26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/7


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ April 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – Ministero della Giustizia vs SP

(Kawża C-495/22 (1), Ministero della Giustizia (Kompetizzjoni tan-nutara))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikoli 53 u 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Artikolu 267 TFUE - Portata tal-obbligu ta’ rinviju tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza - Eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu - Kriterji - Sitwazzjonijiet li fihom l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli - Kundizzjoni sabiex il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun konvinta li l-istess interpretazzjoni ovvja tingħata wkoll mill-qrati l-oħra tal-aħħar istanza tal-Istati Membri u mill-Qorti tal-Ġustizzja)

(2023/C 223/09)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ministero della Giustizia

Konvenut: SP

Dispożittiv

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali tista’ tastjeni milli tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha meta l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li fiha l-interpretazzjoni tagħha u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Din il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta turi fid-dettall li l-qrati l-oħra tal-aħħar istanza tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja kienu jagħmlu l-istess interpretazzjoni, iżda jridu ikollha, skont evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-konvinzjoni li l-istess interpretazzjoni ovvja tingħata wkoll minn dawk il-qrati nazzjonali l-oħra u mill-Qorti tal-Ġustizzja.


(1)  Data tal-preżentata: 22.7.2022.