KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )
Kawża C‑125/22
X,
Y,
is‑sitt itfal minuri tagħhom
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosh, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni individwali u għaċ-ċirkustanzi personali tal-applikant kif ukoll għas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini – Ċirkustanzi umanitarji”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s‑Hertogenbosh, il-Pajjiżi l-Baxxi) skont l-Artikolu 267 TFUE, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-konjuġi X u Y, kif ukoll is-sitt itfal minuri tagħhom, kollha ċittadini Libjani (iktar ’il quddiem, flimkien, “ir-rikorrenti”) u, min-naħa l-oħra, is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”), rigward deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jiċħdu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti. Il-kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik dwar jekk ir-rikorrenti jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali ta’ applikant, minn naħa, u s-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-applikazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf jekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, ċirkustanzi umanitarji għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-evalwazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni sussidjarja. Permezz tas-sentenza tagħha, li fiha ser jiġu interpretati l-kriterji komuni li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali u għal koerenza ikbar fl-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea
|
4. |
L-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dinjità tal-bniedem” jistabbilixxi: “Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.” |
|
5. |
L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprovdi: “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.” |
|
6. |
L-Artikolu 19 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.” |
2. Id‑Direttiva 2011/95
|
7. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[...]” |
|
8. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, dwar l-“[e]żami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. [...] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[...] 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut. 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
[...]
|
|
9. |
Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”: “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:
|
|
10. |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Protezzjoni interna”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġoranta tinkiseb minn sorsi rilevanti, bħal eżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.” |
|
11. |
Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Dannu serju”, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha, dwar il-“[k]walifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
|
12. |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara”, jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.” |
B. Id‑dritt Olandiż
|
13. |
L‑Artikolu 29(1) tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (il-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000)), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 496), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “1. Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat [...] jista’ jingħata liċ-ċittadin barrani li:
2. Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat imsemmi fl-Artikolu 28 jista’ jingħata wkoll lill-membri tal-familja elenkati hawn taħt jekk, fil-mument tal-wasla taċ-ċittadin barrani kkonċernat, huma kienu jifformaw parti mill-familja tiegħu u kienu daħlu fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-istess żmien bħalu, jew ingħaqdu miegħu fi żmien tliet xhur wara li huwa ngħata permess ta’ residenza għal żmien limitat [...] [...] 4. Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat [...] jista’ jingħata wkoll lil membru tal-familja fis-sens tal-paragrafu 2 li ma jkunx ingħaqad maċ-ċittadin barrani msemmi fil-paragrafu 1 fit-tliet xhur ta’ wara l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil dan tal-aħħar [...] jekk, f’dawn it-tliet xhur, tkun saret applikazzjoni għal viża għal residenza ta’ iktar minn tliet xhur minn dan il-membru tal-familja jew f’ismu.” |
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14. |
Il-konjuġi X u Y, rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma mil-Libja. Fit‑28 ta’ Jannar 2018 huma ppreżentaw, anki għan-nom tas-sitt itfal minuri tagħhom, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
15. |
Huma ssostanzjaw l-applikazzjonijiet tagħhom billi ddikjaraw l-elementi li ġejjin: X ħadem għal diversi snin fi Tripli bħala gwardja tas-sigurtà ta’ politikanti f’kariga għolja. Darba sparawlu waqt li kien qiegħed jiġġoggja wara x-xogħol. Allegatament, huwa ntlaqat f’rasu u traċċi tal-balal daħlu f’ħaddejh ix-xellugija. Wara dan, X allegatament ġie mhedded darbtejn bit-telefon, l-ewwel darba madwar ħames xhur wara li sparaw fuqu u t-tieni darba bejn sena u sentejn wara l-isparatura fuqu. Matul dawn il-konverżazzjonijiet telefoniċi, intqal b’mod partikolari li X kien jaħdem għall-gvern, li huwa kien ser jinqatel u li t-tfal tiegħu kienu ser jinħatfu. X allegatament għandu suspetti dwar l-identità tal-persuna responabbli mill-isparatura u mit-theddid, iżda ma jistax jipprovahom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti argumentaw li minbarra ċ-ċirkustanzi umanitarji fil-Libja (b’mod partikolari l-assenza ta’ aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u l-assenza ta’ aċċess għall-elettriku), il-fatt li huma kellhom sitt itfal minuri huwa importanti wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
16. |
Permezz ta’ deċiżjonijiet separati, kollha datati 24 ta’ Diċembru 2020, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala infondati. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet jindikaw li r-rikorrenti ma kinux ser jingħataw permess ta’ residenza ordinarju u ma kinux ser jibbenefikaw minn posponiment tal-obbligu tagħhom li jitilqu. Fl-aħħar nett, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li dawn id-deċiżjonijiet kienu jservu wkoll sabiex jagħtu lok għal obbligu li jħallu t-territorju u li r-rikorrenti kellhom terminu ta’ erba’ ġimgħat biex jikkonformaw ruħhom ma’ dan. |
|
17. |
Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors, għal nuqqas ta’ fondatezza, kontra iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s Hertogenbosh). |
|
18. |
Dik il-qorti tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95. Hija tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 15(b), minn naħa, u dawk tal-Artikolu 15(c), min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu evalwati b’mod strettament separat, jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 15 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-elementi rilevanti kollha relatati kemm mas-sitwazzjoni individwali u maċ-ċirkustanzi personali tal-applikant kif ukoll mas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini għandhom dejjem jiġu evalwati b’mod integrali u konġunt qabel ma tiġi identifikata l-manifestazzjoni ta’ dannu serju li tista’ tiġi ssostanzjata abbażi ta’ dawn l-elementi. Hija ssostni li d-deċiżjoni li tingħata jew le protezzjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ser tiddependi fuq il-mod li bih għandhom jiġu interpretati dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
19. |
Din hija r-raġuni għaliex ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s Hertogenbosh) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
20. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju datata 22 ta’ Frar 2022 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum. |
|
21. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż, Belġjan, Ġermaniż u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
22. |
Waqt is-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023, il-mandatarji ad litem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Olandiż, kif ukoll tal-Kummissjoni, ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom. |
V. Analiżi ġuridika
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
23. |
Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat‑28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal‑31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 4 ) huma l-istrumenti legali internazzjonali prinċipali fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-istatus tar-refuġjati u l-prinċipju ta’ non-refoulement. Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2011/95, ġiet introdotta fl-Unjoni forma ġdida ta’ protezzjoni, il-“protezzjoni sussidjarja”. Peress li ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(b) TFUE, din id-direttiva tagħmel parti mill-kuntest ta’ miżuri relatati ma’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil li tinkludi “status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali” (korsiv miżjud minni). |
|
24. |
“[P]ersuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95, tfisser “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15” (korsiv miżjud minni). Din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet tipi ta’ “dannu serju” li l-karatterizzazzjoni tagħhom hija ta’ natura li twassal, għall-persuna li ssofrihom, għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. B’mod konkret, dawn jirrigwardaw, il-piena kapitali [punt (a)]; it-tortura jew trattamenti jew sanzjonijiet inumani jew degradanti imposti fuq applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (punt (b)) u theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza indiskriminata fil-każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali (punt (c)). |
|
25. |
Għalhekk, id-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi l-kriterji komuni li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja, u tiżgura għalhekk li l-Istati Membri kollha japplikaw dawn il-kriterji. Kif ġustament irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja ( 5 ). Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw il-fatti u li għandhom jistabbilixxu jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti f’dan il-każ, billi jsegwu l-linji gwida li jirriżultaw mill-ġurisprudenza. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva u tikkundanna prattika eteroġenja fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, jidhirli li huwa indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula b’mod ċar sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-regoli tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. |
|
26. |
Il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali ta’ applikant, minn naħa, u s-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi intiża sabiex dan l-applikant jingħata l-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 (l-ewwel sat-tielet domanda). Din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll, jekk taħt ċerti kundizzjonijiet, ċirkustanzi umanitarji għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-evalwazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni sussidjarja tal-imsemmi applikant (ir-raba’ domanda). Dawn id-domandi ser jiġu indirizzati fl-ordni li fih saru. |
B. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
27. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(g) u mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk applikant huwiex espost għal riskju li jsofri wieħed mid-danni serji, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom iwettqu b’mod sistematiku l-eżami tal-elementi rilevanti kollha, li jirrigwardaw kemm is-“sitwazzjoni individwali” u ċ-“ċirkustanzi personali” tal-applikant kif ukoll is-“sitwazzjoni ġenerali” fil-pajjiż ta’ oriġini, qabel ma jidentifikaw il-forma ta’ dannu serju li tista’ tiġi ssostanzjata abbażi ta’ dawn l-elementi. |
1. Fuq l‑obbligu li ssir evalwazzjoni individwali tal‑applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l‑aspetti kollha rilevanti li jirrigwardaw il‑pajjiż ta’ oriġini kif ukoll is‑sitwazzjoni individwali u ċ‑ċirkustanzi personali tal‑applikant
|
28. |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 6 ), hija l-awtorità determinanti tal-Istat Membru kkonċernat li għandha tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara eżami adegwat, kif ippreċiżat b’mod partikolari fl-imsemmi paragrafu. L-eżami tal-applikazzjoni mill-awtorità determinanti, li għandu jkollha mezzi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-qasam, huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva ( 7 ). |
|
29. |
Imbagħad, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq bażi “individwali”, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, l-elementi msemmija fl-imsemmi artikolu ( 8 ). Il-punt (a) jirreferi għall-“fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini”, filwaqt li l-punt (c) jirreferi għall-“pożizzjoni individwali” u għaċ-“ċirkustanzi personali” tal-applikant. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-applikant għandux jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja meta ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat bħala refuġjat. Fi kliem ieħor, anki jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tinvokax elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-applikant, din id-dispożizzjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsidrazzjoni s-“sitwazzjoni individwali” kif ukoll iċ-“ċirkustanzi personali” tal-applikant. |
|
30. |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, ma jeżisti ebda ordni ġerarkiku jew kronoloġiku bejn it-tipi differenti ta’ dannu serju ddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 ( 9 ), b’tali mod li ebda argument ma jista’ jkun ibbażat fuqu sabiex jiġi sostnut nuqqas ta’ rilevanza tas-“sitwazzjoni individwali” u taċ-“ċirkustanzi personali” tal-applikant (meta mqabbla mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini) bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, din il-konstatazzjoni donnha ssostni interpretazzjoni li teħtieġ preċiżament li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha ssir mill-awtorità kompetenti. |
|
31. |
Għalhekk, jidhirli li mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini, l-applikant ikunx f’riskju reali ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, dejjem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kemm is-“sitwazzjoni individwali” u ċ-“ċirkustanzi personali” tal-applikant, kif ukoll il-fatti rilevanti kollha li jirrigwardaw il-pajjiż ta’ oriġini u, għalhekk, ukoll, jekk ikun il-każ, is-“sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż” inkwistjoni. |
2. Il‑manifestazzjonijiet ta’ dannu serju jistgħu jissodisfaw simultanjament diversi kriterji li għandhom jiġu evalwati waqt l‑evalwazzjoni tal‑istess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali
|
32. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din l-osservazzjoni ma timplikax li t-tifsira li għandha tingħata liż-żewġ elementi msemmija hawn fuq (minn naħa, is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, u min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini) tkun neċessarjament l-istess fil-kuntest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 15(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2011/95. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li jeżistu differenzi bejn dawn il-punti, li għandhom jissemmew fil-qosor sabiex wieħed jifhem l-analiżi aħjar. |
|
33. |
Minn naħa, għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li jinsabu fil-punt (a), jiġifieri l-“piena kapitali jew [l-]eżekuzzjoni”, u fil-punt (b), jiġifieri r-riskju ta’ “tortura jew [ta’] trattament inuman”, dawn id-danni serji jkopru sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja huwa espost speċifikament għar-riskju ta’ dannu ta’ tip partikolari ( 10 ). Min-naħa l-oħra, id-dannu ddefinit fl-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, ikkostitwit minn “theddida serja u individwali għall-ħajja jew il-persuna” tal-applikant, ikopri riskju ta’ dannu iktar ġenerali. Għalhekk, dan jirrigwarda b’mod iktar wiesa’ “theddida [...] għal ħajja [jew għall-persuna]” ta’ pajżan, pjuttost milli vjolenzi speċifiċi. Barra minn dan, dan it-theddid huwa inerenti f’sitwazzjoni ġenerali ta’ kunflitt armat li tagħti lok għal “vjolenza indiskriminatorja”, li jimplika li hija tista’ testendi għal persuni irrispettivament miċ-ċirkustanzi personali tagħhom ( 11 ). |
|
34. |
Madankollu, dawn id-differenzi ma jeskludux l-eżistenza ta’ sovrappożizzjonijiet b’tali mod li, f’ċerti każijiet, il-manifestazzjonijiet ta’ dannu serju jistgħu jissodisfaw simultanjament diversi kriterji li għandhom jiġu evalwati waqt l-evalwazzjoni tal-istess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 12 ). Għal din ir-raġuni, nikkunsidra li l-elementi kollha rilevanti, li jirrigwardaw kemm is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, kif ukoll is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini, għandhom jiġu eżaminati u evalwati flimkien qabel ma tiġi stabbilita l-manifestazzjoni ta’ dannu serju li tikkorrispondi l-aħjar għall-każijiet inkwistjoni skont l-Artikolu 15(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
35. |
Barra minn hekk, irrid infakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riferiment għat-“theddida serja u individwali” (korsiv miżjud minni) fl-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem li jkopri dannu dirett kontra pajżana mingħajr kunsiderazzjoni tal-identità tagħhom, jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tkun tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew mill-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tkun tressqet deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni, jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu raġunijiet serji u stabbiliti li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, ikun, diġà minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu f’dan it-territorju, f’riskju reali li jkun suġġett għat-theddid serju msemmi fl-Artikolu 15(c) tal-imsemmija direttiva ( 13 ). |
|
36. |
Madankollu, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jkopri sitwazzjoni eċċezzjonali bħal dik deskritta fil-punt preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tkopri wkoll sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn grad ta’ vjolenza indiskriminata inqas għoli iżda fejn tali riskju jirriżulta miċ-ċirkustanzi personali tal-applikant. Fil-fatt, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, “iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja” ( 14 ) (korsiv miżjud minni). |
|
37. |
Dawn l-elementi kollha jwasslu għall-konklużjoni li, fil-kuntest tal-analiżi intiża sabiex l-applikant jingħata l-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni, mhux biss is-“sitwazzjoni ġenerali” tal-pajjiż ta’ oriġini, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, l-elementi li jirrigwardaw is-“sitwazzjoni individwali” u ċ-“ċirkustanzi personali” ta’ dan l-applikant. |
3. Xi prinċipji li jistgħu jservu ta’ gwida għall‑awtoritajiet nazzjonali fit‑twettiq tal‑funzjonijiet tagħhom
|
38. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn la d-Direttiva 2011/95, la d-Direttiva 2013/32, u lanqas xi regola oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jinkludu regoli espressi u dettaljati marbuta mal-istruttura u mal-organizzazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda l-interdipendenza u l-iżvolġiment sekwenzjali tal-evalwazzjoni ta’ forom differenti ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. |
|
39. |
Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, ibbażati fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettu madankollu li tiġi stabbilita serje ta’ prinċipji li jistgħu jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri. Peress li dawn il-prinċipji jistgħu jservu ta’ gwida għall-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, inqis opportun li nippreżentahom iktar ’il quddiem. |
|
40. |
L-ewwel, mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel deliberament distinzjoni bejn id-diversi forom ta’ dannu serju li jistgħu jeżistu. Kull waħda mit-tliet forom ta’ dannu serju msemmija f’dan l-artikolu tikkostitwixxi raġuni awtonoma għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Konsegwentement, ir-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-punt rilevanti ta’ dan l-Artikolu 15 għandhom jiġu ssodisfatti qabel ma jingħata dan l-istatus. Għalhekk, ma huwiex suffiċjenti li jiġu ssodisfatti parzjalment ir-rekwiżiti ta’ punt u parzjalment dawk ta’ punt ieħor tal-imsemmi Artikolu 15. Jibqa’ l-fatt li, fejn xieraq, tista’ tkun kwistjoni ta’, simultanjament, riskju reali ta’ diversi danni serji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
41. |
It-tieni, u mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal preċedentement, f’sitwazzjoni fejn jista’ jkun hemm diversi danni serji fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, ċerti elementi jistgħu jkunu rilevanti simultanjament għal diversi forom ta’ tali danni serji. F’dan il-każ, l-elementi rilevanti inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-forom kollha ta’ dannu serju li jistgħu jkunu inkwistjoni. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jeħtieġ li dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-fatti kollha rilevanti” hemm imsemmija, inkluż is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, kif ukoll is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini. B’konformità ma’ dan ir-rekwiżit, ma jistax jiġi aċċettat li, fi Stat Membru, ċerti elementi potenzjalment rilevanti ma jkunux eżaminati u evalwati mill-awtorità determinanti għas-sempliċi raġuni formali li l-applikant qajjem dawn l-elementi fir-rigward ta’ waħda mill-forom potenzjalment rilevanti ta’ dannu serju possibbli, iżda mhux fir-rigward ta’ oħra. |
|
42. |
It-tielet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ stadji waqt l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 15 ). L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni stadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, ir-rekwiżiti bażiċi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali jkunux issodisfatti. Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95 japplika waqt l-ewwel stadju, iżda mhux fit-tieni wieħed. Din id-distinzjoni bejn iż-żewġ stadji tal-evalwazzjoni, b’responsabbiltajiet differenti għall-applikant u għall-awtorità determinanti, tikkonferma li ma huwiex possibbli li din l-awtorità, qabel l-eventwali klassifikazzjoni legali, teskludi ċerti elementi potenzjalment rilevanti. Dan imur kontra l-prinċipju li jgħid li jeżistu żewġ stadji distinti li għandhom, loġikament, japplikaw suċċessivament. |
|
43. |
Ir-raba’, aspett partikolarment importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 – li ser jiġi spjegat fid-dettall fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari – jirrigwarda l-kwistjoni dwar sa fejn l-applikant huwa speċifikament espost għar-riskju li jsofri ċertu tip ta’ dannu. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-“individwalizzazzjoni” ma hijiex importanti biss sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni tal-applikant taqax taħt id-dannu serju ddefinit fil-punti (a) u (b), iżda wkoll dak imsemmi fil-punt (c) ta’ dan l-artikolu. B’konformità mal-hekk imsejħa skala “mobbli”, żviluppata bil-ġurisprudenza u li tapplika fir-rigward tal-punt (c), “iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja” ( 16 ) (korsiv miżjud minni). Konsegwentement, l-awtorità kompetenti jkollha tistabbilixxi l-grad ta’ “individwalizzazzjoni” meħtieġ fil-każ inkwistjoni. |
|
44. |
B’konformità mat-tqassim ta’ kompetenzi fil-kuntest ta’ proċedura preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-approċċ adottat f’dan il-każ mill-awtorità kompetenti waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni esposti hawn fuq. |
4. Risposta għall‑ewwel domanda preliminari
|
45. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal kull wieħed mill-punti elenkati f’dan l-artikolu u li jistgħu jkunu inkwistjoni f’każ partikolari, l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 4(3), li jinkludu s-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant kif ukoll il-fatti kollha rilevanti li jirrigwardaw il-pajjiż ta’ oriġini, u għandha ssir b’mod li jiddistingwi ż-żewġ stadji relattivi, rispettivament, għall-konstatazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu provi insostenn tal-applikazzjoni u għall-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn l-elementi, mingħajr ma huwa neċessarju li l-punti differenti ta’ dan l-Artikolu 15 jiġu evalwati flimkien. |
C. Fuq it‑tieni domanda preliminari
1. Ir‑rilevanza tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem dwar l‑Artikolu 3 tal‑KEDB
|
46. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-analiżi intiża għad-determinazzjoni ta’ riskju ta’ dannu serju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu evalwati l-elementi relatati mas-sitwazzjoni individwali u maċ-ċirkustanzi personali ta’ dan l-applikant, u jekk din l-evalwazzjoni tmurx lil hinn mill-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ “individwalizzazzjoni”, kif imsemmija fis-sentenza N.A. vs Ir‑Renju Unit. |
|
47. |
B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti a quo tixtieq kjarifika, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk ċirkustanzi individwali minbarra s-sempliċi fatt li wieħed ikun ġej minn żona fejn iseħħu “il-każijiet l-iktar estremi ta’ vjolenza ġenerali”, fis-sens tal-imsemmija sentenza – jiġifieri li fihom il-grad ta’ vjolenza f’pajjiż partikolari jilħaq livell tali li t-tkeċċija ta’ persuna lejn dan il-pajjiż tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani jew degradanti ggarantita mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) – jistgħux iservu bħala element rilevanti neċessarju sabiex jiġi ssostanzjat biża’ ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
|
48. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jkopri mhux biss sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn grad ta’ vjolenza indiskriminata, iżda wkoll sitwazzjonijiet oħra kkaratterizzati minn grad ta’ vjolenza inqas għoli iżda fejn tali riskju jirriżulta minn elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tal-applikant. Kif irrilevajt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-ġurisprudenza tagħha li, “iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja” (korsiv miżjud minni). Minn dan isegwi li, waqt l-analiżi li għandha ssir skont din id-dispożizzjoni, huwa possibbli li tiġi applikata “skala mobbli” bbażata fuq differenza skont il-livelli ta’ vjolenza indiskriminata possibbli u skont is-sitwazzjoni individwali tal-applikant, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dan l-applikant jistax jibbenefika mill-protezzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni. |
|
49. |
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-elementi relatati mas-sitwazzjoni individwali u maċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, imwettqa fil-kuntest tal-analiżi intiża sabiex jiġi ddeterminat riskju ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 tmurx lil hinn mill-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ “individwalizzazzjoni”, kif imsemmija mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha N.A. vs Ir‑Renju Unit, għandu jitfakkar li fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3 tal-KEDB. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva huwa differenti mill-imsemmija dispożizzjoni tal-KEDB, l-interpretazzjoni tiegħu għandha ssir b’mod awtonomu filwaqt li tibqa’ fil-parametri tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB ( 18 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, billi rreferiet għas-sentenza N.A. vs Ir‑Renju Unit iċċitata iktar ’il fuq, li l-interpretazzjoni mogħtija hemmhekk tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, hija kompletament kompatibbli mal-KEDB, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 19 ). |
|
50. |
Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta saret legalment vinkolanti u għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, kif jipprovdi l-Artikolu 6(1) TUE. Għalhekk, issa l-Karta hija l-punt ta’ referenza prinċipali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan huwa preċiżament dak li jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB – u għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward – jżommu l-importanza kollha tagħhom fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet korrispondenti għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. |
|
51. |
Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 3 tal-KEDB, id-dritt fundamentali li jinsab fih jikkorrispondi għad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta. Bħala tali, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ “theddid serju u individwali”), din l-aħħar dispożizzjoni għandha għalhekk l-istess tifsira u portata bħal tal-ewwel ( 20 ). Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3 tal-KEDB, u li minnha tifforma parti s-sentenza N.A. vs Ir‑Renju Unit, tista’ għalhekk tkun rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95. |
2. Aspetti oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni marbuta mas‑“sitwazzjoni individwali” jew maċ‑“ċirkustanzi personali” tal‑applikant
|
52. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva għandha ssir b’mod awtonomu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi personali fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-kontroll tal-kundizzjoni ta’ “individwalizzazzjoni” kif imsemmija mill-Qorti EDB fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, jidhirli li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi personali fir-rigward tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 tmur lil hinn mill-kontroll tal-osservanza tal-imsemmija kundizzjoni ta’ “individwalizzazzjoni”. |
|
53. |
Kif kont diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet li jien ippreżentajt fil- fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ “theddid serju u individwali”) ( 21 ), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li minkejja li l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 ma timplikax, fl-ewwel lok, eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, din id-dispożizzjoni għandha tinqara, fit-tieni lok, flimkien mal‑Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li elementi ta’ natura personali li jikkonċernawh jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15(c) ( 22 ). |
|
54. |
Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95, “[i]l-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut” (korsiv miżjud minni). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-identifikazzjoni ta’ eventwali “theddid serju u individwali” fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 tkun ibbażata fuq elementi identiċi għal dawk meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta’ atti ta’ “tortura jew trattament inuman jew degradanti” li l-applikant għandu jistabbilixxi li huwa speċifikament espost għalihom fis-sens tal-punt (b) tal-istess artikolu. |
|
55. |
Barra minn hekk, nammetti li jiena sensittiv għall-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż, li tipprovdi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċerti fatturi marbuta mas-sitwazzjoni individwali jew maċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, li jistgħu jżidu r-riskju li jkun vittma ta’ vjolenza fil-każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali ( 23 ). Fost dawn il-fatturi hemm b’mod partikolari l-professjoni, meta pereżempju, tabib, avukat jew interpretu jkun espost għal riskji speċifiċi minħabba l-attività tiegħu. Minkejja li huwa impossibbli li jiġu elenkati b’mod eżawrjenti l-fatturi kollha li jistgħu jżidu r-riskju ta’ persuna li tkun vittma ta’ vjolenza, nikkunsidra li l-approċċ li għandu jiġi adottat huwa suffiċjentement ċar sabiex jissensibilizza l-awtoritajiet kompetenti. |
3. Risposta għat‑tieni domanda preliminari
|
56. |
Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) u (4) ta’ din għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inkluża l-professjoni tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami fir-rigward tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, sakemm dawn l-elementi jżidu r-riskju speċifiku li wieħed ikun espost għal theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna minħabba vjolenza indiskriminata fil-każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. |
D. Fuq it‑tielet domanda preliminari
|
57. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“iskala mobbli”, iċċitata iktar ’il fuq, li hija applikata waqt l-evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tal-punt (c) ta’ dan l-artikolu, għandhiex tiġi applikata wkoll fl-evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tal-imsemmi punt (b). |
|
58. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din l-“iskala mobbli” tirrigwarda l-grad ta’ vjolenza indiskriminata fil-kuntest ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali u tippermetti li jiġi ddeterminat jekk, f’każ partikolari, il-grad ta’ tali vjolenza indiskriminata, li jista’ jwassal għal theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan, huwiex tali li jeżistu, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, raġunijiet serji u stabbiliti sabiex wieħed jaħseb li fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini, din il-persuna tkun f’riskju reali li ssofri d-danni serji msemmija fl-Artikolu 2(f), moqri flimkien mal-Artikolu 15(c) ta’ din. |
|
59. |
Min-naħa l-oħra, id-danni serji li jinsabu fl-Artikolu 15(a) u (b) ta’ din id-direttiva jkopru sitwazzjonijiet differenti, li fihom l-applikant huwa espost speċifikament għar-riskju ta’ dannu li jeħtieġ ċertu grad ta’ individwalizzazzjoni, abbażi ta’ elementi speċifiċi għaċ-ċirkustanzi personali tiegħu. |
|
60. |
Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 15(b) ma jinkludix rekwiżit relatat ma’ sitwazzjoni li fiha jkun hemm ċertu grad ta’ vjolenza indiskriminata, nikkunsidra li din l-“iskala mobbli”ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni fir-rigward ta’ dan il-punt (b). |
|
61. |
Għal dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“iskala mobbli”, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija applikata għall-finijiet tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-punt (c) ta’ dan l-artikolu, ma tapplikax għal din l-ewwel dispożizzjoni. |
E. Fuq ir‑raba’ domanda preliminari
|
62. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest tal-analiżi intiża sabiex tagħti lill-applikant il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni emerġenza umanitarja li tkun preżenti fil-pajjiż ta’ oriġini. |
|
63. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża li huma mitluba jiddeċiedu ( 24 ). Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali adita bil-kawża hija, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, dik li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita minn qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni proprja tagħha, u b’mod partikolari, sabiex tistabbilixxi jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba hijiex marbuta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx meħtieġa tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi. Jekk jidher li d-domanda magħmula hija manifestament irrilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ( 25 ). Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, l-eżami tar-raba’ domanda jqajjem diffikultajiet, li jidhirli li ma jistgħux jintgħelbu sabiex jiġi konkluż li l-imsemmija domanda hija ammissibbli minkejja qari ddettaljat u ġeneruż tad-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
64. |
L-ewwel, il-qorti tar-rinviju ma tindikax espressament liema punt tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 huwa kkonċernat minn din id-domanda. Madankollu, mill-kuntest li fih saret id-domanda jirriżulta li din tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt (c) ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax dak li għandu jinftiehem bir-riferiment għaċ-“ċirkustanzi umanitarji”. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju jippermettu li jiġi dedott li l-qorti tar-rinviju tirreferi għal sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn nuqqas sostanzjali ta’ servizzi bażiċi bħall-ikel, l-ilma u l-kura medika, b’tali mod li jirrigwardaw apparentament “emerġenża uminitarja”. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju kellha f’moħħha tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrenti jinsabu preċiżament fis-sitwazzjoni deskritta. Sempliċi referenza ġenerali għal rapporti ppreparati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tas-sitwazzjoni globali fil-pajjiż ta’ oriġini ma tistax tkun suffiċjenti għal evalwazzjoni każ b’każ tas-sitwazzjoni tal-applikant. |
|
65. |
Fil-fatt, minkejja li r-rikorrenti ddikjaraw li “l-kundizzjonijiet ta’ ħajja diffiċli, bħall-fatt li ma kellhomx karburant, ilma tajjeb għax-xorb u elettriku, kienu waħda mir-raġunijiet għat-tluq [tagħhom]”, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 2011/95 timponi rekwiżiti għolja għar-riskju li wieħed isofri danni serji ( 26 ) (korsiv miżjud minni). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi, din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jidentifikaw “il-persuni li għandhom ġenwinament bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” ( 27 ). Huwa f’dan l-ispirtu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tar-riskji ta’ deterjorament tal-istat ta saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li “nuqqasijiet ġenerali ta’ sistema ta’ saħħa tal-pajjiż tal-oriġini”ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-Direttiva ( 28 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-sempliċi konstatazzjoni oġġettiva ta’ “riskju marbut mas-sitwazzjoni ġenerali ta’ pajjiż” ma hijiex suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti fir-rigward ta’ persuna speċifika ( 29 ). |
|
66. |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, li minnha jirriżulta li “[r]iskji li hija ġeneralment esposta għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew sezzjoni minn popolazzjoni normalment ma joħolqux fihom infushom theddida individwali li tkun tikkwalifika bħala dannu serju” (korsiv miżjud minni). Mill-preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni, bħal dik deskritta mir-rikorrenti, ma tistax tiġi kkunsidrata li hija wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, minkejja kemm jistgħu jkunu diffiċli ċ-ċirkustanzi għall-persuni kkonċernati. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rabta bejn id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u l-fatti li taw lok għall-kawża tidher li hija tal-inqas diskutibbli. Għalhekk, jidhirli li r-raba’ domanda hija ta’ natura ipotetika. |
|
67. |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li ċ-ċirkustanzi umanitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma l-konsegwenza diretta jew indiretta ta’ atti u/jew ommissjonijiet ta’ attur ta’ dannu serju, kif tippreżupponi d-domanda magħmula. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex ippreċiżat min huwa l-attur previst, f’hiex jikkonsistu l-atti u/jew l-ommissjonijiet konkreti ta’ dan l-attur, jekk dawn twettqux b’mod deliberat jew involontarju, jew x’inhi r-relazzjoni preċiża bejn iċ-ċirkustanzi umanitarji u dawn l-atti u/jew ommissjonijiet. F’dan il-kuntest, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni sussidjarja tista’ tingħata biss jekk it-theddid ikun il-konsegwenza ta’ aġir intenzjonat ta’ wieħed mill-atturi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95 ( 30 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li din id-dispożizzjoni tinkludi lista ta’ atturi ta’ dannu serju “[j]ikkorrobora l-idea li tali perikoli għandhom jitwettqu bl-aġir ta’ terz” ( 31 ) (korsiv miżjud minni). |
|
68. |
Fil-kuntest tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, dan jimplika li tali protezzjoni tista’ tingħata meta t-theddid serju u individwali jkun il-konsegwenza suffiċjentement diretta ta’ vjolenza indiskriminata. F’dan il-każ, fl-assenza tal-informazzjoni neċessarja dwar is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-identità eżatta tal-atturi allegatament involuti, ma huwiex possibbli li tingħata risposta għad-domanda magħmula, ħlief billi tittieħed gwida minn riflessjonijiet ipotetiċi, li huwa eskluż mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
69. |
It-tielet, ma nistax neħles mill-impressjoni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża, fir-realtà, sabiex tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi rekwiżiti addizzjonali fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, minkejja l-formulazzjoni ċara u eżawrjenti ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma hemmx dubju li din id-dispożizzjoni ma ssemmix l-“emerġenza umanitarja” fiha nnifisha bħala wieħed mill-każijiet li jista’ jagħti dritt għal protezzjoni sussidjarja. Qabelxejn, il-kliem użat fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jipprekludi interpretazzjoni li tista’ tinkludi tali sitwazzjoni. Għalhekk, nikkunsidra li “emerġenza umanitarja”ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 32 ). |
|
70. |
Barra minn hekk, jidhirli li tali interpretazzjoni, jekk tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss tkun problematika minħabba l-argumenti ppreżentati iktar ’il fuq, iżda twassal ukoll għal diffikultajiet ta’ applikazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, iktar u iktar għaliex ma huwiex ċar kif ir-rekwiżiti addizzjonali – inkluż b’deċiżjoni ġudizzjarja – jintegraw ruħhom fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, ir-rabta bejn l-“emerġenza umanitarja” u r-rekwiżiti espressament previsti f’din id-dispożizzjoni tqajjem bosta mistoqsijiet. Jidhirli li d-diffikultajiet assoċjati ma’ tali approċċ juru li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma setgħetx tkun li jaċċetta tali twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija mingħajr ma tiġi prevista riforma ( 33 ). Fl-opinjoni tiegħi, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiżgura ċ-ċertezza legali billi jemenda d-Direttiva 2011/95 jekk ikun neċessarju. |
|
71. |
Għar-raġunijiet invokati fil-punti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-raba’ domanda hija inammissibbli. |
F. Konklużjoni
|
72. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2011, L 337, p. 9.
( 3 ) Iktar ’il quddiem is-“sentenza NA. vs Ir‑Renju Unit”.
( 4 ) Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967.
( 5 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 22).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 7 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 64).
( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 41).
( 9 ) Ara f’dan ir-rigward, Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), Gwida prattika tal-EASO: Kwalifika għal protezzjoni internazzjonali, April 2018, p. 27.
( 10 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 25).
( 11 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 32 sa 34).
( 12 ) Ara f’dan is-sens, EASO, Artikolu 15(c) de la directive qualification aux conditions que doivent remplir les demandeurs d’asile (2011/95/EU) – Analyse judiciaire, (Artikolu 15(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għall-Kundizzjonijiet li għandhom jiġu Ssodisfatti mill-Applikanti għall-Ażil (2011/95UE) – Analiżi ġudizzjarja) Jannar 2015, p. 16.
( 13 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 35) u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 28).
( 14 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 39) u tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 31).
( 15 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 44 et seq.) u tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 58).
( 16 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 28).
( 19 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 44).
( 20 ) C‑901/19 (EU:C:2021:116, punt 49).
( 21 ) Kawża C‑901/19 (EU:C:2021:116, punt 24).
( 22 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 39 u 40).
( 23 ) Ara f’dan is-sens, Storey, H., EU immigration and asylum law (editur Kay Hailbronner/Daniel Thym), Munich 2016, Parti D III, Art. 15, paġna 1238, punt 16, li jikkunsidra li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jservi sabiex jipproteġi persuni jekk dawn jirnexxilhom juru li qegħdin jaffaċċjaw theddid minħabba l-“karatteristiċi individwali” tagħhom.
( 24 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 17).
( 25 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38).
( 26 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C-465/07, EU:C:2009:94, punt 37).
( 27 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 33), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 37), u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punt 44).
( 28 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 31).
( 29 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 37).
( 30 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 31).
( 31 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 35).
( 32 ) Wieħed jista’ jidentifika ċerta analoġija mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet li tipprovdi li ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95.
( 33 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:116, punt 56), indikajt li t-test tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 huwa l-frott ta’ kompromess bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, il-ġenesi ta’ din id-dispożizzjoni juri li din kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet kontroversjali fi ħdan il-Kunsill (ara, f’dan ir-rigward, Storey, H., op. cit., paġna 1235, punt 6).