KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑21 ta’ Settembru 2023 ( 1 )

Kawża C‑301/22

Peter Sweetman

vs

An Bord Pleanála,

Ireland and the Attorney General,

fil-preżenza ta’

Bradán Beo Teoranta,

Galway City Council,

Environmental Protection Agency

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Artikolu 5 u Anness II – Karatterizzazzjoni tat-tipi ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ – Artikolu 8 u Anness V – Klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ – Lag b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2 – Assenza ta’ obbligu ta’ karatterizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni ta’ dan il-korp tal-ilma – Obbligi li jaqgħu fuq l-Istat Membru fil-każ ta’ proġett ta’ żvilupp li jista’ jaffettwa l-imsemmi korp tal-ilma”

I. Introduzzjoni

1.

Stat Membru huwa obbligat iwettaq il-karatterizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva 2000/60/KE ( 2 ), u sussegwentement il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 8 u tal-Anness V ta’ din id-direttiva, tal-lagi kollha li jinsabu fit-territorju tiegħu li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2? Jekk dan ma huwiex il-każ, liema huma l-obbligi li jaqgħu fuq dan l-Istat Membru taħt l-imsemmija direttiva bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ tali korp tal-ilma meta dan jista’ jiġi affettwat minn proġett ta’ żvilupp? Dawn huma, essenzjalment, id-domandi magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda).

2.

Dawn id-domandi jibnu fuq is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm ma tingħatax deroga, kull deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jiġi evitat, irrispettivament mill-ippjanar għal żmien iktar fit-tul previst minn pjanijiet ta’ mmaniġġjar u minn programmi ta’ miżuri.

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Sweetman (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) u l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ żvilupp li jikkonsisti fl-estrazzjoni tal-ilma minn lag li s-superfiċji tiegħu hija ta’ 0.083 km2.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

(a)

jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

[…]”

5.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

‘ilma tal-wiċċ’: ifisser ilmijiet interni, barra ilma ta’ taħt l-art; ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, minbarra fejn jirrigwarda stat kimiku li għali[h] għandhom ikunu inklużi ukoll ilmijiet territorjali.

[…]

‘Lag’: ifisser korp ta’ l-ilma tal-wiċċ intern qiegħed.

[…]

‘Korp ta’ ilma tal-wiċċ’: ifisser element diskret [distint] u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma transizzjonali jew tul ta’ ilma kostali.

[…]

‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’: hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu.

[…]

‘Stat ekoloġiku’: hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V.

[…]”

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)

għall-ilma tal-wiċċ

(i)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw [itejbu] u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw [jtejbu] il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[…]

(ċ)

għal żoni protetti

L-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ kull standard u ma’ l-għanijiet mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema, l-oqsma protetti individwali jkunu twaqqfu.

[…]”

7.

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Karatteristiċi tad-distrett ta’ baċin ta’ l-ilma, reviżjoni ta’ l-impatt ambjentali ta’ attività umana u analiżi ekonomika tal-użu ta’ l-ilma”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stati Membru jrid jiżgura li għal kull distrett tal baċin tax-xmara jew għal parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa fi ħdan it-territorju tiegħu:

analiżi tal-karatteristiċi tiegħu,

reviżjoni tal-impatt ta’ attività umana fuq l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ, u

analiżi ekonomika ta’ użu ta’ l-ilma

hija marbuta skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa fl-Anness II u III u li huwa komplut sa’ l-anqas erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.”

8.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Reġistru ta’ żoni protetti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’kull distrett idrografiku jiġi stabbilit reġistru wieħed jew iktar taż-żoni kollha fid-distrett li ġew identifikati li jeħtieġu protezzjoni speċjali fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art jew il-konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi li jiddependu direttament mill-ilma.

9.

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-istat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u żoni protetti”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti l-programmi għall-monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma sabiex titwaqqaf deskrizzjoni ġenerika koerenti u komprensiva ta’ l-istat ta’ l-ilma fi ħdan kull distrett ta’ baċin tax-xmara:

għall-ilma tal-wiċċ dan il-programmi jridu jkopru:

(i)

il-volum u il-livell jew ir-rata jew tnixxija għall-estent relevanti għal stat ekoloġiku u kimiku u l-potenzjal ekoloġiku, u

(ii)

l-istat ekoloġiku u kimiku u l-potenzjal ekoloġiku;

[…]

għal żoni protetti il-programmi msemmija hawn fuq iridu jiġu msaħħa b’dawk l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema ż-żoni protetti individwali ġew stabbiliti.

2.   […] Dan il-monitoraġġ irid ikun jaqbel mal-ħtiġiet ta’ l-Anness V.

[…]”

10.

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Programm ta’ miżuri”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu.

2.   Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‘bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‘supplimentari’.

3.   ‘Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:

[…]

(e) kontrolli fuq l-estrazzjoni ta’ ilma ħelu tal-wiċċ u tal-qiegħ, u sekwestru ta’ ilma ħelu tal-wiċċ, inkluż reġistru jew reġistri ta’ l- estrazzjoni ta’ l-ilma u ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal estrazzjoni u sekwestru. Dawn il-kontrolli jridu jiġu riveduti perjodikament u, fejn meħtieġ, aġġoranti. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn dawn il-kontrolli, estrazzjonijiet jew teħid li m’għandhomx impatt sinifikanti fuq stat ta’ l-ilma;

[…]”

11.

Skont l-Anness II tad-Direttiva 2000/60:

“1. L-ilmijiet tal-wiċċ.

1.1. Karatterizzazzjoni ta’ tipi ta’ korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ

L-Istati Membri jridu jidentifikaw il-post u l-fruntieri ta’ korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ u jridu jagħmlu karatterizzazzjoni inizjali ta’ dawn it-tipi ta’ korpi bi qbil mal-metodoloġija li jmiss. L-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ flimkien għall-iskopijiet ta’ din il- karatterizzazzjoni inizjali.

(i)

Il-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara jrid jiġi identifikat li jaqa’ fi ħdan kull wieħed mill-kategoriji ta’ l-ilma tal-wiċċ li jmiss - xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji jew ilmijiet tal-kosta - jew bħala korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ artifiċjali jew korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ modifikati ħafna.

(ii)

Għal kull kategorija ta’ l-ilma tal-wiċċ, il-korpi relevanti ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara jrid ikun iddifferenzjat skond it-tip. Dawn it-tipi huma dawk imsemmija li jużaw jew ‘sistema A’ jew ‘sistema B’, kif identifikati fis-sezzjoni 1.2.

(iii)

Jekk sistema A hija użata, il-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara l-ewwel irid ikun iddifferenzjat mill-ekoreġjuni relevanti bi qbil maż-żoni ġeografiċi identifikati f’sezzjoni 1.2 u li jidhru fuq il-mappa relevanti fl-Anness XI. Il-korpi ta’ l-ilma fi ħdan kull ekoreġjun imbagħad irid ikun iddifferenzjat mit-tipi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ skond id-deskritturi maħruġa fit-tabelli għal sistema A.

(iv)

Jekk sistema B hija użata, l-Istati Membri jridu jiksbu ta’ l-anqas l-istess grad ta’ differenzazzjoni kif tista’ tkun miksuba bl-użu tas-sistema A. Skond il-korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara jrid jiġi iddifferenzjat f’tipi bl-użu tal-valuri għad-deskritturi obbligatorji u ċerta deskritturi ta’ l-għażla, jew kombinazzjoni ta’ deskritturi, kif huma meħtieġa biex jiżguraw li kundizzjonijiet ta’ referenza bioloġika speċifiċi ta’ tip jista’ jkun f’sura ta’ minn jorbot fuqu.

[…]

1.2 Ekoreġjuni u tipi [ta’ korpi] ta’l-ilma tal-wiċċ

[…]

1.2.2. Lagi

Sistema A

Tipoloġija fissata

Deskritturi

Ekoreġjun

Ekoreġjuni li jidhru fuq mappa A fl-Anness XI

Tip

Tipoloġija ta’ altitudni

għoli: > 800 m

altitudni-medja: > 200 sa’ 800 m

medda art baxxa: < 200 m

Tipoloġija medja tal-qies bażat fuq il-fond ta’ l-ilma

< 3 m

3 sa’ 15 m

> 15 m

Tipoloġija ta’ qies bażat fuq iż-żona tal-wiċċ

0.5 sa’ 1 km2

1 sa’ 10 km2

10 sa’ 100 km2

> 100 km2

Ġeoloġija

tal-ġir

siliceous

organika

Sistema B

Karatterizzazzjoni alternattiva

Fatturi fiżiċi u kimiċi li jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-lag u b’hekk il-kompożizzjoni u struttura ta’ populazzjoni bioloġika

Fatturi obbligatorji

altitudni

latitudni

lonġitudni

fond

ġeoloġija

qies

Fatturi mhux obbligatorji

[…]

[…]”

12.

L-Anness IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Żoni protetti”, jistabbilixxi, fil-punt 1 tiegħu, li r-reġistru taż-żoni protetti previst fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandu jinkludi diversi tipi ta’ żoni protetti, fosthom iż-żoni identifikati bħala żona ta’ protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi u fejn iż-żamma jew it-titjib tal-istat tal-ilmijiet jikkostitwixxu fattur importanti ta’ din il-protezzjoni, b’mod partikolari s-siti Natura 2000 rilevanti identifikati fil-kuntest tad-Direttiva 92/43/KEE ( 3 ) u tad-Direttiva 79/409/KEE ( 4 ).

13.

L-Anness V tal-istess direttiva jispeċifika, f’dak li jirrigwarda l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ (punt 1), l-elementi ta’ kwalità għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku (punt 1.1), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-lagi (punt 1.1.2).

B.   Id‑dritt Irlandiż

14.

Id-Direttiva 2000/60 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż permezz ta’ diversi regolamenti, fosthom il-European Communities (Water Policy) Regulations 2003 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Politika tal-Ilma) tal‑2003) ( 5 ) u l-European Union (Water Policy) Regulations 2014 (ir-Regolamenti dwar l-Unjoni Ewropea (Politika tal-Ilma) tal‑2014) ( 6 ).

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

Il-Loch an Mhuilinn huwa lag intern privat mingħajr marea, li jinsab fil-gżira ta’ Gorumna, fil-Kontea ta’ Galway (l-Irlanda), li s-superfiċji tiegħu hija ta’ 0.083 km2, jiġifieri 8.3 ettaru (iktar ’il quddiem il-“lag”). Dan tal-aħħar ma ġiex identifikat mill-Environment Protection Agency (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“EPA”) ( 7 ) bħala korp tal-ilma li jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/60 għar-raġuni li ma kienx jissodisfa l-kriterji previsti minn din id-direttiva, relatati mas-superfiċji jew mal-lokalizzazzjoni f’żona protetta. Konsegwentement, l-EPA ma wettqitx il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-lag, fis-sens tal-Anness V tal-imsemmija direttiva ( 8 ).

16.

Il-kumpannija Bradán Beo Teoranta talbet lill-Aġenzija l-awtorizzazzjoni sabiex twettaq l-estrazzjoni mil-lag ta’ massimu ta’ 4680 m3 ta’ ilma ħelu fil-ġimgħa, mhux iktar minn 22 ġimgħa fis-sena, mix-xahar ta’ Mejju sax-xahar ta’ Settembru ( 9 ). Din l-estrazzjoni kellha sseħħ matul erba’ sigħat kuljum, matul mhux iktar minn erbat ijiem fil-ġimgħa, peress li l-ilma ħelu estratt kien intiż għall-ħasil tas-salamun marid sabiex dan jinħeles mill-marda amibika tal-garġi kif ukoll mill-qamel tal-baħar. Dan is-salamun kien jinsab f’erba’ siti awtorizzati, operati minn din il-kumpannija, fil-bajja ta’ Kilkieran, li tinsab fil-Kontea ta’ Galway. Kien previst li l-ilma jiġi ppumpjat mil-lag, permezz ta’ pipeline, lejn ħajt ta’ lqugħ f’tarf il-pipeline propost fuq it-triq kostali, minn fejn pipeline ieħor iwassal l-ilma lejn tarpolini, li jiġu rmunkati bid-dgħajsa sas-siti fejn is-salamun kellu jiġi ttrattat (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ żvilupp”). L-Aġenzija ddeċidiet li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba lill-imsemmija kumpannija.

17.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li, bl-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp, l-Aġenzija kienet kisret l-obbligu tagħha, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tipprevjeni d-deterjorament tal-istat ta’ dan il-korp tal-ilma tal-wiċċ.

18.

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2021, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp għas-sempliċi raġuni li din ma kinitx tosserva r-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2000/60. F’dan ir-rigward, skont dik il-qorti, il-proġett ta’ żvilupp kien jaffettwa l-korp tal-ilma kkostitwit mil-lag. Madankollu, peress li l-EPA kienet naqset milli twettaq il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-lag, kien impossibbli għall-Aġenzija li tevalwa jekk il-proġett ta’ żvilupp kienx josserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

19.

Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, Bradán Beo Teoranta ddeċidiet li tikseb l-opinjoni tal-EPA, li ma kinitx parti fil-kawża prinċipali u ma kinitx involuta fis-seduta fuq il-mertu, f’dak li jirrigwarda r-rwol tagħha fl-identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma kif previst mid-Direttiva 2000/60. Fit-tweġiba tagħha tat‑28 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal-EPA”), li tqassmet lill-partijiet kollha, l-EPA indikat li, skontha, ma kien jeżisti ebda obbligu li titwettaq il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma kollha u li hija ma kinitx obbligata, la preċedentement u lanqas attwalment, tikklassifika l-istat ekoloġiku tal-lag. F’dan ir-rigward, l-EPA enfasizzat li, fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60, li kienet tinvolvi l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri kollha, il-pajjiżi fil-proċess ta’ adeżjoni, in-Norveġja u partijiet interessati oħra u organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-Kummissjoni fasslet id-Dokument ta’ Gwida Nru 2, intitolat “Identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma” ( 10 ) (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida Nru 2”). Skont it-Taqsima 3.5 ta’ dan id-dokument ( 11 ), l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra sabiex jiddeċiedu jekk l-għanijiet ta’ din id-direttiva, li japplikaw għall-ilmijiet tal-wiċċ kollha, jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jkollu għalfejn jiġi identifikat bħala korp tal-ilma kull element minuri, iżda distint u sinjifikattiv, tal-ilmijiet tal-wiċċ.

20.

Fit-tweġiba tagħha, l-EPA rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60 u l-punt 1.2.2 tal-Anness II tagħha, il-lagi li s-superfiċji tagħhom hija ta’ iktar minn 0.5 km2, għandhom jiġu identifikati bħala korpi tal-ilma li jaqgħu taħt din id-direttiva. F’dak li jirrigwarda l-lagi b’superfiċji ta’ inqas minn dan il-limitu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jidentifikawhom bħala korpi tal-ilma li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari jekk dawn ikunu importanti mill-aspett ekoloġiku, jekk jaqgħu taħt waħda miż-żoni protetti msemmija fl-Anness IV tal-istess direttiva jew jekk ikollhom impatt negattiv sinjifikattiv fuq korpi tal-ilma tal-wiċċ oħra. F’dan ir-rigward, l-EPA u l-awtoritajiet Irlandiżi ta’ koordinazzjoni tad-distretti idrografiċi applikaw dawn il-prinċipji għall-għażla tal-korpi tal-ilma li jikkostitwixxu lagi. Għaldaqstant, il-lagi kollha b’superfiċji ta’ iktar minn 0.5 km2, kif ukoll l-iżgħar lagi li jinsabu f’żona protetta, ġew identifikati bħala korpi tal-ilma li jaqgħu taħt id-Direttiva 2000/60 ( 12 ). Dejjem skont l-EPA, f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ ilma tal-wiċċ mhux identifikati bħala li jaqgħu taħt din id-direttiva, mit-Taqsima 3.5 tad-Dokument ta’ Gwida Nru 2 jirriżulta li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu applikati l-“miżuri bażiċi” previsti fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

21.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-pożizzjoni tal-EPA li skontha d-Direttiva 2000/60 ma kinitx timponi li l-lag jiġi identifikat bħala korp tal-ilma li jaqa’ taħt din tal-aħħar ma kinitx ġiet ikkomunikata lilha waqt is-seduta fuq il-mertu li ppreċediet is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2021. Fid-dawl tat-tweġiba tal-EPA, l-Aġenzija ressqet talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-kawża prinċipali. Fis‑16 ta’ April 2021, dik il-qorti laqgħet din it-talba billi qiegħdet din il-kawża mill-ġdid fuq il-lista tal-kawżi. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-elementi rrilevati mill-EPA fit-tweġiba tagħha jistgħu jaffettwaw l-eżitu tal-kawża prinċipali u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-kriterji ta’ eżami mill-ġdid ta’ sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja), ir-rekwiżiti minimi għall-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-kawża ġew ampjament issodisfatti.

22.

F’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni jekk il-korpi tal-ilma kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, għandhomx jiġu kkaratterizzati fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60, b’mod li, fil-kuntest ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ żvilupp li jista’ jaffettwa korp tal-ilma tal-wiċċ, il-qorti nazzjonali adita tkun f’pożizzjoni li tevalwa dan l-iżvilupp b’riferiment għall-kunċetti ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ”, fis-sens ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi, l-ewwel, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), it-tieni, il-fatt li l-EPA bbażat ruħha ampjament fuq id-Dokument ta’ Gwida Nru 2 u l-prassi tal-Kummissjoni u, it-tielet, l-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

(a)

L-Istati Membri huma meħtieġa jikkaratterizzaw u sussegwentement jikklassifikaw il-korpi kollha tal-ilma, irrispettivament mid-daqs tagħhom, u b’mod partikolari hemm obbligu ta’ karatterizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-lagi kollha b’superfiċji topoloġika ta’ inqas minn 0,5 km2?

(b)

Sa liema estent, jekk xejn, tvarja r-risposta fir-rigward ta’ korpi tal-ilma f’żona protetta?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda, awtorità kompetenti tista’ għall-finijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ żvilupp tagħti awtorizzazzjoni ta’ żvilupp għal proġett li jista’ jaffettwa l-korp tal-ilma qabel ma dan jiġi kkategorizzat u kklassifikat?

3.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda, x’inhuma l-obbligi ta’ awtorità kompetenti meta hija tkun qiegħda tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal żvilupp li potenzjalment jaffettwa korp tal-ilma mhux ikkaratterizzat u/jew ikklassifikat?”

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrent, mill-Aġenzija, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   Fuq il‑punt (a) tal‑ewwel domanda preliminari

25.

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2000/60 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri li jikkaratterizzaw u li jikklassifikaw il-lagi kollha li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2.

26.

Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni, b’mod partikolari, tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, li jipprevjeni kwalunkwe degradazzjoni addizzjonali, jippreżerva u jtejjeb l-istat tal-ekosistemi akwatiċi kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, tal-ekosistemi terrestri u tal-artijiet mistagħdra li jiddependu direttament mill-ekosistemi akwatiċi.

27.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jimponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament marbuta. Minn naħa, skont l-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva, meta jagħmlu operattivi l-programmi ta’ miżuri previsti fil-pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett idrografiku, f’dak li jirrigwarda l-ilmijiet tal-wiċċ, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ kollha, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 tiegħu (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont dan l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jsaħħu l-korpi tal-ilma tal-wiċċ kollha bil-għan li jinkiseb stat tajjeb mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) ( 13 ).

28.

Sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istati Membri ta’ dawn l-għanijiet ambjentali, l-istess direttiva tipprevedi sensiela ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Artikoli 3, 5, 8, 11 u 13 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll tal-Anness V tagħha, li jistabbilixxu proċess kumpless u li jinkludi diversi stadji rregolati fid-dettall, bil-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri neċessarji, skont l-ispeċifiċitajiet u l-karatteristiċi tal-korpi tal-ilma identifikati fit-territorji tagħhom ( 14 ).

29.

B’mod iktar speċifiku, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jissodisfaw l-għanijiet ambjentali ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandu jkollhom stampa globali tal-karatteristiċi tal-korpi ta’ ilma kkonċernati. Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva ( 15 ), l-Istati Membri għandhom l-ewwel nett jidentifikaw il-baċini idrografiċi, jassenjawhom lil distretti u jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti. Sussegwentement, huma għandhom iwettqu l-karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma prevista fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u fl-Annessi II (iktar ’il quddiem l-“Anness II”) u III tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura li, għal kull distrett idrografiku li jinsab fit-territorju tiegħu, jitwettqu analiżi tal-karatteristiċi tiegħu, studju tal-impatti tal-attività tal-bniedem fuq l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-imsemmija Annessi II u III ( 16 ).

30.

F’dak li jirrigwarda dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-punt 1 tal-Anness II jirrigwarda l-ilmijiet tal-wiċċ u l-punt 1.1 tiegħu jispeċifika r-rekwiżiti li l-Istati Membri, wara li jkunu ddeterminaw il-post u l-limiti tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, għandhom josservaw fil-karatterizzazzjoni inizjali ta’ dawn il-korpi tal-ilma kollha ( 17 ). F’dan ir-rigward, il-punt 1.1(i) ta’ dan l-anness jipprovdi li l-korpi tal-ilma tal-wiċċ fi ħdan distrett idrografiku għandhom jiġu identifikati bħala li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ ilmijiet tal-wiċċ li ġejjin: “xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji jew ilmijiet tal-kosta - jew bħala korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ artifiċjali jew korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ modifikati ħafna”. Il-punt 1.1(ii) tal-imsemmi anness jindika li, għal kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ, il-korpi fi ħdan id-distrett idrografiku għandhom jitqassmu f’tipi, iddefiniti permezz ta’ waħda mis-sistemi msejħa A jew B u ddefiniti fil-punt 1.2 tal-istess anness. Il-punt 1.1(iii) tal-Anness II jispeċifika li jekk tintuża s-sistema A, il-korpi tal-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett idrografiku għandhom l-ewwel jitqassmu f’ekoreġjuni skont iż-żoni ġeografiċi ddefiniti fil-punt 1.2 ta’ dan l-anness u li l-korpi tal-ilma fi ħdan kull ekoreġjun għandhom sussegwentement jitqassmu f’tipi ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ skont id-deskritturi indikati fit-tabelli tas-sistema A.

31.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk għandux jiġi kkaratterizzat, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60 u tal-Anness II ta’ din tal-aħħar, u sussegwentement jiġi kklassifikat, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u tal-Anness V ta’ din id-direttiva, lag b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2. Kif tindika dik il-qorti, lil hinn mis-sitwazzjoni ta’ tali lag, tqum il-kwistjoni iktar ġenerali jekk, fl-Istati Membri kollha, il-korpi tal-ilma kollha għandhomx jiġu kkaratterizzati u kklassifikati fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

32.

Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 jiddefinixxi “lag” bħala “korp ta’ l-ilma tal-wiċċ intern qiegħed”. Peress li din id-definizzjoni ma tagħmilx riferiment għas-superfiċji jew għal kriterji oħra, ma huwiex neċessarjament evidenti li ssir distinzjoni bejn “lag” u korpi oħra tal-ilma qiegħed ta’ daqs iżgħar, bħal għadira. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Loch an Mhuilinn huwa lag, fis-sens tal-punt 5 ta’ dan l-Artikolu 2.

33.

F’dak li jirrigwarda l-lagi, il-punt 1.2.2 tal-Anness II isemmi, fil-kuntest tas-sistema A, sensiela ta’ deskritturi, ibbażati fuq il-karatteristiċi fiżiċi ta’ dawn il-korpi tal-ilma, jiġifieri t-“tipoloġija ta’ altitudni”, it-“tipoloġija medja tal-qies bażat fuq il-fond ta’ l-ilma”, il-“ġeoloġija”, kif ukoll it-“tipoloġija ta’ qies bażat fuq iż-żona tal-wiċċ”. Din tal-aħħar hija speċifikata kif ġej: “0.5 sa’ 1 km2”, “1 sa’ 10 km2”, “10 sa’ 100 km2” u “iktar minn 100 km2”. Konsegwentement, id-deskrittur dwar is-superfiċji fis-Sistema A jiffissa limitu minimu ta’ 0.5 km2 għal-lagi.

34.

Peress li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi espressament li l-karatterizzazzjoni għandha titwettaq skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti b’mod partikolari fl-Anness II, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma timponix fuq l-Istati Membri, meta dawn japplikaw is-sistema A, li jikkaratterizzaw il-lagi li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2.

35.

Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-Irlanda kienet tuża s-sistema B għall-finijiet ta’ karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, liema sistema ma tirreferix għal valuri numeriċi. F’dan ir-rigward, mill-punt 1.2.2 tal-Anness II jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema B u f’dak li jirrigwarda l-lagi, fost il-“[f]atturi fiżiċi u kimiċi li jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-lag u b’hekk il-kompożizzjoni u struttura ta’ popolazzjoni bioloġika”, il-fatturi obbligatorji huma l-altitudni, il-latitudni, il-lonġitudni, il-fond, il-ġeoloġija u d-daqs. Issa, il-punt 1.1(iv) ta’ dan l-anness jistabbilixxi li jekk tintuża s-sistema B, l-“Istati Membri jridu jiksbu ta’ l-anqas l-istess grad ta’ differenzazzjoni kif tista’ tkun miksuba bl-użu tas-sistema A” u li, konsegwentement, il-“korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ fi ħdan id-distrett tal-baċin tax-xmara jrid jiġi iddifferenzjat f’tipi bl-użu tal-valuri għad-deskritturi obbligatorji u ċerta deskritturi ta’ l-għażla, jew kombinazzjoni ta’ deskritturi, kif huma meħtieġa biex jiżguraw li kundizzjonijiet ta’ referenza bioloġika speċifiċi ta’ tip jista’ jkun f’sura ta’ minn jorbot fuqu”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sa fejn is-sistema A tieħu bħala referenza d-daqs minimu ta’ 0.5 km2 sabiex titwettaq il-karatterizzazzjoni ta’ lag, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60, l-applikazzjoni tas-sistema B twassal sabiex lag għandu jkollu tali superfiċji sabiex ikun neċessarjament is-suġġett ta’ karatterizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

36.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-Dokument ta’ Gwida Nru 2. Huwa minnu li għalkemm tali dokument ma huwiex ta’ natura ġuridikament vinkolanti ( 18 ), huwa interessanti li jiġi osservat li, fil-punt 3.5 tiegħu, dwar l-“elementi żgħar ta’ ilma tal-wiċċ”, huwa jistabbilixxi li l-għan tad-Direttiva 2000/60 huwa li jiġi stabbilit “qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet kollha, inklużi l-ilmijiet tal-wiċċ interni, l-ilmijiet temporanji, l-ilmijiet tal-kosta u l-ilmijiet ta’ taħt l-art”, iżda li l-“ilmijiet tal-wiċċ jinkludu numru kbir ta’ ilmijiet ta’ daqs żgħir ħafna li l-immaniġġar tagħhom jimponi piż amministrattiv li jista’ jkun enormi” ( 19 ). Dan id-dokument iżid, fl-istess punt 3.5, li din id-direttiva ma tipprevedix limitu għall-korpi tal-ilma żgħar ħafna u li l-“Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra sabiex jiddeċiedu jekk l-għanijiet tad-Direttiva, li japplikaw għall-ilmijiet tal-wiċċ kollha, jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jiġi identifikat bħala korp tal-ilma kull element minuri, iżda distint u sinjifikattiv, tal-ilmijiet tal-wiċċ”, qabel ma jissuġġerixxi approċċ possibbli għall-protezzjoni ta’ dawn l-ilmijiet ( 20 ).

37.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-analiżi tal-Gvern Irlandiż li skontha l-impożizzjoni ta’ obbligi amministrattivi daqstant onerużi fir-rigward ta’ elementi żgħar ta’ ilma tal-wiċċ tista’ tiddevja riżorsi intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi partikolari fir-rigward ta’ korpi tal-ilma importanti li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/60. Konsegwentement, il-fatt li l-lagi b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2 ma humiex suġġetti għal karatterizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ma jidhirx, bħala tali, li huwa inkompatibbli mal-għan tal-imsemmija direttiva li jiġi evitat id-deterjorament tal-ilmijiet tal-wiċċ.

38.

Wara l-karatterizzazzjoni tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tagħhom, skont l-Artikolu 8 u l-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Madankollu, peress li, għal-lagi li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2, l-Istati Membri ma humiex obbligati jwettqu l-karatterizzazzjoni tagħhom, minn dan jirriżulta loġikament li lanqas ma għandhom l-obbligu li jikklassifikaw l-istat ekoloġiku ta’ tali lagi ( 21 ). Għandu jiżdied li din id-direttiva ma tipprekludix li, meta jqisu li dan huwa ġġustifikat, l-Istati Membri jeżerċitaw il-possibbiltà tagħhom li jikkaratterizzaw u li jikklassifikaw lagi b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2 ( 22 ).

39.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux fuq l-Istati Membri li jikkaratterizzaw u li jikklassifikaw il-lagi kollha li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2.

B.   Fuq il‑punt (b) tal‑ewwel domanda preliminari

40.

Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkunx differenti fis-sitwazzjoni fejn il-korp tal-ilma kkonċernat ikun jinsab f’żona protetta, fis-sens tad-Direttiva 2000/60.

1. Fuq l‑ammissibbiltà

41.

Għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi ( 23 ).

42.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-tweġiba tagħha, l-EPA sostniet li l-lag ma kienx jissodisfa l-kriterju dwar il-lokalizzazzjoni f’żona protetta, fis-sens tad-Direttiva 2000/60. Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-lag ma kienx jinsab f’żona protetta iżda li kien konness direttament maż-żona speċjali ta’ konservazzjoni ( 24 ) tal-bajja u tal-gżejjer ta’ Kilkieran permezz ta’ konnessjoni intermareali diretta ( 25 ).

43.

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-lag ma jinsabx fi ħdan żona protetta, fis-sens tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/60. Għaldaqstant, jidhirli li l-punt (b) tal-ewwel domanda huwa ipotetiku u, konsegwentement, inammissibbli.

2. Fuq il‑mertu

44.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-punt (b) tal-ewwel domanda huwa ammissibbli, nirrileva li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/60, f’dak li jirrigwarda ż-żoni protetti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, bħala prinċipju, l-osservanza tal-istandards u tal-għanijiet kollha mhux iktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit reġistru wieħed jew iktar taż-żoni protetti. Barra minn hekk, it-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi li, għaż-żoni protetti, il-programmi għall-monitoraġġ tal-istat tal-ilmijiet għandhom jiġu kkompletati bl-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li abbażi tagħha tkun ġiet stabbilita żona protetta.

45.

Konsegwentement, id-Direttiva 2000/60 tipprovdi li għaż-żoni protetti għandhom japplikaw kontrolli supplimentari. Għall-kuntrarju, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-obbligu ta’ karatterizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, kif stabbilit fl-Annessi II u V ta’ din id-direttiva, ibbażat fuq il-karatteristiċi fiżiċi tagħha. Għandu jiżdied li, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jikkaratterizzaw u sussegwentement li jikklassifikaw lagi b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2 meta dawn ikunu jinsabu f’żoni protetti ( 26 ).

46.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li r-risposta mogħtija għall-punt (a) tal-ewwel domanda ma tkunx differenti fis-sitwazzjoni fejn il-korp tal-ilma kkonċernat ikun jinsab f’żona protetta, fis-sens tad-Direttiva 2000/60.

C.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

47.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jekk id-Direttiva 2000/60 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li proġett ta’ żvilupp li jista’ jaffettwa korp tal-ilma tal-wiċċ jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità nazzjonali kompetenti meta dan il-korp tal-ilma ma jkunx ġie kkaratterizzat u kklassifikat, fis-sens tal-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva.

48.

Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, jidhirli li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

D.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

49.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jekk id-Direttiva 2000/60 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi obbligi fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi fuq it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ żvilupp li jista’ jaffettwa lag li ma jkunx ġie kkaratterizzat u kklassifikat, fis-sens tal-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, minħabba s-superfiċji żgħira tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dan il-korp tal-ilma.

50.

Kif ġie indikat fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2000/60 tipprevedi sensiela ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Artikoli 3, 5, 8, 11 u 13 ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxu proċess kumpless u li jinkludi diversi stadji rregolati fid-dettall, bil-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri neċessarji, skont l-ispeċifiċitajiet u l-karatteristiċi tal-korpi tal-ilma identifikati fit-territorji tagħhom.

51.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mir-risposta proposta għall-ewwel domanda, l-Istat Membru kkonċernat ma kienx obbligat iwettaq il-karatterizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-lag, previsti fl-Artikoli 5 u 8, rispettivament, ta’ din id-direttiva. Id-domanda għaldaqstant hija li jsir magħruf sa fejn għandhom jiġu osservati l-istadji segwenti tal-proċess previst mill-imsemmija direttiva u li jfittex li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ. Fi kliem ieħor, il-korpi żgħar tal-ilma tal-wiċċ huma esklużi, b’mod ġenerali, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60? Jidhirli li għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda.

52.

F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ mmaniġġjar, iżda japplika effetti vinkolanti, ladarba jkun ġie stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista minn din id-direttiva. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari. Għaldaqstant, sakemm ma tingħatax deroga, kull deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jiġi evitat, irrispettivament mill-ippjanar għal żmien iktar fit-tul previst minn pjanijiet ta’ mmaniġġjar u minn programmi ta’ miżuri. L-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva u huwa applikabbli għal kull tip u għal kull stat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ li għalih ġie jew imissu ġie adottat pjan ta’ mmaniġjar. Konsegwentement, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-ksib ta’ stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, ħlief jekk jitqies li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt deroga skont l-Artikolu 4(7) tal-istess direttiva. Dan jimplika li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, li jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax jirriżulta f’effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu f’kunflitt mal-obbligi li jipprevjenu d-deterjorament u t-titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ( 27 ).

53.

Din il-ġurisprudenza tagħmel parti mill-proċess klassiku ta’ protezzjoni tal-korpi tal-ilma fl-Istati Membri, imsemmi fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi b’mod partikolari tirreferi għall-“istabbiliment tal-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma” u għall-“adozzjoni ta’ pjan ta’ mmaniġġar” bħala prerekwiżiti. Minn dan jista’ jiġi dedott li, meta dawn l-elementi ma jkunux ġew stabbiliti, bħal fil-kawża prinċipali, il-korp tal-ilma kkonċernat ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60.

54.

Fl-istess sens, l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva jfittex li jipprevjeni d-deterjorament tal-istat ta’ kull “korp ta’ l-ilma tal-wiċċ”. Issa, l-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi “Korp ta’ ilma tal-wiċċ” bħala element distint u “sinifikanti” tal-ilmijiet tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, minn xmara jew minn kanal, ilma tranżitorju jew tul ta’ ilmijiet kostali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li, b’mod partikolari, lag ta’ daqs żgħir ma jikkostitwixxix element “sinifikanti” tal-ilmijiet tal-wiċċ, kif isostnu l-Gvern Irlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

55.

Madankollu, minn naħa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ huwa applikabbli għal “kull tip u għal kull stat tal-korp ta’ ilma tal-wiċċ”. Għaldaqstant, lil hinn mis-sempliċi osservanza tal-proċess stabbilit mid-Direttiva 2000/60, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa l-protezzjoni, b’mod partikolari, tal-ilmijiet tal-wiċċ interni kollha. Huwa dan l-għan li għandu jipprevali fis-sitwazzjoni fejn il-korp tal-ilma kkonċernat ma jkunx ġie kkaratterizzat u kklassifikat, skont l-Anness II, minħabba s-superfiċji żgħira tiegħu.

56.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-termini “element sinifikanti” li jinsabu fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, għandu jsir riferiment għax-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, fil-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ( 28 ), ippreżentata fis‑26 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet, fil-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din il-proposta, “korp tal-ilma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala “element diskret u omoġenju tal-ilmijiet tal-wiċċ jew tal-ilmijiet ta’ taħt l-art bħal akwifer, lag, reservoir, tul ta’ xmara, ta’ ilma kurrenti jew ta’ kanal, estwarju jew tul ta’ ilmijiet kostali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 29 ), u, fil-punt 8 ta’ dan l-artikolu, “korp tal-ilma sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif ġej: “għall-finijiet tal-Artikolu 8, tfisser l-ilmijiet kollha intiżi għall-produzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb minn sors uniku li jaqdi iktar minn 15-il dar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva 2000/60, dawn id-definizzjonijiet ma ġewx adottati, mingħajr ma ġie ddefinit il-kunċett ta’ element “sinifikanti” tal-ilmijiet tal-wiċċ f’din id-direttiva.

57.

Wara mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-motivi li wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jeskludi l-kunċett inizjali ta’ “korp tal-ilma”, il-Gvern Irlandiż sostna li x-xogħol preparatorju jikkorrobora l-pożizzjoni tiegħu li l-intenzjoni ta’ dan il-leġiżlatur kienet li jiġi stabbilit limitu de minimis li jista’ jintuża fil-prattika. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li t-termini “element sinifikanti” jirreferu għal kriterju spazjali, jiġifieri d-daqs. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija qieset li ma kienx hemm lok li tiġi stabbilita rabta bejn l-aġġettiv “sinifikanti” u żona b’superfiċji ta’ tal-inqas 0.5 km2 għar-raġuni li mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li d-definizzjoni ta’ korp tal-ilma bħala “diskret [distint] u sinifikanti” tirrigwarda iktar il-karatteristiċi topoloġiċi mid-daqs tiegħu bħala tali.

58.

F’dan ir-rigward, nikkonstata li din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li torbot id-deskritturi li jinsabu fit-tabelli tas-sistema A mal-kunċett ta’ element distint u “sinifikanti” tal-ilmijiet tal-wiċċ. Għaldaqstant, “Korp ta’ ilma tal-wiċċ” iddefinit bħala “element diskret [distint] u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma transizzjonali jew tul ta’ ilma kostali”, jista’ jinftiehem, bl-użu tat-terminu “bħal”, li jkopri tip ta’ element ta’ ilma, indipendentement mid-daqs tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, kwalunkwe “lag”. Fi kliem ieħor, element li ma huwiex “sinifikanti” tal-ilmijiet tal-wiċċ jista’ jkun element mhux kopert minn din id-definizzjoni, bħal “għadira”.

59.

Huwa minnu li d-deskritturi li jinsabu fit-tabelli tas-sistema A jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jissuġġetta għall-karatterizzazzjoni u għall-klassifikazzjoni, fis-sens tal-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2000/60, il-lagi ta’ daqs żgħir. Madankollu, kif jirriżulta mill-istruttura ta’ din id-direttiva, dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jiżgura l-protezzjoni tal-ilmijiet kollha fl-Istati Membri. Barra minn hekk, peress li l-ilmijiet tal-wiċċ huma konnessi b’mod naturali, il-kwalità ta’ element ta’ ilma tal-wiċċ ta’ daqs żgħir (mingħajr ma jkun negliġibbli) tista’ taffettwa l-kwalità ta’ element ieħor ikbar ( 30 ). Għalhekk, lag b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2 għandu jiġi protett taħt l-imsemmija direttiva.

60.

Minn dan isegwi li, kif qieset il-Kummissjoni, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tirċievi talba għal awtorizzazzjoni għal proġett ta’ żvilupp, l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament japplika għal kull korp tal-ilma tal-wiċċ li jista’ jiġi affettwat minn dan il-proġett. Konsegwentement, u sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu, dawn il-korpi tal-ilma għandhom ikunu s-suġġett tal-programm ta’ miżuri previst fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva ( 31 ). B’mod partikolari, kif stabbilit mill-paragrafu 3(e) ta’ dan l-artikolu, dan il-programm għandu jinkludi “miżuri bażiċi”, fosthom miżuri ta’ kontroll fuq l-estrazzjoni ta’ ilma ħelu tal-wiċċ. Madankollu, tali programm ta’ miżuri ma jidhirx li huwa suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi evitat kwalunkwe deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ daqs żgħir. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi eżaminat il-proġett partikolari inkwistjoni.

61.

Għaldaqstant, nikkunsidra li meta tintalab l-awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ żvilupp, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tipproċedi bid-determinazzjoni tal-istat ad hoc tal-korp tal-ilma kkonċernat sabiex tiżgura li dan il-proġett ma jwassalx għal deterjorament tal-istat tiegħu. Fil-fehma tiegħi, b’applikazzjoni simili tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60, l-Istat Membru għandu jiżgura li jitwettaq studju tal-effetti tal-attività tal-bniedem fuq l-istat ta’ dan il-korp tal-ilma kif ukoll analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Dan jinvolvi li jiġu stabbiliti kriterji ta’ evalwazzjoni sal-punt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma jinkludi kull bidla li x’aktarx tikkomprometti l-kisba tal-għan ewlieni ta’ din id-direttiva ( 32 ). Huwa minnu li tali eżami jippreżenta diffikultajiet prattiċi ċerti, fl-assenza ta’ karatterizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni minn qabel. Madankollu, dan jidher li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ fl-Unjoni ( 33 ).

62.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar aktarx li jiddeterjora l-istatus tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, sakemm ma jitqiesx li dan il-proġett jaqa’ taħt deroga bis-saħħa tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.

63.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/60 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li jirrigwarda lag li ma jkunx ġie kkaratterizzat u kklassifikat, minħabba s-superfiċji żgħira tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw, permezz ta’ analiżi ad hoc, li dan il-proġett ma jkunx jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ dan il-korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva.

V. Konklużjoni

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

1)

L-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jimponux fuq l-Istati Membri li jikkaratterizzaw u li jikklassifikaw il-lagi kollha li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2.

2)

Id-Direttiva 2000/60

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett li jirrigwarda lag li ma jkunx ġie kkaratterizzat u kklassifikat, minħabba s-superfiċji żgħira tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw, permezz ta’ analiżi ad hoc, li dan il-proġett ma jkunx jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ dan il-korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).

( 5 ) S. I. Nru 722/2003.

( 6 ) S. I. Nru 350/2014.

( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Politika tal-Ilma) tal‑2003, l-EPA hija l-awtorità kompetenti fl-Irlanda sabiex tidentifika l-korpi tal-ilma skont id-Direttiva 2000/60.

( 8 ) F’dak li jirrigwarda l-korpi tal-ilma tal-wiċċ, dan l-anness jipprevedi skala ta’ ħames klassijiet ta’ stat ekoloġiku, jiġifieri “għoli”, “tajjeb”, “moderat”, “fqir” u “ħażin”. Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 93).

( 9 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Aġenzija indikat li dawn il-kundizzjonijiet kienu previsti sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-korp tal-ilma kkonċernat.

( 10 ) Dan id-dokument (disponibbli biss bl-Ingliż) jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz li ġej: https://circabc.europa.eu/sd/a/655e3e31-3b5d-4053-be19-15bd22b15ba9/Guidance%20No%202%20-%20Identification%20of%20water%20bodies.pdf. L-estratti ċċitati f’dawn il-konklużjonijiet huma tradotti minni.

( 11 ) Ara p. 12 ta’ dan id-dokument.

( 12 ) Fit-tweġiba tagħha, l-EPA speċifikat li, fl-Irlanda, in-numru ta’ lagi huwa stmat li jammonta għal 12000, u huma ta’ daqs li jvarja ħafna, u li hija identifikat 800 lag bħala korpi tal-ilma li jaqgħu taħt id-Direttiva 2000/60.

( 13 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 42), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 41).

( 15 ) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kordinazzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi fi ħdan id-distretti tal-baċin tax-xmara”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]‑istati Membri jridu jidentifikaw il-baċini individwali tax-xmara li qegħdin fi ħdan it-territorju nazzjonali tagħhom u, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iridu jassenjawhom għal distretti tal-baċin tax-xmara individwali. Baċini żgħar tax-xmara jistgħu jiġu kombinati ma’ baċini akbar tax-xmara jew magħquda ma’ baċini żgħar fil-qrib biex jiġu ffurmati distretti ta’ baċini tax-xmara individwali fejn xieraq. Fejn ilmijiet ta’ taħt l-art ma’ jsegwux bis-sħiħ baċin tax-xmara partikolari, iridu jiġu identifikati u assenjati ma’ distrett tal-baċin tax-xmara l-aktar viċin jew l-aktar adattat […]”.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punti 85 sa 87).

( 17 ) Din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-Istati Membri “jistgħu” jgħaqqdu korpi tal-ilma tal-wiċċ flimkien għall-iskopijiet tal-karatterizzazzjoni inizjali. Konsegwentement, din hija sempliċi possibbiltà, bil-ħsieb li tiġi żgurata protezzjoni aħjar ta’ dawn il-korpi tal-ilma, u mhux obbligu.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 31). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant segwiet interpretazzjoni differenti minn dik adottata fid-Dokument ta’ Gwida Nru 36, iddedikat għad-“derogi mill-għanijiet ambjentali skont l-Artikolu 4(7)”, li jidħol ukoll fil-kuntest tal-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60.

( 19 ) Enfasi li tinsab fil-verżjoni oriġinali. Dan il-punt 3.5 jindika wkoll li numru kbir ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ ser jaqgħu taħt il-valuri minimi ta’ daqs stabbiliti għax-xmajjar u għal-lagi fil-punt 1.2 tal-Anness II.

( 20 ) Enfasi li tinsab fil-verżjoni oriġinali. Skont l-istess punt 3.5, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema B, huwa rrakkomandat li jintuża d-daqs tax-xmajjar żgħar u tal-lagi skont is-sistema A.

( 21 ) Madankollu, kif eżaminat fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, peress li proġett ta’ żvilupp jista’ jwassal għad-deterjorament tal-istat ta’ lag li s-superfiċji tiegħu hija inqas minn 0.5 km2, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jiżgura l-protezzjoni tiegħu taħt id-Direttiva 2000/60.

( 22 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż indika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkaratterizzaw u sussegwentement ikklassifikaw lagi Alpini żgħar li s-superfiċji tagħhom hija ta’ inqas minn 0.5 km2 għar-raġuni li dawn tal-aħħar huma s-suġġett ta’ segwitu ekoloġiku u xjentifiku mis-seklu 19 u li għalhekk jikkostitwixxu kampjun partikolarment sinjifikattiv u utli sabiex tiġi segwita l-evoluzzjoni tal-istat tal-ilmijiet fl-ambjent Alpin fuq perijodu itwal.

( 23 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, VZ (Offerenti definittivament eskluża) (C‑53/22, EU:C:2023:88, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) L-Artikolu 1(l) tad-Direttiva 92/43 jiddefinixxi “żona speċjali ta’ konservazzjoni” bħala “sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

( 25 ) “Żona intermareali” hija ż-żona ta’ oxxillazzjoni tal-marea.

( 26 ) Il-Gvern Irlandiż jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-EPA kkaratterizzat il-lagi kollha li jinsabu f’żoni protetti, inklużi dawk b’superfiċji ta’ inqas minn 0.5 km2, filwaqt li jirrileva li d-Direttiva 2000/60 ma teżiġix din il-prassi.

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) COM(97) 49 final.

( 29 ) Korsiv miżjud minni.

( 30 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-lag huwa parti minn grupp ta’ lagi konnessi, li s-superfiċji magħquda tagħhom taqbeż il-50 ettaru.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 3.5 tad-Dokument ta’ Gwida Nru 2.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 66).

( 33 ) Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:16, punt 72), id-Direttiva 2000/60 ġiet maħsuba sabiex jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, id-deterjorament tal-istat tal-korpi ta’ ilma u li, f’dan is-sens, kif tiddikjara l-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambjentali b’mod li jiġi żgurat l-istat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art fl-Unjoni kollha u sabiex jiġi evitat deterjorament tal-istat tal-ilmijiet fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li dawn l-għanijiet ambizzjużi jimplikaw neċessarjament piżijiet għall-Istati Membri.