KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ppreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑339/22

BSH Hausgeräte GmbH

vs

Electrolux AB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward ta’ tilwimiet dwar privattivi ta’ pajjiż terz – Azzjoni għal kontrafazzjoni – Eċċezzjoni ta’ invalidità – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 4(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 24(4) – ‘Effett riflessiv’”

I. Introduzzjoni

1.

Fit‑22 ta’ Frar 2024, ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża ( 2 ). Sussegwentement, fid‑9 ta’ April 2024, konformement mal-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibgħat din il-kawża lill-Awla Manja. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ April 2024, adottat abbażi tal-Artikolu 83 ta’ dawn ir-regoli, hija ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

2.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet ikkonċernati jieħdu sehem f’seduta ġdida u jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali futuri tagħhom fuq it-tielet domanda preliminari magħmula mis-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), dwar, infakkar, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, konformement mar-regolament imsejjaħ “Brussell Ia” ( 3 ), li jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim relatat ma’ privattivi ta’ pajjiżi terzi. Din it-tieni seduta nżammet fl‑14 ta’ Mejju 2023. Ir-rappreżentanti ta’ BSH Hausgeräte GmbH (iktar ’il quddiem “BSH”), ta’ Aktiebolaget Electrolux (iktar ’il quddiem “Electrolux”), tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni Ewropea essenzjalment iddiskutew din il-kwistjoni.

3.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nippreżenta konklużjonijiet ġodda, li jiffokaw fuq din it-tielet domanda. Dawn ser iservu bħala “addendum” għall-ewwel konklużjonijiet. Fil-fatt, ser joffruli l-opportunità rari li nidħol iktar fid-dettall dwar ċerti aspetti tar-raġunament tiegħi f’dan ir-rigward.

II. Analiżi

4.

Ser infakkar fil-qosor il-kuntest. BSH (stabbilita fil-Ġermanja) ressqet azzjoni għal kontrafazzjoni kontra Electrolux (stabbilita fl-Isvezja) quddiem il-qrati Svediżi. Essenzjalment, BSH tallega li Electrolux tikser ċerta “privattiva Ewropea” li kienet ingħatat lill-ewwel kumpannija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem, l- “UEP”) ( 4 ) għal diversi Stati Membri tal-Unjoni (fosthom l-Isvezja) u għal pajjiż terz wieħed (it-Turkija). Peress li din il-“privattiva Ewropea” ma hijiex titolu supranazzjonali unitarju, iżda essenzjalment sensiela ta’ privattivi nazzjonali, kull waħda minnhom toffri protezzjoni valida fit-territorju tal-Istat ikkonċernat (konformement mal-prinċipju ta’ territorjalità applikabbli għal tali titoli), din l-azzjoni tikkostitwixxi, fir-realtà, numru ta’ talbiet għal kontrafazzjoni (waħda għal kull titolu nazzjonali). B’eċċezzjoni għal dawn it-talbiet, Electrolux qajmet l-eċċezzjoni ta’ invalidità ta’ dawn it-titoli. Fid-dawl ta’ din l-eċċezzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-qrati Svediżi għandhomx is-setgħa li jagħtu deċiżjonijiet dwar talbiet li jikkonċernaw il-privattivi ta’ Stati Membri oħra għajr l-Isvezja (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari) u dik li tikkonċerna l-privattiva Torka (it-tielet domanda preliminari). Kif huwa spjegat fl-introduzzjoni, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq dan l-aħħar aspett u, għalhekk, fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri biex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim dwar privattivi ta’ pajjiżi terzi.

5.

Il-punt tat-tluq ta’ din l-analiżi ma huwiex (jew ma għadux) suġġett għal kontroversja. Ir-Regolament Brussell Ia huwa applikabbli u, għalhekk, jiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri li jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bħal din meta (u għall-unika raġuni) il-konvenut ikun iddomiċiljat fl-Unjoni (bħal Electrolux f’dan il-każ) ( 5 ), irrispettivament mill-oriġini “esterna” tal-privattiva inkwistjoni ( 6 ). Mhux ser nerġa’ neħel fuq dan is-suġġett u nirreferi, għal iktar dettalji, għall-punti 24 u 101 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

6.

Fir-rigward tas-soluzzjonijiet previsti mis-sistema stabbilita fir-Regolament Brussell Ia (iktar ’il quddiem, is-“sistema ta’ Brussell”), huwa ċar punt ieħor. Huwa paċifiku bejn l-intervenjenti li, bis-saħħa tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ( 7 ), sabiex jagħtu deċiżjoni fuq it-talbiet għal privattivi barranin, inklużi ta’ pajjiżi terzi, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fuq din il-bażi, dawn il-qrati għandhom is-setgħa, b’mod partikolari, li jagħtu deċiżjoni dwar il-kontrafazzjoni ta’ tali privattiva, li jseħħ lil hinn mill-fruntiera tal-imsemmi Stat Membru ( 8 ). Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Owusu ( 9 ) li l-ġurisdizzjoni li l-qrati jisiltu minn din-regola hija, bħala prinċipju, mhux biss ġenerali, iżda wkoll universali.

7.

Fid-dawl ta’ dan, il-qofol ta’ din il-kawża jinsab, infakkar, fil-fatt li, konformement mal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Brussell Ia, il-qrati ta’ Stat Membru, inklużi dawk tal-konvenut, ma humiex, bħala eċċezzjoni, awtorizzati jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet li jkollhom bħala suġġett tagħhom ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattivi ppreżentati jew irreġistrati (jew meqjusa li jkunu tali) fi “Stat Membru” ieħor. Huma lanqas ma jistgħu jagħtu deċiżjoni fuq dawn il-kwistjonijiet fuq bażi preliminari fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti, f’dan il-qasam, ġurisdizzjoni esklużiva lill-“qrati tal-Istat Membru” tat-titolu. Issa, il-kwistjoni kollha hija jekk, bis-saħħa tar-regolament, il-qrati tal-Istati Membri għandhomx ukoll ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni, preliminarjament jew sussidjarjament, dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattivi ta’ pajjiżi terzi. Il-problema li tqum b’dan il-mod hija waħda delikata, antika u, barra minn hekk, trasversali: tqum bl-istess mod fir-rigward tal-oqsma kollha li għalihom l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva (drittijiet in rem fuq il-proprjetà immobbli, validità tar-reġistrazzjonijiet fir-reġistri pubbliċi, eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, eċċ.), meta l-Istat involut ma jkunx Stat Membru, iżda Stat terz ( 10 ).

8.

Għal din id-domanda, BSH, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni ssuġġerew risposta (trasversali wkoll, peress li tapplika mingħajr distinzjoni għal dawn l-oqsma kollha), li tgħid li, peress li l-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ma pprevediex espressament tali xenarju, tapplika r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1), biex ngħidu hekk, “purament u sempliċement”. Għaldaqstant, il-qrati tal-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut ikunu, abbażi ta’ din ir-regola, awtorizzati jagħtu deċiżjoni, inter alia, dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattiva ta’ pajjiż terz. Barra minn hekk, ladarba jiġu aditi, huma jkunu marbuta jagħmlu hekk, ħlief fil-każijiet fejn japplikaw l-Artikoli 33 u 34 tal-imsemmi regolament (każijiet li ser jiġu diskussi iktar ’il quddiem) ( 11 ).

9.

Qabelxejn, ser nindika wħud min-nuqqasijiet ta’ dan il-qari tar-Regolament Brussell Ia (A), qabel ma ntenni s-soluzzjoni li jiena kont issuġġerejt min-naħa tiegħi (B). Fl-aħħar nett, id-dibattiti li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt it-tieni seduta, ser iwassluni neżamina t-“tielet mod” (C).

A.   Xi nuqqasijiet tat‑teżi tal‑applikazzjoni “pura u sempliċi” tal‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament Brussell Ia

10.

Hawnhekk mhux ser intenni l-kritiki kollha li fformulajt, fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, fir-rigward tal-argument tal-applikazzjoni “pura u sempliċi” tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia. Ser nillimita ruħi li nerġa’ nsemmi żewġ aspetti, li kienu fiċ-ċentru tad-dibattiti fit-tieni seduta, jiġifieri (1) il-punt sa fejn ikun kuntrarju għad-dritt internazzjonali konswetudinarju li l-qrati ta’ Stat Membru jagħtu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattiva ta’ pajjiż terz u (2) jekk it-test ta’ dan ir-regolament, kif inhu, jirrikjedix tali soluzzjoni.

1. Il‑limiti imposti mid‑dritt internazzjonali konswetudinarju għall‑ġurisdizzjoni tal‑Istati

11.

Kif isostnu l-maġġoranza tal-esperti u kif, barra minn hekk, ammettew (minkejja xi riżervi inizjali) il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni waqt it-tieni seduta, id-dritt internazzjonali konswetudinarju jirregola l-ġurisdizzjoni tal-Istati (“adjudicatory jurisdiction”) f’materji ċivili u kummerċjali. Sostanzjalment, Stat jista’ leġittimament jinvoka tali ġurisdizzjoni biss meta tkun teżisti, bejnu u t-tilwima inkwistjoni, rabta suffiċjenti, li tista’ tkun ta’ natura territorjali jew nazzjonali. Għaldaqstant, meta Stat jiddefinixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tiegħu, billi jadotta regoli tad-dritt internazzjonali privat (jew meta l-Unjoni tagħmel dan, fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membri), huwa għandu jirrispetta dan il-qafas ( 12 ).

12.

F’dan ir-rigward, għall-biċċa l-kbira tal-kawżi f’materji ċivili u kummerċjali, il-ġurisdizzjoni universali tal-qrati tal-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut, kif previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, hija konformi mad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fil-fatt, Stat jista’ leġittimament jaqta’ talbiet ifformulati kontra persuni ddomiċiljati fit-territorju tiegħu, anki meta tali talbiet jirrigwardaw, fost oħrajn, fatti li jkunu seħħu fit-territorju ta’ Stat ieħor (Membru jew terz). Dan id-domiċilju jistabbilixxi, bejn l-ewwel Stat u dawn it-talbiet, rabta suffiċjenti għal dan il-għan. Fuq din il-bażi, il-qrati tal-Istati Membru jistgħu leġittimament jaqtgħu, b’mod partikolari, azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva ta’ pajjiż terz, indirizzata kontra konvenut “lokali” ( 13 ). Billi jeżerċita tali ġurisdizzjoni, l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut ma jiksirx is-sovranità tal-pajjiż terz ikkonċernat. B’mod partikolari, l-ewwel Stat ma jimpedixxix lit-tieni Stat milli jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu stess fuq it-tilwima inkwistjoni ( 14 ). Is-sovrappożizzjoni tal-ġurisdizzjoni fuq l-istess tilwima li tirriżulta ma hijiex kuntrarja (iżda pjuttost inerenti) għad-dritt internazzjonali konswetudinarju ( 15 ).

13.

Min-naħa l-oħra, u bħala eċċezzjoni, jista’ jiġi kkritikat (ħafna), fid-dawl ta’ dan id-dritt, li l-qrati ta’ Stat Membru jagħtu deċiżjoni fuq ċerti tilwimiet f’materji ċivili u kummerċjali li jinvolvu Stat ieħor (Membru jew terz), u dan anki meta l-konvenut ikkonċernat ikun iddomiċiljat fit-territorju tal-ewwel Stat. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattivi. Waqt it-tieni seduta, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni ammettew li l-kunsiderazzjonijiet ta’ sovranità japplikaw f’dan ir-rigward, filwaqt li enfasizzaw li l-importanza tagħhom tvarja skont il-każ. Fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

14.

Minn naħa, huwa evidenti li l-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux leġittimament jagħtu deċiżjoni dwar talbiet li jkollhom bħala suġġett l-istess reġistrazzjoni jew validità ta’ privattiva ppreżentata jew irreġistrata fi Stat ieħor (Membru jew terz), fir-rigward tal-involviment ta’ korpi ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri l-uffiċċju tal-proprjetà intellettwali tiegħu (iktar ’il quddiem “UPI”), fl-għoti ta’ dan it-titolu u fil-ġestjoni tar-reġistru li fih ikun irreġistrat.

15.

L-għoti ta’ privattiva ma huwiex “att tal-gvern” li jirrifletti għażliet politiċi “sovrani” li ma jistax jiġi mistħarreġ minn qorti barranija. Illum il-ġurnata, l-UPI ma għandhomx (jew rarament għandhom) marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-opportunità li jagħtu tali titolu. Huma jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal privattiva fid-dawl tar-rekwiżiti legali applikabbli, jagħtu privattivi meta dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti u għalhekk jirreġistrawhom. Fil-qosor, l-involviment tagħhom huwa iktar “awtomatiku” milli “sovran”. Dan huwa l-każ a fortiori fir-rigward tar-rwol tal-UPI nazzjonali fir-rigward tal-privattivi Ewropej (bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali), peress li dawn l-uffiċċji jillimitaw ruħhom, fir-rigward tal-“validazzjoni” ta’ tali privattiva għat-territorju tagħhom (biex b’hekk jagħtuha l-istess effett bħal privattiva nazzjonali), li jinvolvu l-istħarriġ minn qabel, mill-UEP, tar-rekwiżiti ta’ jedd għall-privattiva previsti fil-KEP.

16.

L-ispjegazzjoni hija, fir-realtà, ferm iktar sempliċi. Fil-fatt, huwa prinċipju evidenti tad-dritt konswetudinarju li Stat ma jistax jindaħal fil-funzjonament tas-servizzi pubbliċi ta’ Stat ieħor. Bl-istess mod li Stat ma jistax jordna, permezz tad-deċiżjonijiet tal-qrati tiegħu, lil korp barrani jadotta att, lanqas ma jista’ jemenda jew jannulla dawk l-atti li joħorġu minnu. L-Istat li lilu jappartjeni l-korp inkwistjoni għandu ġurisdizzjoni materjali esklużiva f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, bl-istess mod kif il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux jordnaw lill-UPI ta’ Stat ieħor (Membru jew terz) jagħti privattiva għat-territorju ta’ dan tal-aħħar, huma ma jistgħux jordnaw lil dan l-uffiċċju jemenda jew jannulla reġistrazzjoni fir-reġistru amministrat minnu, jew saħansitra jagħmel dikjarazzjoni erga omnes dwar il-validità tat-titolu li twassal għal dik ir-reġistrazzjoni. L-Istat ta’ tali UPI biss jista’ jinvoka leġittimament il-ġurisdizzjoni fil-qasam ( 16 ). Nenfasizza li, għall-kuntrarju ta’ dak li tajt x’jifhem fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, il-problema hija eżattament l-istess fir-rigward tat-talbiet li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom ir-reġistrazzjoni jew il-validità tal-“partijiet” nazzjonali tal-privattivi Ewropej ( 17 ).

17.

Min-naħa l-oħra, ma jkunx, bħala prinċipju, kuntrarju għad-dritt internazzjonali konswetudinarju li l-qrati ta’ Stat Membru, aditi b’talba fformulata kontra konvenut “lokali” u li jkollha bħala s-suġġett tagħha l-kontrafazzjoni ta’ privattiva ta’ pajjiż terz, jagħtu deċiżjoni dwar il-validità ta’ din il-privattiva, bħala kwistjoni preliminari jew inċidentali (l-eżistenza ta’ titolu validu hija premessa indispensabbli għas-suċċess ta’ tali azzjoni), pereżempju meta titqajjem eċċezzjoni ta’ invalidità minn dan il-konvenut.

18.

Fil-fatt, konformement mal-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punt preċedenti, u kuntrarjament għal dak li ssostni Electrolux, dak li huwa deċiżiv, f’dan ir-rigward, ma huwiex in-natura tal-kwistjoni li għandha tiġi deċiża (il-validità tal-privattiva), jew dik tar-regoli li għandhom jiġu applikati (il-motivi ta’ revoka jew, fil-każ ta’ allegat difett ta’ proċedura, ir-regoli tal-proċedura, previsti fid-dritt tal-pajjiż terz ( 18 )), iżda n-natura tad-deċiżjoni li għandha tingħata. Fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, il-qrati tal-Istat Membru aditi ma jagħtux deċiżjoni dwar il-legalità tat-titolu inkwistjoni, iżda sempliċement jiddikjaraw, fi stadju intermedju tar-raġunament tagħhom, proposta (validità jew invalidità) għall-finijiet biss tas-soluzzjoni tal-kwistjoni prinċipali li tiġi sottomessa lilhom (kontrafazzjoni jew nuqqas ta’ kontrafazzjoni). Id-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħhom jistabbilixxi d-drittijiet privati tal-partijiet. Dan jordna lill-konvenut iħallas id-danni bl-interessi (eċċ.) fil-każ li tiġi stabbilita kontrafazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, jiċħad l-azzjoni tar-rikorrent. Sakemm tali deċiżjoni jkollha biss, għalhekk, effetti inter partes, u sakemm ebda effett erga omnes ma jkun marbut mal-motivi relatati mal-validità tat-titolu, hija ma tmurx lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut ( 19 ).

2. It‑test tar‑Regolament Brussell Ia

19.

Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità tal-privattivi li tinsab fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament Brussell Ia tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tad-dritt internazzjonali konswetudinarju preċedenti. Din ir-regola għandha l-għan, meta Stat Membru jkun involut fit-tilwima, li tissalvagwardja s-sovranità ta’ dan tal-aħħar fl-ordni legali internazzjonali ( 20 ), billi tiżgura li l-qrati tiegħu biss ikunu jistgħu jagħtu deċiżjoni b’mod validu ( 21 ). L-imsemmija regola saħansitra tfittex dejjem dan il-għan, peress li, infakkar, ma tħallix lill-qrati ta’ Stat Membru jeżaminaw sempliċement b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, il-validità ta’ privattiva mogħtija minn Stat Membru ieħor ( 22 ).

20.

Madankollu, peress li l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Brussell Ia jirreferi biss għall-privattivi tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni ma tistax (sakemm ma jiġix żnaturat il-kontenut letterali) tkopri t-titoli ta’ pajjiżi terzi ( 23 ), u dan ir-regolament, barra minn hekk, ma jipprevedi ebda dispożizzjoni ekwivalenti fir-rigward tagħhom. Issa, fis-sentenza Owusu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-uniċi derogi ammissibbli għar-regola ġenerali li tinsab (issa) fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament huma dawk “speċifikament previsti” ( 24 ) minn dan l-istess regolament. Madankollu, minn dan kollu, għandha tiġi dedotta, kif jagħmlu BSH, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni, is-soluzzjoni paradossali li, filwaqt li l-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut huma radikalment mingħajr ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar il-validità tal-privattivi ta’ Stati Membri oħra, huma għandhom is-setgħa (u saħansitra huma obbligati) li jagħtu deċiżjoni dwar it-talbiet li jkollhom bħala suġġett il-validità ta’ titoli ta’ pajjiżi terzi?

21.

Jien (nibqa’) ma naqbilx ma’ din il-fehma.

22.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar mill-bidu li l-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat, fis-sentenza Owusu, ix-xenarju partikolari li jikkonċernana ( 25 ). It-tagħlimiet li jirriżultaw minn din is-sentenza għandhom għalhekk jiġu applikati mingħajr kawtela.

23.

Fil-fatt, hawnhekk ma hijiex kwistjoni, bħal fil-kawża li tat lok għal din għall-imsemmija sentenza, li tiżdied eċċezzjoni fundamentalment estranea għal din tal-aħħar. F’dan il-każ, l-awturi tal-din is-sistema, mill-bidu, qiesu li r-reġistrazzjoni u l-validità tal-privattivi jaqgħu taħt oqsma partikolari li jiġġustifikaw l-esklużjoni tar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut. Konsegwentement, huma “speċifikament [ipprevedew]” regola għal dan il-għan. Il-fatt li din ir-regola hija limitata għat-titoli tal-Istati Membri huwa spjegat faċilment. Is-sistema ta’ Brussell hija, fil-fatt, sistema ta’ ġurisdizzjoni interna għall-Unjoni u tfittex għanijiet speċifiċi għaliha (jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u, iktar reċentement, l-istabbiliment tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja). Konsegwentement, id-derogi mir-regola ġenerali prevista f’din is-sistema, inkluża dik fil-qasam tar-reġistrazzjoni u l-validità tal-privattivi, ġew essenzjalment maħsuba biex iqassmu l-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali bejn il-qrati tal-Istati Membri ( 26 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-Unjoni ma kellhiex is-setgħa li tiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ pajjiżi terzi, l-awturi tal-imsemmija sistema, loġikament, ma pprevedewx tali derogi favur tagħhom. Fil-fatt, oriġinarjament, din l-istess sistema ma kienet tinkludi ebda waħda minn dawn.

24.

Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjoni preċedenti, ikun sempliċistiku li jiġi dedott, mil-limitazzjoni ta’ dawn id-derogi “speċifiċi” għall-Istati Membri, li r-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut hija assoluta fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u tapplika, “purament u sempliċement”, anki għat-talbiet li jkollhom bħala suġġett il-validità ta’ privattivi mogħtija minn dawn l-Istati, u tinjora għalhekk il-ġurisdizzjoni esklużiva ġeneralment irrikonoxxuta lill-qrati ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam. Tali riżultat jikkostitwixxi pjuttost “effett estern” kurjuż tas-sistema ta’ Brussell, mhux previst mill-awturi oriġinali tiegħu ( 27 ).

25.

BSH, il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni jirribattu madankollu li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Brussell Ia, is-sistema ta’ Brussell tinkludi ċerti derogi favur pajjiżi terzi, jiġifieri l-Artikoli 33 u 34 ta’ dan ir-regolament. Skont dawn l-intervenjenti, b’dawn l-artikoli l-ġodda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirregola b’mod espliċitu u, fuq kollox, eżawrjenti, ir-relazzjonijiet bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-qrati ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur xtaq jawtorizza lil dawk tal-ewwel jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni favur tat-tieni biss fiċ-ċirkustanzi previsti fl-imsemmija artikoli, jiġifieri meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita b’kawża (ikun xi jkun is-suġġett tagħha) diġà pendenti quddiem il-qrati ta’ pajjiż terz.

26.

M’iniex konvint minn din l-espożizzjoni. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom u mit-titolu tat-taqsima tar-Regolament Brussell Ia li jinsabu fiha, l-Artikoli 33 u 34 ta’ dan ir-regolament jittrattaw suġġett partikolari: il-litis pendens u l-konnessjoni “esterna”. Għalkemm dawn l-artikoli jirregolaw, mingħajr dubju, b’mod espliċitu u eżawrjenti, dan is-suġġett preċiż, xejn, fit-test tal-imsemmi regolament, ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-verità ried isolvi, b’dispożizzjonijiet daqstant speċifiċi, il-kwistjonijiet kollha mqajma mir-relazzjonijiet bejn il-qrati tal-Istati Membri u dawk ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-kwistjonijiet relatati mar-rispett tas-sovranità ta’ dawn tal-aħħar ( 28 ).

27.

Ix-xogħol preparatorju ma huwiex iktar ċar f’dan ir-rigward. Għalkemm, kif fakkru dawn l-istess intervenjenti, jirriżulta li d-delegazzjoni Franċiża fil-Kunsill kienet ipproponiet li jiżdied, fir-regolament futur, “corpus” komplet ta’ regoli ddedikati għal dawn ir-relazzjonijiet (li kien jirrikonoxxi b’mod partikolari l-possibbiltà għall-qrati tal-Istati Membri li jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ pajjiż terz) u li dan il-“corpus” ma ġiex riprodott mil-leġiżlatur tal-Unjoni, l-ebda dokument pubbliku ma jispjega r-raġuni għal dan (ħaġa li l-Gvern Franċiż ikkonferma waqt it-tieni seduta). Issa, għal darba oħra hawnhekk ma nistgħux niddeduċu, mis-sempliċi rifjut li jiżdiedu r-regoli inkwistjoni, kwalunkwe “intenzjoni ċara” tal-imsemmi leġiżlatur fir-rigward tal-kwistjoni li tikkonċernana u, b’mod partikolari, “għażla politika ċara” favur il-qrati tal-Istati Membri biex jagħtu deċiżjonijiet dwar tilwim li jaffettwa s-sovranità ta’ pajjiżi terzi, bħall-validità tat-titoli li jagħtu ( 29 ). Fil-fatt, l-istess leġiżlatur seta’, b’dan il-mod, ried sempliċement jirregola l-litis pendens“esterna” u jħalli, għall-mument, il-kompitu għad-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru ( 30 ), jew saħansitra għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ deċiżjoni ta’ interpretazzjoni tar-regoli eżistenti ( 31 ), li jagħti risposta għall-kwistjonijiet l-oħra dwar ir-relazzjonijiet bejn il-qrati tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi, inkluża l-problema inkwistjoni f’din il-kawża.

28.

Fil-qosor, la t-test, moqri fil-kuntest tiegħu, u lanqas ir-rispett dovut mill-Qorti tal-Ġustizzja lil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’rispett għall-bilanċ istituzzjonali, ma jimponu s-soluzzjoni ssuġġerita minn BSH, mill-gvern Franċiż u mill-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ kemm hija “vaga” l-intenzjoni ta’ dan l-istess leġiżlatur, u kuntrarjament għal dak li jsostni dan il-gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qiegħda tkun “prudenti” meta tqis, wara raġunament a contrario rudimentali (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), interpretazzjoni daqstant drastika tar-Regolament 1a ( 32 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja turi tali “prudenza” billi tidentifika minn dan ir-regolament, skont il-metodi ta’ interpretazzjoni abitwali tagħha, l-iktar risposta konformi mal-għanijiet li huwa jfittex u mar-regoli superjuri li jirrigwardawh ( 33 ).

29.

F’dan ir-rigward, minn naħa, diġà spjegajt, fil-punti 124 sa 134 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, kif it-teżi tal-applikazzjoni “pura u sempliċi” tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia tmur kontra l-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar. Ser ninsisti biss fuq żewġ punti diskussi (mill-ġdid) fit-tieni seduta, jiġifieri l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni ġuridika tal-konvenuti stabbiliti fl-Unjoni.

30.

Fuq l-ewwel punt, filwaqt li l-ġurisdizzjoni universali tal-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut fil-qasam tal-kontrafazzjoni tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 34 ), ma jkunx konformi ma’ dan il-għan li dawn il-qrati jkollhom ġurisdizzjoni (u jkunu obbligati li) jagħtu deċiżjoni dwar it-talbiet li jkollhom bħala suġġett il-validità ta’ privattiva mogħtija minn pajjiż terz. Fil-fatt, sentenza ta’ invalidità mogħtija minn dawn il-qrati qatt ma ser tiġi rrikonoxxuta f’dan l-aħħar Stat u ma tkunx tista’, għaldaqstant, fil-prattika, twassal l-UPI tagħha jirrettifika r-reġistri tiegħu.

31.

Fuq it-tieni punt, tali soluzzjoni wkoll tkun problematika. Fil-fatt, hija tkun tista’, fil-prattika, iġġiegħel lill-persuni stabbiliti fl-Unjoni, u proprjetarji ta’ tali privattivi, jaffaċċjaw, quddiem il-qrati tal-post tad-domiċilju tagħhom, proċedimenti ta’ invalidità inutli (għar-raġunijiet spjegati fil-punt preċedenti), jew saħansitra abbużivi u mibdija mill-kompetituri tagħhom bl-għan biss li jikkawżawlhom fastidju ( 35 ).

32.

Min-naħa l-oħra, infakkar li, peress li l-Unjoni hija obbligata li tirrispetta d-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt konswetudinarju, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, ir-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat konformement ma’ dan id-dritt ( 36 ). Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fit-taqsima preċedenti, niddubita ħafna li dan ir-regolament jista’ jiġi interpretat bil-mod issuġġerit minn BSH, mill-gvern Franċiż u mill-Kummissjoni. Fil-fatt, is-sistema ta’ Brussell ma tistax tallega universalità meta jkun involut konvenut tal-Unjoni ( 37 ) u fl-istess ħin jieħu inkunsiderazzjoni biss is-sovranità tal-Istati Membri, filwaqt li jinjora dik ta’ pajjiżi terzi ( 38 ).

B.   It‑teorija tal‑“effett riflessiv”

33.

Fid-dawl, minn naħa, tan-nuqqasijiet kollha fit-teżi tal-applikazzjoni “pura u sempliċi” tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia iżda, min-naħa l-oħra, tal-fatt li dan ir-regolament (għad) ma fihx deroga speċifika għall-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, meta Stat terz ikun involut, jiena ssuġġerejt, fil-punti 147 et seq tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, soluzzjoni (ukoll trasversali għaliex applikabbli għal dawn l-oqsma kollha ( 39 )), ispirata mit-teorija tal-“effett riflessiv”, żviluppata diversi snin ilu minn Droz ( 40 ).

34.

Din tikkonsisti, essenzjalment, f’li jingħad li, għalkemm il-qrati tal-Istati Membri għandhom ġurisdizzjoni, bis-saħħa tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia (fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja), sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi li jinvolvu pajjiżi terzi, fl-oqsma inkwistjoni, din ir-regola, interpretata b’mod kuntestwali u teleoloġiku, tawtorizzahom madankollu li ma jeżerċitawx din il-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, jekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Owusu, l-imsemmija regola għandha, bħala prinċipju, “natura tassattiva”, inqis, bħal Droz, li “tkun qiegħda tiġġebbed wisq” ( 41 ) li tiġi imposta din in-“natura” anki f’każijiet bħal dawn.

35.

Fil-prattika, minn dan isegwi li, meta l-qrati ta’ Stat Membru jiġu aditi b’talba kontra konvenut “lokali” u li jkollha bħala suġġett, pereżempju, il-validità ta’ privattiva ta’ pajjiż terz, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia jawtorizza lil dawn il-qrati jużaw is-setgħat previsti fid-dritt nazzjonali tagħhom (ikunu liema jkunu, inklużi dawk li jirriżultaw mir-regoli tagħhom tad-dritt internazzjonali privat) sabiex jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni. Bl-istess mod, meta tali qrati jiġu aditi b’azzjoni għal kontrafazzjoni, li tirrigwarda privattiva ta’ pajjiż terz, kontra l-istess konvenut, u li dan tal-aħħar iqajjem eċċezzjoni ta’ invalidità, huma jistgħu jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni dwar din l-eċċezzjoni u, jekk ikun il-każ, jissospendu l-imsemmija azzjoni fl-istennija li l-awtoritajiet tal-Istat terz li jkun ħareġ it-titolu jagħti deċiżjoni dwar il-validità tiegħu, b’mod li “jirrifletti” s-soluzzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 24(4) ta’ dan ir-regolament ( 42 ).

36.

Kif spjegajt fid-dettall fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, din l-interpretazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, il-mertu li toffri soluzzjoni għall-problema li qiegħda tiġi diskussa li, filwaqt li tirrispetta l-limiti tat-test, mingħajr dubju toffri pragmatiżmu ( 43 ). B’mod partikolari, peress li l-qrati tal-Istati Membri ma humiex kompletament imċaħħda mill-ġurisdizzjoni, iżda sempliċement għandhom l-għażla li ma jagħtux deċiżjoni, din is-soluzzjoni tħallilhom ċerta flessibbiltà biex iqisu ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, fejn xieraq, biex jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni meta l-partijiet ma jibbenefikawx minn proċess xieraq quddiem il-qrati tal-pajjiż terz involut, sabiex jevitaw ċaħda tal-ġustizzja ( 44 ).

37.

Kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Franċiż waqt it-tieni seduta, l-imsemmija interpretazzjoni ma tikkontestax in-natura “globali u koerenti” ( 45 ) tas-sistema ta’ Brussell. Minn naħa, din ma hijiex kwistjoni ta’ esklużjoni tal-kwistjoni li tikkonċernana ta’ din is-sistema u li din titħalla kompletament f’idejn id-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Din tabilħaqq ser tkun irregolata sew mill-imsemmija sistema. F’termini sempliċi, din tipprovdi, bħala risposta, riferiment parzjali u inkwadrat għad-dritt nazzjonali tal-qorti adita ( 46 ). Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tikkontribwixxi, preċiżament, għall-koerenza ta’ din l-istess sistema. Fil-fatt, hija tiżgura li, f’dan il-kuntest, sitwazzjonijiet simili jingħataw soluzzjonijiet analogi.

38.

BSH ( 47 ), il-gvern Franċiż u l-Kummissjoni tennew ukoll, waqt it-tieni seduta, il-kritika li huma kienu diġà fformulaw, fl-ewwel osservazzjonijiet tagħhom, li skont huma l-għoti lill-qrati tal-Istati Membri ta’ possibilità li ma jagħtux deċiżjoni fl-oqsma inkwistjoni, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, jaffettwa l-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Brussell Ia, b’mod kuntrarju għall-“ispirtu” tas-sentenza Owusu.

39.

Għadni dejjem m’iniex konvint. Minn naħa, ma huwiex il-każ, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Owusu, li l-qrati tal-Istati Membri jingħataw setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex ma jeżerċitawx il-ġurisdizzjoni tagħhom fi kwalunkwe tilwima “esterna” (li, skont il-każ, tista’ taffettwa serjament il-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni tagħhom) ( 48 ), iżda li jiġi rrikonoxxut lilhom marġni strett ta’ evalwazzjoni sabiex ma jagħtux deċiżjoni f’oqsma speċifiċi meta, sa fejn, dan “jirrifletti” s-soluzzjonijiet applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia.

40.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Brussell Ia fl-Istati Membri kollha, huwa rikonoxxut b’mod mifrux f’dawn l-Istati li l-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu konjizzjoni tal-oqsma inkwistjoni meta Stat ieħor ikun involut ( 49 ). Għalhekk, il-qrati tal-Istati Membri ġeneralment għandhom is-setgħa, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni f’sitwazzjoni bħal din ( 50 ). Fl-aħħar nett, filwaqt li l-kundizzjonijiet preċiżi li taħthom jagħmlu dan jistgħu, bħala prinċipju, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, infakkar li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi qafas pjuttost sinjifikattiv għad-dritt nazzjonali, kif spjegat fil-punti 150 sa 152 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Dan jiżgura li tali soluzzjoni tiġi applikata b’mod koerenti biżżejjed fl-Unjoni kollha.

41.

Il-gvern Franċiż sostna wkoll, fit-tieni seduta, li l-istabbiliment ta’ tali “effett riflessiv” fir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jimplika li jkollhom jiġu rregolati diversi kwistjonijiet prattiċi (ċirkustanzi li fihom il-qorti jkollha tissospendi d-deċiżjoni pjuttost milli tirrinunzja, possibbiltà għal din il-qorti li tagħti deċiżjoni dwar it-tali miżura ex officio, eċċ), ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja. Fir-realtà, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex tivvinta sistema ta’ rinunzja għall-ġurisdizzjoni eżawrjenti, iżda timponi ċerti rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u tagħmel riferiment, għall-kumplament, għad-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru ( 51 ) (u dan sakemm, preċiżament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jżid, huwa stess, tali sistema fir-Regolament Brussell Ia).

C.   It‑“tielet mod” possibbli

42.

Madankollu, uħud mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tieni seduta u r-risposti mogħtija mill-Kummissjoni juru l-possibbiltà tat-“tielet mod”, li huwa kemm iktar immirat (fuq ir-reġistrazzjoni jew il-validità tal-privattivi) kif ukoll iktar radikali mir-risposta li ssuġġerejt jien (u li, nammetti, ma ġietnix f’moħħi meta abbozzajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi).

43.

Dan it-“tielet mod” jikkonsisti fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, fid-dawl tal-kuntest li fih jinsab (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) u d-dritt internazzjonali konswetudinarju (ara l-punti 14 sa 18 iktar ’il fuq), fis-sens li ma jagħti l-ebda ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut biex jieħdu konjizzjoni ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattivi ta’ pajjiżi terzi ( 52 ). Barra minn hekk, fejn, bħal fil-każ preżenti, titqajjem il-kwistjoni tal-validità ta’ tali privattiva bħala eċċezzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, din id-dispożizzjoni tagħti ġurisdizzjoni lil dawn il-qrati sabiex jaqtgħu din il-kwistjoni biss b’mod inċidentali ( 53 ), għall-iskop uniku li jagħtu deċiżjoni dwar l-azzjoni ( 54 ). Hija ma tagħtihomx is-setgħa li jżidu effett erga omnes mar-raġunijiet relatati mal-validità tat-titolu (jew, a fortiori, li jagħmlu dikjarazzjoni f’dan ir-rigward li jkollha tali effett, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħhom) ( 55 ).

44.

Fil-prattika, dan ikun ifisser li, filwaqt li r-Regolament Brussell Ia japplika għal tali talbiet (jew eċċezzjonijiet), meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fl-Unjoni, huwa ma jagħtix ġurisdizzjoni (jew setgħa tali ta’ dikjarazzjoni erga omnes) lil ebda qorti ta’ Stat Membru. Konsegwentement, meta tali qorti tiġi adita b’tali talba kontra konvenut “lokali”, hija għandha tiddikjara li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha (jew, fir-rigward eċċezzjoni ta’ invalidità mqajma fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, għandha tillimita l-effetti tad-deċiżjoni tagħha għall-partijiet), u dan abbażi tal-imsemmi regolament ( 56 ).

45.

Din l-interpretazzjoni għandha diversi merti. Qabel kollox, fuq livell teoretiku, billi tiddikjara li l-qrati tal-Istati Membri ma jiksbu, mis-sistema ta’ Brussell, l-ebda ġurisdizzjoni sabiex jinvalidaw il-privattivi ta’ pajjiżi terzi (jew jagħtu, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, effett erga omnes lil uħud mill-konstatazzjonijiet tagħhom), il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tislet konsegwenzi li ċertament huma radikali, iżda madankollu loġiċi (u għaldaqstant, kompletament difendibbli) mill-kunsiderazzjonijiet tad-dritt internazzjonali konswetudinarju esposti fil-punti 14 sa 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

46.

Sussegwentement, l-imsemmija interpretazzjoni tiżgura, fil-prattika, ċerta koerenza bejn is-soluzzjonijiet applikabbli “intra-Unjoni” u dawk applikabbli għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, u dan, mill-ġdid, filwaqt li jiġu osservati l-kliem tal-punt 4 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia ( 57 ). Hija tkun qiegħda tirrifletti wkoll dawk li jeżistu fid-dritt komparattiv, b’mod partikolari fid-dritt tal-Istati Membri ( 58 ).

47.

Fl-aħħar nett, din l-istess interpretazzjoni jkollha l-mertu li toffri soluzzjoni perfettament uniformi (peress li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri jirriżulta direttament mir-Regolament Brussell Ia, li japplika bl-istess mod fl-Unjoni kollha) u prevedibbli (peress li ma jitħalla l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-opportunità li tingħata deċiżjoni) għall-problema mqajma. Għalhekk, din tkun kompletament taqbel mal-“ispirtu” tas-sentenza Owusu.

48.

Tali interpretazzjoni tar-Regolament Brussell Ia hija miftuħa, madankollu, għal ċerti kritiki. L-ewwel nett, fuq il-livell teoretiku, jista’ jiġi oġġezzjonat li din tkun f’tensjoni mal-loġika tar-regola dwar il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia. Din ir-regola hija bbażata fuq ir-rabtiet personali bejn il-qrati nnominati u konvenut partikolari. Fuq din il-bażi, u kif indikajt fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati testendi, bħala prinċipju, għall-talbiet kollha mressqa kontra dan il-konvenut. Din ir-regola, fiha nnifisha, ma tagħmel ebda distinzjoni skont il-qasam fit-tilwima.

49.

Madankollu, l-oġġezzjoni għandha l-limiti tagħha. Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet “intra-Unjoni”, ċerti kwistjonijiet huma esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut, fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 1a (b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu). B’hekk, għandu sempliċement jiġi rrikonoxxut li xi drabi l-istess japplika fit-tilwim li jinvolvi pajjiżi terzi, billi jiġu ammessi, fi ħdan l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, l-eżistenza ta’ ċerti riżervi impliċiti għal din il-ġurisdizzjoni, imposti mid-dritt internazzjonali konswetudinarju.

50.

Sussegwentement, wieħed jista’ jinnota li diversi mir-rapporti uffiċjali dwar l-istrumenti ta’ Brussell ( 59 ), silta mill-Opinjoni 1/03 ( 60 ) u t-tieni paragrafu tal-premessa 24 tar-Regolament 1a ( 61 ) jagħtu x’jifhem li l-qrati tal-Istati Membri, fir-realtà, għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, anki sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet relatati mal-oqsma bħar-reġistrazzjoni jew il-validità tal-privattivi, meta jkun involut pajjiż terz.

51.

Madankollu, l-oġġezzjoni, għal darba oħra, għandha l-limiti tagħha. L-ewwel nett, ir-rapporti inkwistjoni, minbarra li ma jsostnux il-pożizzjoni tagħhom, ma jipprovdux l-interpretazzjoni awtentika tas-sistema ta’ Brussell, iżda jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, gwida mhux vinkolanti f’dan ir-rigward ( 62 ). It-tieni, peress li l-Opinjoni 1/03 ma tirrigwardax, bħala tali, il-problema fiċ-ċentru ta’ din il-kawża ( 63 ), is-silta inkwistjoni tista’ titqies bħala obiter dictum, miftuħa għal ċerti finezzi u preċiżjonijiet, pjuttost milli pożizzjoni stabbilita bis-sħiħ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett ( 64 ). It-tielet, it-tensjoni mal-premessa 24 tar-Regolament Brussell Ia tkun relattiva ħafna ( 65 ).

52.

Fl-aħħar nett, fuq il-livell prattiku, il-kritika li tista’ tiġi indirizzata lil tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia hija r-riġidità tas-soluzzjoni li tirriżulta minnha. Fil-fatt, peress li l-qrati tal-Istati Membri (radikalment) ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar talbiet li jkollhom bħala suġġett tagħhom ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattivi ta’ pajjiżi terzi, dawn il-qrati ma jkollhom ebda marġni sabiex jevalwaw jekk ikollhomx jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. Huma jkunu obbligati jagħmlu dan f’kull każ. F’ċerti każijiet, dan jista’ jobbliga lill-partijiet fil-kawża jippreżentaw appell quddiem qorti ta’ pajjiż terz li ma joffrix il-garanziji ta’ proċess ġust. Dawn il-qrati ma jkollhomx il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tal-kawża f’dawn il-każijiet.

53.

Għal darba oħra, is-saħħa ta’ din il-kritika hija relattiva. Għalkemm tali marġni ta’ manuvra huwa, fil-fehma tiegħi, indispensabbli f’ċerti kuntesti ( 66 ), kemm huwa xieraq huwa iktar diskutibbli fil-każ partikolari li tikkonċernana. Il-qrati tal-Istati Membri jaqbżu l-limiti imposti mil-dritt internazzjonali konswetudinarju kieku kellhom jagħmlu dikjarazzjoni erga omnes dwar l-invalidità ta’ privattiva ta’ pajjiż terz anki fuq il-bażi ta’ “ħtieġa” (nuqqas mill-qrati ta’ dan l-aħħar Stat li joffru l-garanziji ta’ proċess ġust), u d-deċiżjoni tagħhom qatt ma jkollha l-ebda valur prattiku ( 67 ). Barra minn hekk, għalkemm kieku jirriżulta, b’mod partikolari, li kompetitur ta’ proprjetarju ta’ privattivi ta’ pajjiż terz iddomiċiljat fl-Unjoni qatt ma jkun jista’ jressaq azzjoni għal invalidità ta’ din il-privattiva quddiem il- qrati tal-Istati Membri, tali kompetitur ikun dejjem jista’ jikkontesta l-validità ta’ dik il-privattiva b’mod inċidentali, pereżempju fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni eventwali mressqa kontrih (sa fejn ikun huwa stess iddomiċiljat fl-Unjoni), jew fil-kuntest ta’ talba għal “dikjarazzjoni negattiva” ta’ responsabbiltà fformulata kontra dan il-pussessur. Għaldaqstant, huwa ma jiċċaħħadx minn kull protezzjoni, quddiem dawn il-qrati, kontra l-privattivi ta’ pajjiżi terzi li jkunu infondati.

III. Konklużjoni

54.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari magħmula mis-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) kif ġej:

L-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni ma tapplikax fir-rigward tal-validità ta’ privattiva rreġistrata f’pajjiż terz. Madankollu, il-qrati tal-Istati Membri, meta jkollhom ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ regola oħra ta’ dan ir-regolament, jistgħu ma jagħtux deċiżjoni fuq din il-kwistjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Konklużjonijiet fil-kawża BSH Hausgeräte (C‑339/22, EU:C:2024:159) (iktar ’il quddiem l-“ewwel konklużjonijiet tiegħi”).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 4 ) Konformement mal-proċedura prevista mill-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München (il-Ġermanja) fil‑5 ta’ Ottubru 1973 (iktar ’il quddiem il-“KPE”).

( 5 ) Ara l-premessa 13 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia.

( 6 ) Tal-inqas, meta, bħal f’dan il-każ, l-ebda konvenzjoni internazzjonali ma tirregola l-kwistjoni bejn l-Unjoni (jew l-Istat Membru tal-qorti adita) u l-pajjiż terz ikkonċernat (ara l-punti 23 u 135 sa 138 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova (C‑399/21, is-“sentenza IRnova”, EU:C:2022:648, punti 4048 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Reat ta’ kontrafazzjoni huwa llokalizzat (neċessarjament) fit-territorju tal-Istat li jkun ta l-privattiva kkonċernata, peress li, konformement mal-prinċipju ta’ territorjalità, il-portata tad-drittijiet li hija tagħti hija limitata għal dan it-territorju.

( 9 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005 (C‑281/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Owusu”, EU:C:2005:120, punti 1011 kif ukoll 24 sa 26). Din is-sentenza hija relatata mal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1978, L 304, p. 36), li sussegwentement ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ġie ssostitwit bir-Regolament Brussell Ia. Madankollu, għandha tiġi żgurata kontinwità fl-interpretazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti u tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza IRnova (punti 29 u 37)).

( 10 ) Il-kwistjoni tqum ukoll, mutatis mutandis, meta qorti tal-Unjoni tiġi adita b’tilwima koperta minn ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti. Fil-fatt, l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell 1a jipprevedi li l-qrati tal-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jagħtu effett lil tali ftehim meta dan jindika l-qrati ta’ “Stat Membru” ieħor, mingħajr ma jsemmi x-xenarju ta’ ftehim favur qrati ta’ pajjiż terz. Fid-dawl tal-mira li se jassumu dawn il-konklużjonijiet, ser niffoka fuq it-tilwimiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-validità tal-privattivi ta’ pajjiżi terzi, iżda ser neżamina dawn ix-xenarji l-oħra fuq bażi ad hoc.

( 11 ) Bl-istess mod, il-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut għandhom ġurisdizzjoni, u għandhom l-obbligu li jagħtu deċiżjoni, meta jiġu aditi minkejja ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati ta’ pajjiż terz, ladarba r-Regolament Brussell Ia ma jipprovdix regola kuntrarja.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, Parrish, A., “Adjudicatory Jurisdiction and Public International Law: The Fourth Restatement’s New Approach”, fi Stephan, P., B, u Cleveland, S., A., (ed.), The Restatement and Beyond: The Past, Present, and Future of U.S. Foreign Relations Law, Oxford Academic, New York, 2020, p. 303 sa 318; Roorda, L. u Ryngaert, C., “Public International Law Constraints on the Exercise of Adjudicatory Jurisdiction in Civil Matters”, f’Forlati, S. u Franzina, P. (ed.), Universal Civil Jurisdiction – Which Way Forward?, BRILL, 2020, p. 74 sa 95; u Mills, A., “Rethinking Jurisdiction in International Law”, The British Yearbook of International Law, 2014, Vol. 84, Nru 1, p. 187 sa 239.

( 13 ) Xi qrati barranin iqisu li d-dritt internazzjonali konswetudinarju jew il-korteżija internazzjonali (Comitas gentium) iżżommhom mimli jagħtu deċiżjoni dwar il-kontrafazzjoni ta’ privattiva barranija (ara, b’mod partikolari, United States Court of Appeals for the Federal Circuit (il-Qorti tal-Appell tal-Istati Uniti għaċ-Ċirkwit Federali), 1 ta’ Frar 2007, Jan K. Voda, M. D. vs Cordis Corp., 476 F.3d 887, 905 (Fed. Cir. 2007). Dan ma huwiex il-każ. Fir-rigward tad-dritt konswetudinarju, għadni kif spjegajt għaliex. Fir-rigward tal-Comitas gentium, il-fatt li qorti ta’ Stat wieħed tagħti effett lil titolu ta’ Stat ieħor jikkostitwixxi, għall-kuntrarju, att ta’ korteżija lejn dak l-Istat (ara Supreme Court (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit), is‑27 ta’ Lulju 2011, Lucasfilm Limited et vs Ainsworth et, (2011) UKSC 39, punti 104, 105 u 109).

( 14 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Owusu (punti 30 u 31).

( 15 ) Fil-fatt, jista’ jkun hemm rabtiet suffiċjenti, fis-sens tad-dritt konswetudinarju, ma’ Stati differenti, bħal f’dan il-każ. L-Istati jistgħu jtaffu r-riskju ta’ proċeduri paralleli u ta’ deċiżjonijiet kontradittorji inerenti għal tali sovrappożizzjoni tal-ġurisdizzjoni, jew billi jadottaw soluzzjonijiet interni (bħad-duttrina tal-“forum non conveniens” tal-pajjiżi tal-common law jew ir-regoli ta’ litis pendens tal-pajjiżi tad-dritt ċivili), jew billi jikkonkludu, bejniethom, trattati internazzjonali, li jaqsmu l-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali bejn il-qrati rispettivi tagħhom.

( 16 ) Ara l-punt 61 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi kif ukoll ir-referenzi ċċitati. Ara, barra minn hekk, Droz, G., Compétence judiciaire et effets des jugements dans le Marché commun, Pariġi, Dalloz, 1972, Nru 156; Mayer, P., “Droit international privé et droit international public sous l’angle de la notion de compétence”, Revue critique de droit international privé, 1979, Nru 54, p. 362 u 374 sa 376, u Pataut, E., Principe de souveraineté et conflits de juridictions (Étude de droit international privé), LGDJ, Pariġi, 1999, Nru 4 sa 11, 48, 97 u 359. Tali kunsiderazzjonijiet tad-dritt internazzjonali konswetudinarju japplikaw fil-parti l-kbira tal-oqsma l-oħra msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. B’dan il-mod, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux jagħtu deċiżjoni fuq talba li jkollha bħala suġġett il-validità tar-reġistrazzjoni f’tip ieħor ta’ reġistru pubbliku (l-Artikolu 24(3)) barrani, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 16 iktar ’il fuq. Dawn il-qrati ma jistgħux jagħtu deċiżjoni fuq talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 24(5)) fi Stat ieħor, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ kull Stat sabiex jeżerċita l-infurzar fit-territorju tiegħu (ara l-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, sentenza Franza vs It‑Turkija (il-“kawża S.S. Lotus”), 7 ta’ Settembru 1927, Q.P.Ġ.I. Ġabra 1927, Serje A 10, p. 18). Fl-aħħar nett, (probabbilment) imur kontra d-dritt internazzjonali konswetudinarju li qorti ta’ Stat Membru tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 24(1)) li tinsab barra mill-pajjiż, minħabba r-rabtiet bejn tali deċiżjoni u s-sovranità territorjali ta’ kull Stat (ara Mills, A., op. cit., p. 204). Inversament, tali kwistjonijiet tad-dritt konswetudinarju ma jqumux fl-oqsma tal-kiri tal-abitazzjoni (it-tieni inċiż tal-Artikolu 24(1)) jew tal-validità tal-kumpanniji u tad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom (punt 2 tal-Artikolu 24).

( 17 ) Fil-fatt, minbarra l-ġurisdizzjoni tal-UEP (ara l-Artikoli 99 sa 105 tal-KEP), tali privattiva tista’ tiġi rrevokata biss “parti” tagħha minn “parti”, quddiem il-qrati nazzjonali. Hawnhekk ukoll, hija biss qorti tal-Istat li fih tkun irreġistrata “parti” li tista’ tiddikjara l-invalidità tagħha u tordna t-tħassir tagħha mir-reġistru nazzjonali, irrispettivament minn jekk ir-raġunijiet għar-revoka tal-privattivi Ewropej ikunux previsti mill-KEP (l-Artikolu 100) u jekk, f’dan il-każ, il- parti” Torka tal-privattiva kkonċernata jkollhiex l-istess kontenut bħall-“parti” Svediża.

( 18 ) Fil-fatt, għalkemm il-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li tikkonċerna privattiva ta’ pajjiż terz, huma għandhom neċessarjament jevalwaw il-kontrafazzjoni (u l-validità) tat-titolu fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-aħħar Stat. Filwaqt li l-Istati kollha jistgħu jistabbilixxu dritt għall-privattivi, kull Stat għandu ġurisdizzjoni preskrittiva esklużiva fir-rigward tat-titoli li huwa jagħti għat-territorju tiegħu. Huwa biss l-Istat ikkonċernat li jista’ jiddetermina d-drittijiet li dawn it-titoli jagħtu u l-kundizzjonijiet ta’ validità tagħhom (ara, f’dan is-sens, Mayer, P., op. cit., p. 349 sa 351).

( 19 ) Ara l-punti 44 u 62 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Electrolux, il-prinċipju ta’ territorjalità tal-privattivi, irrikonoxxut b’mod partikolari mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi (Franza) fl‑20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma (l-Isvezja) fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305) (Artikolu 4a) u l-KEP (Artikolu 2(2)), ma jinfluwenzax il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri. Dawn it-trattati huma, fir-realtà, newtrali fuq dan il-punt. Jekk, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, privattiva toffri protezzjoni limitata għat-territorju tal-Istat li jkun taha u tiddependi mid-dritt ta’ dan l-Istat, dan ma jżommx lill-qrati barranin milli jagħtu deċiżjoni dwar il-ksur jew dwar il-validità (b’mod inċidentali) tat-titolu inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Wintersteiger,C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 30). L-imsemmi prinċipju jeżiġi biss li jagħmlu dan fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-istess Stat, rekwiżit li, mill-bqija, diġà jirriżulta mid-dritt konswetudinarju (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 hawn fuq).

( 20 ) Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tal-validità tal-iskrizzjonijiet fir-reġistri pubbliċi u dik fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, li jidhru rispettivament fil-punti 3 u 5 ta’ dan l-artikolu, jew dik fil-qasam tal-proprjetà immobbli, stabbilita fil-punt 1 tiegħu, ukoll jirriflettu, fil-fehma tiegħi, id-dritt internazzjonali konswetudinarju. Inversament, ir-regola fil-qasam tal-kiri tal-abitazzjonijiet u dik fil-qasam tal-validità tal-kumpanniji (eċċ.) li tidher fit-tieni inċiż tal-punt 1 u fil-punt 2 tal-imsemmi artikolu, tirriżulta minn sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet; punt 126 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 113 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi u r-referenzi ċċitati, kif ukoll Pataut, E., op. cit., Nru 4 sa 11, 357 u 385.

( 21 ) Konformement mar-raison d’être tagħhom, dawn ir-regoli huma ta’ natura imperattiva li “li timponi ruħha b’mod speċifiku […] fuq il-qorti” (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, is-“sentenza GAT”, EU:C:2006:457, punt 24). Il-qrati ta’ Stat Membru, aditi b’kawża prinċipali ta’ tilwima li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-validità ta’ privattiva ta’ Stat Membru ieħor, għandhom ex officio jiddikjaraw li ma jkollhomx ġurisdizzjoni għal dan (ara l-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell Ia). Barra minn hekk, sentenza mogħtija minn dawn il-qrati bi ksur ta’ dawn ir-regoli ma tistax tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita fi Stat Membru ieħor (ara l-Artikolu 45(1)(e) ta’ dan ir-Regolament).

( 22 ) Ara, għal kritika ta’ din is-soluzzjoni, il-punti 41 sa 63 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 23 ) Ara s-sentenza IRnova (punti 34 sa 35).

( 24 ) Sentenza Owusu (punt 37).

( 25 ) Ara s-sentenza Owusu (punti 48 sa 52) kif ukoll il-punti 119 u 155 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’din il-kawża (C‑281/02, EU:C:2004:798, punti 69 sa 71, 217280).

( 26 ) Dan jirriżulta b’mod ċar minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell Ia.

( 27 ) Ara Droz, G., op. cit., Nru 165; de Vareilles-Sommières, P., “The Mandatory Nature of Article 2 of the Brussels Convention and Derogation from the Rule It Lays Down”, f’de Vareilles-Sommières, P., (ed.), Forum Shopping in the European Judicial Area, Hart Publishing, Londra, 2007, p. 101 sa 114; Schauwecker, M., “Extraterritorial Patent Jurisdiction: Can One Sue in Europe for Infringement of a U.S. Patent?”, TTLF Working Paper, Nru 10, 2011, p. 43; u Mills, A., “Private International Law and EU External Relations: Think Local Act Global, or Think Global Act Local?”, The International and Comparative Law Quarterly, vol. 65, Nru 3, 2016, p. 541‑579, b’mod partikolari p. 541, 542, 568 u 569.

( 28 ) Ara l-punt 118 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 108 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi u r-referenzi ċċitati.

( 29 ) Nosserva, f’dan ir-rigward, li d-delegazzjoni Franċiża fi ħdan il-Kunsill issuġġeriet ukoll li jiġi indikat, b’mod espliċitu, fir-Regolament Brussell Ia li, meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita b’tilwima li taqa’ taħt qasam li fir-rigward tiegħu l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, iżda li tinvolvi pajjiż terz, tapplika r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament (ara d-dok. 8205/12, 27 ta’ Marzu 2012, Note from the French delegation to Working Party on Civil Law Matters (Brussels I), p. 5, “Article 34(1)”). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni lanqas biss inkluda din il-preċiżazzjoni. Evidentement, dan tal-aħħar ma riedx jiddeċiedi “b’mod ċar”, iżda, għall-kuntrarju, ried iħalli miftuħa l-kwistjoni li għandna quddiemna.

( 30 ) Nirreferi għan-nota tad-delegazzjoni Ġermaniża li tindika oġġezzjoni għall-proposta tad-delegazzjoni Franċiża minħabba li “r-Regolament Brussell I ma jirregolax b’mod sħiħ il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fil-konfront tal-qrati ta’ pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li dan għandu jibqa’ l-każ (il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dok. 13756/11 ADD 1, 9 ta’ Settembru 2011, Note from German delegation to Working Party on Civil Law Matters (Brussels I), p. 3).

( 31 ) Ara Hess, B., “The Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on Jurisdiction and the Recognition and Enforcement of Judgments in Civil and Commercial Matters (Recast)”, Think Tank European Parliament, 2011, p. 13: “Il-Kummissjoni ma inkludietx il-proposta mil-letteratura li l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Artikolu 22 tar-[Regolament Brussell I] għandhom jeskludu wkoll il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-UE f’sitwazzjonijiet simili li jseħħu f’pajjiżi terzi (l-hekk imsejjaħ “effett riflessiv”). Din is-soluzzjoni tidher aċċettabbli peress li d-determinazzjoni ta’ effett riflessiv tista’ titqies bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar-regolament li tista’ tiġi mistħarrġa, jekk meħtieġ, mill-QĠEU […].” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 32 ) L-iktar konsegwenza drammatika (peress li hija partikolarment importanti mil-lat prattiku u ekonomiku) ta’ dan il-qari tkun li titnaqqas drastikament l-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati ta’ pajjiżi terzi (peress li ma teżisti l-ebda deroga ddedikata għal dawn il-ftehimiet fir-regolament). Fil-punti 129 sa 131 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, urejt b’mod suffiċjenti n-natura insostenibbli tal-imsemmi qari f’dan ir-rigward.

( 33 ) Kuntrarjament għal dak li jsostni l-gvern Franċiż, billi taġixxi b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qiegħda “tantiċipa d-deċiżjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni”. Fil-fatt, xejn ma jimpedixxi lil dan il-leġiżlatur milli (finalment) iqis il-kwistjoni f’riformulazzjoni futura tas-sistema ta’ Brussell u milli jadotta regoli espliċiti dwar dan, li jissostitwixxu l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 34 ) Din tippermetti lill-istess u unika qorti tagħti deċiżjoni, globalment, fuq applikazzjonijiet fil-qasam ta’ kontrafazzjoni “multistatali”, li jikkonċernaw privattivi nazzjonali bl-istess suġġett u pretensjonijiet jew b’suġġett u pretensjonijiet simili (b’mod partikolari l-“partijiet” differenti tal-privattivi Ewropej), bħal dawk ifformulati minn BSH f’dan il-każ, u b’hekk jiġi evitat riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, Droz, G., op. cit. p. 168.

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 46); tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47), u tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 70).

( 37 ) Ara l-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Jew inkella, billi josserva din is-sovranità b’mod parzjali ħafna, u indirett, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-litis pendens previst fl-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Brussell Ia, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi daqstant aleatorji u arbitrarji daqs il-punt ta’ li jsir magħruf jekk il-qrati tal-pajjiż terz ikkonċernat ikunux ġew aditi, u jekk dawn kinux ġew aditi qabel il-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut (ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 39 ) Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet tad-dritt internazzjonali konswetudinarju diskussi iktar ’il fuq jikkonċernaw ċertament dawn l-oqsma (ara n-noti ta’ qiegħ il paġna 16 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il ġustifikazzjonijiet tal-“effett riflessiv” meħuda mill-istruttura u mill-għanijiet tar-Regolament Brussell 1a huma applikabbli bl-istess mod lilhom. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni tapplika wkoll (iżda għal raġunijiet kemxejn differenti) għat-tilwim kopert minn ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti favur qrati ta’ pajjiżi terzi.

( 40 ) Ara Droz, G., op. cit., Nru 164 sa 169.

( 41 ) Droz, G., op. cit., Nru 167.

( 42 ) Ara, għal din is-soluzzjoni, il-punti 77 u 94 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Fil-fatt, fil-kuntest tat-teorija tal-“effett riflessiv”, l-ipoteżijiet li fihom il-qrati tal-Istati Membri huma awtorizzati li ma jagħtux deċiżjoni jikkoinċidu mal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. Ċertament, dan iwassal sabiex jiġu estiżi, fl-ordni legali internazzjonali, din is-soluzzjoni dwar l-eċċezzjonijiet ta’ invalidità, filwaqt li d-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jimponihiex (u li, wara kollox, jiena stess ikkritikajt il-fondatezza tagħhom fil-punti 41 sa 63 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi). Madankollu, tali riżultat huwa meħtieġ f’isem il-koerenza bejn is-soluzzjonijiet “interni” u “esterni” li din it-teorija hija intiża li tiżgura (tat-tieni “jirriflettu” lil tal-ewwel). Fi kwalunkwe ipoteżi, l-oġġezzjoni hija kkontrobilanċjata mill-fatt li, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ “intra-Unjoni”, is-soluzzjoni proposta ma tobbligax lill-qrati tal-Istati Membri ma jagħtux deċiżjoni dwar tali eċċezzjoni. Huma jistgħu jagħmlu dan, meta jqisu li dan ikun opportun (ħaġa li hija inqas problematika).

( 43 ) Is-saħħa tal-argument tal-gvern Franċiż li din is-soluzzjoni ssolvi l-problema biss parzjalment, peress li, b’mod partikolari, xejn ma jżomm lill-qrati aditi milli ma jeżerċitawx din il-possibbiltà u, pereżempju, jiddikjaraw privattiva ta’ pajjiż terz nulla, hija relattiva ħafna. Minn naħa, ir-riskju huwa iktar teoretiku milli reali, billi l-qrati tal-Istati Membri ma jqisux ruħhom, tradizzjonalment, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar il-validità ta’ privattivi barranin (ara n-nota 50 iktar ’il quddiem). Min-naħa l-oħra, kieku l-qrati ta’ Stat Membru kellhom jaġixxu b’dan il-mod, il-ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jirriżulta minn dan ikun imputabbli biss lil dan l-Istat Membru, u mhux lil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li dan tal-aħħar ma jkunx impona dan il-ksur.

( 44 ) Problema li, bħala prinċipju, ma tistax tqum “intra-Unjoni”, fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jagħtu lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji rispettivi tagħhom (ara l-punt 110 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi).

( 45 ) Opinjoni 1/03 tas‑7 ta’ Frar 2006 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano) (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 1/03”, EU:C:2006:81, punt 148).

( 46 ) Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li din tqajjem dubju dwar is-supremazija tar-Regolament Brussell Ia fuq id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, it-tieni wieħed japplika bis-saħħa tal-ewwel wieħed. Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/03 (punt 148).

( 47 ) Barra minn hekk, għalkemm BSH tikkritika t-teorija tal-“effett riflessiv”, is-soluzzjoni li hija tissuġġerixxi hija viċina ħafna. Fil-fatt, din il-kumpannija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, filwaqt li l-qrati tal-Istati Membri tal-konvenut għandhom ikollhom ġurisdizzjoni u jkollhom obbligu li jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet li jikkonċernaw pajjiżi terzi, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, dawn il-qrati xorta jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni dwar dawk li jkollhom bħala suġġett tagħhom il-validità ta’ privattiva ta’ Stat terz, minħabba n-nuqqas ta’ interess tar-rikorrent li jibda proċedimenti (fid-dawl tal-impossibbiltà għall-imsemmija qrati li jordnaw lil UPI barrani jneħħi tali titolu mir-reġistru tiegħu), abbażi tar-regoli tal-proċedura nazzjonali tagħhom.

( 48 ) Ara s-sentenza Owusu (punti 38 sa 42).

( 49 ) Bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-qrati tal-Istati Membri ġeneralment iqisu li ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar il-validità ta’ privattiva barranija, jew ta’ dritt ta’ proprjetà fuq proprjetà immobbli li tinsab fi Stat ieħor, jew dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fit-territorju ta’ tali Stat. Ara, b’mod ġenerali, Nuyts, A., Study on Residual Jurisdiction, General Report, 2007, punti 93 sa 96 u 103. Bħala eżempji, ara (i) fil-Belġju, fil-qasam tal-validità tal-privattivi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 86 tal-Loi du 16 juillet 2004 portant le Code de droit international privé (il-Liġi tas‑16 ta’ Lulju 2004 dwar il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat), (Numac 2004009511, Moniteur Belge 27 ta’ Lulju 2004, p. 57340); (ii) fi Franza, fil-qasam tal-proprjetà immobbli, Pataut, E., op. cit., Nri 139, 148, 360, 361 u 374‑377, u, fil-qasam tal-validità tal-privattivi, Mayer, P., Heuzé, V. u Remy, B., Droit international privé, LGDJ, Pariġi, it-12-il edizzjoni, 2019, punti 329 u 330; (iii) fir-Renju Unit, fil-qasam tal-proprjetà immobbli, House of Lords (ir-Renju Unit), it‑8 ta’ Settembru 1893, British South Africa Co vs Companhia de Moçambique, (1893) AC 602, u, fil-qasam tal-validità tal-privattivi, Supreme Court (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), is‑27 ta’ Lulju 2011, Lucasfilm Limited et vs Ainsworth et, punti 54 u 56; (iv) għall-Isvezja, fil-qasam tal-validità tal-privattivi, Lundstedt, L., “Jurisdiction and enforcement outside of the Brussels System with a focus on IPR”, Nordiskt immateriellt rättsskydd, vol. 76, Nru 4, p. 348‑364, Nru 3.2.1.

( 50 ) Ara, a contrario, is-sentenza Owusu (punt 43).

( 51 ) Barra minn hekk, numru ta’ kwistjonijiet imqajma mill-gvern Franċiż huma purament proċedurali (ir-rifjut tal-kompetenza jista’ jiġi deċiż ex officio, eċċ.). Issa, b’mod ġenerali, tali kwistjonijiet ma humiex irregolati mis-sistema ta’ Brussell, iżda jitħallew lil-lex fori, bil-kundizzjoni li ma jippreġudikawx l-effett utli ta’ din is-sistema (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1990, Hagen, C‑365/88, EU:C:1990:203, punti 17, 1920). Jiena hekk nirrakkomanda.

( 52 ) L-istess jista’ jintqal fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Brussell 1a. Barra minn hekk, għalkemm iffokata fuq il-validità tal-privattivi ta’ pajjiżi terzi, din ir-risposta tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi trasposta, b’analoġija, għall-applikazzjonijiet li għandhom bħala suġġett tagħhom il-validità ta’ titolu ta’ proprjetà fuq proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż terz, il-validità ta’ reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku ieħor ta’ tali Stat, jew ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni meħuda minn dan l-Istat fit-territorju tiegħu, peress li dawn l-oqsma kollha jqajmu kwistjonijiet ta’ sovranità statali fl-ordni legali internazzjonali. Min-naħa l-oħra, ma tistax tapplika għall-oqsma li ma jqajmux tali kwistjonijiet (kiri ta’ abitazzjonijiet, validità tal-kumpanniji), jew għat-tilwim kopert minn ftehimiet esklużivi ta’ għażla tal-qrati favur qrati ta’ pajjiż terz. Għal dawn tal-aħħar, jidhirli li hija xierqa biss it-teżi tal-effett riflessiv.

( 53 ) Għalhekk, il-qrati tal-Istati Membri ma jkunux obbligati, meta titqajjem eċċezzjoni ta’ invalidità fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni relatata ma’ privattiva ta’ pajjiż terz, li jissospendu d-deċiżjoni sakemm l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jiddeterminaw il-validità tat-titolu, bħalma jkollhom jagħmlu, ta’ spiss, skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Brussell Ia meta privattiva ta’ Stat Membru tkun inkwistjoni (ara l-punti 77 sa 94 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi). Barra minn hekk, kif indikajt fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din is-soluzzjoni għandha wkoll tiġi skartata, de lege feranda, fit-tilwim “intra-Unjoni”. Għalhekk nistieden lil-leġiżlatur tal-Unjoni jemenda s-sistema ta’ Brussell f’dan is-sens.

( 54 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-intervenjenti, waqt it-tieni seduta, jekk l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistax jipprekludi tali ġurisdizzjoni. Ma naħsibx li huwa l-każ. Fil-fatt, dan id-dritt fundamentali jimplika, ċertament, li l-qrati tal-Istati Membri jimplimentaw id-drittijiet mogħtija minn privattivi ta’ pajjiżi terzi meta dawn jiġu aditi b’talbiet għal dan il-għan. Madankollu, huma għandhom jagħmlu dan biss meta dawn it-titoli jkunu validi. Din id-dispożizzjoni ma żżommhomx milli jivverifikaw dan. Jekk, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva, dawn il-qrati jqisu tali privattiva bħala invalida, u jiċħdu l-azzjoni għal din ir-raġuni, il-proprjetarju ċertament ma jkunx jista’ jeżerċita iktar, fir-rigward tal-allegat awtur tal-ksur meħlus, id-drittijiet mogħtija mill-privattiva. Madankollu, din ma hijiex “ċaħda ta’ proprjetà” iżda sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni ta’ invalidità. Il-fatt li tali deċiżjoni tkun inter partes, filwaqt li l-privattiva tibqa’ barra minn hekk valida, huwa inerenti għal-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan ma tistax titqies, fiha nnifisha, li tkun kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 17(2).

( 55 ) Regola (ipotetika) tad-dritt proċedurali nazzjonali li tagħti effett erga omnes lill-konstatazzjonijiet ta’ validità magħmula f’tali deċiżjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia.

( 56 ) Il-qorti adita ma tistax tiddikjara li jkollha ġurisdizzjoni abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha. Peress li japplika r-Regolament Brussell Ia, fid-dawl tad-domiċilju tal-konvenut fl-Unjoni, ir-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni għandhom jitwarrbu (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Markt24,C‑804/19, EU:C:2021:134, punt 32).

( 57 ) U billi tevita, fl-istess ħin, li tiġi estiża għall-ordni legali internazzjonali s-soluzzjoni eċċessiva prevista, għall-eċċezzjonijiet ta’ invalidità, b’din id-dispożizzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara, b’paragun, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 hawn fuq.

( 58 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara Jenard, P. u Möller, G., Rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano (ĠU 1990, C 189, p. 57), punt 54, u Almeida Cruz, M., Desantes Real, M. u Jenard, P., Rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ San Sebastián (ĠU 1990, C 189, p. 35), punt 25.

( 60 ) Ara l-punt 153 ta’ din l-Opinjoni 1/03 u l-punt 112 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 61 ) Fil-fatt, l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament Brussell Ia jipprevedu li “[m]eta l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikoli 4”, qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha, fil-każ ta’ proċeduri konkorrenti f’pajjiż terz, meta dan ikun konformi mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Issa, it-tieni paragrafu tal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament jindika li dan jista’ jkun il-każ “jekk il-qorti tal-Istat terz għandh[a] ġurisdizzjoni esklużiva fil-każ partikolari f’ċirkostanzi fejn qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni esklużiva”. Dan jimplika għalhekk li qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament anki fir-rigward tat-talbiet li jkollhom, pereżempju, il-validità ta’ privattivi ta’ Stati terzi bħala suġġett.

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank,C‑296/20, EU:C:2021:784, punt 58.

( 63 ) Din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni kellhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Lugano II (ara l-punt 112 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi).

( 64 ) Mill-bqija, fis-silta inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, b’mod ġenerali ħafna, l-oqsma kollha li għalihom hija prevista regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fl-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia u l-każ tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti. Hija ma indirizzatx, fid-dettall, jekk, għal uħud minn dawn l-oqsma (fosthom ir-reġistrazzjoni u l-validità tal-privattivi ta’ pajjiżi terzi), fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, hijiex eskluża jew limitata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut (ara wkoll, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna segwenti).

( 65 ) Fil-fatt, anki kieku l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia kellu jiġi interpretat bil-mod issuġġerit f’din it-taqsima ta’ dawn il-konklużjonijiet, dejjem ser ikun hemm sitwazzjonijiet li fihom il-qrati ta’ Stati Membru jkollhom ġurisdizzjoni, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li qorti ta’ pajjiż terz ikollha, parallelament, ġurisdizzjoni esklużiva li tirrifletti dawk previsti fl-imsemmi regolament. Dan jista’ jkun il-każ fil-qasam tal-kiri ta’ abitazzjoni jew tal-validità tal-persuni ġuridiċi jew, b’analoġija, fil-każ ta’ ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti favur il-qorti tal-pajjiż terz inkwistjoni.

( 66 ) B’mod partikolari, meta l-qrati tal-Istati Membri jiġu aditi minkejja ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati ta’ pajjiż terz.

( 67 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Is-soluzzjoni ma hijiex xi ħaġa ġdida fid-dritt komparattiv. Pereżempju, fid-dritt Franċiż, il-forum necessitatis ma jeżistix fi kwistjonijiet ta’ proprjetà immobbli (ara Pataut, E., op. cit., Nri 374 sa 377).