KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑278/22

AUTOTECHNICA FLEET SERVICES d.o.o., li kienet ANTERRA d.o.o.

vs

Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, il-Kroazja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 2(2)(b) – Servizzi finanzjarji – Lokazzjoni finanzjarja u operattiva – Artikoli 9 u 10 – Rekwiżit ta’ kisba ta’ awtorizzazzjoni minn aġenzija superviżorja”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, il-Kroazja) tirrigwarda essenzjalment il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ), magħrufa wkoll bħala d-“Direttiva dwar is-Servizzi”. Kumpannija li tikri l-karozzi lill-klijenti tagħha ġiet ordnata twaqqaf l-attivitajiet tagħha minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni valida sabiex toffri servizzi finanzjarji.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement ġiet ikkonfrontata bil-kwistjoni ta’ diversi forom ta’ lokazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tad-dritt tal-konsum. Madankollu, din hija l-ewwel kawża fejn il-lokazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-offerta tal-hekk imsejħa “lokazzjoni operattiva”; dawn ma jikkostitwixxux servizzi finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, Stat Membru ma jistax jipprevedi l-ġestjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni minn aġenzija inkarigata mis-sorveljanza tas-swieq finanzjarji.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 2006/123

4.

Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, id-direttiva ma tapplikax għal “servizzi finanzjarji, bħal dawk bankarji, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti, il-parir dwar investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1)]”.

5.

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ( 3 ) tad-Direttiva 2006/123 tikkonċerna l-“[a]wtorizzazzjonijiet” u tinkludi l-Artikoli 9 sa 13.

6.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(c)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

7.

Skont l-Artikolu 10 (“Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”) tad-Direttiva 2006/123:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(c)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.

3.   Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal stabbiliment ġdid m’għandhomx jiddupplikaw ir-rekwiżiti u l-kontrolli li huma ekwivalenti jew essenzjalment komparabbli fir-rigward ta’ l-iskop tagħhom li għalihom il-fornitur hu diġà soġġett fi Stat Membru ieħor jew fl-istess Stat Membru. Il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 28(2) u l-fornitur għandhom jassistu lill-awtorità kompetenti billi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar dawk ir-rekwiżiti.

4.   L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività ta’ servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, mat-territorju nazzjonali kollu, inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji, ħlief fejn awtorizzazzjoni għal kull stabbiliment individwali jew limitu ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju huma ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku.

5.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata malli jkun stabbilit, fid-dawl ta’ eżami xieraq, li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ġew issodisfatti.

6.   Ħlief fil-każ ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u għandha tkun miftuħa għal sfida quddiem il-qrati jew istanzi oħrajn ta’ appell.

7.   Dan l-Artikolu ma għandux iqiegħed f’dubju l-allokazzjoni tal-kompetenzi, fuq livell lokali jew reġjonali, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet.”

B.   Id‑dritt Kroat

8.

L-Artikolu 15(1) taż-Zakon o Hrvatskoj agenciji za nadzor financijskih usluga (il-Liġi dwar l-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji) (Narodne novine, Nru 140/05, Nru 154/11 u Nru 12/12) jipprevedi li, għall-għan tal-eżerċizzju tal-prerogattivi pubbliċi tagħha, il-Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga (l-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) hija awtorizzata tadotta regoli ta’ implimentazzjoni skont din il-liġi u skont liġijiet li jirregolaw is-suq tal-kapital, il-fondi ta’ investiment u fondi oħra, l-akkwist ta’ kumpanniji limitati b’ishma, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni, l-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u s-servizzi finanzjarji, kif ukoll skont liġijiet oħra jekk dawn il-liġijiet jawtorizzawha tagħmel dan.

9.

L-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar l-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji jipprevedi li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-prerogattivi pubbliċi tagħha, l-Aġenzija hija awtorizzata tissorvelja l-attivitajiet tal-entitajiet suġġetti għas-sorveljanza tagħha, li huma speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u tal-persuni ġuridiċi li jirrikorru għal servizzi ta’ fatturazzjoni, sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex ipprovduti mill-banek fil-kuntest tal-attivitajiet irreġistrati tagħhom. L-Aġenzija hija wkoll awtorizzata timponi miżuri intiżi sabiex jeliminaw l-illegalitajiet u l-irregolaritajiet ikkonstatati.

10.

L-Artikolu 3(1) taż-Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni) (Narodne novine, Nru 141/13) jipprevedi li kumpannija tal-lokazzjoni hija kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fir-Repubblika tal-Kroazja u rreġistrata fir-reġistru ġudizzjarju fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ lokazzjoni maħruġa mill-Aġenzija skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi dwar il-Lokazzjoni.

11.

L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-lokazzjoni hija tranżazzjoni legali li permezz tagħha l-lokatur jakkwista assi lokat b’tali mod li jixtrih mingħand fornitur u jakkwista l-proprjetà tal-assi lokat, u sussegwentement jippermetti lil-lokatarju juża l-assi lokat għal ċertu perijodu ta’ żmien, u l-lokatur jintrabat li jħallas remunerazzjoni għal dan l-użu.

12.

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li, skont is-suġġett u l-karatteristiċi tal-kuntratt ta’ lokazzjoni, din tal-aħħar tista’ tkun lokazzjoni finanzjarja jew operattiva.

13.

L-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni jipprevedi li l-lokazzjoni finanzjarja hija tranżazzjoni legali li permezz tagħha l-lokatarju jħallas, matul il-perijodu tal-użu tal-assi lokat, remunerazzjoni lil-lokatur li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur totali tal-assi lokat, isostni l-ispiża tad-deprezzament tal-assi, u jista’, permezz ta’ possibbiltà ta’ akkwiżizzjoni, jakkwista l-proprjetà tal-assi bi prezz fiss li, fil-mument tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, ikun inqas mill-valur attwali ta’ dan l-assi f’dak il-mument. Ir-riskji u l-benefiċċji tal-proprjetà tal-assi lokat huma fil-parti l-kbira tagħhom ittrasferiti lil-lokatarju.

14.

L-Artikolu 5(3) tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni jipprevedi li l-lokazzjoni operattiva hija tranżazzjoni legali li permezz tagħha l-lokatarju jħallas, matul il-perijodu tal-użu tal-assi lokat, remunerazzjoni speċifika lil-lokatur, li ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-valur totali tal-assi lokat. Il-lokatur ibati l-ispiża tad-deprezzament tal-assi lokat u l-lokatarju ma għandux possibbiltà ta’ akkwiżizzjoni kuntrattwali; ir-riskji u l-benefiċċji tal-proprjetà tal-assi lokat jibqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom sostnuti mil-lokatur, jiġifieri, ma jiġux ittrasferiti lil-lokatarju.

15.

L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni jipprevedi li l-attivitajiet ta’ lokazzjoni għandhom jiġu eżerċitati minn kumpanniji ta’ lokazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, kumpannija ta’ lokazzjoni minn Stat Membru msemmija fl-Artikolu 46 ta’ din il-liġi u fergħa ta’ kumpannija ta’ lokazzjoni minn pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 48 ta’ din il-liġi.

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

16.

AUTOTECHNICA FLEET SERVICES (iktar ’il quddiem “Autotechnica”) hija kumpannija rreġistrata fil-Kroazja li teżerċita attivitajiet ta’ “lokazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”, ta’ “kiri u lokazzjoni ta’ karozzi u ta’ trakkijiet (b’xufier jew mingħajru)” u ta’ “kiri u lokazzjoni ta’ roti, scooters, eċċ.”. Hija sussidjarja ta’ kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn din il-kumpannija tipprovdi servizzi tal-istess tip bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

17.

L-Aġenzija kkonstatat, waqt awditu straordinarju ta’ Autotechnica, li din il-kumpannija kienet ikkonkludiet tliet kuntratti ta’ kiri għal żmien twil (li jinvolvu erba’ karozzi) u, imbagħad, fuq talba espressa tal-klijenti tagħha, kienet akkwistat il-karozzi billi xtrathom mingħand il-fornitur, u b’hekk akkwistat il-proprjetà tagħhom, u qegħdithom għad-dispożizzjoni tal-klijenti sabiex jużawhom. Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, l-Aġenzija kkunsidrat li Autotechnica kienet, essenzjalment, qiegħda twettaq attività ta’ lokazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni valida. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), hija pprojbixxiet lil Autotechnica milli teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni valida.

18.

Autotechnica ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni. Hija tinvoka ksur tad-drittijiet li hija tislet, fil-fehma tagħha, mid-dritt tal-Unjoni, minħabba li r-Repubblika tal-Kroazja ma setgħetx tittratta l-lokazzjoni operattiva bħala servizz finanzjarju, bir-riżultat li l-provvista ta’ tali servizzi, bħal-lokazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, ma għandhiex tkun suġġetta għas-sorveljanza tal-Aġenzija.

19.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-Direttiva 2013/36/UE ( 4 ) tirreferi esklużivament għal-lokazzjoni finanzjarja u ma tkoprix il-lokazzjoni operattiva. Għalhekk, permezz ta’ raġunament a contrario, ikun xieraq li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 jiġu applikati għal-lokazzjoni operattiva. Mill-premessa 33 u mill-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li din tkopri varjetà kbira ta’ servizzi, inkluż il-lokazzjoni ta’ karozzi, li tista’ titqies bħala lokazzjoni operattiva.

20.

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-leġiżlazzjoni Kroata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tipprekludi jew tiddiswadi lil Autotechnica u lil persuni ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Kroazja milli jeżerċitaw attivitajiet ta’ kiri kummerċjali jew ta’ lokazzjoni operattiva, bir-riżultat li din il-leġiżlazzjoni tista’ ma tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 49 TFUE.

21.

Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2022, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2022, l-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Is-servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew is-servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2006/123] dwar is-servizzi fis-suq intern, kif imsemmi fil-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, tat‑13 ta’ Marzu 2008, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi? Entità li teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni operattiva (u mhux ta’ lokazzjoni finanzjarja) u/jew attivitajiet ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur hija kkunsidrata bħala istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament UE) Nru 648/2012 [(ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29)]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel [parti tal-ewwel] domanda tkun fl-affermattiv, iżda r-risposta għat-tieni [parti tal-ewwel] domanda tkun fin-negattiv, l-awtorizzazzjoni tal-[Aġenzija] biex tikkontrolla, abbażi tal-Artikolu 6(1) taz-Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni), il-provvista ta’ servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew ta’ servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll l-awtorizzazzjoni li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-impriżi li jwettqu dawn l-attivitajiet huma konformi mal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 9 sa 13 tad-[Direttiva 2006/123]?

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, fejn kumpannija omm fi Stat Membru għandha l-intenzjoni li tipprovdi, permezz ta’ sussidjarja, fi Stat Membru ieħor servizzi tal-istess tip bħal dawk li hija tipprovdi fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-Artikolu 49 TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 sa 13 tad-[Direttiva 2006/123] għandhom jiġu interpretati b’mod li jista’ jippermetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali [Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni)] timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq sussidjarja, u b’dan il-mod tagħmel l-eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni iktar diffiċli/inqas attraenti?”

22.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Kroat u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Olandiż, ipparteċipaw fis-seduta, li nżammet fl‑1 ta’ Marzu 2023.

IV. Evalwazzjoni

A.   L‑ewwel domanda

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-lokazzjoni operattiva tikkostitwixxix “servizz finanzjarju” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 u jekk tali servizz għandux jiġi pprovdut minn “istituzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

1. Il‑klassifikazzjoni tal‑kuntratti ta’ lokazzjoni fid‑dritt nazzjonali

24.

Huwa evidenti mid-domanda li l-qorti tar-rinviju tiddistingwi bejn tliet tipi differenti ta’ sitwazzjoni: servizzi ta’ kiri tal-karozzi, lokazzjoni operattiva u lokazzjoni finanzjarja. Dawn il-kunċetti joriġinaw kollha mid-dritt ċivili nazzjonali. Bħala tali, u sal-lum, huma ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mill-Unjoni, li jimplika li ma humiex iddefiniti b’mod pożittiv fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, preliminarjament u għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa xieraq li dawn il-kunċetti jiġu ċċarati fil-qosor.

25.

It-twettiq ta’ paragun globali bejn kodiċijiet ċivili nazzjonali differenti dwar il-kuntratti ta’ kiri, il-kuntratti ta’ lokazzjoni operattiva u l-ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja ma jaqax fil-portata ta’ din il-kawża. Madankollu, jista’ jingħad li filwaqt li l-kuntratti ta’ kiri kienu suġġett ċentrali tad-dritt ċivili nazzjonali (tal-kodiċijiet ċivili nazzjonali) għal sekli, dan ma huwiex il-każ għal ftehimiet ta’ lokazzjoni (kemm jekk operattivi kif ukoll finanzjarji). Ir-raġuni għal dan hija li dawn il-ftehimiet ta’ lokazzjoni jaqdu ħtiġijiet li dehru biss matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, kif ser nuri iktar ’il quddiem, partikolarment fil-kuntest ta’ ftehimiet li jirrigwardaw karozza.

26.

Is-servizzi tal-kiri tal-karozzi huma l-iktar kategorija ta’ servizzi tal-kiri faċli li tinftiehem mill-perspettiva legali u ekonomika. Hemm biss relazzjoni (ġuridika) waħda: A, is-sid ta’ karozza, jikri din il-karozza għal remunerazzjoni lil B, li jkollu l-pussess temporanju tal-karozza. Ġeneralment, il-karozzi jinkrew fuq medda qasira ta’ żmien. Dan jista’ jsir f’kuntest professjonali, pereżempju fil-kuntest ta’ vjaġġi ta’ negozju, jew fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ ħin liberu, bħal matul vaganza. Il-kiri tal-karozzi għandu t-tendenza li jsir indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li qiegħda tikri l-karozza hijiex sid ta’ karozza “fil-ħajja reali” ( 5 ).

27.

Il-ftehimiet ta’ lokazzjoni jsegwu loġika differenti: persuna tixtieq ikollha karozza għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod permanenti (jiġifieri, lejl u nhar) u għal żmien speċifikat. Dawn il-ftehimiet ma jkoprux il-ħtiġijiet (ta’ negozju jew vaganzi) fuq terminu qasir, iżda pjuttost dawk fuq terminu medju u twil, kif ukoll, fuq kollox, il-ħtiġijiet ta’ kuljum. Persuna tkun tixtieq tuża karozza, kull darba li jkollha bżonn, għal finijiet ta’ kuljum. Il-kwistjoni dwar min effettivament għandu l-proprjetà tal-karozza ssir sekondarja. Dak li jgħodd huwa li titqiegħed karozza għad-dispożizzjoni ta’ xi ħadd li mbagħad ikun jista’ effettivament jużaha.

28.

Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ lokazzjoni operattiva, il-lokatarju (l-utent tal-karozza) ma jassumi l-ebda riskju ta’ proprjetà jew ta’ valur residwu. Il-lokatur (sid il-karozza) iżomm il-proprjetà tal-karozza u huwa responsabbli għall-manutenzjoni u għat-tiswija. Meta l-ftehim jintemm, il-lokatarju jirritorna l-karozza lil-lokatur. F’kuntratt ta’ lokazzjoni, għall-kuntrarju, il-lokatarju jassumi l-pussess u r-riskji tal-valur residwu. Ġeneralment, il-lokatur jixtri l-karozza fuq talba tal-lokatarju u jikrihielu għal żmien fiss, normalment għal diversi snin. Il-lokatarju jagħmel ħlasijiet perijodiċi ta’ kiri u huwa responsabbli għall-manutenzjoni u għat-tiswija. Fi tmiem il-ftehim, il-lokatarju ġeneralment ikollu l-possibbiltà li jixtri l-karozza għall-valur residwu tagħha.

29.

Pereżempju, il-lokazzjoni operattiva ġeneralment taħdem hekk: A jixtieq karozza, ġeneralment għall-użu ta’ kuljum. Għal dan l-għan, A jmur għand B, speċjalist, ġeneralment konċessjonarju ta’ vetturi bil-mutur jew, bħal fil-kawża ineżami, ditta speċjalizzata fit-tqegħid ta’ karozzi għad-dispożizzjoni tal-klijenti għal perijodu ta’ żmien speċifikat. B jew ikollu karozza diġà lesta fil-flotta tiegħu, jew, kif inhu iktar probabbli, jikseb karozza skont ix-xewqat ta’ A, li mbagħad tinkera lil A.

30.

B huwa s-sid tal-karozza, fis-sens legali tat-terminu. A juża l-karozza u jħallas remunerazzjoni għall-użu tagħha. Diversi kundizzjonijiet oħra huma ddeterminati mill-kuntratt konkluż bejn A u B, bħal kilometraġġ massimu u t-tariffi li għandhom jitħallsu f’każ li jinqabeż dan il-kilometraġġ. Fi tmiem il-perijodu previst fil-kuntratt, il-karozza tingħata lura lil B. Kruċjalment, il-ħlasijiet li saru minn A ma jikkorrispondux mal-amortizzament tal-valur tal-karozza. Fi kliem ieħor, B jassumi r-riskju ekonomiku relatat mal-kapaċità tiegħu li jerġa’ juża, jikri mill-ġdid, jew ibigħ mill-ġdid il-vettura.

31.

Il-lokazzjoni finanzjarja ssegwi skema differenti. Il-ftehim inizjali huwa simili għal dak tal-lokazzjoni operattiva (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Id-differenzi bejn it-tnejn jinsabu fl-amortizzament tal-vettura permezz tal-ħlasijiet magħmula bejn A u B. Ġeneralment, fil-lokazzjoni finanzjarja, fi tmiem il-perijodu stabbilit, il-vettura “titħallas kollha” u l-proprjetà tiġi ttrasferita minn B lil A, jew ikun hemm il-possibbiltà għal A li jixtri l-vettura permezz tal-ħlas ta’ somma finali. It-tieni possibbiltà hija l-iktar waħda prevalenti, li jfisser li anki l-lokazzjoni finanzjarja ma hijiex neċessarjament orjentata lejn l-akkwist tal-vettura. Dan huwa loġiku – jekk l-akkwist tal-vettura kien ċentrali għall-intenzjonijiet tal-partijiet, huma kienu jagħżlu kuntratt ta’ bejgħ regolari flimkien ma’ pagament differit.

32.

Fil-qosor, il-lokazzjoni – operattiva jew finanzjarja – għandha l-għan li tqiegħed karozza għad-dispożizzjoni ta’ klijent sabiex tkun tista’ tintuża. Din hija r-raġuni għaliex, fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali, il-lokazzjoni, u b’mod partikolari l-lokazzjoni operattiva, hija ġeneralment ikkunsidrata bħala kuntratt ta’ kiri b’ċerti karatteristiċi speċifiċi.

33.

Fi kliem ieħor, minkejja li l-kuntratti ta’ lokazzjoni operattiva jinkludu, jekk ikun il-każ, elementi ta’ kiri, ta’ bejgħ u ta’ self, dawn għandhom it-tendenza li jiġu ttrattati prinċipalment bħala kuntratti ta’ kiri ( 6 ), peress li l-għan prinċipali tal-kuntratt, skont l-intenzjonijiet tal-partijiet, huwa l-aspett tal-kiri. F’ċerti każijiet, il-lokazzjonijiet operattivi u finanzjarji huma anki ttrattati bl-istess mod skont id-dritt ċivili nazzjonali ( 7 ).

34.

Finalment, sabiex tiġi konkluża din il-parti, jista’ jiġi preżunt, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-lokazzjoni operattiva kif imwettqa minn Autotechnica hija offruta bil-mod deskritt fil-punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2. L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123

35.

Dan iwassalna sal-qalba tal-ewwel domanda: il-lokazzjoni operattiva f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala “servizz finanzjarju” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123?

36.

Bla dubju ta’ xejn, ir-risposta hija “le”.

37.

L-għan tad-Direttiva 2006/123 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tagħha bħala l-istabbiliment ta’ “dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi”. Id-Direttiva 2006/123 għandha portata wiesgħa, peress li hija tapplika, bħala prinċipju, għas-servizzi kollha pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru ( 8 ). L-eċċezzjonijiet, jiġifieri l-oqsma li għalihom id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax, huma elenkati fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.

38.

Skont il-loġika ġenerali tar-regola u l-eċċezzjoni li fuqha huwa bbażat is-suq intern kollu, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, anki jekk l-ewwel jista’ jidher li l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2(2)(a) sa (l) tad-Direttiva 2006/123 ma jsegwu l-ebda loġika inerenti u jikkostitwixxu “ħallata ballata” każwali, iddettata mill-għażliet ta’ politika tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak iż-żmien ( 9 ), jiena madankollu nsostni li dawn isegwu loġika ġuridika. L-attivitajiet huma esklużi għal waħda minn tliet raġunijiet: minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jsegwi l-loġika stabbilita mid-dritt primarju ( 10 ); minħabba li, tal-inqas f’ċerti Stati Membri, dawn għandhom it-tendenza li jitwettqu minn korpi pubbliċi minħabba s-sensittività tagħhom ( 11 ); jew minħabba li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk ġabu l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 inutli. Eżempji ta’ din l-aħħar kategorija huma s-servizzi u n-networks ( 12 ) ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, fil-fehma tiegħi, is-servizzi finanzjarji ( 13 ). Dan huwa kkorroborat mill-premessa 18 tad-Direttiva 2006/123, li tistabbilixxi li s-servizzi finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva “peress li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal leġislazzjoni [tal-Unjoni] speċifika, immirata, bħal f’din id-Direttiva, li tikseb suq ġenwin intern għas-servizzi” ( 14 ).

39.

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 isemmi, bħala eżempju ( 15 ), fost is-servizzi finanzjarji li għalihom din id-direttiva ma tapplikax, is-servizzi bankarji, il-kreditu, l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, it-titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti u l-pariri dwar l-investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36 ( 16 ). Dan l-anness jelenka 15‑il attività li huma s-suġġett ta’ rikonoxximent reċiproku skont din id-direttiva. Waħda minn dawn l-attivitajiet hija l-lokazzjoni finanzjarja ( 17 ); il-lokazzjoni operattiva ma tissemmiex fih.

40.

Din l-aħħar konstatazzjoni diġà tippermetti li jiġi konkluż li l-lokazzjoni operattiva ma hijiex ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala servizz finanzjarju u li, konsegwentement, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi tal-Kummissjoni, li ma huwiex vinkolanti iżda madankollu huwa illustrattiv, fejn jingħad li “Servizzi li ma jikkostitwixxux servizz finanzjarju, bħal servizzi tal-lokazzjoni operattiva li tikkonsisti fil-kiri ta’ prodotti, mhumiex koperti minn din l-esklużjoni” ( 18 ).

41.

Argumenti oħra jimmilitaw ukoll kontra l-klassifikazzjoni tal-lokazzjoni operattiva bħala servizz finanzjarju.

42.

Kull tranżazzjoni kummerċjali tinvolvi element finanzjarju fis-sens wiesa’, jiġifieri l-prezz jew ir-remunerazzjoni mħallsa għal oġġett jew servizz. Għalhekk, bħala eżempju, sabiex jiġi akkwistat flixkun tal-ilma mis-supermarket, għandu jitħallas il-prezz rilevanti, u sabiex wieħed jaqbad ferrovija, irid iħallas għal biljett – madankollu, il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet kummerċjali ma jikkostitwixxux servizzi finanzjarji. Id-domanda deċiżiva hija fejn jinsab iċ-ċentru tal-gravità? Jiġifieri, l-għan tal-ftehim huwa li verament jiġi akkwistat jew mikri oġġett jew servizz, jew inkella huwa li jiġi ffinanzjat l-akkwist ta’ oġġett jew servizz?

43.

Fir-rigward tal-lokazzjoni operattiva, it-tweġiba hija ċara: l-għan ta’ ftehim huwa l-kiri ta’ karozza għal żmien determinat. L-elementi finanzjarji huma sekondarji u ma jistgħux, waħedhom, iwasslu sabiex il-lokazzjoni operattiva tiġi kklassifikata bħala servizz finanzjarju.

44.

Bħala rimarka finali, iżda importanti, nixtieq nenfasizza li huwa immaterjali, f’dan ir-rigward, jekk, kif issostni l-Aġenzija, il-lokatur jakkwistax il-karozza fuq talba tal-lokatarju. Dan huwa tipiku għal kwalunkwe tip ta’ lokazzjoni u ma għandu l-ebda impatt fuq jekk tranżazzjoni tikkostitwixxix servizz finanzjarju jew le.

45.

Bħala konklużjoni, il-lokazzjoni operattiva ma tikkostitwixxix servizz finanzjarju. Għaldaqstant, isegwi li ma huwiex neċessarju li tkun “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li toffri tali servizzi ( 19 ).

3. Ir‑risposta proposta għall‑ewwel domanda

46.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-lokazzjoni operattiva ma tikkostitwixxix “servizz finanzjarju” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123; hija għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

B.   It‑tieni u t‑tielet domanda

47.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 jew l-Artikolu 49 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività ta’ lokazzjoni operattiva. It-tielet domanda tiffoka fuq sitwazzjoni fejn kumpannija minn Stat Membru tkun tixtieq tipprovdi s-servizzi ta’ lokazzjoni operattiva fi Stat Membru ieħor permezz ta’ kumpannija sussidjarja.

48.

Ser nittratta d-domandi flimkien, peress li l-analiżi legali hija l-istess. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi ( 20 ), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma japplikawx biss għal sitwazzjoni transkonfinali, iżda wkoll għal sitwazzjoni fejn l-elementi rilevanti kollha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed ( 21 ).

49.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 49 TFUE jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali, li jittrattaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u ta’ lokazzjoni ta’ vetturi għal żmien twil bħala fornituri ta’ servizzi finanzjarji u għalhekk bħala istituzzjonijiet finanzjarji, u b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Aġenzija.

1. L‑iskemi ta’ awtorizzazzjoni skont l‑Artikoli 9 u 10 tad‑Direttiva 2006/123

50.

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi li Autotechnica ma tipprovdix servizzi finanzjarji, il-loġika kollha li tikkonsisti fl-għoti lill-Aġenzija tas-setgħa li tagħti awtorizzazzjonijiet lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u li titlob lill-impriżi jtemmu l-attività tagħhom tidher dubjuża. Huwa diffiċli li wieħed jara għaliex aġenzija inkarigata mis-sorveljanza tas-swieq finanzjarji għandha tkun involuta f’attivitajiet mhux malizzjużi bħalma hija l-lokazzjoni operattiva tal-vetturi.

51.

Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Kroata dwar il-Lokazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, jistabbilixxu skema ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 ( 22 ).

52.

Konsegwentement, l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 ( 23 ) huma applikabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet jittrattaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, il-kundizzjonijiet tagħhom u l-aspetti proċedurali relatati magħhom. L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jirregola s-sitwazzjonijiet li fihom, bħala prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal skemi ta’ awtorizzazzjoni li jirregolaw l-aċċess għal attività ta’ servizz u l-eżerċizzju tagħha (il-kwistjoni ta’ “jekk”), filwaqt li l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni (il-kwistjoni ta’ “kif”) ( 24 ).

53.

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri ma għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: (a) l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat; (b) il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku; u (c) l-għan segwit ma jistax jinkiseb b’miżura inqas ristrettiva, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori sseħħ tard wisq sabiex tkun ġenwinament effettiva.

54.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn il-kwistjonijiet. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u s-sottomissjonijiet tal-partijiet differenti, jiena ninsab f’pożizzjoni li nipproponi l-linji gwida li ġejjin.

55.

L-ewwel, fl-assenza ta’ informazzjoni dwar kif il-kompetituri ta’ Autotechnica ( 25 ) huma ttrattati mill-Aġenzija fir-rigward tal-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni, ma jidhirx li hemm diskriminazzjoni kontra Autotechnica fil-Kroazja ( 26 ). Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din l-ipoteżi.

56.

It-tieni, jidher li hemm, bħala prinċipju, raġuni li tiġġustifika skema ta’ awtorizzazzjoni fil-forma tal-protezzjoni tal-konsumaturi, kif invokata mill-Aġenzija u mill-Gvern Kroat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku espressament irrikonoxxuta mid-Direttiva 2006/123 ( 27 ). Madankollu, ma huwiex ċar għalija b’liema mod il-lokazzjoni operattiva hija differenti minn kuntratti oħra li konsumatur jista’ jikkonkludi, b’tali mod li jiġġustifika l-protezzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 9 et seq. tad-Direttiva 2006/123, flimkien mal-protezzjoni ġenerali tal-konsumaturi li diġà hija pprovduta, pereżempju, mid-Direttiva 2011/83. Fil-każ ta’ servizz finanzjarju, konsumatur huwa b’mod ċar vulnerabbli fis-sens li huwa jirriskja li jsostni dejn eċċessiv jekk ma jkunx hemm biżżejjed salvagwardji stabbiliti. Għall-kuntrarju, peress li l-lokazzjoni operattiva ma tikkostitwixxix servizz finanzjarju u peress li ma hemmx riskju li l-konsumatur ikun jista’ jesponi ruħu għal dejn eċċessiv, huwa diffiċli li wieħed jara għaliex konsumatur għandu jiġi protett, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123.

57.

Bl-istess mod, lanqas ma huwa possibbli li tiġi invokata l-istabbiltà jew ir-reputazzjoni ( 28 ) tas-settur finanzjarju jew il-ħtieġa ta’ regoli prudenzjali ( 29 ), peress li s-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwixxux servizzi finanzjarji. Il-lokazzjoni operattiva, anki jekk użata b’mod eċċessiv, ma tikkostitwixxix theddida għall-istabbiltà jew għar-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, għas-sempliċi raġuni li, meta konsumatur ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jħallas it-tariffa mensili, il-karozza tingħata lura lil-lokatur, il-ħlasijiet tal-lokazzjoni jintemmu u kważi l-ebda dannu finanzjarju ma jseħħ. Ċertament, dan ma jwassalx għal kriżi fis-settur finanzjarju.

58.

It-tielet, ma narax kif il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 hija ssodisfatta, jiġifieri li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva, bħal spezzjoni a posteriori. Ma ġiex ippruvat għaliex huwa neċessarju kontroll ex ante. Fl-assenza ta’ elementi rilevanti oħra, jidhirli li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 ma hijiex issodisfatta hawnhekk.

59.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, għandhom isiru r-rimarki li ġejjin.

60.

L-ewwel, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni hijiex ibbażata fuq kriterji li jipprekludu lill-Aġenzija milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod arbitrarju, kif jeżiġi l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123.

61.

It-tieni, il-kriterji li jistabbilixxu l-iskema ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-għan ta’ interess pubbliku tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Hawnhekk, l-eżami huwa komparabbli ma’ dak tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 ( 30 ). Ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit għaliex ma hemmx bżonn ta’ miżuri inqas restrittivi.

62.

It-tielet, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2006/123, li skontu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx jirduppjaw ir-rekwiżiti u l-kontrolli li huma ekwivalenti jew essenzjalment komparabbli fir-rigward tal-għan tagħhom li għalihom il-fornitur tas-servizz huwa diġà suġġett fi Stat Membru ieħor. Madankollu, peress li Autotechnica ma tidhirx li hija suġġetta għal skemi ta’ awtorizzazzjoni fi Stati Membri oħra, jista’ jkun li l-qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din id-dispożizzjoni għall-kawża ineżami.

2. Ir‑risposta proposta għat‑tieni u għat‑tielet domanda

63.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 jipprekludu l-applikazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività ta’ lokazzjoni operattiva.

3. L‑Artikolu 49 TFUE

64.

Fid-dawl tar-risposta proposta, ma hijiex neċessarja analiżi fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE ( 31 ). Fi kwalunkwe każ, hija ma twassalx għal riżultat differenti minn dak skont id-Direttiva 2006/123.

V. Konklużjoni

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, il-Kroazja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lokazzjoni operattiva ma tikkostitwixxix servizz finanzjarju, u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

(2)

L-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123

għandhom jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività ta’ lokazzjoni operattiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 3 ) Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi.

( 4 ) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).

( 5 ) Għalkemm l-istatistika tindika li x’aktarx dan huwa l-każ fid-dinja tal-lum. Għalhekk, fl‑2020, skont il-Eurostat, is-sjieda tal-karozzi fl-Unjoni kienet ta’ 0.53 karozza għal kull abitant; ara https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20220727-1.

( 6 ) Dan huwa, pereżempju, il-każ fi Spanja; ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2000 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) (STS 203/2000 ‐ ECLI:ES:TS:2000:203). Dan huwa wkoll il-każ fil-Ġermanja; ara Pierson, T., “Grundlagen und Probleme des Finanzierungsleasings”, f’Juristische Schulung, 2021, pp. 8 sa 12, fil-p. 9. Fil-Ġermanja, anki l-lokazzjoni finanzjarja hija primarjament ittrattata skont il-kodiċijiet tad-dritt ċivili relatati mal-kiri.

( 7 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Polonja, fejn il-lokazzjoni twassal għall-akkwist tal-oġġett inkwistjoni.

( 8 ) Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123.

( 9 ) Ma huwiex sigriet li l-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/123 kien diffiċli.

( 10 ) Ara, pereżempju, is-servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi s-servizzi tal-port, (punt (d) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123) jew attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali (punt (i) ta’ dan l-artikolu).

( 11 ) Ara, pereżempju, l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard (punt (h) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123) jew is-servizzi soċjali relatati mal-akkomodazzjoni soċjali, il-kura tat-tfal u l-appoġġ għall-familji u għall-persuni b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri awtorizzati mill-Istat jew minn karitajiet irrikonoxxuti bħala tali mill-Istat (punt (j) ta’ dan l-artikolu).

( 12 ) Ara l-punt (ċ) tal-Artikolu (2)(2) tad-Direttiva 2006/123.

( 13 ) Ara l-punt (b) tal-Artikolu (2)(2) tad-Direttiva 2006/123.

( 14 ) Il-bqija tal-premessa tirrifletti l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, din l-esklużjoni għandha tkopri s-servizzi finanzjarji kollha bħas-servizzi bankarji, il-kreditu, l-assigurazzjoni, inklużi r-riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, it-titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagament u l-pariri dwar l-investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36.

( 15 ) Jeżistu atti oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jiddefinixxu x’jikkostitwixxi “servizz finanzjarju” għall-finijiet ta’ kull att. Ara l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14) u l-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, “servizz finanzjarju” huwa “kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”. Madankollu, dawn id-definizzjonijiet ma jwasslux li tiġi solvuta l-problema legali li għandna quddiemna fil-kawża ineżami, peress li dawn ma jmorrux lil hinn mill-enumerazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123.

( 16 ) It-test tad-Direttiva 2006/123 hawnhekk jirreferi għad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1), il-prekursur tad-Direttiva 2013/36. Skont l-Artikolu 163 tad-Direttiva 2013/36, riferimenti għad-Direttiva 2006/48 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2013/36.

( 17 ) Ara l-Anness I tad-Direttiva 2013/36, punt 3. Għandu jiġi nnotat hawnhekk li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża ma taqbilx mal-oħrajn fis-sens li jissemma biss il-“crédit-bail” mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri. Madankollu, dan ma jibdilx din l-analiżi legali peress li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra huma ċari minħabba li huwa speċifikat li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-“lokazzjoni finanzjarja”.

( 18 ) Ara l-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, punt 2.1.2; disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/a4987fe6-d74b-4f4f-8539-b80297d29715.

( 19 ) Għalhekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea kkonstatat ukoll li entità li twettaq lokazzjoni operattiva esklużivament ma tistax titqies li hija “istituzzjoni finanzjarja”; ara t-tweġiba pprovduta għall-mistoqsija ID 2014_1644, disponibbli fuq: https://www.eba.europa.eu/single-rule-book-qa/-/qna/view/publicId/2014_1644.

( 20 ) Jiġifieri l-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2006/123.

( 21 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110), u tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 58).

( 22 ) Skont din id-dispożizzjoni, “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser kull proċedura li fiha fornitur jew destinatarju ta’ servizz ikun effettivament meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha.

( 23 ) Dawn l-artikoli jikkostitwixxu t-Taqsima 1 (“Awtorizzazzjonijiet”) tal-Kapitolu III (“Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”) tad-Direttiva 2006/123.

( 24 ) Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet huma indirizzati lill-Istati Membri, huma jimponulhom obbligi inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi sabiex jadattaw l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dawn huma direttament applikabbli u jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra l-awtoritajiet nazzjonali. Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein (C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 67 et seq.) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tesplora l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 130), fir-rigward tal-istess kwistjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punt 53).

( 25 ) Mill-Kroazja jew minn Stati Membri oħra.

( 26 ) Ta’ min jenfasizza hawnhekk li l-fatt li l-kumpannija li tagħha Autotechnica hija sussidjarja ma jidhirx li għandha ostakoli simili fi Stati Membri oħra ma huwiex rilevanti hawnhekk, peress li qegħdin neżaminaw it-trattament ta’ Autotechnica fil-Kroazja mill-awtoritajiet Kroati u fuq il-bażi tad-dritt Kroat.

( 27 ) Ara l-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123.

( 28 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 71).

( 29 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑271/09, EU:C:2011:855, punt 57).

( 30 ) Fil-fatt, minkejja li l-istruttura tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 tista’ tidher loġika, spiss ikun diffiċli fil-prattika li ż-żewġ dispożizzjonijiet jiġu ddelineati. Kif turi l-kawża ineżami, il-ġustifikazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni fiha nnifisha, b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni li huwa meħtieġ il-kontroll preventiv u li l-kontroll ex post ma kienx ikun suffiċjenti, tista’ tinkiseb biss b’riferiment għall-għan tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni. Ara wkoll, f’dan is-sens, Cornils, M., f’Schlachter, M., u Ohler, C. (edituri), Europäische Dienstleistungsrichtlinie, Handkommentar, Nomos, Baden-Baden, 2008, Artikolu 9, punt 4.

( 31 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 137), u tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 97). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou f’Administración General del Estado et (C‑292/21, EU:C:2022:694, punt 24).