KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑30 ta’ Novembru 2023 ( 1 )
Kawża C‑181/22 P
Nemea Bank plc
vs
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
“Appell – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Missjonijiet speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni għall-aċċess għal attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ta’ Nemea Bank plc – Artikolu 24 – Proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid – Sostituzzjoni permezz ta’ deċiżjoni b’kontenut identiku – Rikors għal annullament – Tmiem tas-suġġett tar-rikors u tal-interess ġuridiku – Nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni – Rikors għad-danni – Inammissibbiltà manifesta – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tal-appell tagħha, il-kumpannija Maltija Nemea Bank plc titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Diċembru 2021, Niemelä et vs BĊE (T‑321/17, EU:T:2021:942, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”). Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddeċidiet li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tat-talba ta’ Nemea Bank intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ( 2 ) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat‑23 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE” jew id-“deċiżjoni inizjali”). Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet it-talba għad-danni ta’ Nemea Bank bħala manifestament inammissibbli. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-BĊE kien, min-naħa tiegħu, iddeċieda li jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ Nemea Bank għall-attività tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu (iktar ’il quddiem l-“irtirar tal-awtorizzazzjoni”). |
|
2. |
Diġà weġibt għall-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma mit-tieni u t-tielet aggravju fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Pilatus Bank vs BĊE (C‑750/21 P u C‑256/22 P), li għadhom pendenti u li jikkonċernaw ukoll is-settur bankarju Malti. Dawn il-kwistjonijiet kienu jirrigwardaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-bank ikkonċernat permezz tal-konsulent legali indikat minnu ( 3 ). Jiena kkonkludejt li huwa biss dan il-konsulent legali li huwa awtorizzat jirrappreżenta d-drittijiet u l-interessi ta’ dan il-bank fil-proċedura amministrattiva li twassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tiegħu u fil-litigazzjoni sussegwenti quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea, u mhux l-amministratur tal-bank maħtur mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. |
|
3. |
Sa issa, il-kwistjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat l-ewwel aggravju hija mingħajr risposta: F’liema ċirkustanzi l-bank ikkonċernat għandu jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali meta jeżerċita d-dritt tiegħu, mogħti mill-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ( 4 ), li jitlob li d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni tkun suġġetta għal proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, Nemea Bank kienet ressqet tali talba ftit qabel il-preżentata tar-rikors tagħha għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE. Madankollu, hija sussegwentement naqset milli tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-forma dovuta u fit-termini mogħtija, id-deċiżjoni ( 5 ) bl-istess kontenut (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni konfermattiva”), adottata mill-BĊE fuq l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, fit‑30 ta’ Ġunju 2017, li ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali. Għalhekk, din (possibbilment) ma setgħetx tiġi kkontestata u kienet definittiva. Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt għandu bħala konsegwenza t-tmiem tal-interess ġuridiku ta’ Nemea Bank u n-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali, minħabba li d-deċiżjoni konfermattiva ssostitwixxietha b’effett retroattiv. Jekk l-opinjoni legali tal-Qorti Ġenerali hija eżatta, ma jkunx jista’ jsir iktar stħarriġ tal-legalità tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni fil-kawża ineżami, tal-inqas mhux fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
4. |
Din il-proċedura tqajjem għalhekk kwistjonijiet fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom id-dritt sekondarju jipprevedi proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ appell li għandha titressaq qabel jew b’mod parallel mal-iżvolġiment tal-proċedura tar-rikors dirett. Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni diġà ddeċidiet diversi drabi dwar tali dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju u r-relazzjoni tagħhom mal-Artikolu 263 TFUE ( 6 ). Issa, sal-lum, ma hemmx kjarifika koerenti u sistematika ta’ din ir-relazzjoni għall-proċeduri amministrattivi interni kollha ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ appell. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi evitat li tali proċeduri joħolqu lakuni fil-protezzjoni ġudizzjarja minflok itejbuha. Dan ikun inkompatibbli wkoll mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll mal-Artikolu 263 TFUE. |
|
5. |
Dawn il-konklużjonijiet jikkonċentraw prinċipalment fuq il-kwistjoni tal-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tat-talba għal annullament minħabba l-allegat tmiem tal-interess ġuridiku ta’ Nemea Bank, li hija s-suġġett tal-ewwel aggravju. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi ta’ risposta għal dan l-aggravju u tannulla d-digriet appellat minħabba ż-żamma tal-interess ġuridiku ta’ Nemea Bank, ma jkunx iktar neċessarju li jiġu ttrattati t-tieni u t-tielet aggravju dwar l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża ( 7 ), peress li dawn jikkontestaw ukoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
|
6. |
Il-premessa 64 tar-Regolament Nru 1024/2013 tiddikjara b’mod partikolari: “Il-BĊE għandu jipprovdi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-possibbiltà li jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet meħudin skont is-setgħat konferiti lilhom minn dan ir-Regolament u indirizzati lilhom, jew li huma ta’ interess dirett u individwali għalihom. L-iskop ta’ rieżami għandu jkun sabiex ikun hemm konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-regolament ta’ tali deċiżjonijiet waqt li jiġi rispettat il-marġni ta’ diskrezzjoni għall-BĊE biex jiddeċiedi dwar l-opportunintà biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Għal dak il-għan, u għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-BĊE għandu jistabbilixxi bord amministrattiv ta’ rieżami biex iwettaq tali rieżami intern. […] Il-proċedura stabbilita għar-rieżami għandha tagħmel provvediment għall-Bord Superviżorju biex dan ikun jista’ jerġa’ jikkunsidra kif xieraq l-abbozz ta’ deċiżjoni preċedenti tiegħu.” |
|
7. |
Taħt it-titolu “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:
|
|
8. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.” |
|
9. |
L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Bord Amministrattiv ta’ Rieżami”, jipprevedi b’mod partikolari: “1. Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet. […] 5. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Talba għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv imsemmija fil-paragrafu 7 ma għandhiex tkun ammissibbli. 6. Kwalunkwe talba għar-rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża stqarrija tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-BĊE fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fl-assenza tagħha, mill-jum li tkun saret taf b’hekk din il-persuna, skont il-każ. 7. Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol. 8. Talba għal rieżami skont il-paragrafu 5 ma għandhiex ikollha effett sospensiv. Madankollu, il-Kunsill Governattiv jista’, fuq proposta tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. 9. L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv skont dan l-Artikolu għandu jkun motivat u nnotifikat lill-partijiet. […] 11. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja].” |
III. Il‑fatti u d‑deċiżjoni kontenzjuża tal‑BĊE
|
10. |
Il-fatti u d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE huma riprodotti fil-punti 1 sa 8 tad-digriet appellat u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
11. |
Il-ħames rikorrenti fl-ewwel istanza u l-appellanti, Nemea Bank, hija istituzzjoni ta’ kreditu b’sinjifikat minuri stabbilita f’Malta, u hija suġġetta għas-superviżjoni diretta tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (iktar ’il quddiem il-“MFSA”). It-tielet u r-raba’ rikorrenti fl-ewwel istanza, Nemea plc u Nevestor SA, huma azzjonisti diretti ta’ Nemea Bank. L-ewwel u t-tieni rikorrent fl-ewwel istanza, H. Niemelä u M. Lehto, huma biss, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tielet u r-raba’ rikorrenti, azzjonisti indiretti u membri tal-bord eżekuttiv ta’ Nemea Bank. |
|
12. |
Fil‑25 ta’ Jannar 2017, wara li rċeviet opinjoni mill-awtorità tar-riżoluzzjoni nazzjonali, il-MFSA bagħtet lill-BĊE proposta ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Nemea Bank. |
|
13. |
Fit‑13 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE approva abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u stieden lil Nemea Bank sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ tlett ijiem. Nemea Bank wieġbet għal din it-talba fil‑15 ta’ Marzu 2017. |
|
14. |
Fit‑23 ta’ Marzu 2017, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013. |
|
15. |
Fit‑22 ta’ April 2022, Nemea Bank u r-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza talbu, quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE, proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1024/2013. |
|
16. |
Fit‑22 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE. |
|
17. |
Fid‑19 ta’ Ġunju 2017, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami adotta opinjoni li fiha ppropona li d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE tiġi ssostitwita b’deċiżjoni bl-istess kontenut. |
|
18. |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2017, f’konformità mal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u abbażi ta’ proposta tal-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta d-deċiżjoni konfermattiva li, skont id-dispożittiv tagħha, tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali, skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013. |
|
19. |
Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza naqsu milli jippreżentaw rikors għal annullament, fil-forma dovuta u fit-termini mogħtija, kontra d-deċiżjoni konfermattiva. |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
|
20. |
Filwaqt li l-eżami mill-ġdid amministrattiv intern kien għadu għaddej, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2017, ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Dan kien intiż, minn naħa, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni li r-rikorrenti fl-ewwel istanza allegatament ġarrbu minħabba l-imsemmija deċiżjoni. |
|
21. |
B’risposta għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Lulju 2018, li tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà għas-sentenza finali, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
|
22. |
Fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Awla kompetenti tal-Qorti Ġenerali awtorizza lil din tal-aħħar tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. |
|
23. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla kompetenti tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Marzu 2019, il-proċedura ġiet sospiża sakemm ingħatat is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923). Wara t-tkomplija tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali rrinunzjat għas-seduta inizjalment prevista, iżda sussegwentement posposta. Għall-kuntrarju, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑2 ta’ Lulju 2021, hija stiednet b’mod partikolari lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE bid-deċiżjoni konfermattiva, it-talba għal annullament kinitx tilfet is-suġġett tagħha, fis-sens tal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u jekk kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni. |
|
24. |
Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE minħabba t-tmiem tas-suġġett tagħha u tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti (punt 1 tad-dispożittiv) u ċaħdet it-talba għad-danni bħala manifestament inammissibbli (punt 2 tad-dispożittiv). Hija kkundannat ukoll lir-rikorrenti u lill-BĊE jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal annullament (punt 3 tad-dispożittiv), lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE fir-rigward tat-talba għad-danni (punt 4 tad-dispożittiv) u lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha (punt 5 tad-dispożittiv). |
|
25. |
Insostenn tal-konstatazzjoni tagħha li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li d-deċiżjoni konfermattiva, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, kienet issostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE b’effett retroattiv għall-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha u għalhekk kienet eliminat lil din tal-aħħar totalment u ex tunc mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-annullament tagħha b’mod ġudizzjarju ma kienx ser jipproduċi iktar konsegwenzi legali addizzjonali ( 8 ). |
V. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
|
26. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2022, Nemea Bank ippreżentat dan l-appell. |
|
27. |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,
|
|
28. |
Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
29. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
30. |
Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni biex tagħti deċiżjoni. |
VI. Evalwazzjoni
A. Fuq is‑suġġett tal‑ewwel aggravju
|
31. |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament minflok ma kkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tistħarreġ id-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE. Huma biss il-qrati tal-Unjoni li għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. L-effett ex tunc irrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu d-deċiżjoni konfermattiva ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali, huwa għalhekk inkompatibbli ma’ dan l-artikolu. Skont l-appellanti, mingħajr stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità, l-effett ta’ tali sostituzzjoni ma jistax jiġi assimilat ma’ dak ta’ sentenza ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni. Id-deċiżjoni inizjali tipproduċi, mingħajr tibdil, effetti legali dannużi fir-rigward ta’ Nemea Bank sa mill-adozzjoni tagħha, b’tali mod li din tal-aħħar iżżomm interess li tikseb l-annullament tagħha. |
|
32. |
Il-BĊE jirribatti, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom jikkontestaw ukoll id-deċiżjoni konfermattiva quddiem il-Qorti Ġenerali. Id-dispożittiv tagħha issa jordna, b’mod definittiv, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Nemea Bank. Barra minn hekk, anki fl-assenza ta’ rikors għal annullament preċedenti, ir-rikorrenti setgħu jippreżentaw rikors għad-danni. |
|
33. |
Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ewwel aggravju. |
|
34. |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk, wara l-implimentazzjoni (fakultattiva) tal-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid li twassal għal deċiżjoni konfermattiva b’kontenut identiku li tissostitwixxi l-ewwel deċiżjoni, il-bank ikkonċernat jistax jirrinunzja milli jikkontesta din id-deċiżjoni konfermattiva quddiem il-Qorti Ġenerali jekk huwa jkun diġà kkontesta d-deċiżjoni inizjali (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt B). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva u l-assenza ta’ kontestazzjoni tagħha humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni ż-żamma tal-interess ġuridiku ta’ dan il-bank fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali. F’dan il-kuntest, għandu qabel kollox jiġi eżaminat jekk, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, id-deċiżjoni konfermattiva tissostitwixxix id-deċiżjoni inizjali b’effett retroattiv jew għall-futur biss (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt C). |
B. Obbligu li jiġi ppreżentat rikors għal annullament addizzjonali kontra d‑deċiżjoni konfermattiva?
|
35. |
Il-Qorti Ġenerali setgħet tassumi, fid-digriet appellat, li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE jintemm fil-każ biss li huma kellhom jikkontestaw ukoll id-deċiżjoni konfermattiva bl-istess kontenut. Madankollu, din id-deċiżjoni konfermattiva tista’ titqies bħala att purament repetittiv jew konfermattiv, nieqes minn effetti legali awtonomi, b’tali mod li bl-ebda mod ma setgħet tiġi kkontestata. |
|
36. |
Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 għandhom għalhekk jiġu interpretati fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tal-klassifikazzjoni sistematika tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt li jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. |
1. Proċedura amministrattiva interna fakultattiva ta’ eżami mill‑ġdid u possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad‑deċiżjoni inizjali jew tad‑deċiżjoni konfermattiva
|
37. |
Il-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE tista’ ssir biss, skont l-Artikolu 24(1) u (5) tar-Regolament Nru 1024/2013, fuq talba ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tkun destinatarja ta’ deċiżjoni tal-BĊE jew li tkun direttament u individwalment ikkonċernata minnha ( 9 ). Kif sar fil-kawża ineżami, bank jista’ għalhekk jitlob eżami mill-ġdid mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta’ deċiżjoni indirizzata lilu li tirtiralu l-awtorizzazzjoni. L-eżami mill-ġdid għandu jindirizza l-konformità proċedurali u sostantiva ta’ tali deċiżjoni ma’ dan ir-regolament. |
|
38. |
Minn dan jirriżulta li l-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid, minn naħa, hija fakultattiva u, min-naħa l-oħra, isservi l-protezzjoni ġudizzjarja tal-bank ikkonċernat. |
|
39. |
Kuntrarjament għall-proċeduri interni ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ appell li jikkonċernaw deċiżjonijiet meħuda minn numru kbir ta’ korpi jew ta’ organi oħra tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tal-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid għalhekk ma hijiex kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati tal-Unjoni fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 10 ). |
|
40. |
F’dan ir-rigward, it-teknika leġiżlattiva magħżula fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 hija distinta b’mod partikolari minn dik prevista fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ( 11 ), li hija wkoll ibbażata fuq il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Ċertament, l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament jirregola dritt ta’ appell simili tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi direttament u individwalment ikkonċernati quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. Madankollu, skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, “[k]awżi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament […] jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija [fl-Artikolu 28]” ( 12 ). |
|
41. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex dispożizzjoni analoga fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 għall-BĊE, li hija istituzzjoni awtonoma tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) TUE. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 24(11) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi espressament li “[d]an l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”, jiġifieri, b’mod partikolari, li jiġi eżerċitat id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 263 TFUE. |
|
42. |
Bank li l-awtorizzazzjoni tiegħu tiġi rtirata permezz ta’ deċiżjoni tal-BĊE għandu għalhekk, bħala prinċipju, l-għażla jew li jikkontesta din id-deċiżjoni direttament quddiem il-Qorti Ġenerali jew li jirrinunzja għal dan u minflok jitlob lill-BĊE l-implimentazzjoni tal-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid sabiex sussegwentement jikkontesta quddiem il-qrati tal-Unjoni d-deċiżjoni konfermattiva tal-BĊE, jew li jagħmel it-tnejn li huma. |
|
43. |
Il-possibbiltà li ma tiġix ikkontestata d-deċiżjoni inizjali fil-każ ta’ talba għal proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid hija kkonfermata mit-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013. Ċertament, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(8) ta’ dan ir-regolament, tali talba ma għandhiex effett sospensiv ( 13 ) u lanqas ma tista’ tissospendi l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, fi tmiem il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni konfermattiva li jew tħassar jew tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali. Għalhekk, anki jekk jitqies li, fil-frattemp, id-deċiżjoni inizjali ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati, il-BĊE huwa obbligat iħassarha jew jissostitwixxiha. Il-bank ikkonċernat mill-irtirar tal-awtorizzazzjoni jista’ għalhekk sempliċement jikkontesta d-deċiżjoni konfermattiva. Fil-fatt, din id-deċiżjoni stess tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament peress li tipproduċi effetti legali awtonomi (punti 47 et seq. iktar ’il quddiem). |
|
44. |
B’kuntrast ma’ dan, ma huwiex ċar jekk, bħal fil-kawża ineżami, anki wara talba għal proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid, il-bank ikkonċernat għandux jikkontesta quddiem qorti d-deċiżjoni konfermattiva li tirriżulta, sabiex jiġu eliminati l-effetti legali tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, meta din id-deċiżjoni konfermattiva tkun materjalment identika għad-deċiżjoni inizjali u meta din tal-aħħar tkun diġà s-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn dan il-bank. |
|
45. |
La t-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, li tipprovdi li d-deċiżjoni konfermattiva adottata wara proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid “tissostitwixxi” d-deċiżjoni inizjali “bl-istess kontenut”, u lanqas dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprovdu informazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati f’iktar dettall l-eventwali effetti legali ta’ din id-deċiżjoni konfermattiva. |
2. Obbligu li tiġi kkontestata d‑deċiżjoni konfermattiva minkejja l‑kontestazzjoni tad‑deċiżjoni inizjali?
|
46. |
Ċertament, id-deċiżjoni konfermattiva tissodisfa, bħala prinċipju, b’analoġija mad-deċiżjoni inizjali, il-kundizzjonijiet ta’ deċiżjoni vinkolanti fir-rigward tad-destinatarju tagħha, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, minħabba n-natura purament repetittiva jew konfermattiva tagħha, din tistax tipproduċi wkoll effetti legali vinkolanti awtonomi fir-rigward tal-bank ikkonċernat meta l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun diġà ġiet irtirata permezz tad-deċiżjoni inizjali b’kontenut identiku (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt (a)). Jekk dan ikun il-każ, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jkunu eventwalment naqsu milli jikkontestaw id-deċiżjoni konfermattiva quddiem il-qorti fit-termini mogħtija (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt (b)). Għall-kuntrarju, kieku d-deċiżjoni konfermattiva kellha titqies bħala att purament konfermattiv, hija ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt (c)). |
a) Id‑deċiżjoni konfermattiva bħala att li essenzjalment jista’ jiġi kkontestat?
|
47. |
Huwa biss att li jipproduċi effetti legali vinkolanti u li jaffettwa l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. Il-kwistjoni dwar jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jekk jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi u tal-kontenut tiegħu. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu ( 14 ). |
|
48. |
Fir-rigward tal-effett ta’ sostituzzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, ma jidhirlix li hemm dubju li din id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali awtonomi. Fil-fatt, is-sostituzzjoni espressament ordnata mil-leġiżlatur tal-Unjoni – irrispettivament minn jekk hijiex retroattiva jew ex nunc (punti 66 et seq.) – għandha l-konsegwenza li l-effetti legali tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ordnata mid-deċiżjoni inizjali (issostitwita) jibqgħu fis-seħħ. Id-deċiżjoni inizjali, min-naħa tagħha, tista’, bis-saħħa tas-sostituzzjoni tagħha, tipproduċi dawn l-effetti legali biss sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni konfermattiva, iżda mhux iktar fit-tul. Dan jimplika bidla sinjifikattiva fis-sitwazzjoni legali tal-bank ikkonċernat, anki jekk il-kontenut tad-deċiżjoni inizjali u tad-deċiżjoni konfermattiva jkun identiku. |
|
49. |
Konsegwentement, id-deċiżjoni konfermattiva hija, bħala prinċipju, is-suġġett xieraq ta’ rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, din tista’ ssir inkontestabbli wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
b) Nuqqas tal‑preżentata ta’ rikors kontra d‑deċiżjoni konfermattiva
|
50. |
Madankollu, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza naqsu milli jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni konfermattiva fil-forma dovuta u fit-termini mogħtija ( 15 ). Din għalhekk saret inkontestabbli u definittiva. |
|
51. |
Fil-fatt, la mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżultaw indizji li r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni inizjali jestendi awtomatikament għad-deċiżjoni konfermattiva bl-istess kontenut li tissostitwixxiha. Sabiex isir dan, kien pjuttost meħtieġ li jiġu adattati fit-termini t-talbiet tar-rikors, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jew li jiġi ppreżentat rikors ġdid ( 16 ). Madankollu, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors – li skont ġurisprudenza stabbilita huwa essenzjali u ma jistax jiġi estiż ( 17 ) – skada fil-kawża ineżami. Fl-assenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lanqas ma hemm lok li ssir restitutio in integrum ( 18 ). |
|
52. |
Ċertament, fil-kuntest tal-irtirar u tas-sostituzzjoni ta’ att, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tista’ tistaqsi lir-rikorrent jekk, wara l-att ta’ sostituzzjoni, għandux l-intenzjoni jadatta t-talbiet tiegħu u jindirizzahom ukoll kontrih, kif jipprevedi l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ( 19 ). Madankollu, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali ma għamiltx dan u kien biss wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tad-deċiżjoni konfermattiva li l-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni inizjali kienx għadu jeżisti u jekk kienx hemm lok, jekk ikun il-każ, li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament. |
|
53. |
Huwa diffiċli li tali approċċ jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mad-dmir ta’ diliġenza u ta’ informazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-partijiet ( 20 ). Xorta jibqa’ l-fatt li l-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva hija imputabbli, prinċipalment, lir-rikorrenti fl-ewwel istanza rrappreżentati minn avukat. Dawn kienu liberament bdew il-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid b’mod parallel mat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Għalhekk huma setgħu raġonevolment jiġbru l-informazzjoni neċessarja dwar is-sitwazzjoni legali tagħhom u jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjoni konfermattiva ma ssirx definittiva fir-rigward tagħhom. |
|
54. |
Għalhekk huwa paċifiku li l-appellanti ma kinitx għadha tista’ tikkontesta l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, tal-inqas għall-perijodu wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni konfermattiva, permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra din tal-aħħar. |
c) Id‑deċiżjoni konfermattiva bħala att konfermattiv inkontestabbli?
|
55. |
Il-ġurisprudenza dwar l-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra atti purament konfermattivi ma jidhirlix li twassal għal konklużjoni differenti. |
|
56. |
Ċertament, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li rikors ippreżentat kontra att konfermattiv huwa inammissibbli meta dan l-att ma jkun fih ebda element ġuridiku jew fattwali ġdid meta mqabbel mal-att ikkonfermat ( 21 ). Madankollu, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-att ikkonfermat ikun sar definittiv fir-rigward tal-persuna kkonċernata, peress li ma kienx is-suġġett ta’ rikors ippreżentat fit-termini mogħtija. Fil-fatt, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jiġi evitat li rikors ippreżentat kontra l-att konfermattiv jevita t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li skada f’dak li jirrigwarda l-att ikkonfermat u, għaldaqstant, iċaħħdu min-natura definittiva tiegħu ( 22 ). Madankollu, fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni inizjali fit-termini mogħtija, u b’hekk din ma saritx definittiva. |
|
57. |
Minn dan isegwi li r-rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva, li l-kontenut tagħha huwa identiku, huwa ammissibbli. Fil-fatt, rikorrent jista’, f’tali ċirkustanzi, jippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-att ikkonfermat, kontra l-att konfermattiv jew kontra t-tnejn li huma ( 23 ). |
|
58. |
Sabiex jiġu kompletament eliminati l-effetti legali tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza għalhekk ma setgħux sempliċement jikkontestaw biss id-deċiżjoni inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
59. |
Madankollu, l-argument tal-BĊE li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom jikkontestaw id-deċiżjoni konfermattiva sabiex jiġġustifikaw ukoll iż-żamma tal-interess ġuridiku tagħhom kontra d-deċiżjoni inizjali għandu jiġi miċħud. Id-deċiżjoni konfermattiva issa tordna definittivament l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-appellanti. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-appellanti ma għadx għandha interess ġuridiku fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni inizjali setgħet taffettwa lill-appellanti sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni konfermattiva. Dan ikun il-każ jekk id-deċiżjoni konfermattiva tkun issostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali biss ex nunc. Madankollu, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma kienx il-każ ( 24 ). |
|
60. |
Għalhekk, ser ngħaddi biex neżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-tmiem tal-interess ġuridiku fir-rigward tal-eventwali effetti legali tad-deċiżjoni inizjali. |
C. Żamma tal‑interess ġuridiku fir‑rigward tad‑deċiżjoni inizjali?
1. Kriterji għaż‑żamma tal‑interess ġuridiku
|
61. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Dan ikun il-każ jekk l-annullament jista’ jagħtiha benefiċċju. Dan l-interess ġuridiku għandu jissussisti, bħala kundizzjoni essenzjali għall-ammissibbiltà tar-rikors, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-każ kuntrarju, ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ( 25 ). |
|
62. |
Ċertament, id-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE ġiet issostitwita bid-deċiżjoni konfermattiva, li l-kontenut tagħha huwa identiku, konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013. Madankollu, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jispiċċax neċessarjament meta l-att li huwa jikkontesta jieqaf milli jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Rikorrent jista’, għall-kuntrarju, iżomm interess li tiġi ddikjarata l-illegalità ta’ dan l-att għall-perijodu li matulu kien applikabbli u pproduċa effetti. Tali interess jista’ jibqa’ jeżisti, inter alia, fid-dawl ta’ eventwali rikors għad-danni ( 26 ). |
|
63. |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE pproduċietx effetti legali li affettwaw lill-appellanti sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni konfermattiva (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 2). Finalment, ser neżamina jekk u sa fejn annullament tad-deċiżjoni inizjali jista’ jagħtiha benefiċċju u b’hekk jiġġustifika ż-żamma tal-interess ġuridiku tagħha (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 3). |
2. Effett ex tunc tas‑sostituzzjoni tad‑deċiżjoni inizjali bid‑deċiżjoni konfermattiva?
|
64. |
L-appellanti tista’ tkompli tinvoka interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali biss jekk din tkun ipproduċiet effetti legali għad-detriment tagħha sas-sostituzzjoni tagħha bid-deċiżjoni konfermattiva. |
|
65. |
Huwa paċifiku li, man-notifika tagħha lir-rikorrenti fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE rtirat l-awtorizzazzjoni ta’ Nemea Bank b’effett immedjat. |
|
66. |
Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn id-deċiżjoni inizjali pproduċietx effetti legali sal-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva bl-istess kontenut li tissostwixxiha, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, tiddependi min-naħa tagħha fuq l-effetti legali ta’ din is-“sostituzzjoni”. |
|
67. |
L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sens li s-sostituzzjoni kienet retroattiva u neħħiet id-deċiżjoni inizjali ex tunc mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’mod ekwivalenti għal sentenza ta’ annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, la tirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, u lanqas mill-għanijiet jew mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
68. |
It-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013 sempliċement tindika li “[l-]abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata”. Għalhekk, il-formulazzjoni ma tindika l-ebda sostituzzjoni jew emenda retroattivi. |
|
69. |
Barra minn hekk, ma jidhirx li deċiżjoni konfermattiva għandha effetti ratione temporis differenti skont jekk tħassarx id-deċiżjoni inizjali jew tissostitwixxihiex billi tikkonferma jew temenda l-kontenut tagħha. Fil-fatt, lanqas tħassir jew sostituzzjoni ta’ emenda ma jistgħu jreġġgħu lura l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li diġà seħħ fil-forma inizjali tiegħu, u wisq inqas il-konsegwenzi negattivi għall-bank ikkonċernat, b’mod partikolari t-telf tal-fiduċja tal-klijenti u tal-investituri. |
|
70. |
Fil-każ ta’ effett ex tunc, il-bank ikkonċernat ma jkunx jista’ iktar, fl-assenza ta’ interess ġuridiku, jikkontesta permezz ta’ rikors għal annullament l-effetti legali dannużi tad-deċiżjoni inizjali li jkunu diġà ġew prodotti fil-konfront tiegħu f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha. Huwa jkollu jistrieħ biss fuq rikors għad-danni, li fil-kuntest tiegħu l-istħarriġ tal-legalità huwa suġġett għal kriterju iktar strett ( 27 ). Fil-fatt, sa fejn bank ikollu l-intenzjoni jikkontesta l-partijiet emendati tad-deċiżjoni inizjali ssostitwita, rikors għal annullament ippreżentat biss kontra d-deċiżjoni konfermattiva li temenda jkun ineffettiv. Tali lakuna fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
71. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 24(11) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li “[d]an l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja]”. Kif issostni l-appellanti, l-istħarriġ definittiv u vinkolanti tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-BĊE li jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ bank huwa rriżervat, skont l-Artikolu 263 TFUE, għall-qrati tal-Unjoni. Madankollu, effett ex tunc tad-deċiżjoni konfermattiva jippermetti lill-BĊE jirrestrinġi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni inizjali billi jissostitwixxiha. Dan ikun inkompatibbli mal-idea ewlenija li l-proċedura amministrattiva interna ta’ eżami mill-ġdid isservi l-protezzjoni ġudizzjarja (punti 37 et seq. iktar ’il fuq). Fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, għandu għalhekk jitqies ( 28 ) li l-qrati tal-Unjoni biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jannullaw, b’effett retroattiv, id-deċiżjoni inizjali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ( 29 ). |
|
72. |
Is-sostituzzjoni prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013 għalhekk jista’ jkollha biss effett ex nunc. Id-deċiżjoni inizjali ma hijiex eliminata retroattivament mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva bl-istess kontenut li tissostwixxiha, iżda hija kkonfermata minnha b’effett għall-futur biss u, sa ċertu punt, hija “assorbita” minnha. |
|
73. |
Din it-teknika leġiżlattiva hija analoga għal dik fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni dwar iċ-ċaħda ta’ appell mid-deċiżjoni tal-persuna li timpjega li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ( 30 ) u għal dik dwar it-trattament tal-appelli mill-Bord tal-Appell tal-ACER (punt 40 iktar ’il fuq ( 31 )), bid-differenza li, fiż-żewġ każijiet, il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża għandha tkun ippreċeduta minn proċedimenti ta’ appell, kif ukoll għal dik ta’ ċerti rikorsi amministrattivi fl-Istati Membri ( 32 ). |
|
74. |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjoni konfermattiva ssostitwixxiet b’mod retroattiv id-deċiżjoni inizjali u eliminatha mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li sentenza ta’ annullament ma tistax iktar tipproduċi effetti legali addizzjonali. |
3. Żamma tal‑interess ġuridiku fir‑rigward tad-deċiżjoni inizjali?
|
75. |
Issa ser neżamina, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx madankollu tikkonkludi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma setgħux jinvokaw iktar interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni inizjali. |
|
76. |
Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan ma huwiex manifestament il-każ. |
|
77. |
Minn naħa, ma jidhirx li huwa eskluż li stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inizjali, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, iwassal għall-annullament tagħha. Dan iwassal mhux biss għall-annullament retroattiv tad-deċiżjoni inizjali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, iżda l-BĊE jkollu wkoll, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, “jieħu l-miżuri neċessarji” sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza ta’ annullament. Peress li d-deċiżjoni konfermattiva għandha l-istess kontenut bħad-deċiżjoni inizjali, nikkunsidra li, bħala riżultat ta’ tali annullament, il-BĊE jkun saħansitra obbligat taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE li jirtira d-deċiżjoni konfermattiva – ivvizzjata bl-istess żball ta’ liġi – irrispettivament mill-inkontestabbiltà tagħha u n-nuqqas ta’ bażi legali rilevanti fir-Regolament Nru 1024/2013 u li jerġa’ jiddeċiedi dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ( 33 ). Konsegwentement, l-annullament tad-deċiżjoni inizjali jista’ tabilħaqq jipproduċi effetti legali u jkun ta’ benefiċċju għall-appellanti. |
|
78. |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita sew, iż-żamma tal-interess ġuridiku tista’ tkun ibbażata fuq il-fatt li sentenza ta’ annullament tista’ sservi l-għan li jiġi ppreparat rikors għad-danni ( 34 ). Għaldaqstant, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għad-danni hija suffiċjenti sabiex tibbaża tali interess ġuridiku, sa fejn dan ma jkunx ipotetiku ( 35 ). |
|
79. |
Fil-kawża ineżami, huwa minnu li r-rikorrenti fl-ewwel istanza diġà ressqu, b’mod parallel mat-talba tagħhom għal annullament, talba għad-danni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba għad-danni bħala manifestament inammissibbli minħabba li l-kundizzjonijiet formali rrikonoxxuti għal dan il-għan mill-ġurisprudenza ma kinux issodisfatti. Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tasal għal din il-konklużjoni, li hija s-suġġett tar-raba’ u tal-ħames aggravju (punti 87 sa 89 iktar ’il quddiem), ma jidhirx li huwa eskluż li l-appellanti tippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors ġdid għad-danni minħabba l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE. Dan huwa iktar u iktar evidenti peress li hija tattribwixxi d-dannu sostanzjali mġarrab minnha lill-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali li rtiratilha l-awtorizzazzjoni b’effett immedjat u għamlet l-attività ekonomika tagħha impossibbli minn dak il-mument. |
|
80. |
Il-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali interrompiet ukoll it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-preżentata ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-inqas sal-għeluq ta’ din il-proċedura ta’ appell. Għaldaqstant, rikors ġdid għad-danni jibqa’ possibbli. |
|
81. |
Konsegwentement, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE jagħti benefiċċju lill-appellanti. |
D. Konklużjoni intermedja dwar l‑ewwel aggravju
|
82. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkonkludi li kompla jeżisti l-interess ġuridiku tal-appellanti fl-eliminazzjoni tal-effetti legali immedjati dannużi tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE, fit-teħid mill-BĊE tal-miżuri sabiex jikseb jikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u fil-preparazzjoni ta’ rikors għad-danni. Il-Qorti Ġenerali injorat dan. Minn dan isegwi li ma kienx imissha ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Il-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma ppreżentawx rikors għal annullament, fil-forma dovuta u fit-termini mogħtija, kontra d-deċiżjoni konfermattiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
83. |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju, intiżi wkoll kontra l-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat (punti 2 u 5 iktar ’il fuq). |
|
84. |
Għaldaqstant hemm lok li l-kawża tintbagħat lura ( 36 ) quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu dwar it-talba għal annullament u fuq il-motivi mqajma insostenn tagħha. |
|
85. |
Madankollu, it-talba tal-appellanti intiża sabiex il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali b’kompożizzjoni differenti, fl-assenza ta’ indizji ta’ parzjalità, ma tistax tintlaqa’ ( 37 ). Il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza u ta’ informazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, imsemmi fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, ma huwiex biżżejjed sabiex iqajjem dubji serji dwar l-imparzjalità tagħha u sabiex jimmina l-fiduċja f’dan is-sens f’moħħ il-partijiet fil-kawża ( 38 ). |
|
86. |
Finalment, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż f’dak li jirrigwarda t-talba għal annullament li tinsab fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandha tiġi annullata. Peress li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament tikkostitwixxi parti separabbli u definittiva tat-tilwima li għandha tiġi deċiża, nipproponi, f’dan ir-rigward, li l-BĊE jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti. |
E. Fuq ir‑raba’ u l‑ħames aggravju dwar it‑talba għad‑danni
|
87. |
Fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet it-talba għad-danni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala manifestament inammissibbli, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ( 39 ). |
|
88. |
Fil-fatt, kuntrarjament għar-rekwiżiti formali rrikonoxxuti minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jinkludi biss talba għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 10 miljuni, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza saħansitra żiedu għal EUR 100 miljun fir-replika. Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi ( 40 ), ir-rikors ma jinkludix motivazzjoni suffiċjenti, u wisq inqas prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni diskrezzjonali ta’ dan tal-aħħar li jirtira l-awtorizzazzjoni lil Nemea Bank, jiġifieri illegalità li tirrigwarda ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, il-portata tad-dannu invokat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn din l-illegalità u dan id-dannu ( 41 ). |
|
89. |
Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati. |
VII. Konklużjoni
|
90. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju u tannulla d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament u qassmet l-ispejjeż relatati magħha bejn l-appellanti u l-BĊE (punti 1 u 3 tad-dispożittiv), tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż relatati mat-talba għal annullament li fir-rigward tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) ECB/SSM/2017 – 213800JENPXTUY75VSO/1 WHD‑2017-0003.
( 3 ) Konklużjonijiet fil-kawżi Pilatus Bank vs BĊE (C‑750/21 P u C‑256/22 P, EU:C:2023:431, punti 59 et seq.).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).
( 5 ) ECB/SSM/2017 – 213800JENPXTUY75VS 07/2.
( 6 ) Il-kwistjonijiet ġuridiċi li għandhom jiġu ttrattati f’din il-kawża tqajmu wkoll parzjalment fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE (C‑803/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:630). Madankollu, f’dik il-kawża, il-bank ikkonċernat kien ikkontesta wkoll id-deċiżjoni konfermattiva quddiem il-Qorti Ġenerali fil-forma dovuta u fit-termini mogħtija. Għal sitwazzjoni simili, ara s-sentenza definittiva tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER (T‑631/19, EU:T:2022:509, punti 16 sa 28). Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punti 58 et seq.), u tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T‑556/11, EU:T:2016:248) (ukoll definittiva).
( 7 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Pilatus Bank vs BĊE (C‑750/21 P u C‑256/22 P, EU:C:2023:431, punti 59 et seq.).
( 8 ) Punti 45 u 51 tad-digriet appellat. Ara wkoll il-motivazzjoni analoga tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Ukrselhosprom PCF u Versobank vs BĊE (T‑351/18 u T‑584/18, EU:T:2021:669, punti 80 sa 92). Din il-motivazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE (C‑803/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:630, punti 159 et seq.), minħabba n-nuqqas ta’ rilevanza għall-finijiet tal-għoti tad-deċiżjoni tagħha.
( 9 ) Ara wkoll il-formulazzjoni simili tal-premessa 64 tar-Regolament Nru 1024/2013.
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ appell tal-uffiċċji jew tal-korpi indipendenti tal-Unjoni li għandhom Bordijiet tal-Appell tagħhom stess, imsemmija fl-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea).
( 11 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER (T‑631/19, EU:T:2022:509, punti 16 sa 28) li saret definittiva.
( 13 ) Rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni inizjali lanqas ma jkollu effett sospensiv, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 278 TFUE. Għalhekk, bħala prinċipju, id-deċiżjoni inizjali tipproduċi l-effetti legali tagħha sa min-notifika tagħha lid-destinatarju, indipendentement mill-fatt li din tiġi kkontestata quddiem qorti, sakemm ir-rikorrenti ma jressqux b’suċċess talba għas-sospensjoni tal-imsemmija effetti abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 278 TFUE jew tat-tieni sentenza tal-Artikolu 24(8) tar-Regolament Nru 1024/2013.
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 62 u 63). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda BEI vs ClientEarth (C‑212/21 P u C‑223/21 P, EU:C:2022:1003, punt 47).
( 15 ) Kif jidher mit-tweġiba tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma kienu ressqu talba għall-annullament tad-deċiżjoni konfermattiva permezz ta’ posta elettronika informali mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali – li għaldaqstant kienet irregolari – iżda l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għaliha.
( 16 ) Fl-ordinamenti ġuridiċi bħal dak Ġermaniż, li fihom id-deċiżjoni konfermattiva “tassorbi” sa ċertu punt id-deċiżjoni inizjali (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il quddiem), dan mhux neċessarjament il-każ. Is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tal‑11 ta’ Novembru 2020‑8 C 22/19, Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht (NVwZ), 2021, p. 564, bin-nota ta’ Alexander Milstein, tipprovdi ħafna informazzjoni f’dan ir-rigward. Skont din is-sentenza, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi Ġermaniż ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża, iktar ’il quddiem il-“VwGO”) għandu ċertament, bħala prinċipju, jiġi osservat ukoll fil-każ ta’ emenda tar-rikors fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ emenda li tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjalment ikkontestata. Fil-fatt, minbarra d-dispożizzjonijiet speċjali tal-Artikolu 96(1) tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi Ġermaniż tas-Sigurtà Soċjali) u tal-Artikolu 68 tal-Finanzgerichtsordnung (il-Kodiċi Ġermaniż ta’ Proċedura Fiskali), ma hemmx emenda tar-rikors ipso jure meta d-deċiżjoni inizjali tiġi kkompletata jew issostitwita b’deċiżjoni ġdida (punti 21 sa 23 tas-sentenza). Madankollu, dan ma japplikax fir-rigward tal-inklużjoni ta’ deċiżjoni li temenda jew li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata meta l-elementi tal-leġiżlazzjoni li jkunu għadhom ikkontestati wara l-emenda jew is-sostituzzjoni jkunu indiviżibbli fid-dritt materjali. Trasposta għall-każ (bħal dak fil-kawża ineżami) tas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni konfermattiva li għandha l-istess kontenut, jista’ jitqies, fid-dritt Ġermaniż, li hemm tali indiviżibbiltà, b’tali mod li l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma kinitx neċessarja sabiex jiġi emendat ir-rikors.
( 17 ) Ara l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 52(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 18 ) Ara d-digrieti tas‑16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni (C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 41), u tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mendes de Almeida vs Il‑Kunsill (C‑576/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:826, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 42).
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq. Fil-punt 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tirrileva hija stess li dawn ir-rikorrenti lmentaw li ma rċevew ebda indikazzjoni min-naħa tagħha dwar in-neċessità li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva. Ara, fir-rigward ta’ każ paragunabbli ta’ talba għal modifika ta’ talbiet allegatament irregolari matul is-seduta, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, HX vs Il‑Kunsill (C‑423/16 P, EU:C:2017:848, punti 18 et seq.).
( 21 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara, fl-istess sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 69), u tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 33).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO (C‑63/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:406, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-istess japplika fil-każ li d-deċiżjoni inizjali tkun saret inkontestabbli fl-assenza tal-preżentata ta’ rikors fit-termini mogħtija. Fil-fatt, qabel ma jadotta d-deċiżjoni konfermattiva, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, iwettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-bank ikkonċernat. F’tali ċirkustanzi, rikors kontra l-att konfermattiv ikun ammissibbli; ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO (C‑63/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:406, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara l-punti 45 u 51 tad-digriet appellat.
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 55 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 40); ara, fl-istess sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 69 u 70).
( 27 ) B’mod partikolari, minħabba d-deċiżjoni diskrezzjonali tal-BĊE li jirtira l-awtorizzazzjoni (ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Pilatus Bank vs BĊE, C‑750/21 P u C‑256/22 P, EU:C:2023:431, punti 106 et seq.), il-bank ikkonċernat ikollu jipprova “ksur serju biżżejjed ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi”. Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punti 31 et seq.); tas‑27 ta’ April 2023, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:340, punt 113); u tas‑6 ta’ Lulju 2023, RQ vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑7/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:541, punti 55 et seq.).
( 28 ) B’kuntrast ma’ dan, tali regola espliċita tinsab fl-Artikolu 27(3) tal-Kodiċi Doganali (Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2)) li jippermetti l-irtirar retroattiv tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-irtirar previst fl-Artikolu 28 tal-Kodiċi Doganali japplika biss għall-futur, kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. B’hekk, l-Artikoli 240‑1 tal-Code des relations entre le public et l’administration (il-Kodiċi Franċiż dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Pubbliku u l-Amministrazzjoni) jagħmel distinzjoni espliċita bejn, minn naħa, it-tħassir (“abrogation”) ta’ att li jkollu effett għall-futur u, min-naħa l-oħra, l-irtirar (“retrait”) ta’ att li jkollu effett għall-passat. Skont l-Artikolu 48(1) u l-Artikolu 49(1) sa (3) tal-Bundesverwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Federali Ġermaniża dwar il-Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”), kemm l-atti amministrattivi illegali kif ukoll dawk legali jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu rtirati jew irrevokati, b’effetti jew għall-futur jew għall-passat.
( 29 ) F’sitwazzjonijiet oħra, bħal fid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma rrikonoxxietx l-irtirar b’effett retroattiv ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni: ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 32 et seq.). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 50 tad-digriet appellat insostenn tal-fehma kuntrarja tagħha ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.
( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO (C‑63/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:406, punti 29 et seq.), u tat‑3 ta’ Marzu 2022, WV vs SEAE (C‑162/20 P, EU:C:2022:153).
( 31 ) Ara l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942.
( 32 ) Ara, pereżempju, il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-VwGO, li jipprovdi li l-att amministrattiv inizjali, kif irriformulat mid-deċiżjoni dwar l-appell, għandu jkun is-suġġett tar-rikors għal annullament quddiem il-qorti amministrattiva. Bl-istess mod, l-Artikolu 66(4) tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz 1991 (il-Liġi Ġenerali Awstrijaka dwar il-Proċedura Amministrattiva tal‑1991) jipprovdi li l-awtorità tal-appell għandha tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu u għandha s-setgħa li tissostitwixxi l-opinjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni li tiddeċiedi fl-ewwel istanza, kemm fil-formulazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-motivazzjoni, u li temenda f’kull sens id-deċiżjoni appellata.
( 33 ) Dwar l-ammissibbiltà ġenerali tal-irtirar tal-atti illegali fid-dritt tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Repower vs EUIPO (C‑281/18 P, EU:C:2019:426, punti 28 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-punt 32, huwa jfakkar, inter alia, li għandhom jiġu bbilanċjati l-prinċipji kunfliġġenti ta’ ċertezza legali u ta’ legalità tal-amministrazzjoni. Madankollu, fil-kawża ineżami, xejn ma jindika għalfejn id-deċiżjoni konfermattiva għandha tiġi kkonfermata għal raġunijiet ta’ ċertezza legali wara annullament tad-deċiżjoni inizjali bl-istess kontenut. Dwar il-possibbiltà li jiġu rtirati atti illegali inkontestabbli, ara wkoll, pereżempju, l-Artikolu 48 tal-VwVfG.
( 34 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 69 u 70); tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 42); u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 40).
( 35 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 79), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 43).
( 36 ) Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 37 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 44 et seq.), u tad‑19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punti 41 et seq.)
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Punt 3 tad-dispożittiv u l-punti 59 et seq. tad-digriet appellat.
( 40 ) Punt 62 tad-digriet appellat.
( 41 ) F’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, EMA vs European Dynamics Belgium et (C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27.