KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑148/22

OP

vs

Commune d’Ans

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 2(2)(b)(i) – Artikolu 2(5) – Artikolu 4(1) – Regoli tax-xogħol ta’ entità pubblika li jipprojbixxu lill-membri tal-persunal tagħha milli jilbsu simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Ħaddiema mara pprojbita milli tilbes velu Iżlamiku – Prinċipji ta’ newtralità tal-Istat”

Introduzzjoni

1.

F’diversi pajjiżi Ewropej, il-kwistjoni tal-ilbies ta’ simboli reliġjużi f’postijiet pubbliċi, fl-istabbilimenti tat-tagħlim u fuq il-post tax-xogħol hija regolarment is-suġġett ta’ dibattiti intensi fi ħdan is-soċjetà ċivili, fil-klassi politika u fil-media. Kwistjoni li tqajjem b’mod partikolari kontroversji mqanqla hija dik dwar jekk persuna li timpjega għandhiex id-dritt timponi fuq il-ħaddiema tagħha restrizzjonijiet f’dan il-qasam fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Din hija kwistjoni sensittiva li teħtieġ li jiġi rrikonċiljat id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ reliġjon, li għandu bħala korollarju l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, ma’ libertajiet u prinċipji oħra, bħalma huma l-libertà ta’ intrapriża, il-prinċipji tas-sekulariżmu, ta’ newtralità u ta’ imparzjalità u l-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

2.

Matul l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżamina diversi drabi, mill-perspettiva tal-projbizzjoni tad-“diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin” fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ), il-każ ta’ ħaddiema nisa fis-settur privat, ta’ fidi Musulmana, li ġew ipprojbiti mill-persuna li timpjegahom milli jilbsu l-velu Iżlamiku ( 3 ) fuq il-post tax-xogħol ( 4 ).

3.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), tkompli fuq dawn il-kawżi, filwaqt li għandha bħala karatteristika partikolari li, din id-darba, il-projbizzjoni li jintlibsu simboli reliġjużi fuq il-post tax-xogħol toħroġ mhux minn persuna li timpjega privata iżda minn waħda pubblika, f’dan il-każ, awtorità muniċipali. Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq tali sitwazzjoni, li tqajjem b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk in-natura u l-aspetti partikolari tas-servizz pubbliku kif ukoll il-kuntest ta’ kull Stat Membru jeħtiġux li f’dan il-każ tiġi adottata soluzzjoni differenti minn dik li ġiet adottata f’kawżi preċedenti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin ( 5 ), diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva.

6.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar:

“(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]”

7.

Skont l-Artikolu 2(5) tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha tkun bla ħsara għal dawk il-miżuri previsti mil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

8.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 huwa stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi b’mod partikolari:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

9.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

Id-dritt Belġjan

10.

Il-loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċerti Forom ta’ Diskriminazzjoni) ( 6 ), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan.

11.

Skont l-Artikolu 3 tagħha, il-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni għandha bħala għan li toħloq, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5 tagħha, qafas ġenerali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, il-ġid, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, id-diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika jew l-oriġini soċjali.

12.

L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, li jirrigwarda d-definizzjonijiet, jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, japplikaw dawn it-tifsiriet:

1° relazzjonijiet ta’ xogħol: ir-relazzjonijiet li jinkludu, fost l-oħrajn, l-impjieg, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regoli għat-tkeċċija, u dan:

kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;

[…]

4° kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, il-ġid, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, id-diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika, l-oriġini soċjali;

[…]

6° distinzjoni diretta: is-sitwazzjoni li tirriżulta meta fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji protetti, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra tiġi, kienet jew ser tkun ittrattata f’sitwazzjoni paragunabbli;

7° diskriminazzjoni diretta: distinzjoni diretta, ibbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II;

8° distinzjoni indiretta: is-sitwazzjoni li tqum meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ toħloq, meta mqabbla ma’ persuni oħra, żvantaġġ partikolari għall-persuni kkaratterizzati b’wieħed mill-kriterji protetti;

9° diskriminazzjoni indiretta: distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II;

[…]”

13.

L-Artikolu 5(1) tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprovdi li, bl-eċċezzjoni tal-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-komunitajiet jew tar-reġjuni, din il-liġi tapplika għall-persuni kollha, kemm fir-rigward tas-settur pubbliku kif ukoll tas-settur privat, inklużi l-organi pubbliċi, għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol.

14.

L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi ( 7 ) jipprovdi li:

“Kull distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm din id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jitwettaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji”.

15.

L-Artikolu 8 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprovdi li:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 7, u mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-titolu, distinzjoni diretta bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew diżabbiltà fl-oqsma msemmija fil-punti 4°, 5° u 7 tal-Artikolu 5(1) tista’ tiġi ġġustifikata biss permezz ta’ rekwiżiti professjonali ġenwin u determinanti.

2.   Ikun hemm rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti biss meta:

karatteristika speċifika, marbuta mal-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew ma’ diżabbiltà tkun ġenwina u determinanti minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali speċifiċi kkonċernati jew il-kuntest li fih dawn jitwettqu, u;

ir-rekwiżit ikun ibbażat fuq għan leġittimu u jkun fi proporzjon mal-imsemmi għan.

3.   Hija l-qorti li għandha tivverifika, każ b’każ, jekk tali karatteristika partikolari tikkostitwixxix rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti.

[…]”

16.

L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“Kull distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta,

sakemm id-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika apparentement newtrali li fuqha hija bbażata din id-distinzjoni indiretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji;

[…]”

17.

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni, “[d]istinzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti ma tikkostitwixxi ebda forma ta’ diskriminazzjoni pprojbita minn din il-liġi meta din id-distinzjoni diretta jew indiretta tkun imposta b’liġi jew bis-saħħa ta’ liġi”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18.

Fil‑11 ta’ April 2016, OP, li kienet tħarrġet bħala avukat, ġiet irreklutata taħt kuntratt għal żmien determinat mill-awtorità muniċipali ta’ Ans (il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“awtorità muniċipali”) fil-kwalità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt. Fil‑11 ta’ Ottubru ta’ wara, hija ġiet promossa għall-kariga ta’ kap tal-uffiċċju u l-kuntratt tagħha ġie kkonvertit f’kuntratt għal żmien indeterminat. Xogħolha huwa li tipproċessa l-kuntratti pubbliċi tal-awtorità muniċipali u hija teżerċita prinċipalment il-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun f’kuntatt mal-pubbliku, jiġifieri, biex nuża l-espressjoni użata mill-qorti tar-rinviju, “fil-back office” ( 8 ).

19.

Fit‑8 ta’ Frar 2021, OP, li hija Musulmana, informat uffiċjalment lill-awtorità muniċipali bl-intenzjoni tagħha li tilbes il-velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol b’effett mit‑22 ta’ Frar ta’ wara.

20.

Fit‑18 ta’ Frar 2021, l-awtorità muniċipali adottat l-ewwel deċiżjoni li biha pprojbixxiet lil OP milli tilbes “simboli tat-twemmin” ( 9 ) waqt l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha “sal-adozzjoni ta’ regoli ġenerali dwar l-ilbies tas-simboli tat-twemmin fl-amministrazzjoni” ( 10 ).

21.

Fis‑26 ta’ Frar 2021, wara li nstemgħet OP, assistita mill-avukat tagħha, l-awtorità muniċipali adottat it-tieni deċiżjoni, li tissostitwixxi l-ewwel waħda u li tikkonferma l-projbizzjoni li tinsab f’dik l-ewwel deċiżjoni.

22.

Fid‑29 ta’ Marzu 2021, l-awtorità muniċipali emendat l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tagħha. Fil-verżjoni ġdida li rriżultat minn din l-emenda, dan l-artikolu, illum intitolat “Obbligu ta’ newtralità u dmir ta’ riżerva”, jipprovdi b’mod partikolari ( 11 ):

“Il-ħaddiema għandhom igawdu mil-libertà ta’ espressjoni filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, l-obbligu tagħhom ta’ riżerva u d-dmir tagħhom ta’ lealtà.

Il-ħaddiema huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, u dan jimplika li huma għandhom jastjenu minn kull forma ta’ proselitiżmu u li huma pprojbiti milli jilbsu kwalunkwe simbolu prominenti li jista’ jiżvela l-appartenenza ideoloġika jew filosofika tagħhom jew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom. Din ir-regola tapplika għalihom kemm fil-kuntatti tagħhom mal-pubbliku kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ġerarkija u mal-kollegi tagħhom.

[…]”

23.

Sussegwentement, OP bdiet diversi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li l-awtorità muniċipali kienet kisret il-libertà ta’ reliġjon tagħha u sabiex tikseb is-sospensjoni u l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtorità muniċipali tat‑18 u tas‑26 ta’ Frar 2021.

24.

Fis‑26 ta’ Mejju 2021, OP adixxiet lill-qorti tar-rinviju, it-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège), b’azzjoni għal mandat ta’ inibizzjonis ( 12 ), intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi kkonstatat li hija kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u fuq il-ġeneru u li d-deċiżjonijiet tal-awtorità muniċipali tat‑18 u tas‑26 ta’ Frar 2021 kif ukoll ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma vvizzjati b’nullità.

25.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-projbizzjoni imposta fuq OP mill-awtorità muniċipali, f’dawn id-deċiżjonijiet, milli tilbes il-velu Iżlamiku tikkostitwixxi “diskriminazzjoni diretta bbażata fuq distinzjoni diretta bbażata fuq il-kriterju protett ‘twemmin reliġjuż jew filosofiku’”. Fil-fatt, skont dik il-qorti, għalkemm jista’ jiġi ammess li fi ħdan l-amministrazzjoni muniċipali kienet teżisti regola mhux miktuba li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu marbut mat-twemmin “li huwa prominenti ħafna, jew li saħansitra jispikka”, bħalma huwa l-velu Iżlamiku, jirriżulta madankollu minn diversi ritratti prodotti minn OP li l-ilbies ta’ simboli diskreti tat-twemmin kien ittollerat. Din id-distinzjoni diretta ma hijiex iġġustifikata minn rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti, peress li OP teżerċita prinċipalment il-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku. Hija lanqas ma tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu li l-mezzi għall-implimentazzjoni tiegħu huma xierqa u neċessarji.

26.

Għal dak li jirrigwarda r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din għandha “portata kollettiva”, li hija tirrigwarda kull simbolu prominenti tat-twemmin u li, meta adottatha, l-awtorità muniċipali għamlet l-għażla tan-“newtralità esklużiva” ( 13 ). Hija tqis li din ir-regola tikkostitwixxi mhux diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, iżda, milli jidher, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq dawn il-kriterji, filwaqt li rrilevat b’mod partikolari li, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li “n-newtralità esklużiva hija prinċipju essenzjali u evidenti ta[l-]Istat ta’ dritt [fil-Belġju] u għandha tiġi osservata b’mod strett minn kulħadd”, id-distinzjoni magħmula ma tidhirx li hija ġġustifikata b’għan leġittimu, peress li OP teżerċita prinċipalment il-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, jidher li l-awtorità muniċipali tipprattika newtralità “b’ġometrija varjabbli”, jiġifieri esklużiva għal dak li jikkonċerna lil OP, u iktar inklużiva għal dak li jikkonċerna l-kollegi tagħha li għandhom twemmin filosofiku jew reliġjuż ieħor. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tippermetti, b’mod provviżorju, lil OP tilbes simbolu viżibbli tat-twemmin, ħlief meta hija tidħol f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku jew meta teżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità.

27.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li tiġi imposta newtralità “esklużiva u assoluta” fuq il-membri kollha tal-persunal ta’ servizz pubbliku, anki fuq dawk li ma għandhom ebda kuntatt dirett mal-utenti tas-servizz pubbliku, jikkostitwixxix għan leġittimu u jekk il-mezzi użati biex jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu tat-twemmin, humiex xierqa u neċessarji.

28.

Huwa f’dan il-kuntest li t-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Indutstrijali ta’ Liège) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva [2000/78] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil amministrazzjoni pubblika li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali u b’hekk li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin mill-membri kollha tal-persunal, irrispettivament minn jekk dawn ikunux f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le?

2)

L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva [2000/78] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil amministrazzjoni pubblika li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali u b’hekk li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin mill-membri kollha tal-persunal, irrispettivament minn jekk dawn ikunux f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le, anki jekk din il-projbizzjoni newtrali tidher li taffettwa l-iktar lin-nisa, u għalhekk x’aktarx tikkostitwixxi diskriminazzjoni moħbija bbażata fuq il-ġeneru?”

29.

OP, l-awtorità muniċipali, il-Gvern Belġjan, Franċiż u Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Fil‑31 ta’ Jannar 2023, inżammet seduta li fiha pparteċipaw OP, l-awtorità muniċipali, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni u li fiha nstemgħet it-trattazzjoni ta’ dawn il-partijiet imsemmija l-aħħar kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

30.

L-ewwel ser neżamina t-tieni domanda preliminari, li l-ammissibbiltà tagħha hija kkontestata mill-Gvern Franċiż, u li r-rilevanza tagħha hija kkontestata mill-parti l-kbira tal-partijiet fil-proċedura.

Fuq it‑tieni domanda

31.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija konformi mal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 inkwantu l-projbizzjoni li hija tipprevedi tidher li taffettwa iktar lin-nisa milli lill-irġiel u għaldaqstant tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-ġeneru.

32.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom ( 14 ).

33.

Il-ħtieġa li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni biss abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali ( 15 ).

34.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti li huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex ikollha mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa indispensabbli li, fid-deċiżjoni ta’ rinviju stess, il-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha ( 16 ).

35.

F’dan il-każ, jien naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Franċiż li jgħid li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda preliminari, b’mod li din hija inammissibbli.

36.

Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma għandha ebda element fattwali li jippermetti li tiġi evalwata l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-ġeneru.

37.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom hija tirreferi fit-tieni domanda preliminari u fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u t-tilwima li għandha quddiemha, fir-rigward ta’ tali diskriminazzjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, biss fuq ċerti argumenti mressqa minn OP, mingħajr ma tat iktar spjegazzjoni dwarhom. Madankollu, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE ma tikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali u għalhekk ma huwiex biżżejjed li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti kkonċernata tkun marbuta tikkunsidra li tkun tqajmet tali kwistjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu ( 17 ).

38.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jindikaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom il-partijiet fil-proċedura, bl-eċċezzjoni tal-awtorità muniċipali, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li huwa l-uniku att tad-dritt tal-Unjoni msemmi fit-tieni domanda preliminari. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni f’dan il-każ ( 18 ).

39.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, ma hemmx lok li hija tiġi eżaminata.

Fuq l‑ewwel domanda

Osservazzjonijiet preliminari

40.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li tmur kontra l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78. Kif hija fformulata, il-projbizzjoni prevista minn din ir-regola kontra l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin fuq ix-xogħol tapplika b’mod ġenerali u assolut għall-membri tal-persunal tal-awtorità muniċipali, jiġifieri indipendentement kemm min-natura tal-funzjonijiet tagħhom (funzjonijiet ta’ awtorità jew ta’ sempliċi eżekuzzjoni) kif ukoll mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn (kuntatti diretti mal-pubbliku jew le). Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din ir-regola ta’ applikazzjoni ġenerali mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2000/78 billi tagħmel distinzjoni skont dawn l-ipoteżijiet imsemmija l-aħħar. Dak li hija tixtieq tkun taf huwa jekk din id-direttiva tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza lil entità pubblika torganizza “ambjent amministrattiv kompletament newtrali” u b’hekk tipprojbixxi lill-“membri kollha tal-persunal, irrispettivament minn jekk dawn ikunux f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le” milli jilbsu tali simboli.

41.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa utli li jitfakkru ċerti elementi li jistgħu jitqiesu li huma stabbiliti skont il-ġurisprudenza u li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

42.

Qabelxejn, huwa ċar li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tapplika kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat. Min-naħa l-oħra, regola li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż fil-kuntest tal-attività professjonali għandha titqies li taqa’ taħt il-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol” fis-sens tal-punt (ċ) ta’ din l-istess dispożizzjoni.

43.

Imbagħad, il-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat bħala li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li persuna jkollha twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża ( 19 ). Il-fatt li mara tilbes velu Iżlamiku jikkostitwixxi espressjoni tal-appartenenza tagħha għar-reliġjon Musulmana. F’dan il-każ, mill-fatti esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan huwa preċiżament il-każ ta’ OP, li s-sinċerità tat-twemmin tagħha ma tistax tiġi ddubitata.

44.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 sempliċement tistabbilixxi qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni li huma jagħtu, fi ħdanhom, lir-reliġjon jew lit-twemmin. Għaldaqstant, hija tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv ta’ kull Stat Membru u li kull wieħed minnhom jingħata marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-konċiljazzjoni neċessarja tad-diversi drittijiet u interessi ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn tal-aħħar ( 20 ).

45.

Fl-istess linja tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, jien naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Franċiż li jgħid li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa iktar wiesa’ meta jkunu involuti prinċipji li jistgħu jaqgħu taħt l-identità nazzjonali tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE ( 21 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni għandha l-obbligu li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, u dan, skont l-Avukata Ġenerali Kokott, jista’ jinftiehem bħala obbligu li tiġi rrispettata l-pluralità ta’ perċezzjonijiet, u, għaldaqstant, id-differenzi li jikkaratterizzaw lil kull Stat Membru ( 22 ). L-istess bħall-Avukat Ġenerali Emiliou ( 23 ), nikkunsidra li ma hijiex l-Unjoni li għandha tiddetermina, għal kull Stat Membru, l-elementi li jifformaw parti minn din il-qalba tal-identità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 4(2) TUE. L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali kunsiderevoli, iżda din ma hijiex bla limiti ( 24 ). Barra minn hekk, il-perċezzjoni tal-identità nazzjonali invokata minn Stat Membru għandha tkun konformi, b’mod partikolari, mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (Artikolu 2 TUE) ( 25 ).

46.

F’dan ir-rigward, mingħajr ħsara, f’dan l-istadju, għall-punt dwar jekk dan huwiex il-każ hawnhekk, jien naqbel ukoll mal-Gvern Franċiż meta dan isostni li l-fatt li jkunu previsti restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-membri tal-persunal tas-settur pubbliku li juru t-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom jista’ jkun ta’ importanza tali f’ċerti Stati Membri li huwa jagħmel parti mill-identità nazzjonali inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom.

47.

Fl-istess kuntest, jidhirli utli wkoll li jiġi rrilevat li l-identità nazzjonali tippermetti, b’mod partikolari, li “[jiġi limitat] l-impatt tad-dritt tal-Unjon fl-oqsma meqjusa li huma essenzjali għall-Istati Membri” ( 26 ) u li, għaldaqstant, hija għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni meta dawn jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 27 ).

48.

Ir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari ser tkun strutturata kif ġej. L-ewwel, ser neżamina jekk ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex tali li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Imbagħad, ser nanalizza l-punt dwar jekk din ir-regola tistax toħloq diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq dawn l-istess kriterji. Fl-aħħar nett, għalkemm dan l-aspett ma ssemmiex espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju, ser nikkunsidra l-possibbiltà li f’dan il-każ jiġu applikati ċerti derogi mill-projbizzjoni ta’ dawn id-diskriminazzjonijiet prevista mid-Direttiva 2000/78.

Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta

49.

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza G4S Secure Solutions, hija tal-fehma li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Hija titlob madankollu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq dan il-punt.

50.

Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 28 ). Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali regola ma tintroduċix tali diskriminazzjoni peress li tapplika bla distinzjoni għal kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta b’mod identiku l-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u bla differenzi, b’mod partikolari, newtralità fl-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli ( 29 ).

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza WABE u MH Müller Handel u fis-sentenza S.C.R.L., filwaqt li żiedet li peress li kull persuna jista’ jkollha jew reliġjon jew twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u bla differenzi, ma tintroduċix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew ma’ dan it-twemmin ( 30 ). Fis-sentenza WABE u MH Müller Handel, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-fatt li ċerti ħaddiema josservaw regoli ta’ kondotta reliġjużi li jimponu li jintlibes ċertu lbies ma huwiex tali li jikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet. Fil-fehma tagħha, għalkemm huwa minnu li regola interna li timponi newtralità fl-ilbies tista’ tikkawża inkonvenjenza għal dawn il-ħaddiema, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax madankollu l-konstatazzjoni li din l-istess regola bħala prinċipju ma tintroduċix differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema bbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew mat-twemmin ( 31 ).

52.

L-istess bħall-awtorità muniċipali u l-Gvern Franċiż, jien naqbel kompletament mal-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq u ma nara ebda raġuni għal tbegħid minnhom f’din il-kawża, li, kif diġà rrilevajt, tikkonċerna s-settur pubbliku u mhux is-settur privat.

53.

Għaldaqstant, peress li r-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr distinzjoni għal kull manifestazzjoni ta’ twemmin, b’mod partikolari, reliġjuż, hija għandha titqies li tittratta b’mod identiku lill-membri tal-persunal tal-awtorità muniċipali, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr differenzi, b’mod partikolari, newtralità fl-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli. Tali regola ma tintroduċix għaldaqstant diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

54.

Madankollu, ikun hemm lok li tiġi kkonstatata tali diskriminazzjoni jekk ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tinftiehem li tirrigwarda biss l-ilbies ta’ simboli prominenti ta’ daqs kbir ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż, u dan, fil-fehma tiegħi, jista’ jinkludi l-velu Iżlamiku. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi biss l-ilbies ta’ tali simboli prominenti tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, fil-każijiet fejn dan il-kriterju jkun marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew iktar ( 32 ). Ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda kwalunkwe sinjal “prominenti”, kwalifika li, b’mod korrett fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju ixxebbah ma’ dik ta’ “viżibbli”, u ma tidhirx għaldaqstant li hija limitata għas-simboli prominenti ta’ daqs kbir, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-imsemmija qorti tar-rinviju.

55.

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-fatt, l-awtorità muniċipali tapplikax verament ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod ġenerali u mingħajr differenzi u, b’mod partikolari, jekk hija tittrattax lil OP bl-istess mod bħal kwalunkwe membru tal-persunal ieħor li jkun immanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin filosofiku jew reliġjuż tiegħu bl-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin. Nosserva, fil-fatt, li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tirrileva li l-awtorità muniċipali “tipprattika newtralità b’ġeometrija varjabbli fl-ispazju u fiż-żmien, b’mod esklużiv għal dak li jikkonċerna lil OP, u b’mod inqas esklużiv, jew iktar inklużiv, għall-kollegi tagħha ta’ twemmin ieħor”, u li din tal-aħħar ipprovdiet, f’dan ir-rigward, “elementi probatorji suffiċjenti”. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, OP u l-Gvern Svediż isostnu li jeżistu għaldaqstant raġunijiet sabiex jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni diretta f’dan il-każ.

56.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, fl-ewwel lok, għall-ewwel domanda preliminari, li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol ta’ entità pubblika li tipprojbixxi lill-membri tal-persunal, bil-għan li torganizza ambjent amministrattiv totalment newtrali, milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-membri tal-persunal li beħsiebhom jeżerċitaw il-libertà ta’ reliġjon u ta’ kuxjenza tagħhom bl-ilbies viżibbli ta’ simbolu jew ta’ lbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr differenzi.

Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta

57.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin.

58.

Hija ġurisprudenza stabbilita li regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk jiġi stabbilit li l-obbligu li jidher newtrali inkluż fiha jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew li għandhom twemmin partikolari ( 33 ).

59.

Fil-fehma tiegħi, u kif isostnu l-Gvern Svediż u l-Kummissjoni, għalkemm ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher newtrali, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, hija taffettwa b’mod iktar partikolari, lill-membri tal-persunal tal-awtorità muniċipali li josservaw ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi li jimponulhom ċertu lbies, u b’mod partikolari l-ħaddiema nisa li jilbsu velu minħabba l-fidi Musulmana tagħhom. F’dan ir-rigward, jien naqbel mal-osservazzjoni magħmula mill-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Bougnaoui u ADDH, fejn jingħad li dawn il-membri tal-persunal, “[j]ekk iridu jibqgħu fidili lejn il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom, ma jkollhomx għażla ħlief li jiksru r-regola u jsofru l-konsegwenzi” ( 34 ). Madankollu, hija tal-qorti tar-rinviju li finalment għandha tivverifika dan il-punt fid-dawl tal-fatti li għandha quddiemha ( 35 ).

60.

Skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tkunx tikkostitwixxi, madankollu, diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, jekk hija tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 36 ).

61.

Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, u sa fejn, ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-imsemmija rekwiżiti ( 37 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub li ġew sottomessi lilha ( 38 ). Dan huwa li ser nipprova nagħmel fl-analiżi li ġejja.

– Fuq l‑eżistenza ta’ għan leġittimu

62.

Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu ( 39 ), mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-awtorità muniċipali jirriżulta li din tal-aħħar tiġġustifika l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż imposta fuq il-membri tal-persunal tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bil-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat (jew tas-servizz pubbliku) ( 40 ) u bix-xewqa tagħha li torganizza “spazju amministrattiv kompletament newtrali” ( 41 ).

63.

L-istess bħal parti l-kbira tal-partijiet fil-proċedura, nikkunsidra li x-xewqa ta’ entità pubblika, bħall-awtorità muniċipali, li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika jew reliġjuża tista’, fit-teorija, tikkostitwixxi għan leġittimu.

64.

Ċertament, b’mod differenti minn dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza G4S Secure Solutions, WABE u MH Müller Handel, u S.C.R.L. ( 42 ), f’każ bħal dak ineżami, li jikkonċerna s-settur pubbliku u mhux is-settur privat, ix-xewqa tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku li ssegwi tali politika ma tistax tirrelata mal-libertà ta’ intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 43 ). Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, hija tista’, b’mod iktar globali, tkun marbuta mal-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor, li jimplika b’mod partikolari r-rispett ta’ kull twemmin filosofiku jew reliġjuż taċ-ċittadini kif ukoll it-trattament mhux diskriminatorju u fuq livell ta’ ugwaljanza tal-utenti tas-servizz pubbliku. Kif jirrileva l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, filwaqt li jirriproduċi s-silta minn sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) tas‑27 ta’ Marzu 2013, fi Stat ta’ dritt demokratiku, l-awtorità pubblika għandha tkun newtrali “peress li hija l-awtorità taċ-ċittadini kollha u għaċ-ċittadini kollha u li hija għandha, fil-prinċipju, tittrattahom b’mod ugwali mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon tagħhom, it-twemmin tagħhom jew il-preferenza tagħhom għal komunità jew partit” ( 44 ).

– Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

65.

Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ix-xewqa tal-persuna li timpjega pubblika, f’dan il-każ l-awtorità muniċipali, li ssegwi politika ta’ newtralità tistax tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza potenzjali fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fir-rigward tas-settur privat ( 45 ), li tgħid li n-natura oġġettiva ta’ tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi identifikata biss fil-preżenza ta’ ħtieġa ġenwina ta’ din il-persuna li timpjega, li hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tipprova, jidhirli li hija kompletament rilevanti wkoll f’dan il-kuntest.

66.

Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni kif ukoll mid-dibattiti miżmuma waqt is-seduta jirriżulta li, fil-Belġju, jeżistu flimkien perċezzjonijiet differenti, jew saħansitra opposti, tal-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat, jiġifieri, essenzjalment, in-“newtralità inklużiva”, in-“newtralità esklużiva” u perċezzjonijiet intermedji. Il-perċezzjoni inklużiva tan-newtralità hija bbażata fuq l-idea li d-dehra tal-membru tal-persunal pubbliku għandha tiġi mifruda mill-mod li bih huwa jipprovdi s-servizz pubbliku. Skont din il-perċezzjoni, hija n-newtralità tal-atti magħmulin mill-membru tal-persunal, u mhux in-newtralità tad-dehra tiegħu, li hija importanti, b’mod li huwa ma jistax jiġi pprojbit milli jilbes simboli ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż. Il-perċezzjoni esklużiva tan-newtralità, min-naħa l-oħra, hija bbażata fuq il-premessa li kemm l-atti magħmula mill-membru tal-persunal pubbliku kif ukoll id-dehra ta’ dan tal-aħħar għandhom ikunu strettament newtrali. Skont din il-perċezzjoni, kull membru tal-persunal pubbliku għandu jiġi pprojbit milli jilbes tali simboli fuq il-post tax-xogħol, indipendentement min-natura tal-funzjonijiet tiegħu u l-kuntest li fiha dawn jitwettqu. Jeżistu wkoll perċezzjonijiet intermedji tan-newtralità, li jinsabu fin-nofs bejn iż-żewġ perċezzjonijiet deskritti hawn fuq. Dawn jikkonsistu, pereżempju, fil-fatt li tali projbizzjoni tiġi rriżervata għall-membri tal-persunal li jkunu f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew għal dawk li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ awtorità, għall-kuntrarju ta’ sempliċi funzjonijiet ta’ eżekuzzjoni.

67.

F’dan il-każ, kif tenfasizza espressament il-qorti tar-rinviju, l-awtorità muniċipali, meta adottat ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għamlet volontarjament l-għażla tan-“newtralità esklużiva”, u dan bil-għan li timplimenta “spazju amministrattiv kompletament newtrali” ( 46 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex tiġġustifika dan l-għan imsemmi l-aħħar, l-awtorità muniċipali tillimita ruħha essenzjalment sabiex isemmi “bżonn soċjali imperattiv”, li tiegħu hija tipprova turi l-eżistenza biss billi tressaq affermazzjonijiet konċiżi u astratti ( 47 ).

68.

Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa minn żewġ perspettivi, li huma alternattivi u mhux neċessarjament kumulattivi, jekk l-awtorità muniċipali, li għandha l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward ( 48 ), turix b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-għażla tagħha li tadotta perċezzjoni esklużiva tal-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat tirrispondi għal bżonn reali.

69.

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi eżaminata din id-domanda mill-aspett legali. F’dan ir-rigward, peress li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni fuq id-dritt nazzjonali u lanqas a fortiori li tiġġudika fuq id-diversi interpretazzjonijiet ta’ kunċett jew prinċipju ta’ dritt nazzjonali u li tistabbilixxi liema minn dawn l-interpretazzjonijiet hija korretta, ser nillimita l-kummenti tiegħi li ġejjin għal ċerti kunsiderazzjonijiet li joħorġu mill-proċess u mill-interventi waqt is-seduta.

70.

Għaldaqstant, nikkonstata li ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma semmiet kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità muniċipali tadotta perċezzjoni esklużiva tan-newtralità u, għalhekk, li timponi fuq il-membri tal-persunal tagħha projbizzjoni assoluta tal-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

71.

Jidher ukoll li l-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat, minkejja li huwa ġeneralment ikklassifikat bħala prinċipju kostituzzjonali, ma huwiex stabbilit bħala tali fil-Kostituzzjoni Belġjana, ħlief għall-qasam speċifiku ħafna tat-tagħlim u, fuq kollox, li, fl-ordinament ġuridiku Belġjan, l-iskop u l-portata tiegħu ma humiex iddefiniti b’mod ċar u uniformi. Dan iwassalni biex naħseb li dan il-prinċipju ma jimponix minnu nnifsu li l-membri tal-persunal pubbliċi jiġu pprojbiti milli jilbsu simboli ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, u lanqas ma jeskludi l-possibbiltà ta’ tali projbizzjoni.

72.

Il-konstatazzjoni preċedenti twassalni wkoll biex nikkunsidra li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, l-Artikolu 4(2) TUE, ma għandu ebda rwol partikolari f’dan il-każ. L-assenza apparenti, fil-Belġju, ta’ kwalunkwe definizzjoni kostituzzjonali tal-portata u tal-kontenut tal-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat, magħduda mal-fatt li l-Gvern Belġjan ma kkunsidrax li jkun utli la li jipproponi risposta għall-ewwel domanda preliminari, u pprefera li jħalli dan ir-rigward fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas li jipparteċipa fis-seduta, tidher li tindika li dan il-prinċipju, tal-inqas fil-perċezzjoni esklużiva tiegħu, ma jaqax taħt l-identità nazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tar-Renju tal-Belġju.

73.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-għażla tal-awtorità muniċipali li tapplika perċezzjoni esklużiva tan-newtralità tal-Istat hijiex iġġustifikata minn elementi ta’ natura fattwali. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-awtoritajiet muniċipali Belġjani kollha ma jaqblux ma din il-perċezzjoni, u ċċitat bħala eżempji l-Bliet ta’ Gent (il-Belġju) u ta’ Mechelen (il-Belġju) li jawtorizzaw, mingħajr riżerva, l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż mill-membri tal-persunal tal-amministrazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol, u li ebda parti ma kkontradixxiet lill-Kummissjoni fuq dan il-punt waqt is-seduta. Ma jistax jiġi eskluż li tali soluzzjoni ma tkunx trasponibbli għall-awtorità muniċipali minħabba, pereżempju, l-eżistenza eventwali, fit-territorju tagħha, ta’ tensjonijiet komunitarji qawwija jew ta’ problemi soċjali serji jew, fi ħdan l-amministrazzjoni tagħha stess, minħabba atti ta’ proselitiżmu jew minħabba riskju konkret ta’ kunflitti bejn membri tal-persunal marbutin ma tali twemmin. F’dan ir-rigward, nirrepeti li huwa l-obbligu tal-awtorità muniċipali li ġġib il-prova konkreta ta’ tali elementi u l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar ir-rilevanza tagħhom.

– Fuq in‑natura xierqa u neċessarja tal‑mezzi ta’ implimentazzjoni tal‑għan leġittimu

74.

Jekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li x-xewqa tal-awtorità muniċipali li timplimenta “spazju amministrattiv kompletament newtrali” billi ssegwi politika ta’ newtralità esklużiva tista’ tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament indirettament ibbażat fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, dik il-qorti tkun għadha trid tevalwa jekk il-projbizzjoni stabbilita permezz tar-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

75.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, jidhirli li ma jistax jiġi ikkontestat li, kieku l-membri kollha tal-persunal tal-awtorità muniċipali kellhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma jilbsu simboli viżibbli ta’ twemmin b’mod partikolari filosofiku jew reliġjuż, dan jikkontribwixxi biex tiġi implimentata l-politika ta’ newtralità esklużiva li l-awtorità muniċipali għażlet li ssegwi. Madankollu, ikun għadu jrid jiġi eżaminat jekk din il-politika hijiex verament applikata b’mod koerenti u sistematiku ( 49 ). Issa, kif diġà rrilevajt fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha dubji f’dan ir-rigward. Kieku dawn id-dubji kellhom jirriżultaw fondati, mhux biss ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit marbut man-natura xierqa tal-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-għan leġittimu, iżda hija tkun tikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin.

76.

Għal dak li jirrigwarda t-tieni rekwiżit, dan jimplika li jiġi evalwat jekk il-projbizzjoni prevista mir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex limitata għal dak li huwa “strettament neċessarju” ( 50 ). F’dan ir-rigward, infakkar li din il-projbizzjoni tapplika b’mod ġenerali u assolut, jiġifieri b’mod indipendenti kemm min-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membru tal-persunal kif ukoll mill-kuntest li fih jitwettqu dawn il-funzjonijiet, u li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-projbizzjoni, meħuda fit-totalità tagħha, mad-Direttiva 2000/78 ( 51 ). Għaldaqstant, huwa għall-projbizzjoni mifhuma b’dan il-mod li t-test ta’ neċessità għandu jiġi applikat mill-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, filwaqt li jiġi mfittex bilanċ ġust bejn l-interessi involuti, il-kunsiderazzjonijiet fattwali li jien esponejt fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, fit-tieni lok, għall-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin li tirriżulta minn dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol ta’ entità pubblika li tipprojbixxi lill-membri tal-persunal milli jilbsu kwalunkwe simbolu ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol tista’ tkun iġġustifikata mix-xewqa ta’ din l-entità li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali, sakemm, fl-ewwel lok, din ix-xewqa tkun tirrispondi għal bżonn ġenwin ta’ din l-entità, u hija din tal-aħħar li għandha turi dan, fit-tieni lok, din id-differenza fit-trattament tkun xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni tajba ta’ din ix-xewqa u, fit-tielet lok, din il-projbizzjoni tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

Fuq il‑possibbiltajiet ta’ derogi

78.

Jekk jiġi konkluż li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, hija tkun tista’ tevita l-projbizzjoni prevista mid-Direttiva 2000/78 fil-każ li waħda mid-derogi previsti minn din id-direttiva tkun applikabbli, u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fl-Artikolu 2(5) u fl-Artikolu 4(1) tagħha.

79.

Ċertament, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ derogi, li, barra minn hekk, jidhru li ma ġewx invokati bħala tali mill-awtorità muniċipali. Madankollu, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-imsemmija derogi tqajmet minn OP u mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, u ġiet iddibattuta waqt is-seduta, għal dak li jirrigwarda wkoll l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva. Sabiex tingħata risposta sħiħa lill-qorti tar-rinviju, ser neżamina issa l-applikazzjoni possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’dan il-każ.

– Fuq l‑Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78

80.

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 52 ).

81.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex limitat biss għall-miżuri li jirriżultaw minn att adottat fi tmiem proċedura leġiżlattiva, iżda jinkludi wkoll miżuri stabbiliti abbażi ta’ regola ta’ awtorizzazzjoni suffiċjentement preċiża ( 53 ).

82.

F’dan il-każ, li kieku kellu jiġi konkluż li teżisti differenza fit-trattament, din id-differenza tkun tirriżulta mill-projbizzjoni prevista mir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

83.

Issa, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din l-aħħar regola biċ-ċar ma tikkostitwixxix att adottat wara proċedura leġiżlattiva, jiġifieri liġi fis-sens formali.

84.

Barra minn hekk, u għalkemm finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dan il-punt, lanqas ma jidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li jista’ jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni inkwistjoni ġiet stabbilita “abbażi ta’ regola ta’ awtorizzazzjoni suffiċjentement preċiża” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, nikkonstata li ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma kienet f’pożizzjoni li tidentifika kwalunkwe leġiżlazzjoni jew regoli nazzjonali li jistgħu jidhru li jawtorizzaw lil entità pubblika bħalma hija l-awtorità muniċipali sabiex tadotta regoli “li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji […] għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Il-fatt, invokat mill-awtorità muniċipali waqt is-seduta, li hija għandha, skont il-Kostituzzjoni Belġjana, is-setgħa li tirregola kull kwistjoni ta’ interess muniċipali, b’riżerva għall-intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jammonta għal tali awtorizzazzjoni.

85.

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jien intendi li nikkonkludi li d-deroga prevista mill-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

– Fuq l‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78

86.

Skont il-Gvern Franċiż, ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. Huwa jgħid li fil-fatt, il-membri tal-persunal tas-settur pubbliku huma marbuta, minħabba n-natura tal-attività professjonali tagħhom, b’obbligu strett ta’ newtralità li minnu joħroġ ir-rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti ta’ projbizzjoni li huma jimmanifestaw it-twemmin politiku, ideoloġiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom.

87.

OP tikkontesta din l-interpretazzjoni billi ssostni, essenzjalment, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività professjonali kkonċernata. Issa, f’dan il-każ, l-attività tikkonsisti fit-trattament ta’ kwistjonijiet legali marbutin mal-kuntratti pubbliċi tal-awtorità muniċipali u tiġi eżerċitata mingħajr kuntatt mal-pubbliku. Għaldaqstant, ma hemmx rekwiżit professjonali u determinanti f’dan il-każ.

88.

Infakkar li, meta jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, li ser neżamina suċċessivament hawnhekk, differenza fit-trattament li, inkella, tkun tikkostitwixxi diskriminazzjoni, kemm jekk din tkun diretta jew indiretta, toħroġ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Infakkar ukoll li, sa fejn tippermetti deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 23 tal-imsemmija direttiva, li tirreferi għal “ċirkostanzi limitati ħafna” li fihom tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata, għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 54 ).

89.

Fl-ewwel lok, huma l-Istati Membri li għandhom “jipprovdu”, jekk ikun il-każ, li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni. F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju jidher li għamel użu minn din il-fakultà, tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-każijiet ta’ differenza fit-trattament diretta, bl-adozzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni, u dan, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

90.

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, sabiex differenza fit-trattament tkun tista’ tevita li tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni, hija għandha tkun “[i]bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dak li għandu jikkostitwixxi rekwiżit ġenwin, ma huwiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni ( 55 ). Fil-fehma tiegħi, dan huwa fil-fatt il-każ tal-kawża preżenti. Fil-fatt, il-projbizzjoni imposta fuq il-membri tal-persunal tal-awtorità muniċipali biex ma jilbsux simboli li jistgħu jiżvelaw l-adeżjoni tagħhom ma’, b’mod partikolari, reliġjon speċifika, bħalma huwa l-velu Iżlamiku li huwa manifestazzjoni tal-fidi Musulmana, tikkostitwixxi karatteristika marbuta mar-reliġjon.

91.

Fit-tielet lok, il-karatterisitika kkonċernata għandha tikkostitwixxi “ħtieġa [rekwiżit] ġenwina u determinanti tax-xogħol” u dan ir-rekwiżit għandu jkun “oġġettivament” ( 56 ) iddettat min-natura jew mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, jien naqbel kompletament mal-pożizzjoni tal-Avukata Ġenerali Sharpston, li kkunsidrat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi applikat b’mod preċiż u ma jistax jintuża biex jiġġustifika eċċezzjoni ġenerali għall-attivitajiet kollha li impjegat partikolari jista’ potenzjalment ikun qiegħed iwettaq ( 57 ). Issa, għal dak li jirrigwarda l-każ konkret hawnhekk, insibha diffiċli nara kif il-fatt li OP tilbes velu Iżlamiku jipprekludiha b’xi mod li twettaq b’mod sħiħ il-kompiti tagħha bħala ġurista impjegata minn amministrazzjoni muniċipali. Mill-bqija, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda indikazzjoni f’dan is-sens. Dan japplika iktar u iktar peress li, f’awtoritajiet muniċipali Belġjani oħra, l-istess kompiti jitwettqu minn membri tal-persunal, mingħajr ma hija imposta fuqhom ebda restrizzjoni fir-rigward ta’ lbies, u dan indipendentement minn jekk humiex f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le.

92.

Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, il-kundizzjoni li l-għan segwit għandu jkun leġittimu u r-rekwiżit proporzjonat, sa fejn dan jeħtieġ li jiġi eżaminat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nirreferi għall-analiżi tiegħi magħmula fil-punti 62 sa 64 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

93.

Għaldaqstant, jien tal-fehma, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li lanqas id-deroga prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 ma hija applikabbli f’dan il-każ.

Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mit-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège, il-Belġju):

1)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol ta’ entità pubblika li tipprojbixxi lill-membri tal-persunal, bil-għan li torganizza ambjent amministrattiv totalment newtrali, milli jilbsu kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-membri tal-persunal li beħsiebhom jeżerċitaw il-libertà ta’ reliġjon u ta’ kuxjenza tagħhom bl-ilbies viżibbli ta’ simbolu jew ta’ lbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr differenzi.

2)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin li tirriżulta minn dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol ta’ entità pubblika li tipprojbixxi lill-membri tal-persunal milli jilbsu kwalunkwe simbolu ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol tista’ tkun iġġustifikata mix-xewqa ta’ din l-entità li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali, sakemm, fl-ewwel lok, din ix-xewqa tkun tirrispondi għal bżonn ġenwin ta’ din l-entità, u hija din tal-aħħar li għandha turi dan, fit-tieni lok, din id-differenza fit-trattament tkun xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni tajba ta’ din ix-xewqa u, fit-tielet lok, din il-projbizzjoni tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79.

( 3 ) It-terminu “velu Iżlamiku”, indikat ukoll bit-termini “mant Iżlamiku” jew “hijab”, ifisser oġġett ta’ ħwejjeġ li jkopri x-xagħar, il-widnejn u l-għonq filwaqt li jħalli l-wiċċ jidher.

( 4 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza G4S Secure Solutions, EU:C:2017:203), tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bougnaoui u ADDH, EU:C:2017:204), tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza WABE u MH Müller Handel, EU:C:2021:594), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, S.C.R.L. (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża) (C‑344/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza S.C.R.L., EU:C:2022:774).

( 5 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ aspetti “tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni” u li r-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq “reliġjon jew twemmin” tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali (sentenza S.C.R.L., punti 26, 27 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Moniteur belge tat‑30 ta’ Mejju 2007, p. 29016.

( 7 ) Taħt it-Titolu II, intitolat “Ġustifikazzjoni tad-distinzjonijiet”, il-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni tinkludi l-Artikoli 7 sa 13.

( 8 ) Skont OP, il-kuntatti diretti tagħha mal-pubbliku huma limitati għall-irċevuta tal-offerti minnha personalment, meta s-sottomissjoni b’mezz elettroniku ma tkunx obbligatorja, li huwa aneddotali, u għar-rappreżentanza fuq bażi ad hoc tal-awtorità muniċipali quddiem korp ta’ appell tar-Reġjun tal-Wallonja (il-Belġju) fil-qasam tal-permessi għall-ippjanar.

( 9 ) L-espressjoni “simboli ta’ twemmin” użata komunement fil-Belġju, tfisser kull oġġett, immaġni, ħwejjeġ jew simbolu li jesprimi adeżjoni ma’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż.

( 10 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju hemm riferiment għall-eżistenza ta’ regola mhux miktuba fi ħdan l-amministrazzjoni muniċipali, komunement aċċettata u osservata, li tgħid li l-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni dejjem astjenew milli jilbsu simboli ta’ twemmin waqt l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom.

( 11 ) Ser isir riferiment fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet għar-regola hekk prevista minn din il-verżjoni emendata tal-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tal-awtorità muniċipali bit-terminu “ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali”.

( 12 ) Din l-azzjoni hija bbażata kemm fuq il-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni kif ukoll fuq il-loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre la discrimination entre les femmes et les hommes (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007 dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni bejn in-Nisa u l-Irġiel, Moniteur belge tat‑30 ta’ Mejju 2007, p. 29031).

( 13 ) Għad-distinzjoni bejn newtralità esklużiva u newtralità inklużiva, ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri (C‑394/21, EU:C:2023:146, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et (C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 19).

( 17 ) Digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Talasca (C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 22).

( 18 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 58.

( 19 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Sentenza S.C.R.L., punti 48 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Stolichna obshtina, rayon Pancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:296, punt 71).

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:166, punt 86).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:166, punt 86).

( 25 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Stolichna obshtina, rayon Pancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:296, punt 73), u tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:166, punt 87).

( 26 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:296, punt 86).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 32), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:166, punt 83). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597, punti 43 sa 45).

( 28 ) F’dik il-kawża, ir-rikorrenti, ta’ fidi Musulmana, kienet tkeċċiet mill-impriża privata li kienet timpjegaha minħabba li hija rrifjutat li tirrinunzja għall-ilbies ta’ mant Iżlamiku matul is-sigħat tax-xogħol, u kisret għaldaqstant dispożizzjoni tar-regoli interni tal-impriża li tgħid li “l-impjegati huma pprojbiti milli jilbsu simboli b’rabta mat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom li jkunu viżibbli fuq il-post tax-xogħol u/jew li jwettqu kwalunkwe ritwal li jirriżulta minnu”.

( 29 ) Sentenza G4S Secure Solutions, punti 30 u 32.

( 30 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 52, u s-sentenza S.C.R.L., punti 33 u 34. L-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, struzzjonijiet tal-persunal ta’ impriża li topera skejjel materni, li jgħidu li l-impjegati huma pprojbiti milli jilbsu, fuq il-post tax-xogħol, kwalunkwe simbolu viżibbli mill-ġenituri, mit-tfal u minn terzi, tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom. It-tieni waħda kienet tikkonċerna dispożizzjoni tar-regoli tax-xogħol ta’ impriża privata li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jimmanifestaw bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikunu liema jkunu.

( 31 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 53.

( 32 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punti 72 u 73, u s-sentenza S.C.R.L., punt 31.

( 33 ) Sentenza S.C.R.L., punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2016:553, punt 110).

( 35 ) Sentenza G4S Secure Solutions, punt 34, u s-sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 59.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza WABE u MH Müller Handel, punti 61 u 62.

( 37 ) Sentenza G4S Secure Solutions, punt 36.

( 38 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2023:59, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Id-Direttiva 2000/78 ma tiddefinixxix dan il-kunċett għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tagħha.

( 40 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, l-awtorità muniċipali tinvoka wkoll il-prinċipju ta’ imparzjalità. Etimoloġikament, il-kunċett ta’ “newtralità” jirreferi għall-istat ta’ persuna jew ta’ entità li tastjeni milli tagħżel, li tadotta pożizzjoni ta’ trażżin, filwaqt li dak ta’ “imparzjalità” jimplika teħid ta’ deċiżjoni, iżda mingħajr ma tintwera ebda preferenza personali. Ma nemminx madankollu li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jeħtieġ li ssir distinzjoni stretta bejn iż-żewġ kunċetti. Il-prinċipju ta’ newtralità, kif invokat f’dan il-każ, jidhirli li huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ dak tal-imparzjalità, inkwantu jinftiehem bħala li jiggarantixxi l-imparzjalità tal-awtorità pubblika.

( 41 ) Fir-raġunijiet għall-emenda tar-regoli tax-xogħol tal-awtorità muniċipali, hemm indikat b’mod partikolari li: “il-prinċipju li jgħid li l-membri tal-persunal tal-amministrazzjoni muniċipali huma obbligati li jastjenu milli jimmanifestaw, b’simboli esterni, it-twemmin ideoloġiku, reliġjuż u filosofiku tagħhom jagħmel parti […] mix-xewqa li jiġi affermat il-valur fundamentali ta’ newtralità tas-servizz pubbliku u, fost l-espressjonijiet differenti possibbli tal-prinċipju ta’ newtralità, l-awtorità trid tippromwovi fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha spazju amministrattiv kompletament newtrali”.

( 42 ) Sentenza G4S Secure Solutions, punt 38, sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 63, u s-sentenza S.C.R.L., punt 39.

( 43 ) Kif tippreċiża l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 81), bis-saħħa ta’ din il-libertà, “fil-prinċipju l-imprenditur jista’ jiddetermina b’liema mod kif ukoll taħt liema kundizzjonijiet għandhom jiġu organizzati u mwettqa l-kompiti li jaqgħu taħt l-attività tiegħu, kif ukoll f’liema għamla jiġu offruti l-prodotti u s-servizzi tiegħu”.

( 44 ) C.E., sentenza Nru 223.042, tas‑27 ta’ Marzu 2013, punt VI.2.6.

( 45 ) Sentenza S.C.R.L., punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata. F’dan ir-rigward, ma nistax ma naqbilx mal-preċiżazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li tgħid li “[d]in l-interpretazzjoni hija ispirata mix-xewqa li jiġu inkoraġġuti, bħala prinċipju, t-tolleranza u l-osservanza, kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ livell ikbar ta’ diversità u li jiġi evitat abbuż mill-istabbiliment ta’ politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża għad-detriment ta’ ħaddiema li josservaw regoli ta’ kondotta reliġjuża li jimponu li jintlibes ċertu lbies”.

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) B’dan il-mod, l-awtorità muniċipali tirreferi għall-“istruttura nfisha tal-bini” li timplika li l-membri tal-persunal jistgħu f’kull ħin jiltaqgħu ma’ ċittadin u għall-fatt li “n-newtralità tad-dehra imposta fuq il-membri tal-persunal kollha għandha mhux biss funzjoni ta’ eżempju fir-rigward tal-attitudni li għandha tiġi adottata fil-konfront tal-pubbliku, iżda wkoll garanzija tal-funzjonament tajjeb tas-servizz u mod sabiex jiġi evitat li jqumu tensjonijiet bejn il-membri tal-persunal”.

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut”.

( 49 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 ) Sentenza WABE u MH Müller Handel, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 51 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Montaġġ awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Cafaro (C‑396/18, EU:C:2019:929, punt 44). Ir-regola ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża sabiex jiġi ggarantit li l-miżura kkonċernata tosserva r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 61).

( 54 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla (C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza Bougnaoui u ADDH, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Sentenza Bougnaoui u ADDH, punt 40.

( 57 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2016:553, punt 95).