KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

DE LA TOUR

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 ( 1 )

Kawża C‑392/22

X

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti fi Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – It-tieni suparagrafu tal-Artikolu 3(2) – Impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment minħabba nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti – Portata – Refoulements sommarji fil-fruntieri esterni u miżuri ta’ tqegħid f’detenzjoni fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera – Regoli dwar il-prova applikabbli – Dmir u portata tal-kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jqajjem għal darba oħra l-kwistjoni tal-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 2 ), li skontu, meta jkun impossibbli li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment innominat bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”), peress li jkunu jeżistu raġunijiet serji li jagħtu lok għall-konvinzjoni li jeżistu f’dan l-Istat Membru nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil, tali li jesponu lil dan tal-aħħar għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ), l-Istat Membru li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jipproċedi bl-eżami tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk jistax jiġi nnominat Stat Membru ieħor bħala responsabbli.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn X, ċittadin Sirjan, u s-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (il-Ministru tal-Ġustizzja u tas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jipproċedix bl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, billi l-Istat Membru responsabbli għal dan l-iskop kienet ir-Repubblika tal-Polonja. X jopponi għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru peress li kien issuġġettat għal refoulements sommarji fil-fruntieri esterni tal-Polonja, u sussegwentement għal tqegħid f’detenzjoni allegatament illegali fil-punt ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, f’kundizzjonijiet li barra minn hekk ma kinux jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu.

3.

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti kontribut ġdid tagħha. Fil-fatt, għalkemm hija stabbilixxiet il-prinċipju li fuqu huwa bbażat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et ( 4 ), sussegwentement, hija speċifikat il-portata tiegħu fis-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et ( 5 ) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo ( 6 ). Din il-kawża hija differenti minn din il-ġurisprudenza preċedenti sa fejn it-trasferiment hawnhekk sar impossibbli minħabba t-twettiq, mill-Istat Membru normalment responsabbli, ta’ ksur gravi u sistemiku tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri tiegħu.

4.

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, sejjer, qabel xejn, nesponi r-raġunijiet għaliex inqis li l-prattiki previsti fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet waħedhom ma jippermettux li jitqies li teżisti raġuni serja u pprovata li tagħti lok għall-konvinzjoni li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali sejjer ikun, f’każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli, f’riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti inumani u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u wara l-eżitu tagħha.

5.

Sussegwentement, sejjer nispjega li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti hija obbligata teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr ma twettaq, minn qabel, verifiki jew titlob mingħand l-Istat Membru normalment responsabbli l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali jew l-għoti ta’ garanziji individwali marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ teħid tal-inkarigu tal-applikant.

6.

Fl-aħħar, sejjer nispeċifika, fid-dawl tal-prinċipji diġà żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, ir-regoli dwar il-prova kif ukoll il-modalitajiet tal-kooperazzjoni li għandhom jirregolaw l-istabbiliment ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti tal-applikant fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

II. Il‑kuntest ġuridiku

7.

Il-premessi 19, 32 u 39 tar-Regolament Dublin III jiddikjaraw:

“(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.

[…]

(32)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(39)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1, 4, 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ.”

8.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9.

Ir-rikorrenti, ċittadin Sirjan li twieled fl‑1992, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Polonja fid‑9 ta’ Novembru 2021. Fil‑21 ta’ Novembru 2021, huwa mar fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn ippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit‑22 ta’ Novembru 2021. Fl‑20 ta’ Jannar 2022, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu lir-Repubblika tal-Polonja tieħu lura l-inkarigu tar-rikorrent fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Fl‑1 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tal-Polonja aċċettat li tieħu lura l-inkarigu fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(c) ta’ dan ir-regolament. B’deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2022, il-Ministru ma ħax inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrent.

10.

Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, u talab fl-istess ħin miżuri provviżorji mill-Imħallef għal miżuri provviżorji. Fit‑3 ta’ Ġunju 2022, dan tal-aħħar ikkonċeda l-miżuri mitluba u pprojbixxa t-trasferiment tar-rikorrent lejn il-Polonja sakemm ma tingħatax deċiżjoni fuq ir-rikors.

11.

Ir-rikorrent isostni li l-awtoritajiet Pollakki kisru d-drittijiet fundamentali tiegħu u għaldaqstant jibża’ li dan jerġa’ jirrepeti ruħu wara t-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja. F’dan ir-rigward, huwa jiddikjara li huwa ġie mneħħi mit-territorju tal-Unjoni u ntbagħat lejn il-Belarussja mill-awtoritajiet Pollakki għal tliet darbiet wara d-dħul tiegħu fil-Polonja permezz ta’ proċedura msejħa “pushback”. Dik il-proċedura kienet tmur kontra d-dinjità umana, fatt li jikkostitwixxi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ostakolu għal trasferiment imwettaq abbażi tar-Regolament Dublin III ( 7 ). Ir-rikorrent isejjes id-dikjarazzjonijiet tiegħu billi jagħmel riferiment għal rapporti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-qrati nazzjonali. Ir-rikorrent jikkundanna wkoll il-mod kif ittrattawh l-awtoritajiet Pollakki fil-fruntiera, fejn b’mod partikolari ma bbenefikax mill-għajnuna ta’ interpretu sabiex jikseb l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni. Madankollu huwa rċieva dokument bil-lingwa Għarbija li jispjega r-Regolament Dublin III. Fuq il-parir ta’ organizzazzjoni, huwa aċċetta li jittieħdulu l-marki tas-swaba’. Barra minn dan, ir-rikorrent jilmenta dwar il-kundizzjonijiet li fihom huwa tqiegħed f’detenzjoni wara l-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, kellu nuqqas ta’ ikel u ma bbenefikax minn kontroll mediku. Fl-aħħar, ir-rikorrent jiddikjara li s-setgħa ġudizzjarja fil-Polonja ma hijiex indipendenti u talab lill-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk li hija kienet għamlet fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Mejju 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid ( 8 ).

12.

Għall-kuntrarju, il-Ministru jqis li jista’ jibbaża ruħu b’mod sħiħ fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, b’tali mod li jista’ jiġi preżunt li r-rikorrent mhux sejjer isib ruħu f’sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta wara t-trasferiment tiegħu f’dan l-Istat Membru. Huwa jispeċifika li l-prattika tal-“pushback” ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sa fejn ir-rikorrent mhux sejjer ikun espost għal din il-prattika ġaladarba jkun twettaq it-trasferiment tiegħu. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li dan tal-aħħar ma weriex li s-sitwazzjoni li se jsib ruħu fiha, wara t-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja, sejra tilħaq il-livell minimu ta’ gravità partikolarment għoli ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jawo.

13.

Fl-aħħar, il-Ministru jindika li huwa ma jara l-ebda raġuni għall-użu tal-klawżola diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III sabiex jeżamina b’mod spontanju l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent.

14.

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa kompitu tagħha li tiddeċiedi dwar sa liema punt il-ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirriżulta minn prattiki ta’ “pushback” u l-miżuri ta’ tqegħid f’detenzjoni illegali mwettqa mill-Istat Membru normalment responsabbli jaffettwaw il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-premessi 3, 32 u 39 tiegħu u moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-[Karta], ir-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati huwa indiviżibbli b’tali mod li ksur serju u sistemiku tad-dritt tal-Unjoni, imwettaq qabel it-trasferiment mill-Istat Membru probabbilment responsabbli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li (għadhom) ma humiex is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn taħt dan l-istess regolament, jipprekludi b’mod assolut trasferiment lejn dan l-Istat Membru?

2)

Jekk [l-ewwel] domanda […] tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Dublin III], moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-Istat Membru eventwalment responsabbli jikser b’mod serju u sistemiku d-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment taħt [dan ir-regolament] ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati iżda għandu jneħħi kull dubju jew jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li r-rikorrent mhux ser jitqiegħed, wara t-trasferiment, f’sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-[Karta]?

3)

Liema huma l-provi li r-rikorrent għandu jipproduċi insostenn tal-argumenti tiegħu li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Dublin III] jipprekludi t-trasferiment tiegħu u liema livell ta’ prova għandu jkun applikabbli f’dan ir-rigward? Fid-dawl tar-riferimenti li r-Regolament ta’ Dublin jagħmel għall-acquis tal-Unjoni fil-premessi tiegħu, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment għandu obbligu ta’ kooperazzjoni u/jew obbligu ta’ verifika jew, fil-każ ta’ ksur serju u sistemiku tad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa neċessarju li jinkisbu mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali li d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent (effettivament) ser jiġu rrispettati wara t-trasferiment? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk ir-rikorrent ma jkunx jista’ jsostni d-dikjarazzjonijiet konsistenti u ddettaljati tiegħu permezz ta’ dokumenti, meta, fid-dawl tan-natura ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, dan ma jkunx jista’ jiġi mistenni minnu?

4)

Ir-risposta [għat-tielet domanda] tkun differenti jekk l-applikant jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li lmenti quddiem l-awtoritajiet u/jew użu ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru responsabbli mhux ser ikunu possibbli u/jew effettivi?”

16.

Ir-rikorrent, il-Gvern Olandiż, Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Taljan, Ungeriż, Awstrijak u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi

A.   Fuq il‑portata tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III (l‑ewwel u t‑tieni domanda)

17.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’mod konġunt l-ewwel u t-tieni domanda preliminari.

18.

Minn naħa, permezz tal-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant meta jiġi stabbilit li l-Istat Membru normalment responsabbli wettaq fil-konfronti tiegħu “ksur serju u sistemiku tad-dritt tal-Unjoni” qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Għalkemm din id-domanda hija fformulata f’termini partikolarment wiesa’, jirriżulta b’mod manifest mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju tikkonċentra l-mistoqsijiet tagħha fuq żewġ tipi ta’ prattiki li jidher li juża dan l-Istat Membru meta ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jipprovaw jew effettivament jirnexxilhom jaqsmu l-fruntieri esterni tiegħu, jiġifieri l-prattika ta’ refoulements sommarji u l-miżuri ta’ tqegħid f’detenzjoni fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

19.

Għaldaqstant, qabel xejn nirrileva li din id-domanda ma taqax taħt il-każ li fih l-applikant jinvoka l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih, bħal vulnerabbiltà partikolari, każ li ġie previst mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 95 tas-sentenza Jawo u li hija eżaminat fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et ( 9 ).

20.

Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika, fil-każ li din tal-aħħar tikkunsidra li dawn il-prattiki ma jipprekludux l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, il-punt sa fejn l-awtorità kompetenti hija obbligata li tiżgura li l-applikant ma jiġix espost għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba dan it-trasferiment.

1. Fuq il‑portata u l‑modalitajiet tal‑evalwazzjoni marbuta mal‑eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l‑eżekuzzjoni tat‑trasferiment

21.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru normalment responsabbli jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji li jwasslu għall-konvinzjoni li sejjer jesponi ruħu għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti f’dan l-Istat Membru. Din id-dispożizzjoni tikkodifika l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza N. S. et.

22.

Fis-sentenza Jawo, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-portata tal-istħarriġ li għandu jsir mill-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment minħabba l-fatt li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huma bbażati fuq assigurazzjoni li “l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ma tirriżulta, fl-ebda stadju u taħt l-ebda forma, f’riskju serju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta” ( 10 ), sa fejn dan l-artikolu jistabbilixxi projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti ta’ natura ġenerali u assoluta ( 11 ). Konsegwentement, dan l-istħarriġ għandu jirrigwarda kemm ir-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti li r-rikorrenti jesponi ruħu għalih fil-mument tat-trasferiment kif ukoll ir-riskju li jkun espost għalih bħala applikant matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu, u sussegwentement, wara l-eżitu ta’ din tal-aħħar, jew bħala benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ( 12 ), jew bħala ċittadin ta’ “pajjiż terz fl-istennija ta’ tneħħija f’każ ta’ rifjut tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ( 13 ).

23.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tinkariga lill-awtorità kompetenti sabiex twettaq kontroll li jinvolvi żewġ stadji.

24.

L-ewwel stadju jikkonsisti fl-evalwazzjoni tar-riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti ffaċċjat mill-applikant fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati. Dawn l-elementi għandhom jippermettulha tevalwa l-funzjonament tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli u, b’mod partikolari, ir-realtà tan-nuqqasijiet kemm jekk sistemiċi jew iġġeneralizzati, kemm jekk imissu ċerti gruppi ta’ persuni ( 14 ) fl-akkoljenza u t-teħid tal-inkarigu tal-applikanti u, fejn xieraq, in-natura adegwata u suffiċjenti tal-garanziji individwali li jista’ joffri dan l-Istat Membru. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħal sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħrajn stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti jew anki rapporti regolari u konkordanti tal-NGOs internazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi nnotat li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-awtoritajiet kompetenti “huma bħala prinċipju meqjusa li huma konxji min-nuqqasijiet ġenerali deskritti ampjament f’rapporti affidabbli li joriġinaw b’mod partikolari mill-[Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati], mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-korpi tal-Unjoni Ewropea” ( 15 ).

25.

B’rabta mal-kriterji li fir-rigward tagħhom l-awtorità kompetenti għandha twettaq din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikunu jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta, dawn in-nuqqasijiet għandhom jilħqu livell partikolarment għoli ta’ gravità, li jiddependi mill-informazzjoni kollha tal-kawża ( 16 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-livell jintlaħaq f’sitwazzjonijiet li huma kkaratterizzati minn deprivazzjoni materjali estrema tal-persuna kkonċernata, li ma jkunux jippermettu lil din tal-aħħar li tissodisfa l-bżonnijiet l-iktar elementari tagħha, bħal, b’mod partikolari, dawk tal-ikel, tal-ħasil u tal-akkomodazzjoni, u li jippreġudikaw is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li jpoġġuha fi stat ta’ deterjorament inkompatibbli mad-dinjità umana tagħha ( 17 ). Għaldaqstant, l-imsemmi livell ma jintlaħaqx f’sitwazzjonijiet ikkaratterizzati anki minn prekarjetà kbira jew deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna kkonċernata ( 18 ).

26.

It-tieni stadju ta’ dan il-kontroll għandu jippermetti lill-awtorità kompetenti li tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati li jsostnu l-konvinzjoni li l-persuna kkonċernata sejra tkun f’riskju reali li tiġi ssuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti minħabba t-trattament li sejra tingħata waqt l-eżami tal-applikazzjoni tagħha u wara l-eżitu ta’ din tal-aħħar. Din l-evalwazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni individwali u prospettiva tar-riskju li sejra tkun esposta għalih.

2. Fuq l‑effetti ta’ refoulements sommarji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ miżuri ta’ tqegħid f’detenzjoni tal‑applikanti f’punti ta’ kontroll fuq il‑fruntiera fuq l‑implimentazzjoni tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III

27.

Fil-kawża preżenti, l-argumenti tar-rikorrent ma humiex marbuta mal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih, iżda iktar mal-eżistenza ta’ ksur jew ta’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni mill-Istat Membru normalment responsabbli ta’ proċeduri ta’ akkoljenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tiegħu. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent jilmenta, minn naħa, li kien is-suġġett ta’ diversi refoulements sommarji fil-fruntiera esterna tal-Polonja qabel il-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, jilmenta dwar it-trattament li ngħata lilu fil-mument tad-dħul tiegħu fit-territorju Pollakk u tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, fejn dan tal-aħħar tqiegħed f’detenzjoni fil-punt ta’ kontroll fuq il-fruntiera. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-użu ta’ dawn iż-żewġ prattiki huwa kkonfermat minn informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata.

28.

Jiena ma naħsibx li dawn l-argumenti, anki meta dawn ikunu kkonfermati minn informazzjoni bħal din, huma suffiċjenti sabiex iwarrbu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u, għaldaqstant, jostakolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III.

29.

Fil-fatt, l-imsemmija argumenti, sa fejn jikkonċernaw prattiki marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ qsim tal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru u ta’ introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’dawn il-fruntieri, ma jippermettux li jintwerew kundizzjonijiet ta’ teħid ta’ inkarigu prevedibbli tal-applikant f’każ ta’ trasferiment f’dan l-Istat Membru.

30.

Fir-rigward tal-prattika tar-refoulements sommarji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz mill-fruntiera ta’ Stat Membru, tali prattika tikkostitwixxi, evidentement, ksur gravi tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar. Ikun xi jkun l-istatus legali tal-persuna kkonċernata, il-prinċipju ta’ non-refoulement, li huwa sanċit fl-Artikolu 78(1) TFUE kif ukoll fl-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, huwa komponent essenzjali tal-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Dan il-prinċipju jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew anki l-estradizzjoni mhux biss lejn pajjiż li fih persuna tista’ tkun esposta għal riskju ta’ persekuzzjoni jew ta’ dannu gravi (refoulement dirett), iżda wkoll lejn pajjiż fejn din tkun f’riskju gravi ta’ tneħħija ulterjuri lejn l-imsemmi pajjiż (refoulement indirett).

31.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem eżaminat il-legalità ta’ din il-prattika, li jsir riferiment għaliha wkoll bħala “tkeċċija immedjata” jew anki bħala “ritorn bil-forza”, fil-kuntest tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 19 ) jew tal-Artikolu 4 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li Jassigura Ċerti Drittijiet u Libertajiet Differenti Barra Minn Dawk Diġà Inklużi fil-Konvenzjoni u fl-Ewwel Protokoll Addizzjonali Tagħha ( 20 ), kif emendata bil-Protokoll Nru 11, intitolat “Projbizzjoni ta’ Tkeċċijiet Kollettivi ta’ Barranin” ( 21 ). Hija torbotha mat-tkeċċija, li tagħmel riferiment għal kull tneħħija bil-forza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju ta’ Stat, indipendentement mil-legalità tar-residenza tal-persuna kkonċernata, miż-żmien li hija kienet ilha f’dan it-territorju, mill-post li fih ġiet arrestata, mill-kwalità tagħha ta’ migrant jew ta’ applikant għall-ażil jew mill-aġir tagħha waqt il-qsim tal-fruntiera ( 22 ). Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi effettivament imċaħħad mill-possibbiltà li jaċċedi għat-territorju tal-Istat. Issa, dan l-aċċess jikkostitwixxi presuppost indispensabbli għall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ identifikazzjoni u ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni l-iktar vulnerabbli. Għaldaqstant, ċerti ċittadini ta’ pajjiż terz jistgħu jsibu ruħhom fl-impossibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

32.

F’dan il-kuntest, naħseb li l-prattika ta’ refoulements sommarji fil-fruntiera ta’ Stat Membru taffettwa l-funzjonament korrett tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil fid-dimensjoni esterna tagħha, sa fejn ma tiggarantixxix l-aċċess għal protezzjoni internazzjonali.

33.

Madankollu, il-fatt li l-Istat Membru normalment responsabbli jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri fil-kuntest tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri tiegħu u tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 ( 23 ), li jwassluh sabiex jadotta prattiki fil-fruntiera li jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, ma jistax jikkostitwixxi waħdu raġuni serja u pprovata li twassal għall-konvinzjoni li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali sejjer ikun, f’każ ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru, f’riskju reali li jkun issuġġettat għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u wara l-eżitu ta’ din tal-aħħar ( 24 ). Kif jenfasizza l-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju, il-prattika ta’ refoulements sommarji ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sa fejn ir-rikorrent mhux sejjer ikun espost għal din il-prattika ġaladarba t-trasferiment tiegħu jkun twettaq.

34.

In-natura u l-gravità tar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti li jkun espost għalih l-applikant minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru normalment responsabbli għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ informazzjoni preċiża marbuta mad-difetti u n-nuqqasijiet li dan l-Istat Membru jkollu f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli ma’ dawk li fihom l-applikant sejjer isib ruħu fihom wara l-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment bħala applikant matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu, u sussegwentement fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara l-eżitu ta’ din il-proċedura, jew inkella fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-proċess ta’ tneħħija f’każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu ( 25 ). L-indikazzjonijiet marbuta mal-prattiki li juża l-Istat Membru normalment responsabbli meta jkun hemm tentattivi ta’ qsim tal-fruntieri esterni tiegħu jew waqt il-preżentata fil-fruntieri tiegħu ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jippermettux li jiġi preżunt it-trattament li sejjer jingħata lill-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu u wara l-eżitu tagħha. Anki meta dawn l-indikazzjonijiet juru l-eżistenza ta’ ksur gravi tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, dawn tal-aħħar ma għandhomx jitqiesu bħala informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti li għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, u dan sabiex tiġi evitata paraliżi tal-funzjonament ta’ dan ir-regolament.

35.

Din il-konklużjoni tgħodd ukoll fir-rigward tan-nuqqasijiet li jkollu l-Istat Membru normalment responsabbli fit-trattament taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi waqt il-qsim tal-fruntieri u l-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mqiegħda f’detenzjoni fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli ma’ dik li sejjer isib ruħu fiha l-applikant suġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment, kemm minħabba l-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz kif ukoll il-corpus legali applikabbli. Fl-assenza ta’ informazzjoni li tikkonferma l-eżistenza ta’ nuqqasijiet kemm jekk sistemiċi jew iġġeneralizzati, kemm jekk imissu ċerti gruppi ta’ persuni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/33 u, b’mod partikolari, fl-aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, dawn il-kunsiderazzjonijiet lanqas ma huma suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu raġuni serja u pprovata li twassal għall-konvinzjoni li l-persuna kkonċernata sejra tkun, f’każ ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru, f’riskju reali li tkun issuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali jew wara l-eżitu ta’ din tal-aħħar, billi ssib ruħha b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema ( 26 ).

36.

Bħala konklużjoni, fl-assenza ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati ta’ natura li juru l-eżistenza, fl-Istat Membru normalment responsabbli, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jaffettwaw is-sistema tal-protezzjoni internazzjonali jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw it-teħid tal-inkarigu u t-trattament ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li jifforma parti minnu l-applikant, ma teżisti l-ebda raġuni valida, għall-awtorità kompetenti, sabiex tippreżumi li t-trattament li sejjer jingħata lil dan tal-aħħar, matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu u wara l-eżitu tagħha, sejjer jesponih għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti. Għall-kuntrarju, din l-awtorità hija obbligata li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-fatt li d-drittijiet fundamentali, inklużi dawk li joriġinaw mill-konvenzjoni marbuta mal-istatus ta’ refuġjati ( 27 ), kif ikkompletata mill-Protokoll Dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 28 ) kif ukoll fil-KEDB ( 29 ), sejrin jiġu rrispettati, konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

37.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti ma tistax tiġi awtorizzata tirrikjedi mingħand l-Istat Membru normalment responsabbli li jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew garanziji individwali rigward il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u tal-ħajja tal-applikant matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu u wara l-eżitu tagħha, u dan sabiex ma jiġix miksur il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li għandhom iħaddnu l-Istati Membri u li fuqu hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Barra minn hekk, passi bħal dawn, sa fejn jirrikjedu ħin addizzjonali, ma jippermettux li tiġi żgurata d-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli u l-ħeffa tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, li huma madankollu oġġettivi li jfittex li jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Dublin III ( 30 ).

38.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jkun ġie ssuġġettat għal refoulements sommarji fil-fruntiera esterna tal-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa normalment responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll minn miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni allegatament illegali fil-punt ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, ġaladarba l-awtorità kompetenti ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi ta’ natura li juru li jeżistu raġunijiet serji u pprovati li jwasslu għall-konvinzjoni li dan tal-aħħar sejjer ikun espost għal riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti inumani jew degradanti matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu u wara l-eżitu tagħha minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-imsemmi Stat Membru.

39.

Fl-assenza ta’ tali elementi, l-awtorità kompetenti hija obbligata teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ trasferiment, konformement mal-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma twettaq verifiki minn qabel u mingħajr ma tirrikjedi mingħand l-Istat Membru normalment responsabbli, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali jew il-provvista ta’ garanziji individwali fir-rigward tat-trattament li sejjer jingħata lill-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali u wara l-eżitu tagħha.

B.   Fuq ir‑regoli dwar il‑prova u l‑obbligu ta’ kooperazzjoni applikabbli fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III (it-tielet u r-raba’ domanda)

40.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tittratta b’mod konġunt it-tielet u r-raba’ domanda preliminari.

41.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika r-regoli dwar il-prova applikabbli fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-mezzi tal-prova kif ukoll dwar il-livell tal-prova rikjest għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta li jirriżulta minn trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli.

42.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ dmir ta’ kooperazzjoni impost fuq l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ tali riskju u, fejn xieraq, dwar il-portata ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika sa liema punt l-awtorità kompetenti hija obbligata twettaq verifiki dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru normalment responsabbli jew li tirrikjedi garanziji individwali f’każ ta’ ksur gravi u strutturali tad-drittijiet fundamentali minn dan tal-aħħar.

43.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-influwenza tal-assenza ta’ protezzjoni legali effettiva fl-Istat Membru normalment responsabbli fuq ir-regoli tal-prova jew il-modalitajiet tal-kooperazzjoni stabbiliti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

1. Fuq ir‑regoli dwar il‑prova applikabbli fil‑kuntest tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2)tar‑Regolament Dublin III

44.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jirregolax ir-regoli dwar il-prova applikabbli fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Madankollu naħseb li l-istruttura ta’ dan ir-regolament kif ukoll ir-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha jippermettu li jiġu żviluppati l-prinċipji li fuqhom għandhom ikunu msejsa dawn ir-regoli.

45.

Fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament tirrikjedi li l-applikant ikollu l-opportunità jippreżenta l-elementi kollha fil-pussess tiegħu li jikkontribwixxu għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti f’każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli.

46.

L-applikant għandu jkollu din l-opportunità fl-istadju kemm tal-intervista personali u, fejn xieraq, tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

47.

L-intervista personali tifforma parti mill-prinċipji ġenerali u mill-garanziji stabbiliti fil-Kapitlu II tar-Regolament Dublin III. L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li l-awtorità kompetenti għandha twettaq intervista personali mal-applikant sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u tiżgura li dan l-applikant jifhem b’mod korrett l-informazzjoni li tiġi pprovduta lilu konformement mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Din l-intervista għandha qabel xejn tkun okkażjoni għall-applikant li jifformula dikjarazzjonijiet iddettaljati u/jew li jipprovdi l-provi u l-indizji kollha previsti fl-Artikolu 21(3) u fl-Artikolu 22(3) tal-istess regolament li jippermettu li tiġi preżunta r-responsabbiltà ta’ Stat Membru u li fuqhom jiġi ppreżentat rikors għall-finijiet tat-teħid tal-inkarigu ( 31 ). Dawn il-provi u dawn l-indizji huma marbuta mal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, li ma jkoprix il-“kriterji ta’ esklużjoni” stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament ( 32 ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, xejn ma jipprekludi li din l-intervista personali tkun ukoll okkażjoni għall-applikant sabiex jesponi l-biżgħat tiegħu u jikkomunika, fejn xieraq, l-elementi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fl-ipoteżi li jkun previst it-trasferiment possibbli tiegħu lejn Stat Membru ieħor. Fil-fatt, il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament huma wiesa’ biżżejjed sabiex jippermettu din l-interpretazzjoni li, barra minn hekk, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta dan jeżiġi li ssir intervista personali, jiġifieri li jissaħħu d-drittijiet tal-applikanti u li dawn jiġu assoċjati kemm jista’ jkun mal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ( 33 ). Fl-aħħar, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija kkonfortata mill-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 34 ), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis ( 35 ), marbuta mal-evalwazzjoni ta’ riskju serju ta’ trattament inuman u degradanti li għalih ikun espost l-applikant f’każ li jintbagħat fl-Istat Membru li fih huwa diġà jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward nagħmel riferiment għall-punti 55 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

48.

Wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, l-applikant jista’ jsemmi r-raġunijiet għaliex tali trasferiment hemm riskju li jesponih għal trattament inuman jew degradanti fil-kuntest ta’ rikors li huwa jista’ jippreżenta kontra din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III. Il-kawża preżenti timmanifesta dan kollu.

49.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-provi li dan tal-aħħar għandu jikkomunika, il-Kummissjoni sostniet, fl-osservazzjonijiet tagħha, li, fid-dawl tas-sentenza Jawo, “l-applikant għandu jipproduċi elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet kemm jekk sistemiċi jew iġġeneralizzati, kemm jekk imissu ċerti gruppi ta’ persuni u li jilħqu livell partikolarment għoli ta’ gravità”.

50.

Jiena ma nikkondividix dan l-analiżi.

51.

Minn naħa, jidhirli li din l-interpretazzjoni twassal sabiex jiġi impost fuq l-applikant oneru tal-prova eċċessiv fid-dawl tad-diffikultajiet li huwa jista’ jiltaqa’ magħhom waqt l-istabbiliment tal-provi u, b’mod partikolari, tar-riżorsi li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

52.

Jiena naqbel li, bħala prinċipju, huwa l-applikant li għandu jipproduċi elementi li jistgħu juru li hemm raġunijiet serji li jagħtu lok għall-konvinzjoni li, jekk tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ trasferiment, huwa sejjer ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti. Madankollu, naħseb li huwa neċessarju li tintuża l-prudenza fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta man-natura u mal-livell ta’ prova rikjest, peress li dawn jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami. Għaldaqstant, jiena nikkondividi l-osservazzjoni tal-Gvern Pollakk li l-assenza ta’ kull dokument li jikkorrobora d-dikjarazzjoni tal-applikant ma tistax waħedha tantiċipa n-nuqqas tal-forza probatorja tagħha. Fil-fatt, ċerti applikanti jkunu f’pożizzjoni li jesponu, b’mod konkret, il-biżgħat tagħhom billi jipprovdu informazzjoni rilevanti, jew inkella provi dokumentarji, li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tat-teħid tal-inkarigu tagħhom peress li huma kienu residenti, f’din il-kwalità, fit-territorju tal-Istat Membru normalment responsabbli qabel ma telqu minnu. Applikanti oħrajn, għall-kuntrarju, ma jkunux kapaċi li jipproduċu provi insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħhom u, jekk ikollhom dawn il-provi, ma jikkomunikawx l-iktar rilevanti minnhom. F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jenfasizza, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-applikant jista’ jikkomunika l-informazzjoni disponibbli fuq l-Istat Membru kkonċernat, bħar-rapporti stabbiliti mill-Asylum Information Database (AIDA) jew il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi bejn dak l-Istat Membru u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) jew anki r-rapporti tal-organizzazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. Għalkemm, fl-istadju tar-rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ċerti applikanti jistgħu effettivament jużaw mezzi li joffrulhom l-assistenza legali u lingwistika tagħhom, jiena m’iniex konvint li, fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn ikollhom neċessarjament konoxxenza tas-sorsi tal-informazzjoni utli marbuta mar-rispett, fi Stat Membru, tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti u, fejn applikabbli, il-mezzi li jaċċedu għalihom.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-applikant jista’ jintalab juri suffiċjentement ir-realtà li tikkonċerna s-sitwazzjoni personali tiegħu, permezz tan-natura u l-portata tad-dikjarazzjonijiet tiegħu u, fejn xieraq, permezz tal-provi dokumentarji jew l-indizji li huwa jkollu fil-pussess tiegħu, ma jistax, għall-kuntrarju, ikun mistenni li jikkomunika informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata li tippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fl-Istat Membru normalment responsabbli kif ukoll il-livell ta’ gravità tar-riskju li jkun fih. Fl-opinjoni tiegħi, tali passi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li hija waħedha f’pożizzjoni li twettaq l-evalwazzjoni legali li tirrikjedi l-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

54.

Min-naħa l-oħra, jiena ma nsib l-ebda raġuni li tiġġustifika li l-applikant għandu jġorr oneru tal-prova iktar oneruż minn dak li huwa suġġett għalih meta jkollu juri li huwa jinsab f’riskju ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, f’każ li jintbagħat lura fl-Istat Membru li fih huwa diġà jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

55.

Infakkar li, fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 36 ), li ngħatat fl-istess jum bħas-sentenza Jawo, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 37 ) ma jipprekludix lil Stat Membru milli jeżerċita l-fakultà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli peress li l-applikant diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant sejjer jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni f’dan l-Istat Membru l-ieħor ma jkunux sejrin jesponuh għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 38 ).

56.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipji identiċi għal dawk li hija stabbilixxiet fis-sentenza Jawo, billi applikat din l-aħħar imsemmija sentenza b’analoġija. B’hekk, hija kkunsidrat li, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom elementi prodotti mill-applikant għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali riskju fl-Istat Membru li jkun diġà ta protezzjoni internazzjonali, dawn l-awtoritajiet ikunu obbligati jevalwaw, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati u fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà tan-nuqqasijiet kemm jekk sistemiċi jew iġġeneralizzati, kemm jekk imissu ċerti gruppi ta’ persuni ( 39 ). Fir-rigward tal-livell ta’ gravità, dan huwa loġikament identiku għal dak iddefinit fis-sentenza Jawo u jimplika li l-persuna kkonċernata tkun esposta għal riskju li ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema ( 40 ).

57.

Fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan kollu li l-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta għandha titwettaq wara li l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-elementi kollha, b’mod partikolari ta’ natura personali, li jistgħu jikkonfermaw l-eżistenza ta’ dan kollu ( 42 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intervista personali għandha tippermetti lill-awtorità determinanti mhux biss li tevalwa s-sitwazzjoni speċifika tal-applikant kif ukoll il-livell ta’ vulnerabbiltà ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll li tiżgura li jkun ġie mistieden jipprovdi “l-elementi kollha li jistgħu juru li riferiment fl-Istat Membru li diġà tah protezzjoni internazzjonali jesponih għal riskju ta’ pproċessar li jmur kontra dan l-Artikolu 4” ( 43 ).

58.

Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma imponiet l-ebda rekwiżit, bħalma għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni, dwar in-natura u s-saħħa tal-provi li l-applikant huwa obbligat li jipproduċi insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jitwarrbu dawn il-prinċipji fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III sa fejn ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-applikant li jkun espost għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti wara li jkun intbagħat lura lejn l-Istat Membru li fih huwa diġà bbenefika minn protezzjoni internazzjonali jew lejn l-Istat Membru responsabbli.

59.

Minn dan kollu nikkonkludi li huwa l-applikant li għandu jifformula d-dikjarazzjonijiet iddettaljati u, fejn xieraq, li jipproduċi l-elementi kollha fil-pussess tiegħu li jistgħu juru li hemm raġunijiet serji li jagħtu lok għall-konvinzjoni li sejjer ikun f’riskju reali li jkun espost għal trattamenti inumani jew degradanti minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru normalment responsabbli.

2. Fuq l‑eżistenza u, fejn xieraq, il‑portata tad‑dmir ta’ kooperazzjoni impost fuq l‑awtorità kompetenti fil‑kuntest tal‑implimentazzjoni tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III

60.

Fit-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika sa liema punt l-awtorità kompetenti hija obbligata li tikkoopera mal-applikant għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ riskju ta’ trattament inuman u degradanti f’każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli. Tali obbligu, sa fejn jeżiġi li din l-awtorità teżamina u tevalwa fid-dettall l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattamenti inumani u degradanti, jippermetti li jiġu paċuti d-diffikultajiet li huwa espost għalihom l-applikant fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ tali riskju, sa fejn dan tal-aħħar ma jibbenefikax, barra minn hekk, mill-istess garanziji proċedurali bħal dawn previsti mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32.

61.

Ir-Regolament Dublin III ma jistabbilixxi l-ebda obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

62.

Minn naħa, ir-Regolament Dublin III huwa bbażat, qabel xejn, fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Għalkemm l-applikant jinstema’ mill-awtorità kompetenti matul intervista personali, il-proċedura marbuta mad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija msejsa b’mod partikolari, konformement mal-Kapitolu VII ta’ dan ir-Regolament, fuq il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, fuq l-iskambji ta’ informazzjoni kif ukoll fuq l-arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Ir-Regolament Nru 1560/2003 b’hekk għandu bħala l-għan tiegħu, konformement mal-premessa 1 tiegħu, li jistabbilixxi b’mod ċar il-modalitajiet tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III “sabiex jiffaċilitaw koperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri kompetenti biex jimplimentaw dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasmissjoni u l-ipproċessar ta’ talbiet bl-għan li tieħu l-inkarigu u tieħu lura, talbiet għal informazzjoni u t-twettiq ta’ trasferimenti”.

63.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ikkodifika l-prinċipji li ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza N. S. et, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ma inkluda l-ebda dispożizzjoni partikolari marbuta mal-eżistenza ta’ dmir eventwali ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti.

64.

Fil-kuntest tas-silenzju ta’ dan it-test, il-Gvern Pollakk jissuġġerixxi, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li għandhom jiġu applikati b’analoġija d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li l-obbligu ta’ kooperazzjoni li sejjer jiġi b’hekk stabbilit għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ riskju ta’ trattament inuman u degradanti f’każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli sejjer ikun, min-natura u l-portata tiegħu, paragunabbli ma’ dak li huwa stabbilit fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95.

65.

Applikazzjoni b’analoġija tirrikjedi, jekk mhux identiċità, tal-inqas, xebh bejn is-sitwazzjoni li hija suġġetta għal lakuna legali u dik irregolata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm ir-Regolament Dublin III huwa distint permezz tal-għan u l-finalità tiegħu mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ( 44 ), is-sitwazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, marbuta mal-istabbiliment ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti f’każ ta’ trasferiment tal-applikant lejn l-Istat Membru normalment responsabbli, u dik prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, marbuta mal-istabbiliment ta’ riskju reali ta’ danni serji f’każ ta’ ritorn tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jixxiebhu minħabba r-raġuni wara kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Ċertament, l-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha portata iktar limitata. Madankollu, hija ssegwi l-istess finalità bħal dik imwettqa matul l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-applikant, u tinvolvi l-intervent tal-istess atturi.

66.

Madankollu, jiena ma naħsibx li huwa neċessarju li titwettaq applikazzjoni b’analoġija. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi N. S. et, tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et ( 45 ), u Jawo, stabbilixxiet b’mod impliċitu obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li l-modalitajiet tiegħu jixbhu lil dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

67.

Fiż-żewġ każijiet, id-dikjarazzjonijiet ifformulati mill-applikant matul l-intervista personali tiegħu u, fejn applikabbli, il-provi dokumentarji jew l-indizji li huwa jikkomunika, jikkostitwixxu biss punt tat-tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mmexxi mill-awtoritajiet kompetenti ( 46 ). Bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) u (5) tad-Direttiva 2011/95 ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-awtorità kompetenti tevalwa r-riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti ffaċċjati mill-applikant fid-dawl mhux biss tal-informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata marbuta mal-funzjonament tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru normalment responsabbli, iżda wkoll fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant, b’tali mod li din l-awtorità hija b’hekk obbligata twettaq evalwazzjoni individwali ( 48 ).

68.

Nammetti li l-portata ta’ din il-kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III hija differenti mill-kooperazzjoni stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 f’każ li fih din l-evalwazzjoni tirrileva l-eżistenza ta’ raġunijiet serji u pprovati li jagħtu lok għall-konvinzjoni li l-applikant sejjer ikun f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli. Fil-fatt, f’dak il-każ, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni amministrattiva li fuqhom huwa msejjes ir-Regolament Dublin III, fl-opinjoni tiegħi jirrikjedu li l-awtorità kompetenti titlob, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, lill-Istat Membru normalment responsabbli li jikkomunika informazzjoni addizzjonali u li jipprovdi garanziji individwali u adegwati fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ teħid tal-inkarigu tal-applikant, u dan sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ trasferiment b’osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta. Fil-każ li jirriżulta li dawn il-garanziji ma humiex suffiċjenti, dan l-artikolu jimplika effettivament l-obbligu li ma teżegwixxix din id-deċiżjoni, sa fejn l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jeżiġi li l-awtorità kompetenti twettaq l-eżami tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament bil-għan li jiġi stabbilit jekk jistax jiġi nnominat Stat Membru ieħor bħala responsabbli (it-tieni subparagrafu) jew li teżamina hija stess l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (it-tielet subparagrafu).

3. Fuq il‑konsegwenzi ta’ ineffettività jew insuffiċjenza eventwali tar-rikors fl‑Istat Membru responsabbli fuq ir‑regoli dwar il‑prova jew il‑modalitajiet tal‑kooperazzjoni stabbiliti fil‑kuntest tal‑implimentazzjoni tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III

69.

Fl-aħħar, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar sa liema punt l-ineffettività jew l-insuffiċjenza tar-rimedji li jwasslu għall-assenza ta’ protezzjoni legali effettiva fl-Istat Membru responsabbli jaffettwaw ir-regoli dwar il-prova jew il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni applikabbli fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

70.

Bl-istess mod bħall-Gvern Olandiż, naħseb li l-eżistenza possibbli ta’ nuqqasijiet fl-Istat Membru normalment responsabbli ma tinċidix, bħala tali, fuq ir-regoli tal-prova jew fuq dawn il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti. Ikkunsidrat b’mod iżolat, dan l-element ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. Magħquda mal-eżistenza ta’ nuqqasijiet tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali, għall-kuntrarju, din tinċidi fuq il-portata tal-evalwazzjoni tar-riskju li għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti u, fejn applikabbli, tinċidi wkoll fuq l-informazzjoni addizzjonali jew il-garanziji individwali li hija tista’ tirrikjedi.

71.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, naħseb li hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati li jwasslu għall-konvinzjoni li dan tal-aħħar sejjer ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru normalment responsabbli. Għalkemm l-applikant huwa obbligat li jifformula d-dikjarazzjonijiet iddettaljati u, fejn applikabbli, li jipproduċi l-elementi kollha fil-pussess tiegħu, li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali riskju, l-awtorità kompetenti hija obbligata, min-naħa tagħha, li tevalwa dawn l-elementi u li twettaq l-evalwazzjoni tagħha tar-riskju fid-dawl mhux biss tal-informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata marbuta mal-funzjonament tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, iżda wkoll fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant, filwaqt li tirrikjedi, fejn xieraq, mingħand l-imsemmi Stat Membru, garanziji individwali u adegwati marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ teħid tal-inkarigu ta’ dan tal-aħħar.

V. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jsostni li jkun ġie ssuġġettat għal refoulements sommarji fil-fruntiera esterna tal-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa normalment responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll minn miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni allegatament illegali fil-punt ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, ġaladarba l-awtorità kompetenti ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi ta’ natura li juru li jeżistu raġunijiet serji u pprovati li jwasslu għall-konvinzjoni li dan tal-aħħar sejjer ikun espost għal riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti inumani jew degradanti matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu u wara l-eżitu tagħha minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-imsemmi Stat Membru. Fl-assenza ta’ tali elementi, l-awtorità kompetenti hija obbligata teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ trasferiment, konformement mal-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma twettaq verifiki minn qabel u mingħajr ma tirrikjedi mingħand l-Istat Membru normalment responsabbli, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali jew il-provvista ta’ garanziji individwali fir-rigward tat-trattament li sejjer jingħata lill-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali u wara l-eżitu tagħha.

hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati li jwasslu għall-konvinzjoni li dan tal-aħħar sejjer ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti minħabba t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru normalment responsabbli. Għalkemm l-applikant huwa obbligat li jifformula d-dikjarazzjonijiet iddettaljati u, fejn applikabbli, li jipproduċi l-elementi kollha fil-pussess tiegħu, li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali riskju, l-awtorità kompetenti hija obbligata, min-naħa tagħha, li tevalwa dawn l-elementi u li twettaq l-evalwazzjoni tagħha tar-riskju fid-dawl mhux biss tal-informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata marbuta mal-funzjonament tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, iżda wkoll fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant, filwaqt li tirrikjedi, fejn xieraq, mingħand l-imsemmi Stat Membru, garanziji individwali u adegwati marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ teħid tal-inkarigu ta’ dan tal-aħħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 4 ) C‑411/10 u C‑493/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza N. S. et, EU:C:2011:865.

( 5 ) C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127.

( 6 ) C‑163/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jawo, EU:C:2019:218.

( 7 ) X jiċċita s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).

( 8 ) C‑208/22, mhux ippubblikat, EU:C:2022:441.

( 9 ) C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127.

( 10 ) Sentenza Jawo (punt 89).

( 11 ) Ara s-sentenza Jawo (punt 87).

( 12 ) Ara s-sentenza Jawo (punt 89 li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li “[f]’dan ir-rigward, ikun kontradittorju li l-eżistenza ta’ tali riskju fl-istadju tal-proċedura ta’ ażil tipprekludi trasferiment, filwaqt li l-istess riskju jkun permissibbli meta din il-proċedura tkun intemmet permezz tar-rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali”).

( 13 ) Is-sentenza N. S. et. turi dan kollu peress li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kien jeżisti nuqqas sistemiku fl-Istat Membru li fih kellha titwettaq id-detenzjoni f’każ ta’ tneħħija tal-applikant, nuqqas li kien ġie kkonstatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem wara rikorsi individwali li hija kienet ġiet adita bihom.

( 14 ) Ara s-sentenzi Jawo (punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll N. S. et (punt 91).

( 15 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Novembru 2019, Ilias u Ahmed vs L-Ungerija (CE:ECHR:2019:1121JUD004728715, punt 141).

( 16 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, fis-sentenza Jawo (punt 91), għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 254).

( 17 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, fis-sentenza Jawo (punt 92), għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 263).

( 18 ) Ara s-sentenza Jawo (punt 93).

( 19 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 20 ) Iffirmat fi Strasbourg fis‑16 ta’ Settembru 1963.

( 21 ) Skont il-Kummissarjat-Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, dan il-kunċett jagħmel riferiment għal “diversi miżuri adottati mill-Istati, kultant bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi jew ta’ atturi mhux Statali, li jippermettu li l-migranti, inklużi l-applikanti għall-ażil, jiġu immedjatament kostretti li jirritornaw, mingħajr ebda evalwazzjoni tal-bżonnijiet individwali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, lejn il-pajjiż jew it-territorju, jew iż-żoni marittimi, kemm ibħra territorjali kif ukoll internazzjonali, li minnu jew minnhom huma ppruvaw jaqsmu fruntiera internazzjonali jew effettivament qasmuha” (ara Relatur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, Rapport dwar il-Mezzi Sabiex Jiġu Indirizzati l-Konsegwenzi għad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Miżuri ta’ Tneħħija ta’ Migranti fuq l-Art u fuq il-Baħar, 12 ta’ Mejju 2021, punt 34).

( 22 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2020, N.D. u N.T. vs Spanja (CE:ECHR:2020:0213JUD000867515, punt 185). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem intalbet tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tal-Protokoll iċċitat fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, marbut mal-“[p]rojbizzjoni ta’ tkeċċija kollettiva ta’ frustieri”, mat-tneħħija immedjata u bil-forza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq fruntiera fuq l-art wara tentattiv, imwettaq minn għadd kbir ta’ migranti, ta’ qsim ta’ din il-fruntiera b’mod irregolari u bil-massa. Dik il-qorti rrilevat f’dik is-sentenza li l-ispeċifiċità tal-kuntest migratorju u d-diffikultajiet kunsiderevoli li jiltaqgħu magħhom l-Istati attwalment sabiex jilqgħu għall-fluss li dejjem jiżdied ta’ migranti u ta’ applikanti għall-ażil ma jistax iwassal għall-ġustifikazzjoni ta’ spazju ta’ assenza ta’ dritt li fi ħdanu l-individwi ma jkunu suġġetti għal ebda sistema legali li kapaċi tipprovdilhom it-tgawdija tad-drittijiet u l-garanziji previsti mill-KEDB u li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu favur il-persuni li jitqiegħdu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom (punt 106 u 110, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fl-imsemmija sentenza). Ara wkoll, l-applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza fis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2021, Shahzad vs L-Ungerija (CE:ECHR:2021:0708JUD001262517).

( 23 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).

( 24 ) Kif jirrileva l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet tiegħu, id-diffikultajiet li Stat Membru jista’ jiltaqa’ magħhom sabiex jirreġistra fil-ħin l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera tiegħu ma jfissrux li dan l-Istat Membru ma jinsabx f’pożizzjoni li jieħu l-inkarigu tal-applikant għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jekk ma jkun hemm xejn li jindika, f’dan ir-rigward, li huwa jittratta l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

( 25 ) Fil-pendenzi tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u fil-kwalità tiegħu ta’ applikant, dan tal-aħħar jibbenefika minn drittijiet u garanziji mogħtija lilu mid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96). Wara l-eżitu tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, stabbilit fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). Fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda, dan jista’ jitneħħa biss fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

( 26 ) Il-miżuri li għandhom jadottaw l-Istati Membri jiżguraw lill-applikanti livell ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa tagħhom kemm fiżika kif ukoll mentali. Ara l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2013/33, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punti 3346).

( 27 ) Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.

( 28 ) Konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III kif ukoll is-sentenza Jawo (punt 82).

( 31 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), li ġie rriformulat bir-Regolament Dublin III, għaldaqstant jelenka, fl-Anness II tiegħu, il-provi formali rilevanti kif ukoll l-elementi indikattivi (jew indizji) li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-permessi ta’ residenza maħruġa favur membru tal-familja tal-applikant, dokumenti li jagħtu prova ta’ rabta parentali, u anki biljetti tat-trasport li jippermettu li jiġi stabbilit formalment id-dħul minn fruntiera esterna, jew estratti mir-reġistri ta’ ċentri ta’ detenzjoni, eċċ.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et (punt 85).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 47 sa 51), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 58).

( 34 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219.

( 35 ) C‑517/17, EU:C:2020:579.

( 36 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219.

( 37 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). B’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.

( 38 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 101).

( 39 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 88).

( 40 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 90).

( 41 ) C‑517/17, EU:C:2020:579.

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 53).

( 43 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 54).

( 44 ) Dawn id-direttivi jistabbilixxu r-regoli sostantivi u proċedurali applikabbli għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, filwaqt li dan ir-regolament jistabbilixxi metodu u kriterji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

( 45 ) C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127.

( 46 ) Ara, fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 52).

( 47 ) Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità kompetenti hija obbligata twettaq evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-applikant, inkluż l-informazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk kienx suġġett jew jistax ikun is-suġġett ta’ persekuzzjonijiet jew danni gravi, l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, jew il-fatt li diġà ġie ppersegwitat jew diġà intlaqat minn danni gravi. Konformement mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, fejn ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux appoġġjati minn provi dokumentarji jew xhieda oħra, dawk l-aspetti ma jkunux jeħtieġu konferma, b’mod partikolari meta dawn id-dikjarazzjonijiet jinstabu li huma koerenti u plawżibbli u li ma humiex kontradetti mill-informazzjoni ġenerali u partikolari magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu u li setgħet tiġi stabbilita l-kredibbiltà ġenerali tiegħu.

( 48 ) Ara s-sentenza Jawo (punt 94 sa 97).