19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal da Relação de Évora – il-Portugall) – proċeduri kriminali kontra TL

(Kawża C-242/22 PPU) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Direttiva 2010/64/UE - Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni - Artikolu 2(1) u Artikolu 3(1) - Kunċett ta’ “dokument essenzjali” - Direttiva 2012/13/UE - Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali - Artikolu 3(1)(d) - Kamp ta’ applikazzjoni - Assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali - Effett dirett - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 47 u 48(2) - Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali - Artikolu 6 - Kundanna għal piena ta’ priġunerija sospiża b’miżuri ta’ probation - Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi riżultanti mill-miżura ta’ probation - Ommissjoni ta’ traduzzjoni ta’ dokument essenzjali u assenza ta’ interpretu fir-redazzjoni tiegħu - Revoka tas-sospensjoni - Assenza ta’ traduzzjoni tal-atti proċedurali relatati ma’ din ir-revoka - Konsegwenzi fuq il-validità tal-imsemmija revoka - Difett proċedurali ssanzjonat b’nullità relattiva)

(2022/C 359/13)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Relação de Évora

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

TL

fil-preżenza ta’: Ministério Público

Dispożittiv

L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, kif ukoll l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ksur tad-drittijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi għandu jiġi invokat mill-benefiċjarju ta’ dawn id-drittijiet f’terminu stabbilit taħt piena ta’ dekadenza, meta dan it-terminu jibda jiddekorri saħansitra qabel ma l-persuna kkonċernata tkun ġiet effettivament informata, b’lingwa li hija titkellem jew tifhem, minn naħa, bl-eżistenza u bil-portata tad-dritt tagħha għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni u, min-naħa l-oħra, bl-eżistenza u bil-kontenut tad-dokument essenzjali inkwistjoni kif ukoll bl-effetti marbuta miegħu.


(1)  ĠU C 257, 4.7.2022.