KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑333/22

Ligue des droits humains ASBL,

BA

vs

Organe de contrôle de l’information policière

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il‑Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni għal individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi kwistjonijiet kriminali — Eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti — Verifika minn din l-awtorità tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali tas-suġġett tad-data — Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-awtorità superviżorja”

1.

Id-Direttiva (UE) 2016/680 ( 2 ), magħrufa aħjar bħala d-“Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi”, tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tirrifletti, essenzjalment, in-“natura speċifika ta’ dawk l-oqsma” ( 3 ). Id-Direttiva 2016/680 issegwi żewġ għanijiet politiċi. Minn naħa, id-Direttiva hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem is-“SLSĠ”) ( 4 ), li jippermetti l-moviment liberu ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti għal finijiet tal-infurzar tal-liġi ( 5 ). Min-naħa l-oħra, hija għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ din id-data. Il-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 16(2) TFUE, li jinkariga lil-korp leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2.

Madankollu, ir-“rikonċiljazzjoni” ta’ dawn iż-żewġ għanijiet politiċi segwiti mid-Direttiva 2016/680 tibqa’ kompitu diffiċli ( 6 ). Il-kawża ineżami toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina eżempju konkret ta’ bbilanċjar tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-eżerċizzju mis-suġġetti tad-data tad-drittijiet tagħhom. Id-direttiva ssaħħaħ id-drittijiet tas-suġġetti tad-data meta mqabbla mas-sistema preċedenti prevista fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI ( 7 ). Dan it-tisħiħ jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ aċċess dirett mis-suġġett tad-data, li huwa komponent essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data. Kif ġie osservat fil-letteratura akkademika, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi huma “għodda essenzjali kontra l-asimmetriji tas-setgħa tal-informazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ pproċessar illegali” ( 8 ) [traduzzjoni libera]. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod effettiv.

I. Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2016/680

3.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(8)   ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

(15)   ‘awtorità superviżorja’ tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 41.”

4.

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2016/680 huwa intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 13, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt kwalunque [kwalunkwe] mill-punti elenkati fil-paragrafu 3.”

5.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jistabbilixxi:

“Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali u għall-informazzjoni li ġejja:

[…]”

6.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data, mingħajr dewmien żejjed, bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess, u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista’ titħalla barra meta l-għoti tagħha jimmina fini stipulat fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji.”

7.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 4:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar, u r-raġunijiet għar-rifjut. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, l-obbligu li tingħata tali informazzjoni sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu għad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.”

8.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġett tad-data u verifika mill-awtorità superviżorja”, jistabbilixxi:

“1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(4) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jipprevedu li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1.

3.   Meta jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami mill-awtorità superviżorja. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lis-suġġett tad-data dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju.”

Id-dritt Belġjan

9.

Il-loi relative à la protection des personnes physiques à l’égard des traitements de données à caractère personnel (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali) tat‑30 ta’ Lulju 2018 (Moniteur belge, tal‑5 ta’ Settembru 2018, p. 68616, iktar ’il quddiem il-“LPD”) tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva 2016/680. Il-Kapitolu III tat-Titolu 2 tal-LPD jistabbilixxi d-drittijiet tas-suġġett tad-data, li jikkonsistu, essenzjalment, fid-dritt għall-informazzjoni, id-dritt ta’ aċċess għad-data u d-dritt ta’ rettifika.

10.

L-Artikolu 42 tal-LPD jipprevedi:

“It-talba għall-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f’dan il-kapitolu fir-rigward tas-servizzi tal-pulizija […] jew tal-Inspection générale de la police fédérale et de la police locale [(l-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija Federali u tal-Pulizija Lokali, il-Belġju)] għandha tiġi indirizzata lill-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 37(2), 38(2), 39(4) u 62(1), l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71 għandha tinforma lis-suġġett tad-data biss li l-verifiki neċessarji twettqu.

Minkejja t-tieni paragrafu, l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71 tista’ tikkomunika ċerta informazzjoni kuntestwali lill-persuna kkonċernata

Ir-Re għandu jiddetermina, fuq opinjoni tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 71, il-kategorija tal-informazzjoni kuntestwali li din l-awtorità tista’ tikkomunika lill-persuna kkonċernata”.

11.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-“informazzjoni kuntestwali” li l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jista’ jikkomunika lis-suġġett tad-data għadha ma ġietx ippreċiżata f’digriet irjali previst fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 42 tal-LPD.

12.

L-Artikolu 71 tal-LPD jipprevedi:

“1.   Fi ħdan il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha tinħoloq awtorità superviżorja indipendenti għall-informazzjoni tal-pulizija, bl-isem ta’ Organe de contrôle de l’information policière [(il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija, il-Belġju)].

[…]

[Dan għandu jkun] responsabbli għal: 1. is-superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu […].”

13.

Taħt it-Taqsima 5 tal-LPD, il-Kapitolu I huwa intitolat “Azzjoni għal inibizzjoni”. L-Artikolu 209, li jinsab f’dan il-kapitolu, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew ekstra ġudizzjarju ieħor, il-president tal-qorti tal-ewwel istanza, f’kompożizzjoni bħal dik għal smigħ għal miżuri provviżorji, jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ pproċessar li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet legali jew regolamentari dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, u jordna l-inibizzjoni ta’ dan l-ipproċessar.

Il-president tal-qorti tal-ewwel istanza, f’kompożizzjoni bħal dik għal smigħ għal miżuri provviżorji, għandu jisma’ kull talba dwar id-dritt mogħti mil-liġi jew permezz tal-liġi, għall ksib tal-komunikazzjoni ta’ data personali, kif ukoll kull talba intiż għar-rettifika, għat-tħassir jew għall-projbizzjoni tal-użu ta’ kwalunkwe data personali li ma tkunx eżatta jew, fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar, li ma tkunx kompleta jew li tkun irrilevanti, jew li r-reġistrazzjoni, il-komunikazzjoni jew iż-żamma tagħha huma pprojbiti, li s-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar tagħha jew li tkun inżammet lil hinn mill-perijodu awtorizzat.”

14.

L-Artikolu 240 tal-LPD jipprevedi li l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija:

“4. għandu jittratta l-ilmenti, jinvestiga s-suġġett tal-ilment sa fejn ikun neċessarju, u jinforma lil-lanjant dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b’mod partikolari meta tkun neċessarja iktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra […]”

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

15.

Fl‑2016, BA xtaq jipparteċipa fl-armar u fiż-żarmar tal-installazzjonijiet għall-għaxar avveniment tal-“Jiem Ewropej tal-Iżvilupp” fi Brussell (il-Belġju). Sabiex jagħmel dan, huwa kellu jikseb “ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà”.

16.

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ġunju 2016, l-Autorité nationale de sécurité (l-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà, il-Belġju) irrifjutat li toħroġ iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà meħtieġ. Hija ddikjarat li mill-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità kien jirriżulta li l-persuna kkonċernata kienet magħrufa għall-parteċipazzjoni tagħha f’10 dimostrazzjonijiet bejn l‑2007 u l‑2016, li pprekluda l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà. BA ma kkontestax din id-deċiżjoni tal-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà.

17.

Il-LPD, li tistabbilixxi l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija, daħlet fis-seħħ fil‑5 ta’ Settembru 2018.

18.

Fl‑4 ta’ Frar 2020, il-konsulent legali ta’ BA talab lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jidentifika l-kontrolluri tad-data responsabbli għall-ipproċessar inkwistjoni u jordnalhom jagħtu lil BA aċċess għall-informazzjoni kollha li tikkonċernah.

19.

Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 ta’ Frar 2020, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija wieġeb, billi indika li BA kellu biss dritt ta’ aċċess indirett, filwaqt li indika wkoll li kellu l-intenzjoni li jivverifika d-data personali relatata ma’ BA sabiex jiżgura l-legalità ta’ kwalunkwe pproċessar tad-data fil-Banque de données nationale générale (il-BNG, il-Bank Ġenerali tad-Data Nazzjonali). Il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija ddikjara li kellu s-setgħa jordna lill-pulizija tħassar jew temenda d-data, jekk ikun neċessarju, u li, ladarba jitlestew il-verifiki, BA jiġi informat li “l-verifiki neċessarji twettqu”.

20.

Fit‑22 ta’ Ġunju 2020, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija kiteb:

“[…] Ninformak, skont l-Artikolu 42 tal-[LPD], li l-Korp ta’ Sorveljanza wettaq il-verifiki meħtieġa.

Dan ifisser li d-data personali tal-klijent tiegħek ġiet ivverifikata mal-banek tad-data tal-pulizija sabiex tiġi żgurata l-legalità ta’ kwalunkwe pproċessar.

Jekk kien neċessarju, id-data personali ġiet immodifikata jew imħassra.

Kif informajtek fil-posta elettronika tiegħi tat‑2 ta’ Ġunju, l-Artikolu 42 tal-LPD ma jippermettix li l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jipprovdi xi informazzjoni oħra.”

21.

Fit‑2 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri BA u l-Ligue des droits humains ippreżentaw rikors kontra l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija quddiem il-President tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) fuq il-bażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 209 tal-LPD. Huma talbu li r-rikors tagħhom kontra l-awtorità superviżorja jiġi ddikjarat ammissibbli. Sussidjarjament, huma staqsew lil dik il-qorti jekk l-Artikolu 42 tal-LPD imurx kontra l-Artikolu 47(4) u l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680. F’dan ir-rigward, BA u l-Ligue des droits humains sostnew li l-Artikolu 42 tal-LPD ma jipprevedix rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità superviżorja indipendenti u lanqas ma jobbliga lil din l-awtorità tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju.

22.

F’dak li jirrigwarda l-mertu tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti talbu l-aċċess għad-data personali kollha li tikkonċerna lil BA u talbu li l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jiġi ordnat jidentifika l-kontrolluri tad-data u l-persuni kollha li setgħu rċevew tali data. Sussidjarjament, huma talbu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 42(2) tal-LPD huwiex kompatibbli mal-Artikoli 14, 15 u 17 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 8 u 47 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’dan ir-rigward, huma lmentaw mill-fatt li l-Artikolu 42(2) tal-LPD jipprevedi deroga ġenerali u sistematika mid-dritt ta’ aċċess għad-data personali.

23.

Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2021, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tar-rikors tar-rikorrenti.

24.

Permezz ta’ rikors tal‑15 ta’ Ġunju 2021, il-kawża prinċipali tressqet quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). L-appellanti, essenzjalment, irrepetew il-kritika li huma kienu għamlu kontra l-Artikolu 42(2) tal-LPD kif ukoll it-talbiet li huma kienu ressqu fil-proċeduri tal-ewwel istanza.

25.

Il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija sostna li l-appell kellu jiġi miċħud.

26.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li taħt id-dritt Belġjan id-data pproċessata mis-servizzi tal-pulizija hija suġġetta għal sistema speċifika ta’ regoli. Skont l-Artikolu 42 tal-LPD, it-talbiet kollha bbażati fuq drittijiet relatati ma’ din id-data personali għandhom jiġu indirizzati lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. Dan il-korp sempliċement jinforma lis-suġġett tad-data li “l-verifiki neċessarji twettqu”.

27.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680 ma ġiex traspost b’mod korrett fid-dritt nazzjonali. L-ewwel, l-Artikolu 42 tal-LPD ma jipprevedix li l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju. It-tieni, il-LPD ma tippermettix l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju kontra l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija.

28.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddikjara, fl-ewwel lok, li r-rimedju stabbilit fl-Artikolu 240 tal-LPD, li jippermetti lis-suġġett tad-data jressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja, għandu jiġi eżerċitat kontra l-kontrollur tad-data.

29.

Fit-tieni lok, l-azzjoni għal inibizzjoni stabbilita fl-Artikolu 209 et seq tal-LPD ma tipprovdix lil BA rimedju effettiv kontra l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, l-ewwel, li r-rikors għandu jkun dirett kontra l-kontrollur tad-data. Għalhekk dan ma jistax jitressaq minn BA kontra l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. It-tieni, l-Artikolu 42 tal-LPD ma jippermettix li BA jressaq tali azzjoni kontra l-kontrollur tad-data, peress li l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu huwa fdat lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. It-tielet, l-informazzjoni fil-qosor ħafna pprovduta mill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija, skont l-Artikolu 42 tal-LPD, ma tippermettix la lil BA u lanqas lil qorti, fil-kuntest ta’ stħarriġ a posteriori, li jiddeterminaw jekk il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija eżerċitax id-drittijiet ta’ BA b’mod korrett.

30.

Finalment, għalkemm l-azzjoni għal inibizzjoni hija stabbilita fil-LPD “mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew ekstra ġudizzjarju ieħor” u mingħajr ma tillimita “l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza u tal-president tal-qorti tal-ewwel istanza li jkun qiegħed jisma’ proċeduri għal miżuri provviżorji” (Artikoli 209 u 219 tal-LPD), kull rimedju ieħor li BA jista’ jfittex li jeżerċita jaffaċċja, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-istess ostakoli.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikoli 47 u 8(3) tal-[Karta] jimponu l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju kontra l-awtorità ta’ superviżjoni [superviżorja] indipendenti bħall-Organe de contrôle de l’information policière (il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija) meta teżerċita d-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kontrollur tad-data?

(2)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva [2016/680] huwa konformi mal-Artikoli 47 u 8(3) tal-[Karta] kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jobbliga biss lill-awtorità superviżorja – li teżerċita d-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kontrollur tad-data – li tinforma lil din il-persuna ‘li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami’ u ‘dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju’, filwaqt li tali informazzjoni ma tkun tippermetti ebda superviżjoni a posteriori tal-azzjoni u tal-evalwazzjoni tal-awtorità superviżorja fir-rigward tad-data tas-suġġett tad-data u tal-obbligi li jaqgħu fuq il-kontrollur tad-data?”

32.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan, mir-Repubblika Ċeka, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-Gvern Belġjan sabiex jingħataw tweġiba bil-miktub. L-imsemmi gvern wieġeb fit-13 ta’ Marzu 2023. Ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fid-29 ta’ Marzu 2023.

III. Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

33.

Id-domandi preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni ta’ awtorità superviżorja, u l-portata u l-effikaċja tagħha f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità teżerċita d-drittijiet tas-suġġett tad-data f’isem dan is-suġġett tad-data, jiġifieri fejn id-drittijiet jiġu eżerċitati indirettament. Il-qorti tar-rinviju ma kkontestatx, bħala tali, l-istruttura tas-sistema Belġjana ta’ aċċess indirett tas-suġġetti tad-data. Madankollu, id-dritt għal rimedju effettiv huwa neċessarjament affettwat minn sistema fejn l-aċċess tas-suġġetti tad-data huwa prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Għaldaqstant huwa importanti, preliminarjament, li tiġi deskritta fil-qosor l-istruttura tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont id-Direttiva 2016/680, qabel ma jiġi eżaminat il-mod kif is-sistema Belġjana ta’ aċċess indirett tidħol f’din l-istruttura.

(a) Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont id-Direttiva 2016/680 u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet

34.

Id-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura u d-dritt li tinkiseb ir-rettifika tad-data huma element essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali sanċit fl-Artikolu 8(2) tal-Karta. B’mod ġenerali, id-dritt ta’ aċċess jaqdi żewġ għanijiet prinċipali, jiġifieri t-“titjib fit-trasparenza u l-iffaċilitar tal-kontroll” ( 9 ) [traduzzjoni libera]. Fil-fatt, kif enfasizzat mil-letteratura akkademika, dan isaħħaħ it-trasparenza peress li jipprovdi “saff ta’ informazzjoni ieħor, iktar fil-fond u iktar iddettaljat, li s-suġġett tad-data jista’ jikseb” ( 10 ) [traduzzjoni libera]. Id-dritt ta’ aċċess jiffaċilita l-kontroll peress li huwa prerekwiżit għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, jiġifieri d-dritt ta’ rettifika jew ta’ tħassir ta’ data personali jew li jintalab rimedju ġudizzjarju ( 11 ).

35.

Mill-premessa 7 tad-Direttiva 2016/680 isegwi li din id-direttiva hija intiża li tiżgura protezzjoni effikaċi tad-data personali fl-Unjoni kollha, li teżiġi li jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw id-data personali, kif ukoll setgħat ekwivalenti ta’ monitoraġġ u tal-iżgurar tal-osservanza tar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Membri. Dan huwa pass importanti l-quddiem meta mqabbel mas-sistema preċedenti taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas kien limitat għall-ipproċessar transkonfinali tad-data. Barra minn hekk, hija kienet tirrifletti l-“ispeċifiċitajiet tal-istruttura ‘tal-pilastri’ tal-UE ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona” ( 12 ) u ħalliet “ħafna lok għal manuvri […] tal-Istati Membri” ( 13 ). Meta mqabbel ma’ din is-sistema preċedenti, il-Kapitolu III tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi “arkitettura ġdida tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, bil-prinċipju li dawn għandhom id-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, sakemm dawk id-drittijiet ma jkunux ristretti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 14 ).

36.

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-kontrolluri tad-data għandhom jipprovdu ċerta informazzjoni lis-suġġetti tad-data (iktar ’il quddiem id-“dritt għall-informazzjoni”). L-Artikolu 14 jistabbilixxi li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur tad-data konferma dwar jekk hijiex qiegħda tiġi pproċessata data li tikkonċernah jew le u, fejn dan ikun il-każ, li jkollu aċċess għad-data personali u għal informazzjoni partikolari (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ aċċess”). L-Artikolu 16 jipprevedi li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur tad-data r-rettifika ta’ data personali mhux preċiża li tikkonċernah u d-dritt għat-tħassir ta’ data personali, jew, fejn applikabbli, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar”). Is-suġġett tad-data jista’, bħala prinċipju, jeżerċita d-drittijiet tiegħu direttament.

37.

Id-Direttiva 2016/680 tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw, kompletament jew parzjalment, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3), fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680. Essenzjalment, tali miżuri huma awtorizzati “sa fejn, u sakemm” jikkostitwixxu “miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata” sabiex jiġi ppreżervat għan speċifiku ta’ interess pubbliku, jiġifieri, li jiġi evitat it-tfixkil ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti uffiċjali jew ġudizzjarji, li jiġi evitat li jiġu ppreġudikati l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, li jiġu protetti s-sigurtà pubblika u s-sigurtà nazzjonali jew li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. L-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2016/680, jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu, kompletament jew parzjalment, taħt kwalunkwe wieħed minn dawn l-għanijiet.

38.

Fil-każ ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess, il-kontrollur tad-data għandu jinforma lis-suġġett tad-data, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680, mingħajr dewmien żejjed, bil-miktub, dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista’ titħalla barra meta l-għoti tagħha jippreġudika għan ta’ interess pubbliku li għalih isir riferiment fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva. Il-kontrollur tad-data għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jfittex rimedju ġudizzjarju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/680, meta d-dritt ta’ aċċess ikun ristrett jew irrifjutat, il-kontrollur tad-data għandu jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni u jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji.

39.

Mill-istruttura tad-drittijiet tas-suġġett tad-data previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2016/680 isegwi li r-regola ġenerali hija li, fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, is-suġġetti tad-data għandhom drittijiet dwar il-protezzjoni tad-data tagħhom u jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet direttament. Kull limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet hija eċċezzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 15 ). Barra minn hekk, jeżistu limitazzjonijiet għar-restrizzjonijiet marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni għar-restrizzjonijiet imposti u mal-fatt li s-suġġett tad-data għandu jiġi informat bħala konsegwenza. Huwa biss b’mod eċċezzjonali li tali informazzjoni tista’ titħalla barra.

40.

L-istess rabta bejn ir-regola u l-eċċezzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw “kategoriji ta’ pproċessar” li jistgħu jiġu kklassifikati, kompletament jew parzjalment, bħala għanijiet ta’ interess pubbliku, u għalhekk jippermettu li jiġi limitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13(3) jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680. Kif jenfasizza essenzjalment il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ( 16 ) fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2016/680, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jiddeterminaw dawn il-kategoriji ta’ pproċessar ma tippermettix “restrizzjonijiet ġenerali” fuq id-drittijiet għall-informazzjoni u għall-aċċess tas-suġġetti tad-data ( 17 ). Tali restrizzjonijiet ġenerali jagħtu lill-eċċezzjoni preċedenza fuq ir-regola, bir-riżultat li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu d-drittijiet tas-suġġett tad-data jitilfu, fil-parti l-kbira, s-sens tagħhom ( 18 ).

(b) Eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

41.

Id-dritt tas-suġġett tad-data li jikkuntattja direttament lill-kontrollur sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu huwa karatteristika importanti tad-Direttiva 2016/680. Din id-direttiva tiżgura l-eżerċizzju dirett tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data “bħala kwistjoni ta’ prinċipju” ( 19 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt ta’ aċċess dirett, sakemm ma tapplikax restrizzjoni. Meta tapplika restrizzjoni u d-dritt ta’ aċċess dirett għalhekk ma jkunx għadu disponibbli, is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu indirettament permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680.

42.

Kif indikaw kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, u kif jenfasizza wkoll il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2016/680, l-eżerċizzju indirett tad-drittijiet permezz tal-awtorità kompetenti huwa garanzija addizzjonali offruta lis-suġġetti tad-data fiċ-ċirkustanzi fejn japplikaw limitazzjonijiet ( 20 ). Id-definizzjoni tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet bħala garanzija addizzjonali tirrappreżenta progress importanti meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 ( 21 ). Fil-fatt, skont din id-deċiżjoni qafas, l-aċċess indirett kien jinsab fuq livell ugwali mal-aċċess dirett ( 22 ). Ikun kuntrarju għall-għan kollu tal-armonizzazzjoni mfittex mid-Direttiva 2016/680 jekk l-Istati Membri, minkejja l-iżviluppi ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-istruttura tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, jagħmlu l-possibbiltà ta’ aċċess indirett bħala l-unika triq disponibbli għas-suġġetti tad-data minflok triq addizzjonali għas-suġġetti tad-data.

(c) Is-sistema ta’ eżerċizzju indirett prevista fl-Artikolu 42 tal-LPD

43.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 huwa traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Artikolu 42 tal-LPD. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 42 tal-LPD tipprevedi li s-suġġetti tad-data għandhom jindirizzaw it-talbiet kollha tagħhom sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom relatati mas-servizzi tal-pulizija lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. It-tieni sentenza tal-Artikolu 42 tal-LPD tipprevedi li, meta l-kontrollur tad-data jirrestrinġi jew jirrifjuta l-aċċess, dan il-korp ta’ sorveljanza għandu jinforma lis-suġġett tad-data biss li l-verifiki kollha neċessarji twettqu.

44.

Jidhirli li l-Artikolu 42 tal-LPD jistabbilixxi sistema li tidderoga mill-prinċipju ta’ eżerċizzju dirett tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tad-data kollha pproċessata mis-servizzi tal-pulizija. Fil-fatt, fid-dawl tal-portata estremament wiesgħa tad-data li għaliha tapplika s-sistema ta’ deroga, din is-sistema tistabbilixxi eżenzjoni ġenerali mid-dritt ta’ aċċess dirett. Kif spjegat fl-osservazzjonijiet preliminari iktar ’il fuq, eżenzjoni daqstant wiesgħa u ġenerali mid-dritt ta’ aċċess dirett ma tistax titqies li hija kompatibbli mad-Direttiva 2016/680 ( 23 ). Kif essenzjalment indika l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) fl-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-LPD, il-bidla mis-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li teżerċita indirettament id-drittijiet tagħha għal sitwazzjoni li, minflok, tippermetti lil-korp leġiżlattiv jeżiġi l-eżerċizzju indirett ta’ tali drittijiet hija kuntrarja għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 ( 24 ).

45.

Is-sostituzzjoni tal-aċċess dirett għall-aċċess indirett skont l-Artikolu 42 tal-LPD hija saħansitra iktar problematika meta titqies fid-dawl tas-setgħat limitati tal-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, l-avukat ta’ dan il-korp ikkonferma li fil-kuntest tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jista’ biss jinforma lis-suġġett tad-data li jkunu twettqu l-verifiki kollha neċessarji. Madankollu, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ aċċess indirett hija l-eċċezzjoni li tippreżupponi li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data huma limitati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/680. B’kuntrast ma’ dan, fis-sistema Belġjana, is-suġġett tad-data huwa obbligat jitlob lill-awtorità superviżorja sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħu fir-rigward tad-data pproċessata mis-servizzi tal-pulizija. Huwa ma jistax jaċċessa d-data li tikkonċernah u ma jistax jikseb iktar minn konferma li l-verifiki kollha neċessarji jkunu twettqu. Il-korp leġiżlattiv nazzjonali jidher li stabbilixxa preżunzjoni sottostanti, li titbiegħed mid-Direttiva 2016/680, li – fir-rigward tad-data kollha pproċessata mill-pulizija – id-drittijiet tas-suġġetti tad-data huma dejjem limitati u li l-aċċess dirett ma huwiex possibbli.

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 42 tal-LPD jistabbilixxi sistema ta’ eżerċizzju indirett ta’ drittijiet inkompatibbli mal-modalità għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbilita mid-Direttiva 2016/680. Huwa fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni li d-domandi preliminari ser jiġu eżaminati.

Dwar l-ewwel domanda

47.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tipprevedi kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta li tkun utli għaliha u li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Għalhekk, jekk ikun neċessarju, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Għal dawn il-finijiet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 25 )

48.

Fil-kawża ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa ċar li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680. Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li s-suġġett tad-data għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu rimedju ġudizzjarju kontra awtorità superviżorja indipendenti meta jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz ta’ din l-awtorità superviżorja.

49.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda peress li hija tqis li d-dritt Belġjan ma jipprevedix dritt għal stħarriġ ġudizzjarju kontra awtorità superviżorja meta din tal-aħħar teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data. F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel, li din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod korrett fid-dritt nazzjonali, peress li l-Artikolu 42 tal-LPD ma jimponix fuq l-awtorità superviżorja l-obbligu li tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju. It-tieni, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-ebda dispożizzjoni oħra tal-LPD, b’mod partikolari l-Artikoli 209 et seq u 240 tagħha, ma jippermettu li s-suġġett tad-data jippreżenta rikors kontra l-awtorità superviżorja fil-każ ta’ eżerċizzju indirett tad-drittijiet tiegħu ( 26 ).

50.

Il-Gvern Belġjan sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, indipendentement mill-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 209 tal-LPD, l-ordinament ġuridiku Belġjan jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju effettiv fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-miżuri speċifiċi fil-LPD huma mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati ċivili. Madankollu, il-Gvern Belġjan ġustament ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni fuq il-bażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Għall-kuntrarju, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 27 ).

(a) Fuq ir-rimedji disponibbli għas-suġġett tad-data

51.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk suġġett tad-data għandux dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra l-awtorità superviżorja fil-każ ta’ eżerċizzju indirett tad-drittijiet tiegħu, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/680 tipprevedi, fil-Kapitolu VIII tagħha, diversi rimedji disponibbli għas-suġġetti tad-data. Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2016/680. L-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi li s-suġġetti tad-data għandhom dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernahom. L-Artikolu 53(2) jipprevedi li kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja ma tindirizzax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment. Barra minn hekk, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur tad-data jew proċessur meta jqisu li d-drittijiet tagħhom inkisru b’riżultat tal-ipproċessar illegali tad-data personali tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jistabbilixxu li kull wieħed minn dawn ir-rimedji huwa disponibbli “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor”.

52.

Fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-awtorità superviżorja, il-premessa 86 tad-Direttiva 2016/680 tistabbilixxi li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat kontra “deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw dik il-persuna”. L-istess premessa tiddikjara li tali deċiżjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, l-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat investigattivi, korrettivi u ta’ awtorizzazzjoni, kif ukoll iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta’ lmenti, iżda li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix “miżuri oħrajn tal-awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja”.

53.

Mill-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-premessa 86 tagħha, isegwi li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikkontesta deċiżjoni jew miżura ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali vinkolanti.

54.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrikonoxxut lil kull persuna li tinvoka drittijiet jew libertajiet żgurati mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju b’tali mod li tippreġudika dawn id-drittijiet jew dawn il-libertajiet ( 28 ).

55.

Wara dan, għandu jiġi indikat li l-atti li jikkawżaw preġudizzju lil persuna huma “l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu” ( 29 ). F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li tiġi evalwata s-sustanza ta’ dan l-att u li dawn l-effetti jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu ( 30 ).

(b) Is-setgħat tal-awtorità superviżorja fil-kuntest tal-eżerċizzju indirett ta’ drittijiet

56.

Fid-dawl tal-elementi li jiddeterminaw att li jikkawża preġudizzju lil persuna, sabiex jiġi ddeterminat jekk awtorità superviżorja tadottax deċiżjoni legalment vinkolanti, meta hija teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data, konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kontenut jew is-sustanza tal-att ta’ awtorità superviżorja billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ dan l-att u s-setgħat ta’ din l-awtorità.

57.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sustanza tal-att tal-awtorità superviżorja, għandu jiġi ċċarat mill-bidu li l-kapaċità ta’ att li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tiġi evalwata fid-dawl biss tal-fatt li dan l-att għandu l-forma ta’ posta elettronika (bħalma kien il-każ fil-kawża prinċipali), sa fejn dan iwassal sabiex il-forma tal-att li huwa s-suġġett tar-rikors tipprevali fuq is-sustanza stess tal-imsemmi att ( 31 ).

58.

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati “permezz” tal-awtorità superviżorja kompetenti. Il-premessa 48 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-awtorità superviżorja taġixxi “f’isem” is-suġġett tad-data. Skont l-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, l-awtorità superviżorja għandha “tinforma” lis-suġġett tad-data li jkunu saru l-verifiki kollha neċessarji jew rieżami mill-awtorità superviżorja.

59.

Il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jsostni li mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet isegwi li awtorità superviżorja sempliċement teżerċita mandat f’isem is-suġġett tad-data u taġixxi bħala “messaġġier” li sempliċement jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data. Għaldaqstant, l-att adottat minn din l-awtorità ma jistax jitqies li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Il-Gvern Ċek iressaq argument simili.

60.

Ma nikkontestax li l-formulazzjoni użata fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data “permezz” tal-awtorità superviżorja jew tal-awtorità superviżorja li taġixxi “f’isem” is-suġġett tad-data, ikkunsidrata waħedha, tista’ tinftiehem bħala li tissuġġerixxi li l-awtorità superviżorja għandha sempliċiment il-mandat li tipprovdi l-informazzjoni.

61.

Madankollu, inqis li eżami tal-kuntest tal-att u s-setgħat tal-awtorità superviżorja ma jikkorroborax l-argument ta’ sempliċi mandat. Fil-kuntest tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, ir-rwol tal-awtorità superviżorja jmur ferm lil hinn milli taġixxi b’mod simili għal “aġent” tas-suġġett tad-data, bħala “messaġġier” jew bħala intermedjarju. Kif ser nuri, il-korp leġiżlattiv tal-Unjoni, għall-kuntrarju, ta lill-awtorità superviżorja rwol ewlieni u attiv fil-verifika tal-legalità ta’ pproċessar ta’ data li jista’ jitwettaq biss minn awtorità pubblika.

62.

B’mod iktar preċiż, kif sostnew il-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-kompetenza, l-inkarigi u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji indipendenti. L-Artikolu 46(1)(g) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awtorità superviżorja għandha “tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17, u tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar”.

63.

Il-Gvern Belġjan enfasizza ġustament fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-inkarigu speċifiku ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar juri li r-rwol ta’ awtorità superviżorja ma huwiex limitat għal sempliċi aġir bħala “messaġġier” bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur. Minflok, din l-awtorità twettaq evalwazzjoni ġuridika xierqa tal-legalità tal-ipproċessar.

64.

Barra minn hekk, sabiex teżerċita r-rwol tagħha ta’ verifika indipendenti tal-legalità tal-ipproċessar, kull awtorità superviżorja għandha ċerti setgħat ta’ infurzar konformement mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2016/680. Dawn is-setgħat huma “setgħat investigattivi effettivi”, li jinkludu minn tal-inqas is-“setgħa li tikseb mill-kontrollur u l-proċessur aċċess għad-data personali kollha li qegħdin jiġu pproċessati” kif ukoll setgħat “korrettivi”, inkluża s-setgħa li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 47(5). l-awtoritajiet superviżorji għandhom is-setgħa li jibdew proċeduri ġudizzjarji sabiex jinfurzaw ir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data adottati skont id-Direttiva 2016/680. Naqbel mal-Kummissjoni, li enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-awtorità superviżorja tista’ teżerċita dawn is-setgħat biss f’isimha stess bħala awtorità pubblika u mhux bħala sempliċi aġent jew f’isem is-suġġett tad-data.

65.

Meta l-awtorità superviżorja tinforma lis-suġġett tad-data bl-eżitu tal-verifika li tkun wettqet skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 46(1)(g) tad-Direttiva 2016/680, din tkun neċessarjament waslet fi tmiem proċess deċiżjonali fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar. Is-sitwazzjoni legali tas-suġġett tad-data hija għalhekk affettwata, (i) mill-kwistjoni dwar jekk l-awtorità superviżorja wettqitx b’mod korrett il-missjoni tagħha li “tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17” u (ii) mill-konklużjoni magħmula minn din l-awtorità wara dan il-proċess.

66.

Ir-rikonoxximent lill-awtorità superviżorja ta’ rwol awtonomu skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, għall-kuntrarju tar-rwol ta’ sempliċi intermedjarju, huwa kkorroborat minn interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-Karta. L-Artikolu 8(3) tal-Karta jafda lil awtorità indipendenti l-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u b’mod iktar partikolari tad-dritt ta’ aċċess għad-data. Ir-rwol tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandu sinjifikat kostituzzjonali minħabba r-riferiment għalih fil-Karta. Hija l-awtorità superviżorja li għandha r-rwol ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Interpretazzjoni li skontha din l-awtorità taġixxi separatament mill-persuna kkonċernata meta teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data tippromwovi r-rwol kostituzzjonali tal-awtorità superviżorja.

67.

Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li l-awtorità superviżorja taġixxi b’mod simili għal “aġent” tas-suġġett tad-data, din l-awtorità tkun obbligata li tirrispondi għas-suġġett tad-data bħala l-mandant tagħha. Madankollu, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija jsostni li huwa ma għandux is-setgħa li jipprovdi iktar informazzjoni lis-suġġett tad-data. Dan l-approċċ iwassal għal sitwazzjoni partikolari fejn aġent ikun iktar informat mill-prinċipal tiegħu.

68.

Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna, essenzjalment, li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li fiha awtorità superviżorja tindirizza lmenti, skont l-Artikolu 46(1)(f) tad-Direttiva 2016/680, din l-awtorità ma għandhiex setgħat kontra l-kontrollur tad-data, skont l-Artikolu 46(1)(g). Skont il-Gvern Franċiż, peress li s-suġġett tad-data ma għandux setgħat fil-konfront tal-kontrollur tad-data meta jeżerċita direttament id-drittijiet tiegħu, huwa ma jistax ikollu dawn is-setgħat meta jeżerċita indirettament dawn id-drittijiet permezz tal-awtorità superviżorja. Il-Gvern Franċiż sostna li l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2016/680 jikkonċerna biss is-setgħat eżerċitati mill-awtorità superviżorja f’isimha stess, iżda mhux il-kompetenzi eżerċitati f’isem is-suġġett tad-data.

69.

Il-fehma tal-Gvern Franċiż hija bbażata, essenzjalment, fuq l-argument li l-awtorità superviżorja taġixxi sempliċement bħala intermedjarju tas-suġġett tad-data. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, ma nikkondividix tali interpretazzjoni li tnaqqas ir-rwol tal-awtorità superviżorja. L-eżerċizzju indirett tad-drittijiet ta’ suġġett tad-data għandu jkollu valur miżjud, li jipprovdi garanzija addizzjonali u salvagwardja għas-suġġett tad-data. Li kieku l-awtorità kellha sempliċement tikkonferma, fiċ-ċirkustanzi kollha, li l-verifiki neċessarji twettqu mingħajr ma tkun tista’ teżerċita s-setgħat tagħha, ir-rwol tagħha ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar ikollu valur miżjud limitat.

70.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data “tal-inqas” li saru l-verifiki kollha neċessarji. Dan ifisser li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom l-awtorità superviżorja tista’ jew għandha tmur lil hinn minn tali informazzjoni minima. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 46(1)(g) tad-Direttiva 2016/680, li jinkariga lill-awtorità superviżorja sabiex tivverifika l-legalità tal-ipproċessar konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 u sabiex tinforma lis-suġġett tad-data bl-eżitu tal-verifika skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. L-“eżitu tal-iċċekkjar” jinkludi, iżda mhux dejjem huwa limitat għall-provvista tal-informazzjoni minima.

71.

Kif indikat il-Kummissjoni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtorità superviżorja. Huwa ma jagħtix diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex inaqqsu r-rwol tal-awtorità għal dak ta’ messaġġier jew sabiex ineħħu kompletament il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din l-awtorità billi jipprevedi li hija għandha tipprovdi biss informazzjoni minima. Fil-fatt, li kieku Stat Membru jkun jista’ jiddevja mid-Direttiva 2016/680 u jagħti inqas setgħat lill-awtoritajiet superviżorji, dan ikun jippreġudika serjament l-għan tat-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u tal-armonizzazzjoni tas-setgħat ta’ monitoraġġ u l-iżgurar tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri. Dan ikun jippreġudika wkoll l-għan ta’ titjib tat-trasparenza u tal-kontroll imfittex minn din id-direttiva.

72.

Waqt is-seduta, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija esprima tħassib dwar ir-rikonoxximent ta’ rwol li jmur lil hinn minn dak ta’ sempliċi eżerċizzju ta’ mandat f’isem is-suġġett tad-data. Huwa sostna li fil-kuntest tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, l-awtorità superviżorja ma tistax tiddeċiedi dwar jekk azzjoni tal-kontrollur tad-data hijiex opportuna u lanqas ma tista’ tibbilanċja l-interessi involuti fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti. Dan il-korp sostna li kieku dan ma jkunx il-każ, huwa jkun obbligat jissostitwixxi ruħu għall-kontrollur tad-data, li jkun imur kontra l-indipendenza tiegħu.

73.

F’dan ir-rigward, id-diskrezzjoni tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 ma għandiex tinftiehem bħala setgħa li tissostitwixxi lill-kontrollur tad-data u li tagħti aċċess awtomatiku għall-informazzjoni li l-kontrollur tad-data jkun irrifjuta li jiżvela. Permezz tal-indipendenza tagħha, l-awtorità superviżorja tidħol fi djalogu kunfidenzjali mal-kontrollur tad-data sabiex tivverifika l-legalità tal-ipproċessar. Kif essenzjalment argumentat il-Kummissjoni, dan id-djalogu jista’ jiġi dedott mill-obbligu tal-kontrollur impost fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/680 li huwa jipprovdi lill-awtorità superviżorja r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi limitat id-dritt ta’ aċċess.

74.

Fil-kuntest ta’ dan id-djalogu, jekk l-awtorità superviżorja tqis li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġett tad-data ma humiex iġġustifikati, hija għandha tagħti l-opportunità lill-kontrollur tad-data li jirrimedja din is-sitwazzjoni. Wara dan id-djalogu, l-Artikolu 17(3) jagħti lill-awtorità superviżorja marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-portata tal-informazzjoni li hija tista’ tiżvela lis-suġġett tad-data dwar l-eżitu tal-verifika tagħha. Id-determinazzjoni tal-portata tal-informazzjoni li tista’ tiżvela għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja għandha tkun kapaċi tiżgura l-osservanza tar-regoli tad-Direttiva 2016/680 u teżerċita s-setgħat stabbiliti taħt l-Artikolu 47 tagħha. Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda limitazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat fil-kuntest tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, is-setgħat effettivi tal-awtorità superviżorja huma kontropiż neċessarju u b’saħħtu għal-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data.

(c) Ġerarkija ta’ rimedji ġudizzjarji

75.

Finalment, il-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija u l-Gvern Ċek ressqu argument dwar il-ġerarkija tar-rimedji ġudizzjarji. Huma jsostnu, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet permezz tal-awtorità superviżorja, id-dritt li jitfittex rimedju ġudizzjarju għandu jiġi eżerċitat kontra l-kontrollur tad-data, skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, u mhux kontra l-awtorità superviżorja, ħlief jekk din tal-aħħar ma taġixxix.

76.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 ma jsegwi li r-rimedji previsti minn din id-direttiva jeskludu lil xulxin reċiprokament. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 52, 53 u 54 tad-Direttiva 2016/680 li għalihom sar riferiment iktar ’il fuq ( 32 ) isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet joffru diversi rimedji ġudizzjarji lill-persuni li jinvokaw ksur ta’ dan ir-regolament, peress li kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat “mingħajr preġudizzju” għall-oħrajn ( 33 ). Għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-relazzjoni tar-rimedji previsti mir-Regolament (UE) 2016/679 ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Nemzeti, li dan ir-regolament “ma jipprevedix kompetenza prijoritarja jew esklużiva u lanqas ebda regola ta’ supremazija tal-evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmija awtorità jew il-qrati li huma msemmija fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament” ( 35 ).

77.

Kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż u tal-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija, jiena tal-fehma li r-raġunament fis-sentenza Nemzeti japplika b’analoġija fir-rigward tar-rimedji previsti mid-Direttiva 2016/680. L-ewwel, ir-rimedji disponibbli għas-suġġett tad-data kontra l-awtorità superviżorja u l-kontrollur tad-data skont ir-Regolament 2016/679 u d-Direttiva 2016/680 huma simili. It-tieni, il-premessa 7 tad-Direttiva 2016/680 tiddikjara li l-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data ( 36 ). L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ diversi rimedji jsaħħaħ l-għan, anki dan stabbilit fil-premessa 85 tad-Direttiva 2016/680, li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta jiġi żgurat fir-rigward ta’ kull suġġett tad-data li jqis li d-drittijiet tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-direttiva nkisru.

78.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-rimedju kontra l-awtorità superviżorja u r-rimedju kontra l-kontrollur tad-data għandhom għanijiet differenti. Minn naħa, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-għan ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-kontrollur tad-data għal-limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data huwa li jinkiseb stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680 ġewx applikati korrettament. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ rikors kontra l-awtorità superviżorja huwa li jinkiseb stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk l-Artikolu 17 u l-Artikolu 46(1)(g) tad-Direttiva 2016/680 ġewx applikati korrettament, li jinvolvi l-kunsiderazzjoni dwar jekk din l-awtorità superviżorja eżerċitatx b’mod korrett l-inkarigu tagħha li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar.

79.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja ma tkunx koerenti u tkun inkompleta jekk is-suġġett tad-data jkun jista’ jikkontesta biss in-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità superviżorja meta l-azzjonijiet tagħha u l-modalità kif din l-awtorità tissodisfa l-obbligi tagħha ġew esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju.

80.

Fi kwalunkwe każ, fil-kawża prinċipali, jidher impossibbli li jiġi ppreżentat rikors kontra l-kontrollur tad-data. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li s-suġġetti tad-data ma jistgħux jippreżentaw rikors kontra l-kontrollur tad-data peress li l-eżerċizzju tad-drittijiet kollha tagħhom huwa fdat lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. Barra minn hekk, il-Ligue des droits humains sostniet li, taħt is-sistema Belġjana tal-bażijiet tad-data tal-pulizija, huwa diffiċli ħafna għas-suġġett tad-data li mqar jidentifika lill-kontrollur tad-data. F’tali ċirkustanzi, is-suġġett tad-data jirriskja li jiġi kompletament imċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li huwa ma jafx min huwa l-kontrollur tad-data u anki jekk dan ikun magħruf, huwa ma għandu l-ebda dritt li jindirizza direttament lill-kontrollur tad-data. Barra minn hekk, huwa ma jistax jikkontesta l-azzjoni tal-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija. Jidhirli li s-suġġett tad-data huwa kkonfrontat b’sistema fejn “il-bibien kollha huma magħluqin” għalih, li jmur kontra d-Direttiva 2016/680.

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(g) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li s-suġġett tad-data jkollu disponibbli rimedju ġudizzjarju kontra awtorità superviżorja indipendenti meta dan is-suġġett tad-data jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz ta’ din l-awtorità sa fejn dan ir-rimedju jikkonċerna l-inkarigu ta’ din l-awtorità superviżorja li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar.

Fuq it-tieni domanda

82.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 huwiex kompatibbli mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn jimponi fuq l-awtorità superviżorja biss l-obbligu li tinforma lis-suġġett tad-data, (i) li “jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami” u (ii) “dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju”, filwaqt li tali informazzjoni ma tkun tippermetti ebda superviżjoni a posteriori tal-azzjoni u tal-evalwazzjoni tal-awtorità superviżorja fir-rigward tad-data tas-suġġett tad-data u tal-obbligi li jaqgħu fuq il-kontrollur tad-data.

83.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jaffettwax il-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt primarju ( 37 ).

84.

Kif ġie spjegat fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari u fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data huwa possibbli permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jkunu limitati skont l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2016/680. Il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġett tad-data huma awtorizzati biss jekk jikkostitwixxu miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’rispett dovut għad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex jiġi ssalvagwardjat għan speċifiku ta’ interess pubbliku stabbilit f’dawk id-dispożizzjonijiet.

85.

Il-kwistjoni li tqum hija dwar sa fejn il-kontenut tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità superviżorja li teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data jippermetti li s-suġġett tad-data jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

86.

F’dan ir-rigward, diġà tfakkar fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi rrikonoxxut lil kull persuna li tinvoka drittijiet jew libertajiet żgurati mid-dritt tal-Unjoni kontra deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u li hija ta’ natura li tippreġudika dawn id-drittijiet jew libertajiet ( 38 ).

87.

Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li, konformement mal‑Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għalih, bil‑kundizzjoni (i) li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, (ii) li josservaw l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u, (iii) li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma jkunu meħtieġa u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ( 39 ).

88.

Fil-kuntest tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet permezz tal-awtorità superviżorja, għandu jiġi enfasizzat li hija l-limitazzjoni għad-drittijiet tas-suġġett tad-data li tixkatta l-possibbiltà ta’ eżerċizzju indirett. L-awtorità superviżorja hija inkarigata li taġixxi f’każ li, eċċezzjonalment, dritt ikun limitat, inkluż fejn, skont iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal din il-limitazzjoni titħalla barra mill-kontrollur tad-data ( 40 ). Kif intwera fit-tul fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda, fl-eżerċizzju ta’ dan l-inkarigu, l-awtorità superviżorja ma għandhiex ir-rwol li taġixxi bħala sempliċi “messaġġier”, iżda pjuttost li tiżgura l-legalità tal-ipproċessar.

89.

Il-livell ta’ informazzjoni li l-awtorità superviżorja tista’ tiżvela lis-suġġett tad-data jiddependi neċessarjament fuq ir-raġunijiet li skattaw il-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess. Iktar ma jkunu serji r-raġunijiet għal-limitazzjoni u, possibbilment, għall-ommissjoni ta’ informazzjoni, inqas informazzjoni tkun tista’ tiġi pprovduta mill-awtorità superviżorja. Kuntrarjament għall-preżunzjoni li fuqha hija bbażata l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, mill-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2016/680 ma jirriżultax li l-awtorità superviżorja tista’ “biss” tikkonferma, fiċ-ċirkustanzi kollha, li saru l-verifiki kollha neċessarji. Għall-kuntrarju, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità superviżorja għandha tindika “tal-inqas” li jkunu saru l-verifiki kollha neċessarji jew rieżami mill-awtorità superviżorja.

90.

Minn dan isegwi li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità superviżorja ma tistax tiġi ddeterminata minn qabel. Fi kliem ieħor, il-kontenut minimu previst fl-Artikolu 17(3) ma huwiex l-uniku kontenut possibbli. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-livell ta’ informazzjoni għandu jiġi ddeterminat każ b’każ u jista’ jvarja skont iċ-ċirkustanzi u l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sabiex tiġi pprovduta illustrazzjoni, kif irrilevat ġustament fil-letteratura akkademika ( 41 ), ma jidhirx li huwa problematiku li l-awtorità superviżorja tindika lis-suġġett tad-data li żball ortografiku wassal għall-preżenza ta’ isem l-imsemmi suġġett tad-data f’bażi tad-data tal-pulizija.

91.

Għandu jiġi rrilevat li l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi kienet tipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji, minbarra l-informazzjoni minima, kienu obbligati jinformaw lis-suġġett tad-data “dwar l-eżitu fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni” ( 42 ). Din l-aħħar biċċa informazzjoni – jiġifieri l-eżitu fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar – ma kinitx tinsab fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680. Madankollu, dan ma jfissirx li eventwali ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data jista’ jiġi ttollerat. Fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, enfasizzajt li l-awtorità superviżorja hija involuta fi djalogu kunfidenzjali mal-kontrollur tad-data. Jekk l-awtorità superviżorja tqis li l-ipproċessar huwa illegali, hija għandha toffri lill-kontrollur tad-data l-opportunità li jirrimedja s-sitwazzjoni. Madankollu, jekk is-sitwazzjoni ma tiġix irrimedjata, l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2016/680 jagħti lill-awtorità superviżorja setgħat ta’ infurzar li għandhom jiġu eżerċitati. F’tali sitwazzjoni, ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li l-awtorità superviżorja tirrapporta lill-parlament nazzjonali, kif issuġġerixxa l-Korp ta’ Sorveljanza tal-Informazzjoni tal-Pulizija waqt is-seduta. Hija għandha teżerċita s-setgħa tagħha sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji dwar ksur tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u fejn ikun xieraq, li tibda jew b’mod ieħor tidħol fi proċeduri ġudizzjarji skont l-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2016/680.

92.

L-interpretazzjoni li tgħid li l-awtorità superviżorja għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data hija kkorroborata wkoll mill-importanza kostituzzjonali tar-rwol tal-awtoritajiet superviżorji indipendenti stabbilit fl-Artikolu 8(3) tal-Karta.

93.

Dan espost, jistgħu jeżistu ċirkustanzi li fihom l-awtorità superviżorja tqis li ma tistax tmur lil hinn mill-iżvelar tal-informazzjoni minima, jiġifieri li jkunu twettqu l-verifiki kollha neċessarji. F’tali ċirkustanzi, l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju jkun impossibbli sakemm il-qorti inkarigata mill-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ma tkunx tista’ teżamina r-raġunijiet kollha li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal-kontrollur tad-data li jillimita l-aċċess.

94.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li l-kontrollur tad-data għandu jiddokumenta r-raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni dwar il-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess u li għandu jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji. Kif enfasizza l-Parlament Ewropew, għandu jiġi aċċettat li, għalkemm din l-informazzjoni hija għad-dispożizzjoni tal-awtorità superviżorja, din għandha wkoll titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja meta s-suġġett tad-data jeżerċita d-dritt tiegħu li jfittex stħarriġ tad-deċiżjoni tal-kontrollur tad-data u/jew tad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja.

95.

Min-naħa l-oħra, fil-każijiet eċċezzjonali li fihom il-kontrollur tad-data ma jipprovdix informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rifjut jew għal-limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-awtorità superviżorja tipprovdi biss l-informazzjoni minima, jiġifieri, li l-verifiki neċessarji kollha twettqu, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fl-Istat Membru kkonċernat għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u tapplika regoli ta’ dritt proċedurali li jakkomodaw, minn naħa, kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ sigurtà pubblika jew ta’ interess pubbliku fir-rigward tan-natura u tas-sorsi tal-informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet proċedurali ta’ individwu, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju tal-kontradittorju ( 43 ).

96.

Għal dan il-għan, skont ir-raġunament fil-ġurisprudenza li ssegwi mis-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363; iktar ’il quddiem is-“sentenza ZZ”), l-Istati Membri huma marbuta jipprevedu, l-ewwel, stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali, kif ukoll, it-tieni, tekniċi u regoli dwar dan l-istħarriġ, kif imsemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 44 ).

97.

Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li l-isfond tas-sentenza ZZ kien differenti minn dak tal-kawża prinċipali, peress li s-sentenza ZZ kienet tikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ammissjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ZZ, li huwa bbażat fuq is-sentenza Kadi ( 45 ), huwa bbażat fuq ir-rekwiżit li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sigurtà tal-Istat u dawk tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Mistoqsi waqt is-seduta, l-avukat tal-Gvern Franċiż aċċetta li minn din il-ġurisprudenza essenzjalment isegwi li ma hemmx segretezza quddiem il-qorti. Konsegwentement, inqis li din il-ġurisprudenza għandha tapplika wkoll, b’analoġija, fil-kuntest tad-Direttiva 2016/680 meta l-awtoritajiet kompetenti jqisu li raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew kwalunkwe raġuni oħra ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet ta’ suġġetti tad-data jostakolaw żvelar preċiż u komplet tal-motivi ta’ tali deċiżjoni li tiġi applikata limitazzjoni.

98.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 huwa kompatibbli mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn (i) l-awtorità superviżorja tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tmur lil hinn milli tiddikjara li l-verifiki neċessarji kollha twettqu u (ii) is-suġġett tad-data għandu għad-dispożizzjoni tiegħu stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni meħuda u tal-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità superviżorja fir-rigward tal-imsemmi suġġett tad-data fid-dawl tal-obbligi tal-kontrollur tad-data.

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-validità tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 ma hijiex ikkontestata.

III. Konklużjoni

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 46(1)(g) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li s-suġġett tad-data għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu rimedju ġudizzjarju kontra awtorità superviżorja indipendenti meta l-imsemmi suġġett tad-data jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz ta’ din l-awtorità sa fejn dan ir-rimedju jikkonċerna l-inkarigu ta’ din l-awtorità superviżorja li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar.

(2)

Il-validità tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 ma hijiex ikkontestata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6)

( 3 ) Premessa 10 tad-Direttiva 2016/680.

( 4 ) Premessa 2 tad-Direttiva 2016/680.

( 5 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2016/680.

( 6 ) Brewczynska, M., “A critical reflection on the material scope of the application of the Law Enforcement Directive and its boundaries with the General Data Protection Law” f’Kosta, E., Leenes, R. u Kamara, I. (edituri) Research Handbook on EU data protection law, 2022, Edward Elgar, p. 105.

( 7 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008 L 350, p. 60).

( 8 ) Vogiatzoglou, P. and Marquenie, T., Assessment of the Implementation of the Law Enforcement Directive (Evalwazzjoni tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi), Studju mitlub mill-Kumitat LIBE, il-Parlament Ewropew, id-Direttorat għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u għall-Affarijiet Kostituzzjonali, Novembru 2022 (iktar ’il quddiem l-“Evalwazzjoni tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi”), p. 54.

( 9 ) Zanfir-Fortuna, G., “Article 15. Right of access by the data subject”, f’Kuner, C, Bygrave, L. u Docksey, C. (edituri), The EU General Data Protection Regulation, (GDPR), A Commentary, Oxford University Press, Oxford, OUP, 2020, p. 452.

( 10 ) Ibid.

( 11 ) Kranenborg, H., “Article 8 - Protection of personal data”, f’Peers, S. et al. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights, A Commentary, Hart Publishing, 2021, p. 272, punt 08.171. Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 51 u 52) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).

( 12 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt, 25.1.2012, (SEG(2012) 73 finali), p. 3.

( 13 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali millawtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta, (COM(2012) 10 final, 25.1.2012 (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi”), p. 2.

( 14 ) Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29, Opinjoni dwar ċerti kwistjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-liġi (UE 2016/680), 29 ta’ Novembru 2017, 17/EN WP 258 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal-GĦ tal-Artikolu 29 dwar id-Direttiva 2016/680”), p. 24 (enfasi miżjuda minni).

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Eurocostruzioni (C‑31/21, EU:C:2023:136, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ġie stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) bħala korp konsultattiv Ewropew indipendenti dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Mill‑25 ta’ Mejju 2018 dan ma baqax jeżisti u ġie ssostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB).

( 17 ) Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar id-Direttiva 2016/680, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4, p. 18 u 24.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2022:702, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), Opinjoni 6/2015, Pass ġdid lejn protezzjoni tad-data komprensiva tal-Unjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS dwar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fis-Setturi tal-Pulizija u l-Ġustizzja, 28 ta’ Ottubru 2015, p. 7.

( 20 ) Ara l-Opinjoni tal-GĦ tal-Artikolu 29 dwar id-Direttiva 2016/680, p. 23.

( 21 ) Evalwazzjoni tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8, p. 57. Isegwi mill-Artikolu 17(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977, li s-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess fir-rigward tal-kontrollur tad-data jew tal-awtorità superviżorja nazzjonali u li huma jistgħu jiksbu konferma tat-trażmissjoni tad-data tagħhom u tal-komunikazzjoni tagħha jew, tal-inqas, konferma mill-awtorità superviżorja nazzjonali li jkunu saru l-verifiki kollha neċessarji.

( 22 ) Ara l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977.

( 23 ) Ninnota li l-Evalwazzjoni tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8, p. 62, iqis li t-traspożizzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2016/680 mil-leġiżlatur Belġjan bħala “lampanti ħafna” peress li toffri lis-suġġetti tad-data “biss il-possibbiltà li jeżerċitaw indirettament id-drittijiet tagħhom, permezz tal-awtorità superviżorja nazzjonali, ovvjament kontra l-formulazzjoni ta’ [din id-direttiva]” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 24 ) Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), taqsima leġiżlattiva, Opinjoni 63.192/2 tad‑19 ta’ April 2018, p. 32 (enfasi miżjuda minni).

( 25 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Wild fil-ġuf fil-mument tal-applikazzjoni għall-ażil) (C‑745/21, EU:C:2023:113, punt 43).

( 26 ) Ara l-punti 27 sa 30 iktar ’il fuq.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 25).

( 28 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, dwar l-atti li jikkawżaw preġudizzju lil persuna fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 95).

( 30 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 96). Dawn l-elementi huma wkoll determinanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att tal-Unjoni jipproduċix effetti legali vinkolanti u għalhekk jistax ikun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF (C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 38).

( 31 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni (C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 97).

( 32 ) Punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 34).

( 34 ) Artikolu 77(1). Artikolu 78(1) u Artikolu 79(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

( 35 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023 Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 35).

( 36 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-premessa 11 tar-Regolament 2016/679, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 42).

( 37 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 39 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara l-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Dimitrova, D.; de Hert, P., “The right of access under the Police Directive’: Small steps forward”, f’Medina, M. et al. (edituri), Privacy technologies and policy: 6th Annual Privacy Forum, APF 2018, Springer International Publishing, 2018, p. 123.

( 42 ) Ara l-Artikolu 14 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi. L-Artikolu 45(1)(c) ta’ din il-proposta ppreveda “obbligu” tal-awtorità superviżorja li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar ta’ data skont l-Artikolu 14 u li tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli “dwar l-eżitu tal-iċċekkjar jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar”.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363; punt 57).

( 44 ) Ibid, punt 58.

( 45 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461).