KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fid‑9 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑156/22 sa C‑158/22

TAP Portugal

vs

flightright GmbH (C‑156/22)

Myflyright GmbH (C‑157/22 u C‑158/22)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil‑Landgericht Stuttgart (il‑Qorti Reġjonali, Stuttgart, il‑Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Mewta f’daqqa u imprevedibbli ta’ kopilota – Avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru li jopera – Avveniment li jaqa’ kompletament barra mill-kontroll effettiv ta’ trasportatur tal-ajru li jopera – Avveniment estern – Kontroll fuq l-avveniment – Prevedibbiltà tal-avveniment”

1.

Walter Alexander Raleigh darba qal: “Il-magna hija l-qalb ta’ ajruplan iżda l-bdot huwa r-ruħ tiegħu”.

2.

Iż-żewġ komponenti huma essenzjali u għandhom ikunu suġġetti għal kontroll ugwali għall-funzjonament tajjeb ta’ kull trasportatur tal-ajru li jopera. Fir-rigward tal-bdoti, id-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa numru kbir ta’ rekwiżiti, inklużi dawk dwar is-saħħa tal-bdoti, sabiex tiġi żgurata provvista mhux interrotta ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru.

3.

Madankollu, meta jkun hemm tfixkil, ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 261/2004”), kif jidher ċar mill-premessa 1 tiegħu, huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, inkluż id-dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira.

4.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn kumpanniji li jipprovdu assistenza legali lil passiġġieri tal-ajru, flightright GmbH (Kawża C‑156/22) u Myflyright GmbH (Kawżi C‑157/22 u C‑158/22), u TAP Portugal, trasportatur tal-ajru li jopera, dwar ir-rifjut ta’ dan it-trasportatur li jikkumpensa lill-passiġġieri għall-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom. It-tliet kawżi magħquda jirrigwardaw l-istess titjira.

5.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika jekk il-mewta f’daqqa ta’ kopilota ftit ta’ ħin qabel it-titjira skedata tistax tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja skont din id-dispożizzjoni.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Regolament Nru 261/2004

6.

Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkustanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

7.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(c)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

8.

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi ammonti speċifiċi ta’ kumpens skont id-distanza tat-titjira.

B.   Regolament (UE) Nru 965/2012

9.

L-Anness III tar-Regolament Nru 965/2012 ( 3 ) jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-organizzazzjoni għall-operazzjonijiet bl-ajru li għandu jissodisfa l-operatur marbuta mat-taħriġ, mal-esperjenza u mal-kwalifiki tal-ekwipaġġ tat-titjira (Il-Parti-ORO). Is-Sottotaqsima ORO.FC.200 (Kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tat-titjira) tat-Taqsima 2 (Rekwiżiti addizzjonali għall-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru) tas-Subparti FC (Ekwipaġġ tat-titjira) tipprovdi:

“[…]

(c)

Rekwiżiti speċifiċi għall-operazzjonijiet b’ajruplan imwettqin skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (IFR) jew billejl.

(1)

L-għadd minimu ta’ ekwipaġġ tat-titjira għandu jkun ta’ żewġ bdoti għall-ajruplani kollha li jaħdmu b’turboskrun li għandhom konfigurazzjoni massima operattiva ta’ sits tal-passiġġieri (MOPSC) ta’ iktar minn disa’ sits u għall-ajruplani kollha li jaħdmu b’turboġett.

[…]”

10.

L-Anness IV tar-Regolament Nru 965/2012 jirregola l-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru (il-Parti-CAT). Is-Sottotaqsimiet (b) u (c) tal-punt CAT.GEN.MPA.100 (Responsabbiltajiet tal-ekwipaġġ) tat-Taqsima 1 (Inġenji tal-ajru li jaħdmu bil-mutur) tas-Subparti A (Rekwiżiti Ġenerali) jipprovdu:

“(b) Il-membru tal-ekwipaġġ għandu:

[…]

(4)

ikun konformi mal-limitazzjonijiet kollha fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz (FTL) u mar-rekwiżiti tal-mistrieħ kollha applikabbli għall-attivitajiet tiegħu;

(5)

meta jwettaq xogħlijiet għal iktar minn operatur wieħed:

(i)

iżomm ir-rekords individwali tiegħu marbutin mal-ħinijiet tat-titjir u tas-servizz u mal-perjodi ta’ mistrieħ, kif imsemmi fir-rekwiżiti applikabbli tal-FTL; u

(ii)

jagħti lil kull operatur id-dejta meħtieġa sabiex jiskeda l-attivitajiet skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-FTL.

(c) Il-membru tal-ekwipaġġ m’għandux iwettaq xogħlijiet fuq inġenju tal-ajru:

[…]

(3)

jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti mediċi applikabbli;

(4)

jekk ikollu dubju dwar jekk hux kapaċi jaqdi il-kompiti assenjati lilu; jew

(5)

jekk hu jkun jaf jew jissuspetta li qed ibati minn gћeja […]”

II. Il-fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

11.

Fis‑17 ta’ Lulju 2019, TAP Portugal kien it-trasportatur tal-ajru li kellu jopera t-titjira TP597, bi tluq minn Stuttgart (il-Ġermanja) fis‑6.05 ħin lokali ta’ Lisbona (il-Portugall) (iktar ’il quddiem it-“titjira kkonċernata”).

12.

Fl-istess jum, fl-4.15, il-kopilota li kellu jopera t-titjira kkonċernata nstab mejjet fil-kamra tal-lukanda tiegħu fi Stuttgart. L-ekwipaġġ kollu kien taħt xokk u ddikjara lilu nnifsu inkapaċi li jtir. L-ebda persunal ta’ sostituzzjoni ma kien disponibbli, peress li t-titjira kkonċernata kellha sseħħ barra mill-“bażi tat-TAP”. Din it-titjira ġiet ikkanċellata.

13.

Ekwipaġġ ta’ sostituzzjoni telaq minn Lisbona fuq titjira li telqet fil-11.25, u waslet Stuttgart fit-15.20. Il-passiġġieri ġew ittrasportati fuq titjira ta’ sostituzzjoni TP593, li telqet għal Lisbona fl-istess jum fil‑16.40.

14.

Fit-tliet kawżi kollha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu kumpens mingħand TAP Portugal skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

15.

TAP Portugal ġiet ikkundannata mill-Amtsgericht Nürtingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Nürtingen, il-Ġermanja) għall-ħlas tal-kumpens mitlub minn flightright u Myflyright, minħabba li, l-istess bħal marda gravi f’daqqa, il-mewta f’daqqa u imprevedibbli ta’ membru tal-ekwipaġġ ma tikkostitwixxix avveniment estern li jaffettwa lit-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni, sa fejn din tifforma parti mir-riskji inerenti għall-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru.

16.

TAP Portugal appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja). Skont dik il-qorti, il-mewta f’daqqa tal-kopilota, li kien raġel tal-familja ta’ mezza età u li kien għadda mill-eżamijiet mediċi perijodiċi mingħajr ebda diffikultà, kienet assolutament imprevedibbli u sorprendenti għal kulħadd ta’ madwaru.

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri f’kull waħda mit-tliet kawżi u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ċirkustanza straordinarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta titjira minn ajruport li jinsab barra mill-bażi tat-trasportatur tal-ajru effettiv tiġi kkanċellata peress li, ftit qabel it-titjira, membru tal-ekwipaġġ assenjat fuq din it-titjira (fil-każ ineżami: il-kopilota), li jkun għadda mill-eżamijiet mediċi preskritti regolarment mingħajr ebda restrizzjoni, imut f’daqqa u b’mod imprevedibbli għat-trasportatur tal-ajru, jew jimrad serjament b’mod li ma jkunx jista’ jwettaq it-titjira?”

18.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ April 2022, il-Kawżi C‑156/22 sa C‑158/22 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-partijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn flightright, TAP Portugal, il-Gvern Pollakk u dak Portugiż, u kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III. Evalwazzjoni

A.   Osservazzjonijiet preliminari

20.

Nosserva, l-ewwel, li d-domanda tat-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda xenarju fejn membru tal-ekwipaġġ huwa “marid serjament” fis-sens li “ma jistax jopera t-titjira”. F’dan ir-rigward, nirrileva li dawn is-settijiet odjerni ta’ proċeduri jikkonċernaw il-mewta f’daqqa ta’ kopilota. Għaldaqstant, minkejja l-effetti simili li l-marda gravi ta’ membru tal-ekwipaġġ ikollha fuq it-twettiq ta’ titjira, dan ix-xenarju jidher ipotetiku fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali.

21.

It-tieni, sa fejn din il-kawża tikkonċerna l-mewta ta’ kopilota, infakkar li l-punt (c)(1) tas-Sottotaqsima ORO.FC.200 tar-Regolament Nru 965/2012 jeżiġi l-preżenza ta’ mill-inqas żewġ bdoti sabiex titjira tkun operata. Fil-fatt, f’dan il-każ, anki jekk il-bqija tal-ekwipaġġ kien f’pożizzjoni li jopera it-titjira kkonċernata, ir-rekwiżit tal-preżenza ta’ żewġ bdoti fl-ekwipaġġ tat-titjira ma kienx issodisfatt u, għal din ir-raġuni, din it-titjira ma setgħetx tkun operata. Barra minn hekk, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-mewta f’daqqa tal-kopilota kkonċernat bħala l-kawża tal-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata.

22.

Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita r-risposta tagħha għall-kanċellazzjoni tat-titjira minħabba l-mewta f’daqqa tal-kopilota kkonċernat mingħajr ma tindirizza l-kwistjoni tal-effett indirett ta’ din il-mewta fuq il-membri l-oħra tal-ekwipaġġ. Fi kwalunkwe każ, peress li l-kawża eżatta tal-kanċellazzjoni tat-titjira hija kwistjoni ta’ fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk it-titjira kkonċernata ġietx ikkanċellata biss minħabba l-mewta tal-kopilota kkonċernat jew minħabba l-kombinazzjoni ta’ dan l-avveniment tal-aħħar mal-inabbiltà tal-ekwipaġġ li jopera t-titjira kkonċernata.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda fis-sens li hija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kanċellazzjoni ta’ titjira, li kellha titlaq minn ajruport barra mill-bażi tat-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni, minħabba l-mewta f’daqqa tal-kopilota li kien għadda mill-eżamijiet mediċi regolari mingħajr restrizzjoni, taqax fl-ambitu ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li dan l-avveniment seħħ ftit qabel it-titjira u kien imprevedibbli għal dan it-trasportatur tal-ajru.

B.   Fuq iż‑żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill‑ġurisprudenza

24.

Qabelxejn, infakkar li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li l-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens min-naħa tat-trasportatur tal-ajru li jopera, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunux ġew informati minn qabel dwar il-kanċellazzjoni fit-termini previsti fl-Artikolu 5(1)(c)(i) sa (iii) ta’ dan ir-regolament.

25.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 tiegħu, jeħles lit-trasportatur tal-ajru li jopera minn dan l-obbligu jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova li l-kanċellazzjoni hija dovuta għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu. Fid-dawl tal-għan stabbilit fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 5(3) tar-regolament jippermetti deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 4 ).

26.

Skont ġurisprudenza stabbilita, avvenimenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, dawn ma jkunux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat li jopera (l-ewwel kundizzjoni) u ma jkunux jaqgħu taħt il-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur (it-tieni kundizzjoni). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u li l-osservanza tagħhom għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni każ b’każ ( 5 ), nosserva li, fl-evalwazzjoni tagħha, hija eżaminat suċċessivament kull kundizzjoni, anki jekk hija kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni ma kinitx issodisfatta ( 6 ). Jidher għalhekk li ż-żewġ kundizzjonijiet huma, fir-realtà, supplimentari; l-ewwel waħda tirrigwarda, b’mod iktar ġenerali, ir-relazzjoni bejn il-qasam ta’ attività affettwat u l-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru li jopera ( 7 ) u t-tieni tirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni dwar jekk l-avveniment inkwistjoni jaqax kompletament barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera. Madankollu, peress li skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, ser neżaminahom bħala tali.

27.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza dwar il-kontenut ta’ u r-relazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet ma hijiex dejjem konsistenti. Għaldaqstant, f’din il-kawża, ser neżamina dawn il-kundizzjonijiet kif imfakkra u ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza reċenti tagħha tal-Awla Manja, Airhelp ( 8 ).

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-mewta f’daqqa ta’ kopilota tistax tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

1. Avveniment mhux inerenti għall-eżerċizzju normali tal‑attività tat‑trasportatur tal‑ajru li jopera

29.

Taħt din il-kundizzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kwistjonijiet dwar il-persunal tat-trasportatur tal-ajru li jopera jistgħux jikkostitwixxu, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ dan it-trasportatur tal-ajru ( 9 ).

30.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-problemi tekniċi tal-inġenju tal-ajru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Wallentin-Hermann ( 10 ), li ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ avveniment jistgħu jiġu kklassifikati bħala “straordinarji” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 biss jekk dawn jirrigwardaw avveniment li, bħal dawk elenkati fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat li jopera u ma jaqax taħt il-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn il-funzjonament ta’ inġenji tal-ajru jqajjem inevitabbilment problemi tekniċi, it-trasportaturi tal-ajru jaffaċċjaw tali problemi fl-iżvolġiment tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant, problemi tekniċi, li jsiru magħrufa waqt il-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru jew minħabba l-assenza ta’ tali manutenzjoni, ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom innifishom, “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Għall-kuntrarju, ċerti avvenimenti, bħal difett moħbi ta’ manifattura, li jippreġudika s-sigurtà tat-titjiriet, jew id-danni kkawżati lill-inġenji tal-ajru minn atti ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu, jistgħu ma jkunux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaqgħu lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu.

31.

Il-kunċett ta’ inerenza ġie ppreċiżat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Van der Lans ( 11 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li interruzzjoni kkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ inġenju tal-ajru tikkostitwixxi avveniment mhux mistenni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament kumplessa ħafna tal-inġenju tal-ajru, li huwa operat mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni, b’mod partikolari f’kundizzjonijiet klimatiċi, ta’ spiss diffiċli, jew anki estremi, peress li, barra minn hekk, l-ebda komponent ta’ inġenju tal-ajru ma huwa inalterabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru li jopera, dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ dak it-trasportatur, peress li t-trasportaturi tal-ajru normalment jaffaċċjaw problemi tekniċi mhux mistennija.

32.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-problemi tekniċi tal-inġenju tal-ajru huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru li jopera, peress li dan it-trasportatur jaffaċċja, fil-kuntest normali ta’ dawn l-attivitajiet, problemi tekniċi mhux mistennija. Imbagħad ser neżamina sa fejn il-kwistjonijiet relatati mal-persunal huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

33.

Fis-sentenza fil-kawża Airhelp, iċċitata iktar ’il fuq ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk strajk tal-bdoti organizzat f’kuntest legali huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ impriża tat-trasport bl-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li strajk li l-għan tiegħu huwa limitat għall-kisba min-naħa ta’ impriża tat-trasport bl-ajru ta’ żieda fir-remunerazzjoni tal-bdoti, bidla fil-ħinijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ u prevedibbiltà ikbar tal-ħinijiet tax-xogħol, jikkostitwixxi avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ din l-impriża, b’mod partikolari meta tali strajk jiġi organizzat f’kuntest legali. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li strajk jibqa’ wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom in-negozjati kollettivi jistgħu jimmanifestaw ruħhom u, għaldaqstant, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-persuna li timpjega kkonċernata.

34.

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-miżuri li jikkonċernaw il-persunal tat-trasportatur tal-ajru li jopera jaqgħu taħt il-ġestjoni normali tal-attivitajiet ta’ dak it-trasportatur. Minn din is-sentenza jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-relazzjoni bejn iż-żona ta’ attività affettwata, jiġifieri l-qasam tal-persunal, u l-attivitajiet ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

35.

Din l-interpretazzjoni għandha tapplika f’dan il-każ, peress li l-ippjanar tal-ekwipaġġi u l-kwistjonijiet tal-persunal huma essenzjali għat-trasportaturi tal-ajru. Fir-rigward tal-ippjanar tal-ekwipaġġ, il-kumpanniji għandhom isegwu l-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni, il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-aspettattivi personali ( 13 ). L-ippjanar tal-ekwipaġġ jinvolvi operazzjonijiet kumplessi, bħall-pairing tal-ekwipaġġ, it-tfassil tar-roster, il-monitoraġġ u t-taħriġ, sabiex jiġu indikati xi aspetti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti bħall-ġestjoni tar-riskju ta’ għejja ( 14 ). Assenza f’daqqa ta’ membru tal-ekwipaġġ, bħal kopilota, għandha, bħala prinċipju, tkun prevista fl-ippjanar tal-ekwipaġġ ( 15 ).

36.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-kawża eżatta tal-assenza f’daqqa tal-kopilota ma għandhiex tkun rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-assenza bħala avveniment “inerenti”. Fil-fatt, meta jkun hemm probabbiltà li jseħħ tali avveniment ( 16 ), dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-organizzazzjoni u fil-ġestjoni tas-sistemi tat-trasportatur tal-ajru li jopera. Għalhekk, indipendentement minn jekk l-assenza f’daqqa ta’ kopilota tkunx dovuta għal raġunijiet ta’ saħħa, ta’ mewt jew għal raġunijiet oħra, din għandha l-effett li t-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni għandu jissostitwixxi lill-persuna assenti jew jikkanċella t-titjira.

37.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-assenza f’daqqa ta’ kopilota tikkostitwixxi parti ordinarja mill-attività ta’ trasportatur tal-ajru li jopera u tali avveniment, indipendentement mill-kawża tiegħu, għandu jitqies bħala inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru. Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi ( 17 ), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi r-raġunament tiegħi, ma jkunx hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni. Sabiex inkun eżawrjenti, madankollu, ser neżamina t-tieni kundizzjoni, jiġifieri jekk il-mewta ta’ kopilota hijiex avveniment li jaqa’ barra mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni.

2. Avveniment li jaqa’ kompletament barra mill‑kontroll effettiv tat-trasportatur tal‑ajru li jopera

38.

Fis-sentenza fil-kawża Airhelp, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat erba’ kriterji sabiex tiddetermina jekk avveniment għandux jiġi kkunsidrat bħala avveniment li jaqa’ kompletament barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. F’dan il-każ, huma biss tlieta minn dawn il-kriterji li huma rilevanti, peress li r-raba’ jirrigwarda speċifikament il-kwistjonijiet legali li jirriżultaw mid-dritt fundamentali ta’ strajk stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li kien inkwistjoni f’dik il-kawża ( 18 ).

39.

Permezz ta’ dawk it-tliet kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod iktar partikolari, l-ewwel, jekk l-avveniment huwiex prevedibbli, it-tieni, jekk il-persuna li timpjega għandhiex ċertu kontroll fuq dan l-avveniment u, it-tielet, jekk l-avveniment huwiex estern għat-trasportatur tal-ajru li jopera. Dawn it-tliet kriterji jidhru kumulattivi u jikkostitwixxu kriterji minimi għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ avveniment li jaqa’ kompletament barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Ser neżamina dawn il-kriterji f’ordni kuntrarju għal dak espost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Airhelp, peress li, loġikament, il-kwistjoni dwar jekk avveniment huwiex estern jew intern għat-trasportatur tal-ajru li jopera tippreċedi l-kwistjoni dwar jekk dan l-avveniment jistax jiġi kkontrollat minn dan it-trasportatur tal-ajru.

a) Avveniment estern

40.

Fis-sentenza fil-kawża Airhelp, il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” għandha tkun distinta minn dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għat-trasportatur tal-ajru li jopera.

41.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-avvenimenti esterni, dawn l-avvenimenti jinkludu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kolliżjoni bejn inġenju tal-ajru u għasfur ( 19 ); il-ħsara fit-tajers ta’ inġenju tal-ajru minħabba oġġett estern, bħal fdal mobbli fuq runway ta’ ajruport ( 20 ); il-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport li jwassal għall-għeluq tagħha ( 21 ); kolliżjoni bejn il-lift ta’ inġenju tal-ajru stazzjonat u l-alerun ta’ inġenju tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru oħra, ikkawżata mill-moviment ta’ dan tal-aħħar ( 22 ); difett latenti fil-manifattura jew atti ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu ( 23 ).

42.

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li l-element komuni għall-avvenimenti esterni huwa li dawn “jirriżultaw minn avveniment naturali jew minn att ta’ terz, bħal trasportatur bl-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jinterferixxi ma’ attività ta’ titjira jew ajruport” ( 24 ). Fir-rigward ta’ avvenimenti li jirriżultaw minn avveniment naturali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew minħabba eruzzjoni vulkanika, bħal dik tal-vulkan Eyjafjallajökull, jikkostitwixxi “ċirkustanzi straordinarja” ( 25 ). Fir-rigward ta’ avvenimenti kkawżati minn att ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-azzjoni ta’ strajk ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jew tal-persunal tal-ajruport tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-regolament, sa fejn tali azzjoni ta’ strajk ma taqax fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-attività ta’ dan it-trasportatur u għalhekk taqa’ barra mill-kontroll effettiv tiegħu ( 26 ).

43.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-avvenimenti interni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li strajk mibdi u osservat mill-membri tal-persunal stess tal-impriża tat-trasport tal-ajru rilevanti, inkluż fil-każ ta’ strajk mibdi fuq sejħa sindakali, jikkostitwixxi avveniment “intern” għal din l-impriża sa fejn dawn jaġixxu fl-interess tal-ħaddiema ta’ din l-impriża ( 27 ). Ninnota li fil-passat il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li strajk, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ sindakati jew ta’ rappreżentanti tal-persunal, ikkawżat mit-tħabbir tar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija ma jikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja” ( 28 ).

44.

F’dan il-każ, it-trasportatur jista’ jitqies li huwa responsabbli sabiex jorganizza l-persunal tiegħu sabiex jipprevjeni kull tfixkil minħabba mard jew inkapaċitajiet oħra. Kif diġà ntqal, l-organizzazzjoni tal-persunal tiegħu tikkostitwixxi ġestjoni normali ta’ kuljum tat-trasportatur tal-ajru ( 29 ). Minn dan isegwi li l-ġestjoni normali ta’ kuljum taqa’ taħt il-kategorija tal-avvenimenti “interni”. Għalhekk, meta l-mewta ta’ kopilota tirriżulta mill-azzjoni (jew min-negliġenza) tat-trasportatur tal-ajru li jopera, jiġifieri, meta l-mewta ta’ kopilota tkun marbuta max-xogħol, din tkun avveniment kompletament intern. Għall-kuntrarju, meta l-mewta ta’ kopilota sseħħ lil hinn mix-xogħol u ma tkunx ikkawżata minnu, jiena naħseb, bħall-Kummissjoni, li din għandha tinftiehem bħala “avveniment naturali” u, b’hekk, ikklassifikata bħala avveniment “estern”.

b) Kontroll, sa ċertu punt, fuq l‑avveniment inkwistjoni

45.

Fis-sentenza fil-kawża Airhelp, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li avveniment li jaqa’ kompletament fil-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat huwa avveniment fejn dan it-trasportatur għandu, bħala prinċipju, mezzi sabiex jipprepara għalih u, jekk ikun il-każ, li jtaffi l-konsegwenzi tiegħu, b’tali mod li l-persuna li timpjega żżomm il-kontroll fuq l-avvenimenti sa ċertu punt ( 30 ).

46.

F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru, it-trasportaturi tal-ajru għandhom iwettqu proċeduri tekniċi u amministrattivi stretti fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant, bħala prinċipju, trasportatur tal-ajru li jopera ma jistax jallega li huwa ma jeżerċita ebda kontroll fuq l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-persunal tiegħu. Fil-fatt, trasportatur tal-ajru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjeni kull kwistjoni li tista’ taffettwa lill-membri tal-ekwipaġġ tiegħu, b’mod partikolari dak kollu li jista’ jaffettwa lill-bdoti.

47.

B’mod partikolari, infakkar li bdot għandu jkollu ċertifikat mediku sabiex itir. L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jipprovdi, inter alia, li meta jeżerċita l-privileġġi ta’ liċenzja ta’ bdot kummerċjali (CPL), ta’ liċenzja ta’ bdot b’aktar minn ekwipaġġ wieħed (MPL) jew ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ trasport b’linja tal-ajru (ATPL), il-bdot għandu jkollu mill-inqas ċertifikat mediku validu ta’ Klassi 1, li għandu jiġġedded minn ċentru aeromediku jew minn eżaminatur aeromediku ( 31 ). Ċertifikati mediċi ta’ Klassi 1 huma validi għal perijodu ta’ 12‑il xahar ( 32 ). Nenfasizza li l-iskop tal-evalwazzjoni aeromedika regolari hu li jiżgura l-kapaċità medika tal-bdot jew sabiex inaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ kapaċità medika ( 33 ).

48.

Madankollu, anki eżamijiet mediċi regolari ma jiggarantixxux li l-persuna li tgħaddi minnhom ma tmutx bejn eżamijiet. Anki meta t-trasportatur tal-ajru jkun stabbilixxa u wettaq il-proċeduri kollha neċessarji, ċerti avvenimenti – bħall-mewta f’daqqa u mhux mistennija ta’ kopilota normalment b’saħħtu barra mill-bażi normali tat-trasportatur tal-ajru – jistgħu jikkostitwixxu avveniment li t-trasportatur tal-ajru ma jistax jipprepara ruħu għalih u li ma jistax jittaffa.

49.

Inqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-raġuni għall-mewta tal-kopilota kinitx dovuta għal fattur li jaqa’ taħt il-kontroll tat-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ sigurtà relatati mas-saħħa tal-kopilota kkonċernat ġewx osservati mit-trasportatur tal-ajru li jopera, jekk l-eżamijiet tas-saħħa previsti twettqux korrettament u jekk, fil-kuntest ta’ kontrolli regolari, kienx hemm xi ħaġa li tindika li l-istat ta’ saħħa tal-kopilota kkonċernat ma kienx tajjeb biżżejjed sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu. Fil-każ li dawn it-tliet punti jiġu kkonfermati, jista’ jiġi konkluż, fil-fehma tiegħi, li, f’dan il-każ, il-mewta tal-kopilota kienet taqa’ kompletament barra mill-kontroll tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

c) Fuq il‑prevedibbiltà tal‑avveniment inkwistjoni

50.

Fis-sentenza fil-kawża Airhelp, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li strajk huwa, għall-ħaddiema, dritt iggarantit mill-Artikolu 28 tal-Karta, u l-fatt li huma jinvokaw dan id-dritt u, għaldaqstant, jibdew azzjoni ta’ strajk għandu jitqies bħala prevedibbli għal kull persuna li timpjega, b’mod partikolari fejn jingħata preavviż tal-istrajk ( 34 ).

51.

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika d-definizzjoni klassika tad-dizzjunarju li tgħid li avveniment jew sitwazzjoni prevedibbli hija waħda li tista’ tkun magħrufa jew imbassra qabel tiġri ( 35 ). Madankollu, it-terminu “prevedibbli” jista’ wkoll jiġi ddefinit bħala “li jista’ jkun raġonevolment antiċipat” ( 36 ). It-terminu “raġonevoli” jimplika eżami tal-probabbiltà. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina kemm kien probabbli li trasportatur tal-ajru seta’ antiċipa r-riżultati tal-avvenimenti inkwistjoni. Hija essenzjalment evalwazzjoni każ b’każ li teżiġi li jiġi stabbilit il-kuntest tal-okkorrenza tal-avveniment, li jeħtieġ eżami ta’ data tal-istatistika astratta u eżami speċifiku tal-persuna inkwistjoni.

52.

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-istatistika għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-mewta ta’ raġel li kellu ftit iktar minn 40 sena tikkostitwixxix avveniment probabbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-frekwenza tal-eżamijiet aeromedikali tiżdied mal-età. Pereżempju, il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati mediċi ta’ Klassi 1 għandu jitnaqqas għal sitt xhur għad-detenturi tal-liċenzja li jkunu għalqu s-60 sena. Dawn iċ-ċertifikati jistgħu jiġġeddu ulterjorment biss wara eżamijiet jew evalwazzjonijiet aeromediċi ( 37 ). Minn dan ir-rekwiżit jista’ jiġi dedott li r-riskji għas-saħħa tal-bdoti jiżdiedu mal-età.

53.

Fir-rigward tad-data speċifika li tikkonċerna l-kopilota inkwistjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda dettalji dwar il-kawża tal-mewta tiegħu. Id-domanda preliminari ssemmi li l-kopilota kien ikkompleta kompletament l-eżamijiet mediċi regolari preskritti. Hija tindika wkoll li l-mewta f’daqqa ta’ missier li kellu ftit iktar minn 40 sena kienet xokk qawwi għall-ekwipaġġ.

54.

F’dan ir-rigward, nosserva li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċertifikati mediċi ta’ Klassi 1 imsemmija iktar ’il fuq huma validi għal 12‑il xahar ( 38 ) u, wara l-iskadenza tagħhom, id-detentur tagħhom għandu jitlob it-tiġdid ta’ dan iċ-ċertifikat. Għaldaqstant, filwaqt li jista’ jiġi preżunt li, f’dan il-każ, il-kopilota inkwistjoni kien għadda mill-verifiki mediċi neċessarji u kien jinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi dawn il-fatti.

55.

Konsegwentement, jidher li, f’dan il-każ, il-mewta tal-kopilota tikkostitwixxi avveniment bi probabbiltà baxxa li jseħħ, u għalhekk għandha titqies, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala imprevedibbli għat-trasportatur tal-ajru.

3. Konklużjoni interim

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kanċellazzjoni ta’ titjira li kienet mistennija tibda minn ajruport lil hinn mill-bażi tat-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni, minħabba l-mewta f’daqqa tal-kopilota li jkun għadda mingħajr restrizzjoni mill-eżamijiet mediċi regolari preskritti, ma taqax fl-ambitu ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

57.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra madankollu li l-mewta tal-kopilota hija ċirkustanza straordinarja, hija għandha teżamina l-kunċett ta’ miżuri raġonevoli li trasportatur tal-ajru għandu jieħu.

C.   Il‑kunċett ta’ miżuri raġonevoli skont il‑ġurisprudenza

58.

Sabiex jiġi meħlus mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, it-trasportatur għandu juri li huwa ħa l-miżuri kollha raġonevoli li kienu meħtieġa minnu. Fis-sentenza fil-kawża Germanwings ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jkun it-trasportatur tal-ajru li jimplimenta l-mezzi tal-persunal, materjali u finanzjarji disponibbli għalih. Fis-sentenza fil-kawża Wallentin-Hermann ( 40 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun osserva r-regoli minimi għall-manutenzjoni ta’ inġenju tal-ajru ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan it-trasportatur ħa l-miżuri raġonevoli kollha.

59.

Madankollu, fis-sentenza fil-kawża Eglītis u Ratnieks ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma jistax jiġi meħtieġ mit-trasportatur tal-ajru li jopera li jippjana, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, riżerva ta’ ħin minima applikabbli b’mod indiskriminat fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ okkorrenza ta’ ċirkustanzi straordinarji. L-estent tar-riżerva ta’ ħin meħtieġ ma għandux ikollu l-konsegwenza li t-trasportatur jassumi sagrifiċċji insopportabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet kummerċjali tiegħu.

60.

Barra minn hekk, fis-sentenza fil-kawża Pešková u Peška ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma huwiex responsabbli għan-nuqqas ta’ osservanza minn entitajiet oħra, bħall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, tal-obbligi tagħhom li jieħdu miżuri preventivi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza fil-kawża Moens ( 43 ), li l-preżenza ta’ petrol fuq runway ta’ ajruport, li wasslet għall-għeluq tagħha, hija ċirkustanza li ma setgħetx tiġi evitata anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

61.

Kien, fl-aħħar nett, fis-sentenza fil-kawża Transportes Aéreos Portugueses ( 44 ), dwar l-inżul u l-interruzzjoni ta’ titjira minħabba l-aġir indixxiplinat ta’ passiġġier, li l-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni l-iktar ċara tad-difiża ta’ “miżuri raġonevoli”. Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li miżuri raġonevoli ma jistgħux, bħala prinċipju, jikkostitwixxu sempliċi offerta ta’ trasferiment tal-passiġġieri kkonċernati lejn id-destinazzjoni finali tagħhom fuq it-titjira sussegwenti operata minn din il-kumpannija tal-ajru li tasal fid-destinazzjoni tagħhom l-għada tal-jum inizjalment skedat għall-wasla tagħhom. Fil-fatt, id-diliġenza u l-attenzjoni meħtieġa minn dan it-trasportatur tal-ajru sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens jippreżumu li huwa jimplimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura rotta mill-ġdid li tkun raġonevoli, sodisfaċenti u li sseħħ fl-iqsar żmien possibbli, inkluża t-tfittxija ta’ titjiriet oħrajn diretti jew indiretti operati potenzjalment minn trasportaturi tal-ajru oħrajn, li jappartjenu jew le lill-istess alleanza tal-linja tal-ajru, bil-wasla f’ħin skedat li ma jkunx tard daqs it-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk tali ffissar ta’ rotta mill-ġdid setax jikkostitwixxi sagrifiċċju insopportabbli għall-kumpannija tal-ajru fid-dawl tal-kapaċità tagħha fiż-żmien rilevanti.

62.

Għandi nenfasizza li l-mewta ta’ kopilota, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari li fihom seħħet, twassal fi kwalunkwe każ għall-kanċellament tat-titjira fil-każ li ebda bdot ta’ sostituzzjoni ma jkun disponibbli. Fil-fatt, kif intqal iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 965/2012 jipprovdi li, għat-tip ta’ ajruplan użat għal tali titjiriet, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jagħmel disponibbli ekwipaġġ kompost minn tal-inqas żewġ bdoti. Dan ifisser li l-kmandant ma kienx ikun awtorizzat jopera t-titjira ta’ ritorn waħdu, mingħajr kopilota ( 45 ).

63.

Barra minn hekk, kif tispjega l-Kummissjoni ( 46 ), id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni ma jippermettux lil kull bdot jaġixxi bħala bdot ta’ sostituzzjoni. Il-bdot ta’ sostituzzjoni għandu jkun ikkwalifikat b’mod sħiħ u għandu jkollu taħriġ u esperjenza suffiċjenti fir-rigward tal-ajruplan u r-rotta kkonċernati. Dan ifisser li ma huwiex biżżejjed li t-trasportaturi tal-ajru li joperaw u li jużaw inġenji tal-ajru differenti jipprovdu ekwipaġġ ta’ riżerva għal kull destinazzjoni u li ekwipaġġi stand-by għandhom ikunu disponibbli għat-tipi kollha ta’ ajruplani użati u għar-rotot kollha għal kull destinazzjoni pprovduta mill-imsemmi trasportatur tal-ajru. Tali obbligu jwassal għal spejjeż sproporzjonati u ma jidhirx raġonevoli fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li ċ-ċirkustanzi huma straordinarji.

64.

Konsegwentement, sabiex jiġi meħlus mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, it-trasportatur tal-ajru għandu juri li huwa ħa l-miżuri kollha proporzjonati u raġonevoli li kienu meħtieġa minnu.

IV. Konklużjoni

65.

Abbażi tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandu jiġu interpretat fis-sens li l-kanċellazzjoni ta’ titjira li kienet mistennija tibda minn ajruport lil hinn mill-bażi tat-trasportatur tal-ajru li jopera inkwistjoni, minħabba l-mewta f’daqqa tal-kopilota li jkun għadda mingħajr restrizzjoni mill-eżamijiet mediċi regolari preskritti, ma taqax fl-ambitu ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004 L 46, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 296, p. 1), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Ibidem, punti 26 et seq.

( 7 ) Ara l-punt 34 iktar ’l isfel.

( 8 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 40).

( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 (C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 20, 24, 2526). Ninnota li, meta tagħti d-dettalji ta’ dawn l-avvenimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx distinzjoni bejn l-ewwel u t-tieni kundizzjoni.

( 11 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, (C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 4142).

( 12 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021 (C‑28/20, EU:C:2021:226, punti 28, 2930).

( 13 ) Ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat‑3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.

( 14 ) IATA, ICAO, IFALPA, Fatigue Management Guide for Airline Operators, 2015. [Online]. Disponibbli minn https://www.iata.org/en/publications/fatigue-management-guide/. Ara, f’dan is-sens, il-punti (b) u (c) tas-Subsezzjoni CAT.GEN.MPA.100 (Responsabbiltajiet tal-ekwipaġġ) tat-Taqsima 1 (Inġenji tal-ajru li jaħdmu bil-mutur) tas-Subparti A (Rekwiżiti Ġenerali) tal-Anness IV tar-Regolament Nru 965/2012 (il-Parti-CAT).

( 15 ) Ara, pereżempju, https://www.easa.europa.eu/en/downloads/116532/en. Ibidem, punti (b) u (c) tas-Subsezzjoni CAT.GEN.MPA.100 (Responsabbiltajiet tal-ekwipaġġ) tat-Taqsima 1 (Inġenji tal-ajru li jaħdmu bil-mutur) tas-Subparti A (Rekwiżiti Ġenerali) tal-Anness IV tar-Regolament Nru 965/2012 (il-Parti-CAT).

( 16 ) Il-Grupp tal-Bank Dinji, Mortality rate, adult, male (per 1,000 male adults), Unjoni Ewropea, 2018, disponibbli minn: Mortality rate, adult, male (per 1,000 male adults) – Unjoni Ewropea | Data (worldbank.org).

( 17 ) Ara l-punt 26 indikat iktar ’il fuq.

( 18 ) Ir-raba’ wieħed minn dawn il-kriterji kien jikkonċerna l-ibbilanċjar bejn il-libertà fundamentali ta’ strajk u l-libertajiet fundamentali ta’ impriża tat-trasportatur tal-ajru u d-dritt tiegħu għall-proprjetà, li huma ggarantiti mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

( 19 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 26).

( 20 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 34).

( 21 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 29).

( 22 ) Digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, Airhelp (C‑264/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:26, punt 26).

( 23 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 26), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 38).

( 24 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 41), enfasi miżjud minni.

( 25 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604), iċċitata fis-sentenza Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 42).

( 27 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 44).

( 28 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C-292/17, EU:C:2018:2588).

( 29 ) Ara l-punti 34sa 36 iktar ’il fuq.

( 30 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 35).

( 31 ) Ibidem, punti MED.A.030 “Ċertifikati mediċi”, (c)(4) u MED.A.040 “Ħruġ, rivalidazzjoni u tiġdid ta’ ċertifikati mediċi”, (c)(1) tat-Taqsima 2, “Rekwiżiti għaċ-ċertifikati mediċi”, tas-Subparti A “Rekwiżiti Ġenerali” tal-Anness IV (il Parti-MED), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.

( 32 ) Ibidem, punt MED.A.045 “Validità, rivalidazzjoni u tiġdid ta’ ċertifikati mediċi” (a)(1) u (2) tat-Taqsima 2, “Rekwiżiti għaċ-ċertifikati mediċi”, tas-Subparti A, “Rekwiżiti Ġenerali”, tal-Anness IV (il-Parti-MED). Għall-bdoti li huma involuti f’operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru fil-ġarr ta’ passiġġieri bi bdot wieħed u li jkunu għalqu l-40 sena, kif ukoll għall-bdoti li għandhom iktar minn 60 sena, iċ-ċertifikat mediku ta’ Klassi 1 huwa validu għal perjodu ta’ sitt xhur u jista’ jiġġedded wara eżamijiet jew evalwazzjonijiet aeromediċi addizzjonali.

( 33 ) Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-operatur u l-bżonnijiet tal-persunal, ara l-punti ORO.GEN.110, “Responsabbiltajiet tal-operatur”, (e) u (g) tat-Taqsima 1 “Punti ġenerali” u ORO.GEN.210 “Rekwiżiti marbutin mal-persunal”, (c) u (e) tat-Taqsima 2 “Ġestjoni”, tas-Subparti GEN, “Rekwiżiti Ġenerali”, tal-Anness III “PART-ORO” tar-Regolament Nru 965/2012.

( 34 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021 (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 32).

( 35 ) Ara, pereżempju, id-definizzjoni li jagħti l-Cambridge Dictionary online, disponibbli minn https://dictionary.cambridge.org/fr/dictionnaire/anglais/foreseeable.

( 36 ) Ara d-dizzjunarju online Merriam-Webster Dictionary, https://www.merriam-webster.com/dictionary/foreseeable, enfasi miżjud minni.

( 37 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, iċ-ċertifikati ta’ Klassi 1 għandhom jiġu mġedda kull sitt xhur mid-detenturi ta’ liċenzja li jeżerċitaw operazzjonijiet ta’ trasport kummerċjali bi bdot wieħed u li jkunu laħqu l-età ta’ 40 sena.

( 38 ) Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.

( 39 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2019 (C‑501/17, EU:C:2019:288).

( 40 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008 (C‑549/07, EU:C:2008:771).

( 41 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011 (C‑294/10, EU:C:2011:303, punti 3135), u bl-istess mod, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Moens (C‑159/18, EU:C:2018:1040, punt 33).

( 42 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017 (C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 4344).

( 43 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019 (C‑159/18, EU:C:2019:535).

( 44 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020 (C‑74/19, EU:C:2020:460, punti 58, 5961).

( 45 ) Dan ir-regolament fih ukoll indikazzjonijiet dwar l-importanza tal-kundizzjoni mentali tajba tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ. Jidher li, f’dan il-każ, dawn tal-aħħar ma qisux immedjatament li kienu f’pożizzjoni li joperaw it-titjira wara l-aħbar x’aktarx trawmatika tal-mewta tal-kollega tagħhom.

( 46 ) Punt 31 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.