KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑73/22 P u C‑77/22 P

Grupa Azoty S.A.,

Azomureș SA,

Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑73/22 P)

u

Advansa Manufacturing GmbH,

Beaulieu International Group,

Brilen, SA,

Cordenka GmbH & Co. KG,

Dolan GmbH,

Enka International GmbH & Co. KG,

Glanzstoff Longlaville,

Infinited Fiber Company Oy,

Kelheim Fibres GmbH,

Nurel, SA,

PHP Fibers GmbH,

Teijin Aramid BV,

Thrace Nonwovens & Geosynthetics monoprosopi AVEE mi yfanton yfasmaton kai geosynthetikon proïonton,

Trevira GmbH

vs

Dralon GmbH,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑77/22 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l‑2021 – Setturi eliġibbli – Esklużjoni tas-settur tal-manifattura ta’ fertilizzanti – Rikorsi għal annullament – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

1.

Dawn il-kawżi magħquda għandhom bħala suġġett l-appelli li permezz tagħhom l-impriżi appellanti jitolbu l-annullament tad-digrieti tad‑29 ta’ Novembru 2021, Grupa Azoty et vs Il‑Kummissjoni (T‑726/20, mhux ippubblikat) u tad‑29 ta’ Novembru 2021, Advansa Manufacturing et vs Il‑Kummissjoni (T‑741/20, mhux ippubblikat) (iktar ’il quddiem id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament parzjali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Settembru 2020 intitolata “Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2021” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida kontenzjużi”) ( 2 ).

2.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità li tipprovdi kjarifiki ta’ importanza kbira dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn individwi quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” u l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta, kif ukoll dwar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

3.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631) stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fi ħdan l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EU ETS”) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet ekonomikament effiċjenti u effettivi. Din id-direttiva ġiet emendata b’mod partikolari bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3), intiża, b’mod partikolari, sabiex ittejjeb u testendi l-emissjonijiet EU ETS għall-perijodu 2021‑2030.

4.

L-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, kif emendata, huwa fformulat kif ġej:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, f’konformità mat-tieni u r-raba’ subparagrafi, miżuri finanzjarji li jiffavorixxu setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba mill-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jingħaddu għall-prezzijiet tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari ma jikkawżawx distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni fis-suq intern […]”

5.

Il-Linji Gwida kontenzjużi jissostitwixxi, mill‑1 ta’ Jannar 2021, il-komunikazzjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2012” (ĠU 2012, C 158, p. 4).

6.

Fil-punt 7 tal-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni tindika li fil-kuntest ta’ dawn il-linji gwida hija tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-miżuri ta’ għajnuna li jaqgħu taħt l-EU ETS jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

7.

Fil-punt 9 tal-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni tippreċiża li l-prinċipji stabbiliti fihom “japplikaw biss għall-miżuri ta’ għajnuna speċifiċi previsti fl-Artikoli 10a(6) u 10b tad-Direttiva 2003/87/KE”.

8.

Skont il-punt 21 tal-Linji Gwida kontenzjużi:

“Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, l-għajnuna trid tkun limitata għal setturi li huma esposti għal riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinifikanti li huma effettivament imġarrba minħabba li l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jiġu ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku. Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, jitqies li jeżisti riskju ġenwin ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju biss meta l-benefiċjarju jkun attiv f’settur elenkat fl-Anness I.”

9.

L-appellanti, Grupa Azoty S.A., Azomureș SA u Lipasmata Kavalas LTD Ypokatastima Allodapis, huma impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-manifattura ta’ prodotti tan-nitroġenu u ta’ fertilizzanti, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NACE 20.15.

10.

Dan is-settur ma jidhirx fil-lista li tinsab fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi (iktar ’il quddiem l-“Anness I”), għalkemm kien inkluż fil-lista fl-Anness II tal-Linji Gwida tal-2012, li kienu applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2020.

Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digrieti appellati

11.

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 u fis‑16 ta’ Diċembru 2020, l-appellanti, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, fetħu kawżi intiżi għall-annullament tal-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi.

12.

Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ddikjarat dawn ir-rikorsi inammissibbli.

13.

Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 26 ta’ dawn id-digrieti, li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li ma tkunx id-destinatarja tiegħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkun irrikonoxxut il-locus standi tagħha, li jinħoloq f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament.

14.

Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 27 tal-imsemmija digrieti, li kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-appellanti, li ma humiex destinatarji tal-Linji Gwida kontenzjużi, jaqgħux, fir-rigward ta’ dawn il-linji gwida, f’wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet. Peress li kull wieħed minn dawn tal-aħħar jeżiġi li jkun hemm inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti permezz tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien xieraq li l-ewwel teżamina din il-kundizzjoni.

15.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 29 tal-istess digrieti, fakkret li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li żewġ kriterji jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-att ikkontestat, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, li hija ta’ natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra.

16.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Linji Gwida kontenzjużi ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

17.

Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali indikat, b’mod partikolari, fil-punti 40 sa 42 tad-digrieti appellati, li l-kunsiderazzjoni, fil-Linji Gwida kontenzjużi, li jeżisti riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biss meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness I ta’ dawn il-linji gwida, ma teskludix mil-lat legali, anki jekk, għal raġunijiet ta’ espedjenza, huwa improbabbli li dan iseħħ, li l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri ta’ għajnuna favur impriżi li jeżer ċitaw l-attivitajiet tagħhom f’setturi barra dawk elenkati f’dan l-anness u jistgħu jippruvaw juru li, minkejja n-nuqqas tal-issodisfar ta’ wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-imsemmija linji gwida, l-għajnuna maħsuba għal dawn l-impriżi tikkonforma mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Filwaqt li tirrikonoxxi li, f’każ bħal dan, huwa probabbli ħafna li l-Kummissjoni tadotta, skont ir- Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2015/1589”), deċiżjoni li tikkonstata li l-għajnuna ppjanata hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali indikat li din id-deċiżjoni biss tkun tista’ tikkawża effetti legali diretti fir-rigward tal-impriżi li kellhom jibbenefikaw mill-għajnuna u, sa fejn għalhekk tkun tikkonċerna direttament lil dawn l-impriżi, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa tagħhom.

18.

Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll, fil-punt 38 tad-digrieti appellati, li, fil-każ li Stat Membru ma jadotta ebda miżura ta’ għajnuna li taqa’ taħt il-Linji Gwida kontenzjużi, il-Kummissjoni ma tieħu l-ebda deċiżjoni taħt ir-Regolament 2015/1589. Għalhekk, f’dan il-każ ukoll, dawn il-linji gwida ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

It‑talbiet tal‑partijiet

19.

Permezz tal-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digrieti appellati;

tiddikjara r-rikorsi ammissibbli;

sussidjarjament, tannulla d-digrieti appellati għall-unika raġuni li l-Qorti Ġenerali kellha tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà sal-eżami tar-rikorsi fuq il-mertu;

tibgħat lura l-kawżi lill-Qorti Ġenerali għal eżami fuq il-mertu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, u

tirriżerva l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha tiddeċiedi fuq dawn l-ispejjeż meta tkun għamlet l-eżami tal-mertu.

20.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digrieti appellati, tiddeċiedi fuq ir-rikorsi hija stess billi tiċħadhom bħala inammissibbli, u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21.

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2022, il-Kawżi C‑73/22 P u C‑77/22 P ġew magħquda għall-finijiet tal-eventwali fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

Fuq l‑appell

22.

Dan l-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-digrieti appellati, filwaqt li, permezz tat-tieni wieħed, l-appellanti jsostnu, prinċipalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma humiex direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi u, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina r-rikorsi fuq il-mertu qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

23.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss it-tieni aggravju.

Fuq it‑tieni aggravju tal‑appell

L-argumenti tal‑partijiet

24.

Skont l-appellanti, il-kunsiderazzjoni tal-inċidenza diretta li tinsab fid-digrieti appellati hija bbażata fuq tliet premessi irrilevanti u saħansitra żbaljati.

25.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali bdiet mill-premessa li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-linji gwida kollha tal-Kummissjoni għandhom jiġu kklassifikati bl-istess mod, li jirrifletti approċċ żbaljat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq preċedenti dwar linji gwida li jħallu marġni ta’ diskrezzjoni jew jistabbilixxu eċċezzjonijiet li jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-linji gwida kontenzjużi jorbtu biss lill-Kummissjoni. Billi tagħmel hekk, hija tostor il-fatt li dawn ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li huma indirizzati direttament lill-Istati Membri, li ma jħallu ebda diskrezzjoni jew eċċezzjoni fir-rigward tas-setturi ekonomiċi eliġibbli għall-għajnuna li jistgħu jingħataw taħt l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 u li, billi għandhom kliem obbligatorju, huma intiżi li jaqdu r-rwol ta’ leġiżlazzjoni normattiva.

26.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-possibbiltà li Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni b’miżuri ta’ għajnuna favur impriżi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’setturi differenti minn dawk elenkati fl-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi u jipprova juri li dawn il-miżuri huma madankollu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, filwaqt li huwa minnu li, legalment, din il-possibbiltà teżisti, din iċ-ċirkustanza ma tbiddilx il-fatt li l-Linji Gwida kontenzjużi jeskludu l-għoti, lil operaturi ekonomiċi li jwettqu attivitajiet fis-setturi mhux imsemmija fl-Anness I, tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87. Din l-esklużjoni bl-ebda mod ma hija kkumpensata mill-possibbiltà ġenerali li tingħata għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(3)(c). Fil-fatt, kull previżjoni dwar l-għoti ta’ tali għajnuna tkun purament spekulattiva, filwaqt li l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 hija formalment prevista u mħeġġa minn din id-dispożizzjoni.

27.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq premessa żbaljata li operatur ekonomiku jista’ jkun direttament ikkonċernat biss jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont ir-Regolament 2015/1589. L-appellanti għalhekk isibu ruħhom imċaħħda minn kull rimedju ġudizzjarju. Fil-fatt, peress li l-Istati Membri ma humiex obbligati jistabbilixxu skema ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, huwa plawżibbli li ma ssir ebda notifika u li għalhekk l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiġi adottata. Sitwazzjoni bħal din, ikkaratterizzata min-nuqqas ta’ għajnuna għall-appellanti, hija identika għal dik li fiha skema ta’ għajnuna li tinkludi s-settur tal-manifattura ta’ prodotti tan-nitroġenu u fertilizzanti, introdotta skont dan l-Artikolu 10a(6), u nnotifikata lill-Kummissjoni, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni sfavorevoli minn din tal-aħħar. Madankollu, id-differenza tinsab fil-fatt li, fl-ewwel sitwazzjoni, l-appellanti ma għandhom ebda possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju, filwaqt li fit-tieni, huma għandhom tali possibbiltà, li huwa inammissibbli peress li, fiż-żewġ każijiet, l-appellanti huma affettwati bl-istess mod.

28.

Sussidjarjament, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digrieti appellati għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina r-rikorsi fuq il-mertu qabel ma tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tagħhom.

29.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

Evalwazzjoni

30.

F’dawn il-konklużjonijiet, ir-raġunament tiegħi ser ikun strutturat kif ġej: wara li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari, ser insemmi, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet għalfejn jidhirli li l-Linji Gwida kontenzjużi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “att li jista’ jiġi kkontestat” u, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. Fit-tieni lok, ser insostni li l-eżami intiż sabiex jivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ interess dirett hijiex issodisfatta ma jistax isir b’mod utli fir-rigward ta’ strument bħalma huma l-Linji Gwida kontenzjużi, ħaġa li tikkonferma l-interpretazzjoni li dawn ma humiex ta’ natura kontestabbli. Fit-tielet lok, ser nispjega għaliex ir-raġunament segwit fis-sentenza Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni ( 3 ) ma huwiex applikabbli għal-Linji Gwida kontenzjużi. Fir-raba’ lok, ser infakkar li l-Qorti Ġenerali ma kellha ebda obbligu li teżamina r-rikorsi fuq il-mertu qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

– Osservazzjonijiet preliminari

31.

Il-problema dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn persuni ġuridiċi fil-qasam tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, kif imqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa kienet tikkonċerna biss, sa fejn naf jien, rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, adottati wara eżami preliminari (Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589) jew l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1589), u għad-determinazzjoni ta’ jekk miżura ta’ għajnuna maħsuba u nnotifikata, jew mogħtija fin-nuqqas ta’ notifika, tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, fejn applikabbli, jekk tali miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern minħabba waħda mill-ġustifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE.

32.

Il-kwistjoni ġuridika mqajma minn dan l-aggravju, li tirrigwarda iktar speċifikament il-possibbiltà li jiġu kkontestati l-Linji Gwida tal-Kummissjoni, hija għalhekk bla preċedent għall-Qorti tal-Ġustizzja u, barra minn hekk, fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja tal-Unjoni, bla dubju kwistjoni delikata.

33.

Bid-digrieti appellati, din hija t-tielet darba li l-Qorti Ġenerali qiegħda tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni. Fiż-żewġ okkażjonijiet preċedenti ( 4 ), din il-qorti segwiet l-istess raġunament ġuridiku bħal dak żviluppat f’dan il-każ, li jrendi iktar importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta pożizzjoni, fis-sentenza sussegwenti tagħha, dwar il-korrettezza ta’ tali raġunament.

34.

Għandu jiġi mfakkar il-kuntest rilevanti. L‑Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi verifika preventiva fuq proġetti ta’ għajnuna ġodda (kif ukoll fuq bidliet fl-għajnuna eżistenti). Il-mekkaniżmu ta’ prevenzjoni hekk organizzat għandu l-għan li jiżgura li jiġu implimentati biss miżuri kompatibbli mas-suq intern. L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, u għalhekk hija intitolata li tistabbilixxi l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha l-intenzjoni li tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri.

35.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tagħmel użu estensiv, fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tagħha, ta’ strumenti ta’ liġi mhux vinkolanti (soft laws), bħal linji gwida, regolamenti qafas u komunikazzjonijiet, sabiex tistruttura l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ), dawn l-istrumenti tabilħaqq jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni.

36.

L-istrumenti inkwistjoni fihom regoli orizzontali li jirregolaw kategoriji speċifiċi ta’ għajnuna (b’mod partikolari, għajnuna reġjonali; għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u innovazzjoni; għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà); regoli li jikkonċernaw strumenti speċifiċi ta’ għajnuna (f’termini ta’ garanziji, tassazzjoni, assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir); regoli settorjali (b’mod partikolari, fis-setturi tal-agrikoltura, l-enerġija u l-ambjent, il-finanzi, il-midja); kif ukoll regoli dwar l-għajnuna għall-appoġġ tal-ekonomija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID‑19 u wara l-aggressjoni tal-Federazzjoni tar-Russja kontra l-Ukraina. Il-Linji Gwida kontenzjużi fihom regoli speċifiċi għas-settur dwar l-għajnuna fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

– Il‑Linji Gwida kontenzjużi ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat

37.

Kif diġà ssemma iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss, fid-digrieti appellati, il-kwistjoni ta’ jekk l-appellanti kinux direttament ikkonċernati minn dawn il-linji gwida sabiex tiddetermina jekk dawn l-appellanti kellhomx locus standi meħtieġ sabiex jippreżentaw rikors kontra l-att inkwistjoni. L-iskambju ta’ noti bejn l-appellanti u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża kien jirrigwarda din il-kwistjoni ġuridika.

38.

Jiena madankollu persważ li, fis-sentenza sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tivverifika jekk il-Linji Gwida kontenzjużi jikkostitwixxux att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, jiġifieri “att li jista’ jiġi kkontestat”. Għandu jitfakkar, fil-fatt, li peress li l-kwistjoni dwar jekk dawn il-linji gwida humiex ta’ natura kontestabbli tikkonċerna l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, din tikkostitwixx motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell, hija meħtieġa li tqajjem ex officio ( 6 ).

39.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li għandhom l-għan li jipproduċu effetti legali vinkolanti jistgħu jiġu kkontestati, u dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att inkwistjoni, filwaqt li jitieħed inkunsiderazjoni, skont il-każ, il-kuntest li fih ġie adottat u s-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att ( 7 ). Huwa ugwalment stabbilit, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li meta r-rikorrent ikun persuna fiżika jew ġuridika, ir-rikors ikun disponibbli biss jekk l-imsemmija effetti legali obbligatorji jkunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod karatteristiku l-pożizzjoni legali tagħha ( 8 ). Fi kliem ieħor, in-natura kontestabbli ta’ att hija marbuta, f’dan il-każ, biss ma’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

40.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Linji Gwida kontenzjużi ma jidhirx li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, min-naħa tal-appellanti, skont l-Artikolu 263 TFUE.

41.

Preliminarjament, huwa ppreċiżat li s-saħħa normattiva li tirriżulta min-natura eżawrjenti tal-lista stabbilita fl-Anness I tal-Linji Gwida inkwistjoni ma twassalx għall-konklużjoni li dawn jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, jekk dawn il-linji gwida ma jistgħux jipproduċu effetti legali vinkolanti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, kif ser nipprova nuri f’dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex meħtieġ, kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, li jiġi kkunsidrat il-kontenut ta’ dan l-att (jew il-kuntest li fih ġie adottat).

42.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet l-effett ta’ linji gwida u qieset li, fejn il-Kummissjoni tadotta regoli ta’ kondotta u tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, hija tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 9 ). Fi kliem ieħor, dan l-effett jammonta għal limitazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni nnifisha. Din l-istituzzjoni hija għalhekk meħtieġa tapprova miżuri ta’ għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida u ma tistax tiddevja minnhom sakemm ma tipprovdix raġuni valida sabiex tagħmel dan, skont il-mekkaniżmu magħruf bħala, “comply or explain” [ikkonforma jew spjega]. Fin-nuqqas ta’ dan, ksur tar-regoli li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq.

43.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza Kotnik et ( 10 ), li l-effett tal-Linji Gwida huwa limitat għal din l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, u ċaħdet l-argument li dawn jipproduċu de facto effetti vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri, peress li jkun mill-inqas improbabbli li Stat Membru jinnotifika miżura ta’ għajnuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-linji gwida u b’hekk jesponi ruħu għar-riskju ta’ eventwali deċiżjoni negattiva mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida u li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali proġetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, bis-saħħa tal-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3) TFUE ( 11 ).

44.

Għalhekk, is-saħħa ġuridika mogħtija lil-Linji Gwida ma tikkostitwixxix, skont il-ġurisprudenza eżaminata fiż-żewġ punti preċedenti, attribut intrinsiku tagħhom, iżda hija marbuta mal-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, hija biss deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna li tista’ tiġġenera effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

45.

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta, jidhirli, mill-ġurisprudenza dwar il-Linji Gwida fil-qasam tal-antitrust. Filwaqt li huwa tassew minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni u Ziegler vs Il‑Kummissjoni, li għaldaqstant “ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tali regoli dwar l-aġir li jkollhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti legali” ( 12 ), jibqa’ l-fatt li, f’dawn l-okkażjonijiet, l-appellanti kkontestaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida kontenzjużi dak iż-żmien. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux jifformaw parti mill-qafas legali li jirregola l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, għalhekk, iġġenerawx effetti legali fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni fis-sens li hija ma setgħetx titbiegħed minn dawn id-dispożizzjonijiet mingħajr ma tiġi ssanzjonata għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

46.

Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni li tirrikonoxxi n-natura kontestabbli l-Linji Gwida kontenzjużi ma tkunx konvinċenti sa fejn timplika li effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi jistgħu jippreċedu n-notifika tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat u l-eżami tagħha mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk, jidhirli li l-konformità tagħha mal-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tkun minn tal-inqas diskutibbli, u dan għal żewġ raġunijiet ewlenin.

47.

Fl-ewwel lok, din l-interpretazzjoni ma tqisx biżżejjed ir-rwol ċentrali tan-notifika fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika stabbilit mill-Artikolu 108(3) TFUE jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattati f’dan il-qasam. Kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ), dan l-obbligu ta’ notifika huwa essenzjali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq bis-sħiħ il-kompitu ta’ monitoraġġ li l-Artikoli 107 u 108 TFUE jafdawlha fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, sabiex tevalwa, fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha f’dan ir-rigward, il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE.

48.

Issa ma iniex konvint mir-raġunament li bih l-Istati Membri huma mġiegħla jinnotifikaw skema ta’ għajnuna biss favur impriżi li joperaw fis-setturi attwalment elenkati fl-Anness I, bl-esklużjoni tal-appellanti, sa fejn, minn naħa, dawn l-Istati huma mħeġġa, skont it-termini tal-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, jintroduċu miżuri finanzjarji favur setturi esposti għal riskju reali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti (“[j]enħtieġ”), u, min-naħa l-oħra, l-Anness I fih lista eżawrjenti ta’ dawn is-setturi, li ma jinkludix dak li fih l-appellanti jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom. Fil-fatt, nikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement b’mod impliċitu ċaħdet l-argument, imressaq fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li n-natura kontestabbli ta’ strument ta’ liġi mhux vinkolanti tiddependi biss mill-kapaċità ta’ dan l-istrument li jġib bidla fl-imġiba tad-destinatarji, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan jipproduċi effetti formalment obbligatorji fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar ( 15 ).

49.

Fit-tieni lok u fuq kollox, din l-interpretazzjoni twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex ixxejjen il-prinċipju li l-linji gwida ma jistgħux jaffettwaw il-portata tad-dritt primarju. Fil-fatt huwa paċifiku li l-Kummissjoni hija marbuta bir-regolamenti qafas u bil-komunikazzjonijiet (kif ukoll linji gwida) li hija tadotta fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat biss sa fejn dawn it-testi ma jiddevjawx minn applikazzjoni xierqa tar-regoli tat-Trattat, peress li l-imsemmija testi ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li titnaqqas il-portata tal-Artikoli 107 u 108 TFUE jew li jinkisru l-għanijiet segwiti minnhom ( 16 ).

50.

Issa, id-determinazzjoni korretta tal-portata tal-Artikolu 107 TFUE f’każ individwali ma tistax tiġi ggarantita fin-nuqqas tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ttemm il-proċedura amministrattiva (jew fażi tagħha), li permezz tagħha din l-istituzzjoni tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni fattwali u ekonomika prevalenti fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha tobbligahiex titbiegħed mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida sabiex tikkonforma mal-Artikoli 107 u 108 TFUE ( 17 ).

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Linji Gwida kontenzjużi ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat, li jista’, bħala tali, ikun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

– L‑eżami intiż li jiġi vverifikat jekk il‑Linji Gwida kontenzjużi jissodisfawx il‑kundizzjoni ta’ inċidenza diretta juri li dawn ma humiex att li jista’ jiġi kkontestat

52.

Ladarba r-rekwiżit ta’ “att li li jirrigwardha direttament”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġi skompost b’mod rigoruż, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-eżami intiż sabiex jivverifika l-issodisfar ta’ din il-kundizzjoni fil-każ tal-Linji Gwida kontenzjużi, li l-premessa relatata man-natura kontestabbli tal-att inkwistjoni hija żbaljata, u dan jikkorrobora l-interpretazzjoni proposta fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

53.

Huwa stabbilit li l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi ( 18 ), jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, fit-tieni lok, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, b’din tal-aħħar ikollha natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra ( 19 ).

54.

L-ewwel kriterju jeżiġi li jiġi ddeterminat jekk l-impenn meħud mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida kontenzjużi, li jikkonsisti fil-fatt li titqies bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 meta mogħtija lis-setturi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness I ta’ dawn il-linji gwida, jinċidix direttament fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

55.

Fil-punti 38 sa 42 tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura ta’ għajnuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida kontenzjużi tipprekludi r-rikonoxximent ta’ din in-natura diretta. F’dan il-każ, l-eżistenza tal-lista eżawrjenti tas-setturi li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna, li tidher fl-Anness I ta’ dawn il-linji gwida, ma tistax teskludi “minn perspettiva legali”, skont il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura ta’ għajnuna favur impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’setturi barra dawk elenkati f’dan l-Anness.

56.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad enfasizzat, essenzjalment, li l-fatt li Stat Membru jista’ mhux dejjem ikun lest li jieħu r-riskju li jinnotifika lill-Kummissjoni b’miżuri ta’ għajnuna li ma jikkonformawx mal-Linji Gwida kontenzjużi, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-fattur deċiżiv huwa li, “minn perspettiva legali”, Stat Membru jkun jista’ jipprova li, għalkemm ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jinsabu f’dawn il-linji gwida, għajnuna mogħtija lil impriża li topera f’settur barra elenkati fl-Anness I hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Filwaqt li huwa ċertament probabbli ħafna li l-Kummissjoni tadotta, skont il-Linji Gwida kontenzjużi, deċiżjoni li tikkonstata li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern, “din id-deċiżjoni biss tkun tista’ tagħti lok għal effetti legali diretti fir-rigward tal-kumpanniji li suppost ibbenefikaw mill-għajnuna” ( 20 ).

57.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jkun korrett li kieku jiġi żviluppat fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-linji gwida jistgħux jiġu kklassifikati bħala att li jista’ jiġi kkontestat. Dan ir-raġunament huwa fil-fatt ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effetti legali vinkolanti għall-Istati Membri, li jwassal, kif spjegat iktar ’il fuq, għall-konklużjoni li l-Linji Gwida kontezjużi ma jipproduċux tali effetti fuq l-appellanti.

58.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-qalba tal-argument tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-punt 41 tad-digrieti appellati, sempliċement jittrasponi t-triq ġuridika meħuda mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kotnik ( 21 ). Kif intqal iktar ’il fuq, dik il-kawża kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-linji gwida adottati fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat setgħux jipproduċu effetti legali vinkolanti.

59.

B’hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-eżistenza ta’ inċidenza diretta fuq l-appellanti mil-Linji Gwida kontenzjużi ma hijiex influwenzata mill-fatt li Stat Membru jista’ mhux dejjem ikollu jġorr ir-riskju inerenti fin-notifika ta’ miżura ta’ għajnuna li ma tikkonformax bis-sħiħ mal-linji gwida, hija sostnuta mir-raġunament li ġej: “dawn huma kunsiderazzjonijiet ta’ espedjenza li jistgħu jkunu rilevanti għall-adozzjoni minn Stat Membru ta’ deċiżjonijiet politiċi, iżda li ma jistgħux jaffettwaw in-natura u l-effetti ta’ att tal-Unjoni li jirriżulta mir-regoli tat-Trattati” ( 22 ). Dan ir-raġunament, li jirriproduċi kważi kelma b’kelma l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl, juri b’mod partikolarment ċar, fil-fehma tiegħi, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, kif espost fil-punti 38 sa 42 tad-digrieti appellati, ma jikkorrispondix ma’ eżami tal-issodisfar tal-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta.

60.

Fir-rigward tat-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, kull tentattiv sabiex jiġi applikat għal din il-kawża jidhirli li huwa ddestinat li jfalli. Dan il-kriterju fil-fatt ġie identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ inċidenza diretta fejn tali inċidenza tirriżulta mill-użu tas-setgħa diskrezzjonali mid-destinatarju responsabbli għall-implimentazzjoni tal-att inkwistjoni, b’dan tal-aħħar jikkorrispondi invarjabbilment ma’ istituzzjoni Ewropea oħra jew mal-awtoritajiet nazzjonali.

61.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, id-“destinatarji” huma ġeneralment l-Istati Membri, peress li l-proċedura amministrattiva applikata tikkonsisti prinċipalment fi djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, jidhirli li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu deskritti bħala d-“destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni” tal-Linji Gwida kontenzjużi. Għall-kuntrarju, mis-sentenza Kotnik jirriżulta li l-Kummissjoni biss hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-linji gwida tagħha.

62.

Din il-kostatazzjoni jidher li tiżvela l-fatt li l-kriterju inkwistjoni, li għandu l-għan li jidentifika l-eventwali interpożizzjoni ta’ rieda awtonoma bejn att legali tal-Unjoni u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq l-appellanti ( 23 ), ma jistax jiġi applikat b’mod utli għal strument ta’ liġi mhux vinkolanti, bħal-Linji Gwida kontenzjużi, li jipproduċi sempliċi effett ta’ awtolimitazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni li adottatu. F’każ bħal dan, ma huwiex utli, fil-fatt, li tiġi kkontestata l-preżenza tal-imsemmija rieda awtonoma peress li l-effetti tal-Linji Gwida kontenzjużi jibqgħu fl-isfera legali tal-Kummissjoni, u hija biss deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna adottata fis-sens tal-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 li tista’ tiġġenera effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-appellanti.

63.

Inżid ngħid, għal raġunijiet ta’ kompletezza, li l-inapplikabbiltà tal-eżami li jirrigwarda l-inċidenza diretta tal-Linji Gwida kontenzjużi loġikament timplika li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni ( 24 ) ma hijiex rilevanti hawnhekk. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija kompletament konformi mal-interpretazzjoni proposta f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi tal-Linji Gwida kontenzjużi.

64.

Fis-sentenza Montessori, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment adottat interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta li tippermetti lill-impriża li ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni li jkollha aċċess quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura msemmija f’dan l-ilment, sakemm din l-impriża tagħmel preżentazzjoni rilevanti lill-Qorti Ġenerali li tirriskja li tbati żvantaġġ kompetittiv bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni ( 25 ). Fil-fehma tiegħi, id-dritt ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li ma jkunx suġġett għal distorsjoni fil-kompetizzjoni minn miżura nazzjonali, li fuqha hija bbażata din l-interpretazzjoni, ma jistax jiġġustifika t-traspożizzjoni ta’ dan il-kriterju għal sitwazzjoni, bħal dik f’dan il-każ, li tikkonċerna mhux deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda l-linji gwida tagħha li ma jipproduċux effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-impriżi appellanti.

– Ir‑raġunament tas‑sentenza Deutsche Post ma huwiex applikabbli meta jkun hemm strument ta’ liġi mhux vinkolanti intiż biss li jillimita s‑setgħa tal-istituzzjoni li tadottah

65.

F’dan l-istadju, għandu jiġi speċifikat li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Post ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat l-ewwel li l-ġurisprudenza li att jista’ jiġi kkontestat biss jekk l-effetti legali vinkolanti li jipproduċi jkunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, kienet ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li kienu d-destinatarji tagħhom. Sussegwentement u fuq kollox, hija qieset li, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li ma tkunx id-destinatarja tiegħu, ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE (inċidenza diretta u individwali jew inċidenza diretta biss fil-każ ta’ att regolatorju) ( 26 ).

66.

Dan ir-raġunament ma huwiex iġġustifikat, fil-fehma tiegħi, fir-rigward ta’ strument ta’ liġi mhux vinkolanti, bħalma huma l-Linji Gwida kontenzjużi, li l-uniku effett tagħhom huwa li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-awtur tagħhom.

67.

L-istrument li n-natura kontestabbli tiegħu kienet qiegħda tiġi diskussa fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deutsche Post kienet deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbliga lil Stat Membru jipprovdi informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, kif previst fl-Artikolu 10(3) tar-regolament preċedenti li jirregola l-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (attwalment l-Artikolu 12(3) tar-Regolament 2015/1589) ( 27 ). Għalhekk, ma kienx strument legali mhux vinkolanti maħsub li jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni li tadottah, iżda pjuttost att li jaqdi l-għanijiet tal-proċedura amministrattiva u li għandu destinatarju (kwalunkwe Stat Membru) distint b’mod ċar mill-awtur tiegħu (il-Kummissjoni), u l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi b’mod partikolari jekk rikors ippreżentat kontra tali att minn Deutsche Post, bħala l-benefiċjarja tal-miżura li kienet tirreferi għaliha l-informazzjoni msemmija fl-ordni, kienx ammissibbli.

68.

Huwa importanti wkoll li jiġi osservat li din is-sentenza qatt ma ġiet iċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u kienet biss f’okkażjoni waħda f’kawża li tirrigwarda qasam ieħor tad-dritt tal-Unjoni ( 28 ), li għaliha japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk żviluppati fil-punt preċedenti. Fil-fatt, dik il-kawża kienet tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ rikors dirett kontra ittra mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li tindika r-raġunijiet għalfejn dan il-korp ma kellux l-intenzjoni li jwettaq valutazzjoni definittiva ex post tal-Banco Popular Español SA wara l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan il-bank, peress li l-appellanti kienu maniġers ta’ fondi ta’ investiment li kellhom tipi differenti ta’ strumenti ta’ fondi proprji tiegħu.

69.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni proposta, li l-Linji Gwida kontenzjużi ma jistgħux jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti u għalhekk ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, ma tistax tiġi kkontestata bl-invokazzjoni f’dan il-każ tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Post, iċċitata iktar ’il fuq.

– Osservazzjonijiet finali fil-qosor: id‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u aċċess għall‑ġustizzja tal-Unjoni

70.

Fl-aħħar, nixtieq nagħmel żewġ rimarki.

71.

Qabelxejn, nirrikonoxxi li, kieku l-Linji Gwida kontenzjużi jitqiesu bħala kontestabbli, l-appellanti f’din il-kawża lanqas ma jkunu jistgħu, fin-nuqqas ta’ miżuri interni ta’ eżekuzzjoni, jirrikorru għall-qorti tar-rinviju sabiex jikkontestaw il-legalità tal-Anness I tal-Linji Gwida kontenzjużi. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li dan id-dritt ma huwiex intiż li jimmodifika s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ma tistax twassal sabiex din il-kundizzjoni ma tittiħidx inkunsiderazzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi s-setgħat attribwiti mit-Trattat FUE lill-qrati tal-Unjoni Ewropea ( 29 ).

72.

Barra minn hekk, filwaqt li nirrikonoxxi l-fehma prevalenti dwar il-ħtieġa li jiġu estiżi l-mezzi ta’ aċċess għall-ġustizzja Ewropea għall-individwi, nistaqsi jekk ikunx mixtieq, bħala regola ġenerali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li strument ta’ liġi mhux vinkolanti bħal dawn il-linji gwida kontenzjużi huwiex att li jista’ jiġi kkontestat u li kull kompetitur li jista’ juri li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta, kif muri fis-sentenza Montessori, huwa għalhekk intitolat jikkontestah f’kawża sakemm dan l-att ikun jikkostitwixxi “att regolatorju”, fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 263(4) TFUE. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, minħabba l-ħeffa tal-adozzjoni tagħhom u l-adattabbiltà tagħhom għal sitwazzjonijiet ekonomiċi kontinġenti, dawn l-istrumenti tal-liġi mhux vinkolanti ntużaw, pereżempju, sabiex jinkwadraw ir-rispons tal-Istati Membri għal sitwazzjonijiet reċenti ta’ kriżijiet ikkawżati mill-kollass tas-sistema bankarja, mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u mit-tfaqqigħ tal-gwerra fl-Ukraina. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tintalab tadotta atti li għandhom l-għan li jagħmlu l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha iktar prevedibbli u trasparenti, b’għarfien tal-fatt li l-legalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata direttament quddiem il-Qorti Ġenerali? Multiplikazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet ġudizzjarji, li mbagħad jidhru li huma faċilment prevedibbli, tista’ tipparalizza l-azzjoni ta’ kjarifika ta’ din l-istituzzjoni? Ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet problematiċi ta’ dawn l-atti mill-Kummissjoni nnifisha ma hijiex sodisfaċenti biżżejjed għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati?

– Sussidjarjament: il‑Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata teżamina r‑rikorsi fuq il‑mertu qabel ma tiddeċiedi fuq l‑ammissibbiltà tagħhom

73.

Sussidjarjament, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif intqal iktar ’il fuq, sabiex tannulla d-digrieti appellati għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina r-rikorsi fuq il-mertu qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà.

74.

F’dan ir-rigward, huma jfakkru li, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżami tal-oġġezzjonijiet jew aspetti proċedurali oħra sal-mertu “meta jkun ġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari”. Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li tali ċirkustanzi kienu jeżistu f’dan il-każ, minħabba l-koinċidenza bejn l-evalwazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kellha twettaq sabiex tiddetermina jekk l-appellanti kinux direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi, dwar in-natura, il-kontenut u l-kuntest ta’ dawn il-linji gwida, u dawk li l-Qorti Ġenerali kellha tadotta sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel motiv fuq il-mertu. Dan tal-aħħar kien jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni hijiex kompetenti sabiex timponi obbligi legali indipendenti fuq l-Istati Membri, u b’hekk twettaq trasferiment ta’ kompetenza li, skont l-appellanti, dawn l-Istati huma ġuridikament mogħnija bih.

75.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali d-deċiżjoni dwar jekk tiddeċiedix dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mill-iktar fis possibbli jew tirriżervax din il-kwistjoni sakemm tiddeċiedi fuq il-mertu, fil-każ ta’ ċirkustanzi speċjali. Minn dan isegwi li, meta tiddeċiedi biss fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma tagħtix lok għall-kontestazzjoni allegata ( 30 ). Fi kwalunkwe każ, dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ma jeżistux f’dan il-każ, peress li, jekk wieħed jassumi li l-evalwazzjonijiet li għandhom isiru sabiex jiġi ddeterminat jekk l-appellanti kinux direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi u dawk meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel motiv fuq il-mertu jikkoinċidu, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma kinitx teħtieġ li l-Qorti Ġenerali tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tal-appellanti għal data iktar tard. Għall-kuntrarju, dan il-prinċipju kien jobbligaha tiddeċiedi, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, mill-iktar fis possibbli. L-aggravju inkwistjoni huwa għalhekk infondat.

76.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li, billi nibbaża ruħi fuq il-konstatazzjoni li l-appellanti ma kinux direttament ikkonċernati mil-Linji Gwida kontenzjużi sabiex jitqiesu inammissibbli r-rikorsi intiżi għall-annullament parzjali ta’ dawn il-linji gwida, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament ikkaratterizzat dawn il-linji gwida bħala att li jista’ jiġi kkontestat u, billi għamlet hekk, wettqet żball ta’ liġi.

77.

Fil-fehma tiegħi, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, madankollu, ma jwassalx għall-annullament tad-digrieti appellati, peress li d-dispożittivi ta’ dawn id-digrieti, li jiċħdu r-rikorsi kontra l-Linji Gwida kontenzjużi bħala inammissibbli, jibqgħu fondati għall-motiv legali bbażat fuq in-natura inkontestabbli ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissostitwixxi b’dan il-motiv dak żbaljat adottat mill-Qorti Ġenerali ( 31 ).

Konklużjoni

78.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju tal-appelli u, fil-każ li l-ewwel aggravju jiġi miċħud ukoll, li tiċħad l-appelli fl-intier tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2020, C 317, p. 5.

( 3 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, (C‑463/10 P u C‑475/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Post, EU:C:2011:656).

( 4 ) Digrieti tat‑23 ta’ Novembru 2015, Milchindustrie-Verband u Deutscher Raiffeisenverband vs Il‑Kummissjoni (T‑670/14, EU:T:2015:906) u tat‑23 ta’ Novembru 2015, EREF vs Il‑Kummissjoni (T‑694/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:915), li ma ġewx appellati.

( 5 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardinja) (C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Digriet tas‑16 ta’ Mejju 2013, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑208/11 P‑DEP, mhux ippubblikat, EU:C:2013:304, punt 34 u ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni (C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punti 4647).

( 8 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 60).

( 10 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570) (iktar ’il qudidem is-“sentenza Kotnik”).

( 11 ) Sentenza Kotnik, punt 43.

( 12 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C 208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408), punt 209) u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 60) (korsiv miżjud minni).

( 13 ) Ara Tridimas,T., “Indeterminacy and Legal Uncertainty in EU Law”, f’Mendes, J. (ed.), EU executive discretion and the limits of law, Oxford University Press, 2019, p. 59, fejn jgħid li “the self-binding effect of guidelines does not mean that such instruments acquire the status of rule of law: instead, they are rules of practice from which the Commission may not depart without giving good reasons” (l-effett vinkolanti ta’ linji gwida ma jimplikax li dawn l-istrumenti jakkwistaw l-istatus ta’ regoli ġuridiċi: kuntrarjament, huma regoli ta’ prattika li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnhom mingħajr ma tipprovdi raġunijiet validi” [traduzzjoni libera].

( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punti 9091).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’din il-kawża (C‑16/16 P, EU:C:2017:959, punti 109 sa 113).

( 16 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 65).

( 17 ) Ara Bacon, K., European Union Law of State Aid, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 104, li jirreferi, f’dan ir-rigward, għan-“natura subordinata” tal-linji gwida, tar-regolamenti qafas u tal-komunikazzjonijiet. Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punti 3839).

( 18 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 74).

( 19 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (C‑99/21 P, EU:C:2022:510, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Punti 38 sa 42 tad-digrieti appellati (korsiv miżjud minni).

( 21 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:102).

( 22 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

( 23 ) Biex intennu l-kliem użat mill-Avukata Ġenerali Kokott sabiex tiddeskrivi dan it-tieni kriterju fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:84, punt 54).

( 24 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018 (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Montessori, EU:C:2018:873).

( 25 ) Sentenza Montessori, punti 43 sa 47. Ara, ukoll, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (C‑99/21 P, EU:C:2022:510, punti 47 sa 49).

( 26 ) Sentenza Deutsche Post, punt 38.

( 27 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 28 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs CRU (C‑934/19 P, EU:C:2021:1042, punt 87).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2006, Polyelectrolyte Producers Group vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑368/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:771, punt 46).

( 31 ) Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi għal deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jidher li huwa fondat għal motivi legali oħra, dan il-ksur ma jkunx tali li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u huwa meħtieġ li wieħed jipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, id-digriet tal‑15 ta’ Frar 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑208/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:76, punti 33 sa 35).