KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 ( 1 )

Kawża C‑252/22

Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD

vs

Consiliul Judeţean Suceava,

Preşedintele Consiliului Judeţean Suceava,

Agenţia pentru Protecţia Mediului Bacău,

Consiliul Local al Comunei Pojorâta,

intervenjent:

QP

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Târgu-Mureş (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu-Mureş, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Punt 4 tal-Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘pubbliku’ — Aċċess għall-ġustizzja — Artikolu 9(3) — Soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati — Rikonoxximent ta’ locus standi għal tilwimiet li jirriżulta mit-twettiq ta’ attività professjonali — Soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati li tikkontesta miżuri amministrattivi li jirrigwardaw il-bini ta’ landfill — Assenza ta’ ksur tad-drittijiet jew interessi leġittimi — Kunċett ta’ proċedura li ma tinvolvix spejjeż projbittivi”

1.

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 ) ġiet deskritta mill-ex Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Kofi Annan, bħala l-“iktar pass ambizzjuż fid-demokrazija ambjentali imwettaq taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti” ( 3 ). Skont l-awturi tagħha, din il-konvenzjoni hija “iktar minn ftehim dwar l-ambjent” peress li “tindirizza l-aspetti fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż it-trasparenza, risponsività u kontabbiltà governattiva lejn is-soċjetà” ( 4 ). Din id-dikjarazzjoni, kif ġie osservat fil-letteratura akkademika, tikkontribwixxi għal “narrattiva estensiva dwar kif għandha tiġi interpretata u miftehma l-Konvenzjoni” ( 5 ).

2.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Curtea de Apel Târgu-Mureş (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu-Mureş, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tixtieq gwida dwar il-kapaċità u l-locus standi ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati li titlob aċċess għal ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali biex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha u l-interess ġenerali. Id-domandi magħmula jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ teżamina r-regoli proċedurali li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu għall-membri tal-pubbliku sabiex iressqu azzjoni li tirrigwarda l-liġi ambjentali tal-UE fid-dawl tal-obbligu tal-Istati Membri biex jiżguraw protezzjoni ambjentali effettiva.

I. Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Konvenzjoni ta’ Aarhus

3.

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-punt 4 tiegħu li l-kelma “pubbliku” tfisser “persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4.

L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprovdi fil-paragrafi 2, 3 u 4 li:

“2.   Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

(a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le

(b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ Parti jeżiġi tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

X’jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattivi li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti fis-sens tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq

[…]

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ ordni jekk ikun il-każ, u dawn ir-rimedji għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi. […] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE ( 6 ), intitolat “Kundizzjonijiet tal-permess”, jipprovdi fil-punt (a)(i):

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

(a)

l-awtoritá kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

(i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi”.

Id‑dritt Rumen

Il-Liġi Nru 51/1995 dwar l-Organizzazzjoni u l-Prattika tal-Professjoni ta’ Avukat

6.

L-Artikolu 5(5) tal-Legea nr. 51/1995 pentru organizarea și exercitarea profesiei de avocat (il-Liġi Nru 51/1995 dwar l-Organizzazzjoni u l-Prattika tal-Professjoni ta’ Avukat), (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 51/1995”) jipprovdi li:

“Is-soċjetà ċivili għandha tikkonsisti f’żewġ avukati kkonfermati jew iktar. Fis-soċjetà ċivili, l-avukati assoċjati jew l-avukati li huma f’impjieg bil-paga jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom ukoll […]”

L‑Istatut tal-professjoni ta’ avukat

7.

L-Artikolu 196(3) tal-iStatutul profesiei de avocat din 3 decembrie 2011 (l-Istatut tal-Professjoni ta’ Avukat tat‑3 ta’ Diċembru 2011, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-professjoni ta’ avukat”), adottat mill-Uniunea Națională a Barourilor din România (l-Unjoni Nazzjonali tal-Kmamar tal-Avukati Rumeni) jipprovdi li:

“(3) Għal kwistjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-attività professjonali, is-soċjetà ċivili tista’ tieħu azzjoni legali bħala rikorrenti jew konvenuta, anki jekk ma jkollhiex personalità ġuridika”.

Il‑Liġi Nru 554/2004 dwar il‑Kontenzjuż Amministrattiv

8.

Il-Legea contenciosului administrativ nr. 554/2004 (il-Liġi Nru 554/2004 dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv), tipprovdi fl-Artikolu 1(1) u (2):

“(1)   Kull persuna li jidhrilha li xi wieħed mid-drittijiet jew interessi leġittimi tagħha nkisru minn xi awtorità pubblika, permezz ta’ miżura amministrattiva jew permezz tan-nuqqas ta’ din l-awtorità li tipproċessa xi applikazzjoni fit-terminu stabbilit mil-liġi, tista’ titlob lill-qorti amministrattiva kompetenti biex tannulla din il-miżura, biex tirrikonoxxi d-dritt jew l-interess leġittimu invokat u għall-kumpens għad-dannu mġarrab. L-interess leġittimu jista’ jkun jew privat jew pubbliku.

(2)   Kull persuna li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħha inkisru minħabba miżura amministrattiva individwali indirizzata lil persuna oħra tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva”.

9.

Skont l-Artikolu 2(1)(p), (r) u (s) tal-Liġi Nru 554/2004:

“(1)   Għall-iskopijiet ta’ din il-Liġi, il-kliem u l-espressjonijiet mogħtija hawn taħt għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

(p)

‘interess privat leġittimu’ għandu jfisser il-possibbiltà li wieħed jippretendi ċertu aġir fir-rigward tal-għoti ta’ dritt suġġettiv futur u prevedibbli antiċipat;

(r)

‘interess pubbliku leġittimu’ għandu jfisser interess fir-rigward tas-sistema legali u d-demokrazija kostituzzjonali, il-garanzija tad-drittijiet, libertajiet u obbligi fundamentali taċ-ċittadini, l-osservanza tal-bżonnijiet tal-komunità u l-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtoritajiet pubbliċi;

(s)

‘organizzazzjonijiet soċjali kkonċernati’ għandu jfisser strutturi mhux governattivi, sindakati, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u kopri simili oħra, li l-iskop tagħhom huwa li jipproteġu d-drittijiet ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini jew il-funzjonament tajjeb tas-servizzi amministrattivi pubbliċi, skont il-każ”.

10.

L-Artikolu 8(1)bis tal-Liġi Nru 554/2004:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi rregolati mid-dritt privat jistgħu jressqu azzjoni biex jipproteġu l-interess pubbliku leġittimu biss b’mod sussidjarju, fejn il-ksur tal-interess pubbliku leġittimu jirriżulta loġikament mill-ksur ta’ dritt suġġettiv jew ta’ interess privat leġittimu”.

Ordni ta’ Emerġenza tal‑Gvern Nru 195/2005 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent

11.

L-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 195/2005 privind protecția mediului (l-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 195/2005 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (iktar ’il quddiem “OUG Nru 195/2005”) tipprovdi fl-Artikolu 5(d):

“L-Istat għandu jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull persuna għal ‘ambjent sikur u ekoloġikament ibbilanċjat’ billi jiżgura:

(d)

id-dritt li persuna tirrikorri, direttament jew permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ambjentali, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji, skont il-każ, dwar kwistjonijiet ambjentali, indipendentement minn jekk seħħx dannu jew le”.

12.

L-Artikolu 20 tal-OUG Nru 195/2005 jipprovdi fil-paragrafi 5 u 6 li:

“(5)   L-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja għandu jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

(6)   L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent għandu jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni legali fi kwistjonijiet ambjentali u jkollhom locus standi fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent”.

II. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13.

Ir-rikorrenti hija soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati. Hija ressqet azzjoni quddiem it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Reġjonali ta’ Cluj, ir-Rumanija) kontra l-awtoritajiet lokali konvenuti, li permezz tagħha hija talbet, l-ewwel, l-annullament tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ tqassim f’żoni u l-permess tal-iżvilupp li jirrigwarda l-Pojorâta landfill (iktar ’il quddiem il-“landfill”) (iktar ’il quddiem l-“atti amministrattivi kkontestati”) u, t-tieni, it-twaqqigħ tal-landfill.

14.

Ir-rikorrenti sostniet li għandha locus standi b’riferiment għall-interessi tat-tliet avukati li jikkostitwixxu s-soċjetà ċivili. Dan l-interess kien jikkonsisti, essenzjalment, f’dak li r-rikorrenti kklassifikat bħala “impatt qawwi” li l-landfill kellu fuq il-membri tagħha minħabba s-sentimenti ta’ kosternazzjoni li pprovokat. Ir-rikorrenti sostniet li qiegħda taġixxi wkoll biex tiddefendi l-interess ġenerali tar-reġjun ta’ Bukovina u l-popolazzjoni tiegħu. Hija qalet li l-membri tagħha użaw il-mezzi legali li għandhom minħabba l-professjoni tagħhom sabiex jiddefendu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Fir-rigward tal-mertu tal-azzjoni, ir-rikorrenti ressqet diversi argumenti dwar l-illegalità tal-atti amministrattivi kkontestati.

15.

Il-konvenuti lmentaw li r-rikorrenti ma kellha l-ebda locus standi in judicio u lanqas locus standi. Dwar il-mertu tal-azzjoni, huma argumentaw li l-bini tal-landfill josserva r-rekwiżiti tekniċi kollha stabbiliti mid-Direttiva 1999/31.

16.

B’sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Reġjonali ta’ Cluj) ikkunsidrat li peress li s-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għandha l-kapaċità legali skont id-dritt nazzjonali, hija għandu jkollha locus standi in judicio. Għaldaqstant, hija ċaħdet il-kontestazzjoni inkwantu kienet tikkonċerna l-assenza ta’ locus standi in judicio tas-soċjetà ċivili li tkun parti fi proċeduri kontenzjużi. Għall-kuntrarju, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Reġjonali ta’ Cluj) laqgħet il-kontestazzjoni għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ locus standi u l-interess ġuridiku tas-soċjetà ċivili. Hija ddeċidiet, b’mod iktar partikolari, li skont l-Artikolu 8(1)bis tal-Liġi 554/2004 dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv, rikorrent jista’ jinvoka l-interess pubbliku biss b’mod sussidjarju, meta l-ksur tal-interess pubbliku joħroġ mill-ksur ta’ dritt jew ta’ interess privat leġittimu. Hija kkunsidrat li fil-kuntest tal-OUG Nru 195/2005 li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, għandha ssir distinzjoni bejn NGOs ambjentali u l-persuni l-oħra kollha. Fil-fatt, b’kuntrast mal-NGOs ambjentali li għandhom locus standi qasam tal-kontenzjuż dwar l-ambjent, il-persuni l-oħra kollha, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom josservaw ir-regoli ġenerali dwar il-locus standi li tiddependi mill-prova tal-ksur ta’ dritt jew ta’ interess leġittimu. Peress li r-rikorrenti ressqet kwistjoni “oġġettiva”, jiġifieri waħda li hija intiża għall-protezzjoni tal-interess pubbliku mingħajr ma invokat il-ksur ta’ dritt jew ta’ interess privat leġittimu, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Reġjonali ta’ Cluj) ikkonkludiet li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi.

17.

Ir-rikorrenti u l-Consiliul Judeţean Suceava (il-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava) appellaw mis-sentenza tat-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj) quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Din il-qorti, permezz tad-deċiżjoni tagħha Nru 1195 tas‑26 ta’ Settembru 2019, wara li ċaħdet l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava u laqgħet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti, annullat is-sentenza appellata u rrinvijat il- kawża lura quddiem it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj).

18.

Matul il-proċeduri tal-appell, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava ppreżenta rikors quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) fejn talab li l-kawża tiġi ttrasferita quddiem qorti oħra. Dan ir-rikors ġie milqugħ. Il-kawża ġiet imbagħad ittrasferita lill-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Târgu Mureș (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu Mureș, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Is-sentenza tal-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) ġiet annullata ipso jure b’riżultat tal-fatt li r-rikors għat-trasferiment tal-kawża ntlaqa’.

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-regola ġenerali dwar il-locus standi fi proċeduri amministrattivi tistrieħ fuq “kontenzjuż suġġettiv”, jiġifieri, wieħed fejn jiġu invokati d-drittijiet u l-interessi individwali. Din tispjega li l-persuna li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħha nkisru trid tinvoka interess tagħha, li l-leġiżlatur jirreferi għalih bħala “interess privat leġittimu”. Huwa biss b’mod alternattiv, wara li tkun invokat l-interess privat leġittimu, li persuna fiżika jew ġuridika jew organizzazzjoni kkonċernata tista’ tinvoka “kontenzjuż oġġettiv” billi tressaq azzjoni biex tipproteġi interess pubbliku leġittimu.

20.

Partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-OUG Nru 195/2005 tirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ kontenzjuż oġġettiv. Madankollu, il-kategorija ta’ persuni li jistgħu jinvokaw, primarjament u direttament, interess pubbliku leġittimu hija limitata għall-NGOs ambjentali. Għall-membri l-oħra tal-pubbliku, l-aċċess għall-ġustizzja jseħħ skont ir-regoli ġenerali dwar proċeduri amministrattivi.

21.

Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti hija soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati li, skont il-liġi, għandha locus standi in judicio limitata biex tressaq proċeduri legali fir-rigward ta’ tilwimiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-attività professjonali tagħha.

22.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li r-rikorrenti ressqet l-azzjoni f’isimha biex tipproteġi l-interessi tat-tliet avukati li hija kkostitwita minnhom. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ewwel domanda tinvolvi żewġ aspetti. L-ewwel aspett huwa dwar jekk ir-rikorrenti tistax tiġi rrikonoxxuta bħala “pubbliku” għall-iskopijiet tal-punt 4 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni. It-tieni aspett huwa dwar jekk ir-rikorrenti, għall-istess skopijiet, tistax tistrieħ fuq id-drittijiet u l-interessi tal-persuni fiżiċi li hija kkostitwita minnhom.

23.

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja lil xi wieħed jew liż-żewġ aspetti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi t-tieni domanda, b’mod partikolari jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-ġustizzja minn soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-kundizzjoni dwar il-prova tal-interess tagħha stess jew għall-fatt li, bit-tressiq tal-azzjoni, hija trid tipproteġi sitwazzjoni legali konnessa direttament mal-iskop speċifiku li għalih tkun twaqqfet din is-soċjetà ċivili.

24.

It-tielet domanda preliminari tikkonċerna r-regola li l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu projbittivi, skont l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikoli 451 sa 453 tal-Codul de proecudură civilă (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) jipprovdu rendikont iddettaljat tal-ispejjeż tal-proċeduri (jiġifieri l-ispejjeż tal-qorti pagabbli lill-Istat, l-onorarji tal-avukati, l-onorarji tal-konsulenti, l-ammonti pagabbli lix-xhieda u l-bqija), il-parti li tista’ tiġi kkundannata għall-ispejjeż (jiġifieri l-parti telliefa, fuq talba tal-parti rebbieħa), u d-diversi kriterji li l-qorti tista’ tuża biex tnaqqas, fuq bażi rraġunata, l-onorarji tal-avukati. Il-possibbiltà tat-tnaqqis tal-onorarji tapplika, b’mod partikolari, meta l-onorarji huma manifestament sproporzjonati għall-valur u l-kumplessità tal-kawża jew għax-xogħol imwettaq mill-avukat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

25.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, fihomx kriterji suffiċjenti li jippermettu lil persuna rregolata mid-dritt privat tevalwa u tantiċipa l-ispejjeż sinjifikattivi ta’ Kontenzjuż li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet għall-protezzjoni ambjentali. Hija tinnota li tali spejjeż jistgħu jiskoraġġixxu lill-persuni milli jieħdu azzjoni fuq dan is-suġġett.

26.

Huwa f’dan l-isfond fattwali u legali li l-Curtea de Apel Târgu Mureș (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu Mureș, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

[L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta] ikkunsidrat flimkien mat-[tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE], u l-punt 4 tal-Artikolu 2 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità legali bħal soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, li ma tistrieħ fuq ebda ksur ta’ dritt jew interess ta’ dik l-entità, iżda pjuttost fuq il-ksur ta’ drittijiet u ta’ interessi ta’ persuni fiżiċi – avukati li jikkostitwixxu dik il-forma ta’ organizzazzjoni tal-professjoni – taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’, u tali entità tista’ tiġi assimilata, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għal grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fid-dawl kemm tal-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll tal-għan tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u [l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta] ikkunsidrati flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-qrati għal tali soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-ġustifikazzjoni tal-interess tagħhom stess jew għall-fatt li r-rikors huwa intiż li jipproteġi sitwazzjoni legali direttament relatata mal-għan innifsu tat-twaqqif ta’ dik il-forma ta’ organizzazzjoni, f’dan il-każ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati?

3.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, jew indipendentement mir-risposti għaż-żewġ domandi msemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 9(3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u [l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta], ikkunsidrati flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li [l-ħtieġa li] r-rimedju xieraq u effettiv, inkluża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ‘ma tkunx wisq oneruża’ [“ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi”], jippreżupponi regoli u/jew kriterji sabiex jiġu limitati l-ispejjeż li jistgħu jiġu imposti fuq il-parti li titlef, fis-sens li l-qorti nazzjonali tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżit fl-assenza ta’ spejjeż projbittivi fid-dawl kemm tal-interessi tal-persuna li tfittex li tipproteġi d-drittijiet tagħha kif ukoll fl-interess ġenerali tal-ħarsien ambjentali?”

27.

Il-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava, l-Irlanda, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava, l-Irlanda u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023.

III. Evalwazzjoni

A.   Osservazzjonijiet preliminari

Id‑drittijiet li r‑rikorrenti tislet mid‑dritt tal‑Unjoni

28.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni nnotat li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp tad-dritt ambjentali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jsemmi d-Direttiva 1999/31 kif ukoll id-Direttiva 2011/92/UE ( 7 ) u li l-atti amministrattivi kkontestati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

29.

Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar iċ-ċarezza tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. B’mod partikolari, hija ssostni li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx liema drittijiet ir-rikorrenti tislet mid-dritt tal-Unjoni u lanqas kif l-“impatt sinjifikattiv”, li, skont ir-rikorrenti, il-landfill kellha fuq il-membri tagħha, jistgħu jkunu rilevanti mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni ( 8 ). Madankollu, il-Kummissjoni, filwaqt li tinvoka l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 9 ), tikkonkludi li d-domandi huma inammissibbli.

30.

Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li kienet iffirmata mill-Komunità u sussegwentement approvata permezz tad-Deċiżjoni 2005/370, u li d-dispożizzjonijiet tagħha għaldaqstant jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 10 ). Imbagħad, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-landfill ikkonċernata nbniet skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 1999/31 u li kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2011/92.

31.

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx liema drittijiet ir-rikorrenti tislet mid-dritt tal-Unjoni. Meta mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li hija tislet id-drittijiet proċedurali mid-dritt tal-Unjoni kif joħorġu mid-Direttiva 1999/31, mid-Direttiva 2001/42/UE ( 11 ) u mid-Direttiva 2011/92. Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2001/42, ir-rikorrenti sostniet li l-adozzjoni ta’ pjan ta’ tqassim f’żoni fir-rigward tal-landfill ma kinitx ippreċeduta minn evalwazzjoni ambjentali u li d-dritt tal-pubbliku biex ikun informat inkiser. Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2011/92, ir-rikorrenti sostniet li l-evalwazzjoni ambjentali saret iżda l-proċedura li ġiet segwita kienet ivvizzjata u d-dritt tal-pubbliku li jkun informat skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 inkiser. Ir-rikorrenti elaboratx dwar id-Direttiva 1999/31.

32.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-domandi preliminari jirrigwardaw biss l-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Imbagħad, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fuq il-mertu tal-kawża, ir-rikorrenti ressqet diversi argumenti dwar l-illegalità tal-miżuri amministrattivi kkontestati, filwaqt li l-konvenuti sostnew li l-landfill kienet tosserva r-rekwiżiti tekniċi kollha skont id-Direttiva 1999/31.

33.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu permess ta’ landfill jekk ma jkunux ċerti li r-rekwiżiti neċessarji kollha jkunu ssodisfatti. Inkwantu l-azzjoni tikkonċerna wkoll possibbli ksur tal-obbligi imposti minn din id-direttiva ( 12 ), jiena naqbel mas-sottomissjoni tal-Gvern Pollakk li r-risposta għar-rinviju għad-deċiżjoni preliminari tista’ tkun ibbażata fuq l-preżunzjoni li r-rikorrenti tixtieq tinvoka, inter alia, il-ksur tal-obbligi li joħorġu mid-Direttiva 1999/31. Dan għandu jkun suffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għad-domandi magħmula mingħajr ma jkollha tinvestiga ulterjorment ir-rilevanza ta’ direttivi ambjentali oħra tad-dritt tal-Unjoni.

34.

Konsegwentement, id-domandi preliminari huma rilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti amministrattivi kkontestati jikkonċerna ksur possibbli tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 1999/31. Dawn id-domandi qegħdin jiġu rriformulati skont il-bżonn ( 13 ).

L‑Arikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta

35.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, kif innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-obbligu tal-Istati Membri biex jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE, joħroġ ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-analiżi tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula ser tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 47 tal-Karta peress li ma jidhirx li huwa meħtieġ li ssir analiżi separata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE biex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u biex tagħti deċiżjoni fir-rigward tal-kawżi li hija adita bihom ( 14 ). Għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda preliminari, għar-raġunijiet li ser nispjega fil-kuntest ta’ din id-domanda, ma hemmx bżonn li ssir analiżi fid-dawl ta’ xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

L‑ewwel domanda

36.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati tistax titqies bħala membru tal-“pubbliku” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’ċirkustanzi fejn din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati ma tinvokax ksur ta’ xi dritt jew interess speċifiku ta’ din l-entità, imma pjuttost ksur tad-drittijiet u interessi tal-membri li hija kkostitwita minnhom. Hija tistaqsi wkoll jekk il-persuni fiżiċi li jikkostitwixxu din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, jiġifieri l-avukati, jistgħux jitqiesu bħala li jifformaw “grupp” ta’ persuni fiżiċi, li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar min jista’ jkun membru tal‑“pubbliku”

37.

Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-kelma “il-pubbliku” hija ddefinita taħt il-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bħala “persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija fformulata f’termini tant wiesgħa li, kif osservaw il-Kummissjoni u l-Irlanda, jinkludu essenzjalment lil kulħadd, sakemm ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti legali. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jgħid li l-kelma “il-pubbliku” għandha tiġi interpretata bħala li tapplika l-prinċipju ta’ “kull persuna” ( 15 ).

38.

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku d-determinazzjoni ta’ “assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi” mwaqqfa mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jifformaw parti mill-“pubbliku” skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jiġi nnotat li fejn dawn l-“assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi” għandhom personalità ġuridika, dawn jaqgħu, fi kwalunkwe każ, taħt il-kunċett ta’ persuna ġuridika. Fil-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jingħad li “[i]l-formulazzjoni tista’ tiġi interpretata biss, għaldaqstant, biex tipprovdi li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mingħajr personalità ġuridika jistgħu jitqiesu wkoll bħala membri tal-pubblika skont il-Konvenzjoni” ( 16 ). L-inklużjoni tal-“assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi” mingħajr personalità ġuridika fid-definizzjoni ta’ “pubbliku” hija kkwalifikata, madankollu, b’riferiment għal-leġiżlazzjoni jew l-użanza nazzjonali. Għaldaqstant, kif jingħad fil-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, “il-formazzjonijiet ad hoc jistgħu jitqiesu bħala membri tal-pubbliku biss meta r-rekwiżiti, jekk ikun hemm, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni jew l-użanza nazzjonali jkunu ssodisfatti” iżda “tali rekwiżiti, jekk ikun hemm, iridu jkunu konformi mal-għan tal-Konvenzjoni li tiżgura aċċess wiesgħa għad-drittijiet tagħha” ( 17 ).

39.

Isegwi li l-“ assoċjazzjoni, organizzazzjoni jew grupp” li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt nazzjonali huwa membru tal-pubbliku u jista’ jeżerċita d-drittijiet mogħtija lill-pubbliku mill-Konvenzjoni.

40.

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħti lill-membri tal-pubbliku, fejn dawn jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti mid-dritt nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw l-atti u l-ommissjonijiet li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. L-Artikolu 9(3) jagħti dan id-dritt lill-membri tal-pubbliku “mingħajr ma jikkwalifika, b’mod espress min mill-pubbliku” ( 18 ) jista’ jgawdi minn dan id-dritt. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni tkopri għaldaqstant lill-“membri tal-pubbliku” kollha li jissodisfaw il-“kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-[…] dritt nazzjonali” ( 19 ).

41.

F’dan ir-rigward, assoċjazzjoni, organizzazzjoni jew grupp li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt nazzjonali għandu locus standi in judicio fil-kuntest tal-Artikolu 9(3) biex jikkontesta l-atti jew l-ommissjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni. Il-fatt dwar jekk membru tal-pubbliku jkunx jissodisfa l-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex ikun intitolat jeżerċita d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja hija kwistjoni relatata mal-locus standi u ser tiġi diskussa fil-kuntest tat-tieni domanda.

42.

Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata l-locus standi in judicio bħala membru tal-pubbliku, kif sostna l-Gvern Pollakk il-forma jew l-għan tal-“assoċjazzjoni, organizzazzjoni jew grupp” ma hijiex rilevanti sakemm dan ikun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti skont id-dritt nazzjonali. Għall-istess finijiet, kif sostniet il-Kummissjoni, ma huwiex rilevanti jekk il-membru jkunx qiegħed jiddefendi l-interessi tiegħu stess, l-interessi tal-membri tiegħu jew l-interessi tal-pubbliku.

Soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati mingħajr personalità ġuridika bħala membru tal‑“pubbliku”

43.

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, AB&CD hija soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati mingħajr personalità ġuridika. Minkejja l-assenza ta’ personalità ġuridika, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għandha locus standi in judicio fir-rigward ta’ Kontenzjuż li jirriżulta mit-twettiq tal-attività professjonali tagħha, skont l-Artikolu 196(3) tal-Istatut tal-Professjoni ta’ Avukat.

44.

Fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-kunċett “pubbliku”, kif spjegat iktar ’il fuq, il-limitazzjoni tal-locus standi in judicio għal soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-twettiq tal-attività professjonali tagħha, ma tistax teskludi l-kapaċità tagħha bħala “membru tal-pubbliku” għall-iskopijiet tal-punt 4 tal-Artikolu 2. Din il-limitazzjoni tappartjeni, madankollu, lill-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali ta’ tali soċjetà ċivili skont l-Artikolu 9(3). Barra minn hekk, il-fatt li din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati ma tinvokax ksur ta’ xi dritt jew interess speċifiku għal din l-entità, iżda tinvoka pjuttost ksur tad-drittijiet u interessi tal-membri li hija kkostitwita minnhom, ma jistax madankollu jipprekludi l-kapaċità tagħha bħala “membru tal-pubbliku”. Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, dan isegwi mid-determinazzjoni tal-“pubbliku” skont il-prinċipju ta’ “kull persuna”.

Il-membri ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati bħala “grupp” ta’ persuni fiżiċi

45.

Fir-rigward tat-tieni aspett tal-ewwel domanda preliminari, jidhirli li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk indipendentement mill-forma użata, il-persuni fiżiċi li jikkostitwixxu soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw “grupp” ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari stabbiliti iktar ’il fuq, dawn il-persuni jistgħu jitqiesu bħala “grupp” ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni sakemm ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt nazzjonali jkunu ssodisfatti. Dan ifisser li jekk dawn il-persuni jaġixxu bħala formazzjoni jew grupp ad hoc biex jiddefendu l-ambjent, ikun l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk tali grupp jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt nazzjonali, jekk ikun hemm, biex jiġi kklassifikat bħala membru “tal-pubbliku.”

Interpretazzjoni fid‑dawl tal‑għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall‑ġustizzja

46.

Il-qorti tar-rinviju talbet interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex rilevanti għad-definizzjoni tal-pubbliku bħala tali imma għall-evalwazzjoni tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex titressaq azzjoni skont l-Artikolu 9(3), li hija s-suġġett tat-tieni domanda. B’dan premess, ir-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni jew l-użanza nazzjonali fir-rigward tal-“assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi” li jistgħu jikkwalifikaw bħala membri tal-“pubbliku”, għandhom ikunu konformi mal-għan ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Għalkemm l-għan ta’ “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” jissemma espressament fl-Artikolu 9(2) biss u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-direttivi inkonnessjoni mal-istabbiliment ta’ “interess suffiċjenti jew ksur ta’ dritt” bħala kundizzjoni għat-tressiq ta’ azzjoni legali, jinsab irrikonoxxut sew li din il-kunsiderazzjoni tikkostitwixxi“għan ġenerali” tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u ma hijiex limitata għall-Artikolu 9(2) tagħha ( 20 ).

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati tista’ titqies li hija membru tal-“pubbliku”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tagħha, f’ċirkustanzi fejn din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati ma tinvokax ksur ta’ xi dritt jew interess speċifiku ta’ din l-entità, iżda tinvoka pjuttost ksur tad-drittijiet u interessi tal-persuni fiżiċi, jiġifieri l-avukati li jikkostitwixxu s-soċjetà ċivili. Il-persuni fiżiċi li jikkostitwixxu din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati jistgħu jitqiesu li jifformaw “grupp” ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fis-sens ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, sakemm ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt jew użanza nazzjonali jkunu ssodisfatti. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

It‑tieni domanda

48.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-locus standi ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-prova tal-interess tagħha stess jew għall-fatt li, bit-tressiq tal-azzjoni, hija trid tipproteġi sitwazzjoni legali konnessa direttament mal-iskop speċifiku li għalih twaqqfet din it-tip ta’ organizzazzjoni.

49.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta ċar li d-domanda hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jissuġġetta l-ammissibbiltà tal-azzjoni kontra att amministrattiv għall-kundizzjoni li r-rikorrent juri li l-att ikkontestat jikser dritt jew interess leġittimu ta’ dak ir-rikorrent li l-leġiżlatur jirreferi għalih bħala “interess privat leġittimu”. Skont din il-leġiżlazzjoni, huwa biss b’mod sussidjarju, wara li jkun ġie invokat interess privat leġittimu, li persuna fiżika jew ġuridika jew organizzazzjoni kkonċernata tista’ tressaq “kontenzjuż oġġettiv” li tikkonsisti fit-tressiq ta’ azzjoni biex tipproteġi interess pubbliku leġittimu. Fil-qasam tal-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent, l-OUG Nru 195/2005 jirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ tali kontenzjuż oġġettiv. Madankollu, il-kategorija ta’ persuni li jistgħu primarjament u direttament jinvokaw interess pubbliku leġittimu hija limitata għall-NGOs ambjentali. Persuni oħra, inkluża r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom josservaw ir-regoli ġenerali dwar il-locus standi. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti bħala soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, tista’ tiftaħ proċeduri legali sabiex tiddefendi sitwazzjoni legali konnessa mal-iskop speċifiku li għalih inħolqot. Il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta jekk l-Artikolu 9(3) jipprekludix tali kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali għall-istabbiliment tal-locus standi.

Ir‑rekwiżiti tal‑ locus standi u l‑protezzjoni ambjentali effettiva skont l‑Artikolu 9(3) tal‑Konvenzjoni ta’ Aarhus

50.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(3) jirrikonoxxi d-dritt tal-membri tal-pubbliku li jikkontestaw atti u ommissjonijiet imwettqa minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw l-ambjent. Minn din id-dispożizzjoni jsegwi li sabiex ikun intitolat għad-drittijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, rikorrent għandu inter alia jkun “membru tal-pubbliku” u jissodisfa “kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern” ( 21 ).

51.

Fir-rigward tal-“kriterji” li għalihom jistgħu jkunu suġġetti l-proċeduri ta’ stħarriġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom f’dan ir-rigward, jistabbilixxu regoli tad-dritt proċedurali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-membri tal-pubbliku jkunu intitolati jressqu tali rikorsi ( 22 ).

52.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li anki jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandux, minnu nnifsu, effett dirett fid-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar l-ambjent ( 23 ).

53.

Id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li għandu bħala għan li jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-ambjent, ikun mingħajr kwalunkwe effett utli, jew saħansitra nieqes mis-sustanza tiegħu stess, jekk kellu jiġi aċċettat li, permezz tal-impożizzjoni ta’ kriterji previsti mid-dritt intern, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, a fortiori“membri tal-pubbliku kkonċernat” bħall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-punt 5 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġu miċħuda minn kull dritt għal azzjoni legali kontra atti jew ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra ċerti kategoriji ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali tal-Unjoni ( 24 ).

54.

Id-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) ma tippermettix lill-Istati Membri li jimponu kriterji li huma tant stretti, inkluż fuq il-locus standi, li jkun effettivament impossibbli għall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jivverifikaw li qegħdin jiġu osservati r-regoli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni ( 25 ). F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li tali regoli, ta’ spiss, jiffavorixxu l-interess ġenerali u mhux is-sempliċi interessi ta’ ċerti individwi u li l-għan ta’ dawn l-organizzazzjonijiet huwa li jiddefendu l-interess ġenerali ( 26 ).

55.

Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq ir-rekwiżiti tal-locus standi għall-organizzazzjonijiet ambjentali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 5 tal-Artikolu (2), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 9(3) huwa intiż li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet ambjentali tal-membri kollha tal-pubbliku. Dan il-prinċipju ġenerali huwa applikabbli wkoll għal kategoriji oħra ta’ membri tal-pubbliku, u b’mod partikolari, għal assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi li ġenwinament jippromwovu l-protezzjoni ambjentali anki jekk huma (għadhom) ma jikkwalifikawx b’mod formali bħala organizzazzjonijiet ambjentali fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2.

56.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, kif ġie osservat b’mod korrett fil-letteratura legali, li l-Artikolu 9(3) “ma jindikax li l-NGOs għandhom ikunu pprivileġġati fir-rigward tal-individwi” ( 27 ). Il-premessa tmintax tal-Konvenzjoni tenfasizza li l-“pubbliku, inkluż l-organizzazzjonijiet, ikollhom aċċess għal mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tagħhom u sabiex il-liġi tiġi osservata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(4) jistabbilixxi obbligu fuq il-partijiet biex jagħtu “r-rikonoxximent u s-sostenn mixtieqa lill-assoċjazzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet jew lill-gruppi li l-għan tagħhom ikun il-protezzjoni tal-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57.

Fit-tieni lok, filwaqt li l-Artikolu 9(3), moqri fid-dawl tal-premessa tmintax, ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-rekwiżiti għal-locus standi skont il-kategorija tal-membru tal-pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu kriterji. Madankollu, kif diġà ġie nnotat, dawn il-kriterji għandhom josservaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, meta l-Istati Membri jistabbilixxu dawn il-kriterji, huma ma għandhomx jippreġudikaw l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

58.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja jifforma parti, “b’mod iktar ġenerali, mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippriserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent u li jagħti lill-pubbliku rwol attiv għal dan il-għan” ( 28 ). Dan huwa rikonoxximent tar-“rabta intrinsika” ( 29 ) fil-ġustizzja ambjentali bejn il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kemm taħt l-Artikolu 191(2) TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 37 tal-Karta, u l-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja ( 30 ).

59.

Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Edwards ( 31 ), l-Avukata Ġenerali Kokott issuġġeriet li l-protezzjoni ġudizzjarja taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tmur lil hinn mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda espressament il-protezzjoni ta’ drittijiet individwali, il-protezzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-ambjent “isservi ġeneralment mhux biss l-interessi individwali tar-rikorrenti, iżda wkoll, jew anki esklużivament, l-interess ġenerali” ( 32 ). Hija nnotat ġustament ukoll li “[…]r-rikonoxximent tal-interess ġenerali għall-protezzjoni tal-ambjent huwa importanti speċjalment minħabba li jista’ jkun hemm ħafna każijiet fejn l-interessi legalment protetti ta’ individwi partikolari ma humiex affettwati jew huma affettwati minimament biss” ( 33 ). F’tali każijiet, l-“ambjent ma jistax jiddefendi lilu nnisfu quddiem qorti, iżda għandu bżonn li jkun irrappreżentat, pereżempju minn ċittadini attivi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi” ( 34 ).

60.

Filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ miftuħa biex tindirizza d-dinamiċi dejjem jevolvu fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi r-rwol li ċ-ċittadini attivi jista’ jkollhom fid-difiża tal-ambjent, wara li ddeċidiet li “l-individwi u l-assoċjazzjonijiet huma naturalment mitluba jassumu rwol attiv fid-difiża tal-ambjent” ( 35 ).

61.

Madankollu, dan ma jimplikax locus standi bla restrizzjoni għal kulħadd. Il-Kumitat tal-Osservanza ddeċieda, fil-fatt, li “l-Partijiet Kontraenti ma humiex obbligati jistabbilixxu sistema ta’ azzjoni popolari (actio popularis) fid-dritt nazzjonali tagħhom bir-riżultat li kulħadd jista’ jikkontesta kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jirrigwarda l-ambjent” ( 36 ). L-Istati Membri jżommu d-diskrezzjoni li japplikaw kriterji sabiex jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-membri tal-pubbliku jistgħu jressqu azzjoni biex jiddefendu l-ambjent. Kif ġie nnotat, essenzjalment, mill-Kummissjoni u mill-Irlanda, l-allinjament tal-kontenzjuż ambjentali huwa għan leġittimu biex tiġi evitata sitwazzjoni li tista’ tkun diffiċli għall-qrati biex jiġġestixxuha. Madankollu, kif diġà ġie ssuġġerita iktar ’il fuq, jekk minħabba l-kriterji tal-locus standi jiġi miċħud lil ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku” l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt għal azzjoni legali skont l-Artikolu 9(3), dan ikun restrittiv wisq biex jingħata aċċess għall-ġustizzja skont il-Konvenzjoni.

62.

Sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti tal-locus standi jagħmluhiex effettivament impossibbli għall-membri tal-pubbliku sabiex iressqu azzjoni, huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema legali fit-totalità tagħha u li jiġi evalwat sa fejn id-dritt nazzjonali għandha “konsegwenzi ta’ mblokkar” ( 37 ).

63.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, tagħti locus standi fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent lill-NGOs ambjentali. Membri oħra tal-pubbliku jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-locus standi skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. B’mod iktar speċifiku, iridu jinvokaw interess privat leġittimu, u huwa biss b’mod sussidjarju, li jinvokaw interess pubbliku leġittimu. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-adozzjoni ta’ mudell ta’ kontenzjuż ibbażat fuq kontenzjuż suġġettiv ma hijiex inkompatibbli, bħala tali, mal-Artikolu 9(3). Madankollu, fid-dawl tal-predominanza tal-interess pubbliku fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli proċedurali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti biex jinfetħu proċeduri, skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) u biex jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Tali regoli ma għandhomx jagħmluha effettivament impossibbli għal ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, inklużi, b’mod partikolari, organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew gruppi li ġenwinament jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw ir-rekwiżiti taħt id-dritt nazzjonali, sabiex jikkontestaw deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva li tista’ tmur kontra d-dritt ambjentali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkunsidra r-rilevanza, għall-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-locus standi, tar-rikonoxximent fid-dritt nazzjonali, tad-dritt ta’ kull persuna għal “ambjent sigur u ekoloġikament bbilanċjat”.

Illocus standi in judicio ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati skont l-Artikolu 9(3)

64.

Għal dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-locus standi tas-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati rikorrenti, għandu jitfakkar li r-rikorrenti sostniet li ressqet azzjoni f’isem il-membri tagħha u fl-interess pubbliku. Madankollu, għandu jiġi osservat, li r-rekwiżiti tal-locus standi għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tar-rikorrent. Kif l-Irlanda, u essenzjalment, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni kkunsidraw, qorti nazzjonali ma għandhiex tkun mitluba tara min huma l-persuni fiżiċi “wara” l-entità sabiex tistabbilixxi l-locus standi. B’mod ġenerali, il-liġi tista’ tipprovdi l-kundizzjonijiet li taħthom il-kontendenti huma intitolati jressqu azzjoni biex jiddefendu l-interessi jew drittijiet ta’ persuni oħra jew l-interess pubbliku (locus standi abbażi tal-assoċjazzjoni jew locus standi rappreżentattiv) ( 38 ). Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, ma jidhirx mill-atti tal-proċess li r-rikorrenti ġiet awtorizzata mill-membri tagħha jew mir-residenti tar-reġjun affettwat biex tressaq azzjoni f’isimhom.

65.

Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk il-membri li jikkostitwixxu dik is-soċjetà ċivili jistgħux jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom locus standi bħala “grupp” ta’ persuni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tidher li tuża l-mezz ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, sabiex taġixxi bħala formazzjoni ad hoc biex tippromwovi l-ambjent. Jekk tali persuni jixtiequ li jressqu azzjoni bħala “grupp”, allura jridu jaġixxu f’din il-kapaċità. Sakemm id-dritt nazzjonali ma jipprovdix mod ieħor, huwa biss fil-mument tat-tressiq ta’ azzjoni bħala “grupp”, li qorti tkun tista’ tevalwa jekk tali “grupp” jissodisfax ir-rekwiżiti nazzjonali biex ikun membru tal-pubbliku u jekk huwa jistax jissodisfa l-kriterji tal-locus standi fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-kundizzjoni li tinġieb prova tal-interess tagħha stess jew għall-fatt li, bit-tressiq tal-azzjoni, hija tixtieq tipproteġi sitwazzjoni legali konnessa direttament mal-għan speċifiku li għalih tkun twaqqfet dik it-tip ta’ organizzazzjoni. Madankollu, fid-dawl tal-predominanza tal-interess pubbliku fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli proċedurali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti biex jinfetħu proċeduri, skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) u biex jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Tali regoli ma għandhomx jagħmluha effettivament impossibbli għal ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, inklużi, b’mod partikolari, organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew gruppi li ġenwinament jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżiti tad-dritt nazzjonali, biex jikkontestaw deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun tmur kontra d-dritt ambjentali tal-Unjoni li jirrigwarda l-ambjent.

It‑tielet domanda

67.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji jipprovdu “rimedji suffiċjenti u effettivi” u ma jinvolvux “spejjeż projbittivi”, jippreżupponi regoli speċifiċi u/jew kriterji biex jiġu limitati l-ispejjeż li tista’ tbati l-parti telliefa fil-proċeduri, fis-sens li qorti jew tribunal nazzjonali għandhom jiżguraw li jkun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ spejjeż mhux projbittivi, fid-dawl kemm tal-interess tal-persuna li tkun tixtieq tiddefendi d-drittijiet tagħha u l-interess pubbliku għall-protezzjoni tal-ambjent.

68.

F’dan ir-rigward, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Rumena, jiġifieri l-Artikoli 451 sa 453 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, tipprovdi rendikont iddettaljat tal-ispejjeż tal-proċedura u diversi kriterji li l-qorti tista’ tuża biex tnaqqas, fuq bażi raġunata, l-onorarji tal-avukati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk il-kriterji ġenerali stabbiliti fid-dritt nazzjonali fihomx regoli u kundizzjonijiet speċifiċi biżżejjed li jagħmluha possibbli li jiġu evalwati u previsti l-ispejjeż sinjifikattivi tal-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent. Dan japplika iktar u iktar, tgħid il-qorti tar-rinviju, f’ċirkustanzi fejn l-azzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-assenza ta’ locus standi in judicio jew meta r-rekwiżiti ta’ locus standi u interess ġuridiku ma jkunux issodisfatti. Il-qorti tar-rinviju tixtieq, finalment, tiċċara jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 dwar il-parteċipazzjoni pubblika, fis-sentenza North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy ( 39 ), tapplikax għall-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

69.

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, id-domanda dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tar-regola tal-ispejjeż mhux projbittivi (iktar ’il quddiem ir-“regola SMP” stabbilita fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, is-sentenza North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy diġà tipprovdi r-risposta. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 9, li jispeċifika l-karatteristiċi li għandu jkollhom ir-rikorsi, u b’mod partikolari li ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva, japplika b’mod espliċitu kemm għar-rikorsi msemmija fil-paragrafu 3 u kemm, b’mod partikolari, għal dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 ( 40 ).

70.

Konsegwentement, ir-regola SMP għandha titqies bħala li tapplika għal proċedura bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tinvolvi l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3).

71.

It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-kunsiderazzjoni tal-interess privat kif ukoll l-interess ġenerali għad-difiża tal-ambjent, għandu jingħad, mill-ewwel, li l-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jippermetti espressament l-ispejjeż raġonevoli. L-Artikolu 9(4) ma jipprekludix ordni dwar spejjeż sakemm l-ammont ma jkunx projbittiv ( 41 ). Peress li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda kriterji speċifiċi, l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ma hijiex predeterminata imma tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ individwali u tas-sistema legali nazzjonali ( 42 ).

72.

Fis-sentenza tagħha Edwards u Pallikaropoulos ( 43 ) il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-interpretazzjoni tar-regola SMP. Dawn il-kriterji jtendu lejn evalwazzjoni globali u komprensiva tal-kwistjoni ta’ spejjeż eċċessivi. B’mod iktar speċifiku, minn din is-sentenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-dritt nazzjonali, li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-interess tal-persuna li tixtieq tiddefendi d-drittijiet tagħha kif ukoll l-interess ġenerali marbut mal-ħarsien tal-ambjent, u li l-ispiża ta’ proċedura la għandha tisboq il-kapaċitajiet finanzjarji tal-parti kkonċernata u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma għandha tidher li hija oġġettivament irraġonevoli ( 44 ). Fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkonċernata, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, il-possibbiltajiet raġonevoli ta’ suċċess tal-parti li tagħmel it-talba, l-importanza tal-interessi involuti ta’ din il-parti u tal-ħarsien tal-ambjent, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli u kif ukoll in-natura possibbilment frivola tal-azzjoni fid-diversi stadji tagħha ( 45 ).

73.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola SMP tikkontribwixxi, f’kwistjonijiet ambjentali, għall-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll għall-prinċipju ta’ effettività li jipprovdi li l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 46 ).

74.

Fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-ispiża ta’ proċedura ta’ tressiq ta’ kawża taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew sabiex jiġi applikat id-dritt ambjentali tal-Unjoni ma tistax tkun tant għolja li l-membri tal-pubbliku jkunu preklużi milli jressqu azzjoni meta dawn iqisu tali azzjoni neċessarja ( 47 ).

75.

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix kriterji preċiżi applikabbli speċifikament għall-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent. Fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 9(4), l-assenza ta’ determinazzjoni ddettaljata tal-ispejjeż fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent ma jistax jitqies inkompatibbli, bħala tali, mar-regola SMP.

76.

Madankollu, mill-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-partijiet kontraenti għal dik il-konvenzjoni għandhom jistabbilixxu u jżommu “qafas preċiż, trasparenti u konsistenti” għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(5) jirriżulta li l-partijiet għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza xierqa biex jitneħħew jew jitnaqqsu ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħrajn għall-aċċess għall-ġustizzja. Hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tivverifika jekk il-mekkaniżmi eżistenti fid-dritt nazzjonali humiex konformi ma’ tali rekwiżiti u tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, li sa fejn huwa possibbli, tkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) sabiex il-proċeduri ġudizzjarji fit-totalità tagħhom ma jinvolvux spejjeż projbittivi, meħud kont tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 48 ).

77.

Għandu jiġi nnotat ukoll li fid-dawl tal-evalwazzjoni globali u komprensiva li għandha tagħmel il-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, in-nuqqas possibbli ta’ locus standi tar-rikorrenti ma jipprekludix l-applikazzjoni, bħala tali, tar-regola SMP.

78.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji jipprovdu “rimedji suffiċjenti u effettivi” u ma jkunux jinvolvu “spejjeż projbittivi”, ma jippreżupponix regoli speċifiċi u/jew kriterji biex jiġu limitati l-ispejjeż li tista’ tbati l-parti telliefa fil-proċeduri. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali tagħha li, sa fejn huwa possibbli, tkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex il-proċeduri ġudizzjarji fit-totalità tagħhom ma jkunux jinvolvu spejjeż projbittivi.

IV Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari kif ġej:

(1)

Fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati tista’ titqies bħala “membru tal-pubbliku”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, f’ċirkustanzi fejn din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati ma tinvokax ksur ta’ xi dritt jew interess speċifiku ta’ din l-entità, iżda tinvoka pjuttost ksur tad-drittijiet u interessi tal-persuni fiżiċi, jiġifieri l-avukati li jikkostitwixxu s-soċjetà ċivili. Il-persuni fiżiċi li jikkostitwixxu din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati jistgħu jitqiesu li jifformaw “grupp” ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fis-sens ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, sakemm ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt jew użanza nazzjonali jkunu ssodisfatti. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

(2)

Fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-kundizzjoni li tinġieb prova tal-interess tagħha stess jew għall-fatt li, bit-tressiq tal-azzjoni, hija tixtieq tipproteġi sitwazzjoni legali konnessa direttament mal-għan speċifiku li għalih tkun twaqqfet dik it-tip ta’ organizzazzjoni. Madankollu, fid-dawl tal-predominanza tal-interess pubbliku fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli proċedurali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti biex jinfetħu proċeduri, skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) u biex jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja. Tali regoli ma għandhomx jagħmluha effettivament impossibbli għal ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, inklużi, b’mod partikolari, organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew gruppi li ġenwinament jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżiti tad-dritt nazzjonali, biex jikkontestaw deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun tmur kontra d-dritt ambjentali tal-Unjoni li jirrigwarda l-ambjent.

(3)

Fi proċeduri li jinvolvu l-ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji jipprovdu “rimedji suffiċjenti u effettivi” u ma jkunux jinvolvu “spejjeż projbittivi”, ma jippreżupponix regoli speċifiċi u/jew kriterji biex jiġu limitati l-ispejjeż li tista’ tbati l-parti telliefa fil-proċeduri. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tagħti interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali li, sa fejn huwa possibbli, tkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex il-proċeduri ġudizzjarji fit-totalità tagħhom ma jkunux jinvolvu spejjeż projbittivi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: Ingliż.

( 2 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ġiet iffirmata fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Ottubru 2001. L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni. Ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

( 3 ) Dikjarazzjoni tal-ex Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Kofi Annan waqt l-ewwel laqgħa tal-partijiet kontraenti, Lucca, Italja, 21 sa 23 ta’ Ottubru 2002 (iktar ’il quddiem “l-ewwel laqgħa tal-partijiet kontraenti”).

( 4 ) Dikjarazzjoni ta’ Lucca, adottata waqt l- ewwel laqgħa tal-partijiet kontraenti, Addendum, ECE/MP. PP/2/Add. 1, 2 ta’ April 2004.

( 5 ) Barritt, E., The Foundations of the Aarhus Convention, Hart Publishing, 2020, Londra, p. 12.

( 6 ) Direttiva tas‑26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 4, p. 228; rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30).

( 7 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).

( 8 ) Il-Kummissjoni tiċċita, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 47).

( 9 ) Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Coca-Cola European Partners Deutschland (C‑257/21 u C-258/21, EU:C:2022:529, punt 35).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (L-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 48).

( 11 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 6, p. 157).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 34).

( 13 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita, fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE li tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’risposta li tkun utli għaliha u li tippermettilha tiddeċiedi l-każ quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fejn ikun hemm bżonn, tirriformula d-domanda li tkun saritilha (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Porr Bau (C‑238/21, EU:C:2022:885, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 169).

( 15 ) Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, “Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Gwida ta’ Implimentazzjoni” (It-Tieni Edizzjoni, 2014) (“Il-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), p. 55. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-gwida tista’ titqies bħala dokument ta’ spjega li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, għall-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, anki jekk l-analiżijiet li jinsabu fih ma għandhom ebda saħħa vinkolanti u ma għandhomx il-portata normattiva marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 55 (enfasi miżjud). Ara Jendroska, J., “Access to Justice in the Aarhus Convention – Genesis, Legislative History and Overview of the Main Interpretation Dilemmas”, Journal for European Environmental & Planning Law, 2020 (17), p. 372 sa 408, f’p. 386, li josserva li l-“lingwa ta’ kompromess” tal-punt (4) tal-Artikolu 2(4) kienet intiża biex tkopri “kull forma li jistgħu jieħdu l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’qafas ġuridiku partikolari, u għaldaqstant ma teżiġix neċessarjament li l-NGOs ikollhom personalità ġuridika”.

( 17 ) Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 55 (enfasi miżjud).

( 18 ) Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 55.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 59).

( 20 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punt 48). Ara wkoll Sikora, A., Constitutionalisation of Environmental Protection in EU law, Europa Law Publishing, Zutphen, 2020, p. 281.

( 21 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 59).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 63).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 66).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 67) (enfasi miżjud).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 69).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 68).

( 27 ) Sobotta, C., “New Cases on Article 9 of the Aarhus Convention”, Journal for European Environmental & Planning Law, 2018, p. 241 sa 258, p. 244. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 9(2), li jirregola l-aċċess għall-ġustizzja mill-“pubbliku kkonċernat”, jagħmel distinzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-membri kollha l-oħra tal-“pubbliku kkonċernat”.

( 28 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 32) (enfasi miżjud).

( 29 ) Sikora, A., Constitutionalisation of Environmental Protection in EU law, Europa Law Publishing, 2020, p. 280.

( 30 ) Filwaqt li bnew fuq din l-idea, ġie ssuġġerit fil-kitbiet akkademiċi li l-aċċess wiesa’ għall-ġustizzja jista’ jitqies bħala “dimensjoni proċedurali” ta’ protezzjoni ambjentali għolja u jiġi elevat għal “prinċipju ġenerali” fil-kontenzjuż li jirrigwarda l-ambjent. Sikora, A., op.cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 29, p. 282.

( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645).

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punti 3940).

( 33 ) Ibid., punt 42.

( 34 ) Ibid.

( 35 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 40).

( 36 ) Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 198. Kif ġie osservat fil-kitbiet akkademiċi, il-kwistjoni tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali “baqgħet ġeneralment is-suġġett ta’ diskussjoni taħraq kważi sa tmiem in-negozjati”, filwaqt li t-test finali fuq din il-kwistjoni huwa r-riżultat ta’ “ħafna soluzzjonijiet ta’ kompromess bejn fehmiet u għanijiet diverġenti ħafna, u għaldaqstant jirrifletti dak li kien possibbli iktar minn dak li huwa bżonnjuż jew mixtieq”. Jendroska, J., op.cit. iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, p. 398 u 407.

( 37 ) Rapport tal-Kumitat ta’ Osservanza, ACCC/C/2006/18 (Danimarka), punt 30.

( 38 ) Ara, b’mod ġenerali, Cane, P., Administrative law, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 285 et seq; u Cadiet, L., Normand, J., u Amrani Mekki, S., Théorie générale du procès, PUF, it-tielet edizzjoni, 2020, punti 171 et seq.

( 39 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018 (C‑470/16, EU:C:2018:185).

( 40 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 48).

( 41 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑427/07, EU:C:2009:457, punt 92) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punt 34).

( 42 ) Ara f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Edwards (C‑260/11, EU:C:2012:645, punt 36) b’riferiment għal diversi konstatazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Osservanza.

( 43 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 38 sa 40).

( 45 ) Ibid, punti 41 u 42.

( 46 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 33).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 34).

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 57).