Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑30 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C409/22

UA

vs

EUROBANK BULGARIA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Apelativen sad - Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ moviment tal-kapital — Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern — Direttiva 2007/64/KE — Kunċett ta’ strument ta’ ħlas — Prokura ta’ mandatarju li jaġixxi f’isem id-detentur tal-kont — Kopja tal-prokura bil-postilla — Prova ta’ awtentiċità — Kunċett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas — Drittijiet u obbligi marbuta mal-provvista u mal-użu ta’ servizzi ta’ ħlas — Tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati — Responsabbbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas”






1.        Id-Direttiva 2007/64/KE (2) u d-Direttiva (UE) 2015/2366 (3), li ssostitwixxietha mit‑13 ta’ Jannar 2018, jirregolaw il-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas fis-suq intern. L-evoluzzjoni ta’ dawn is-servizzi qiegħda ssir b’mod rapidu, bħala konsegwenza tal-iżvilupp teknoloġiku (4).

2.        It-tilwima li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tinvolvi konfront bejn bank Bulgaru u klijent, li twettqu trasferimenti mill-kont kurrenti tiegħu li dan tal-aħħar jiċħad li awtorizzahom hu. Il-klijent jitlob lill-bank jirrimborsa l-fondi ttrasferiti.

3.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara l-kunċetti ta’ “strument ta’ ħlas” (5) u “awtentikazzjoni” użati mid-Direttiva 2007/64, applikabbli ratione temporis għal din il-kawża.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżviluppa wkoll il-ġurisprudenza tagħha, li għadha fi stadju bikri, dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas (iktar ’il quddiem “FSĦ”) fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati mill-utenti.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea: idDirettiva 2007/64

5.        Il-punti 19 u 23 tal-Artikolu 4, jiddefinixxu:

“Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

19)      ‘awtentikazzjoni’ tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-użu ta’ strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu;

[…]

23)      ‘strument tal-ħlas’ tfisser kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas”.

6.        Skont l-Artikolu 54 (“Kunsens u rtirar tal-kunsens”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li transazzjoni ta’ ħlas tkun ikkunsidrata bħala awtorizzata biss jekk min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas. Transazzjoni ta’ ħlas tista’ tiġi awtorizzata minn min iħallas qabel jew, jekk hekk miftiehem minn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, wara l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta’ ħlas.

2.      Il-kunsens biex titwettaq transazzjoni ta’ ħlas jew serje ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas għandu jingħata fil-forma miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ kunsens bħal dan, transazzjoni ta’ ħlas għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux awtorizzata.

3.      Il-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin minn min iħallas, iżda mhux aktar tard mill-punt ta’ irrevokabbiltà taħt l-Artiklu 66. Il-kunsens għal eżekuzzjoni ta’ serje ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas jistgħu wkoll jiġu rtirati bl-effett li kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas futura għandha titqies bħala mhux awtorizzata.

4.      Il-proċedura biex jingħata l-kunsens għandha tiġi miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu”.

7.        L-Artikolu 59 (“Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta’ ħlas”) jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.

2.      Fejn utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument tal-ħlas irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56”.

8.        L-Artikolu 60 (“Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”) jiddikjara:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.

[…]”.

9.        L-Artikolu 86 (“Armonizzazzjoni sħiħa”) jindika:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 30(2), 33, 34(2), 45(6), 47(3), 48(3), 51(2), 52(3), 53(2), 61(3), 72 u 88 safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ma jidderogawx, għad-detriment ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, mid-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva jew li jikkorrispondu magħhom ħlief fejn ikun ipprovdut b’mod espliċitu.

Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jistgħu jiddeċiedu li jagħtu termini aktar favorevoli lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas” (6).

B.      Iddritt Bulgaru

10.      L-Artikolu 75(2) taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) jipprovdi:

“[...]

Id-debitur jiġi meħlus meta jkun wettaq obbligu in bona fede fir-rigward ta’ persuna li, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi inekwivoċi, tidher li tkun intitolata li tirċievi l-provvista. […]”.

11.      L-Artikolu 57(1) taż-Zakon za platezhnite uslugi i platezhnite sistemi (il-Liġi dwar is-Servizzi Ta’ Ħlas u s-Sistemi Ta’ Ħlas) tal‑2009 (7) jgħid:

“Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas li ma hijiex awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu immedjatament jirrimborsa l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas li ma hijiex awtorizzata lil min iħallas u, jekk ikun meħtieġ, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas fl-istat li kien fih qabel it-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ ħlas li ma hijiex awtorizzata”.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

12.      Il-qorti tar-rinviju, minflok ma tipprovdi rendikont tal-fatti li hija tqis ippruvati, fid-digriet tar-rinviju tiddeskrivi dawk invokati minn kull parti fil-kawża. Dawn huma dawn li ġejjin.

A.      Ilfatti skont irrikorrent (UA)

13.      Fit‑22 ta’ Novembru 2017, UA u Eurobank EFG Bulgaria AD (iktar ’il quddiem “Eurobank”) ikkonkludew kuntratt ta’ kont kurrenti ġewwa Sofia (il-Bularija). Skont il-kuntratt, il-bank impenja ruħu li jiftaħ u jżomm kont kurrenti indefinit f’euro f’isem UA għall-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas. UA ddepożita total ta’ EUR 999 860 fil-kont, f’diversi trasferimenti.

14.      Fis‑6 ta’ Frar 2018, UA mar fl-uffiċċju bankarju sabiex iwettaq tranżazzjoni fil-kont tiegħu, iżda ġie informat minn impjegat ta’ Eurobank li l-bilanċ tiegħu kien ta’ EUR 16 000 biss.

15.      UA qal li kien sorpriż b’dan il-fatt u li, wara li talab spjegazzjoni, l-impjegat ipprovdielu rendikont bankarju tal-movimenti fil-kont minn meta nfetaħ sas‑6 ta’ Frar 2018.

16.      Fid-dawl ta’ dan ir-rendikont, UA kkonferma li persuna li ma kienx jaf min hi, bl-isem ta’ MK, kienet għamlet trasferimenti mill-bilanċ tal-kont permezz ta’ sitt ordnijiet ta’ trasferiment individwali għal valur totali ta’ EUR 982 000, mingħajr awtorizzazzjoni valida minn UA bħala d-detentur tal-kont, peress li huwa ma kien ta lil MK ebda prokura.

17.      L-impjegat ta’ Eurobank spjega lil UA li dawn l-atti legali unilaterali twettqu minn MK, li ppreżenta lilu nnifsu bħala l-mandatarju tad-depożitant u pprovda prokura bid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2017, awtorizzata minn nutar Taljan.

18.      UA indika lill-impjegat li l-firma tiegħu bħala prinċipal ma kinitx tidher f’dan id-dokument u adotta l-miżuri li ġejjin sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu: a) fis‑6 ta’ Marzu 2018, ikkomunika lil Eurobank li kienu saru trasferimenti mill-fondi tiegħu b’mod irregolari, u talab li dawn jiġu rrimborsati; b) fit‑8 ta’ Marzu 2018, bagħat kopja ta’ din il-komunikazzjoni lill-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Bulgarija u bagħat talba bil-miktub lin-nutar. Dan wieġeb li ma kienx fassal jew awtorizza prokura favur MK, li l-prokura kienet “falsifikazzjoni” u li kien ikkomunika dan kemm lil Eurobank, bi tweġiba għat-talba tagħha tal‑20 ta’ Frar 2018, kif ukoll lill-Kunsill Nutarili ta’ Milan (l-Italja).

B.      Ilfatti skont ilkonvenuta (Eurobank)

19.      Eurobank tirrikonoxxi li, fit‑22 ta’ Novembru 2017, UA mar l-uffiċċju tal-bank ma’ żewġ persuni ta’ nazzjonalità Taljana. Waqt il-konverżazzjoni, l-impjegat ta’ Eurobank fehem li UA kellu l-intenzjoni li juża prokura sabiex jagħmel użu mill-kont kurrenti li kien ser jiftaħ. UA rrifjuta s-servizzi bankarji online, in-notifiki bl-SMS u l-kard bankarja offruti mill-bank.

20.      Fil‑15 ta’ Diċembru 2017, persuna (MK) li ppreżentat ruħha bħala mandatarju ta’ UA marret l-uffiċċju tal-bank u wriet lill-impjegat ta’ Eurobank kopja ta’ prokura bid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2017, awtorizzata minn nutar Taljan fil‑5 ta’ Diċembru 2017.

21.      L-awtentiċità ta’ din il-kopja kienet ġiet iċċertifikata permezz ta’ postilla u d-dokumenti kollha kienu ġew tradotti mit-Taljan għall-Bulgaru minn traduttur ġuramentat. Il-prokura kienet speċjali (espressa) u tat is-setgħa lill-mandatarju sabiex jagħmel trasferimenti mill-bilanċ tal-kont ta’ UA.

22.      MK ippreżenta lill-impjegat l-oriġinal tal-kopja tal-prokura għal kull waħda mis-sitt ordnijiet ta’ trasferiment.

23.      Fid-data (is‑6 ta’ Frar 2018) li fiha UA sar jaf bis-sitt trasferimenti ta’ fondi mill-kont kurrenti tiegħu, huwa ma informax lill-impjegati tal-bank dwar l-irregolaritajiet allegati. Kien biss fl‑20 ta’ Frar 2018 li għamel dan. Fis‑6 ta’ Marzu 2018, huwa ppreżenta lill-bank rapport bil-miktub li fih allega li saru dawn it-trasferimenti illegali u talab ir-rimbors tal-fondi tiegħu.

24.      Eurobank tammetti li fl‑20 ta’ Frar 2018 staqsiet lin-nutar jekk il-prokura tal‑1 ta’ Diċembru 2017 kinitx ġiet debitament ippreżentata u rreġistrata fir-reġistru tiegħu, jekk il-kopja awtorizzata tal-prokura kinitx tipproduċi l-istess effetti legali bħall-prokura oriġinali, u jekk it-twettiq ta’ dawn il-kopji kienx skont il-prattika normali, billi bagħtet kopja skennjata tagħha lin-nutar. In-nutar sempliċement wieġeb: “Id-dokument mehmuż huwa falsifikazzjoni. Tużahx.”

25.      Fis‑27 ta’ Frar 2018, Eurobank bagħtet talba lid-Deputat Prosekutur tar-Repubblika tal-Italja li, bil-firma tiegħu, kien awtentika l-kopja tal-prokura kkontestata, bl-użu tal-postilla rregolata taħt il-Konvenzjoni dwar il-Postilli ta’ Den Haag (8). L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Monza (l-Italja) ikkonferma li l-postilla kienet inħarġet fit‑12 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri uffiċjalment ikkonferma li l-“postilla fuq il-kopja tal-prokura hija valida”.

C.      Sommarju talargumenti tażżewġ partijiet

26.      Skont UA, l-impjegati ta’ Eurobank aġixxew bi traskuraġni u wrew negliġenza serja meta ppermettew lil persuna mingħajr prokura ta’ rappreżentazzjoni tittrasferixxi l-fondi tal-kont kurrenti tiegħu. Il-prokura ppreżentata kellha irregolarità esterna u ma setgħetx tiġi aċċettata fin-nuqqas tal-firma tal-prinċipal. Eurobank għalhekk kien imissha ċaħdet it-twettiq tas-sitt tranżazzjonijiet ikkontestati.

27.      Eurobank issostni li:

–      id-dokument ippreżentat huwa kopja tal-prokura u mhux il-prokura nnifisha, għalhekk ma kienx fiha l-firma tal-prinċipal;

–      permezz tal-postilla, l-awtorità kompetenti Taljana rratifikat l-awtentiċità tal-firem u l-identità tas-siġilli tad-dokumenti, billi kkonfermat iċ-ċertifikazzjoni nutarili tal-kopja tal-prokura, jiġifieri, l-awtentiċità tad-dokument, sabiex din il-kopja tkun tista’ tintuża fil-Bulgarija;

–      is-sitt tranżazzjonijiet ta’ ħlas twettqu favur l-hekk imsejjaħ “kreditur putattiv” u, skont klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt flimkien mal-Artikolu 75(2), tal-Liġi (Bulgara) dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, “il-bank ma għandux ikun responsabbli għall-ammonti mħallsa u għat-trasferimenti magħmula taħt prokura jekk ma tkunx ġiet ikkomunikata bil-miktub lilu r-revoka tal-prokura u jekk, qabel jirċievi l-komunikazzjoni, ikun ħallas ammont in bona fede lil persuna li, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi ċari, tkun dehret li kienet intitolata li tirċevih”.

D.      Ittilwima u ddomandi preliminari

28.      Fl‑4 ta’ Frar 2019, UA ħarrek lil Eurobank quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija). Din il-qorti laqgħet it-talba permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2021 u ordnat lil Eurobank tirrimborsa lil UA EUR 982 000 għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma kinux awtorizzati (9).

29.      Eurobank appellat mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem l-Apelativen sad Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija), li għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-prokura li permezz tagħha l-mandatarju jwettaq att li jaqa’ taħt id-dritt ta’ proprjetà f’isem min iħallas permezz ta’ ordni ta’ ħlas jikkostitwixxi strument ta’ ħlas fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2007/64]?

2)      Il-postilla maħruġa minn awtorità barranija kompetenti taħt il-[Konvenzjoni dwar il-Postilli] tagħmel parti mill-proċedura ta’ awtentikazzjoni kemm tal-istrument ta’ ħlas u kemm tat-tranżazzjoni ta’ ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64?

3)      Meta l-istrument ta’ ħlas (inkluż strument ta’ ħlas li jawtorizza lil terz iwettaq atti li jaqgħu taħt id-dritt ta’ proprjetà f’isem min iħallas) ikun regolari minn perspettiva formali (esterna), il-qorti nazzjonali tista’ tqis li t-tranżazzjoni ta’ ħlas hija awtorizzata, jiġifieri li min iħallas ta l-kunsens tiegħu sabiex titwettaq din it-tranżazzjoni?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

30.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2022.

31.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn UA, minn Eurobank, mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

32.      Wara l-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju supplimentat id-digriet tagħha b’ċerta informazzjoni addizzjonali, permezz ta’ addendum li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2023.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet jikkummentaw waqt is-seduta dwar ir-rilevanza tal-informazzjoni li tinsab f’dan l-addendum sabiex tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

34.      Waqt is-seduta, li nżammet fit‑28 ta’ Settembru 2023, dehru biss il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Lewwel domanda preliminari

35.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “il-prokura li permezz tagħha l-mandatarju jwettaq att li jaqa’ taħt id-dritt ta’ proprjetà f’isem min iħallas permezz ta’ ordni ta’ ħlas” tistax tiġi kklassifikata bħala strument ta’ ħlas fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2007/64.

36.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 fih żewġ definizzjonijiet, għall-finijiet ta’ din id-direttiva:

–      “Strument tal-ħlas” tfisser “kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta’ proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta’ servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta’ ħlas” (punt 23).

–      “Ordni tal-ħlas” tfisser “kwalunkwe istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas” (punt 16).

37.      Għalhekk, strumenti ta’ ħlas fis-sens tad-Direttiva 2007/64 huma kemm apparati fiżiċi (kards u telefowns ċellulari) kif ukoll sett ta’ proċeduri (kodiċi PIN, kodiċi TAN, DigiPass, Bizum, identifikatur tal-utent/password, eċċ.) miftiehma mill-utent tas-servizz ta’ ħlas (10) u mill-FSĦ sabiex tinbeda ordni ta’ ħlas.

38.      B’mod speċifiku, l-utent jista’ jiftiehem ma’ FSĦ li, permezz ta’ sett ta’ proċeduri miftiehma bejniethom, huwa juża dawk il-proċeduri sabiex jordna lill-FSĦ tiegħu jwettaq tranżazzjoni ta’ ħlas (tqegħid, trasferiment jew ġbid ta’ fondi).

39.      Il-punt 23 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2007/64 juża kunċett wiesa’ ħafna ta’ strument ta’ ħlas, b’tali mod li t-tip ta’ teknoloġija, il-mezz ta’ trażmissjoni tal-ordni ta’ ħlas u l-kontroll tal-elementi ta’ sigurtà ma humiex determinanti, anki jekk l-elementi tas-sigurtà jkunu fil-pussess tal-utent (11).

40.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (12), l-istrumenti ta’ ħlas jistgħu:

–      ikunu personalizzati, jiġifieri, jippermettu lill-FSĦ jivverifikaw jekk l-ordni ta’ ħlas tkunx inbdiet minn utent awtorizzat sabiex jagħmel dan.

–      ma jkunux personalizzati, li fihom il-FSĦ “ma humiex obbligati li jipproduċu l-prova tal-awtentikazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-każ previst fl-Artikolu 59 tal-imsemmija [D]irettiva [2007/64]”.

41.      Fis-sentenza T‑Mobile Austria, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat l-interpretazzjoni tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti dwar l-użu tal-aġġettiv “personalizzat” flimkien mal-espressjonijiet “kwalunkwe apparat” u “sett ta’ proċeduri”. Hija qieset li, sabiex ikun ikkwalifikat bħala “personalizzat”, strument ta’ ħlas irid jippermetti li l-FSĦ jivverifika li l-ordni ta’ ħlas tkun inbdiet minn utent awtorizzat sabiex jagħmel dan (13).

42.      Il-kunċett tal-punt 23 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2007/64 jista’ jinkludi, għalhekk, sett ta’ proċeduri miftiehma bejn il-FSĦ u l-utent, li dan tal-aħħar jużahom sabiex jibda ordni ta’ ħlas (14).

43.      Fil-kawża inkwistjoni, id-dokument ipprovdut lil Eurobank kien kopja tal-prokura speċjali (espressa), allegatament maħruġa minn nutar Taljan, li permezz tagħha UA awtorizza lill-mandatarju jiddisponi mill-bilanċ tal-kont kurrenti. Il-kopja kienet legalizzata permezz ta’ postilla u tradotta għall-Bulgaru minn traduttur ġuramentat.

44.      Bħala prinċipju, prokura speċjali u espressa tad-detentur tal-kont tal-ħlas (15) favur mandatarju, li tawtorizzah iwettaq tranżazzjonijiet iddebitati minn kont bankarju ma hijiex, bla ħsara għal dak li ser inżid issa, strument ta’ ħlas. Bħala tali, din il-prokura ma tippermettix lill-FSĦ jivverifika li l-ordni ta’ ħlas inbdiet minn utent awtorizzat jagħmel dan u ma hijiex strument imqiegħed għad-dispożizzjoni tad-detentur tal-kont tal-ħlas mill-FSĦ.

45.      Madankollu, kif diġà għidt, skont il-punt 23 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2007/64, l-istrumenti ta’ ħlas jistgħu jikkonsistu f’sett ta’ proċeduri “miftiehma” bejn il-FSĦ u l-utent. Xejn ma jipprevjeni li l-prokura tiddaħħal f’dan is-sett ta’ proċeduri, u għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm ftehim minn qabel bejn id-detentur tal-kont tal-ħlas u l-FSĦ.

46.      B’mod konformi ma’ dan ir-rekwiżit, l-Artikolu 54(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64 jipprovdi li t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas għandhom jitqiesu awtorizzati biss meta min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu għat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ ħlas u li tali kunsens għandu jingħata bil-mod miftiehem bejn min iħallas u l-FSĦ tiegħu. Fin-nuqqas ta’ kunsens, it-tranżazzjoni ta’ ħlas għandha titqies li ma hijiex awtorizzata.

47.      Is-soluzzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari tinsab, għalhekk, fil-fatt jekk dan il-ftehim kienx jeżisti verament bejn l-utent u l-FSĦ. Sabiex tiċċara l-inċertezzi fuq dan il-punt, l-Apelativen sad Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia) żiedet addendum mad-digriet tar-rinviju tagħha, li minnu jista’ jiġi dedott li l-kuntratt qafas (16) bejn Eurobank u UA huwa suġġett għall-kundizzjonijiet ġenerali ffirmati fit‑22 ta’ Novembru 2017 u li fih dawn il-klawżoli:

–      skont il-klawżola V.22, id-detentur tal-kont jista’ jiddisponi mill-fondi personalment jew permezz ta’ mandatarju, awtorizzat permezz ta’ prokura ċċertifikata minn nutar, li jkun fiha dikjarazzjoni ta’ intenzjoni espliċita li jitwettqu trasferimenti mill-fondi tal-kont tal-ħlas. Sabiex jiddisponi mill-fondi permezz ta’ mandatarju, il-mandatarju għandu jippreżenta l-prokura oriġinali u karta tal-identità valida.

–      skont il-klawżola V.25, il-bank għandu jipproċedi sabiex jivverifika, minn perspettiva formali, il-prokura ppreżentata lilu u l-firem tagħha.

48.      Jidher, għalhekk, li kien sar ftehim bejn UA (bħala detentur tal-kont tal-ħlas) u Eurobank (bħala FSĦ) li kien jinkludi l-possibbiltà li tintuża l-prokura nutarili sabiex jiġu disposti l-fondi tal-kont. Il-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet kien jinkludi, għal dawn l-għanijiet, sett ta’ formalitajiet (proċeduri) essenzjali sabiex il-FSĦ jesegwixxi l-ordni ta’ ħlas attribwita lill-utent.

49.      Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi aċċettat li, permezz tal-prokura nutarili, id-detentur tal-kont tal-ħlas jittrażmetti, indirettament, lill-FSĦ ir-rieda tiegħu li jwettaq tranżazzjonijiet ta’ ħlas iddebitati mill-fondi tal-kont tal-ħlas. Din it-tip ta’ prokura hija, għalhekk, l-element inizjali tas-sett ta’ proċeduri “miftiehma” mill-FSĦ u mill-utent sabiex titwettaq ordni ta’ ħlas.

50.      Fuq dan l-istess punt, il-prokura tista’ tiġi kklassifikata bħala strument ta’ ħlas li ma huwiex ippersonalizzat (nistgħu ngħidu, indirett (17)), peress li l-mandatarju jista’ jopera l-kont tal-ħlas billi jippreżenta l-prokura nutarili tiegħu jew kopja legalizzata debitament, mingħajr il-ħtieġa li jipprovdi ordni ta’ trasferiment iffirmata manwalment mid-detentur tal-kont. Kieku tali ordni miktuba bl-idejn mid-detentur tkun meħtieġa, il-prokura nutarili sabiex jiġi ġġestit il-kont tal-ħlas tkun bla sens, għaliex ikun meħtieġ dejjem li d-detentur tal-kont iwettaq it-tranżazzjonijiet u japprovahom bil-firma tiegħu.

51.      Huwa veru li l-prokura ma hijiex maħruġa mill-FSĦ, iżda mid-detentur tal-kont favur terz, sabiex jordna tranżazzjonijiet ta’ ħlas f’ismu. Iżda dan il-fatt ma jfissirx li din ma tistax titqies bħala element tas-sett ta’ proċeduri miftiehma miż-żewġ partijiet, li jikkostitwixxi l-istrument ta’ ħlas. F’sens analogu, trasferiment ordnat personalment fl-uffiċċju tal-bank, permezz ta’ ordni miktuba bl-idejn mid-detentur tal-kont, huwa wkoll strument ta’ ħlas, minkejja li ma jkunx ħarġu l-FSĦ.

52.      L-approvazzjoni tal-FSĦ, mogħtija fil-kuntratt qafas li jippermetti l-użu tal-prokura nutarili, fiha nnifisha turi kontroll indirett tal-FSĦ fuq dan it-tip ta’ strument ta’ ħlas, peress li għandha l-possibbiltà li tippermetti li d-detentur tal-kont jużah jew le.

53.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ninnota li l-kwistjoni hija ffokata fuq jekk il-klawżoli V.22 u V.25 tal-kuntratt qafas bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-klijent tagħha kinux jeħtieġu, inskużabbilment, li tiġi pprovduta l-prokura oriġinali, li mingħajrha Eurobank ma setatx tippermetti d-dispożizzjoni tal-fondi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta t-termini ta’ dan il-kuntratt qafas, fir-rigward tal-fatti li hija tqis ipprovati.

54.      Bla ħsara għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju rigward il-kontenut tal-ftehim, nifhem li, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li prokura speċjali u espressa tad-detentur tal-kont tal-ħlas favur mandatarju sabiex huwa jiddisponi mill-fondi ma hijiex, bħala prinċipju, strument ta’ ħlas, sakemm ma jkunx ġie miftiehem hekk mid-detentur tal-kont bankarju u l-FSĦ tiegħu fil-klawżoli tal-kuntratt qafas li jorbothom.

55.      F’din l-aħħar ipoteżi, il-prokura nutarili tkun parti minn sett ta’ proċeduri miftiehma mill-FSĦ u mill-utent tas-servizz ta’ ħlas sabiex tinbeda ordni ta’ ħlas. Peress li ma jistax jiġi eskluż li dan seta’ ġara f’din il-kawża, għad hemm il-possibbiltà li jiġu eżaminati d-domandi preliminari segwenti.

B.      Ittieni domanda preliminari

56.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-postilla mwaħħla mill-awtorità barranija kompetenti taħt il-Konvenzjoni dwar il-Postilli tagħmilx “parti mill-proċedura ta’ awtentikazzjoni kemm tal-istrument ta’ ħlas u kemm tat-tranżazzjoni ta’ ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2007/64”.

57.      Ser nanalizza separatament id-dubji mqajma minn din id-domanda, dwar l-awtentikazzjoni u l-Konvenzjoni dwar il-Postilli.

1.      Awtentikazzjoni

58.      Id-Direttiva 2007/64 tirreferi għal dan il-kunċett f’kuntest doppju:

–      hija tiddefinixxi l-awtentikazzjoni fil-punt 19 tal-Artikolu 4 tagħha, bħala l-“proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jivverifika l-użu ta’ strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ sigurtà personalizzati tiegħu” (18).

–      din iżżid, fl-Artikolu 59(1), li l-FSĦ għandhom juru li t-tranżazzjoni ta’ ħlas (19) ġiet awtentikata, iddokumentata b’mod preċiż u mdaħħla fil-kontijiet u ma hijiex affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor, meta utent jiċħad li jkun awtorizzaha.

59.      Il-FSĦ għandu juża l-awtentikazzjoni sabiex jivverifika li d-detentur tal-kont ikun ta l-kunsens għal tranżazzjoni ta’ ħlas waħda jew iktar. L-awtentikazzjoni (tal-istrument ta’ ħlas u tat-tranżazzjoni nnifisha) tikkonferixxi affidabbiltà lit-tranżazzjonijiet li jista’ jordna l-mandatarju u hija kruċjali sabiex il-FSĦ jeżegwixxi b’mod korrett l-ordnijiet ta’ ħlas u jeżenta lilu nnifsu mir-responsabbiltà.

60.      L-FSĦ, għalhekk, għandu l-oneru tal-prova jekk l-utent jiċħad li awtorizza t-tranżazzjoni ta’ ħlas. Il-qlib tal-oneru tal-prova huwa partikolarment favorevoli għall-utent: il-FSĦ għandu juri ċ-ċirkustanzi li, skont id-Direttiva 2007/64, jeżonerawh mill-obbligu tiegħu ta’ rimbors għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas li d-detentur tal-kont jiddikjara li ma jkunx awtorizzahom.

61.      L-impożizzjoni tal-oneru tal-prova fuq il-FSĦ f’dan il-każ hija konsistenti mal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2007/64: it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas jistgħu jitqiesu awtorizzati biss meta min iħallas ikun ta l-kunsens għat-twettiq tagħhom qabel, jew, wara t-twettiq tagħhom, jekk dan ikun ġie miftiehem mal-FSĦ tiegħu. Fin-nuqqas ta’ kunsens, it-tranżazzjoni ta’ ħlas għandha titqies li ma hijiex awtorizzata.

62.      Skont l-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2007/64, il-kunsens għat-twettiq ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas jew ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas għandu jingħata bil-mod miftiehem bejn min iħallas u l-FSĦ tiegħu. Huwa possibbli, kif ġara hawn u diġà tennejt, li l-utent u l-FSĦ jiftiehmu dwar il-possibbiltà li jirrikorru għal prokura espressa sabiex jingħata l-kunsens u sabiex il-mandatarju jkun jista’ jiddisponi mill-fondi tal-kont tal-ħlas.

63.      Il-prokura hija, għalhekk, waħda mill-istrumenti li permezz tagħhom l-utent tas-servizzi ta’ ħlas jesprimi l-kunsens tiegħu għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mill-kont tiegħu, imwettqa mill-mandatarju.

64.      F’dan il-kuntest, peress li l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kunsens tad-detentur tal-kont tal-ħlas jaqa’ fuq il-FSĦ, il-proċedura ta’ awtentikazzjoni tal-prokura għandha titwettaq mill-FSĦ bl-ikbar diliġenza, sabiex huwa ma jerfax responsabbiltà.

65.      L-intervent ta’ nutar huwa element li jiżgura, bħala prinċipju, il-veraċità u l-affidabbiltà tal-prokura. Dan l-intervent nutarili, madankollu, ma huwiex irregolat mid-Direttiva 2007/64 u għandu jitwettaq skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali (20).

66.      Fil-qosor, l-awtentikazzjoni tal-prokura, meta l-utent u l-FSĦ ikunu ftehmu li l-prokura tifforma parti mis-sett ta’ proċeduri miftiehma sabiex tinbeda ordni ta’ ħlas, hija inskużabbli sabiex il-FSĦ jivverifika li d-detentur tal-kont awtorizza lill-mandatarju jwettaq tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

67.      Għad irid jiġi analizzat kif l-eżistenza tal-postilla rregolata fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tinfluwenza l-proċedura ta’ awtentikazzjoni tal-prokura.

2.      IlKonvenzjoni dwar ilPostilli

68.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet, qamet problema fir-rigward tal-awtentiċità tad-dokument ippreżentat minn MK lil Eurobank.

69.      Milli jidher, MK pprovda kopja tal-prokura oriġinali, iċċertifikata minn nutar f’Milano (l-Italja) u bil-postilla tal-awtorità Taljana kompetenti sabiex twettaq din il-formalità.

70.      In-nutar wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Eurobank billi informaha li l-prokura kienet falza. Madankollu, skont l-ittra rogatorja ordnata mill-qorti tar-rinviju, l-awtorità Taljana rratifikat il-veraċità tal-postilla li kienet takkumpanja l-kopja tal-prokura (21).

71.      Din id-diskrepanza għandha tiġi solvuta mill-qorti tar-rinviju sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm azzjoni frawdolenti. Dik il-qorti għandha wkoll tinterpreta l-kuntratt qafas bejn UA u Eurobank, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, sabiex jiġi deċiż jekk, skont il-klawżoli tiegħu, kinitx biżżejjed kopja tal-prokura (22), jew jekk kienx hemm bżonn li tiġi pprovduta l-prokura oriġinali, debitament iffirmata mill-prinċipal.

72.      Id-dritt tal-Unjoni ma fih ebda dispożizzjoni speċifika applikabbli għal-legalizzazzjoni ta’ prokura nutarili għall-ġestjoni ta’ kont tal-ħlas. Ir-Regolament (UE) 2016/1191 (23) stabbilixxa proċedura simplifikata għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi, iżda dawn ma jinkludux prokura nutarili mogħtija sabiex jiġu disposti fondi ta’ kont tal-ħlas (24).

73.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Konvenzjoni dwar il-Postilli (25) tapplika għal-legalizzazzjoni fil-Bulgarija ta’ prokura nutarili sabiex jiġu disposti l-fondi ta’ kont bankarju. Il-Konvenzjoni [Artikolu 1(2)(c)] tqis id-dokumenti nutarili bħala dokumenti pubbliċi.

74.      Skont din il-konvenzjoni, dwar id-dokumenti pubbliċi eżegwiti fit-territorju ta’ Stat Kontraenti u li għandhom jiġu ppreżentati fit-territorju ta’ Stat Kontraenti ieħor:

–      kull Stat Parti għandu jeżenta mil-legalizzazzjoni d-dokumenti li għalihom tapplika l-Konvenzjoni u li għadhom jiġu ppreżentati fit-territorju tiegħu.

–      l-unika formalità meħtieġa sabiex tiġi ċċertifikata l-awtentiċità tal-firma, il-kapaċità li fiha aġixxa l-firmatarju tad-dokument u, fejn applikabbli, l-identità tas-siġill jew tat-timbru li jkun fuq id-dokument hija dik tat-tqegħid tal-postilla deskritta fl-Artikolu 4, maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat li minnu joriġina d-dokument.

75.      Finalment, il-Konvenzjoni tissostitwixxi l-proċess ta’ legalizzazzjoni tradizzjonali u ingombranti b’formalità waħda, li hija dik tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ awtentiċità msejjaħ “postilla”, maħruġa mill-Istat ta’ oriġini. Il-postilla tiċċertifika l-awtentiċità tal-oriġini ta’ dokument pubbliku, sabiex dan ikun jista’ jiġi ppreżentat f’pajjiż barrani, sakemm ikun parti kontraenti tal-Konvenzjoni. Il-postilla għandha, għalhekk, l-istess effett bħal-legalizzazzjoni (26).

76.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni dwar il-Postilli (billi l-Konvenzjoni ma tifformax parti mid-dritt tal-Unjoni), xejn ma jwaqqafha, meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64, milli tagħti indikazzjoni lill-qorti tar-rinviju li l-postilla mqiegħda minn awtorità barranija taħt din il-konvenzjoni hija waħda mill-mezzi li l-FSĦ jista’ juża sabiex jawtentika strument ta’ ħlas, meta dan ikun inkluż f’dokument pubbliku barrani.

C.      Ittielet domanda preliminari

77.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-preżenza ta’ strument ta’ ħlas (estern) formalment korrett, jistax jiġi preżunt li d-detentur tal-kont awtorizza t-tranżazzjoni ta’ ħlas, jiġifieri ta l-kunsens tiegħu għat-twettiq tagħha.

78.      Ir-risposta tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel tindirizza s-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà tal-FSĦ (27) u tal-utenti, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati minnhom.

79.      Ser nanalizza l-karatteristiċi ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà u sussegwentement ser nippreżenta xi riflessjonijiet li jistgħu jkunu utli għall-qorti tar-rinviju għall-applikazzjoni tagħha għal din il-kawża.

1.      Irresponsabbiltà talFSĦ firrigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati millutent

80.      Skont l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, flimkien mal-Artikoli 58 u 59 tagħha, ir-responsabbiltà għat-telf subit bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati hija attribwita, bħala prinċipju, lill-FSĦ u mhux lill-utenti. Madankollu, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu obbligati, f’ċerti ċirkustanzi, iġarrbu dan it-telf.

81.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija sabiex jiġi ddeterminat jekk awtentikazzjoni sempliċiment formali (esterna) tal-istrument ta’ ħlas teżentax lill-FSĦ mir-responsabbiltà.

82.      Mill-kunsiderazzjonijiet espressi fid-deċiżjoni tar-rinviju mill-qorti tar-rinviju, jidher li jirriżulta li, għaliha:

–      interpretazzjoni letterali tal-kawżi ta’ eżenzjoni inklużi fid-Direttiva 2007/64 tfisser li FSĦ, “anki jekk ikun aġixxa in bona fede (bid-diliġenza ta’ negozjant dovuta), ikun kompletament responsabbli għat-tranżazzjoni ta’ ħlas imwettqa mingħajr awtorizzazzjoni. […] Sabiex jikseb eżenzjoni mir-responsabbiltà, il-[FSĦ] għandu jipproduċi prova ta’ forma kkwalifikata ta’ tort min-naħa ta’ min iħallas, li jkollu jkun aġixxa b’mod deliberat (inkluż b’mod frawdolenti) jew b’negliġenza serja”.

–      din l-interpretazzjoni, hija żżid, tkun tesponi lill-FSĦ iġarrab telf finanzjarju kunsiderevoli, anki jekk ikun aġixxa in bona fede, jiġifieri minkejja li jkun ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jissodisfa r-rekwiżiti legali u l-prattiki kummerċjali tajbin. F’dan ir-rigward, din tkun taffettwa t-twettiq korrett tal-eżekuzzjoni tas-servizzi ta’ ħlas, fatt li jkun jikkontradixxi l-għan tad-Direttiva 2007/64, li huwa li tippromwovi l-moviment liberu tas-servizzi u tal-kapital.

–      jekk wieħed jirrikorri, madankollu, għal interpretazzjoni teleoloġika, loġika u sistematika tal-każijiet previsti fid-Direttiva 2007/64 sabiex il-FSĦ jiġu eżentati mir-responsabbiltà, tkun possibbli soluzzjoni oħra.

83.      Sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem letterali tagħhom, iżda wkoll il-kuntest li fih huma stabbiliti u l-għanijiet segwiti mir-regolamenti li jiffurmaw parti minnhom (28).

84.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 2007/64, li:

–      l-interpretazzjoni letterali tal-Artikoli 58 u 60 tad-Direttiva 2007/64 tissuġġetta r-responsabbiltà tal-FSĦ, fil-każ ta’ ħlas li ma huwiex awtorizzat, għall-komunikazzjoni mill-utent tat-tranżazzjoni li ma hijiex awtorizzata. Jekk dan l-utent ma jikkomunikax lill-FSĦ tiegħu it-tranżazzjoni li ma hijiex awtorizzata, sa mhux iktar tard minn tlettax‑il xahar wara d-debitu tagħha, huwa ma jkunx jista’ jżomm lill-FSĦ responsabbli, anki taħt id-dritt ordinarju, u, għaldaqstant, ma jkunx jista’ jikseb rimbors (29).

–      l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 tikkonferma dan ir-raġunament, li japplika kemm għal tranżazzjonijiet li ma humiex awtorizzati kif ukoll għal tranżazzjonijiet li ma humiex imwettqa b’mod korrett (30). Dan il-kunċett huwa spjegat f’termini espedjenti: il-FSĦ għandu minnufih jirritorna lil min iħallas l-ammont ta’ tali tranżazzjoni u, fejn xieraq, jerġa’ jistabbilixxi l-kont tal-ħlas li minnu ġie ddebitat l-ammont fl-istat li kien jeżisti kieku ma saritx it-tranżazzjoni ta’ ħlas li ma kinitx awtorizzata.

–      l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikoli 58 u 60(1), tad-Direttiva 2007/64 tikkorrobora l-interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (31).

–      l-oriġini tad-Direttiva 2007/64 (32) jsostni dak li ġie ddikjarat sa issa u l-impossibbiltà li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà differenti (33)

85.      Għalhekk, ladarba l-komunikazzjoni inskużabbli (ta’ kwalunkwe tranżazzjoni li ma hijiex awtorizzata) tkun saret fil-perijodu stabbilit, il-FSĦ għandu l-obbligu li jirritorna l-ammont minnufih.

86.      Din is-sistema ta’ responsabbiltà tinkludi l-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-oneru tal-prova, partikolarment favorevoli għall-utent, li diġà rreferejt għalih: huwa l-FSĦ, u mhux l-utent, li għandu juri ċ-ċirkustanzi li jeżonerawh mill-obbligu ta’ rimbors, jiġifieri, li jipproduċi prova li t-tranżazzjoni ta’ ħlas kienet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż u mdaħħla fil-kontijiet (34).

87.      Kif stqarr fil-qosor l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża CRCAM “[i]l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa [...] sistema ta’ responsabbiltà li hija bbażata fuq tliet elementi essenzjali u marbutin bejniethom, jiġifieri, l-obbligu ta’ komunikazzjoni li jaqa’ fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas […]; l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova lill-fornitur ta’ dawn is-servizzi […], u, fl-aħħar nett, fil-każ ta’ assenza ta’ prova, ir-responsabbiltà ta’ dan il-fornitur, skont l-Artikoli 60 u 75 tal-imsemmija direttiva, skont jekk it-tranżazzjoni tkunx mhux awtorizzata, mhux eżegwita, jew eżegwita skorrettament” (35).

88.      Skont l-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Armonizzazzjoni sħiħa”, “mingħajr preġudizzju [għal diversi mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huma elenkati fiha] safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

89.      Peress li l-Artikoli 58, 59 u 60 tad-Direttiva 2007/64 ma humiex fost id-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 86 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-FSĦ prevista f’dawn l-artikoli kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni totali b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur (36).

90.      L-ewwel u r-raba’ premessa tad-Direttiva 2007/64 huma fuq l-istess linja: is-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà tagħha ma tistax teżisti flimkien ma’ sistema alternattiva ta’ responsabbiltà prevista mid-dritt nazzjonali bbażata fuq l-istess fatti u fuq l-istess bażi li tippreġudika l-għanijiet u l-effettività ta’ l-imsemmija direttiva (37).

2.      Leffett tassistema ta’ responsabbiltà talFSĦ f’din it-tilwima

91.      Ma huwiex ikkontestat li UA, bħala detentur tal-kont tal-ħlas, ikkomunika lil Eurobank, fit-terminu previst fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, l-eżistenza tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma kinux awtorizzati mwettqa mill-allegat mandatarju tiegħu MK.

92.      Eurobank tallega bħala element ta’ awtentikazzjoni li l-prova tal-kunsens tal-utent kienet il-kopja postillata tal-prokura mogħtija minn UA lil MK quddiem nutar Taljan. Dan tal-aħħar, madankollu, jistqarr li l-prokura u l-kopja tagħha kienu falsifikazzjoni. Fil-kopja ppreżentata minn MK lill-bank sabiex jordna t-trasferimenti jidher li ma kien hemm l-ebda firma tal-prinċipal u tad-detentur tal-kont, u għalhekk il-bank ma setax iqabbel il-firem. Lanqas ma hemm evidenza li Eurobank użat mezzi alternattivi oħra (telefonata rrekordjata, pereżempju) sabiex tiżgura li UA kien ta l-kunsens tiegħu għall-ordnijiet ta’ trasferiment ippreżentati minn MK.

93.      Skont l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2007/64, jekk l-utent jiċħad li awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas imwettqa (kif inhu l-każ hawnhekk), l-użu tal-istrument ta’ ħlas irreġistrat mill-FSĦ “m’għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56”.

94.      Minn din ir-regola jista’ jiġi dedott li l-użu tal-istrument ta’ ħlas ippreżentat lil Eurobank fil-forma ta’ kopja tal-prokura (falza), anki jekk ċċertifikata u postillata, jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex juri l-awtorizzazzjoni ta’ min iħallas.

95.      Jekk iċ-ċirkustanzi preżenti taw lok għal dubji fondati dwar l-istrument ta’ ħlas, kienet meħtieġa diliġenza ikbar min-naħa tal-FSĦ fil-verifika tal-veraċità tiegħu, sabiex ineħħi dawn id-dubji u jkollu ċertezza sħiħa li d-detentur tal-kont tal-ħlas kien awtorizza t-tranżazzjonijiet inkwistjoni. B’dan il-mod biss jiġi osservat il-kriterju sottostanti tad-Direttiva 2007/64, jiġifieri l-protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, b’mod partikolari, meta dawn ikunu konsumaturi (38).

96.      Nemmen li, minħabba ċ-ċirkustanzi uniċi tal-każ, il-FSĦ ma setax jillimita lilu nnifsu għal awtentikazzjoni sempliċiment formali (esterna) tal-kopja nutarili ta’ prokura, postillata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat barrani.

97.      Id-Direttiva 2007/64 u s-suċċessur tagħha d-Direttiva 2015/2366 introduċew il-prinċipju ta’ “ħallas l-ewwel u argumenta wara” fir-rigward tar-responsabbiltà tal-FSĦ, sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ ħlas (39).

98.      Kif diġà spjegajt, huma l-FSĦ li għandhom jipproduċu prova li l-utent ta l-kunsens tiegħu għal tranżazzjoni ta’ ħlas jew li wettaq frodi jew negliġenza kbira. L-oneru tal-prova impost fuq il-FSĦ huwa, nirrepeti, ta’ intensità kbira.

99.      Ma huwiex possibbli li s-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà tal-FSĦ għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati tiġi rilassata, billi wieħed jirrikorri għal regoli nazzjonali (40) li jipprevedu responsabbiltà mnaqqsa tal-FSĦ (b’rabta ma’ dik iktar rigoruża li tirriżulta mid-Direttiva 2007/64). Il-qorti nazzjonali għandha tagħti preċedenza lil din tal-aħħar, billi tapplika l-Artikolu 86 tagħha, flimkien mal-Artikoli 58, 59 u 60.

100. L-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju (l-effett negattiv fuq l-attività tal-FSĦ ta’ sistema ta’ responsabbiltà stretta li tipproteġi lill-utenti) ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi s-sens ta’ dan li ntqal. Il-leġiżlatur Ewropew ikkunsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ alternattivi u għażel dik li jemmen li hija l-iktar favorevoli għall-interess komuni.

101. L-awtentikazzjoni formali u materjali tal-istrumenti ta’ ħlas hija essenzjali, fi ħdan l-għażla inkorporata fid-Direttiva 2007/64, sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lil dawk involuti fi tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Sa dan l-istess punt, din hija inskużabbli għall-funzjonament korrett tas-sistema ta’ ħlasijiet fl-Unjoni, li tiffavorixxi l-moviment liberu tal-kapital.

102. Fil-qosor, nikkunsidra li l-Artikoli 58, 59 u 60 tad-Direttiva 2007/64, flimkien mal-Artikolu 86 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkun hemm ċirkustanzi li jawtorizzaw dubji dwar il-validità tal-istrument ta’ ħlas:

–      awtentikazzjoni sempliċiment formali (esterna) ta’ dan l-istrument ta’ ħlas ma teżentax lill-FSĦ mir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati minn min iħallas; u

–      sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-dritt intern ta’ Stat Membru li ttaffi jew teżenta lill-FSĦ mir-responsabbiltà għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati ma tikkonformax ma’ dawn l-artikoli, fil-każ li l-FSĦ iwettqu awtentikazzjoni sempliċement formali (esterna) tal-istrument ta’ ħlas.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Apelativen sad Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofia, il-Bulgarija) fit-termini li ġejjin:

“Il-punti 19 u 23 tal-Artikolu 4, u l-Artikoli 58, 59 u 60, flimkien mal-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

1)      Prokura speċjali u espressa tad-detentur tal-kont tal-ħlas li fiha jawtorizza lil mandatarju jiddisponi mill-fondi ta’ dan il-kont ma hijiex, bħala prinċipju, strument ta’ ħlas, sakemm ma jkunux ftehmu hekk id-detentur tal-kont tal-ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, billi inkludew din id-dispożizzjoni espressament fil-klawżoli tal-kuntratt qafas li jorbothom. F’din l-ipoteżi, il-prokura nutarili tkun tifforma parti minn sett ta’ proċeduri miftiehma mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-utent ta’ dan is-servizz sabiex jibda ordni ta’ ħlas.

2)      Il-postilla maħruġa mill-awtorità barranija kompetenti taħt il-Konvenzjoni tal‑5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Postilli li tabolixxi r-rekwiżit ta’ legalizzazzjoni għad-dokumenti pubbliċi barranin, hija wieħed mill-mezzi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ juża sabiex jawtentika strument ta’ ħlas, meta dan ikun inkluż f’att pubbliku barrani.

3)      Il-qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas stabbilita mid-dritt intern ta’ Stat Membru li ma tkunx tikkonforma, strettament, ma’ dak previst fl-Artikoli 58, 59 u 60, flimkien mal-Artikolu 86, tad-Direttiva 2007/64, fil-każ ta’ twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas li ma humiex awtorizzati minn min iħallas.

4)      Fil-każ ta’ ċirkustanzi li jwasslu għal dubjj dwar il-validità tal-istrument ta’ ħlas u l-utent jiċħad li awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas li tkun diġà twettqet, il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas li jwettaq awtentikazzjoni sempliċiment formali (esterna) tal-imsemmi strument ta’ ħlas ma huwiex eżenti mir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE  2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).


4      Il-Kummissjoni Ewropea diġà bdiet il-proċess sabiex taġġorna d-Direttiva 2015/2366. Ara d-dokument A study on the application and impact of Directive (EU) 2015/2366 on Payment Services (PSD2), FISMA/2021/OP/0002.


5      Rigward id-dubji ġġenerati minn dan il-kunċett, ara Opinion of the European Banking Authority on its technical advice on the review of Directive (EU) 2015/2366 on payment services in the internal market (PSD2), EBA/Op/2022/06, tat‑23 ta’ Ġunju 2022, p, 111 u 112.


6      Il-kontenut tal-artikoli li ġew traskritti ġie riprodott, bi ftit modifiki, mid-Direttiva 2015/2366 meta tħassret id-Direttiva 2007/64.


7      Irrevokata b’effett mis‑6 ta’ Marzu 2018, iżda applikabbli f’din il-kawża.


8      Konvenzjoni tal‑5 ta’ Ottubru 1961 li tabolixxi r-rekwiżit ta’ legalizzazzjoni għad-dokumenti pubbliċi barranin (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Postilli”). Il-Konvenzjoni, kif ukoll id-dokumentazzjoni korrispondenti, huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (www.hcch.net), taħt l-intestatura “Konvenzjonijiet u strumenti oħra” taqsima speċjalizzata “Postilli”.


9      Hija kkundannatha wkoll tħallas lil UA EUR 1 182.40 bħala kumpens għal dannu materjali u EUR 74 521 f’interessi.


10      Dwar il-kunċetti ta’ servizzi ta’ ħlas u utent ta’ servizzi ta’ ħlas, ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Mediterranean Shipping Company (Portugal) - Agentes de Navegação (C‑295/18, EU:C:2019:320), punti 37 sa 48 u 54.


11      Din id-dikjarazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema “il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm “il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment permezz ta’ formola tat-trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn ta’ min iħallas kif ukoll il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking jikkostitwixxu strumenti ta’ ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” (sentenza tad‑9 ta’ April 2014, T‑Mobile Austria (C‑616/11, EU: C:2014:242; iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑Mobile Austria”), punti 29 sa 44).


12      Sentenzi T‑Mobile Austria, punti 33 u 34, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank (C‑287/19, EU:C:2020:897), punti 69 sa 72.


13      Sentenza T‑Mobile Austria, punti 31 u 33.


14      Il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat, pereżempju, il-funzjoni Near-Field Communication, komunement imsejħa funzjoni ta’ “ħlas mingħajr kuntatt”, tal-kards bankarji multifunzjonali personalizzati bħala strument ta’ ħlas mhux personalizzat, filwaqt li l-funzjonijiet l-oħra tal-imsemmija kards huma strumenti ta’ ħlas personalizzati. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank (C‑287/19, EU:C:2020:897), parti 79, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tat‑30 ta’ April 2020, DenizBank (C‑287/19, EU:C:2020:322), punti 29 sa 51.


15      Dwar il-kunċett ta’ kont tal-ħlas fil-punt 14 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, ING-DiBa Direktbank Austria (C‑191/17, EU:C:2018:809).


16      Skont il-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, “kuntratt qafas” tfisser “kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futur ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas”.


17      Is-sentenza T‑Mobile Austria, punt 39, issemmi wieħed mill-każijiet l-iktar komuni ta’ strumenti ta’ ħlas personalizzati: “[i]l-ħruġ ta’ tali ordni tat-trasferiment jippreżumi ġeneralment li min iħallas jiddepożita kampjun tal-firma tiegħu bl-idejn quddiem l-istabbiliment tal-kreditu mal-ftuħ tal-kont tal-ħlas, li huwa juża formoli ta’ trasferiment partikolari, u li huwa jinkludi f’dawn il-formoli l-firma tiegħu bl-idejn. L-imsemmi stabbiliment tal-kreditu jista’ jipproċedi għall-awtentikazzjoni tal-ordni tal-ħlas fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 4 [tad-Direttiva 2007/64], billi jqabbel il-firma bl-idejn inkluża fil-formola ta’ trasferiment mal-kampjun tal-firma bl-idejn iddepożitata minn qabel minn min iħallas”.


18      Id-Direttiva 2015/2366 ikkompletat din id-definizzjoni billi indikat fil-punt 29 tal-Artikolu 4 tagħha li, minbarra l-istrument ta’ ħlas, l-awtentikazzjoni tippermetti wkoll lill-FSĦ “jivverifika l-identità ta’ utent ta’ servizzi ta’ pagament”. Il-punt 30 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2015/2366 jintroduċi n-novità tal-“awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur”, jiġifieri “awtentikazzjoni bbażata fuq l-użu ta’ żewġ elementi jew iktar ikkategorizzati bħala għarfien (xi ħaġa li jaf biss l-utent), pussess (xi ħaġa li għandu biss l-utent) u inerenza (xi ħaġa li huwa l-utent) li huma indipendenti, fis-sens li l-ksur ta’ wieħed ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-oħrajn u hi mfassla b’tali mod li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data tal-awtentikazzjoni”.


19      Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi tranżazzjoni ta’ ħlas bħala “att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas”.


20      Skont il-Gvern Bulgaru, dawn ir-regoli jeħtieġu ċ-ċertifikazzjoni nutarili tal-firma tal-prokura sabiex jiġu disposti l-fondi tal-kontijiet tal-ħlas.


21      Il-postilla tiċċertifika biss l-awtentiċità tal-firma, il-kwalità li biha jkun aġixxa l-firmatarju u, fejn applikabbli, l-identità tas-siġill jew tat-timbru li d-dokument ikollu. Ara l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar il-Postilli.


22      L-Eurobank isostni li fid-dritt Bulgaru u dak Taljan il-kopja ċċertifikata min-nutar ta’ att pubbliku (f’dan il-każ, prokura) għandha l-istess effettività probatorju bħall-oriġinal ta’ dak l-att.


23      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU 2016, L 200, p. 1). L-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni u ta’ formalitajiet simili hija regola komuni għar-regolamenti Ewropej dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, għall-benefiċċju ta’ dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest tar-regolament inkwistjoni: ara, pereżempju, l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


24      L-Artikolu 2 tiegħu jillimita l-applikazzjoni tiegħu għad-dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor u li l-għan primarju tagħhom huwa li jistabbilixxu wieħed jew iktar mill-fatti relatati mal-istat ċivili tal-persuna, rilevanti għall-moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni (twelid, mewt, isem, nazzjonalità, eċċ.).


25      L-Italja u l-Bulgarija huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Postilli, kif ukoll huma l-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Madankollu, l-Unjoni ma hijiex u din il-konvenzjoni ma tifformax parti mid-dritt tal-Unjoni.


26      Ara l-ispjegazzjoni eżawrjenti tal-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fil-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, Manwal Prattiku dwar il-Funzjonament tal-Konvenzjoni dwar il-Postilli, Den Haag, 2023.


27      Dwar ir-responsabbiltà tal-FSĦ, ara Guimarães, M. R., “Los medios de pago en el derecho europeo y en los instrumentos europeos de armonización del derecho privado” Banca, Borsa, Titoli di Credito, 2017, Nru 4, p. 571 sa 574; Janczuk‑Gorywoda, A., “Enforcing smart: exploiting complementarity of public and private enforcement in the Payment Services Directive 2”, f’Cherednychenko, O. u Andenas, M.,Financial Regulation and Civil Liability in European Law, Edward Elgar, 2020, p. 115 sa 137; u Paglietti, C. M., “Restitution and Liability in the Multilevel Regulatory Framework of Unauthorized Digital Payment Transactions”, European Review of Private Law, 2022, Nru 1, p. 165.


28      Sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021 CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671; iktar ’il quddiem is-“sentenza CRCAM”), punt 31.


29      Sentenza CRCAM, punti 34 u 36.


30      Sentenza CRCAM, punti 37 sa 42.


31      Sentenza CRCAM, punti 43 sa 46.


32      Sentenza CRCAM, punti 47 sa 51.


33      Fil-punti 41 u 42 tas-sentenza CRCAM, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-FSĦ fid-Direttiva 2007/64 “kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni totali b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur”.


34      Fil-prattika, is-sistema probatorja stabbilita mill-Artikolu 59 tad-Direttiva 2007/64 twassal, mill-mument li fih il-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 58 tiegħu tkun twettqet fit-terminu previst, f’li l-FSĦ ikun suġġett għal obbligu ta’ rimbors immedjat. Sentenza CRCAM, punt 40.


35      Konklużjonijiet UE:C:2021:564, punt 53.


36      Sentenza CRCAM, punti 41 u 42.


37      Sentenza CRCAM, punti 44 u 45. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Spuznar tas‑7 ta’ Lulju 2022, Beobank (C‑351/21, EU:C:2022:541), punti 42, 43 u 50.


38      Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2017, BAWAG (C‑375/15, EU:C:2017:38), punt 45, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, PrivatBank (C‑480/18, EU:C:2020:274), punt 66.


39      Ara Guimarães, M. R., u Steennot, R.: “Allocation of Liability in Case of Payment Fraud: Who Bears the Risk of Innovation? A Comparison of Belgian and Portuguese Law in the Context of PSD2”, European Review of Private Law, 2022, Nru 1, p. 47 u 48.


40      L-Artikolu 75(2) tal-Liġi (Bulgara) dwar l-Obbligi u l-Kuntratti huwa kkwotat bħala tali f’dan il-każ. Skont dan l-artikolu, id-debitur għandu jiġi meħlus meta jkun wettaq in bona fede obbligu lejn persuna li, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi ċari, tidher li tkun intitolata li tirċievi l-benefiċċju. Din is-sistema ta’ responsabbiltà ġenerali ma tikkonformax, għalhekk, ma’ dik speċifika li tirriżulta mill-Artikoli 58, 59, 60 u 86 tad-Direttiva 2007/64 għall-FSĦ.