KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑246/22

BW

fil-preżenza ta’

Staatsanwaltschaft Köln,

Bundesamt für Güterverkehr

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln (il‑Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport ikkombinat ta’ merkanzija – Direttiva 92/106/KEE – Trasport internazzjonali bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Trasport ta’ kontejners vojta għall-finijiet ta’ tagħbija jew ta’ ħatt tal-merkanzija li jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport ta’ kontejners mgħobbija – Operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas‑7 ta’ Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri ( 2 ), u tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BW, amministratriċi ta’ kumpannija tat-trasport stabbilita fir-Rumanija, u l-Bundesamt für Güterverkehr (l-Uffiċċju Federali tat-Trasport tal-Merkanzija, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BAG”), dwar multa amministrattiva imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, sa fejn BW qabżet il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 għat-trasport ta’ kontejners vojta li ma jaqgħux taħt it-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ikkombinat.

3.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk it-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija, meta dan jiġi direttament qabel it-trasport ta’ kontejners mgħobbija, u li jitwettaq fil-kuntest ta’ trasport ikkombinat, jew meta jiġi direttament warajh, jaqax taħt il-kunċett ta’ “trasport ikkombinat”, jew jekk tali operazzjoni għandhiex tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ previsti f’dan ir-regolament.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, wara l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/106 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport tal-kontejners mgħobbija, b’tali mod li t-trasport ta’ kontejners vojta jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ta’ kontejners mgħobbija sa fejn, fil-kuntest tat-trasport ikkombinat, dawn tal-aħħar huma eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kabotaġġ previsti fir-Regolament Nru 1072/2009.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 92/106

5.

It-tielet, il-ħames u s-sitt premessa tad-Direttiva 92/106 jipprovdu:

“billi l-problemi li qegħdin jiżdiedu, relatati mal-konġestjoni tat-toroq, mal-ambjent u mas-sigurtà fit-toroq jeħtieġu, fl-interess pubbliku, iktar żvilupp fit-trasport ikkombinat bħala alternattiva għat-trasport bit-triq;

[…]

billi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni kwantitattiva u ta’ diversi restrizzjonijiet amministrattivi li għadhom jeżistu fil-qasam tat-trasport bit-triq jippromwovu użu ikbar tat-trasport ikkombinat;

billi, sabiex jiġi żgurat li t-trasport ikkombinat iwassal għad-dekonġestjoni tat-traffiku, din il-liberalizzazzjoni għandha tkopri rotot bit-triq li huma limitati fid-distanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-direttiva għandha tapplika għall-operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat, bla ħsara għar-Regolament (KEE) Nru 881/92 [ ( 4 )].

Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, ‘trasport ikkombinat’ ifisser it-trasport tal-merkanzija bejn Stati Membri fejn it-trakk, it-trejler, is-semitrejler, b’unità ta’ trattur jew le, il-kaxxa skambjabbli jew il-kontejner ta’ 20 pied jew iktar jużaw it-triq għall-parti inizjali jew finali tal-vjaġġ u, għall-parti l-oħra, jużaw trasport ferrovjarju jew trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, jew trasport marittimu sa fejn dan tal-aħħar jeċċedi l‑100 kilometru f’linja dritta, u jwettqu l-vjaġġ inizjali jew finali bit-triq:

jew bejn il-punt ta’ tagħbija tal-merkanzija u l-eqreb stazzjon tal-ferrovija addattat tal-imbark għall-vjaġġ inizjali u bejn l-eqreb stazzjon tal-ferrovija addattat tal-iżbark u l-punt ta’ ħatt tal-merkanzija għall-vjaġġ finali,

jew f’raġġ li ma huwiex iktar minn 150 kilometru f’linja dritta mill-port tal-ilma intern jew tal-baħar tal-imbark jew tal-iżbark.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jgħid:

“Kull trasportatur bit-triq stabbilit fi Stat Membru u li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal aċċess għall-professjoni u għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bejn l-Istati Membri għandu d-dritt iwettaq, fil-kuntest ta’ trasport ikkombinat bejn l-Istati Membri, vjaġġi inizjali u/jew finali bit-triq li jiffurmaw parti integrali mit-trasport ikkombinat u kemm jekk jinkludu jew ma jinkludux il-qsim ta’ fruntiera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2. Ir‑Regolament Nru 1072/2009

8.

Il-premessi 2, 13, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1072/2009 jiddikjaraw:

“(2)

L-istabbiliment ta’ politika komuni tat-trasport tinvolvi, inter alia, l-istipular ta’ regoli komuni applikabbli għall-aċċess għas-suq fit-trasport bit-triq internazzjonali ta’ merkanzija fit-territorju [tal-Unjoni Ewropea], kif ukoll jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru. Dawk ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jikkontribwixxu għall-operat bla xkiel tas-suq intern tat-trasport.

[…]

(13)

Trasportaturi li jkollhom liċenzi Komunitarji kif previst f’dan ir-Regolament u trasportaturi awtorizzati li joperaw ċerti kategoriji ta’ servizzi internazzjonali ta’ trasport ta’ merkanzija għandhom ikunu permessi li jwettqu servizzi nazzjonali ta’ trasport fuq bażi temporanja fi Stat Membru fuq bażi temporanja, f’konformità ma’ dan ir-Regolament mingħajr ma jkollhom uffiċċju reġistrat jew stabbiliment ieħor hemmhekk […]

[…]

(15)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jikkonsistu fl-għoti ta’ servizzi minn trasportaturi fi Stat Membru fejn ma jkunux stabbiliti, u m’għandhomx ikunu pprojbiti sakemm ma jitwettqux b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa f’dak l-Istat Membru […]

(16)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ’il ġewwa jew ’l barra ta’ merkanzija bit-triq bħala parti waħda minn vjaġġ ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-[Direttiva 92/106]. Vjaġġi nazzjonali bit-triq fi Stat Membru ospitanti li mhumiex parti minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-[Direttiva 92/106], jaqgħu fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”

9.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju [tal-Unjoni].

[…]

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq nazzjonali tal-merkanzija li jitwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti kif previst fil-Kapitolu III.

5.   It-tipi ta’ trasport u vjaġġi mingħajr tagħbija li ġejjin, magħmulin b’rabta ma’ tali trasport m’għandhomx jeħtieġu liċenzja tal-Komunità u għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe awtorizzazzjoni għat-trasport:

[…]

(d)

it-trasport ta’ merkanzija bil-vetturi bil-mutur […]

[…]”

10.

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(2)

‘trasport internazzjonali’ tfisser:

(a)

vjaġġ mgħobbi magħmul minn vettura li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha jkunu f’żewġ Stati Membri differenti, billi jgħaddi jew bla ma jgħaddi minn xi Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

(b)

vjaġġ mgħobbi li jsir minn vettura minn Stat Membru lejn pajjiż terz jew viċeversa, sew jekk jgħaddi kif ukoll jekk ma jgħaddix minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

(ċ)

vjaġġ mgħobbi li jsir minn vettura bejn pajjiżi terzi, bil-mogħdija mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed; jew

(d)

vjaġġ bla tagħbija li huwa involut ma’ trasport imsemmi fil-punti (a), (b) u (c);

(3)

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser Stat Membru li fih it-trasportatur jopera għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment tat-trasportatur;

(4)

‘trasportatur mhux residenti’ tfisser impriża tat-trasport bit-triq tal-merkanzija li topera fi Stat Membru ospitanti;

[…]

(6)

‘operazzjonijiet ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]”

11.

Il-Kapitolu III tal-istess regolament, intitolat “Kabotaġġ”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 8, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

2.   Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel.

[…]”

B.   Id‑dritt Ġermaniż

12.

L-Artikolu 13 tal-Verordnung über den grenzüberschreitenden Güterkraftverkehr und den Kabotageverkehr (ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq u dwar l-Operazzjonijiet ta’ Kabotaġġ) ( 5 ), tat‑28 ta’ Diċembru 2011, jipprevedi:

“Trasport ikkombinat internazzjonali f’isem ħaddieħor ifisser it-trasport ta’ merkanzija li fir-rigward tiegħu

1.   il-vettura bil-mutur, it-trejler, ix-xażi, il-kontejner b’tul ta’ mill-inqas 6 metri iwettqu parti mill-vjaġġ bit-triq u parti oħra mill-vjaġġ bil-ferrovija jew bil-vapur tal-ilma intern jew tal-baħar (bi vjaġġ marittimu ta’ aktar minn 100 kilometru f’linja dritta),

2.   il-vjaġġ kollu jitwettaq parzjalment ġewwa l-pajjiż u parzjalment barra u

3.   it-trasport bit-triq ġewwa l-pajjiż isir biss bejn il-post ta’ tagħbija jew ta’ ħatt u

a)

l-eqreb stazzjon tal-ferrovija addattat jew

b)

port tal-ilma intern jew tal-baħar li jinsab f’raġġ li ma huwiex ta’ aktar minn 150 kilometru f’linja dritta (imbark jew żbark).”

13.

L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Imprenditur li l-impriża tiegħu hija stabbilita fi Stat Membru […] jista’ jwettaq fil-kuntest tat-trasport ikkombinat fis-sens tal-Artikolu 13 tagħbija jew ħatt fit-territorju nazzjonali jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet għal aċċess għall-professjoni u għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14.

Fit‑22 ta’ Jannar u fis‑6 ta’ Frar 2020, fil-kuntest ta’ verifiki fuq l-operat tal-kumpannija Contargo Rhein-Neckar GmbH, il-BAG oġġezzjona għal 60 operazzjoni ta’ trasport imwettqa għal din il-kumpannija minn kumpannija tat-trasport stabbilita fir-Rumanija u li hija amministrata minn BW, bejn is‑6 u s‑27 ta’ Mejju 2019.

15.

Il-BAG ikkritika lil BW għat-trasport, f’mill-inqas 57 każ, ta’ kontejners vojta li ma jaqgħux taħt it-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ikkombinat u li għalhekk jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. Skont il-BAG, BW, fil-kwalità tagħha ta’ amministratriċi, kisret il-limitazzjoni ta’ tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi żmien sebat ijiem, kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009.

16.

BW issostni li t-trasport ta’ kontejners vojta jagħmel parti mit-trasport ta’ kontejners mgħobbija, li jaqa’ taħt it-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ikkombinat. Hija tispjega li l-attivitajiet kummerċjali tagħha jikkonsistu f’li tieħu l-kontejners mgħobbija li jinsabu f’terminal tal-kontejners tal-art, sabiex jiġu ttrasportati lejn id-destinatarji tagħhom. Wara l-ħatt tal-merkanzija, il-kontejners li allura jkunu vojta jerġgħu jiġu ttrasportati lejn terminal ta’ kontejners tal-art. Fl-aħħar, wara t-tagħbija mill-ġdid tagħhom, huma jiġu ttrasportati għal darba oħra lejn terminal ta’ kontejners tal-art, imbagħad lejn portijiet, sabiex jintbagħtu bil-baħar, fuq vapur. Skont BW, ikun għalhekk ġust li t-trasport ta’ kontejners vojta ma jitqiesx b’mod iżolat, iżda bħala parti integrali minn kuntratt singolu ta’ trasport, u b’hekk ikun jista’ jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ikkombinat.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2020, il-BAG impona fuq BW multa amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 8625 għal ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

18.

BW ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li t-trasport inkwistjoni jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista għat-trasport ikkombinat. Fil-fehma tagħha, dan it-trasport ma għandux jitqies b’mod iżolat, iżda bħala parti mill-kuntratt prinċipali.

19.

Il-BAG, għall-kuntrarju, iqis li t-trasport ta’ kontejners vojta qabel tagħbija jew wara ħatt ta’ merkanzija ma jaqax taħt it-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ikkombinat, iżda għandu jiġi kkunsidrat separatament. Tali trasport ta’ kontejners vojta jaqa’ għalhekk taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, li jipprevedi limitazzjonijiet għall-kabotaġġ, b’mod partikolari l-obbligu li jitwettaq trasport internazzjonali u l-limitu ta’ tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ f’sebat ijiem.

20.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-trasport ta’ kontejners vojta għall-finijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt tagħhom jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport tal-kontejners mgħobbija b’tali mod li t-trasport ta’ kontejners vojta jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ta’ kontejners mimlija sa fejn, fil-kuntest tat-trasport ikkombinat, dawn tal-aħħar huma eżenti mid-dispożizzjonijiet dwar il-kabotaġġ?”

21.

Il-BAG u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi

22.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/106 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport tal-kontejners mgħobbija, b’tali mod li t-trasport ta’ kontejners vojta jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ta’ kontejners mgħobbija sa fejn, fil-kuntest tat-trasport ikkombinat, dawn tal-aħħar huma eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kabotaġġ previsti f’dan ir-regolament.

23.

B’mod preliminari, għandha titfakkar ir-rabta bejn ir-Regolament Nru 1072/2009, li jissuġġetta l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għal ċerti limitazzjonijiet, u d-Direttiva 92/106, li tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ikkombinat.

24.

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, fl-ewwel lok, jipprevedi li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jiġifieri t-trasport nazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor imwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur li ma huwiex residenti fi Stat Membru ospitanti, huma suġġetti għal ċerti restrizzjonijiet. Madankollu, il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li dan japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ’il ġewwa jew ’il barra ta’ merkanzija bit-triq li jagħmel parti mill-vjaġġ ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-Direttiva 92/106. Min-naħa tagħhom, il-vjaġġi nazzjonali bit-triq imwettqa fi Stat Membru ospitanti li ma humiex parti minn tali trasport jaqgħu fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ operazzjoni ta’ kabotaġġ u għandhom, konsegwentement, ikunu suġġetti għar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament.

25.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/106 jiddefinixxi t-trasport ikkombinat bħala t-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri fejn it-trakk jew il-kontejner jużaw it-triq għall-parti inizjali jew finali tal-vjaġġ u, għall-parti l-oħra, jużaw trasport ferrovjarju jew trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, jew trasport marittimu sa fejn dan tal-aħħar jeċċedi l‑100 kilometru f’linja dritta, u jwettqu l-vjaġġ inizjali jew finali bit-triq jew bejn il-punt ta’ tagħbija tal-merkanzija u l-eqreb stazzjon tal-ferrovija addattat tal-imbark għall-vjaġġ inizjali u bejn l-eqreb stazzjon tal-ferrovija addattat tal-iżbark u l-punt ta’ ħatt tal-merkanzija għall-vjaġġ finali, jew f’raġġ li ma huwiex ta’ aktar minn 150 kilometru f’linja dritta mill-port tal-ilma intern jew tal-baħar tal-imbark jew tal-iżbark. Barra minn hekk, dan l-artikolu jippreċiża li din id-direttiva tapplika għall-operazzjonijiet ta’ trasport ikkombinat, bla ħsara għar-Regolament Nru 881/92 ( 6 ).

26.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nosserva, minn naħa, li dawn iż-żewġ strumenti japplikaw bla ħsara għal xulxin u, min-naħa l-oħra, li la d-Direttiva 92/106 u lanqas ir-Regolament Nru 1072/2009 ma jirreferu b’mod espliċitu jew impliċitu għall-iskema li taħtha jaqa’ t-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija, li jsegwi jew li jippreċedi operazzjoni ta’ trasport ikkombinat.

27.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1072/2009, fil-premessa 16 tiegħu, jiddefinixxi biss l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ bħala l-vjaġġi nazzjonali bit-triq li ma humiex parti minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat kif stipulat fid-Direttiva 92/106.

28.

Issa, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, kif fakkart fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiddefinixxi t-trasport ikkombinat b’referenza għall-vjaġġ inizjali jew finali bit-triq, fejn il-vjaġġ inizjali jinftiehem bħala l-vjaġġ bejn il-punt ta’ tagħbija tal-merkanzija u l-istazzjon tal-ferrovija tal-imbark, u l-vjaġġ finali bħala l-vjaġġ bejn l-istazzjon tal-ferrovija tal-iżbark u l-punt ta’ ħatt tal-merkanzija. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li trasportatur bit-triq għandu d-dritt iwettaq, fil-kuntest ta’ trasport ikkombinat, vjaġġi inizjali u/jew finali bit-triq li jagħmlu parti integrali mit-trasport ikkombinat. Ma ssir l-ebda referenza għat-trasport ta’ kontejners vojta qabel il-vjaġġ inizjali jew wara l-vjaġġ finali, u lanqas ma huwa speċifikat jekk tali trasport jagħmilx parti integrali mit-trasport ikkombinat.

29.

Madankollu, ir-Regolament Nru 1072/2009, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tiegħu, jiddefinixxi t-“trasport internazzjonali” bħala li jinkludi ċerti vjaġġi mgħobbija mwettqa minn vettura u l-vjaġġi bla tagħbija li huma relatati magħhom.

30.

F’dan ir-rigward, il-BAG jargumenta li, għalkemm tali distinzjoni bejn vjaġġ mgħobbi u vjaġġ bla tagħbija hija sistematikament magħmula minn dan ir-regolament, tali distinzjoni ma ssirx mid-Direttiva 92/106, u li dan jindika li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi t-trasport bla tagħbija qabel it-tagħbija jew wara l-ħatt tal-merkanzija fid-definizzjoni tat-trasport ikkombinat fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

31.

Madankollu, l-ewwel, infakkar li r-Regolament Nru 1072/2009 u d-Direttiva 92/106, minkejja li jirreferu għal xulxin ( 7 ) u jaqgħu taħt politika komuni tat-trasport, huma strumenti distinti, adottati fi żminijiet differenti, u jsegwu għanijiet partikolari. Dan ir-regolament jirreferi preċiżament għat-trasport bla tagħbija għar-raġuni li l-għan tiegħu huwa li jitnaqqsu l-vjaġġi bla tagħbija tal-vetturi, billi tiżdied l-effiċjenza ta’ tali vjaġġi permezz tal-liberalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, sakemm dawn ma jitwettqux b’mod li joħolqu attività permanenti jew kontinwa fl-Istat Membru kkonċernat. Ir-referenza għat-trasport bla tagħbija għalhekk ma għandhiex l-istess rilevanza fil-kuntest tat-trasport ikkombinat fejn, għal dan tal-aħħar, ma tqumx il-kwistjoni taż-żieda tal-effiċjenza tal-vjaġġi mingħajr tagħbija tal-vetturi, iżda dik dwar id-dekonġestjoni tat-traffiku u t-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu billi jiġi ppreferut l-użu tat-trasport marittimu jew ferrovjarju.

32.

It-tieni, mill-istudju tad-dokumenti preparatorji għad-Direttiva 92/106 jirriżulta li d-distinzjoni bejn it-trasport ta’ kontejners mgħobbija u t-trasport ta’ kontejners vojta ma ġietx diskussa, u li għaldaqstant ma jistax jiġi affermat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li t-trasport bla tagħbija qabel it-tagħbija jew wara l-ħatt tal-merkanzija ma kellux jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “trasport ikkombinat”.

33.

Barra minn hekk, proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 92/106 ( 8 ) kienet tipprevedi formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li tippreċiża li t-“trasport tal-unitajiet tat-tagħbija vojta qabel u wara il-ġarr tal-merkanzija” huwa inkluż fil-parti bit-triq tal-vjaġġ ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat ( 9 ).

34.

Il-Parlament Ewropew ħassar din ir-referenza għat-trasport bla tagħbija ( 10 ). Barra minn hekk, huwa speċifika li jekk jiġi permess li t-trasport bla tagħbija ma jitqiesx għall-finijiet tal-limitu tad-distanza għall-parti bit-triq tal-vjaġġ, u għalhekk ma jiġix integrat, għall-kuntrarju tat-trasport mgħobbi, fil-kunċett ta’ “trasport ikkombinat”, dan ikollu l-effett li jżid l-emissjonijiet li jniġġsu, fatt li kien imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 92/106, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta’ appoġġ lil mezzi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi ( 11 ).

35.

Il-Parlament żied, fir-rigward tal-formulazzjoni l-ġdida tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/106, li l-limitu tad-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ għandha tapplika wkoll għat-trasport ta’ unità ta’ tagħbija vojta ( 12 ), li pjuttost jissuġġerixxi li tali trasport ġustament jagħmel parti mill-kunċett ta’ “trasport ikkombinat” u għandu jkun suġġett għall-istess limitu ta’ distanza, sa fejn dan jagħmel parti inerenti mit-trasport mgħobbi.

36.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 13 ), min-naħa tiegħu, ippropona li tiġi emendata l-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 92/106 billi l-kunċett ta’ “trasport ikkombinat” jiġi ssostitwit bil-kunċett ta’ “trasport ikkombinat internazzjonali”, li huwa relatat mat-trasport ta’ kontejners, kemm jekk mimlija jew vojta. Fil-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, il-Kunsill madankollu ppreċiża li “[i]t-trasport ta’ unitajiet tat-tagħbija vojta qabel parti inizjali jew finali bit-triq tal-vjaġġ (bħal minn jew lejn depot tal-kontejners) ma jitqiesx parti minn operazzjoni tat-trasport ikkombinat”.

37.

Minn dan nikkonkludi li, fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva 92/106, il-kwistjoni tat-trasport ta’ kontejners vojta ma qamitx, u li tqum il-kwistjoni llum, mhux tant biex ikun magħruf jekk it-trasport ta’ kontejners vojta qabel it-tagħbija jew wara l-ħatt tal-merkanzija fil-kuntest ta’ trasport ikkombinat jaqax intrinsikament taħt dan il-kunċett ta’ “trasport ikkombinat”, iżda pjuttost sabiex ikun magħruf jekk il-vjaġġ bla tagħbija għandux jitqies għall-finijiet tal-limitu tad-distanza tal-parti bit-triq tal-vjaġġ, u dan bil-ħsieb li jiġu ppreferuti mezzi oħra ta’ trasport, li huma iktar effiċjenti u li jniġġsu inqas.

38.

It-tielet, anki jekk ir-riferiment magħmul mir-Regolament Nru 1072/2009 għat-trasport bla tagħbija huwa rilevanti, dan jimmilita, fil-fehma tiegħi, favur l-idea li kull trasport bla tagħbija direttament assoċjat ma’ trasport b’tagħbija jagħmel parti mill-istess operazzjoni ta’ trasport li għandha tiġi rrikonoxxuta bħala ħaġa sħiħa fir-rigward tal-istatus li għandu jingħatalha. It-trasport ta’ kontejners vojta qabel it-tagħbija jew wara l-ħatt tal-merkanzija fil-kuntest ta’ operazzjoni tat-trasport ikkombinat huwa inerenti u meħtieġ għal din l-operazzjoni u għalhekk jagħmel parti integrali minnha.

39.

L-unika eċċezzjoni hija s-sitwazzjoni fejn il-kontejner vojt jikkostitwixxi huwa stess merkanzija, jiġifieri meta l-kontejner jifforma s-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali awtonoma, fil-kuntest ta’ xiri jew ta’ kiri. It-trasport ta’ kontejners vojta f’dan il-każ ikun jagħmel parti minn operazzjonijiet separati, li ma jkunux direttament assoċjati ma’ operazzjoni ta’ trasport ta’ kontejners mgħobbija u għalhekk ma għandhomx jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “trasport ikkombinat”, fis-sens tad-Direttiva 92/106, iżda għandhom ikunu suġġetti għar-restrizzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ previsti fir-Regolament Nru 1072/2009.

40.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-attività ta’ BW tikkonsisti f’li tieħu l-kontejners mgħobbija li jinsabu f’terminal tal-kontejners tal-art, sabiex jiġu ttrasportati lejn id-destinatarji tagħhom. Wara l-ħatt tal-merkanzija, il-kontejners vojta jerġgħu jiġu ttrasportati lejn terminal ta’ kontejners tal-art. Fl-aħħar, wara t-tagħbija mill-ġdid tagħhom, huma jiġu ttrasportati għal darba oħra lejn terminal tal-kontejners tal-art, imbagħad lejn portijiet, sabiex jintbagħatu bil-baħar, fuq vapur. BW tippreċiża li, matul it-tagħbija jew il-ħatt tagħhom, il-kontejners jibqgħu fuq ix-xażi tat-trakk.

41.

Għalhekk, sa fejn il-kontejner vojt ma huwiex, fih innifsu, ikkunsidrat bħala merkanzija, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, is-sistema stabbilita minn BW tippermetti li jiġu ssodisfatti l-għanijiet tad-Direttiva 92/106 li huma intiżi li jnaqqsu l-konġestjoni fit-toroq.

42.

Fil-fatt, bħall-Kummissjoni, naħseb li, li kieku t-trasport ta’ kontejner vojt direttament qabel trasport ta’ kontejner mgħobbi, jew direttament warajh, imwettaq fil-kuntest ta’ trasport ikkombinat kellu jkun suġġett għal-limitazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, it-tneħħija ta’ kontejners vojta jkollha ssir minn operaturi tat-trasport nazzjonali taħt kuntratti ta’ trasport differenti, li jwassal għal piżijiet finanzjarji u amministrattivi addizzjonali u jiffavorixxi t-trasport esklużivament bit-triq għad-detriment tat-trasport ikkombinat. Inżid ngħid li, sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ prevista fir-Regolament Nru 1072/2009 għandha preċiżament l-għan li tevita li vetturi jirritornaw vojta meta jaqsmu Stat Membru ospitanti, ikun kuntrarju għal din il-liberalizzazzjoni li wieħed iqis it-trasport ta’ kontejners vojta fin-numru massimu ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li t-trasportatur li ma huwiex residenti huwa awtorizzat iwettaq f’dan l-Istat Membru ospitanti.

43.

Ċertament, tali mudell jassumi li trasportatur li ma huwiex residenti jista’ jwettaq numru indefinit ta’ operazzjonijiet ta’ trasport ikkombinat, peress li dawn l-operazzjonijiet ma humiex suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1072/2009.

44.

Dwar dan il-punt, nirrikonoxxi li huwa importanti li jiġi żgurat li l-impriżi tat-trasport ma jistgħux jabbużaw mid-Direttiva 92/106 biex jevadu r-regoli dwar l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

45.

Madankollu, ma naħsibx li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasport ikkombinat” li tgħid li t-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija jagħmel parti integrali minn operazzjoni ta’ trasport ikkombinat tista’ twassal għal evażjoni tar-regoli.

46.

Fil-fatt, ir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq ( 14 ), jiddikjara, fil-premessa 22 tiegħu, li għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/106 u japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mal-kabotaġġ previsti fir-Regolament Nru 1072/2009 għal trasportaturi li ma humiex residenti li jużaw it-triq għall-parti inizjali jew finali tal-vjaġġ tat-trasport ikkombinat, sabiex jindirizzaw tali problemi.

47.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/106 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport ta’ kontejners mgħobbija, b’tali mod li t-trasport ta’ kontejners vojta jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ta’ kontejners mgħobbija sa fejn, fil-kuntest tat-trasport ikkombinat, dawn tal-aħħar huma eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kabotaġġ previsti f’dan ir-regolament.

V. Konklużjoni

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja):

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas‑7 ta’ Diċembru 1992, dwar l-istabbiliment ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

it-trasport ta’ kontejners vojta lejn il-post ta’ tagħbija jew mill-post ta’ ħatt tal-merkanzija jikkostitwixxi parti inseparabbli mit-trasport ta’ kontejners mgħobbija, b’tali mod li t-trasport ta’ kontejners vojta jibbenefika mit-trattament ipprivileġġat mogħti lit-trasport ta’ kontejners mgħobbija sa fejn, fil-kuntest tat-trasport ikkombinat, dawn tal-aħħar huma eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kabotaġġ previsti f’dan ir-regolament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 1992, L 368, p. 38.

( 3 ) ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/91 tas‑26 ta’ Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 370). Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1072/2009 (ara l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament).

( 5 ) BGBl. 2012 I, p. 42.

( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (COM(2017) 648 final). Madanakollu, dan il-proġett ma tkompliex.

( 9 ) Ara p. 22 ta’ din il-proposta għal direttiva.

( 10 ) Ara l-emenda 33 tar-Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/106/KEE dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (A8‑0259/2018), p. 24.

( 11 ) Ara l-emendi 48-268 imressqa fil-Kumitat għall-Ambjent, għas-Saħħa Pubblika u għas-Sikurezza tal-Ikel, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TRAN-AM-622152_FR.pdf, p. 71.

( 12 ) Ara l-emendi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 61.

( 13 ) Ara r-Rapport tat‑30 ta’ Novembru 2018 (13871/2/18 REV 2), p. 19 u 20.

( 14 ) ĠU 2020, L 249, p. 17.