KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑83/22

RTG

vs

Tuk Tuk Travel SL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Direttiva (UE) 2015/2302 – Vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Artikolu 5(1) – Obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni – Anness I, Partijiet A u B – Formola ta’ informazzjoni Standard – Artikolu 12(2) – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż – COVID‑19 – Dritt għal kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar għall-vjaġġ kollox kompriż – Talba mressqa mill-vjaġġatur għal kumpens parzjali – Qorti nazzjonali – Eżami ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipji ta’ dritt proċedurali nazzjonali”

1.

Is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu kien fost is-setturi l-iktar affettwati b’mod serju u immedjat mill-pandemija tal-COVID-19 ( 2 ). L-inċertezza pprovokata mill-pandemija u l-firxa rapida tagħha fost kontinenti differenti wasslu lil ħafna vjaġġaturi sabiex jitterminaw il-kuntratti tagħhom ta’ vjaġġi kollox kompriż (package travel) qabel ma ttieħdu miżuri ta’ emerġenza mill-gvernijiet u ngħalqu l-fruntieri. Dan il-kuntest ta’ inċertezza qajjem dubji dwar il-portata eżatta tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u, iktar speċifikament, għamilha diffiċli għall-vjaġġaturi sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 ( 3 ).

2.

F’dan l-isfond, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjoni pura ta’ dritt proċedurali. Hija tikkonċerna s-setgħat tal-qrati li jirrikonoxxu ex officio d-drittijiet tal-konsumaturi li jirriżultaw mid-Direttiva 2015/2302 u, iktar speċifikament, id-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas xi tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk qorti għandhiex ikollha s-setgħa li tagħti lil konsumatur, ex officio, iktar milli huwa talab sabiex tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li huwa jislet bħala vjaġġatur skont din id-direttiva.

3.

Hemm ġurisprudenza stabbilita u abbundanti dwar is-setgħat tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeterminaw ex officio jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta. Din il-linja ta’ ġurisprudenza, iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-parti inferjuri, tinkludi wħud mis-sentenzi l-iktar importanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il- konsumatur ( 4 ), bħal dawk tal-kawżi Océano Grupo ( 5 ), Cofidis ( 6 ) jew Aziz ( 7 ). Is-sentenza fil-kawża Océano Grupo tqieset “għodda b’saħħitha sabiex telimina inġustizzja u tistabbilixxi mill-ġdid ġustizzja soċjali fid-dritt tal-kuntratti” [traduzzjoni libera] ( 8 ), filwaqt li s-sentenza fil-kawża Cofidis ispirat anki l-arti ( 9 ). Wara iktar minn żewġ deċennji ta’ żvilupp u konsolidazzjoni ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza, l-iktar sentenzi reċenti jiffokaw fuq il-kjarifika ta’ aspetti tat-teorija tal-ex officio, li jilħqu xi drabi bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi effettiva u l-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali ( 10 ). Minn din il-perspettiva, it-teorija tal-ex officio tidher li qiegħda tilħaq stadju ta’ “maturità” fl-iżvilupp tagħha jew, kif awtur b’mod ġust isejħilha, l-“età tar-raġuni” ( 11 ). Din il-kawża hija parti minn dan l-istadju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Direttiva 2015/2302

4.

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2015/2302 huwa intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni u kontenut tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar”. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 5, bit-titolu ta’ “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur u, fejn il-pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, dan tal-aħħar għandu jagħti wkoll lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formula rilevanti kif tinsab fil-Parti A jew Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-pakkett, bl-nformazzjoni li ġejja:

(a)

il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tal-ivvjaġġar:

[…]

(g)

informazzjoni li l-vjaġġatur jista’ jtemm il-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett ladarba titħallas tariffa ta’ terminazzjoni xierqa jew, fejn applikabbli, it-tariffi ta’ terminazzjoni standardizzati mitluba mill-organizzatur, skont l-Artikolu 12(1);

[…]

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti. Fejn tali informazzjoni tingħata bil-miktub, din għandha tkun tista’ tinqara.”

5.

L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […]

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.”

6.

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, bl-intestatura “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.”

7.

L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.”

8.

Il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata ‘Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ ħoloq elettroniċi hu possibbli’, tistabbilixxi, f’kaxxa tal-kliem, il-kontenut ta’ din il-formola u tindika li, billi jsegwi l-ħolqa elettronika, il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja:

Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

[…]

Il-vjaġġaturi jistgħu jtterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett.

[…]”

9.

Il-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk koperti fil-Parti A”, tistabbilixxi, f’kaxxa ta’ kliem, il-kontenut ta’ din il-formola, segwita mill-istess drittijiet ewlenin skont din id-direttiva bħal dawk stabbiliti skont il-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

Id-dritt Spanjol

Il-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti

10.

L-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2015/2302 huma trasposti fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikoli 153 u 160, rispettivament, tar-Real Decreto Legislativo 1/2007, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Leġiżlattiv Reali 1/2007 li Japprova t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħrajn; iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti”) tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181).

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili

11.

L-Artikolu 216 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il‑Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575; iktar ’il quddiem il-“LEC”) jipprovdi dan li ġej:

“Il-qrati ċivili għandhom jiddisponu mill-kawżi li jitressqu quddiemhom abbażi tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet imressqa mill-partijiet, ħlief fejn huwa previst mod ieħor mil-liġi f’każijiet speċifiċi.”

12.

Skont l-Artikolu 218(1) tal-LEC:

“Id-deċiżjonijiet ġuridiċi għandhom ikunu ċari u preċiżi u għandhom jirriflettu r-rikjesti u talbiet oħrajn tal-partijiet, li jkunu saru fil-ħin matul il-proċeduri. Dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun fihom id-dikjarazzjonijiet meħtieġa, jaqtgħu favur jew kontra l-konvenut u jiddeċiedu fuq kull punt fit-tilwima li jifforma s-suġġett kontenzjuż.

Il-qorti, mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi taċċetta punti ta’ fatt jew punti ta’ dritt li jeċċedu dawk li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jqajmu, għandha tagħti d-deċiżjonijiet tagħha skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk setgħu ma kinux iċċitati b’mod korrett jew imressqa mill-partijiet fil-proċedura.”

13.

L-Artikolu 412(1) tal-LEC huwa miktub kif ġej:

“Malli s-suġġett tal-proċeduri jkun ġie stabbilit fir-rikors, fir-risposta, u jekk ikun il-każ, fil-kontrotalba, il-partijiet ma jistgħux ivarjawh fi stadju iktar tard.”

Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.

Fl-10 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent xtara mingħand il-konvenuta, Tuk Tuk Travel SL, vjaġġ kollox kompriż għal żewġ persuni lejn il-Vjetnam u l-Kambodja, li jitlaq minn Madrid (Spanja) fit-8 ta’ Marzu 2020 u li jirritorna fl-24 ta’ Marzu 2020.

15.

Ir-rikorrent ħallas EUR 2402 fil-mument tal-firma tal-kuntratt, filwaqt li l-ħlas kollu tal-vjaġġ kien ta’ EUR 5208. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ipprovdew informazzjoni dwar l-għażla “li jiġi kkanċellat il-vjaġġ qabel ma jibda, mal-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni”. L-ebda informazzjoni kuntrattwali jew prekuntrattwali ma kienet inkluża fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi kkanċellat il-vjaġġ fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jiġru fid-destinazzjoni tal-vjaġġ jew fil-viċinanza immedjata tagħha u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż.

16.

Fit-12 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent innotifika lill-konvenuta bid-deċiżjoni tiegħu sabiex ma jagħmilx dan il-vjaġġ, minħabba l-firxa tal‑COVID‑19 fl-Asja, u talab il-ħlas lura tal-ammonti dovuti lilu bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni.

17.

Il-konvenuta rrispondiet lir-rikorrent fl-14 ta’ Frar 2020, billi informatu li, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni, hija kienet ser tħallsu lura EUR 81. Ir-rikorrent ikkontesta l-kalkolu tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. Finalment, il-konvenuta nnotifikat lir-rikorrent li kienet ser tħallsu lura EUR 302.

18.

Ir-rikorrent iddeċieda li jressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u li jsostni l-każ tiegħu mingħajr rappreżentazzjoni legali, kif huwa intitolat li jagħmel skont id-dritt proċedurali nazzjonali. Huwa sostna li d-deċiżjoni tiegħu li jikkanċella l-vjaġġ kienet minħabba raġuni ta’ force majeure, jiġifieri l-iżviluppi inkwetanti fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-saħħa bħala riżultat tal-COVID‑19. Huwa talab ħlas lura addizzjonali ta’ EUR 1 500, b’mod li l-aġenzija tkun tista’ żżomm EUR 601 bħala spejjeż tal-amministrazzjoni.

19.

Il-konvenuta ssottomettiet li, fid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt, id-deċiżjoni tar-rikorrent li jikkanċella l-vjaġġ ma kinitx iġġustifikata. Fi Frar 2020, l-ivvjaġġar lejn il-pajjiżi tad-destinazzjoni tkompla b’mod normali. Għalhekk, skont il-konvenuta, ir-rikorrent ma kienx intitolat li jinvoka sitwazzjoni ta’ force majeure sabiex jittermina l-kuntratt. Barra minn hekk, il-konvenuta sostniet li r-rikorrent kien qabel mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt li jikkonċernaw tariffi tal-amministrazzjoni fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-vjaġġ kollox kompriż (li jammontaw għal 15% tal-ispiża totali tal-vjaġġ), u li t-tariffi ta’ terminazzjoni huma dawk applikati minn kull wieħed mill-fornituri tagħha. B’mod addizzjonali, billi naqas milli jikseb assikurazzjoni, ir-rikorrent assuma r-riskji li jikkonċernaw il-kanċellazzjoni.

20.

Minħabba li l-partijiet ma talbux seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kawża bdiet l-istadju tad-deliberazzjoni fit-22 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, fil-15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju ħarġet digriet (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-15 ta’ Settembru 2021”) u stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien għaxart’ ijiem dwar il-kwistjonijiet li ġejjin: l-ewwel, il-mistoqsija dwar jekk is-sitwazzjoni tas-saħħa allegata mill-konsumatur tistax titqies bħala riskju eċċezzjonali u inevitabbli, fis-sens tal-Artikolu 160(2) tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti; it-tieni, il-konsegwenzi legali tan-nuqqas mill-organizzatur tal-vjaġġ milli jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni u, iktar preċiżament, il-mistoqsija dwar jekk l-assenza (fil-fehma tal-qorti tar-rinviju) ta’ obbligu li tiġi pprovduta tali informazzjoni skont id-Direttiva 2015/2302 tmurx kontra l-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE; it-tielet, il-mistoqsija dwar jekk il-qorti tistax tinforma lil konsumatur, ex officio, dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu, meta jkun jidher mit-talba li huwa ma kienx jaf dwarhom; u, ir-raba’, il-mistoqsija dwar jekk il-protezzjoni tal-konsumaturi tkunx teħtieġ li l-qorti tordna lill-konvenuta sabiex tagħti lill-konsumatur kumpens sħiħ, billi jitwarrbu l-prinċipju li s-suġġett tal-azzjoni huwa delimitat mill-partijiet u l-prinċipju ta’ ne ultra petita, fiċ-ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ma kienx informat dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju talbet lill-partijiet jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar in-neċessità li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari.

21.

Ir-rikorrent ma ppreżentax osservazzjonijiet. Il-konvenuta reġgħet ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha dwar l-assenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li setgħu jiġġustifikaw it-terminazzjoni tal-kuntratt. Fir-rigward tal-kumplament, hija kkunsidrat li ma hemm l-ebda bżonn li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, minħabba li r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda osservazzjoni dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021.

22.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, l-ewwel, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302. B’mod partikolari, hija ssostni li la d-direttiva u lanqas il-leġiżlazzjoni Spanjola li tittrasponi din id-direttiva ma jinkludu fost l-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun ipprovduta mill-organizzaturi lill-vjaġġaturi, id-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni. Minħabba l-assenza ta’ tali rekwiżit, ir-rikorrent ma kienx jaf dwar id-dritt tiegħu li jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li sar. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqajjem id-domanda dwar jekk l-informazzjoni minima li kienet ipprovduta lir-rikorrent skont id-Direttiva 2015/2302 hijiex suffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 169 TFUE, flimkien mal-Artikolu 114 TFUE.

23.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tqajjem id-domanda dwar jekk huwiex possibbli, skont id-dritt tal-Unjoni, li jingħata fis-sentenza, ex officio, ir-rimbors tal-ħlas kollu li sar mill-konsumatur li jeċċedi l-ammont tat-talba tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tispjega li dan l-għoti ex officio jmur kontra l-prinċipju bażiku tad-dritt proċedurali Spanjol, jiġifieri li d-deċiżjoni li tinstab fid-dispożittiv ta’ sentenza għandha tirrifletti t-talbiet li tressqu fl-azzjoni (l-Artikolu 218(1) tal-LEC).

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikoli 169(1) u 2(a) TFUE u 114(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2015/2302], peress li dan l-artikolu ma jinkludix, fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, id-dritt irrikoxxut lill-vjaġġaturi mill-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jiġi tterminat il-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u li jinkiseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett?

(2)

L-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302, jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ dispożittiv u ta’ kongruwenza previsti fl-Artikoli 216 u 218(1) tal-[LEC], meta dawn il-prinċipji proċedurali jistgħu jostakolaw il-protezzjoni sħiħa tal-konsumatur rikorrent?”

25.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Finlandiż, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Finlandiż, il-Parlament u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fit-12 ta’ Jannar 2022.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

26.

Bħala kwistjoni preliminari, il-Gvern Ċek jissottometti li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ b’mod impliċitu fuq il-preżunzjoni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, ir-rikorrent kien intitolat li jittermina l-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jsiru fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Madankollu, skont il-Gvern Ċek, din il-preżunzjoni hija żbaljata. Fil-fehma tiegħu, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji għandha tkun evalwata fil-mument tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Is-sempliċi riskju li jkun hemm tali ċirkustanzi fil-futur ma jistax iwassal għal dritt min-naħa tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż.

27.

Madankollu, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx il-kwistjoni ta’ jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ speċifiku, ir-rikorrent kellux id-dritt li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas xi tariffa ta’ terminazzjoni skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Għalhekk, din il-kwistjoni ma hijiex ser tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali stabbiliti fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 12 ).

Fuq l-ewwel domanda preliminari

28.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114(3) TFUE. Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni jinbtu mill-premessa li din id-dispożizzjoni ma tinkludix, fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, id-dritt stabbilit fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

29.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif kien ippreżentat mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Finlandiż, mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-premessa li ssostni d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 hija żbaljata.

30.

Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, li jirregola l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni prekuntrattwali, għandu jinqara fid-dawl tal-kontenut tal-formola ta’ informazzjoni standard ipprovduta fil-Parti A u l-Parti B tal-Anness I. Iktar speċifikament, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, l-organizzatur għandu jipprovdi lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formola rilevanti kif stabbilita fil-Parti A jew fil-Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-vjaġġ kollox kompriż, l-informazzjoni li hija stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

31.

Il-formola ta’ informazzjoni standard, ipprovduta fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, tindika d-drittijiet ewlenin li dwarhom għandhom ikunu informati l-vjaġġaturi. Dawn id-drittijiet jinkludu, skont is-seba’ inċiż fil-Parti A u l-Parti B ta’ dan l-anness, id-dritt tal-vjaġġaturi li “jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett”. Għalkemm id-dispożizzjoni eżatta tad-Direttiva 2015/2302 li tikkonferixxi dan id-dritt, jiġifieri l-Artikolu 12(2), ma hijiex iċċitata b’mod espliċitu fit-test tal-formola ta’ informazzjoni standard, huwa ċar li din il-formola għandha tistabbilixxi l-kontenut ta’ dan id-dritt.

32.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrimarkat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 u l-Anness I tagħha ġew trasposti b’mod korrett fid-dritt Spanjol u b’mod iktar partikolari fil-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti.

33.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 jinkludi fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi d-dritt, mogħti lill-vjaġġaturi permezz tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jitterminaw il-kuntratt qabel ma jinbeda l-vjaġġ kollox kompriż u li jiksbu rimbors sħiħ tal-ħlas li jkun sar fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Konsegwentement, il-premessa għall-kuntrarju, li ssostni d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302, fil-fatt ma hijiex korretta.

34.

Sa fejn dan huwa l-każ, il-kunsiderazzjoni tal-ewwel domanda preliminari ma żvelat xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302.

Fuq it-tieni domanda preliminari

35.

Bħala osservazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li, fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE għall-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, u fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari magħmula. Sabiex tipprovdi risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-kliem użat fid-domanda preliminari magħmula ( 13 ).

36.

Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jkun osservat, kif il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni essenzjalment iddikjaraw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li huwa apparenti mill-kuntest tat-tieni domanda preliminari li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, u li r-riferiment f’din id-domanda preliminari għall-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jista’ jkun minħabba żball ta’ tipografija.

37.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa neċessarju li t-tieni domanda preliminari tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li skonthom qorti nazzjonali li jkollha quddiemha tilwima ma tistax tagħti lill-konsumatur ex officio l-ammont sħiħ tal-ħlas lura li huwa intitolat għalih, f’ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ikun talab inqas.

38.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, huwa neċessarju li jsiru xi osservazzjonijiet fir-rigward tal-portata tagħha. Kif diġà ġie indikat ( 14 ), permezz tad-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet. Dawn il-kwistjonijiet inkludew id-domanda dwar jekk dik il-qorti għandhiex is-setgħa, minn naħa, sabiex tinforma lill-konsumatur, ex officio, dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex tagħti lill-konsumatur ammont li jeċċedi l-petitum. Il-konsumatur ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet. Fis-seduta, il-Gvern Spanjol issottometta li, skont l-interpretazzjoni tiegħu ta’ dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju informat lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu. Madankollu, il-konsumatur baqa’ passiv. Fl-opinjoni tiegħi, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2021, kif ippreżentat mill-qorti tar-rinviju, u l-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħmluhiex possibbli li ssir inferenza li l-qorti nazzjonali, fil-fatt, informat lill-konsumatur bid-drittijiet tiegħu.

39.

Billi jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-istruttura tal-analiżi tiegħi hija kif ġej. L-ewwel, permezz ta’ introduzzjoni, ser nippreżenta l-iktar prinċipji importanti tal-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. It-tieni, ser nanalizza d-domanda dwar jekk qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Fl-aħħar, ser nanalizza d-domanda dwar jekk qorti nazzjonali għandhiex ikollha s-setgħa li tagħti ammont li jeċċedi dak mitlub mill-konsumatur fir-rikors tiegħu.

(a) L-obbligu tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fissret, f’diversi okkażjonijiet, il-mod li bih qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-konsumatur u l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq is-setgħat tal-qrati sabiex japplikaw ex officio d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur.

41.

L-iktar linja importanti ta’ din il-ġurisprudenza tikkonċerna d-Direttiva 93/13 ( 15 ). Il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 tkunx ta’ natura inġusta, b’mod li tirrimedja għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan ( 16 ).

42.

Il-prinċipju ta’ kontroll ex officio tal-klawżoli kuntrattwali inġusti huwa bbażat fuq taħlita ta’ prinċipji li huma essenzjalment meħuda mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, min-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, min-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi u mill-kunsiderazzjonijiet ta’ effettività.

43.

Iktar speċifikament, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni tagħhom ( 17 ). Hija enfasizzat ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom ( 18 ). Din id-dispożizzjoni hija meqjusa ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, huma kklassifikati bħala regoli ta’ ordni pubbliku ( 19 ).

44.

B’mod addizzjonali, id-Direttiva 93/13, kif jidher mill-Artikolu 7(1) flimkien mal-premessa erbgħa u għoxrin ta’ din id-direttiva, tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex itemmu l-użu kontinwu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri ( 20 ).

45.

Il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw intervent pożittiv minn qorti nazzjonali sabiex jirrimedjaw l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-operatur ekonomiku ma humiex limitati għad-Direttiva 93/13. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, abbażi tal-prinċipju ta’ effettività u minkejja r-regoli ta’ dritt intern kunfliġġenti, li l-qrati nazzjonali japplikaw ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ex officio. Dan ir-rekwiżit ġie ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni introdotta minn dawn id-direttivi hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar tiegħu kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni tiegħu, u li jeżisti riskju reali li l-konsumatur, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ għarfien, ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih ( 21 ).

46.

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni mill-qrati, ex officio, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44/KE ( 22 ) (sentenzi fil-kawża Duarte Hueros ( 23 ) u fil-kawża Faber ( 24 )), u d-Direttiva 87/102/KEE ( 25 ) (sentenza fil-kawża Rampion u Godard ( 26 )). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’diversi okkażjonijiet l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw, ex officio, ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva 85/577/KEE ( 27 ) (sentenza Martín Martín ( 28 )), u d-Direttiva 2008/48/KE ( 29 ) (sentenzi fil-kawża Radlinger u Radlingerová ( 30 ) u fil-kawża OPR-Finance ( 31 )).

47.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ intervent pożittiv mill-qrati, dan huwa suġġett għad-disponibbiltà ta’ kull punt ta’ liġi u ta’ fatt neċessarju għal dan l-għan ( 32 ).

48.

Barra minn hekk, meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat, ex officio, li kien hemm ksur ta’ ċerti obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, hija għandha, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur sabiex jippreżenta rikors f’dan is-sens, tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali minn tali ksur, bil-kundizzjoni li jiġi osservat dejjem il-prinċipju audi alteram partem u li s-sanzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 33 ).

49.

L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur mill-qrati nazzjonali ex officio jista’ jkollha implikazzjonijiet fuq id-dritt proċedurali nazzjonali. Permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, fl-assenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-regoli ddettaljati li jirregolaw il-proċeduri għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, mingħajr ħsara għall-prinċipju ta’ ekwivalenza u għall-prinċipju ta’ effettività ( 34 ). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, madankollu, li l-ħtieġa li jiġi osservat dan il-prinċipju ma tistax tiġi estiża sal-punt li tirrimedja b’mod sħiħ għall-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat ( 35 ).

50.

B’mod addizzjonali, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, inter alia, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali ddettaljati relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq dawn id-drittijiet ( 36 ).

51.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidher li r-rekwiżit ta’ intervent pożittiv ta’ qrati nazzjonali fil-kontenzjuż tal-konsumatur żviluppa, kif osservat b’mod tajjeb mill-istudjużi, f’“sistema verament Ewropea ta’ applikazzjoni ex officio” ( 37 ) li tintroduċi fid-dritt tal-konsumatur “rimedju proċedurali inklużiv komplet” [traduzzjoni libera] ( 38 ).

(b) Is-setgħat tal-qrati ex officio fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302

52.

Il-kompletezza tat-teorija tal-ex officio twassalni sabiex nikkunsidra li r-raġunijiet li jsostnu l-obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw ex officio id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi huma ugwalment validi fir-rigward tad‑Direttiva 2015/2302. Interpretazzjoni differenti, kif il-Kummissjoni rrimarkat fis-seduta, toħloq nuqqas ta’ konsistenza fil-protezzjoni tal-konsumaturi.

53.

Il-partijiet interessati kollha li pparteċipaw fis-seduta rrikonoxxew li l-qrati nazzjonali huma obbligati li japplikaw ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u jirrikonoxxu d-dritt tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni, meta l-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt neċessarji jkunu disponibbli. F’dan ir-rigward, hija, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali li għandha, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-regoli ta’ dritt applikabbli għal kawża li titressaq quddiemha, tikklassifika ġuridikament il-fatti u l-atti invokati mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom ( 39 ). Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent bħala bażi għat-talba tiegħu jistgħux jikkwalifikaw bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” li jwasslu għad-dritt previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

54.

Barra minn hekk, il-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ din id-direttiva jikkwalifikaw bħala “dritt ewlieni” id-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe mument qabel ma jinbeda l-vjaġġ kollox kompriż mingħajr il-ħlas ta’ xi tariffa ta’ terminazzjoni. Fid-dawl tal-importanza tiegħu, dan id-dritt jifforma parti mill-informazzjoni prekuntrattwali li l-organizzatur għandu jipprovdi lill-vjaġġatur skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 ( 40 ). Mill-premessa 26 tad-Direttiva 2015/2302 isegwi li tali informazzjoni prekuntrattwali hija “informazzjoni ewlenija” li għandha tkun “vinkolanti”. Għalhekk, id-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt mingħajr il-ħlas ta’ xi tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji huwa sinjifikattiv fis-sistema tad-Direttiva 2015/2302. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti, kif jista’ jidher mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 3 ( 41 ) u 5, fil-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi, ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti bejn vjaġġaturi u operaturi ekonomiċi li jirrigwardaw vjaġġi kollox kompriż.

55.

Dan l-għan ma jistax jinkiseb b’mod effettiv jekk il-konsumatur ikun obbligat li jqajjem huwa stess id-drittijiet li jgawdi fil-konfront tal-organizzatur b’mod partikolari minħabba r-riskju reali li l-konsumatur ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu jew jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jeżerċitahom ( 42 ). Fil-fatt, jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fi proċeduri tad-dritt tal-konsumatur hemm riskju reali li l-konsumatur, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ għarfien, ma jinvokax ir-regola tad-dritt intiża għall-protezzjoni tiegħu ( 43 ). Dan ir-riskju jiggrava f’sitwazzjonijiet ta’ awtorappreżentazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

56.

Barra minn hekk, isegwi mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-premessa 46 tagħha, li d-drittijiet tal-vjaġġaturi stipulati fid-direttiva huma imperattivi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet, min-natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni dwar il-konsumaturi, ir-rekwiżit tal-applikazzjoni tagħhom mill-qrati ex officio. Din il-konstatazzjoni kienet saret fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ( 44 ), iżda wkoll fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Fis-sentenza fil-kawża Faber ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li r-regola dwar id-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova stipulata fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 hija ta’ natura vinkolanti, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kemm għall-partijiet, li ma jistgħux jidderogaw minnha permezz ta’ ftehim, kif ukoll għall-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola kellha tkun applikata mill-qrati ex officio anki jekk ma kinitx invokata espressament mill-konsumatur li jkun jista’ jibbenefika minnha.

57.

Għalhekk, permezz ta’ analoġija, għandu jiġi aċċettat li n-natura vinkolanti tad-dritt tal-vjaġġatur sanċit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, teħtieġ li l-qrati nazzjonali jirrikonoxxu dan id-dritt ex officio u jinformaw regolarment lill-konsumatur anki jekk dan tal-aħħar, li jista’ jibbenefika minnha, ma jkunx invokaha espressament.

58.

B’żieda ma’ dan, fil-kawża prinċipali l-organizzatur kien kiser l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt. Ir-rikonoxximent mill-qorti nazzjonali, ex officio, tad-dritt mogħti lill-konsumatur għalhekk jikkostitwixxi mezz adegwat u effettiv sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-Direttiva 2015/2302, kif meħtieġ mill-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva.

59.

Naqbel mal-Gvern Finlandiż, li rrimarka fis-seduta li qorti nazzjonali għandha tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu malli jkollha dubji li dan tal-aħħar ma talabx għad-drittijiet tiegħu b’mod sħiħ minħabba nuqqas ta’ għarfien. Is-“sempliċi indikazzjoni” ( 46 ) f’dan is-sens għandha tkun suffiċjenti. Tali indikazzjoni għandha titqies li tidher f’ċirkustanzi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn l-organizzatur kiser l-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jinforma jew jekk l-informazzjoni pprovduta ma ngħatatx “b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti” kif meħtieġ mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2015/2302.

60.

Il-Gvern Finlandiż irrimarka wkoll fis-seduta li hija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meta l-qorti nazzjonali tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu. Huwa pass proċedurali distint indirizzat liż-żewġ partijiet u mwettaq skont rekwiżiti formali stabbiliti f’dan ir-rigward mir-regoli ta’ proċedura nazzjonali ( 47 ). Kif diġà ġie rrimarkat ( 48 ), fejn il-qorti nazzjonali tqajjem motiv ex officio, hija għandha taġixxi skont il-prinċipju ta’ audi alteram partem u tistieden liż-żewġ partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-qorti.

61.

Mill-premess isegwi li protezzjoni effettiva tal-konsumaturi tista’ tinkiseb biss jekk il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa, fejn ikollha disponibbli l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan, li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tiegħu li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni, stipulat f’din id-dispożizzjoni, dejjem sakemm jiġi osservat il-prinċipju audi alteram partem.

(c) Il-limitazzjonijiet tas-setgħat ex officio tal-qrati: dwar il-prinċipju ta’ ne ultra petita

62.

Il-kwistjoni sussegwenti li tqajmet hija dwar jekk l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minnha jimplikax ukoll obbligu fuq il-qorti nazzjonali li tordna ex officio rimbors sħiħ li jeċċedi l-ammont mitlub mill-konsumatur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-prinċipju li s-suġġett tal-azzjoni huwa delimitat mill-partijiet u kif ukoll tal-prinċipju ta’ ne ultra petita tmurx kontra l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi.

63.

F’dan ir-rigward, għandu jkun ikkjarifikat li l-qorti tapplika l-liġi ex officio skont il-kompetenza tagħha u fil-limiti tas-suġġett tat-tilwima li għandha quddiemha. Huwa għalhekk importanti li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti differenti fis-setgħat ġudizzjarji. Huwa mod li tiġi rrikonoxxuta s-setgħa ta’ qorti li tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet intiżi li jipproteġu l-konsumaturi u debitament tinforma lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minnha. Huwa mod ieħor li tiġi rrikonoxxuta s-setgħa tal-qorti, wara li l-konsumatur jkun ġie debitament informat, li teċċedi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima u tagħti ex officio iktar minn dak li ntalab mill-konsumatur.

64.

Il-partijiet interessati kollha enfasizzaw is-sinjifikattiv tal-prinċipju fundamentali li s-suġġett ta’ azzjoni huwa ddelimitat mill-partijiet ( 49 ). Għandu jiġi indikat li t-teorija tal-applikazzjoni ex officio tad-dritt tal-konsumatur tinvolvi biss l-aġġustamenti neċessarji għal dan il-prinċipju sabiex jiġi rrimedjat l-iżbilanċ bejn il-konsumatur u l-professjonist. Din ma hijiex intiża li tinjora l-prinċipji fundamentali tal-kontenzjuż ċivili jew li tistabbilixxi qorti “paternalista” ( 50 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Lintner ( 51 ), l-effettività tal-protezzjoni li l-qorti nazzjonali hija meqjusa li tagħti lill-konsumaturi, permezz ta’ intervent ex officio“ma tistax tasal sal punt li tinjora jew teċċedi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mill-partijiet permezz tat-talbiet tagħhom, moqrija fid-dawl tal-motivi invokati minnhom, b’tali mod li l-imsemmija qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li testendi din it-tilwima lil hinn mit-talbiet u mill-motivi mressqa quddiem din il-qorti”. Il-kuntrarju jinjora l-prinċipju ta’ ne ultra petita, għaliex tippermetti lill-imħallef jinjora jew jeċċedi s-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet u mill-motivi mressqa mill-partijiet ( 52 ).

65.

Għandu jiġi rrimarkat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari lir-rieda espressa mill-konsumatur fil-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara, b’konnessjoni mal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiċħad, jekk meħtieġ ex officio, klawżoli inġusti skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li din il-qorti ma hijiex obbligata ma tapplikax il-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat dwarha mill-qorti, ma jkollux intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta jew mhux vinkolanti tagħha, u għalhekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni ( 53 ).

66.

Għalhekk, is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita fid-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi u introdotta għall-benefiċċju tal-konsumaturi ma tistax tasal sal-punt li tkun imposta fuqhom. Għaldaqstant, fejn il-konsumatur jippreferi li ma jinvokahiex, din is-sistema ta’ protezzjoni ma hijiex applikata ( 54 ). Il-konsumatur jista’ jikkontesta l-applikazzjoni tal-liġi ex officio fil-każ tiegħu ( 55 ).

67.

L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom jipprevalixxu fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fid-Direttiva 2015/2302. Għalhekk, jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie debitament informat mill-qorti dwar id-drittijiet tiegħu u l-mezzi proċedurali sabiex jinvokahom, ma jkunx jixtieq jinvoka din il-protezzjoni, il-prinċipju ta’ effettività ma jistax jiġi estiż sal-punt li jobbliga lill-qorti nazzjonali testendi t-talba u tikser il-prinċipju ta’ ne ultra petita.

68.

Fis-seduta, kien hemm mistoqsijiet u osservazzjonijiet mill-imħallef fir-rigward tar-raġunijiet validi li jistgħu jispjegaw id-deċiżjoni tal-konsumatur li jitlob inqas minn dak li huwa intitolat għalih. Fil-fatt, skont is-sistema ġuridika, din id-deċiżjoni tista’ tiġi attribwita lil kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura applikabbli ( 56 ). Ma jistax ikun eskluż ukoll li jkun hemm involuti kunsiderazzjonijiet personali ( 57 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-konsumatur jibqa’ passiv wara li jkun informat mill-qorti nazzjonali dwar id-drittijiet tiegħu u l-mezzi sabiex jinvoka dawn it-talbiet, huwa raġonevoli li ssir inferenza li huwa jkun għamel għażla ħielsa u informata sabiex iżomm it-talba oriġinali tiegħu.

69.

Madankollu, fil-każ tal-kawża prinċipali, kif il-Kummissjoni rrimarkat fis-seduta, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-konsumatur, li ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-qorti nazzjonali, esprima għażla ħielsa u informata sabiex iżomm it-talba oriġinali tiegħu. Kif osservat iktar ’il fuq ( 58 ), ma jsegwix kjarament mill-proċess jekk il-qorti tar-rinviju kinitx spjegat lill-konsumatur id-drittijiet tiegħu u l-mezz proċedurali li huma disponibbli għalih sabiex jinvokahom.

70.

Huwa importanti wkoll li jiġi rrimarkat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li qrati nazzjonali ma għandhom l-ebda obbligu ġenerali li jeċċedu l-ambitu tat-tilwima u li jagħtu iktar jew xi ħaġa differenti minn dak li ntalab. Dan japplika, iktar speċifikament, għad-dritt tal-konsumatur li jikseb ir-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa b’mod żbaljat skont klawżola kuntrattwali inġusta. Għandu jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u eċċezzjonali li jindikaw li l-konsumatur huwa mċaħħad mill-mezzi proċedurali li jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi ( 59 ).

71.

Barra minn hekk, b’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali ma humiex obbligati, bħala prinċipju, jipproċedu billi jipprovdu tpaċija ex officio bejn il-pagamenti debitament imħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta u l-ammont li jibqa’ dovut abbażi tal-kuntratt, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 60 ).

72.

Għalhekk, isegwi mill-ġurisprudenza li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jobbligawx lil qrati nazzjonali jinjoraw jew jeċċedu l-limiti tas-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet tar-rikors ippreżentati mill-partijiet. Dawn il-prinċipji jeħtieġu, madankollu, li mezzi effettivi jkunu disponibbli sabiex jippermettu lill-konsumatur jinvoka d-drittijiet tiegħu u jitlob dak li huwa intitolat għalih.

73.

Dan iwassalna għall-mistoqsija dwar jekk mezzi proċedurali effettivi kinux disponibbli fil-każ tal-kawża prinċipali. Id-deċiżjoni tar-rinviju għal domanda preliminari fiha biss id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ nonalterazzjoni tat-tilwima (l-Artikolu 412(1) tal-LEC). Madankollu, il-qorti nazzjonali ma daħlitx fid-dettall dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju fl-ordinament ġuridiku Spanjol ( 61 ). Lanqas ma elaborat dwar jekk amplifikazzjoni li jista’ jkun hemm tat-talba tkunx teħtieġ bidla fil-ġurisdizzjoni kompetenti jew bidla fil-proċedura applikabbli. Għalhekk il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal‑mezzi proċedurali li skonthom il-konsumatur jista’ jeżerċita d-dritt li jitlob l-ammont sħiħ tal-ħlas li jkun sar hija kwistjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Dan jista’ jikkonsisti, pereżempju, billi jitressaq rikors ġdid jew billi jiġi estiż is-suġġett tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju fuq stedina minn din tal-aħħar ( 62 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li proċedura partikolari tinkludi ċerti rekwiżiti proċedurali li l-konsumatur ikollu josserva sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu, ma jfissirx li huwa ma jibbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 63 ). Madankollu, kif diġà rrimarkajt, il-mezzi proċedurali disponibbli sabiex jiġu invokati dawn id-drittijiet għandhom jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

74.

Fid-dawl tal-premess, nikkonkludi li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li skonthom qorti nazzjonali adita bit-tilwima ma tistax tagħti lill-konsumatur, ex officio, ir-rimbors sħiħ tal-ammonti li għalihom huwa intitolat f’ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ikun talab ammont inqas. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 fejn ikollha disponibbli l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan u sakemm ikun osservat il-prinċipju ta’ audi alteram partem. Iktar speċifikament, il-qorti nazzjonali għandha debitament tinforma lill-konsumatur bid-drittijiet li huwa jislet minn din id-dispożizzjoni u bil-mezzi proċedurali disponibbli għalih sabiex jinvoka dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-mezzi jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5, Cartagena, Spanja) kif ġej:

(1)

Il-kunsiderazzjoni tal-ewwel domanda ma żvelat xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti ta-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE.

(2)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li skonthom qorti nazzjonali adita bit-tilwima ma tistax tagħti lill-konsumatur, ex officio, ir-rimbors sħiħ tal-ammonti li huwa intitolat għalihom f’ċirkustanzi li fihom il-konsumatur ikun talab ammont inqas. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 fejn ikollha disponibbli l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan u sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ audi alteram partem. Iktar speċifikament, il-qorti nazzjonali għandha debitament tinforma lill-konsumatur bid-drittijiet li huwa jislet minn din id-dispożizzjoni u bil-mezzi proċedurali disponibbli għalih sabiex jinvoka dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-mezzi jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, b’mod ulterjuri, l-UNWTO, Secretary-General’s Policy Brief on Tourism and COVID-19 (disponibbli fuq: https://www.unwto.org/tourism-and-covid-19-unprecedented-economic-impacts).

( 3 ) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti ta-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

( 4 ) Ara Terryn, E., Straetmans, G. u Colaert, V. (edituri), Landmark Cases of EU Consumer Law, In Honour of Jules Stuyck, Intersentia, Cambridge – Antwerp – Portland, 2013.

( 5 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, fil-kawża Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Océano Grupo”).

( 6 ) Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, fil-kawża Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705).

( 7 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, fil-kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164). Għal analiżi ddettaljata dwar il-kawża fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ ipoteki, ara Fernández Seijo, J.M., La Tutela de los consumidores en los procedimientos judiciales, Especial referencia a las ejecuciones hipotecarias, Wolters Kluwer, Barcelona, 2013.

( 8 ) Nicola, F. u Tichadou, E., Océano Grupo: A Transatlantic Victory for the Consumer and a Missed Opportunity for European Law, f’Nicola, F. u Davies, B. (edituri), EU Law Stories, Contextual and Critical Histories of European Jurisprudence, Cambridge University Press, 2017, p. 390.

( 9 ) In-novella ta’ Emmanuel Carrère, D’autres vies que la mienne (Folio, 2010), tmur lura għall-istorja personali tal-imħallef Franċiż Etienne Rigal, li għamel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, fil-kawża Cofidis (C-473/00, EU:C:2002:705). Il-ktieb ispira, sussegwentement, il-film Toutes nos envies (2010) (Direttur Philippe Lioret), li kien fih il-parteċipazzjoni prinċipali ta’ Vincent Lindon fl-irwol tal-imħallef.

( 10 ) Ara Werbrouck, J. u Dauw, E., “The national courts’ obligation to gather and establish the necessary information for the application of consumer law – the endgame?”, European Law Review, 46(3), 2021, p. 331 u 337.

( 11 ) Poillot, E., “Cour de justice, 3e ch., 11 mars 2020, Györgyné Lintner c/UniCredit Bank Hungary Zrt., aff.C-511/17, ECLI:EU:C:2020:188 ”, f’Picod, F. (editur), Jurisprudence de la CJUE 2020: décisions et commentaires, Bruylant, 2021, p. 966 (“âge de raison” fil-verżjoni Franċiża oriġinali).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, fil-kawża Statoil Fuel & Retail (C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 33).

( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, fil-kawża LatRailNet u Latvijas dzelzceļš (C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Punt 20 iktar ’il fuq.

( 15 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). Għal preżentazzjoni sistematika ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza ara l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU 2019, C 323, p. 4), Sezzjoni 5.

( 16 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C-600/19, EU:C:2022:394, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, fil-kawża Kancelaria Medius (C-495/19, EU:C:2020:431, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawżi magħquda Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:1999:620, punt 26), li jiddikjara li d-Direttiva 93/13 tipproteġi interessi li jifformaw parti mill-“ordni pubbliku ekonomiku” u għalhekk “testendi lil hinn mill-interessi speċifiċi tal-partijiet ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif osservat fil-letteratura, l-iżbilanċ kunsiderevoli fir-relazzjoni kuntrattwali li jirriżulta mill-użu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti jaffettwa mhux biss l-isfera privata tal-konsumatur iżda “jippreġudika… l-ordni ġuridiku u ekonomiku fit-totalità tiegħu” [traduzzjoni libera]; ara Podimata, E., “Standard Contract Terms and Rules on Procedure”, f’Essays in Honour of Konstantinos D. Kerameus, Ant. N. Sakkoulas; Bruylant, Ateni, Brussel, 2009, p. 1079 sa 1093.

( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 24). Ara Fekete, B. u Mancaleoni, A.M., “Application of Primary and Secondary EU Law on the National Courts’ Own Motion”, f’Hartkamp, A., Sieburgh, C. u Devroe, W. (edituri), Cases, Materials and Text on European Law and Private Law, Hart Publishing, Oxford u Portland, Oregon, 2017, p. 440, li jipprovdu li “il-kwistjoni tal-istatus tar-regoli dwar kuntratti konklużi mill-konsumaturi – kemm jekk sempliċement obbligatorji kif ukoll jekk tal-ordni pubbliku – hija kwistjoni partikolarment importanti fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tradizzjonalment jippermetti l-applikazzjoni ex officio biss għar-regoli tal-ordni pubbliku, mhux għal regoli obbligatorji (indipendentement minn jekk għandhomx jew le “biss” għan protettiv).” [traduzzjoni libera]

( 20 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 4, p. 223).

( 23 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 39).

( 24 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 56).

( 25 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap 15, Vol. 1, p. 326).

( 26 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, fil-kawża Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).

( 27 ) Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 15, Vol. 1, p. 262).

( 28 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, fil-kawża Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 29).

( 29 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66; rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 30 ) Sentenza tal-21 ta’ April 2016, fil-kawża Radlinger u Radlingerová (C-377/14, EU:C:2016:283, punt 67).

( 31 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C-679/18, EU:C:2020:167, punt 23).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaċ-ċirkustanzi li fihom qorti nazzjonali tista’ tkun meħtieġa tieħu miżuri investigattivi ex officio sabiex tikkompleta l-proċess, ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 35 sa 38).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara, fid-dettall, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, fil-kawża Unicaja Banco (C-869/19, EU:C:2022:397, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Poillot, E., “L’encadrement procédural de l’action des consommateurs” f’Sauphanor-Brouillaud, N. et al., Les contrats de consommation. Règles communes, L.G.D.J, Paris, 2013, p. 971 (“un véritable régime européen du relevé d’office” fl-oriġinal bil-Franċiż).

( 38 ) Micklitz, H., “Theme VIII. Unfair Contract Terms – Public Interest Litigation Before European Courts”, f’Terryn, E., Straetmans, G. u Colaert, V. (edituri), op. cit., nota 4, p. 641.

( 39 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 38).

( 40 ) Ara, fid-dettall, ir-rispons tiegħi għall-ewwel domanda preliminari.

( 41 ) Din il-premessa tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li għalihom tirreferi t-tieni domanda preliminari, jiġifieri l-Artikolu 169(1) TFUE u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) TFUE, li minnhom isegwi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 TFUE.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, fil-kawża Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).

( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020, fil-kawża OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara punt 43 iktar ’il fuq.

( 45 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 55).

( 46 ) F’dan is-sens, Werbrouck, J. u Dauw, E., op. cit., nota 10, p. 330.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, fil-kawża Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 31).

( 48 ) Punt 48.

( 49 ) Għal analiżi komparattiva ddettaljata tal-prinċipji bażiċi dwar il-proċedura ċivili u l-impatt tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi, ara Hess, B. u Law, S. (edituri), Implementing EU Consumer Rights by National Procedural Law: Luxembourg Report on European Procedural Law, Volume II, Beck, Hart, Nomos, 2019.

( 50 ) Ara Beka, A., The Active Role of Courts in Consumer Litigation, Applying EU Law of the National Courts’ Own Motion, Intersentia, Cambridge, Antwerp, Chicago, 2018, p. 354, li tosserva li l-qorti tal-konsumatur attwali “ma hijiex qorti paternalista” [traduzzjoni libera] u li “topera fil-parametri tal-ġustizzja ċivili, anki jekk adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-kontenzjuż tal-konsumatur” [traduzzjoni libera].

( 51 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C-511/17, EU:C:2020:188, punt 30).

( 52 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C-511/17, EU:C:2020:188, punt 31).

( 53 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, fil-kawża Dziubak (C-260/18, EU:C:2019:819, punt 53).

( 54 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, fil-kawża Dziubak (C-260/18, EU:C:2019:819, punt 54).

( 55 ) Ara Biardeaud, G. u Flores, P., “Crédit à la consommation, Protection du consommateur”, Delmas Express, Paris, 2012, p. 300.

( 56 ) Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Finlandiż jirrimarkaw li raġuni possibbli għall-preżentata ta’ talba għal ammont inqas minn dak li rikorrent huwa intitolat għalih tista’ tkun minħabba l-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni tiegħu nnifsu taħt ċertu limitu minimu. Kunsiderazzjoni oħra tista’ tkun, skont x’jipprevedi d-dritt nazzjonali, li s-sentenza mogħtija fi proċeduri tat-talbiet iż-żgħar ma hijiex suġġetta għal appell. Il-Gvern Finlandiż osserva li jekk rikorrent għandu jsostni l-ispejjeż tiegħu stess fil-każ ta’ suċċess parzjali tat-talba u jekk huwa inċert dwar ir-riżultat, jista’ jkun l-każ li huwa jagħżel li jippreżenta talba għal ammont iżgħar.

( 57 ) Pereżempju, minħabba l-pandemija, konsumatur jista’ jikkunsidra li għandu jkun hemm diviżjoni ġusta tar-riskju tat-terminazzjoni tal-kuntratt.

( 58 ) Punt 38.

( 59 ) F’dan ir-rigward jistgħu jingħataw żewġ eżempji. L-ewwel wieħed huwa s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco (C-869/19, EU:C:2022:397; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Unicaja Banco”). Il-kuntest ta’ din is-sentenza huwa tassew speċifiku. Din għandha tinqara fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, fil-kawża Gutiérrez Naranjo et (C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Gutiérrez Naranjo”), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li llimitat ratione temporis l-effetti restitutorji konnessi mal-konstatazzjoni ta’ inġustizzja minn qorti, fir-rigward ta’ tip ta’ klawżola speċifika (“klawżola bażi”), għal ammonti mħallsa b’mod żbaljat skont tali klawżola wara l-għotja tad-deċiżjoni li fiha saret il-konstatazzjoni tal-inġustizzja, hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Fis-sentenza fil-kawża Unicaja Banco, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ ne ultra petita ma għandux jipprekludi lil qorti li tkun qed tisma’ appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas mill-ġdid ta’ somom li jkunu tħallsu b’mod żbaljat mill-konsumatur skont klawżola ddikjarata li hija inġusta, milli tqajjem ex officio raġuni li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u li tordna l-ħlas mill-ġdid sħiħ ta’ dawn is-somom, fejn in-nuqqas tal-konsumatur ikkonċernat milli jikkontesta din is-sentenza ma jistax ikun attribwit għall-passività totali tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-fatt li konsumatur ma ressaqx proċeduri fi żmien xieraq seta’ kien minħabba l-fatt li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-kawża Gutiérrez Naranjo, il-perijodu li fih kien ikun possibbli li jiġi ppreżentat appell jew kontroappell skont id-dritt nazzjonali kien diġà skada. It-tieni eżempju huwa s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża Duarte Hueros (C-32/12, EU:C:2013:637). F’din il-kawża, il-konsumatur kien talab biss għax-xoljiment tal-kuntratt tal-bejgħ minħabba difett tal-prodott mixtri. Il-qorti nazzjonali kkunsidrat li minħabba li d-difett kien wieħed żgħir, il-konsumatur ma kienx intitolat għax-xoljiment tal-kuntratt iżda, minflok, għal tnaqqis fil-prezz. Madankollu, ir-rimedju tat-tnaqqis fil-prezz ma kienx għadu possibbli li jingħata lir-rikorrent. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’dan il-każ speċifiku, l-applikazzjoni tal-prinċipju li deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ekwivalenti għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn id-dritt proċedurali Spanjol ma jippermettix li l-qorti nazzjonali tirrikonoxxi ex officio d-dritt tal-konsumatur li jikseb tnaqqis xieraq fil-prezz tal-prodotti, anki jekk dan il-konsumatur ma huwiex intitolat li jirfina r-rikors inizjali tiegħu jew li jippreżenta rikors ġdid għal dan l-għan.

( 60 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio fil-każ ta’ klawżola inġusta) (C-170/21, EU:C:2022:518, punt 44).

( 61 ) Ir-regoli li jirregolaw l-evoluzzjonijiet li jista’ jkun hemm tas-suġġett tat-tilwima jistgħu jvarjaw skont l-ordinament ġuridiku. Pereżempju, skont id-dritt proċedurali ċivili Franċiż, it-talbiet tar-rikors imressqa mill-partijiet, bħala prinċipju, ma jistgħux jinbidlu, ħlief fir-rigward ta’ talbiet anċillari jekk dawn ikunu marbuta b’mod suffiċjenti mat-talbiet oriġinali (l-Artikolu 4 tal-Code de Procédure Civile (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)). Ara Cadiet, L, Normand, J. u Amrani-Mekki, S., Théorie Générale du Procès, it-tielet edizzjoni, Thémis droit, Puf, 2020, p. 741, li jispjegaw li l-prinċipju ta’ nonalterazzjoni tat-tilwima ġie ttrasformat fi prinċipju ta’ alterazzjoni kkontrollata mill-qrati (“principe directeur du procès, l’immutablité du litige s’est muée, au fil du temps, en principe de mutabilité contrôlée du litige”). Fil-proċedura ċivili Ġermaniża, skont l-Artikolu 263 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), malli t-tilwima ssir pendenti, modifiki tat-talba ppreżentata huma ġeneralment dipendenti fuq il-kunsens tal-parti l-oħra jew jekk il-qorti tikkunsidra tali modifika li tkun spedjenti. Madankollu, l-Artikolu 264 taz-ZPO jeskludi ċerti sitwazzjonijiet mir-regoli dwar il-bidla tal-azzjoni previsti fl-Artikolu 263 taz-ZPO u, fl-interess ta’ ekonomija proċedurali, jippermetti lir-rikorrent jagħmel bidliet indipendentement mir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni tal-aħħar (Bacher, K., f’Vorwerk, V. U Wolf, C., BeckOK ZPO, is-seba’ u erbgħin edizzjoni, Verlag Beck München, 2022, punt 1 tal-Artikolu 264). L-għan huwa li jiġu evitati tilwimiet legali u sabiex il-partijiet, u kif ukoll il-membri tal-ġudikatura, ma jkollhomx għalfejn jittrattaw ripetutament l-istess suġġett (ara Foerste, U., f’Musielak, H.-J. U Voit, W., ZPO - Zivilprozessordnung, id-dsatax-il edizzjoni, Verlag Franz Vahlen, 2022, punt 1 tal-Artikolu 264).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, fil-kawża Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 39).

( 63 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 50).