Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C184/22 u C185/22

IK (C184/22),

CM (C185/22)

vs

KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation e.V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza tal-opportunitajiet u ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Diskriminazzjoni indiretta – Ftehim kollettiv li jipprevedi ħlas addizzjonali għas-sahra maħduma lil hinn mill-ħin tax-xogħol tax-xahar kalendarju ta’ impjegat full-time – Differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema full-time u l-ħaddiema part-time – Dispożizzjoni li tpoġġi fi żvantaġġ partikolari lill-persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor – Diskriminazzjoni indiretta stabbilita fuq il-bażi ta’ data statistika – Modalitajiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-data”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), jirrigwardaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE (2).

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn IK (Kawża C‑184/22) u CM (Kawża C‑185/22) (3), żewġ carers impjegati part-time (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u l-assoċjazzjoni li timpjegahom, KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation e.V. (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), fir-rigward tad-dritt tagħhom għal ħlas addizzjonali għas-sahra maħduma lil hinn mill-ħin tax-xogħol miftiehem fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom.

3.        Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi tal-punt (a) tat-tieni domanda preliminari fiż-żewġ kawżi, li huma fformulati f’termini identiċi. Dawn jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, u, b’mod iktar partikolari, fuq il-modi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data statistika sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni tiżvantaġġax b’mod partikolari lil persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor.

4.        Dawn il-kawżi joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża iktar il-metodoloġija xierqa, jiġifieri jekk teħtieġx li tiġi eżaminata biss id-data statistika li tikkonċerna l-grupp tal-persuni żvantaġġati bil-miżura nazzjonali inkwistjoni jew jekk jeħtieġx li wieħed jirreferi wkoll għad-data li tirrigwarda l-grupp ta’ persuni li ma humiex suġġetti għal din il-miżura.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        Skont il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54:

“L-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja, għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.”

6.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprovdi li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[…]

b)      il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

[…]

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

7.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)      ‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa.”

8.        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi li:

“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.

B’mod partikolari, fejn tintuża sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ l-impjiegi biex tiġi determinata l-paga, din għandha tiġi bbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa u għalhekk għandha tkun imfassla b’mod tali li teskludi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba s-sess.”

9.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

(ċ)      Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat.”

B.      Iddritt Ġermaniż

1.      IlLiġi dwar ixXogħol PartTime u lKuntratti għal Żmien Determinat

10.      L-Artikolu 4 tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (Teilzeit- und Befristungsgesetz) (il-Liġi dwar ix-Xogħol Part-Time u l-Kuntratti għal Żmien Determinat), tal‑21 ta’ Diċembru 2000 (4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħaddiem part-time ma għandux, minħabba l-fatt li jaħdem part-time, jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time paragunabbli, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament. Il-ħaddiem part-time għandu jingħata remunerazzjoni jew ħlas ieħor diviżibbli li l-ammont tiegħu għandu tal-inqas jikkorrispondi mal-proporzjon tas-sigħat ta’ xogħol tiegħu meta mqabbla ma’ dawk ta’ ħaddiem full-time paragunabbli.”

2.      LAGG

11.      L-Artikolu 1 tal-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AGG”), intitolat “Għan tal-liġi”, jipprovdi li:

“Din il-liġi għandha bħala għan li tipprekludi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.”

12.      L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ħaddiema impjegati ma għandhomx ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni għal xi wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1; din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta l-awtur tad-diskriminazzjoni sempliċement jippreżumi l-eżistenza ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 fil-kuntest tal-fatt diskriminatorju.”

13.      L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi, intitolat “Kumpens għad-danni” huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega hija obbligata tħallas kumpens għad-danni. Din ir-regola ma tapplikax jekk il-persuna li timpjega ma tkunx responsabbli għall-ksur ta’ dan l-obbligu.

2.      Għal dannu li ma huwiex dannu patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. […]”

3.      Iliġi fuq ilPromozzjoni tatTrasparenza Salarjali bejn inNisa u lIrġiel

14.      L-Artikolu 3 tal-Gesetz zur Förderung der Entgelttransparenz zwischen Frauen und Männern (Entgelttransparenzgesetz) (il-Liġi dwar il-Promozzjoni tat-Trasparenza Salarjali bejn in-Nisa u l-Irġiel), tat‑30 ta’ Ġunju 2017 (6), intitolat “Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni salarjali diretta u indiretta bbażata fuq is-sess”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-elementi kollha ta’ remunerazzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni hija pprojbita.”

15.      L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, intitolat “Obbligu ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet”, jipprovdi li:

“Fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, għal xogħol ugwali jew ta’ valur ugwali, ma tistax tiġi miftiehma jew imħallsa remunerazzjoni iktar baxxa minn dik ta’ ħaddiem jew ħaddiema tas-sess oppost minħabba s-sess tal-ħaddiem jew tal-ħaddiema.”

4.      IlMTV

16.      Il-Manteltarifvertrag (il-Ftehim Kollettiv Ġenerali, iktar ’il quddiem, il-“MTV”), konkluż bejn is-sindakat ver.di u l-konvenuta fit‑8 ta’ Marzu 2017, huwa fformulat kif ġej, fl-Artikolu 10 tiegħu, intitolat “Ħin tax-xogħol”:

“1.      Is-sigħat normali ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegat full-time, esklużi l-pawżi, huma ta’ medja ta’ 38.5 sigħat.

[…]

Is-sigħat normali tax-xogħol ta’ kuljum ta’ impjegat full-time huwa ta’ 7 sigħat u 42 minuta.

[...]

6.      Jekk il-volum ta’ xogħol jeħtieġ is-sahra, din għandha, fil-prinċipju, tkun imposta. [...] Is-sahra għandha tkun limitata għall-każijiet urġenti u għandha titqassam b’mod ekwu kemm jista’ jkun possibbli bejn l-impjegati kollha.

7.      Is-sahra hija sigħat ta’ xogħol imposti, li jmorru lil hinn mill-ħin normali ta’ xogħol skont l-Artikoli 1 u 3 tat-Taqsima 1, skont ir-roster jew l-użanza fl-impriża. Is-sahra magħmula lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol tax-xahar kalendarju ta’ impjegat full-time u li ma tistax tiġi kkumpensata bl-għoti ta’ leave matul ix-xahar kalendarju ta’ xogħol inkwistjoni hija suġġetta għal ħlas addizzjonali skont l-Artikolu 13(1). […]”

17.      L-Artikolu 13 tal-MTV, intitolat “Remunerazzjoni tas-sahra, ħlasijiet addizzjonali u kumpensi għal servizz f’ħinijiet inkonvenjenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kumpens għas-sahra skont il-punt 7 tal-Artikolu 10 tal-MTV jitla’ għal 1/167 tal-paga tariffarja fix-xahar għal kull siegħa supplimentari. Il-ħlas addizzjonali għas-sahra skont il-klawżola 2, punt 7 tal-Artikolu 10 hija ta’ 30 %”.

III. Ilkawżi prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18.      Il-konvenuta hija fornitur ta’ kura outpatient ta’ dijaliżi, li topera fit-territorju Ġermaniż kollu f’siti differenti, li timpjega tobba u persunal mhux mediku. Il-MTV japplika f’dawn is-siti kollha, b’mod partikolari għall-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti, impjegati bħala carers part-time b’ħin ta’ xogħol għal IK (Kawża C‑184/22) li jirrappreżenta 40 % tal-ħin normali tax-xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ impjegat full-time u għal CM (Kawża C‑185/22) 80 % minn tali ħin ta’ xogħol.

19.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta, fuq in-numru totali tal-impjegati tagħha, li jammonta għal iktar minn 5000 persuna, 76.96 % huma nisa u 52.78 % tal-impjegati kollha huma part-timers. Għal dak li jirrigwarda dawn il-persuni li jaħdmu part-time, 84.74 % huma nisa u 15.26 % huma rġiel filwaqt li, fost il-ħaddiema full-time, 68.20 % huma nisa u 31.80 % huma rġiel.

20.      Il-konvenuta għandha kontijiet għat-tfaddil tal-ħin, b’mod partikolari għar-rikorrenti. Dawn tal-aħħar kienu juru, fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2018, kreditu ta’ 129 siegħa u 24 minuta għal IK u, fi tmiem ix-xahar ta’ Frar 2018, kreditu ta’ 49 siegħa għal CM, li jikkorrispondu għas-sigħat maħduma lil hinn mill-ħin ta’ xogħol imsemmi fil-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti. Il-konvenuta ma tathomx ħlas addizzjonali għas-sahra skont it-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 10 tal-MTV (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni”) u ma rreġistratx kreditu li jikkorrispondi għall-ħlas addizzjonali fil-kontijiet tagħhom għat-tfaddil tal-ħin.

21.      Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors ġudizzjarju sabiex jiksbu, b’mod partikolari, kreditu ta’ ħin li jikkorrispondi għall-ħlas addizzjonali għas-sahra kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG. F’dan ir-rigward, huma sostnew li, bil-fatt li ma tathomx ħlas addizzjonali għas-sahra u bil-fatt li ma rreġistratx kreditu ta’ ħin li jikkorrispondi għal din iż-żieda fil-kontijiet għat-tfaddil tal-ħin, il-konvenuta ddiskriminat illegalment kontrihom bħala impjegati part-time meta mqabbla mal-impjegati full-time. Barra minn hekk, huma allegatament kienu ġew indirettament iddiskriminati minħabba s-sess tagħhom peress li l-konvenuta timpjega iktar nisa fuq bażi part-time. Il-konvenuta, min-naħa tagħha, sostniet li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tinvolvi ebda diskriminazzjoni illegali minħabba l-kwalità ta’ impjegat part-time u lanqas tali diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

22.      Il-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Superjuri, il-Ġermanja) ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu ġew iddiskriminati minħabba l-impjieg part-time tagħhom u kkundannat lill-konvenuta tirreġistra fil-kontijiet għat-tfaddil tal-ħin tagħhom kreditu li jikkorrispondi għall-ħlas addizzjonali għas-sahra. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti inkwantu kien intiż li jikseb il-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG. Dawn tal-aħħar ippreżentaw appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, sabiex jiksbu l-ħlas ta’ kumpens. Il-konvenuta ppreżentat appell inċidentali għal reviżjoni kontra l-kundanna tagħha biex timputa l-ħlas addizzjonali fil-kontijiet għat-tfaddil tal-ħin tar-rikorrenti.

23.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u dik ibbażata fuq l-impjieg part-time hija deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Għal dak li jirrigwarda l-punt (a) tat-tieni domanda preliminari, f’dawn il-kawżi, din il-qorti tindika li hija tibda mill-prinċipju li jgħid li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, ir-risposta għad-domanda dwar jekk inugwaljanza fit-trattament taffettwax sostanzjalment iktar lin-nisa milli lill-irġiel tiddependi miċ-ċirku ta’ persuni li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni (7), u li jeħtieġ f’dan ir-rigward li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-sors tad-differenza fit-trattament (8). Għal dak li jikkonċerna lil dawn il-ħaddiema, jeħtieġ li jiġu pparagunati kemm fost il-ħaddiema rġiel kif ukoll fost il-ħaddiema nisa, għaldaqstant f’kull grupp, il-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mir-regola inkwistjoni (9).

24.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-MTV japplika għas-siti kollha tal-konvenuta u, skont l-Artikolu 1 tiegħu, għall-ħaddiema rġiel u nisa kollha impjegati minnha. Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-MTV jeskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lill-“ħaddiema li l-paga tagħhom taqbeż l-aħħar skala tal-ogħla grupp tariffarju, [...] il-persunal maniġerjali u lit-tobba”. Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-MTV jistipula, barra minn hekk, li l-persuni li jkunu qegħdin jitħarrġu huma suġġetti għal ftehimiet kollettivi oħra jekk ikunu jeżistu tali ftehimiet. F’każ fejn, skont ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-punt (a) tat-tieni domanda preliminari, fiż-żewġ kawżi, is-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali teħtieġ li jiġi kkonstatat jekk, u jekk ikun il-każ kif, l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-MTV jipproduċu effetti fuq il-proporzjonijiet ta’ rġiel u ta’ nisa fost il-ħaddiema impjegati full-time u part-time mill-konvenuta, ikun l-obbligu tal-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Superjuri) li tipproċedi bil-konstatazzjonijiet sostantivi neċessarji.

25.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, f’dan il-każ, sabiex tivverifika jekk l-inugwaljanza fit-trattament jaffettwax sostanzjalment iktar lin-nisa milli lill-irġiel, jeħtieġ li tiġi pparagunata, fost il-ħaddiema rġiel u nisa impjegati mill-konvenuta, il-proporzjon rispettiva tal-persuni li huma affettwati b’mod negattiv mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-kawżi prinċipali, il-perċentwali ċertament kienu għadhom ma humiex ikkonstatati b’mod definittiv. Jidher madankollu li l-grupp tan-nisa huwa rrappreżentat b’mod qawwi kemm fost l-impjegati part-time kif ukoll fost l-impjegati full-time. Fl-istess ħin, il-grupp tal-irġiel, anki jekk f’minoranza sinjifikattiva, huwa rrappreżentat b’mod iktar qawwi fi ħdan l-impjegati full-time milli fost il-ħaddiema part-time.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’tali każ, sabiex jiġi kkonstatat li l-inugwaljanza fit-trattament taffettwa sostanzjalment iktar nisa milli rġiel huwa biżżejjed li jkun hemm fost l-impjegati part-time sostanzjalment iktar nisa milli rġiel, jew jekk għandux jiżdied il-fatt li fost l-impjegati full-time jkun hemm sostanzjalment iktar irġiel jew li l-proporzjon tal-irġiel ikun ikbar b’mod sinjfikattiv.

27.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din l-aħħar sitwazzjoni ma tippreżentax ruħha fil-kawżi prinċipali peress li, fost il-ħaddiema full-time, 68.20 % huma nisa u 31.80 % biss huma rġiel. In-nisa huma sostanzjalment iktar irrappreżentati fi ħdan il-konvenuta kemm fil-grupp tal-impjegati part-time kif ukoll fil-grupp tal-impjegati full-time. L-istess qorti ma hijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi biċ-ċertezza meħtieġa kif, f’tali kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat jekk l-inugwaljanza fit-trattament taffettwax sostanzjalment iktar lin-nisa milli lill-irġiel, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2006/54] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat ta’ xogħol li jkunu twettqu lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem impjegat full-time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv:

a)      L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’tali każ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament taffettwa sostanzjalment iktar nisa milli rġiel li jkun hemm fost l-impjegati part-time sostanzjalment iktar nisa milli rġiel, iżda ma’ dan għandu jiżdied il-fatt li jkun hemm fost l-impjegati full-time sostanzjalment iktar irġiel jew li l-proporzjon tal-irġiel ikun ikbar b’mod sinjfikattiv?

b)      Jew tirriżulta wkoll konklużjoni oħra għall-Artikolu 157 TFUE u d-Direttiva 2006/54/KE mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 25 sa 36 tas-sentenza tagħha Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zaktad Opieki Zdrowotnej w Krakowie [C‑16/19, EU:C:2021:64], li skonthom differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘diskriminazzjoni’, previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol [(10)]?

3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fl-affermattiv u għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda fis-sens li f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali jista’ jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament fir-rigward tar-remunerazzjoni tolqot sostanzjalment iktar lin-nisa milli l-irġiel: L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) ul-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?

4)      Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC [(11)] għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat tax-xogħol mogħtija lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem full-time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

5)      Fil-każ li għar-raba’ domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv: Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fir-raba’ domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?”

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti, mill-konvenuta, mill-Gvern Daniż, Pollakk u Norveġiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

30.      Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda preliminari tagħha, fil-Kawżi C‑184/22 u C‑185/22, li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li jiġu ffokati dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, biex tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali apparentement newtrali tpoġġi “lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”, huwiex suffiċjenti li jkun hemm proporzjon ikbar b’mod sinjfikattiv ta’ persuni ta’ sess partikolari fil-grupp tal-ħaddiema mpoġġija fi żvantaġġ minn din id-dispożizzjoni jew jekk huwiex meħtieġ ukoll li l-grupp tal-ħaddiema li ma huwiex suġġett għall-imsemmija dispożizzjoni jkun jinkludi proporzjon ikbar b’mod sinjifikattiv ta’ persuni tas-sess l-ieħor.

31.      Skont l-Artikolu 157(1) TFUE, “[k]ull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat”. Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li “[g]ħandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali”. Skont l-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” huwa ddefinit bħala s-sitwazzjoni “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”.

32.      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li “diskriminazzjoni indiretta”, fis-sens tal-Direttiva 2006/54, tiġi stabbilita meta jkunu ssodisfatti tliet elementi, li għalihom l-intenzjonijiet tal-awtur tal-miżura nazzjonali inkwistjoni ma jidħlux fix-xena. Fl-ewwel lok, ikun hemm miżura li mad-dehra tkun newtrali inkwantu hija ma tagħmilx distinzjoni formali bejn il-kategoriji ta’ persuni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jingħata valur ugwali. It-tieni, din il-miżura tinvolvi żvantaġġ partikolari għall-persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor. It-tielet, tali żvantaġġ partikolari ma jkunx iġġustifikat minn fatturi oġġettivi u barranin għal kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (12).

33.      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-element dwar in-newtralità apparenti tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, dan ma jqajjimx xi diffikultà partikolari. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din id-dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv ikkonċernat (13), li abbażi tagħha s-sahra maħduma lil hinn mill-ħinijiet tax-xogħol tax-xahar kalendarju ta’ impjegat full-time hija suġġetta għal ħlas addizzjonali, tapplika għas-siti kollha tal-konvenuta u, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, għall-persuni kollha impjegati minnha (14). Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni, bil-fatt li tolqot lill-ħaddiema rġiel u lill-ħaddiema nisa mingħajr distinzjoni, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54.

34.      It-tieni, għal dak li jikkonċerna l-element li jirrigwarda l-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari, dan jimplika, fl-ewwel lok, li grupp ta’ persuni jsofri żvantaġġ, jiġifieri, f’dan il-każ, il-ħaddiema part-time fir-rigward tal-ħlas addizzjonali għas-sahra maħduma. Nirrileva li l-qorti tar-rinviju indikat li t-tieni domanda preliminari f’dawn il-kawżi saru biss f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija fl-affermattiv. F’dan ir-rigward, jien tal-fehma li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tpoġġi fi żvantaġġ lill-ħaddiema part-time inkwantu s-sigħat ta’ xogħol addizzjonali li huma jaħdmu lil hinn mill-ħin tax-xogħol miftiehem fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom u san-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time (15) ma jwasslux għal ħlas addizzjonali għalihom. Fi kliem ieħor, dawn is-sigħat ta’ xogħol addizzjonali huma mħallsa inqas mis-sigħat ta’ xogħol addizzjonali maħduma minn ħaddiem full-time (16).

35.      Fit-tieni lok, il-miżura li mad-dehra hija newtrali għandu jkollha bħala riżultat, fil-prattika, li tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lill-persuni ta’ sess meta mqabbla mas-sess l-ieħor. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li rrikonoxxiet l-utilità tal-istatistiċi fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni indiretta, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1981, Jenkins (96/80, EU:C:1981:80, punt 13). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal “perċentwali sostanzjalment iktar baxx” ta’ ħaddiema nisa milli ħaddiema rġiel li huma eliġibbli għar-rata fis-siegħa sħiħa. Dan ir-riferiment ġie riprodott, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1986, Bilka-Kaufhaus (170/84, EU:C:1986:204, punt 29). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet approċċ pragmatiku fil-kuntest tal-eżami ta’ diskriminazzjoni (17).

36.      Il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” ġie sussegwentement sanċit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-Direttiva 2002/73/KE (18), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/54. Fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha, din l-aħħar direttiva adottat definizzjoni tad-“diskriminazzjoni indiretta” fformulata eżattament fl-istess termini bħal dawk li jinsabu fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/73. Din id-definizzjoni, l-istess bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2006/54, ma tagħmilx riferiment għall-elementi kwantitattivi fl-eżami tad-diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, l-imsemmija definizzjoni tadotta approċċ kwalitattiv, jiġifieri li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tistax, min-natura tagħha stess, “tpoġġi fi żvantaġġ partikolari” lil persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor. Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha ta’ natura kwalitattiva sabiex tiddetermina jekk tali żvantaġġ jeżistix, pereżempju mingħajr ma tillimita ruħha għall-impriża li għaliha tapplika d-dispożizzjoni kontenzjuża, billi tħares lejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat jew fl-Unjoni inġenerali. Barra minn hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jirriżulta diffiċli ħafna li tinkiseb data statistika (19) jew id-data miksuba tista’ tqajjem diffikultajiet ta’ użu (20) jew ta’ interpretazzjoni (21).

37.      Madankollu, inkluż f’dan il-kuntest kwalitattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tagħmel riferiment għal data statistika bil-għan li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2006/54, l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni nazzjonali taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (22). Kif jirriżulta mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha ssir mill-qorti nazzjonali, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ data statistika (23).

38.      Ninsisti fuq il-fatt li d-data statistika msemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi biss element fost elementi oħrajn u li, barra minn hekk, din id-data tista’ tkun differenti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem li jqis li sofra dannu minn diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess jista’ jsostni każ prima facie ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ data statistika ġenerali li tikkonċerna s-suq tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ fejn ma jkunx mistenni mill-persuna kkonċernata li tipproduċi data iktar preċiża relatata mal-grupp ta’ ħaddiema rilevanti, fejn dawn ikunu diffiċilment aċċessibbli, jew saħansitra ma jkunux disponibbli (24). Ma huwiex biżżejjed li jiġi kkunsidrat in-numru ta’ persuni affettwati peress li dan in-numru jiddependi mill-ħaddiema attivi f’dan l-Istat Membru kollu kif ukoll it-tqassim tal-ħaddiema rġiel u tal-ħaddiema nisa fl-imsemmi Stat Membru (25).

39.      Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali jkollha data statistika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija din il-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun is-sors tad-differenza fit-trattament (26) u li l-aħjar metodu ta’ paragun tal-istatistiċi jikkonsisti fit-tqabbil tal-proporzjon ta’ ħaddiema affettwati mill-imsemmija differenza fit-trattament, minn naħa, minn fost l-għadd ta’ ħaddiema rġiel u, min-naħa l-oħra, minn fost l-għadd ta’ ħaddiema nisa (27).

40.      Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li għalkemm l-użu ta’ data statistika jista’ jirriżulta utli biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, din id-data għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bi prekawzjoni inkwantu l-mod ta’ kif titħejja jiddetermina l-validità tar-riżultati miksuba (28). F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika prodotta quddiemha hija affidabbli u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew temporanji u jekk tidhirx suffiċjentement sinjifikattiva (29).

41.      It-tielet, jekk l-istatistika li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għandha effettivament turi li l-perċentwali tal-ħaddiema ta’ sess hija affettwata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni b’mod kunsiderevolment ogħla minn dak tal-ħaddiema tas-sess l-ieħor li wkoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ikun hemm lok li jitqies li tali sitwazzjoni turi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2006/54, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (30).

42.      Nirrileva li ma jeżistix kejl ta’ riferiment li hekk kif jinqabeż, id-data tibda titqies bħala suffiċjenti, peress li din l-evalwazzjoni tirriżulta min-natura tagħha li hija essenzjalment empirika (31). Madankollu, din id-data statistika għandha tkun rilevanti fis-sens li għandha tirrigwarda numru suffiċjenti ta’ individwi biex tkun rappreżentattiva imma wkoll rigoruża u mhux ambigwa.

43.      Għal dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju li l-analiżi intiża li tiddetermina jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxix diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, tieħu inkunsiderazzjoni d-data statistika, li tikkonċerna lill-konvenuta. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi l-proporzjon ta’ ħaddiema affettwati b’din id-differenza fit-trattament, minn naħa, fost l-għadd ta’ ħaddiema rġiel u, min-naħa l-oħra, fost l-għadd ta’ ħaddiema nisa.

44.      F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuta timpjega iktar minn 5 000 persuna li minnhom 76.98 % huma nisa. Fuq it-totalità ta’ dawn l-impjegati, 52.78 % jaħdmu part-time. Fost il-ħaddiema part-time, 84.74 % huma nisa u 15.26 % huma rġiel.

45.      Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda preliminari fiż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-eżami tal-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-ħaddiema nisa, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, huwiex biżżejjed li l-grupp tal-impjegati part-time jkun fih sostanzjalment iktar nisa milli rġiel jew, ukoll, jekk il-grupp tal-impjegati full-time għandux ikun ikkostitwit minn sostanzjalment iktar irġiel jew li l-parti tal-irġiel tkun sostanzjalment ikbar.

46.      F’dan il-każ, il-ħaddiema nisa huma iktar kemm fil-grupp “ivvantaġġat” kif ukoll fil-grupp “żvantaġġat” mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. F’tali sitwazzjoni, jiena nifhem li ma huwiex faċli li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tpoġġi fi żvantaġġ partikolari lin-nisa meta mqabbla mal-irġiel.

47.      F’dan ir-rigward, kif diġà indikajt, jien tal-fehma li l-qorti nazzjonali għandha ssegwi approċċ kwalitattiv, mingħajr ma tillimita ruħha għad-data statistika biss. Tali approċċ jippreżupponi li jiġi eżaminat is-suq tax-xogħol kollu kemm hu u mhux biss fl-impriża kkonċernata.

48.      Għal dak li jirrigwarda d-data statistika, li fuqha l-qorti tar-rinviju tqajjem kwistjoni ta’ liġi dwar il-modalitajiet għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-data, jeħtieġ li titfakkar il-loġika wara l-analiżi tad-diskriminazzjoni indiretta fil-kuntest tad-Direttiva 2006/54.

49.      Qabelxejn, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, id-diskriminazzjoni indiretta tirreferi biss għal dispożizzjoni, kriterju jew prattika li “tpoġġi fi żvantaġġ” lil persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor. Konsegwentement, dan l-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva jiffoka fuq il-grupp tal-persuni “żvantaġġati”, f’dan il-każ il-ħaddiema part-time. Din id-dispożizzjoni ma semmix lill-persuni “vvantaġġati”, jiġifieri dawk li ma humiex suġġetti għall-miżura inkwistjoni. Konsegwentement, mit-termini tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li diskriminazzjoni indiretta tista’ tkun teżisti mis-sempliċi fatt li jkunu żvantaġġati b’mod partikolari l-persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor.

50.      Imbagħad, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-aħjar metodu ta’ paragun tal-istatistiċi jikkonsisti fit-tqabbil tal-proporzjon ta’ ħaddiema affettwati mill-imsemmija differenza fit-trattament, minn naħa, minn fost l-għadd ta’ ħaddiema rġiel u, min-naħa l-oħra, minn fost l-għadd ta’ ħaddiema nisa. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha b’mod espliċitu fuq l-approċċ li għandu jiġi segwit u kkunsidrat li jeħtieġ li wieħed iqis il-persuni żvantaġġati biex jistabbilixxi jekk il-miżura nazzjonali tistabbilixxix diskriminazzjoni indiretta. F’dan ir-rigward, jidhirli utli li jiġu ċċitati t-termini ta’ sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-benefiċċji tal-qgħad mill-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mogħtija lill-impjegati domestiċi minn skema legali ta’ sigurtà soċjali:

“45.      [...] [i]ssa, għandu jiġi kkonstatat li mill-istatistika ppreżentata [...] li, minn naħa, fil‑31 ta’ Mejju 2021, in-numru ta’ ħaddiema impjegati suġġetti għall-[...] skema ġenerali kien jammonta għal 15 872 720, li fosthom 7 770 798 kienu nisa (48.96 % tal-impjegati) u 8 101 899 kienu rġiel (51.04 % tal-impjegati). Min-naħa l-oħra, fl-istess data, il-grupp ta’ impjegati affiljati mas-sistema speċjali tal-impjegati domestiċi kien jinkludi 384 175 ħaddiem, li minnhom 366 991 kienu nisa (95.53 % tal-persuni affiljati ma’ din is-sistema speċjali, jiġifieri 4.72 % tan-nisa impjegati) u 17 171 kienu rġiel (4.47 % tal-persuni affiljati mal-imsemmija sistema speċjali, jiġifieri 0.21 % tal-irġiel impjegati).

46.      B’hekk, minn din l-istatistika jirriżulta li l-proporzjon tal-ħaddiema impjegati tas-sess femminil suġġett għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola li huma affettwati mid-differenza fit-trattament li tirriżulta mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa sinjifikattivament ogħla minn dak tal-impjegati tas-sess maskil.”

51.      Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza tagħha relatata mad-diskriminazzjoni indiretta, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss il-grupp tal-persuni żvantaġġati, jiġifieri l-impjegati domestiċi, magħmul minn 95.53 % nisa, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni t-totalità tal-persuni suġġetti għall-iskema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, imqassma b’mod ibbilanċjat bejn in-nisa (48.96 % tal-impjegati) u l-irġiel (51.04 % tal-impjegati).

52.      Fl-aħħar nett, l-għan tad-Direttiva 2006/54 huwa li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, b’mod partikolari d-diskriminazzjoni indiretta. Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan l-għan kien jimplika li tiġi eżaminata speċifikament is-sitwazzjoni tal-grupp ta’ persuni mpoġġija fi żvantaġġ minn miżura nazzjonali. Ma jidhirlix li l-imsemmi għan iwassal biex tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-grupp ta’ persuni li ma huwiex suġġett għal din il-miżura. Jekk wieħed jippreżupponi li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tpoġġi fi żvantaġġ partikolari lill-ħaddiema ta’ sess partikolari meta mqabbla mal-ħaddiema tas-sess l-ieħor, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk din hijiex iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u barranin għal kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

53.      Konsegwentement, nikkunsidra li, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-ħaddiema nisa, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, jeħtieġ li jiġi eżaminat biss il-grupp tal-ħaddiema mpoġġija fi żvantaġġ. Inżid ngħid li peress li l-approċċ kwalitattiv intiż li jiddetermina jekk dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra hija newtrali tpoġġix fi żvantaġġ partikolari lill-persuni ta’ sess partikolari meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor jista’ jippreżenta xi diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, jidhirli li l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-impjieg part-time, li hija s-suġġett tar-raba’ u ħames domanda preliminari f’dawn il-kawżi, tista’ tikkostitwixxi bażi xierqa biex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema full-time u dawk part-time (32).

54.      Għaldaqstant, nipproponi li tingħata risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda preliminari fiż-żewġ kawżi fis-sens li l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, biex tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali apparentement newtrali tpoġġi “lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”, il-qorti nazzjonali għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha ta’ natura kwalitattiva sabiex tiddetermina jekk tali żvantaġġ jeżistix. Għal dak li jirrigwarda d-data statistika, li tikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk teżistix proporzjon ikbar b’mod sinjfikattiv ta’ persuni ta’ sess partikolari fil-grupp tal-ħaddiema mpoġġija fi żvantaġġ minn din id-dispożizzjoni nazzjonali, mingħajr ma jkun ukoll meħtieġ li l-grupp tal-ħaddiema li ma huwiex suġġett għall-imsemmija dispożizzjoni jkun jinkludi proporzjon ikbar b’mod sinjifikattiv ta’ persuni tas-sess l-ieħor.

V.      Konklużjoni

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-punt (a) tat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) fil-Kawżi magħquda C‑184/22 u C‑185/22 bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li,

fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, biex tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali apparentement newtrali tpoġġi “lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor”, il-qorti nazzjonali għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha ta’ natura kwalitattiva sabiex tiddetermina jekk tali żvantaġġ jeżistix. Għal dak li jirrigwarda d-data statistika, li tikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk teżistix proporzjon ikbar b’mod sinjfikattiv ta’ persuni ta’ sess partikolari fil-grupp tal-ħaddiema mpoġġija fi żvantaġġ minn din id-dispożizzjoni nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ ukoll li l-grupp tal-ħaddiema li ma huwiex suġġett għall-imsemmija dispożizzjoni jkun jinkludi proporzjon ikbar b’mod sinjifikattiv ta’ persuni tas-sess l-ieħor.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


3      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ April 2022, dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-iskopijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.


4      BGBl. 2000 I, p. 1966.


5      BGBl. 2006 I, p. 1897.


6      BGBl. 2017 I, p. 2152.


7      Il-qorti tar-rinviju ssemmi f’dan ir-rigward is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punti 73 et seq.).


8      Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 40), kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punti 47 u 52).


9      Il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punti 47 u 52).


10      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


11      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.


12      Għal applikazzjoni ta’ dawn it-tliet elementi, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BVAEB (C‑405/20, EU:C:2022:347, punti 47 sa 69).


13      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tad-Direttiva 2006/54, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema tas-sess maskili u ħaddiema tas-sess femminili testendi għall-ftehimiet kollha intiżi li jirregolaw b’mod kollettiv ix-xogħol bis-salarju (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Syndicat CFTC, C‑463/19, EU:C:2020:932, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-MTV ma jidhrux, f’dan l-istadju, rilevanti fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lill-punt (a) tat-tieni domanda preliminari fiż-żewġ kawżi (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


15      Jiġifieri 38.5 siegħa fil-ġimgħa, kif jipprovdi l-Artikolu 10(1) tal-MTV.


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner‑Lakeberg (C‑285/02, EU:C:2004:320, punt 17).


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:313, punt 15).


18      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 255).


19      Ara Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law, (it-tieni edizzjoni), Oxford University Press, Oxford, 2012, b’mod partikolari p. 151.


20      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża INSS ((Kumulu ta’ pensjonijiet għal invalidità professjonali totali) (C‑625/20, EU:C:2022:132, punt 1), li tirrileva li l-użu taċ-ċifri u tal-istatistika jista’ jkun problematiku sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni indiretta peress li r-riżultat jista’ jvarja skont il-grupp ta’ riferiment użat sabiex isir il-paragun.


21      Ara, Barnard, C., u Hepple, B., “Indirect Discrimination: Interpreting Seymour-Smith”, Cambridge Law Journal, 58(2), 1999, p. 399 sa 412. Dawn l-awturi jippreżentaw prespettiva li tikkritika l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonsisti f’li tirreferi għal data statistika, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.


22      Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BVAEB (C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 50), u tal‑5 ta’ Mejju 2022, BVAEB (C‑405/20, EU:C:2022:347, punt 50).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 56).


25      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2022, INSS (Kumulu ta’ pensjonijiet għal invalidità professjonali totali) (C‑625/20, EU:C:2022:508, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, nirrileva li l-qorti tar-rinviju indikat li l-perċentwali għadhom ma ġewx ikkonstatati b’mod definittiv fil-kawżi prinċipali.


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, fil-kummentarji, Robin-Olivier, S., “L’émergence de la notion de discrimination indirecte : évolution ou révolution ?”, f’Fines, F., Gauthier, C., Gautier, M., La non-discrimination entre les Européens, Pedone, Pariġi, 2012, p. 23 sa 36, b’mod partikolari p. 30.


29      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BVAEB (C‑405/20, EU:C:2022:347, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara, b’mod partikolari, fil-kummentarji, Alberton, G., “Et la Cour de cassation se fit plus ‘européaniste’ que la CJUE”, AJDA, 2018, Nru 6, p. 340.


32      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine (C‑660/20, EU:C:2023:789).