31.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – Franza) – Saint-Louis Sucre vs Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, SICA des betteraviers d’Etrepagny

(Kawża C-183/22 (1), Saint-Louis Sucre (Rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Regolament (UE) Nru 1308/2013 - Statuti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi - Artikolu 153(1)(b) - Regola ta’ appartenenza tal-membri f’organizzazzjoni waħda tal-produtturi - Portata - Artikolu 153(2)(c) - Kontroll demokratiku tal-organizzazzjoni tal-produtturi u tad-deċiżjonijiet meħuda fi ħdanha mill-membri produtturi - Kontroll eżerċitat minn persuna fuq ċerti membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi)

(2023/C 271/08)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Saint-Louis Sucre

Konvenuti: Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, SICA des betteraviers d’Etrepagny

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 153(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-rekwiżit ta’ appartenenza għal organizzazzjoni ta’ produtturi waħda jirrigwarda esklużivament il-membri tagħha li għandhom il-kwalità ta’ produtturi.

2)

L-Artikolu 153(2)(c) tar-Regolament Nru 1308/2013, kif emendat bir-Regolament 2017/2393,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jinkludux regoli li jippermettu lill-produtturi membri tagħha jikkontrollaw, b’mod demokratiku, l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet meħuda minn din tal-aħħar, hemm lok, għall-awtorità nazzjonali responsabbli għar-rikonoxximent ta’ din l-organizzazzjoni:

teżamina jekk persuna tikkontrollax ċerti membri tal-organizzazzjoni ta’ produtturi billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatt li din il-persuna għandha sehem fil-kapital azzjonarju tal-imsemmija membri, iżda wkoll meta din il-persuna għandha, magħhom, tipi oħra ta’ relazzjonijiet, bħal, fir-rigward ta’ membri mhux produtturi, l-affiljazzjoni tagħhom mal-istess konfederazzjoni sindakali jew, fir-rigward ta’ membri produtturi, l-eżerċizzju, minnhom, tar-responsabbiltajiet ta’ tmexxija fi ħdan tali konfederazzjoni;

wara li tkun ivverifikat li l-produtturi membri tal-organizzazzjoni ta’ produtturi għandhom maġġoranza tal-voti fi ħdan il-laqgħa ġenerali tal-organizzazzjoni, hija għandha teżamina wkoll jekk, fid-dawl tat-tqassim tal-voti bejn il-membri li ma humiex ikkontrollati minn persuni oħra, membru wieħed jew iktar mhux produtturi humiex, minħabba influwenza determinanti li jistgħu jeżerċitaw minħabba f’hekk, jistgħu jikkontrollaw, anki mingħajr maġġoranza, id-deċiżjonijiet meħuda mill-organizzazzjoni ta’ produtturi.


(1)  ĠU C 213, 30.5.2022.