-prevenzjoni tat-tkomplija tal-eżerċizzju ta’ attività li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni hija tal-istess kwalità.

75.      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom skont l-Artikolu 288(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru huma obbligati jordnaw il-waqfien tal-miżuri li jkunu ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. F’dan ir-rigward, kumpannija li tappartjeni għall-Istat Membru hija diġà obbligata, direttament u fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ ordni amministrattiva nazzjonali, li twaqqaf tali miżura.

76.      Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-intenzjoni tiddeċiedi mhux biss dwar il-waqfien tal-ksur, iżda wkoll dwar ir-rimedju reali għall-ħsarat li l-prinċipju tal-lealtà lejn l-Unjoni jkun rilevanti wkoll. Fil-fatt, dan il-prinċipju jobbliga wkoll lill-Istati Membri jirrimedjaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (43) u jikkumpensaw id-danni kkawżati minn tali ksur (44).

77.      Barra minn hekk, anki jekk leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-Direttiva dwar il-habitats, ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li tipprevedi sanzjoni fil-każ ta’ ksur tagħha, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, jieħdu kull miżura xierqa sabiex il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jkunu ggarantiti (45). Dan jinkludi miżuri u, b’mod partikolari, regoli li huma intiżi li jiggarantixxu li l-individwi josservaw id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm huwa minnu li s-sanzjonijiet huma ta’ spiss diskussi f’dan il-kuntest (46), regoli intiżi li jiżguraw ir-rimedju għal eventwali danni li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni japplikaw a fortiori (47). Fil-fatt, l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma huwiex is-sanzjoni tal-individwi, iżda l-istabbiliment jew iż-żamma ta’ sitwazzjoni partikolari. Barra minn hekk, obbligu ta’ rimedju tal-ħsarat isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli rispettivi minħabba li joħloq inċentiv biex jiġi evitat il-ksur (48).

78.      Fir-rigward tal-protezzjoni tas-siti skont id-Direttiva dwar il-habitats, l-għan tal-istabbiliment jew ta’ konservazzjoni ta’ stat partikolari għandu importanza partikolari peress li dawn ir-regoli huma intiżi li jipproteġu l-patrimonju naturali komuni tal-Unjoni (49).

79.      Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw regoli li jippermettu li l-individwi jkunu obbligati jirrimedjaw il-ħsarat li affettwaw iż-żona ta’ Natura 2000 bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja.(50) Għalkemm, parzjalment, bażijiet legali nazzjonali korrispondenti jistgħu jirriżultaw diġà mit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (51), ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tad-diversi restrizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, traspożizzjoni effikaċi tad-Direttiva dwar il-habitats teżiġi l-adozzjoni ta’ regoli ta’ rimedju iktar estensivi.

80.      Madankollu, fil-kawża ineżami, tali dispożizzjonijiet nazzjonali ma humiex rilevanti jekk Latvijas valsts meži tappartjeni għall-Istat Latvjan u għalhekk hija direttament suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-habitats (52).

V.      Konklużjoni

81.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

“1)      Il-qtugħ ta’ siġar f’żona ta’ konservazzjoni sabiex jiġu protetti l-habitats forestali għall-manteniment jew għall-bini mill-ġdid ta’ infrastrutturi f’dan is-sit skont ir-rekwiżiti legali fil-qasam tal-protezzjoni kontra n-nirien forestali jikkostitwixxi proġett fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2)      Il-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali dwar il-protezzjoni kontra n-nirien jew ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni kontra n-nirien ibbażati fuqhom jistgħu jkunu direttament marbuta mal-ġestjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni jew jistgħu jkunu neċessarji għal dan il-għan fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 biss jekk huma jagħmlu wkoll parti mill-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji msemmija fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6(1). Għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni u li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3).

3)      L-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 ma jinkludi ebda eċċezzjoni għall-miżuri meħuda skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra n-nar. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tipprovdi eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3).

4)      Il-miżuri ta’ prekawzjoni ta’ protezzjoni kontra n-nirien li jistgħu jaffettwaw żona speċjali ta’ konservazzjoni b’mod sinjifikattiv, li ma humiex intiżi li jipprevjenu riskju reali attwali jew imminenti għal suġġett superjuri u li lanqas ma ġew stabbiliti bħala miżuri ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43, ma jistgħux jiġu implimentati qabel it-tlestija ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont l-Artikolu 6(3). Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu evalwati malajr kemm jista’ jkun.

5)      Fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru huma obbligati. skont l-Artikolu 288(3) TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE. jordnaw il-waqfien tal-miżuri li ġew eżegwiti bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43. Kumpannija li tappartjeni għall-Istat Membru hija diġà obbligata, direttament u fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ ordni amministrattiva nazzjonali, twaqqaf tali miżura.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193).


3      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).


4      Skont il-punt 1.1 tal-formola standard tad-data (https://natura2000.eea.europa.eu/Natura2000/SDF.aspx?site=LV0523400), dan huwa sit tat-tip C. B’hekk, skont l-ispjegazzjonijiet fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Lulju 2011 dwar format ta’ informazzjoni għas-siti Natura 2000 (ĠU 2011, L 198, p. 39 (53 u 54)), dan huwa protett kemm mid-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17.


5      Skont il-punt 3.1 tal-formola standard tad-data, hemmhekk hemm żoni sinjifikattivi ta’ tipi ta’ habitats forestali protetti, b’mod partikolari kważi 5 500 ettaru ta’ duni bis-siġar tar-reġjun Atlantiku, Kontinentali u Boreali (2180), kważi 900 ettaru ta’ Taiga tal-Punent (9010*), iktar minn 250 ettaru ta’ msaġar baqqiegħa Fennoskandjani deċidwi (9080*) u madwar 730 ettaru ta’ art imsaġġra tat-torbieri mistagħdra (91D0*). Il-* fil-kodiċi jindika li l-aħħar tliet tipi ta’ habitats huma ta’ prijorità.


6      Skont is-sit internet (https://www.lvm.lv/en/about-us) din il-kumpannija tamministra l-foresti tal-istat tal-Latvja, li jammontaw għal aktar minn 1.6 miljun ettaru. L-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija huma miżmuma mill-Istat Latvjan (https://www.lvm.lv/en/about-us/management).


7      Skont l-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats, it-tip ta’ habitat ta’ prijorità 9010* għandu l-isem ta’ “Taïga tal-Punent”.


8      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 23 u 26); tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 38); u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 60 u 65 u 66).


9      Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 63 sa 65).


10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punt 117), u s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 67 sa 72).


11      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 41 u 43); tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 111); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119).


12      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 72), dwar l-istabbiliment ta’ mergħa.


13      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


14      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Konservazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punt 49) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2009:398, punt 70).


15      Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 122 sa 126).


16      Il‑Kummissjoni Ewropea, Natura 2000 and Forests (2015, b’mod partikolari p. 15, 27 u 28).


17      Ara, pereżempju, is-subparagrafu tiegħu 23.3.3, iktar ’il fuq punt 10.


18      Il‑Kummissjoni Ewropea, Natura 2000 and Forests (2015, p. 13 u 62).


19      Il‑Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, Diviżjoni “Natura u Bijodiversità” (ENV B.3), Interpretation Manual of European Union Habitats – EUR 28, April 2013, p. 102.


20      Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Skeda informattiva 2180 Wooded dunes of the Atlantic, Continental and Boreal Region, Report under the Article 17 of the Habitats Directive Period 2007‑2012, u skeda informattiva 9010 Western Taiga, Report under the Article 17 of the Habitats Directive, Period 2007‑2012 (Disponibbli fuq l-indirizz internet li ġej: https://projects.eionet.europa.eu/habitat-art17report/library/2007-2012-reporting/factsheets)


21      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 53).


22      Dwar l-obbligu ta’ interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni ara s-sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26), u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch (C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punti 83 u 84).


23      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 43), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 66).


24      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17), u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 32).


25      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 91).


26      Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 55 sa 63); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 34 sa 43); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 178 sa 182); kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 90 sa 95).


27      Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 59 sa 61); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 39); kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 90 u 91).


28      Sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 179), kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 92).


29      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 34); tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 28); u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 43).


30      Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010,Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 48); tal‑14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 33); u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 85).


31      B’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 179), tista’ tipprovdi gwida f’dan ir-rigward.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor (C‑88/19, EU:C:2020:458, punt 57).


33      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 54); tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 51); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113).


34      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016 Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 49).


35      Ara iktar ’il fuq, il-punti 37 sa 43.


36      Ara iktar ’il fuq, il-punt 35.


37      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Terre wallonne (C‑43/18 u C‑321/18, EU:C:2019:56). Ara wkoll, madankollu, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern (C‑300/20, EU:C:2022:102).


38      Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 33); tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 40); kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja) (C‑61/21, EU:C:2022:1015).


39      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64); tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43)’ tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 75 u 90); kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 173).


40      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 91).


41      Ara iktar ’il fuq, il-punt 48.


42      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 65 u 68), tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 46 u 47), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 170 u 172), kif ukoll tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 75).


43      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64); tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43); tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 75 u 90); kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 173).


44      Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 66), u tal‑10 ta’ Marzu 2022, ”Grossmania” (C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 65 sa 68)


45      Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 23); tat‑8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto (C‑40/04, EU:C:2005:519, punt 59); u tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 37).


46      Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 24); tat‑8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto (C‑40/04, EU:C:2005:519, punt 59); u tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 37).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412, punti 37 sa 39 u 44 sa 46), dwar l-irkupru ta’ VAT involuta fil-frodi, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26); u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis et (C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 22), dwar il-kumpens għal ftehimiet kollużorji.


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 47); kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27), u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis et (C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 24).


49      Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑98/03, EU:C:2006:3, punt 59), u tat‑2 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Ġestjoni u prassi tajba fil-qasam tal-foresti) (C‑432/21, EU:C:2023:139, punti 72 u 73).


50      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, IlKummissjoni vs LIrlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punti 83 sa 88), u tat‑3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 32).


51      Direttiva 2004/35 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357).


52      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 48.