KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑22 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑321/22

ZL,

KU,

KM

vs

Provident Polska S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście f’Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Krediti għall-konsum – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 6 u 7 – Azzjoni dikjaratorja – Interess ġuridiku – Konsegwenzi relatati man-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Dritt għall-ħlas lura – Prinċipju ta’ effettività”

1.

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-relazzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ) u l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li bis-saħħa tagħha dawn tal-aħħar jiddefinixxu l-modalitajiet li taħthom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jkunu mmaterjalizzati.

2.

Il-modalità inkwistjoni hija dik tal-interess ġuridiku, li l-eżistenza tiegħu hija meħtieġa għall-finijiet ta’ rikorsi intiżi biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4.

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Pollakk

5.

L-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 4), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), tipprovdi fl-Artikolu 189 tagħha:

“Rikorrent jista’ jitlob lil qorti sabiex tikkonstata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt, sakemm ikollu interess ġuridiku.”

6.

Skont l-Artikolu 316(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Wara l-għeluq tas-seduta, il-qorti għandha tagħti s-sentenza tagħha, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni kif teżisti fl-għeluq tas-seduta; b’mod partikolari, il-fatt li dejn ikun sar dovut fil-mori tal-kawża ma jipprekludix sentenza li tordna l-ħlas tiegħu.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

7.

Provident Polska S.A. jew IPF Polska sp. z o.o., il-kumpannija li d-drittijiet tagħha Provident Polska akkwistat, ikkonkludiet ftehimiet ta’ kreditu għall-konsum ma’ ZL, KU u KM. Dawn tal-aħħar ippreżentaw separatament rikorsi quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście f’Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-kuntratti li jorbtuhom ma’ Provident Polska, fil‑15 ta’ April, fis‑17 ta’ Mejju u fl‑14 ta’ Settembru 2021 rispettivament.

8.

Fl-aħħar stadju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, kull waħda talbet, essenzjalment, li jiġi kkonstatat li l-klawżoli tal-kuntratt konkluż ma’ Provident Polska dwar l-ispejjeż tas-self esklużi l-interessi ma jistgħux jiġu infurzati kontrihom minħabba n-natura inġusta tagħhom, minħabba n-natura manifestament sovravalutati u mhux raġonevoli ta’ dawn l-ispejjeż u kummissjonijiet. Dawn tal-aħħar huma sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf u jikkostitwixxu, fil-fatt, is-sors ewlieni ta’ dħul tal-persuna li ssellef ( 3 ).

9.

Fir-risposti tagħha, Provident Polska titlob li r-rikorsi ppreżentati mill-persuni li jissellfu għandhom jiġu miċħuda u tressaq kontra kull waħda minnhom kontrotalba li l-għan tagħha huwa li jiġu kkundannati jħallsuha somom li jikkorrispondu ma’ parti mill-ispejjeż u l-kummissjonijiet dovuti taħt il-kuntratt tas-self u li baqgħu ma tħallsux. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu wkoll li din il-kontrotalba għandha tiġi miċħuda.

10.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li jistabbilixxu spejjeż jew kummissjonijiet dovuti lil bejjiegħ jew fornitur jistgħux jiġu ddikjarati inġusti għall-unika raġuni li dawn l-ispejjeż jew kummissjonijiet huma manifestament eċċessivi meta mqabbla mas-servizz ipprovdut mill-bejjiegħ jew fornitur.

11.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u mal-prinċipju ta’ effettività tal-Artikolu 189 u tal-Artikolu 316(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif interpretati mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

12.

Skont l-Artikolu 189 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, rikorrent jista’ jitlob lil qorti biex tistabbilixxi l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt, sakemm ikollu interess ġuridiku. Peress li dan l-aħħar kunċett ma huwa s-suġġett ta’ ebda definizzjoni legali, dan ġie interpretat, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fis-sens ta’ kundizzjoni sostantiva tar-rikors għal konstatazzjoni, fejn is-suċċess ta’ dan ir-rikors ikun suġġett f’li r-rikorrent juri interess ġuridiku, li għandu jeżisti fid-data tal-għeluq tas-seduta skont l-Artikolu 316(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

13.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-interess ġuridiku għandu jinftiehem bħala ħtieġa oġġettiva li tipproteġi l-isfera legali tar-rikorrent li d-drittijiet tiegħu nkisru jew jistgħu jinkisru jew li l-eżistenza jew il-kontenut tagħhom huma inċerti. Il-kunsiderazzjoni ta’ tali interess tkun tinvolvi l-evalwazzjoni mill-qorti adita tal-effett ta’ sentenza ta’ konstatazzjoni fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-parti, jiġifieri l-possibbiltà li tintemm b’mod definittiv tilwima eżistenti jew li jiġi evitat li tali tilwima tinqala’ fil-futur. Min-naħa l-oħra, ma jkun hemm l-ebda interess ġuridiku meta d-drittijiet tar-rikorrent la jkunu nkisru u lanqas mhedda jew meta jkunu jistgħu jiġu protetti aħjar b’azzjoni ta’ portata ikbar, bħal azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt.

14.

Din it-tieni ipoteżi tikkorrispondi mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li kull waħda mir-rikorrenti diġà rrimborsat parti mill-ammonti dovuti għall-kummissjonijiet u l-ispejjeż kontenzjużi, bil-parti l-oħra mitluba mill-organu li jsellef fil-kuntest ta’ kontrotalba ppreżentata f’kull waħda minn dawn il-kawżi. Hija tindika li, f’sitwazzjoni bħal din, ir-rimbors ta’ dawn il-kummissjonijiet u spejjeż diġà mħallsa jista’ jintalab mir-rikorrenti permezz ta’ azzjoni iktar estensiva minn rikors għal konstatazzjoni, jew azzjoni għall-irkupru ta’ benefiċċju mhux dovut, li għandu jwassal għaċ-ċaħda tal-imsemmi rikors minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, minkejja l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kkontestati.

15.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku min-naħa tal-konsumaturi f’kawżi simili ħafna wasslet għal riżultati diverġenti, li huma tali li jikkompromettu l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li, anki f’sitwazzjoni fejn in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur tkun manifesta, konsumatur jista’ joqgħod lura milli jippreżenta rikors intiż għall-konstatazzjoni tan-nullità jew tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, bil-biża’ li l-qorti tqis li ma għandu l-ebda interess ġuridiku u tiċħad ir-rikors għal din ir-raġuni biss, filwaqt li tikkundannah ibati l-ispejjeż.

16.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “raġunijiet imperattivi”, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità jew il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jipprekludux l-annullament tal-kuntratti konklużi minn ZL u KU minħabba n-natura inġusta tal-klawżola dwar il-modalitajiet ta’ ħlas li fihom.

17.

Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal 5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi kklassifikata bħala klawżola kuntrattwali inġusta dispożizzjoni li tagħti lill-bejjiegħ jew fornitur miżata jew kummissjoni ta’ ammont manifestament ogħla meta mqabbel mas-servizz offrut minnu?

2)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom rekwiżit essenzjali għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ azzjoni tal-konsumatur kontra l-bejjiegħ jew fornitur għall-konstatazzjoni ta’ nullità jew ineffettività tal-kuntratt jew tal-partijiet fih li jinkludu klawżoli inġusti huwa l-interess ġuridiku tal-konsumatur?

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġi kkunsidrat li kuntratt ta’ self, li fir-rigward tiegħu ġiet ikkonstatata n-natura inġusta tal-unika klawżola kuntrattwali li tipprevedi l-mod ta’ kif jitħallas lura s-self, ma jistax ikompli jorbot wara li din il-klawżola tkun ġiet eskluża u li għalhekk huwa null?”

Il‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

18.

Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dan il-gvern ipprovda tweġiba bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023.

Analiżi

19.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss it-tieni domanda preliminari li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li tirrikjedi prova mill-konsumatur ta’ interess ġuridiku sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu biex jiġi kkonstatat n-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, fejn l-eżistenza ta’ tali interess tkun nieqsa meta l-persuna kkonċernata jkollha rimedju ieħor li huwa iktar protettiv tad-drittijiet tagħha bħal, b’mod partikolari, azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt.

Fuq il‑portata tad‑domanda preliminari

20.

Jidhirli li hemm bżonn li nispeċifika l-portata ta’ din id-domanda, meta wieħed iżomm f’moħħu li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha ssolvi t-tilwima li biha hija adita ( 4 ).

21.

Kif ġie spjegat, il-kawża prinċipali hija bejn konsumaturi li inizjalment ippreżentaw rikors sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali inġusti relatati ma’ spejjeż u kummissjonijiet u l-organu li jsellef ( 5 ), li talab iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors u ressaq kontrotalbiet bil-għan li jordnaw lir-rikorrenti jħallsuh somom li jikkorrispondu ma’ parti minn dawn id-drittijiet u kummissjonijiet dovuti taħt il-kuntratt ta’ self u li baqgħu mhux imħallsa. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tinsab, f’dawn iċ-ċirkustanzi, affaċċjata b’sitwazzjoni proċedurali doppja.

22.

Fir-rigward tas-somom diġà mħallsa mill-konsumaturi għall-ispejjeż u l-kummissjonijiet previsti fil-kuntratt ta’ self, il-qorti tar-rinviju tgħid li r-rikorrenti għandhom “rimedji ġudizzjarji oħra” li huma iktar protettivi tad-drittijiet tagħhom mill-azzjonijiet għal konstatazzjoni meħuda, jiġifieri azzjonijiet għall-irkupru ta’ benefiċċju mhux dovut bbażati fuq l-Artikoli 405 u 410 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, u li għalhekk ser ikun meħtieġ li tiċħad ir-“rikors prinċipali” għall-unika raġuni ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku, anki jekk il-kuntratti konklużi minn dawn il-partijiet fihom klawżoli inġusti ( 6 ).

23.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-somom mitluba mill-persuna li ssellef permezz tal-kontrotalbiet, fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jissemma li r-rikorrenti, il-konvenuti tal-kontrotalba, “jistgħu jinvokaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ kontrotalbiet u s-sentenza tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward ser tirregola t-tilwima bejn il-partijiet” ( 7 ). Huwa stabbilit li, fl-aħħar sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, dawn il-partijiet opponew il-kontrotalbiet u talbu li jiġu miċħuda.

24.

Għalhekk jidher li, fil-kuntest tal-kawża mressqa mill-konsumaturi, il-qorti tar-rinviju għandha, fl-istess ħin, tiċħad l-azzjonijiet għal konstatazzjoni mill-partijiet ikkonċernati minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku u tiddeċiedi fuq il-kontrotalba tal-persuna li ssellef. Huwa fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prassi tal-ġurisprudenza nazzjonali fir-rigward tar-rekwiżit ta’ interess ġuridiku mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività ( 8 ).

Fuq l-armonizzazzjoni minima tad-Direttiva 93/13

25.

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li klawżoli inġusti li jidhru f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumaturi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom, u li dan il-kuntratt jibqa’ vinkolanti għall-partijiet taħt l-istess termini, jekk jista’ jissussisti mingħajr il-klawżoli inġusti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-premessa erbgħa u għoxrin tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-korpi amministrattivi jkollhom mezzi adegwati u effettivi biex itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li jikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħa jew fornituri ( 9 ).

26.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, f’diversi aspetti u b’kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jieħdu minn din id-direttiva, jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li dawn għalhekk jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri. Huma dawn tal-aħħar, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jiġu mmaterjalizzati. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 10 ).

27.

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni marbuta mal-interess ġuridiku ta’ konsumatur li jippreżenta rikors intiż għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli kuntrattwali inġusti taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. L-istess japplika għas-sistema ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ tali proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju u marbuta b’mod indissolubbli ma’ dik tal-interess ġuridiku, li l-konstatazzjoni tal-assenza tiegħu jfisser, skont l-indikazzjonijiet ta’ din il-qorti, iċ-ċaħda tar-rikors imsemmi iktar ’il fuq u l-kundanna sussegwenti tal-konsumatur, ir-rikorrent, għall-ispejjeż ( 11 ).

28.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li waħdu huwa s-suġġett tad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull kawża li fiha tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandha tiġi analizzata b’kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kemm hi, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi awtoritajiet nazzjonali. Minn din il-perspettiva, għandhom jitqiesu, fejn xieraq, il-prinċipji li jiffurmaw il-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari, fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati ma’ azzjonijiet legali bbażati fuq tali drittijiet ( 12 ).

29.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’hekk, il-fatt li proċedura partikolari tinkludi ċerti rekwiżiti proċedurali li l-konsumatur għandu jikkonforma magħhom sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu ma jfissirx li ma jibbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ta’ min ifakkar ukoll li r-regoli proċedurali relatati mal-istruttura tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali, li jsegwu interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ prevedibbiltà, għandhom jipprevalu fuq interessi individwali, fis-sens li ma jistgħux jiġu strutturati skont is-sitwazzjoni ekonomika partikolari ta’ parti, sakemm ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħhom ( 13 ).

Fuq l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ effettività

Fuq l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali

30.

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi applikat billi jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-iżvolġiment korrett tal-proċedura ( 14 ). Issa, fid-deċiżjoni tar-rinviju hemm imsemmi li l-proċedura ċivili Pollakka hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-eżerċizzju tad-drittijiet b’mezzi ġudizzjarji għandu jkun immirat u sempliċi kemm jista’ jkun, mogħti mingħajr multiplikazzjoni ta’ proċeduri. Din il-preżunzjoni hija ssodisfatta mir-rekwiżit, fil-każ ta’ talba għal konstatazzjoni tal-eżistenza (jew in-nuqqas ta’ eżistenza) ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt, li jintwera interess ġuridiku u mill-prinċipju li l-possibbiltà tal-kisba ta’ protezzjoni iktar effettiva permezz ta’ rimedju alternattiv jimmina l-interess ġuridiku li tintalab konstatazzjoni ( 15 ).

31.

Ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku fl-azzjonijiet għal konstatazzjoni, sa fejn l-għan tiegħu huwa li jillimitahom għal sitwazzjonijiet ta’ dannu reali jew theddid ippruvat fl-isfera legali tar-rikorrent jew ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ azzjoni iktar protettiva tad-drittijiet ta’ dan tal-aħħar, isegwi għan ta’ interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja billi jipprevjeni jew inaqqas, jekk meħtieġ, il-konġestjoni tas-sistema ġudizzjarja ( 16 ). Huwa sabiex tiġi ggarantita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ekonomija proċedurali, billi jiġi evitat li l-qorti tiġi adita b’kwistjonijiet purament teoretiċi u b’rikorsi multipli, li kull parti fil-kawża, indipendentement mir-rimedju magħżul, għandu jkollha interess ġuridiku. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-regoli li jsegwu tali għan, inklużi dawk li jirrikjedu sforz addizzjonali mill-konsumaturi li għandhom l-intenzjoni li jasserixxu d-drittijiet tagħhom, x’aktarx ikunu ġġustifikati sakemm ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan ( 17 ).

32.

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ interess ġuridiku għall-azzjonijiet għal konstatazzjoni ippreżentati mill-konsumaturi bil-għan li jasserixxu drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu ma tagħmilx fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva.

Dwar il‑bidu ta’ proċedura distinta

33.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tar-rinviju għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ikkonċernat ma jkunx marbut biha. Tali obbligu jimplika li jkun f’idejn din il-qorti li twarrab l-applikazzjoni tal-klawżola meqjusa bħala inġusta sabiex din il-klawżola ma tipproduċix effetti vinkolanti fir-rigward ta’ dan il-konsumatur. Peress li tali klawżola għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma kienet teżisti, b’tali mod li ma jista’ jkollha ebda effett fir-rigward tal-imsemmi konsumatur, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twarrab l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somma tinvolvi, bħala prinċipju, effett restituttiv korrispondenti fir-rigward ta’ din is-somma ( 18 ).

34.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li taħthom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tidher f’kuntratt u l-effetti legali ta’ din l-osservazzjoni jkunu mmaterjalizzaw. Madankollu, l-imsemmija konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ dritt u ta’ fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur ikkonċernat fin-nuqqas ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi jiġi stabbilit id-dritt għall-ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta. Fil-fatt, tali qafas mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax jippreġudika s-sustanza ta’ din il-protezzjoni ( 19 ).

35.

Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-verifika ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur marbuta mad-dritt għall-ħlas lura msemmi qabel, l-eżistenza ta’ triq proċedurali differenti minn dik mibdija minn jew kontra dan tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk, hija qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas hija obbligata tiċħad din it-talba sa fejn din tal-aħħar tkun ibbażata fuq klawżola inġusta, iżda ma tkunx awtorizzata li tagħmel tpaċija ex officio bejn il-ħlasijiet magħmula abbażi ta’ din il-klawżola u l-bilanċ dovut, u li għandha l-konsegwenza li d-debitur, li ma jipparteċipax fil-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas, ikun sfurzat li jibda proċedura distinta għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għall-ħlas lura sħiħ, ma tkunx, bħala prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 ( 20 ).

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li bis-saħħa tagħha l-kontroll tal-eżistenza tad-dejn ikkonċernat jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-qorti fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas u għalhekk tobbliga lill-konsumatur ikkonċernat, għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għall-ħlas lura sħiħ li jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jibda proċedura distinta, ma tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, anki jekk dan l-obbligu jeħtieġ aġir attiv tad-debitur ikkonċernat u l-kontinwazzjoni ta’ proċedura kontradittorja ( 21 ).

37.

F’kawża oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn klawżoli kuntrattwali kklassifikati bħala inġusti mid-dispożizzjonijiet legali u klawżoli eventwalment inġusti, is-suġġett tal-istess rikors ippreżentat minn konsumatur, u qieset li l-effettività tal-protezzjoni mitluba mid-Direttiva 93/13 ma pprekludietx regoli nazzjonali li jipprovdu għal mezz proċedurali effettiv ieħor li jippermetti lill-persuna kkonċernata titlob il-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament taħt it-tieni kategorija ta’ klawżoli ( 22 ). Din is-soluzzjoni ġurisprudenzjali tidher li hija spjegata mill-eżistenza ta’ “proċedura speċjali” prevista mid-dritt nazzjonali biss għall-ewwel klawżoli iżda madankollu użata mill-konsumatur għat-talbiet kollha tiegħu kontra l-persuna li ssellef.

38.

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kuntratt ta’ self kien is-suġġett ta’ eżekuzzjoni parzjali bil-ħlas mill-persuni li jissellfu ta’ diversi somom bis-saħħa tal-klawżoli dwar l-ispejjeż u l-kummissjonijiet, li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tagħhom mill-qorti tar-rinviju għandha tirriżulta għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati fi dritt għall-ħlas lura sħiħ ta’ dawn is-somom ( 23 ). Għandu jiġi ammess, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ tali dritt permezz ta’ proċedura separata bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-interess ġuridiku? Iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża preżenti għandhom, fil-fehma tiegħi, iwasslu għal risposta negattiva.

39.

F’dan il-każ, il-persuni li jissellfu huma tabilħaqq partijiet f’kull waħda mill-proċeduri ta’ dritt komuni inkwistjoni, peress li huma stess huma l-inizjaturi tagħhom, proċeduri li l-għan tagħhom ġie mmodifikat permezz tal-kontrotalba tal-persuna li ssellef għal kundanna għal ħlas, li l-ammissibbiltà tagħha ma hijiex ikkontestata. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura estiża, il-persuni li jissellfu, il-konvenuti tal-kontrotalba, opponew it-talba tal-persuna li ssellef għall-ħlas tal-ispejjeż u tal-kummissjonijiet ibbażati fuq klawżoli kuntrattwali diġà kklassifikati bħala inġusti fl-azzjoni tagħhom għal konstatazzjoni u li għalihom l-ebda proċedura speċjali ma hija prevista legalment a priori.

40.

Nirrileva, minn naħa, li, fil-każ tal-ipoteżi ta’ ċaħda ta’ tali azzjoni minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, il-kwistjoni tan-natura inġusta jew le tal-klawżoli kkonċernati għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi fuq il-kontrotalba. Min-naħa l-oħra, azzjoni mibdija mill-persuni li jisselfu għall-irkupru ta’ ħlas mhux dovut quddiem qorti oħra li jkollha wkoll tiddeċiedi dwar in-natura abbużiva jew le tal-klawżoli kkontestati tqajjem problema ta’ ċertezza legali minħabba kunflitt possibbli ta’ ġurisprudenza fuq dan il-punt ( 24 ).

41.

F’dan il-kuntest, minbarra l-fatt li l-passività totali tal-imsemmija persuni li jissellfu ma tistax tiġi kkritikata ( 25 ), għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċaħda tar-rikors għal konstatazzjoni u l-kundanna tar-rikorrenti biex iħallsu l-ispejjeż rilevanti, flimkien mar-rinviju għal proċeduri ulterjuri quddiem qorti kompetenti biex teżamina l-azzjoni għall-irkupru ta’ somom imħallsa iżda mhux dovuti, bħala riżultat ta’ restrizzjonijiet proċedurali ġodda u l-ispejjeż u ż-żmien iġġenerati minn din il-proċedura addizzjonali minbarra dawk tal-proċedura inizjali, huma b’mod ċar sors ta’ kumplessità, piż, spejjeż u inċertezza legali bla bżonn. Din is-sitwazzjoni tirrifletti, fil-fehma tiegħi, duwalità antagonistika bejn ir-ratio legis u l-implimentazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-interess ġuridiku previst mid-dritt proċedurali Pollakk, sa fejn imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u r-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju li rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi kollha ta’ kwistjoni legali waħda, jiġifieri n-natura inġusta jew le ta’ klawżoli kuntrattwali.

42.

Skont il-ġurisprudenza, mezzi adegwati u effettivi biex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu lil dawn tal-aħħar protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi joffrulhom il-possibbiltà li jieħdu azzjoni legali kontra l-kuntratt kontenzjuż, taħt kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, sabiex l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari skadenzi jew spejjeż, li jagħmluha eċċessivament diffiċli jew fil-prattika impossibbli li jiġu eżerċitati d-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 ( 26 ). Ma jidhirlix li dan huwa preċiżament il-każ għall-konsumaturi f’din il-kawża fir-rigward tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tar-rekwiżit legali ta’ interess ġuridiku għal azzjonijiet għal konstatazzjoni, li għandu jwassal għal konklużjoni ta’ inkompatibbiltà mad-Direttiva 93/13.

43.

Il-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Pollakk bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha marġni ta’ diskrezzjoni biex tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u, f’każijiet partikolarment iġġustifikati, biex tagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju li l-parti telliefa tbati l-ispejjeż, billi tallokalha biss frazzjoni minnhom jew saħansitra teżentaha, ma jidhirlix, fih innifsu, biżżejjed biex jinvalida l-konklużjoni msemmija qabel.

Fuq il‑possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi

44.

Fl-osservazzjonijiet u fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif adottata mill-qorti tar-rinviju, u jsostni li l-Artikoli 189 u 316(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistgħu jiġu interpretati b’mod konformi mar-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ effettività.

45.

B’mod iktar speċifiku, dan il-gvern jargumenta li l-prinċipju li ma jeżisti ebda interess ġuridiku f’azzjoni għal konstatazzjoni fejn ir-rikorrent jista’ jikseb is-sodisfazzjon tad-drittijiet tiegħu permezz ta’ azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt ma huwiex prinċipju assolut u jirreferi għall-ġurisprudenza reċenti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li minnha jirriżulta li, fi kwistjonijiet ta’ dritt tal-konsumatur, ir-rikorrent iżomm, taħt ċerti kundizzjonijiet, interess ġuridiku sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni legali, għalkemm jista’ jagħmel azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt jew li tali azzjoni tkun tressqet kontrih mill-parti avversarja fuq il-bażi tar-relazzjoni legali inkwistjoni ( 27 ), li l-qorti tar-rinviju stess lanqas tidher li teskludi ( 28 ).

46.

Fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk irrefera wkoll għall-possibbiltà li jiġu adattati t-talbiet tar-rikorrenti wara t-tressiq ta’ kontrotalba. Minn dan jirriżulta li, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, il-persuni li jissellfu jistgħu jitolbu, minbarra ċ-ċaħda tal-kontrotalba tal-persuna li ssellef billi tiġi invokata n-natura inġusta tal-klawżoli inkwistjoni, ir-rimbors tas-somom imħallsa skont dawn il-klawżoli għall-eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt ta’ self, u b’hekk iwassal lill-qorti biex taqta’ l-kawża f’istanza waħda. Għalhekk jidher li l-kundizzjoni ta’ soluzzjoni finali tat-tilwima mill-qorti hija bbażata fuq l-inizjattiva unika tar-rikorrenti li jimmodifikaw it-talbiet inizjali tagħhom, mingħajr ma l-bejjiegħ jew fornitur ikun jista’ jopponiha ( 29 ), u li r-rekwiżit ta’ interess ġuridiku taħt l-azzjoni għal konstatazzjoni ssir mingħajr skop fid-dawl tal-bidla fis-suġġett tat-tilwima.

47.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu fil-kompetenza tagħhom, filwaqt li jqisu d-dritt intern kollu u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dawn tal-aħħar, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konsistenti mal-għan imfittex minnha. Kif sostniet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konsistenti jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jimmodifikaw, fejn ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax tqis b’mod validu li hija fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni minħabba biss il-fatt li din id-dispożizzjoni tkun ġiet interpretata b’mod konsistenti f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt ( 30 ).

48.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax fil-fatt tiġi interpretata skont id-Direttiva 93/13 u, jekk fl-affermattiv, biex tislet il-konsegwenzi legali minn dan ( 31 ).

Konklużjoni

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieście f’Varsavja, il-Polonja) fit-termini li ġejjin:

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni ġudizzjarja tagħha li bis-saħħa tagħhom l-azzjoni mressqa minn konsumatur għal konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, segwita minn kontrotalba tal-bejjiegħ jew fornitur għall-ħlas ta’ somom dovuti taħt dawn l-istess klawżoli, tiġi miċħuda, u l-konsumatur jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż relatati, għal nuqqas ta’ interess ġuridiku għar-raġuni tad-disponibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju ieħor li jippermetti l-irkupru tas-somom diġà mħallsa lil dan il-bejjiegħ jew fornitur skont l-imsemmija klawżoli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100)

( 3 ) It-talba ta’ KU tirrigwarda wkoll somma ta’ 240 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 50.40) imħallsa f’kont tal-persuna li tissellef skont l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fl-applikazzjoni għas-self.

( 4 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 37).

( 5 ) Skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 huma implimentati prinċipalment permezz ta’ żewġ tipi ta’ azzjonijiet irregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jiġifieri azzjoni għal konstatazzjoni ta’ dritt jew ta’ relazzjoni ta’ dritt (jiġifieri l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola) jew azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt (jiġifieri li tfittex il-ħlas lura ta’ benefiċċji rċevuti indebitament mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-klawżoli ddikjarati inġusti mill-qorti adita bl-azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt).

( 6 ) Punt 150 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 7 ) Punt 149 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 8 ) Il-punt 149 tad-deċiżjoni tar-rinviju ma fih ebda indikazzjoni ta’ natura li tissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tikkonstata li r-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess ġuridiku li jippreżentaw rikors sabiex jiksbu sentenza ta’ konstatazzjoni għar-raġuni li l-bejjiegħ jew fornitur ressaq kontrotalbiet kontrihom u, għalhekk, li tiċħad kemm it-talbiet tal-konsumatur kif ukoll il-kontrotalbiet tal-bejjiegħ jew fornitur. Minbarra r-riferiment espliċitu għaċ-ċaħda futura mir-“rikorsi prinċipali” biss, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ interess ġuridiku, previst fl-Artikolu 189 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ma għandhiex konsegwenzi ħlief fir-rigward ta’ azzjoni għal konstatazzjoni, f’dan il-każ iċ-ċaħda tagħha.

( 9 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punti 3133).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat) (C‑335/21, EU:C:2022:720, punti 5354) u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC (C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 33).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank (C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 47).

( 12 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punti 2829), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC (C‑215/21, EU:C:2022:723, punti 3536).

( 13 ) Sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punti 5051), u tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 51).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 33).

( 15 ) Punt 143 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 16 ) Fir-rigward tar-rikorsi rregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku, li l-prova tiegħu għandha tiġi prodotta mir-rikorrenti, tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull rikors fil-ġustizzja (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni (C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 83)).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 51).

( 18 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta) (C‑170/21, EU:C:2022:518, punti 4142).

( 19 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta) (C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 43).

( 20 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta) (C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 45).

( 21 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta) (C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 48).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 54).

( 23 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku min-naħa tar-rikorrenti ser iwassal għaċ-ċaħda tar-rikorsi fil-kawża prinċipali, minkejja l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kkontestati.

( 24 ) Dan jirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk (punt 48) dwar il-kunċett ta’ res judicata previst fl-Artikolu 366 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

( 25 ) Fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat) (C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax testendi sabiex tikkumpensa kompletament il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat.

( 26 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 59).

( 27 ) Il-punt 40 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk u punt 11 tat-tweġiba ta’ dan tal-aħħar għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan il-gvern jippreċiża wkoll li, fid-dawl tal-interpretazzjoni mill-qrati nazzjonali tal-kunċett ta’ res judicata, l-indikazzjoni li l-azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ fatt tiżġura neċessarjament protezzjoni aħjar tal-konsumatur minn dik li tirriżulta minn azzjoni għal konstatazzjoni hija żbaljata (punti 45 sa 51 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk).

( 28 ) L-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-eteroġeneità tal-ġurisprudenza nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-interess ġuridiku jikkonfermaw il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi.

( 29 ) F’dan il-każ, ir-rikorrenti jidhru li llimitaw ruħhom biex jitolbu ċ-ċaħda tal-kontrotalbiet mingħajr ma talbu r-rimbors tas-somom imħallsa għall-ispejjeż u għall-kummissjonijiet previsti mill-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, infakkar li fis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju dispożittiv, li l-partijiet jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima, kif ukoll il-prinċipju ta’ ne ultra petita, jiġifieri li l-qorti ma għandhiex tiddeċiedi lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, jirriskjaw li jiġu injorati jekk il-qrati nazzjonali jkunu obbligati, bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, jinjoraw jew jaqbżu l-limiti tas-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet.

( 30 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 6566).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 67).