Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C234/22

Roheline Kogukond MTÜ et

vs

Keskkonnaagentuur

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali – Kunċett ta’ informazzjoni ambjentali – Data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti – Eċċezzjonijiet – Protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali – Protezzjoni tal-ambjent – Kwalità tal-informazzjoni ambjentali”






I.      Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali (2) tistabbilixxi dritt għal kull persuna li tkun taf il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti? Hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda f’din il-proċedura.

2.        F’intervalli regolari, l-Aġenzija għall-Ambjent tal-Estonja tiġbor data minn dawn il-kampjuni ta’ plottijiet permanenti bħala kampjuni rappreżentattivi sabiex tasal għal konklużjonijiet dwar l-istatus globali tal-foresti. Il-postijiet għandhom jibqgħu kunfidenzjali sabiex jiġi evitat li l-habitats f’dawn il-postijiet jiġu mmanipulati, li jċaħħadhom mill-karattru rappreżentattiv tagħhom.

3.        Kif inhu magħruf, iżda, id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali tippermetti li jintalab, mingħajr ma jintwera interess partikolari, l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, jekk jiġi kkonfermat li d-data dwar il-post ikkontestata tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali, iqumu kwistjonijiet delikati fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet possibbli għal dan id-dritt, b’mod partikolari jekk il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-inventarju tal-foresti jew il-protezzjoni tal-ambjent jiġġustifikawx trattament kunfidenzjali ta’ din id-data. Għandha tiġi eżaminata wkoll l-importanza li d-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali tattribwixxi lir-riskju li l-iżvelar tal-post jista’ jaffettwa l-kwalità tal-inventarju tal-foresti.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IlKonvenzjoni ta’ Aarhus

4.        Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali huwa stabbilit fil-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) iffirmata mill-Komunità f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 (4).

5.        Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ informazzjoni ambjentali:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

[…]

3.      L-espressjoni ‘informazzjoni dwar l-ambjent’ tfisser kwalunkwe informazzjoni disponibbli f’forma miktuba, viżiva, orali jew elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra, u li tikkonċerna:

(a)      l-istat ta’ elementi ambjentali bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, l-art, il-pajsaġġ u s-siti naturali, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi ġenetikament immodifikati, u l-interazzjoni bejn dawn l-elementi;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija konvenzjoni jirregola d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent. L-Artikolu 4(3) u (4) jipprovdi għal eċċezzjonijiet:

“3.      Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk:

[…]

(c)      it-talba tikkonċerna dokumenti li jkunu għadhom qegħdin jitfasslu jew tikkonċerna komunikazzjonijiet interni tal-awtoritajiet pubbliċi, bil-kundizzjoni li din l-eċċezzjoni tkun prevista fid-dritt intern jew fl-użanza, fid-dawl tal-interess tal-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għall-pubbliku.

4.      Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun ser ikollu effetti sfavorevoli fuq:

[…]

(b)      ir-relazzjonijiet internazzjonali, id-difiża nazzjonali jew is-sigurtà pubblika;

[…]

(h)      il-post ikkonċernat mill-informazzjoni, bħalma huma s-siti ta’ riproduzzjoni ta’ speċi rari.

Ir-raġunijiet għal rifjut msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tikkonċernax jew le emissjonijiet fl-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      IdDirettiva dwar linformazzjoni ambjentali

7.        L-għanijiet marbuta mal-aċċess għal informazzjoni ambjentali jirriżultaw mill-premessa 1 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali:

“L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie u, eventwalment, ambjent aħjar.”

8.        Il-premessa 16 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali tikkonċerna r-rifjut li tingħata informazzjoni ambjentali:

“Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut […]”

9.        Il-kwalità tal-informazzjoni ambjentali kif ukoll il-proċedura ta’ ġbir ta’ din l-informazzjoni huma s-suġġett tal-premessa 20 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali:

“L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ifittxu li jiggarantixxu illi meta jiġi kkumpilat it-tagħrif minnhom jew f’isimhom, it-tagħrif ikun jinftiehem, eżatt u jista’ jiġi pparagunat. Billi dan huwa fattur importanti fl-istima tal-kwalità tat-tagħrif fornit, il-metodu wżat fil-kumpilazzjoni tat-tagħrif għandu jiġi żvelat ukoll fuq talba.”

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “informazzjoni ambjentali”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

(a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturli inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

b)      il-fatturi, bħalma juma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

[…]”

11.      Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 4 […] it-tagħrif dwar l-ambjent għandu jkun disponibbli għal applikant”.

12.      L-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess huma rregolati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk:

[…]

(d)      it-talba tirrigwarda materjal li jkun għadu qiegħed jiġi kkumpilat jew dokumenti jew informazzjoni mhux ikkompletati;

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

(a)      il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

(b)      ir-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali;

[…]

(h)      il-protezzjoni ta’ l-ambjent li miegħu jkollu x’jaqsam dan it-tagħrif, bħalma hija l-lokazzjoni ta’ speċji rari.

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. […]”

13.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jikkonċerna l-kwalità tal-informazzjoni u l-proċeduri għall-ġbir tagħha:

“1.      Safejn u sakemm ikun fil-poter tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull tagħrif li jiġi kkumpilat minnhon jew f'isimhom ikun aġġornat, eżatt u paragunabbli.

2.      Fuq talba, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iwieġbu t-talbiet għat-tagħrif skond l-Artikolu 2(1)b, filwaqt li jirrappurtaw lill-applikant il-post fejn jista' jinstab it-tagħrif, jekk disponibbli, dwar il-proċeduri tal-kejl, inklużi l-metodi ta’ l-analiżijiet, it-teħid tal-kampjuni, jew it-trattament minn qabel tal-kampjuni, użati għalbiex jikkumpilaw it-tagħrif, jew li jirreferu għal proċedura standardizzata.”

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

14.      Mill‑1999 ’l hawn, l-Aġenzija għall-Ambjent konvenuta kkompilat l-inventarju nazzjonali tal-foresti fl-Estonja. L-għan prinċipali huwa li jiġu stabbiliti statistiċi dwar l-istatus, l-istat u l-użu tar-riżorsi forestali fl-Estonja, kif ukoll dwar l-użu tal-art u l-modifika tagħha. Dan huwa metodu ta’ inventarju oġġettiv ta’ żoni forestali akbar, bl-inqas sforz possibbli. Id-data tal-kejl u l-evalwazzjonijiet jinġabru minn kampjun ta’ plottijiet miġbura fi gruppi li jinsabu mal-ġnub ta’ rqajja’ ta’ art kwadri (imsejħa taqsimiet) ta’ 800 x 800 m (64 ettaru). L-irqajja’ ta’ art jiġu suddiviżi b’mod permanenti u temporanju. Fil-kundizzjonijiet ta’ kampjun aleatorju, kull żona fil-kampjun tirrappreżenta proporzjonalment parti mis-superfiċji totali tal-foresti tal-Estonja. Id-data ta’ osservazzjoni hija ġġeneralizzata u, fuq il-bażi tagħha, għandu jiġi mħejji rapport statistiku dwar ir-riżorsi forestali tal-Estonja. L-Aġenzija għall-Ambjent tippubblika r-riżultati tal-inventarju tal-foresti fuq is-sit web tagħha.

15.      Mittetulundusühing Roheline Kogukond, MTÜ Eesti Metsa Abiks, Päästame Eesti Metsad MTÜ u Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent”) ressqu talba għal informazzjoni quddiem l-Aġenzija għall-Ambjent sabiex jirċievu mingħandha, fost affarijiet oħra, id-data bażika li fuqha huwa bbażat l-inventarju statistiku tal-foresti. Din id-data bażika hija data dwar il-post, il-kejl u l-evalwazzjoni tal-kampjuni ta’ plottijiet. Madankollu, l-Aġenzija għall-Ambjent bagħtet biss parzjalment id-data bażika, peress li hija ma indikatx il-koordinati tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti.

16.      Għaldaqstant, l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent ippreżentaw rikors quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) intiż sabiex l-Aġenzija għall-Ambjent tiġi ordnata tilqa’ t-talba tagħhom għal informazzjoni u tikkomunikalhom il-koordinati tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti użati għall-inventarju statistiku tal-foresti.

17.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala informazzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) jew (b) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali]?

2.      Jekk, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, din hija informazzjoni ambjentali:

2.1      [L]-Artikolu 4(1)(d) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti tagħmel parti mill-materjal li jkun għadu qiegħed jiġi kkumpilat jew dokumenti jew informazzjoni mhux ikkompletati?

2.2.      L-Artikolu 4(2)(a) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni imposta f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-kunfidenzjalità rilevanti hija stabbilita bil-liġi, hija ssodisfatta jekk ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità ma huwiex meħtieġ mil-liġi għal tip partikolari ta’ informazzjoni iżda huwa dedott mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att ġuridiku ta’ natura ġenerali, bħall-Avaliku teabe seadus (il-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika) jew ir-Riikliku statistika seadus (il-Liġi dwar l-Istatistika Uffiċjali tal-Istat)?

2.3.      Għall-finijiet tal-Artikolu 4(2)(b) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali], għandhom jiġu stabbiliti effetti negattivi reali fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat li jsiru possibbli bl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jew huwa biżżejjed li jiġi stabbilit riskju?

2.4.      L-għan invokat fl-Artikolu 4(2)(h) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] ta’ ‘protezzjoni ta’ l-ambjent [inkwistjoni]’ jiġġustifika restrizzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-istatistika tal-Istat?

3.      Jekk, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, id-data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala informazzjoni ambjentali, talba għal informazzjoni dwar tali data għandha titqies bħala talba għal aċċess għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali], li għandha tiġi ttrattata konformement mal-Artikolu 8(2)?

4.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala informazzjoni dwar metodi ta’ analiżi, ta’ teħid tal-kampjuni u ta’ trattament minn qabel tal-kampjuni użati għall-ġbir ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali]?

5.1.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-aċċess għal tali informazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] tista’ tiġi limitata għal kwalunkwe raġuni importanti taħt id-dritt nazzjonali?

5.2.      Ir-rifjut ta’ żvelar ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] jista’ jiġi mtaffi permezz ta’ miżuri oħra, pereżempju miżuri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp jew lill-qorti tal-awdituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni mitluba għal skopijiet ta’ verifika?

6.      Ir-rifjut li tiġi żvelata data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-għan li tiġi żgurata l-kwalità tal-informazzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali]?

7.      Il-premessa 21 tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] tikkostitwixxi bażi legali għall-pubblikazzjoni ta’ data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti?”

18.      L-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, l-Aġenzija għall-Ambjent, l-Estonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u wieġbu għal talba għal informazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi qieset li kienet diġà informata biżżejjed.

IV.    Evalwazzjoni legali

19.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jobbligax lill-konvenuta tipprovdi data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti.

20.      Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali u jeżiġi biss li l-informazzjoni mitluba tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali. Madankollu, id-Direttiva tipprevedi wkoll ċerti eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess li jippermettu lill-awtorità kompetenti tirrifjuta li tipproċedi bl-iżvelar tal-informazzjoni.

21.      Iktar ’il quddiem ser nispjega, l-ewwel nett, li d-data dwar il-post ikkontestata tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali (l-ewwel domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti A), imbagħad ser nindirizza l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali (it-tieni u s-sitt domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti B). Finalment, ser nuri li d-domandi l-oħra ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali (ara f’dan ir-rigward il-partijiet C u D).

A.      Lewwel domanda: ilkunċett ta’ informazzjoni ambjentali

22.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex tiġi kklassifikata bħala informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punti 1(a) u (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

23.      Skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, il-frażi tagħrif dwar l-ambjent tfisser kull informazzjoni dwar l-istat tal-elementi tal-ambjent, bħal, b’mod partikolari, il-ħamrija, l-art, il-pajsaġġ u l-habitats naturali, kif ukoll il-bijodiversità u l-elementi tagħha.

24.      Meqjusa waħedha, id-data dwar il-post ikkontestata tikkostitwixxi biss koordinati ġeografiċi li ma jiddeterminawx l-istat tal-elementi tal-ambjent.

25.      Għall-kuntrarju, l-informazzjoni dwar il-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti, fis-sens tal-imsemmija definizzjoni, hija informazzjoni dwar l-istat tal-elementi tal-ambjent, jiġifieri dwar ċerti habitats naturali u elementi tal-bijodiversità preżenti f’dawn is-siti. Iżda din tinkludi wkoll l-indikazzjonijiet ta’ sit korrispondenti. Mingħajr indikazzjoni tal-post, din id-data kollha tippermetti li tingħata statistika dwar l-istat tal-foresti, iżda huwa biss bl-indikazzjoni tas-sit li l-informazzjoni dwar l-istat tista’ tiġi attribwita għal habitats speċifiċi.

26.      L-Aġenzija għall-Ambjent toġġezzjona li l-metodu ta’ ġbir ta’ informazzjoni ambjentali ma huwiex neċessarjament inkluż fil-kunċett ta’ informazzjoni ambjentali. Għandha tintlaqa’ din l-oġġezzjoni, li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jinkludi obbligi ta’ komunikazzjoni speċifiċi fir-rigward tal-proċeduri ta’ ġbir ta’ informazzjoni ambjentali li huma s-suġġett tat-tielet sal-ħames domanda.

27.      Madankollu, anki jekk id-data dwar il-post tkun attribwita wkoll għal din l-informazzjoni dwar il-metodu, dan ma jippermettix li din id-data tiġi eskluża mill-kunċett ta’ informazzjoni ambjentali għal din ir-raġuni biss. F’dan ir-rigward, id-data dwar il-post hija differenti pereżempju mill-kriterji ta’ għażla tal-kampjuni ta’ plottijiet li ma jiddeskrivux l-istat tal-elementi ambjentali konkreti.

28.      Għaldaqstant, għandu jingħad li d-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti tikkostitwixxi, flimkien mal-informazzjoni dwar l-istat ta’ dawn il-plottijiet, informazzjoni dwar l-istat tal-elementi tal-ambjent u għalhekk informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

29.      Il-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni tikkostitwixxix ukoll informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali hija mingħajr effett fuq id-dritt ta’ aċċess u ma teħtieġx deċiżjoni.

B.      Ittieni u ssitt domanda: eċċezzjonijiet għaddritt ta’ aċċess

30.      Peress li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom għalhekk, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, dritt għall-iżvelar tad-data dwar il-post ikkontestata, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Aġenzija għall-Ambjent tistax tinvoka eċċezzjoni għal dan id-dritt sabiex tirrifjuta l-iżvelar. Dawn l-eċċezzjonijiet huma bbażati fuq ċerti interessi li jiġu affettwati minn żvelar.

31.      Għalhekk ser nibda billi niddeskrivi l-livell ta’ riskju meħtieġ għal interess protett fil-kuntest ta’ eċċezzjoni (il-punt 3 tat-tieni domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti 1). Fuq din il-bażi, huwa possibbli li jiġu diskussi l-interessi differenti li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar. F’dan ir-rigward, ser neżamina l-ewwel is-sitt domanda, għaliex l-interess tal-kwalità tal-inventarju tal-foresti msemmi fiha huwa fil-qalba tal-oġġezzjonijiet kollha mqajma kontra l-iżvelar tad-data dwar il-post ikkontestata (ara f’dan ir-rigward il-parti 2). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-diversi eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, jiġifieri l-operazzjonijiet li għadhom għaddejjin (il-punt 1 tat-tieni domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti 3), dwar il-ħtieġa li tiġi stabbilita bil-liġi l-eċċezzjoni għall-kunfidenzjalità tal-pariri tal-awtoritajiet pubbliċi (il-punt 2 tat-tieni domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti 4), dwar l-effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat (il-punt 3 tat-tieni domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti 5) u dwar il-protezzjoni tal-ambjent (il-punt 4 tat-tieni domanda, ara f’dan ir-rigward il-parti 6).

1.      Ilpunt 3 tattieni domanda: illivell ta’ riskju meħtieġ għal interess protett

32.      Permezz tal-punt 3 tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, għandhomx jiġu stabbiliti, fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat, effetti negattivi reali li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jirrendi possibbli jew jekk huwiex biżżejjed li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali riskju.

33.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda speċifikament fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, il-livell ta’ riskju meħtieġ għal eċċezzjoni huwa rilevanti għall-eċċezzjonijiet kollha. Għaldaqstant, ser nibda billi nirrispondi għal din il-parti tad-domanda.

34.      Ir-risposta tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Skont din il-ġurisprudenza, hija l-istituzzjoni, fil-każ ta’ rifjut, li għandha turi kif l-aċċess jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni invokata minnha. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (5).

35.      Kif ikkonstatat l-Estonja, sadanittant, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet dan il-kriterju għall-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt għall-informazzjoni skont id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali (6).

36.      Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali teħtieġ li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni joħloq riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-interess protett.

2.      Issitt domanda: ilkwalità talinventarju talforesti

37.      Is-sitt domanda tistaqsi jekk riskju għall-kwalità tar-rekwiżiti futuri tal-inventarju tal-foresti jistax jiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar ta’ data dwar il-post.

38.      Id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali tirrikonoxxi espressament dan l-interess u saħansitra tistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni korrispondenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li l-informazzjoni kollha li huma jiġbru jew li tinġabar f’isimhom tkun aġġornata, preċiża u komparabbli.

39.      L-inventarju tal-foresti għandu jitħejja perjodikament mill-Aġenzija għall-Ambjent, bħala awtorità tal-Istat Estonjan u, skont l-informazzjoni konsistenti mogħtija mill-partijiet, għandu jservi bħala bażi għad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-forestrija u tal-politika ambjentali. Il-komparabbiltà tal-informazzjoni miġbura hija essenzjali f’dan ir-rigward, peress li l-inventarju tal-foresti huwa mistenni li jkopri l-iżvilupp matul iż-żmien tal-istat tal-foresti u li jkun komparabbli ma’ investigazzjonijiet simili mwettqa fi Stati oħra. Għaldaqstant, dan l-inventarju jikkostitwixxi informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

40.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Aġenzija għall-Ambjent uriet b’mod kredibbli li l-iżvelar tad-data dwar il-post ikkontestata jista’ jwassal għal tentattivi min-naħa tal-persuni kkonċernati li jimmanipulaw l-inventarju tal-foresti sabiex, pereżempju, jilħqu volumi ta’ qtugħ ogħla. Jekk dan ir-riskju jseħħ, il-kwalità tal-inventarju tal-foresti tkun kompromessa. Huwa probabbilment ikun inqas preċiż u l-paragunabbiltà temporali u lokali tar-riżultati tkun ukoll dubjuża. Għalhekk, l-Istat Membru għandu jipprevjeni tali żvelar, tal-anqas sa fejn ikun possibbli. Skont l-Aġenzija għall-Ambjent u l-Estonja, din l-evalwazzjoni hija kondiviża internazzjonalment (7) u, b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra (8).

41.      Madankollu, dan huwa biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata, abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-data dwar il-post?

42.      Dan ir-riżultat imur kontra l-lista eżawrjenti tal-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja (9) u jien (10) diġà rrimarkajna, skont il-premessa 16 l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollhom is-setgħa biss li jirrifjutaw talbiet għal aċċess għal informazzjoni ambjentali f’każijiet speċifiċi u ddefiniti sew. Dawn il-każijiet huma miġbura fl-Artikolu 4. Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali huwa mogħti fl-Artikolu 3, bla ħsara għall-Artikolu 4. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 8(1) ma huwiex suġġett għal riżerva u l-Artikolu 8(1) lanqas ma jinkludi indikazzjoni espliċita li l-protezzjoni tal-kwalità tal-informazzjoni ambjentali tista’ tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tagħha.

43.      Barra minn hekk, eċċezzjonijiet oħra jkunu jmorru kontra l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (11), trasposta bid-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, li tipprevedi wkoll, fl-Artikolu 4(3) u (4) tagħha, ċerti eċċezzjonijiet espressament stabbiliti biss (12).

44.      Madankollu, is-sbatax-il premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tenfasizza wkoll l-importanza ta’ integrazzjoni kompleta tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-proċessi deċiżjonali Statali u tan-neċessità li tirriżulta minn dan li l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni preċiża, kompleta u aġġornata dwar l-ambjent. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni, kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom informazzjoni dwar l-ambjent li hija rilevanti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li jaġġornaw din l-informazzjoni. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti sistemi vinkolanti biex l-awtoritajiet pubbliċi tingħatalhom informazzjoni adegwata dwar l-attivitajiet ippjanati u kontinwi li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. L-inventarju tal-foresti huwa sistema bħal din.

45.      Minn dan għandu jiġi konkluż, minn naħa, li l-interess tal-kwalità tal-informazzjoni ambjentali rrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ma jistax waħdu jiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tindika ebda waħda mill-ipoteżijiet speċifiċi u ddefiniti sew li fihom rifjut huwa ammissibbli.

46.      Min-naħa l-oħra, l-importanza rrikonoxxuta lill-kwalità tal-informazzjoni ambjentali tagħti piż partikolari lil dan l-interess. Għaldaqstant, dan l-interess għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut tal-iżvelar espressament imsemmija.

47.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jipprovdi l-punt ta’ rabta f’dan ir-rigward. Skont l-ewwel sentenza, ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-każ individwali, l-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni jippreżenta għall-pubbliku. Skont it-tieni sentenza, l-interess pubbliku fl-iżvelar għandu jiġi bbilanċjat f’kull każ partikolari mal-interess tar-rifjut tal-iżvelar.

48.      F’dan ir-rigward, l-interessi pubbliċi għall-iżvelar u l-interessi privati għal trattament kunfidenzjali ma jopponux neċessarjament lil xulxin. Għall-kuntrarju, hemm ukoll diversi eċċezzjonijiet li jirrigwardaw interessi pubbliċi. Fir-realtà, ma huwiex effettivament l-interess pubbliku b’mod ġenerali, iżda l-interess pubbliku fl-iżvelar, li għandu jiġi bbilanċjat mal-interessi protetti (13).

49.      L-interess tal-pubbliku fl-iżvelar tad-data dwar il-post ikkontestata huwa madankollu limitat bħala tali. Fil-fatt, il-valur primarju tagħha ma jinsabx fid-deskrizzjoni tal-istat tal-ambjent tal-postijiet ikkonċernati individwali. Meħuda waħedhom, id-deskrizzjonijiet tal-istat rispettivi jidhru relattivament ftit interessanti u jistgħu, jekk ikun hemm bżonn, jiġu ssostitwiti, jew saħansitra mtejba, relattivament faċilment bl-ispezzjoni tal-post ikkonċernat.

50.      Il-valur ta’ dawn id-deskrizzjonijiet tal-istat lokali jinsab pjuttost fil-fatt li dawn flimkien jagħtu stampa globali rappreżentattiva tal-istat tal-foresti komparabbli mal-inventarji tal-foresti preċedenti u futuri. Madankollu, din il-funzjoni tkun kompromessa jekk, minħabba żvelar, ikun hemm lok għal biża’ ta’ manipulazzjoni tal-istat tal-foresti fuq il-kampjuni ta’ plottijiet.

51.      Madankollu, l-importanza tar-riskji marbuta mal-iżvelar għandha tiġi evalwata bir-reqqa. Din tista’ tkun baxxa jekk miżuri oħra jippermettu l-prevenzjoni effettiva tal-manipulazzjoni jew meta d-data dwar il-post tkun diġà mxerrda b’mod wiesa’ jew tkun tista’ tiġi kkalkolata faċilment.

52.      L-importanza tar-riskju ta’ manipulazzjoni titnaqqas ukoll sa fejn l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent korrettament isostnu li, fl-Estonja, hemm fuq kollox inċentiv li l-Istat Estonjan, bħala l-ikbar proprjetarju forestali, jimmanipula l-inventarju tal-foresti. Madankollu, l-Istat Estonjan diġà jaf id-data dwar il-post, minħabba li hija l-Aġenzija għall-Ambjent li stabbilixxiet il-postijiet. Ir-riskju għall-inventarju tal-foresti għalhekk ma jinsabx prinċipalment fi żvelar ta’ data dwar il-post lill-pubbliku, iżda fil-fatt li ċerti awtoritajiet pubbliċi ma humiex preklużi milli jwettqu manipulazzjoni.

53.      F’din il-perspettiva, l-interess invokat mill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent li jikkontrollaw il-veraċità tal-inventarju tal-foresti huwa iktar u iktar importanti.

54.      Għall-kuntrarju, jekk l-iżvelar tad-data dwar il-post kien effettivament jikkostitwixxi riskju serju addizzjonali ta’ manipulazzjoni tal-kampjuni ta’ plottijiet, dan inaqqas ukoll l-interess ta’ kontroll pubbliku mill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent. Fil-fatt, dan il-kontroll jippreġudika l-għanijiet tiegħu stess jekk jippreżupponi żvelar tad-data dwar il-post minkejja li dan l-iżvelar jikkomprometti l-kwalità tal-inventarju tal-foresti.

55.      L-interess ta’ kontroll pubbliku mill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent jista’ barra minn hekk jitnaqqas ukoll billi jiġu kkontrollati l-kwalità u l-veraċità tal-inventarju tal-foresti fl-assenza ta’ żvelar ġenerali tad-data dwar il-post minn korpi indipendenti, li huwa invokat fit-tieni parti tal-ħames domanda.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex twettaq evalwazzjoni definittiva ta’ dawn l-elementi. Għall-kuntrarju, dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali kompetenti.

57.      Għalhekk, fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess u tal-ibbilanċjar tal-interessi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar tal-postijiet tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti. Dan l-interess huwa limitat meta dan l-iżvelar joħloq riskju, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti u meta l-eventwali vantaġġi ta’ żvelar jistgħu jinkisbu b’mezzi oħra.

3.      Ilpunt 1 tat-tieni domanda: operazzjonijiet li għadhom għaddejjin

58.      Permezz tal-punt 1 tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju forestali statistiku taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali tiġi rrifjutata meta din tkun tikkonċerna d-dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti kif ukoll id-dokumenti u d-data mhux ikkompletati. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex tissodisfa l-ħtieġa tal-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom spazju protett sabiex iwettqu riflessjonijiet u dibattiti interni (14).

59.      Madankollu, bħall-eċċezzjonijiet kollha għad-dritt ta’ aċċess, din l-eċċezzjoni hija wkoll suġġetta għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali u għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, din għandha tkun limitata għat-tliet gruppi ta’ każijiet speċifiċi rregolati b’mod konkret. Dawn huma kkaratterizzati mill-fatt li l-materjali, id-dokumenti u d-data miġbura jkunu għadhom qegħdin jiġu pproċessati – l-Artikolu 4(3(c) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dan ir-rigward jirreferi għal “dokumenti li jkunu għadhom qegħdin jitfasslu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Teżisti rabta mal-kwalità tad-data sa fejn l-aċċess tal-pubbliku għal din l-informazzjoni jista’ jagħti stampa żbaljata. Madankollu, rifjut jista’ jiġġustifika dan ir-riskju biss jekk indikazzjoni f’dan is-sens ma tippermettix li jingħeleb (15).

60.      Madankollu, id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti diġà hija kompletament disponibbli u għalhekk ma taqa’ taħt l-ebda waħda mit-tliet kategoriji.

61.      Il-fatt li d-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti sservi sabiex jitħejjew regolarment rapporti oħra dwar l-istat tal-foresti ma jbiddel xejn minn dan. Dawn ir-rapporti u l-informazzjoni li huma jiġbru jistgħu jaqgħu, f’ċerti mumenti, taħt il-gruppi ta’ każijiet iċċitati iktar ’il fuq u għalhekk taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Madankollu, dan ma jippermettix li tinżamm id-data dwar il-post. Ċertament, hija espressament jew impliċitament tagħmel parti mir-rapporti. Madankollu, hija għandha wkoll is-sinjifikat tagħha stess indipendentement mir-rapporti individwali, li jistgħu jkunu għadhom ma tlestewx. Dan jintwera wkoll mill-fatt li din id-data dwar il-post ma hijiex biss il-bażi ta’ rapporti li għadhom qegħdin jiġu mħejjija, iżda wkoll – kif tirrikonoxxi l-Aġenzija għall-Ambjent – il-bażi ta’ rapporti li diġà ġew iffinalizzati fil-passat.

62.      Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew esposti dwar l-interess pubbliku eventwalment limitat fl-iżvelar tad-data dwar il-post (16) ma jwasslux għal konklużjoni differenti. Dawn ma jbiddlux il-fatt li d-data dwar il-post hija parti integrali minn operazzjonijiet li diġà ġew iffinalizzati.

63.      Ikun kuntrarju għan-natura temporanja ta’ din l-eċċezzjoni jekk din tiġi applikata għal żmien indeterminat għal din id-data permezz tal-użu repetut ta’ ċerta data minkejja li tkun diġà ġiet stabbilita b’mod definittiv. Għall-kuntrarju, l-eċċezzjoni hija intiża li tapplika biss għal żmien determinat, jiġifieri matul l-ipproċessar tal-materjali, tad-dokumenti u tad-data (17). Din l-idea ta’ validità limitata fiż-żmien ta’ din l-eċċezzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, li skontha rifjut li jiġi żvelat materjal li fil-mument ikun qiegħed jiġi ffinalizzat għandu diġà jindika meta l-materjal huwa mistenni li jkun iffinalizzat.

64.      Konsegwentement, id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti rrepetut regolarment la tikkostitwixxi materjal li fil-mument ikun qiegħed jitlesta, la dokumenti li għadhom ma ġewx iffinalizzati, u lanqas data li għadha ma ġietx ipproċessata fis-sens tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

4.      Ilpunt 2 tattieni domanda: stabbiliment billiġi talkunfidenzjalità taddeliberazzjonijiet talawtoritajiet pubbliċi

65.      Skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għal informazzjoni ambjentali tiġi miċħuda meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn din il-kunfidenzjalità hija stabbilita bil-liġi.

66.      Permezz tal-punt 2 tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjoni imposta f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li din il-kunfidenzjalità hija stabbilita bil-liġi (18), hijiex issodisfatta meta r-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità ma jkunx meħtieġ mil-liġi għal tip partikolari ta’ informazzjoni iżda jkun dedott mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att ġuridiku ta’ natura ġenerali bħalma huma l-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika jew il-Liġi dwar l-Istatistika Uffiċjali tal-Istat.

67.      Madankollu, din id-domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u għalhekk hija inammissibbli, peress li din l-eċċezzjoni ma tkoprix id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti. Kif spjegajt reċentement (19), din l-eċċezzjoni hija limitata għall-proċess deliberattiv innifsu fil-kuntest tal-proċeduri deċiżjonali, filwaqt li l-bażi fattwali tat-teħid ta’ deċiżjoni ma hijiex koperta (20). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali u l-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirreferu għall-istadji finali tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi (21), jiġifieri li jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet (finali) tal-awtoritajiet pubbliċi u mhux il-proċedura amministrattiva kollha li fi tmiemha dawn l-awtoritajiet jiddeliberaw (22).

68.      L-informazzjoni inkwistjoni tagħmel parti mill-bażi fattwali tad-deliberazzjonijiet dwar l-inventarju forestali, iżda ma tagħmilx parti mid-deliberazzjonijiet protetti minn din l-eċċezzjoni.

69.      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda.

70.      Għandu jiġi biss sussidjarjament innotat li normalment għandu jkun biżżejjed li l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet finali tiġi dedotta, permezz ta’ interpretazzjoni, minn dispożizzjoni ta’ att ta’ natura ġenerali. Id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ma tindikax li l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet għandha tkun irregolata b’mod speċifiku fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali.

5.      Ilpunt 3 tattieni domanda: relazzjonijiet internazzjonali

71.      Il-punt 3 tat-tieni domanda jirrigwarda l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi miċħuda meta l-iżvelar jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali.

72.      Jekk il-punt 3 tat-tieni domanda jiġi interpretat b’mod restrittiv, diġà jkun hemm risposta, peress li, skont il-formulazzjoni tagħha, hija tirreferi esklużivament għall-grad ta’ theddida għar-relazzjonijiet internazzjonali meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi miċħuda (23).

73.      Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju tqis li din l-eċċezzjoni, ibbażata fuq il-preġudizzju għar-relazzjonijiet internazzjonali, teżiġi l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur ta’ obbligu tad-dritt internazzjonali. Din il-perspettiva tispjega li, f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titkellem dwar in-natura “ipotetika” tal-argument tal-Aġenzija għall-Ambjent ibbażat fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija ma tfissirx li d-domanda tagħha hija ipotetika, jiġifieri irrilevanti u għalhekk inammissibbli. Għall-kuntrarju, hija tikkunsidra li l-invokazzjoni ta’ dan l-interess ma tantx hija konvinċenti.

74.      B’hekk, sabiex tingħata risposta utli, huwa iktar u iktar importanti li jiġi eżaminat f’iktar dettall dak li għandu jitqies bħala preġudizzju għar-relazzjonijiet internazzjonali li jista’ jippermetti rifjut li tingħata informazzjoni. Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx dan il-kunċett fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali u lanqas ma jeżistu dikjarazzjonijiet rilevanti mill-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, l-eċċezzjoni korrispondenti għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Unjoni (24) diġà kienet is-suġġett tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

75.      Skont din il-ġurisprudenza, dan il-kunċett ma jkoprix biss il-ksur ta’ obbligi internazzjonali bl-iżvelar ta’ informazzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li din l-eċċezzjoni tista’ wkoll, bħala prinċipju, tiġġustifika t-trattament kunfidenzjali ta’ għanijiet strateġiċi fin-negozjati internazzjonali (25).

76.      B’mod iktar ġenerali, il-Qorti Ġenerali indikat fil-qosor b’mod konvinċenti l-portata tal-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens li l-mod li bih l-awtoritajiet ta’ Stat terz jifhmu d-deċiżjonijiet tal-Unjoni jagħmel parti integrali mir-relazzjonijiet internazzjonali ma’ dan il-pajjiż terz. Fil-fatt, iż-żamma u l-kwalità ta’ dawn ir-relazzjonijiet jiddependu minn dan (26).

77.      Għalhekk huwa konsistenti li l-Qorti Ġenerali taċċetta li l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ informazzjoni mibgħuta lill-Unjoni minn Stati terzi jista’ jippreġudika dawn ir-relazzjonijiet, kemm jekk fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (27), tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini ġeografika (28) jew ta’ negozjati oħra (29). L-istess japplika għal kuntratt konkluż mill-Unjoni ma’ impriża pubblika ta’ Stat terz intiż sabiex jippromwovi programm ta’ titjib tas-sigurtà tal-impjanti tal-enerġija nukleari (30).

78.      Kif enfasizzat mill-Aġenzija għall-Ambjent u l-Estonja, l-inventarju tal-foresti huwa għodda importanti fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunsiderazzjoni tal-użu tal-art fil-kuntest tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (31), li, kif inhu magħruf, huwa suġġett għal kooperazzjoni internazzjonali intensa. Għalhekk, l-Istati għandhom jikkooperaw speċifikament fl-inventarju tal-foresti (32) u l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi qafas ġdid tal-Unjoni għall-monitoraġġ tal-foresti (33).

79.      Jekk il-kwalità tal-inventarju tiġi ppreġudikata minn manipulazzjonijiet, dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq din il-kooperazzjoni internazzjonali. Fil-fatt, informazzjoni inqas affidabbli dwar l-iżvilupp tal-foresti tnaqqas għall-Istati l-oħra l-inċentiv għal tali kooperazzjoni u l-ġbir ta’ tali informazzjoni.

80.      Huwa minnu li dan ir-riskju ta’ preġudizzju għar-relazzjonijiet internazzjonali ma jidhirx li huwa partikolarment gravi fil-kawża ineżami – ma jidhirx li din hija kwistjoni ta’ gwerra u ta’ paċi u li lanqas ma huwa mistenni tilwim internazzjonali. Madankollu, diġà spjegajt iktar ’il fuq li l-piż mogħti lill-interess tal-pubbliku fl-iżvelar tad-data dwar il-post ikkontestata jista’ wkoll jiġi limitat (34).

81.      Għandu jingħad ukoll li, meta jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, interessi oħra li jistgħu jiġu affettwati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll. B’mod partikolari, għandha tiġi kkunsidrata l-protezzjoni tal-ambjent, li ser tiġi diskussa sussegwentement.

82.      F’dak li jirrigwarda l-punt 3 tat-tieni domanda, għandu fi kwalunkwe każ jiġi nnotat li riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti użat minn Stat Membru fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali ma’ Stati oħra jista’ jkollu effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

6.      Ilpunt 4 tattieni domanda: protezzjoni talambjent

83.      Permezz tal-punt 4 tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-protezzjoni tal-ambjent tiġġustifikax limitazzjoni tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti tal-Istat.

84.      Skont l-Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali għandha tiġi rrifjutata meta l-iżvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-ambjent li magħha jkollha x’taqsam din l-informazzjoni, bħalma hija l-lokazzjoni ta’ speċi rari.

85.      L-eżempju mogħti juri li, f’din l-eċċezzjoni, ġew ikkunsidrati ċerti siti mhedda, bħal pereżempju, minn annimali selvaġġi jew minn kurżità eċċessiva (35). Dan ir-riferiment għal ċerti siti jidher li huwa rifless ukoll fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, fejn, b’differenza minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma huwiex it-terminu “Umwelt” (“ambjent”) li jintuża, iżda t-terminu “Umweltbereiche” (“oqsma ambjentali”). Madankollu, it-terminu “Bereiche” (“qasam”) jista’ jinftiehem fis-sens ta’ sit.

86.      Sa ċertu punt, il-kampjuni ta’ plottijiet permanenti huma wkoll suġġetti għal tali periklu lokali, peress li l-manipulazzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-habitats li jinsabu fihom. L-Aġenzija għall-Ambjent u l-Estonja saħansitra jsostnu li nġabret informazzjoni dwar il-preżenza ta’ speċi protetti permezz tal-inventarju tal-foresti f’ċerti kampjuni ta’ plottijiet.

87.      Madankollu, ir-riskju baxx ta’ tali ħsara ma huwiex ir-raġuni prinċipali invokata mill-Aġenzija għall-Ambjent. Kemm tali aġenzija kif ukoll il-qorti tar-rinviju jqisu li inventarju tal-foresti affettwat b’mod kwalitattiv jikkostitwixxi wkoll bażi inqas affidabbli għal miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent. Il-protezzjoni tas-siti li għalihom tirreferi d-data dwar il-post hija l-iktar l-iktar indirettament affettwata.

88.      Il-verżjoni Ġermaniża hija fformulata b’mod partikolarment strett fir-rigward tal-iżvantaġġi lokalizzati permezz tar-riferiment għall-“oqsma” tal-ambjent. Verżjonijiet oħra, bħall-verżjoni Ingliża, Franċiża jew Spanjola, kif ukoll il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jirreferu b’mod iktar ġenerali għall-“ambjent” li għalih tirreferi l-informazzjoni.

89.      Dan jista’ jinkludi wkoll il-foresta b’mod ġenerali, li tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv minn miżuri ta’ politika ambjentali bbażati fuq inventarju tal-foresti inqas affidabbli. Minħabba l-importanza diġà msemmija tal-inventarju tal-foresti fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (36), ħsara lill-kwalità tiegħu jista’ wkoll ikollha konsegwenzi negattivi f’dan il-qasam tal-politika ambjentali lil hinn mill-istat tal-postijiet ikkonċernati.

90.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali li ma tkoprix esklużivament il-protezzjoni ta’ ċerti postijiet, iżda wkoll il-protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ċertament ma tkunx l-iktar interpretazzjoni stretta possibbli ta’ din l-eċċezzjoni.

91.      L-għan ta’ interpretazzjoni stretta tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, madankollu, ma huwiex assolut, u dan diġà jirriżulta mill-fatt li l-interess pubbliku fl-iżvelar għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni. Kif diġà ġie espost, dan l-interess huwa pjuttost dgħajjef fil-każ li dan l-iżvelar jipperikola l-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti u fejn l-eventwali vantaġġi ta’ żvelar jistgħu jinkisbu permezz ta’ mezzi oħra (37).

92.      Ma’ dan għandu jingħad ukoll li d-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent tirrikonoxxi l-interess tal-kwalità tal-inventarju tal-foresti permezz tal-Artikolu 8(1). Indipendentement minn dan, l-aċċess għal informazzjoni ambjentali ma huwiex għan fih innifsu, iżda, skont l-ewwel premessa tad-Direttiva, għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, ikun kontradittorju li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent tiġi interpretata b’mod li l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali, li jkun ta’ ħsara għall-ambjent, ma tkunx tista’ tiġi prekluża għas-sempliċi raġuni li l-ħsara tkun dgħajfa għall-postijiet li għalihom tirreferi direttament l-informazzjoni.

93.      Għalhekk, riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti li huwa l-bażi tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-protezzjoni tal-oqsma ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

7.      Osservazzjoni finali dwar lapplikazzjoni konkreta taleċċezzjonijiet

94.      Finalment, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ma tippermettix neċessarjament ir-rifjut ta’ żvelar. Għall-kuntrarju, ir-riskji għall-interessi protetti, fil-kawża ineżami possibbilment ir-relazzjonijiet internazzjonali u/jew il-protezzjoni tal-ambjent, għad iridu jiġu bbilanċjati mal-interess tal-pubbliku fl-iżvelar.

C.      Ittielet, irraba’ u lħames domanda: informazzjoni dwar ilproċedura talġbir talinformazzjoni

95.      Permezz tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-talba tirrigwardax il-metodi tad-determinazzjoni ta’ informazzjoni ambjentali li għandhom jiġu kkomunikati skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

96.      Madankollu, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dawn id-domandi peress li dawn saru biss fil-każ li l-informazzjoni kontenzjuża dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku forestali ma tkunx informazzjoni ambjentali.

D.      Isseba’ domanda: obbligu ta’ informazzjoni

97.      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-obbligu ta’ tixrid attiv tal-informazzjoni ambjentali jirrikjedix l-iżvelar tad-data dwar il-post kontenzjuża. Għalkemm tirreferi għall-premessa 21 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, dan l-obbligu fil-fatt huwa stabbilit fl-Artikolu 7.

98.      Bħala prinċipju, huwa konċepibbli li dan l-obbligu jestendi għad-data dwar il-post ikkontestata. Dan l-obbligu jkopri, skont l-Artikolu 7(2)(d) u (3) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, ir-rapporti dwar l-istat ambjentali u, skont l-Artikolu 7(2)(e), id-data ta’ sorveljanza tal-attivitajiet li għandhom jew li jista’ jkollhom effetti fuq l-ambjent.

99.      Madankollu, l-obbligu ta’ tixrid attiv tal-informazzjoni previst fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jista’ wkoll jiġi limitat minħabba l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) u (2).

100. Konsegwentement, l-obbligu ta’ tixrid attiv tal-informazzjoni ambjentali previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ma jmurx lil hinn mill-obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni ambjentali fuq talba skont l-Artikolu 3.

V.      Konklużjoni

101. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti tikkostitwixxi, flimkien mal-informazzjoni dwar l-istat ta’ dawn il-plottijiet, informazzjoni dwar l-istat tal-elementi tal-ambjent u għalhekk informazzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE.

2)      L-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali tirrikjedi li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jinvolvi riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-interess protett.

3)      L-interess tal-kwalità tal-informazzjoni ambjentali rrikonoxxut fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4 ma jistax waħdu jiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali. Madankollu, fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess u fl-ibbilanċjar tal-interessi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar tal-postijiet tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti. Dan l-interess huwa limitat meta dan l-iżvelar joħloq riskju, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti u meta l-eventwali vantaġġi ta’ żvelar jistgħu jinkisbu b’mezzi oħra.

4)      Id-data dwar il-post tal-kampjuni ta’ plottijiet permanenti ta’ inventarju statistiku tal-foresti rrepetut regolarment la tikkostitwixxi materjal li fil-mument ikun qiegħed jitlesta, la dokumenti li għadhom ma ġewx iffinalizzati, u lanqas data li għadha ma ġietx ipproċessata fis-sens tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2003/4.

5)      Riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti użat minn Stat Membru fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali ma’ Stati oħra jista’ jkollu effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/4.

6)      Riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-affidabbiltà tal-inventarju tal-foresti, li huwa l-bażi tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent, jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-protezzjoni tal-oqsma ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva 2003/4.

7)      L-obbligu ta’ tixrid attiv tal-informazzjoni ambjentali previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/4 ma jmurx lil hinn mill-obbligu ta’ informazzjoni ambjentali fuq talba skont l-Artikolu 3.”


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali”).


3      ĠU 2005, L 124, p. 4.


4      Adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17).


5      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 43 u 49); tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76); tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe (C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 31); u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52).


6      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 69).


7      L-Aġenzija għall-Ambjent u l-Estonja jirreferu b’mod partikolari għal McRoberts, R. E., Tomppo, E. O., u Czaplewski, R. L., “Sampling designs for national forest assessments”, Food and Agriculture Organization of the United Nations, Knowledge reference for national forest assessments, Ruma, 2015, p. 26.


8      L-Estonja tiċċita Päivinen, R., Astrup, R., Birdsey, R.A. et al., “Ensure forest-data Integrity for climate change studies”, Nat. Clim. Chang. 13, 495 u 496 (2023). https://doi.org/10.1038/s41558-023-01683-8.


9      Sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 22), u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 33).


10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:140, punti 45 sa 48); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2020:590).


11      Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 30 u 31), u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 28).


12      Ara l-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (Aarhus Convention Compliance Committee), Findings and recommendations, tal‑24 ta’ Lulju 2021, with regard to communication ACCC/C/2014/118, concerning compliance by Ukraine, ECE/MP.PP/C.1/2021/18, punt 114.


13      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:525, punti 22 sa 31), kif ukoll dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Unjoni ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 44 u 49), u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 53).


14      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar‑2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 44).


15      Il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Findings and recommendations, tal-11 ta’ Jannar 2013, with regard to communication ACCC/C/2010/53, concerning compliance by the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland, ECE/MP.PP/C.1/2013/3, p. 77.


16      Ara l-punti 49 sa 57 iktar ’il fuq.


17      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 56). Ara, ukoll, il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Findings and recommendations, tas‑26 ta’ Lulju 2021, with regard to communication ACCC/C/2014/124 concerning compliance by the Netherlands, ECE/MP.PP/C.1/2021/20, punti 107 u 108.


18      Sentenza tal‑20 ta’ Jannar‑2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 31).


19      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Right to Know (C‑84/22, EU:C:2023:421, punt 31).


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2011:413, punt 83) u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2016:778, punti 76, 57 et seq.), kif ukoll tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhuss, Findings and recommendations, tat‑28 ta’ Marzu 2014, with regard to Komunikazzjoni ACCC/C/2010/51, concerning compliance by Romania, ECE/MP.PP/C.1/2014/12, punt 89.


21      Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 63).


22      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 81).


23      F’dan ir-rigward, ara l-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq.


24      It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Fir-rigward tal-informazzjoni ambjentali, dan ir-regolament japplika fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 (ĠU 2021, L 356, p. 1).


25      Sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 67), u tad‑19 ta’ Marzu 2020, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:223, punti 34 sa 38 u 41 sa 44).


26      Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il‑Kummissjoni (T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 90), u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kummissjoni (T‑166/19, EU:T:2020:557, punt 61).


27      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill (T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punti 79 sa 81).


28      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kummissjoni (T‑166/19, EU:T:2020:557, punti 60, 63 u 64).


29      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill (T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 58).


30      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il‑Kummissjoni (T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 95).


31      Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 (ĠU 2018, L 156, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/839 (ĠU 2023, L 107, p. 1).


32      Ara, pereżempju, Global Forest Resources Assessment tal-FAO, https://fra-data.fao.org/assessments/fra/2020, il-Ministerial Conference on the Protection of Forests in Europe, foresteurope.org, jew l-European National Forest Inventory Network, http://enfin.info/, li jimplimentaw proġetti fil-qafas taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.


33      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall‑2030 (COM (2021) 572 final, p. 26).


34      Ara l-punti 49 sa 57 iktar ’il fuq.


35      Il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Findings and recommendations, tal‑25 ta’ Frar 2011, with regard to communication ACCC/C/2009/38, concerning compliance by the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland, ECE/MP.PP/C.1/2011/2/Add.10, punti 70 sa 77.


36      Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.


37      Ara l-punti 49 sa 57 iktar ’il fuq.