KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑222/22

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

fil-preżenża ta’

JF

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-kontenut ta’ din il-protezzjoni – Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place – Kundizzjonijiet – Artikolu 5(3) – Rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini’ – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat għall-kundizzjoni li l-attivitajiet sur place jkunu attivitajiet legali li jaqgħu fit-tkomplija ta’ twemmin jew orjentamenti eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini – Konverżjoni reliġjuża sur place taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet u l-limiti li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li tirriżulta minn attivitajiet imwettqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat wara li titlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jiġifieri “sur place”.

2.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar is-sens u l-portata tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 2 ), li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu “normalment” jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, wara l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti, jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn “ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tasal sabiex tiddetermina sa fejn Stat Membru jista’ juża l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtih din id-dispożizzjoni sabiex jissuġġetta l-għoti ta’ dan l-istatus għall-kundizzjoni li l-attivitajiet eżerċitati sur place mill-applikant ikunu attivitajiet awtorizzati f’dan l-Istat Membru u jkun stabbilit li huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.

3.

Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn JF, ċittadin Iranjan li kkonverta għall-Kristjaneżmu waqt li kien jirrisjedi fit-territorju Awstrijak u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u għad-Dritt tal-Ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“BFA”) fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjutalu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, il-BFA qies, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, li r-riskju ta’ persekuzzjoni li jirriżulta minn din il-konverżjoni reliġjuża jirriżulta minn ċirkustanzi li l-applikant innifsu ħoloq wara t-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini.

4.

Fl-argumenti li ġejjin, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn inqis li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li ppreżentat applikazzjoni sussegwenti ħlief bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li din l-applikazzjoni hija bbażata b’mod manifest fuq riskju ta’ persekuzzjoni li l-applikant ikkawża b’mod deliberat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu, billi eżerċita attivitajiet, billi wettaq atti jew billi adotta aġir nieqes mis-sinċerità, u dan bl-uniku skop li joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqies bħala refuġjat.

5.

Ser nispjega wkoll ir-raġunijiet għalfejn inqis li Stat Membru ma jistax juża l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtih din id-dispożizzjoni sabiex jissuġġetta l-għoti ta’ dan l-istatus għal kundizzjonijiet oħra minbarra dawk stabbiliti espressament mid-Direttiva 2011/95.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt internazzjonali

6.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 3 ), kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jipprovdi li t-terminu “refuġjat” ser japplika għal kull persuna li “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż”.

B.   Id‑dritt tal‑Unjoni

7.

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “refuġjat” bħala “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […] u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha”.

8.

Fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, l-Artikolu 4(3)(d) jipprovdi:

“L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

[…]

d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;”

9.

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista’ jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini.

2.   Biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jistgħu jiġu bbażati fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment fejn jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta’ konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m’għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.”

C.   Id-dritt Awstrijak

10.

Il-punt 23 tal-Artikolu 2(1) tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (il-Liġi Federali dwar l-Għoti tal-Ażil) ( 5 ), tas‑16 ta’ Awwissu 2005, kif emendata bil-Bundesgesetz, mit dem das Asylgesetz 2005, das Fremdenpolizeigesetz 2005 und das BFA-Verfahrensgesetz geändert werden (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi dwar l-Ażil tal-2005, il-Liġi dwar il-Kontroll tal-Barranin tal-2005 u l-Liġi dwar il-Proċedura quddiem il-BFA) ( 6 ), tal‑20 ta’ Mejju 2016, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” bħala “kull applikazzjoni ġdida ppreżentata wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni definittiva fuq applikazzjoni preċedenti”.

11.

L-Artikolu 3 tal-AsylG 2005, intitolat “Status ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil”, jipprevedi:

“(1)   Ċittadin barrani li għamel fl-Awstrija applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil, sa fejn din l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi miċħuda skont l-Artikoli 4, 4a jew 5, jekk x’aktarx huwa jkun mhedded b’persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 1(A)(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève].

(2)   Il-persekuzzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq avvenimenti li seħħew wara li l-barrani telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (motivi oġġettivi li għalihom wieħed jaħrab li nħolqu sur place) jew fuq attivitajiet li l-barrani beda wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li huma b’mod partikolari l-espressjoni jew it-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini (motivi suġġettivi li għalihom wieħed jaħrab li nħolqu sur place). Barrani li jippreżenta applikazzjoni sussegwenti (il-punt 23 tal-Artikolu 2(1)) normalment ma għandux jingħata l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn ċirkustanzi li l-barrani nnifsu ħoloq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm ma jkunux attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija u jkun stabbilit li huma l-espressjoni jew it-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12.

JF, ċittadin Iranjan, ippreżenta, fit‑3 ta’ Ottubru 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Awstrijaċi għar-raġuni li, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur ta’ skola tas-sewqan, huwa kien b’mod partikolari s-suġġett ta’ interrogatorju mis-servizzi sigrieti Iranjani minħabba r-rifjut tiegħu li jobdi kif ukoll ta’ persekuzzjoni minħabba kritika li huwa kien għamel fir-rigward ta’ predikatur fil-kuntest tal-ewwel sena ta’ studju tiegħu.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-BFA ċaħad din l-applikazzjoni, billi qies li l-argumenti esposti minn JF sabiex jiġġustifika l-ħarba mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma kinux kredibbli, u adotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tiegħu. JF ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, li kien miċħud mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Jannar 2018, li saret definittiva.

14.

Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, JF ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li huwa kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu wara li din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata, u minħabba f’hekk kellu biża’ ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il-BFA rrifjuta li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lir-rikorrent billi applika d-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005. Madankollu, lill-persuna kkonċernata taha l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. Il-BFA qies li JF kien wera b’mod kredibbli, matul diversi intervisti u abbażi ta’ provi preċiżi, li huwa kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu waqt ir-residenza tiegħu fl-Awstrija u li huwa kien qiegħed jipprattika b’mod attiv din ir-reliġjon, għal liema raġuni kien hemm ir-riskju li jkun espost, fil-każ ta’ ritorn fl-Iran, għal persekuzzjoni individwali. Madankollu, il-BFA qies li dan il-motiv ta’ persekuzzjoni kien inħoloq sur place u kien inħoloq mill-applikant innifsu.

15.

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2020, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) laqgħet ir-rikors ta’ JF kontra din id-deċiżjoni. Din il-qorti qieset li minkejja li fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti, ir-riskju ta’ persekuzzjoni bbażat fuq ċirkustanzi li l-applikant “innifsu” ħoloq jeskludi “normalment” l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, dan l-aħħar terminu jindika madankollu, li jeżistu każijiet li fihom dan l-istatus jista’ jingħata, minkejja t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005, li timponi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ abbuż min-naħa ta’ dan l-applikant. L-imsemmija qorti ddeċidiet ukoll li s-sempliċi fatt li ma kien jeżisti ebda indizju fis-sens li l-konverżjoni tal-applikant kienet l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

16.

Il-BFA ppreżenta rikors għal “reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), billi argumenta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005 tistabbilixxi regola ġenerali li tipprovdi li l-istatus ta’ refuġjat ma jistax jingħata f’każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola tirrigwarda l-każ li fih l-attivitajiet inkwistjoni huma attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija u li għalihom ikun stabbilit li huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti għall-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

17.

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha barrani li jagħmel talba sussegwenti, bħala regola ġenerali, ma jingħatax l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt ta’ ażil meta r-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkustanzi li l-barrani nnifsu ħoloq wara li telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu, sakemm l-attivitajiet inkwistjoni ma jkunux awtorizzati fl-Awstrija u jkun stabbilit li dawn l-attivitajiet huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn JF, mill-Gvern Awstrijak u Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

20.

Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża s-sens u l-portata tar-regola stabbilita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 sabiex tiddetermina sa fejn Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtih din id-dispożizzjoni, jidderoga minnha.

21.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest li taqa’ fih kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/95. L-oriġini ta’ dan it-test tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 7 ). Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Genève ( 8 ), u l-konsultazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati (HCR) jirrappreżentaw ukoll sors ta’ gwida ta’ valur ( 9 ).

A.   Il‑formulazzjoni tal‑Artikolu 5(3) tad‑Direttiva 2011/95

22.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m’għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini”.

23.

Fl-ewwel lok, kif turi l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, huwa jikkostitwixxi dispożizzjoni fakultattiva, b’tali mod li r-rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat huwa biss fakultà mħollija fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk din id-dispożizzjoni hija differenti mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95, li jipprevedi motivi obbligatorji ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat, u mill-Artikolu 14(1) u (3) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi motivi obbligatorji ta’ revoka, terminazzjoni jew rifjut ta’ tiġdid ta’ dan l-istatus.

24.

Barra minn hekk, l-użu tal-avverbju “normalment” juri l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw din ir-regola b’mod flessibbli, billi jintroduċu, jekk ikun il-każ, eċċezzjonijiet għaliha.

25.

Fit-tieni lok, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw din il-fakultà “[m]ingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar sa fejn l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni, fid-dawl tal-espressjoni użata fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri “[u]nbeschadet der Genfer Flüchtlingskonvention”. It-terminu “unbeschadet” huwa ambivalenti u jista’ jiġi tradott kemm bil-frażi “mingħajr preġudizzju għal” kif ukoll bl-avverbju “minkejja”, li jfisser “mingħajr kunsiderazzjoni ta’, nonostante, minkejja” ( 10 ).

26.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 11 ). F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2011/95, bħall-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Ingliża, Taljana, Latvjana, Portugiża, u anki Svediża, jużaw l-espressjoni “mingħajr preġudizzja għal” jew terminu ekwivalenti. Din il-frażi tfisser “mingħajr ma tippreġudika lil, mingħajr ma ssir rinunzja ta’” ( 12 ), jew anki “mingħajr ħsara għal, mingħajr rinunzja ta’, mingħajr ksur ta’” ( 13 ), li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

27.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni u, fil-każ ta’ diverġenza bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 15 ). Issa, skont l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 16 ), is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li fiha tidħol id-Direttiva 2011/95, hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkostitwixxi l-“pedament” tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni ta’ refuġjati ( 17 ). Minkejja li din id-direttiva tistabbilixxi sistema leġiżlattiva li tinkludi kunċetti u kriterji komuni għall-Istati Membri, u għalhekk tal-Unjoni stess, madankollu, hija għandha l-għan li tirrispetta b’mod sħiħ l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni ( 18 ).

28.

Minn dan niddeduċi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li tippreżenta applikazzjoni sussegwenti għall-motivi previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 ħlief bil-kundizzjoni li huma jiżguraw ir-rispett effettiv tad-drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li għalihom tirreferi din id-direttiva, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ non-refoulement.

29.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom l-għoti tal-“istatus ta’ refuġjat” jista’ jiġi rrifjutat. Dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva bħala li jirriferi għar-“rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat”. Għalhekk, fis-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi li jinsabu fil-Kapitolu III tal-istess direttiva għandha, minħabba dan il-fatt biss, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tagħha u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 19 ). Ir-rikonoxximent formali tal-kwalità ta’ refuġjat, li jikkostitwixxi l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandu l-konsegwenza li r-refuġjat ikkonċernat huwa, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2011/95, benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li għandu d-drittijiet u l-vantaġġi kollha previsti mill-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva. Fil-każ kuntrarju, dan tal-aħħar jibbenefika tal-inqas mid-drittijiet u mill-protezzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li jirreferi għalihom l-Artikolu 14(6) tal-imsemmija direttiva, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ non-refoulement ( 20 ).

30.

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu portata limitata għall-eżami ta’ “applikazzjoni sussegwenti” għal protezzjoni internazzjonali. Mid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 21 ), jirriżulta li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istatus ta’ refuġjat ħlief bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti kienet diġà adottat deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, li permezz tagħha hija kkonstatat jew l-inammissibbiltà tagħha, jew in-natura infondata tagħha, jew l-irtirar espliċitu jew impliċitu tal-applikazzjoni ( 22 ).

31.

Fil-ħames u l-aħħar lok, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat jekk jiġi stabbilit li r-riskju ta’ persekuzzjoni li huwa espost għalih l-applikant huwa bbażat fuq “ċirkostanzi li [dan tal-aħħar] ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess”. Minkejja li din il-kundizzjoni hija essenzjali għall-implimentazzjoni tal-fakultà stabbilita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, jidhirli li l-kliem li juża l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tagħha.

32.

Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2011/95. Fir-rigward tar-riskju ta’ persekuzzjoni li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jikkawżaw, dan il-kunċett ikopri, fil-fehma tiegħi, firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, atti jew anki aġir li l-applikant seta’ adotta wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li jistgħu jinftiehmu mill-atturi ta’ persekuzzjoni bħala motiv marbut mar-razza, man-nazzjonalità, mar-reliġjon, mal-opinjonijiet politiċi jew mas-sħubija fi grupp soċjali partikolari tal-applikant, li jwassal għal atti ta’ persekuzzjoni. Fir-rigward tal-espressjoni relatata maċ-“ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess” ( 23 ), naħseb li għandha tingħata importanza partikolari lill-għażla tal-verb “joħloq”, li ma hijiex inċidentali fid-dawl tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/83/KE ( 24 ), preċedenti għad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, mill-Proposta għal Direttiva ( 25 ) magħmula mill-Kummissjoni jirriżulta li din riedet tindirizza s-sitwazzjoni fejn il-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant kienet “kompletament immanifatturata” (“manufactured” fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża tal-kummenti dwar l-artikoli). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija intiża biex tkopri ċirkustanzi ġodda - meta mqabbla ma’ ċirkustanzi eżistenti minn qabel li setgħu jiġġustifikaw il-ħarba tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini - li l-applikant ippjana jew “immanifattura” wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li fuqhom huwa jeżerċita ċerta forma ta’ kontroll - meta mqabbla mal-avvenimenti li jistgħu jseħħu fil-pajjiż ta’ oriġini previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/95.

33.

Kif indikajt, din l-interpretazzjoni litterali ma tippermettix li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk, jidhirli essenzjali li jiġi eżaminat il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan imfittex minn din id-direttiva.

B.   L‑istruttura u l‑għan tad‑Direttiva 2011/95

34.

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija s-suġġett tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/95. L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, huwa jippreċiża, fil-linja tal-premessa 25 tagħha, ir-regoli partikolari relatati mal-evalwazzjoni ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li nħolqot sur place ( 26 ).

35.

Kemm l-Artikolu 4 kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/95 japplikaw għal applikazzjoni sussegwenti, ladarba l-awtorità kompetenti tikkonstata, wara l-eżami preliminari tagħha, li l-elementi jew il-fatti ġodda ppreżentati mill-applikant iżidu l-probabbiltà li dan tal-aħħar jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ( 27 ).

36.

Filwaqt li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ attivitajiet sur place, l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jippermetti, min-naħa l-oħra, lil din l-awtorità li ma tirrikonoxxix il-kwalità ta’ refuġjat fil-każ ta’ instrumentalizzazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali.

1. Ir‑rikonoxximent tal‑eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni minħabba l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet sur place mill‑applikant, fis‑sens tal‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2011/95

37.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95, jirrigwarda l-kwalità ta’ refuġjat “sur place”. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “refuġjat”, iddefinit fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, ikopri mhux biss is-sitwazzjoni tal-persuna li ħarbet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha għaliex kellha biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-opinjonijiet politiċi jew is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari, iżda wkoll dik tal-persuna li, filwaqt li hija tkun diġà barra minn dan il-pajjiż, tibża’ tirritorna fih minħabba r-riskju ta’ persekuzzjoni li għalih jesponuha l-attivitajiet li hija twettaq fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri “sur place”. F’kull waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-persuna “h[ij]a barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità [tagħha]”, b’konformità mal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva ( 28 ).

38.

Għalhekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li “[b]iża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jistgħu jiġu bbażati fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment jekk jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta’ konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini”.

39.

Kif juri l-użu tal-prepożizzjoni “partikolarment”, li hawnhekk hija l-ekwivalenti tat-terminu “b’mod partikolari”, il-fatt li l-attivitajiet eżerċitati mill-applikant fl-Istat Membru ospitanti jaqgħu fit-tkomplija ta’ twemmin jew ta’ orjentamenti li huwa kellu preċedentement fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma jikkostitwixxix kundizzjoni essenzjali għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li nħolqot sur place. Pjuttost huwa element li jista’ jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-applikant, billi jippermetti li jiġi eskluż iktar faċilment, ir-riskju ta’ intenzjoni abbużiva, u għalhekk li tiġi stabbilita b’mod iktar faċli l-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu.

40.

Konsegwentement, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95 jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma wrietx l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew anki l-orjentazzjoni sesswali tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha għaliex kienet imġiegħla jew konxjement iddeċidiet li żżommhom moħbija fid-dawl tar-riskji involuti, jew minħabba l-età żgħira tagħha ( 29 ). Il-kelma “partikolarment” li tinsab fl-Artikolu 5(2), tippermetti wkoll li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata tiddeċiedi, wara li tkun telqet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha, li twettaq sur place attivitajiet ġodda minħabba bidla fl-identità personali tagħha, fit-twemmin reliġjuż tagħha jew anki fl-opinjonijiet politiċi tagħha, u għalhekk dawn iċ-ċirkustanzi la huma l-espressjoni u lanqas it-tkomplija tat-twemmin jew tal-orjentamenti preċedenti tagħha.

41.

Fid-dawl tan-natura sensittiva tal-kwistjonijiet relatati mal-isfera personali ta’ applikant, u b’mod partikolari, tar-reliġjon tiegħu jew anki tas-sesswalità tiegħu, l-awtorità kompetenti ma tistax tikkonkludi abbuż ta’ dritt sempliċement, pereżempju, għax ikkonverta għal reliġjon oħra jew wera l-omosesswalità tiegħu wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini. Tali approċċ imur kontra mhux biss il-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ dan l-applikant, peress li l-attivitajiet imwettqa sur place jistgħu jesponuh ukoll għal riskju ta’ persekuzzjoni jew ta’ dannu serju fil-każ ta’ ritorn f’dan il-pajjiż, iżda wkoll id-drittijiet fundamentali mogħtija lilu mill-Karta, bħad-dritt għal-libertà tar-reliġjon, li jinkludi d-dritt li wieħed ibiddel ir-reliġjon, jew id-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni ( 30 ).

42.

Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95 teħtieġ li l-awtorità kompetenti twettaq eżami taċ-ċirkustanzi kollha partikolari ta’ kull każ individwali, u dan b’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

43.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3)(d) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi regola essenzjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li nħolqot sur place. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tenfasizza diffikultà partikolari relatata mal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq l-attivitajiet imwettqa mill-applikant sur place, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha huwa wettaq deliberatament dawn l-attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bl-iskop li jagħmel jew isostni din l-applikazzjoni ( 31 ).

44.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi li ġeneralment huwa diffiċli ħafna li jiġi evalwat jekk persuna hijiex sinċerament interessata fl-attività inkwistjoni - kemm jekk tkun attività politika jew prattika reliġjuża - jew jekk hija involvietx ruħha fiha biss sabiex tiġġustifika wara l-fatt il-ħarba tagħha ( 32 ). Min-naħa tiegħu, l-HCR iqis li persuna li tkun tinsab b’mod oġġettiv affaċċjata minn riskju ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha hija eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali indipendentement mill-motivazzjonijiet tagħha, mill-intenzjonijiet tagħha jew mill-aġir tagħha, peress li d-Direttiva 2011/95 bħall-Konvenzjoni ta’ Genève ma tistabbilixxi ebda obbligu legali ta’ bona fide fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, peress li l-kundizzjonijiet tal-għoti huma kundizzjonijiet oġġettivi ( 33 ).

45.

Skont l-Artikolu 4(3)(d) tad-Direttiva 2011/95, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ għalhekk li l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni, “jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż” ( 34 ).

46.

Din id-dispożizzjoni tirrifletti t-tensjoni bejn, minn naħa, il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni purament oġġettiva tal-applikazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni riskji konkreti ta’ persekuzzjoni jew dannu serju li għalihom huwa espost l-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba attivitajiet imwettqa sur place, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi iktar suġġettivi billi jiġi evalwat sa fejn l-applikant jipprova jabbuża mis-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali billi jwettaq attivitajiet “superfiċjali”, li huma biss motivazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

47.

Minkejja li huwa manifest li l-kredibbiltà tal-applikant hija mittiefsa meta dan tal-aħħar jeżerċita attivitajiet sur place b’mod “interessat”, il-formulazzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 4(3)(d) tad-Direttiva 2011/95 turi madankollu l-fatt li l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-awtorità kompetenti tibqa’ dejjem tirrigwarda l-punt dwar jekk iċ-ċirkustanzi maħluqa mill-applikant iħallux preżunzjoni ta’ biża’ fondata, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tiegħu, li jiġi espost għal atti ta’ persekuzzjoni bbażati fuq wieħed mill-motivi stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, jew għal dannu serju fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ( 35 ).

48.

Għal dan il-għan, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) ( 36 ), l-HCR ( 37 ) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 38 ) jaqblu fuq approċċ identiku fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżami li għandha twettaq l-awtorità kompetenti. Fl-ewwel lok, hija għandha teżamina jekk l-eżerċizzju tal-attivitajiet imwettqa sur place jurix twemmin jew orjentament li huwa reali, sinċier u serju. Dan l-eżami għandu jippermetti li jiġi ddeterminat sa fejn l-applikant ser iwettaq dawn l-attivitajiet wara r-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini u għalhekk li tiġi evalwata l-importanza u n-natura ta’ riskji li għalihom ser ikun espost. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju għandha ssir b’viġilanza u bi prudenza, peress li tirrigwarda kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni ( 39 ). Għalhekk, anki persuna li l-konverżjoni reliġjuża tagħha ma tkunx sinċiera, iżda li tkun immaterjalizzata permezz tal-att tal-magħmudija, tista’ titqies mill-awtoritajiet ta’ ċerti pajjiżi, bħal tal-Iran fil-kawża prinċipali, bħala ħatja ta’ reat ta’ apostasija li jwassal biex hija jkollha riskju reali ta’ persekuzzjoni fil-każ ta’ ritorn f’dan il-pajjiż.

49.

Fit-tieni lok, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa sa fejn l-attivitajiet imwettqa sur place jistgħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ atturi ta’ persekuzzjoni jew isiru jafu bihom, u jekk ikun il-każ, il-mod kif dawn jitqiesu minn dawn tal-aħħar (jitqiesu li jikkostitwixxu attivitajiet “superfiċjali”, jew għall-kuntrarju, bħala li juru karatteristika marbuta, pereżempju, mar-reliġjon jew mal-isħubija ma’ grupp soċjali partikolari, li twassal għal atti ta’ persekuzzjoni? ( 40 )).

50.

Huwa wara din l-evalwazzjoni individwali li l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi jekk l-attivitajiet li l-applikant wettaq sur place joħolqux, minkejja n-natura interessata tagħhom, biża’ fondata ta’ persekuzzjoni għal wieħed mill-motivi previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk jekk huwa jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva ( 41 ).

2. Ir‑rifjut ta’ għoti tal‑istatus ta’ refuġjat minħabba l‑istrumentalizzazzjoni tal‑proċedura għall‑għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, fis‑sens tal‑Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95

51.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jaqa’ fl-estensjoni tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan joffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li ma jirrikonoxxux formalment il-kwalità ta’ refuġjat, billi jirrifjutaw l-għoti tal-istatus relattiv, fil-kuntest partikolari tal-introduzzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti, jekk “ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess”.

52.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu evidentement jiġi interpretat b’mod strett.

53.

Qabel kollox, infakkar li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu bħala refuġjati b’konformità mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva ( 42 ). Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri ma għandhomx “setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward” ( 43 ).

54.

Billi joffri lill-Istati Membri l-fakultà li jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi għalhekk, eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. B’mod konkret, persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala refuġjata ser tiġi madankollu rrifjutata l-istatus ta’ refuġjat għall-motiv li hija stess ħolqot ir-riskju ta’ persekuzzjoni. Iċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ juża din il-fakultà għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod restrittiv.

55.

Imbagħad, ir-rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jimplika konsegwenzi importanti, jiġifieri li l-persuna kkonċernata mhux ser ikollha d-drittijiet u l-vantaġġi kollha stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva, peress li dawn huma assoċjati ma’ dan l-istatus ( 44 ).

56.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li r-rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jista’ jkun iġġustifikat biss sa fejn huwa jissanzjona aġir manifestament abbużiv jew opportunist ( 45 ) tal-applikant, peress li dan “kompletament immanifattura[…]” ( 46 ) iċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat ir-riskju ta’ persekuzzjoni li huwa espost għalih, u dan bil-għan li jkabbar il-probabbiltà ta’ suċċess tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu ( 47 ).

57.

Fil-fehma tiegħi, dan jimplika li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-applikazzjoni sussegwenti hija bbażata b’mod manifest fuq riskju ta’ persekuzzjoni li l-applikant ikkawża, b’mod deliberat, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti tiegħu, billi eżerċita attivitajiet, billi wettaq atti jew billi adotta aġir nieqes mis-sinċerità, u dan bl-uniku skop li joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqies bħala refuġjat.

58.

F’dan ir-rigward, huwa possibbli, sa ċertu punt, li jinġibed parallel mal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2011/95, li min-naħa tiegħu, donnu jissanzjona l-aġir manifestament frawdolenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz billi jeħtieġ mill-Istati Membri li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat, jitterminawh jew jirrifjutaw li jġedduh, meta l-persuna kkonċernata ppreżentat b’mod qarrieq fatti jew ommettiethom jew użat dokumenti foloz għall-finijiet tal-għoti ta’ dan l-istatus.

59.

Huwa evidenti li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi implimentat bi prudenza, peress li l-awtorità kompetenti għandha, qabel id-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, twettaq eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha partikolari għas-sitwazzjoni individwali tal-applikant.

60.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija, ta’ revoka, ta’ terminazzjoni jew anki ta’ rifjut tat-tiġdid tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jingħataw wara evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li l-awtorità kompetenti taf bihom u eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha partikolari tal-każ individwali tal-applikant sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb jew iżżomm il-protezzjoni internazzjonali, taqa’ taħt wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni, ta’ revoka, ta’ terminazzjoni jew ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ dan l-istatus ( 48 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi parti integrali mill-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li għandha ssir skont id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ( 49 ) u għalhekk ma tistax tittieħed b’mod awtomatiku ( 50 ).

61.

Fil-kuntest tad-Direttiva 2004/83, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda barra minn hekk, gradwazzjoni fil-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fir-rigward tal-applikant li wera intenzjoni abbużiva. Għalhekk, dawn tal-aħħar jistgħu jew “jnaqqsu l-benefiċċji […] mogħtija lil refuġjat li l-istat ta’ refuġjat tiegħu [kien] inkiseb fuq il-bażi ta’ attivitajiet li wieħed [kien] imqabbad fihom għall-għan waħdieni jew ewlieni li joħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jingħaraf bħala refuġjat” ( 51 ) (Artikolu 20(6) ta’ din id-direttiva), jew iċaħħdu lil dan tal-aħħar minn dan l-istatus għal raġunijiet identiċi għal dawk li llum huma previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 (Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2004/83). Din l-għażla ssir wara bbilanċjar tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

62.

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 hija kkorroborata mill-għan imfittex minn din id-direttiva.

63.

Fil-fatt, fil-premessa 12 tagħha, id-Direttiva 2011/95 tesprimi b’mod ċar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri kollha jidentifikaw il-persuni li huma “ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” u jagħtu din il-protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ kriterji komuni billi jeżaminaw individwalment is-sitwazzjoni ta’ kull applikant ( 52 ).

64.

Issa, l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jippermetti li tiġi żgurata l-kredibbiltà u l-integrità tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil billi jippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-istatus ta’ refuġjat, il-persuni li jipprovaw jabbużaw minn din is-sistema billi joħolqu deliberatament iċ-ċirkustanzi li jesponuhom, mar-ritorn tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, għal riskju ta’ persekuzzjoni bl-uniku skop li jibbenefikaw mill-vantaġġi mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat ( 53 ).

65.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, naħseb li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li tagħmel applikazzjoni sussegwenti, ħlief wara li jistabbilixxi, b’ċertezza raġonevoli, wara eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha partikolari tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant, li tali applikazzjoni hija bbażata b’mod manifest fuq riskju ta’ persekuzzjoni li dan tal-aħħar ikkawża b’mod deliberat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti tiegħu, billi eżerċita attivitajiet, billi wettaq atti jew billi adotta aġir mhux sinċier, bl-uniku skop li joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqies bħala refuġjat.

C.   Eżami tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni

66.

Fir-rigward tal-elementi li ser nesponi, inqis li, billi adotta leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005, il-leġiżlatur Awstrijak eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95.

67.

Infakkar li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi li “[ċ]ittadin barrani li jagħmel applikazzjoni sussegwenti […] normalment ma għandux jingħata l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt ta’ ażil jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn ċirkustanzi li ċ-ċittadin barrani nnifsu ħoloq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm ma jkunux attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li huma l-espressjoni jew t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini”.

68.

Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju, dak stabbilit mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, imbagħad, fit-tieni lok, eċċezzjoni, dik li l-leġiżlatur Awstrijak żied billi uża l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih dan l-artikolu ( 54 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005 jippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li tagħmel applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq l-eżerċizzju ta’ attivitajiet sur place, tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet awtorizzati fl-Awstrija u li jkun stabbilit li jaqgħu fit-tkomplija ta’ twemmin jew orjentamenti diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

69.

Nammetti li għandi diffikultajiet biex nifhem il-mod kif l-eċċezzjoni hekk introdotta mil-leġiżlatur Awstrijak tintrabat mal-prinċipju li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri r-rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat fil-każ ta’ riskju ta’ persekuzzjoni maħluq deliberatament mill-applikant. Mill-għan tagħha, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni donnha iktar taqa’ fl-ispirtu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95, peress li, kif jenfasizza l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005 huwa intiż biex jiżgura li “ċerti motivi li għalihom wieħed jaħrab li jinħolqu sur place [jkunu] meħuda inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni sussegwenti”. Issa dan huwa wkoll l-għan tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95, li nfakkar li jkopri, l-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-AsylG 2005 jiddistingwuh. Fil-fatt, il-fatt li l-attivitajiet li l-applikant jeżerċita sur place jaqgħu fit-tkomplija ta’ twemmin jew orjentamenti eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma huwiex sempliċi element li jikkontribwixxi biex tiġi stabbilita l-kredibbiltà tal-applikant għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni. Pjuttost, huwa jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, flimkien ma’ kriterju ġdid ibbażat fuq il-legalità tal-attivitajiet. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni twassal għalhekk biex tiġi stabbilita kundizzjoni ġdida għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat “sur place” fil-kuntest partikolari tal-introduzzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti.

70.

F’dan ir-rigward, infakkar li, billi jeżerċitaw il-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, dan jimplika li ma jistgħux jeżerċitaw din il-fakultà b’mod li jippreġudika l-għan kif ukoll l-effett utli ta’ din id-direttiva. Issa din hija intiża biex tiżgura, b’konformità mal-premessi 12 u 25 tagħha, li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u b’mod partikolari, għar-rikonoxximent tal-ħtiġijiet li jinħolqu sur place. Min-naħa l-oħra, dan jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-motiv ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni b’rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta ( 55 ). Barra minn hekk, il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tippreċiża li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta ( 56 ).

71.

Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 ma teħtieġ, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali li tinħoloq sur place, li l-attivitajiet eżerċitati mill-applikant ikunu attivitajiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li barra minn hekk, fir-rigward tagħhom ikun stabbilit li jaqgħu fit-tkomplija ta’ twemmin jew orjentamenti eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-legalità ta’ dawn l-attivitajiet ma tistax tkun kundizzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Konsegwentement, il-leġiżlatur Awstrijak iżid kundizzjoni li ma hijiex prevista mid-Direttiva 2011/95 u li ma tippermettix li tiġi żgurata l-uniformità tal-kriterji mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place.

72.

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità kompetenti stabbilixxiet il-kredibbiltà ġenerali tal-applikant u aċċettat mhux biss is-sinċerità tal-konverżjoni reliġjuża tiegħu, iżda wkoll l-eżistenza ta’ biża fondata ta’ persekuzzjoni fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, tali kundizzjoni twassal biex iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-istatus ta’ refuġjat għas-sempliċi raġuni li hija kkonvertiet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti tagħha. Dan l-approċċ imur kontra l-għan innifsu tal-applikazzjonijiet sussegwenti, li jinkludu, essenzjalment, ċirkustanzi jew fatti ġodda u jippreġudika d-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Karta, sa fejn ma jippermettix li jiġi żgurat ir-rispett effettiv tal-libertà tar-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta, li jinkludi d-dritt li wieħed ibiddel ir-reliġjon.

73.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta applikazzjoni sussegwenti normalment ma jingħatax l-istatus ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn ċirkustanzi li huwa nnifsu ħoloq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm ma jkunux attivitajiet awtorizzati f’dan l-Istat Membru u jkun stabbilit li huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.

V. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija):

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru ma jistax jirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li tagħmel applikazzjoni sussegwenti, ħlief wara li jistabbilixxi, b’ċertezza raġonevoli, wara eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha partikolari tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant, li tali applikazzjoni hija bbażata b’mod manifest fuq riskju ta’ persekuzzjoni li dan tal-aħħar ikkawża b’mod deliberat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti tiegħu, billi eżerċita attivitajiet, billi wettaq atti jew billi adotta aġir mhux sinċier, bl-uniku skop li joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqies bħala refuġjat.

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta applikazzjoni sussegwenti normalment ma jingħatax l-istatus ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jirriżulta minn ċirkustanzi li huwa nnifsu ħoloq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sakemm ma jkunux attivitajiet awtorizzati f’dan l-Istat Membru u jkun stabbilit li huma l-espressjoni u t-tkomplija ta’ twemmin diġà eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 3 ) Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) u daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.

( 4 ) Konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

( 5 ) BGBl. I, 100/2005.

( 6 ) BGBl. I, 24/2016, iktar ’il quddiem l-“AsylG 2005”.

( 7 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punti 1920), kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 3839, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95.

( 10 ) Definizzjoni tad-dizzjunarju Larousse.

( 11 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 40).

( 12 ) Ara d-dizzjunarju Larousse.

( 13 ) Ara d-dizzjunarju online La langue française.

( 14 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 35).

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 17 ) Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2011/95.

( 18 ) Ara l-premessi 3, 12, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 (sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 80, 8183, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20)).

( 19 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 86).

( 20 ) Dawn huma d-drittijiet previsti fl-Artikolu 3 (il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni), fl-Artikolu 4 (id-dritt għal-libertà ta’ reliġjon), fl-Artikolu 16 (id-dritt ta’ locus standi in judicio), fl-Artikolu 22 (id-dritt għall-edukazzjoni), fl-Artikolu 31 (l-assenza ta’ sanzjonijiet kriminali u ta’ restrizzjonijiet fattwali tad-dħul jew tar-residenza irregolari fit-territorju), fl-Artikolu 32 (il-projbizzjoni ta’ tkeċċija, ħlief f’ċirkustanzi partikolari) u fl-Artikolu 33 (il-prinċipju ta’ non-refoulement) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 21 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 22 ) Ara l-Artikoli 27, 28, 32 u 33 tad-Direttiva 2013/32.

( 23 ) Din l-espressjoni hija użata wkoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva 2011/95, bħal dawk tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Portugiża u anki Svediża.

( 24 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 25 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (COM(2001) 510 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għad-Direttiva 2004/83”).

( 26 ) Il-premessa 25 tad-Direttiva 2011/95 tindika li “[b]’mod partikolari, hu meħtieġ li wieħed jintroduċi aspetti komuni tal-ħtiġiet għall-protezzjoni li jinqajmu fuq il-post [sur place]”.

( 27 ) Ara f’dan ir-rigward, l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32.

( 28 ) Ara f’dan ir-rigward, Hathaway, J. C., u Foster, M., The law of refugee status, it-tieni edizzjoni, Cambridge University Press, Cambridge, 2014, p. 75.

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Pożizzjoni konġunta 96/196/GAI, tal‑4 ta’ Marzu 1996 definita mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward l-applikazzjoni armonizzata tad-definizzjoni tat-terminu refuġjat fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat‑28 ta’ Lulju 1951 li tirrigwardja l-istatus tar-refuġjati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 20) (punt 9.2).

( 30 ) Ara f’dan ir-rigward, HCR, Comments on the European Commission’s proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on minimum standards for the qualification and status of third country nationals or stateless persons as beneficiaries of international protection and the content of the protection granted (COM(2009)551, 21 October 2009). L-HCR jirrileva li, “[a]nki meta ma jistax jiġi stabbilit li l-applikant kien diġà wera t-twemmin jew l-orjentamenti kkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini, huwa għandu jgawdi mil-libertà ta’ espressjoni, mil-libertà tar-reliġjon u mil-libertà ta’ assoċjazzjoni, fil-limiti ddefiniti fl-Artikolu 2 tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] kif ukoll f’atti oħra li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem. Tali libertajiet jinkludu d-dritt li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin, tibdil li jista’ jseħħ wara t-tluq, pereżempju, minħabba skuntentizza bir-reliġjon jew il-politiki tal-pajjiż ta’ oriġini, jew għarfien ikbar tal-impatt ta’ ċerti politiki” [traduzzjoni libera] (p. 15 u 16).

( 31 ) Ara f’dan ir-rigward, Dörig, H., “Article 5, International protection needs arising sur place”, fi Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it-tieni edizzjoni, C. H. Beck, Munich, 2016, p. 1142 sa 1147, b’mod partikolari p. 1144, li jesponi r-rabta bejn l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 4(3)(d) ta’ din id-direttiva.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, § 123).

( 33 ) Ara f’dan ir-rigward, il-kummentarji tal-HCR iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll HCR, Amicus Curiae of the [UNHCR] on the interpretation and application of « sur place » claims within the meaning of Article 1A(2) of the 1951 Convention relating to the Status of Refugees, 14 ta’ Frar 2017 (punti 25 sa 29).

( 34 ) Korsiv miżjud minni.

( 35 ) Fil-Proposta għal Direttiva 2004/83 tagħha, il-Kummissjoni kien diġà enfasizzat li l-fatt li l-applikant kien “kompletament immanifattura” biża’ ta’ persekuzzjoni jew li jsofri dannu serju ma jfissirx neċessarjament, waħdu, li tali biża’ ma tistax tkun fondata.

( 36 ) Ara l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EUAA) (li kien issostitwit mill-EUAA permezz tar-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU 2021, L 468, p. 1)), Qualification for International Protection, Judicial analysis, second edition, Jannar 2023 (punt 1.10.3, dwar l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/95).

( 37 ) Ara l-prinċipji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali Nru 6: Applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni tal-1951 u/jew tal-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“prinċipji gwida dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon”), tat‑28 ta’ April 2004 (punt 35).

( 38 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet diversi drabi dwar ir-riskji ta’ persekuzzjoni u ta’ piena tal-mewt li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba l-konverżjoni reliġjuża tiegħu. Hija stabbilixxiet il-prinċipju li jgħid li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk il-konverżjoni tal-parti interessata hijiex sinċiera u kisbitx “livell suffiċjenti ta’ saħħa, serjetà, koerenza jew importanza” qabel ma jfittxu jekk hijiex esposta għar-riskju li ssofri trattament li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Skont dik il-Qorti, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa wkoll każ b’każ jekk ċittadin barrani stabbilixxiex b’mod plawżibbli li l-konverżjoni tiegħu sur place hija sinċiera fis-sens li hija bbażata fuq “twemmin reliġjuż reali u personali”. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Marzu 2016, F.G vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, § 144 u 145), u tal‑5 ta’ Novembru 2019, A.A. vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2019:1105JUD003221817, § 49 u 51).

( 39 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 90).

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni legali tal-EUAA ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punt 1.10.3).

( 41 ) Għalhekk, fil-prinċipji gwida dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon, l-HCR jenfasizza li attivitajiet imsejħa “interessati” ma joħolqux biża’ fondata ta’ persekuzzjoni għal motiv tal-Konvenzjoni ta’ Genève fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jekk in-natura opportunista ta’ dawn l-attivitajiet hija evidenti għal kulħadd, inkluż għall-awtoritajiet tal-pajjiż, u li r-ritorn tal-persuna kkonċernata ma jkollhiex konsegwenzi negattivi serji (punt 36).

( 42 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 23).

( 43 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 99).

( 45 ) L-EUAA, fl-analiżi ġuridika tagħha ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punt 1.10.3), kif ukoll l-HCR, fil-prinċipji gwida tiegħu dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon (punt 36), jirreferu għal azzjoni evidentement opportunista tal-applikant.

( 46 ) Din hija l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-kummenti dwar l-artikoli tal-Proposta għal Direttiva 2004/83.

( 47 ) Fil-prinċipji gwida tiegħu dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati fuq ir-reliġjon, l-HCR jirrileva li “[f]il-każ fejn l-applikazzjoni titqies bħala interessata iżda fejn l-applikant għandu madankollu biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fil-każ ta’ ritorn, protezzjoni internazzjonali hija neċessarja. Meta n-natura opportunista tal-azzjoni hija madankiollu evidenti b’mod ċar, din jista’ jkollha piż kbir fil-bilanċ waqt l-eżami ta’ soluzzjonijiet fit-tul disponibbli f’dawn il-każijiet” (punt 36).

( 48 ) Ara fir-rigward tal-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/95, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 14(4)(a) u tal-Artikolu 17(1)(d) ta’ din id-direttiva, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 73).

( 50 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Korsiv miżjud minni.

( 52 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 37), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 79).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 61 sa 64).

( 56 ) Din il-premessa tipprovdi barra minn hekk li din id-direttiva tfittex mhux biss li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt għall-ażil għal applikanti għall-ażil u għall-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom, iżda wkoll li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 tal-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.